Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0021

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasparenza f'arbitraġġ ibbażat fuq trattat bejn l-investituri u l-Istat

    /* COM/2015/021 final - 2015/0013 (NLE) */

    52015PC0021

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasparenza f'arbitraġġ ibbażat fuq trattat bejn l-investituri u l-Istat /* COM/2015/021 final - 2015/0013 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Tradizzjonalment, soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investituri u l-Istat kienet issir fuq il-bażi ta’ regoli tal-arbitraġġ kummerċjali, li ma jipprevedux it-trasparenza. Aktar trasparenza fis-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat huwa objettiv importanti, minħabba li l-għan tagħha huwa li jingħata aċċess massimu lill-pubbliku għad-dokumenti u s-seduti ta’ smigħ, kif ukoll li jippermetti lil partijiet terzi interessati jressqu sottomissjonijiet. Dan huwa importanti għaliex is-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-Investituri u l-Istat jistgħu jikkonċernaw tilwim li joħloq kwistjonijiet marbuta mal-politiki pubbliċi jew li jkollu impatt fuq il-finanzi pubbliċi.

    Sa mill-2010 il-Kummissjoni ffukat fuq li ttejjeb it-trasparenza fis-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat[1]. Dan intalab espliċitament mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-futur tal-Politika Ewropew tal-Investiment[2]. Fl-istess ħin li jiġi żgurat li ftehimiet futuri tal-UE jipprovdu livell għoli ta’ trasparenza, il-Kummissjoni kienet strumentali biex tħeġġeġ fil-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) għal regoli globali dwar it-trasparenza fis-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-Istat u biex jiġu żviluppati mekkaniżmi biex jiġu applikati dawn ir-regoli aħjar ta’ trasparenza fit-3 000 trattat dwar l-investiment eżistenti. Din il-proposta tissodisfa l-objettivi tal-politika stabbiliti fl-2010 u t-talba tal-Parlament Ewropew tal-2011, turi d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tirriforma u ttejjeb is-sistema kollha tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat u hija prova tanġibbli tal-benefiċċji ta’ politika esterna komuni tal-UE għall-investiment — riżultat bħal dan kien ikun improbabbli ħafna mingħajr din il-politika esterna komuni tal-UE għall-investiment.

    L-UNCITRAL adottat fl-10 ta’ Lulju 2013 regoli dwar it-trasparenza fis-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat (“ir-Regoli tat-Trasparenza”), li kienu mbagħad approvati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 2013[3]. Dawn jipprevedu li d-dokumenti kollha jsiru pubbliċi (kemm id-deċiżjonijiet tat-tribunal u s-sottomissjonijiet tal-partijiet), li s-seduti ta’ smigħ ikunu miftuħa għall-pubbliku u li l-partijiet interessati (is-soċjetà ċivili) tagħmel sottomissjonijiet lit-tribunal. Huma previsti protezzjonijiet xierqa għall-informazzjoni kunfidenzjali, iżda dawn ma jmorrux lil hinn mill-protezzjonijiet komparabbli fil-qrati domestiċi. L-Unjoni se tuża dawn ir-regoli bħala bażi għad-dispożizzjonijiet fuq it-trasparenza tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat fil-ftehimiet kollha li qed jiġu nnegozjati bħalissa u inkludihom, jew regoli koparabbli, u fil-fatt marret lil hinn minnhom, fl-abbozz tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) mal-Kanada u fl-abbozz tal-FTA bejn l-UE u Singapor.

    Ir-regoli saru effettivi fl-1 ta’ April 2014. Huma japplikaw awtomatikament fis-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat li tkun fuq il-bażi ta’ trattati konklużi wara l-1 ta’ April 2014 jekk fihom tkun saret referenza għar-regoli tal-Arbitraġġ tal-UNCITRAL. Fl-istess ħin, ir-Regoli tat-Trasparenza ma japplikawx għal trattati konklużi qabel dik id-data. Minħabba l-għadd kbir ħafna ta’ trattati ta’ investiment eżistenti konklużi qabel l-1 ta’ April 2014, huwa importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regoli tat-Trasparenza għal dawk il-ftehimiet. L-Unjoni Ewropea hija parti għal ftehim ta’ din ix-xorta — it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija — u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma partijiet għal madwar 1 400 ftehim bħal dan ma’ pajjiżi terzi.

