Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0083

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill dwar proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom

/* COM/2015/083 final - 2010/0208 (COD) */

52015PC0083

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill dwar proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom /* COM/2015/083 final - 2010/0208 (COD) */


2010/0208 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill

dwar proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom

1.           Introduzzjoni

Il-punt (c) tal-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-emendi proposti mill-Parlament hawn taħt.

2.           Il-kuntest

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: || l-14 ta' Lulju 2010

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || id-9 ta' Diċembru 2010

Id-data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || il-5 ta' Lulju 2011

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || [*]

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill, l-ewwel qari**: || il-L-Erbgħa, 23 ta' Lulju 2014

Id-data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, it-tieni qari: || it-13 ta' Jannar 2015

*       Il-Kummissjoni ma ħejjietx proposta emendata iżda tat il-fehmiet tagħha dwar l-emendi tal-Parlament fil-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzjoni li ttieħdet dwar l-opinjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament fis-sessjoni parzjali ta' Lulju 2011" (id-dokument SP(2011)8072) li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-8 ta' Settembru 2011.

**     Il-Kummissjoni tat il-fehmiet tagħha dwar l-emendi tal-Kunsill fil-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fejn tidħol il-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OMĠ fit-territorju tagħhom" (id-dokument COM(2014) 570 final) li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-10 ta' Settembru 2014.

3.           L-iskop tal-proposta

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti li jikkonsistu jew ġejjin minn Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMĠ). Il-proċedura tal-awtorizzazzjoni tkopri l-użu tal-OMĠ għal skopijiet ta' ikel u għalf, l-ipproċessar industrijali u l-kultivazzjoni, u l-prodotti derivati minnhom għall-użu fl-ikel u fl-għalf.

Is-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea hi maħsuba biex tevita effetti ħżiena tal-OMĠ fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent filwaqt li tistabbilixxi suq intern għal dawn il-prodotti. Id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[1] u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[2] huma żewġ biċċiet leġiżlattivi li jipprovdu għall-awtorizzazzjoni qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-OMĠ. It-tnejn li huma jistabbilixxu standards ibbażati fuq ix-xjenza għall-valutazzjoni tar-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent kif ukoll ir-rekwiżiti tat-tikkettar. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003[3] jistipula regoli dwar it-traċċabbiltà u t-tikkettar tal-organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabbiltà tal-ikel u l-għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament.

F'Marzu 2009, il-Kunsill ma laqax il-proposti tal-Kummissjoni biex l-Awstrija u l-Ungerija jħassru l-miżuri ta' salvagwardja nazzjonali tagħhom, peress li, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), dawn ma kellhomx l-appoġġ xjentifiku meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Minħabba f'hekk, 13-il Stat Membru[4] talbu lill-Kummissjoni biex tħejji proposti biex l-Istati Membri jitħallew liberi jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ[5].

Sabiex tkun tista' titħaddem sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE għall-OMĠ, imsejsa fuq it-tagħrif xjentifiku, u fl-istess waqt l-Istati Membri jitħallew liberi jiddeċiedu jekk fit-territorju tagħhom jixtiqux jikkultivaw għelejjel modifikati ġenetikament jew le, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva f'Lulju 2010. Din tipprovdi bażi ġuridika fil-qafas legali tal-UE dwar l-OMĠ għall-Istati Membri biex fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu jkunu jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ li jkunu ġew awtorizzati fil-livell tal-UE. Dawk il-limitazzjonijiet jew il-projbizzjonijiet għandu jkollhom raġunijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-valutazzjoni tar-riskju fuq l-ambjent u s-saħħa li tkun għamlet is-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-UE.

4.           Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari

Fit-tieni qari, il-Parlament Ewropewivvota għal test konsolidat li fih għadd ta' emendi għat-test tal-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. It-test joħroġ min-negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni taċċetta l-emendi kollha li vvotata għalihom il-Parlament Ewropew.

[1]               ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

[2]               ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

[3]               ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

[4]               L-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u s-Slovenja.

[5]               Id-diskussjonijiet rispettivi saru fil-laqgħat tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu, tat-23 ta' Marzu u tal-25 ta' Ġunju 2009.

Top