    Bħala konsegwenza, flimkien ma' membri l-oħra tal-UNCITRAL, l-Unjoni stinkat għan-negozjar ta’ konvenzjoni multilaterali li tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regoli tat-Trasparenza tal-UNCITRAL għat-trattati ta’ investiment eżistenti. Fl-10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Konvenzjoni bħal din taħt l-awspiċi tal-UNCITRAL (il-Konvenzjoni) u l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni pparteċipat b’mod attiv fin-negozjati tal-Konvenzjoni. In-negozjati ġew konklużi fid-9 ta’ Lulju 2014 u l-Konvenzjoni ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 2014[4]. Il-Konvenzjoni se tiftaħ għall-iffirmar fis-17 ta’ Marzu 2015 f’Port Louis, il-Mawrizju u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

    Il-Konvenzjoni tapplika għat-trattati dwar l-investiment konklużi qabel l-1 ta’ April 2014 u tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti pajjiżi u organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali jiftiehmu bejniethom biex japplikaw ir-Regoli tat-Trasparenza tal-UNCITRAL f’tilwim kopert minn trattati dwar l-investiment li għalih ikunu partijiet. Tippermetti li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jaderixxu għall-Konvenzjoni u japplikaw ir-Regoli tat-Trasparenza għat-trattati ta’ investiment eżistenti tagħhom. Meta tiffirma l-Konvenzjoni, l-Unjoni Ewropea tista’ ssir parti għall-Konvenzjoni fir-rigward tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Istati Membri jistgħu ssiru parti għall-Konvenzjoni fir-rigward ta’ ftehimiet eżistenti tagħhom. Il-Konvenzjoni tipprevedi approċċ ta' lista negattiva, jiġifieri, ir-Regoli tat-Trasparenza se japplikaw sakemm firmatarju ma jelenkax ftehimiet partikolari bħal mhux soġġetti għall-Konvenzjoni billi jagħmel riżerva skont l-Artikolu 3.

    Fir-rigward tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, l-Unjoni Ewropea ssir parti għall-Konvenzjoni sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regoli tat-Trasparenza għat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat skont it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija fejn l-Unjoni tkun konvenut u r-rikorrent ikun Stat mhux tal-UE li ma tkunx eskluża l-applikazzjoni tal-konvenzjoni għal tilwim li jinqala’ taħt it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija.

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 207 u l-Artikoli 63 sa 66, flimkien mal-Artikolu 3(2), il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-qasam ta’ investimenti barranin hija parti mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tadottaw atti legalment vinkolanti fil-qasam tal-investiment barrani tkopri l-kwistjonijiet kollha relatati mal-investiment barrani (investiment barrani dirett u investiment ta’ portafoll), inklużi kwistjonijiet relatati mas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment.

    Bħala riżultat ta’ dan, iż-żamma fis-seħħ ta’ trattati ta’ investiment bilaterali ffirmati mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi qabel l-1 ta’ Diċembru 2009 ġie awtorizzat skont l- Artikolu 3 tar- Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-12 ta’ Diċembru 2012[5] u l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ trattati bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi wara l-1 ta’ Diċembru 2009 iridu jkunu awtorizzati skont l-Artikoli 11 jew 12 tar-Regolament (UE) Nru 1219/2012. L-iffirmar u l-konklużjoni ta' din il-Konvenzjoni wkoll jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewroprea u, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw atti legali vinkolanti f'dan il-qasam jekk ikunu awtorizzati jagħmlu dan mill-Unjoni biss. Għalhekk, l-Unjoni għandha tawtorizza lill-Istati Membri jsiru partijiet għall-Konvenzjoni biex tippermettulhom jestendu l-applikazzjoni tar-Regoli tat-Trasparenza għall-ftehimiet bilaterali ta’ investiment tagħhom ma’ pajjiżi mhux tal-UE konklużi qabel l-1 ta’ April 2014 u li jinżammu fis-seħħ skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1219/2012. Din l-awtorizzazzjoni tkopri wkoll l-Istati Membri meta jaġixxu bħala konvenuti skont it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija fir-rigward ta’ kawżi mressqa minn investituri mhux mill-UE[6]. Il-Kummissjoni, konsistentament mal-objettiv li żżid it-trasparenza s-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat tqis li l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-applikazzjoni tar-Regoli tat-Trasparenza għat-Trattati kollha msemmija hawn fuq, jiġifieri billi jirratifikaw il-Konvenzjoni mingħajr ma jeliminaw l-applikazzjoni tagħha għal xi wieħed minnhom.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni qed tippjana li tipprovdi fondi għall-websajt fejn se jiġu pprovduti d-dokumenti kollha soġġetti għar-Regoli tat-Trasparenza.

    Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tissottometti proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-Unjoni Ewropea u dwar l-għoti tas-setgħa lill-Istati Membri biex jaderixxu mal-Konvenzjoni individwalment.

    B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tissottometti proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' din il-Konvenzjoni.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Il-Konvenzjoni tal-UNCITRAL dwar it-trasparenza f'arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat ibbażati fuq xi trattat tippermetti l-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza. Osservaturi u s-soċjetà ċivili ħadu sehem fin-negozjati tal-Konvenzjoni. Dawn kellhom l-opportunità jagħtu l-fehmiet tagħhom.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-1 subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu, il-Kummissjoni qed tissottometti proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konvenzjoni tal-Liġi Kummerċjali Internazzjonali dwar it-trasparenza bbażata fuq xi trattat ta' arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat.

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1), din il-proposta tinkludi wkoll l-għoti tas-setgħa tal-Istati Membri biex jiffirmaw il-Konvenzjoni tal-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasparenza bbażata fuq xi trattat ta' arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Ma hemmx implikazzjonijiet baġitarji.

    2015/0013 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasparenza f'arbitraġġ ibbażat fuq trattat bejn l-investituri u l-Istat

    IL-KUNSILL TA L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 207(4), l-1 sottoparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment barrani dirett ġie inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Għal dan il-għan, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE.

    (2)       B’żieda ma’ dan, il-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE jistipula regoli komuni dwar il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-movimenti ta’ kapital li jinvolvu investiment. Dawk ir-regoli jistgħu jiġu affettwati minn ftehimiet internazzjonali relatati mal-investiment barrani konklużi mill-Istati Membri ma' pajjiżi terzi.

    (3)       Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja konvenzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tat-trasparenza għas-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL).

    (4)       In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fid-9 ta’ Lulju 2014 bl-adozzjoni tat-test tal-Konvenzjoni mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali u l-Konvenzjoni se tkun miftuħa għall-iffirmar fis-17 ta' ta’ Marzu 2015 f’Port Louis, il-Mawrizju u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

    (5)       Tkun ħaġa tajba li r-regoli dwar it-trasparenza japplikaw għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat kull meta dan ikun possibbli. Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli tat-trasparenza għandhom japplikaw għat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija. Tkun ħaġa tajba li l-Istati Membri jiffirmaw il-Konvenzjoni, u japplikawha għat-trattati ta’ investiment bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi.

    (6)       Il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jiffirmaw il-Konvenzjoni u japplikaha għat-trattati ta’ investiment bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi kif ukoll għal tilwimiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija ma’ investituri minn pajjiżi terzi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tiffirma, f'isem l-Unjoni, il-Konvezjoni dwar it-trasparenza fl-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat ibbażat fuq trattati elaborata taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ.

    It-test tal-Konvenzjoni li se jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom is-setgħa li individwalment jiffirmaw l-Konvenzjoni fir-rigward tal-ftehimiet ta’ investiment bilaterali tagħhom ma’ pajjiżi terzi u huma awtorizzati bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 u fir-rigward tal-applikazzjoni possibbli tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija f’tilwim bejn l-Istati Membri u investituri minn pajjiżi terzi kif previst fil-kuntest tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija[7].

    Artikolu 3

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i) indikata/i min-negozjatur tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ […].

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew (COM(2010) 343); Għall-impenn tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza, paġna 10.

    [2]               Rapport dwar il-politika Ewropea futura għall-Investiment Internazzjonali (A7-0070/2011), paragrafu 31.

    [3]               Ir-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta’ Diċembru 2013, it-Tmienja u sittin sessjoni.

    [4]               Riżoluzzjoni A/RES/69/116.

    [5]               Ir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40).

    [6]               Ara d-dikjarazzjoni ppreżentata mill-Komunitajiet Ewropej lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija skont l-Artikolu 26(3)(b)(ii) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ĠU L 69, 9.3.98, p. 115).

    [7]               Ara d-Dikjarazzjoni sottomessa mill-Komunitajiet Ewropej lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija skont l-Artikolu 26(3)(b)(ii) tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (ĠU L 69, 9.3.98, p. 115).

    ANNESS

    Konvenzjoni dwar it-trasparenza f'arbitraġġ abbażi ta' trattat bejn l-investituri u l-Istat

    Preambolu

    Il-Partijiet f'din il-Konvenzjoni,

    Jirrikonoxxu l-valur tal-arbitraġġ bħala metodu ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jista' jinqala' fil-kuntest ta’ relazzjonijiet internazzjonali, u l-użu estensiv u fuq firxa wiesgħa tal-arbitraġġ għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat,

    Jirrikonoxxu wkoll il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fis-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat biex jitqies l-interess pubbliku involut f’tali arbitraġġ,

    Jemmnu li r-Regoli tat-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat, ibbażat fuq Trattat, adottatati mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali fil-11 ta’ Lulju 2013 (“Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza”), b’effett mill-1 ta’ April 2014, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-istabbiliment ta’ qafas legali armonizzat għal soluzzjoni ġusta u effiċjenti tat-tilwim dwar investiment barrani,

    Jinnutaw l-għadd kbir ta’ trattati diġà fis-seħħ li jipprovdu għall-protezzjoni tal-investimenti jew l-investituri u l-importanza prattika tal-promozzjoni tal-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza fl-arbitraġġ skont dawk it-trattati dwar l-investiment li huma diġà konklużi,

    Jinnutaw ukoll l-Artikolu 1(2) u (9) tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza,

    Ftehmu dan li ġej:

    Il-Kamp ta' applikazzjoni

    Artikolu 1

    1.           Din il-Konvenzjoni tapplika għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li jsiru fuq il-bażi ta’ trattat tal-investiment konkluż qabel l-1 ta’ April 2014 (“arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat”).

    2.           It-terminu “trattat ta' investiment” tfisser trattat bilaterali jew multilaterali, inkluż kwalunkwe trattat magħruf b’mod komuni bħala ftehim ta’ kummerċ ħieles, ftehim ta' integrazzjoni ekonomika, qafas ta' kummerċ u investiment jew ftehim ta’ kooperazzjoni, jew trattat bilaterali ta’ investiment, li fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ investimenti jew l-investituri u dritt għall-investituri biex jirrikorru għall-arbitraġġ kontra partijiet kontraenti f'dak it-trattat ta’ investiment.

    L-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza

    L-Artikolu 2

    Applikazzjoni bilaterali jew multilaterali

    1.           Ir-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza japplikaw għal kwalunkwe arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat, kemm jekk mibdi taħt ir-Regoli UNCITRAL tal-Arbitraġġ, fejn il-konvenut ikun Parti fihom li ma jkunx għamel riżerva rilevanti skont l-Artikolu 3(1)(a) jew (b), u r-rikorrent ikun Stat li huwa Parti li ma jkunx għamel riżerva rilevanti skont l-Artikolu 3(1)(a).

    Offerta unilaterali ta’ applikazzjoni

    2.           Meta r-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza ma japplikawx skont il-paragrafu 1, ir-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza għandhom japplikaw għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat, kemm jekk mibdi skont ir-Regoli UNCITRAL tal-arbitraġġ, fejn il-konvenut ikun Parti fihom li ma jkunx għamel riżerva rilevanti għal dak l-arbitraġġ bejn l-investitur u l-Istat skont l-Artikolu 3(1), u r-rikorrent jaqbel mal-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza.

    Verżjoni applikabbli tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza

    3.           Meta r-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza japplikaw skont il-paragrafu 1 jew 2, tapplika l-verżjoni l-aktar riċenti ta’ dawn ir-Regoli li l-konvenut ma jkunx għamel riżerva għalihom skont l-Artikolu 3(2).

    L-Artikolu 1(7) tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza

    4.           L-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(7) tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza ma tapplikax għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat skont il-paragrafu 1.

    Id-dispożizzjoni tan-nazzjon l-aktar iffavorit fi trattat ta' investiment

    5.           Il-Partijiet f'din il-Konvenzjoni jaqblu li rikorrent ma jistax jinvoka dispożizzjoni tan-nazzjon l-aktar iffavorit biex jipprova japplika, jew jevita l-applikazzjoni, tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza skont din il-Konvenzjoni.

    Ir-riżervi

    L-Artikolu 3

    1.           Parti tista’ tiddikjara li:

    (a)     Mhijiex se tapplika din il-Konvenzjoni għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat skont trattat speċifiku ta’ investiment, identifikat bit-titolu u l-isem tal-partijiet kontraenti għal dak it-trattat ta’ investiment;

    (b)     L-Artikolu 2(1) u (2) ma japplikax għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat li jsir bl-użu ta’ sett speċifiku ta’ regoli jew proċeduri ta’ arbitraġġ li ma jkunux ir-Regoli UNCITRAL tal-Arbitraġġ, u li tkun il-konvenut fihom;

    (c)     L-Artikolu 2(2) ma japplikax f’arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat li tkun il-konvenut fih.

    2.           F’każ ta’ reviżjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza, Parti tista’, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ tali reviżjoni, tiddikjara li ma tapplikax dik il-verżjoni riveduta tar-Regoli.

    3.           Il-partijiet jistgħu jagħmlu riżervi multipli fi strument uniku. F’tali strument, kull dikjarazzjoni li ssir:

    (a)     Fir-rigward ta’ trattat ta' investiment speċifiku skont il-paragrafu (1)(a);

    (b)     Fir-rigward ta’ sett speċifiku ta’ regoli jew proċeduri ta’ arbitraġġ skont il-paragrafu (1)(b);

    (c)     Skont il-paragrafu (1)(c); jew

    (d)     Skont il-paragrafu (2);

    jikkostitwixxu riżerva separata li tista' tiġi rtirata separatament skont l-Artikolu 4(6).

    4.           Mhi permessa l-ebda riżerva ħlief dawk espressament awtorizzati f’dan l-Artikolu.

    Il-formulazzjoni ta’ riżerva

    L-Artikolu 4

    1.           Jistgħu jsiru riżervi minn Parti fi kwalunkwe ħin, ħlief għal riżerva skont l-Artikolu 3(2).

    2.           Riżervi li jsiru fil-mument tal-firma jkunu soġġetti għall-konferma, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mar-ratifika. Tali riżervi jibda jkollhhom effett fl-istess ħin mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Parti konċernata.

    3.           Ir-riżervi li jsiru fil-ħin tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew l-adeżjoni għalihom ikollhom effett fl-istess ħin mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Part konċernata.

    4.           Ħlief għal riżerva li ssir minn waħda mill-partijiet skont l-Artikolu 3(2), li tidħol fis-seħħ minnufih malli tiġi depożitata, riżerva depożitata wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti tidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara d-data tad-depożitu tagħha.

    5.           Ir-riżervi u l-konfermi tagħhom jiġu depożitati għand id-depożitarju.

    6.           Kwalunkwe Parti li tagħmel riżerva skont din il-Konvenzjoni tista’ tirtiraha f'kwalunkwe ħin. Dan l-irtirar jiġi depożitat għand id-depożitarju u jidħol fis-seħħ mad-depożitu.

    L-applikazzjoni għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-istat

    L-Artikolu 5

    Din il-Konvenzjoni u kwalunkwe riżerva, jew irtirar ta’ riżerva, japplika biss għall-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat li jkunu bdew wara d-data meta l-Konvenzjoni, ir-riżerva, jew l-irtirar ta’ riżerva, tidħol fis-seħħ jew ikollha effett fir-rigward ta’ kull Parti konċernata.

    Id-depożitarju

    L-Artikolu 6

    Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa hawnhekk innominat bħala d-depożitarju ta' dan il-Ftehim.

    Il-Firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, l-adeżjoni

    L-Artikolu 7

    1.           Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar f’Port Louis, il-Mawrizju, fis-17 ta’ Marzu 2015, u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York minn kwalunkwe (a) Stat; jew (b) organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li hija kostitwita minn Stati u hija parti kontraenti għal trattat ta' investiment.

    2.           Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-Istati firmatarji għal din il-Konvenzjoni.

    3.           Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni tal-Istati kollha jew l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali msemmija fil-paragrafu 1 li ma jkunux firmatarji fid-data li tinfetaħ għall-iffirmar.

    4.           L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jiġu ddepożitati mad-depożitarju.

    Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika

    L-Artikolu 8

    1.           Meta tkun qed tiddepożita strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika tinforma lid-depożitarju dwar trattat ta' investiment speċifiku li hija parti kontraenti fih, identifikat bit-titolu u l-isem tal-partijiet kontraenti għal dak it-trattat ta’ investiment.

    2.           Meta l-għadd ta’ Partijiet ikun rilevanti f’din il-Konvenzjoni, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma tgħoddx bħala Parti flimkien mal-Istati Membri tagħha li jkunu Partijiet.

    Id-dħul fis-seħħ

    L-Artikolu 9

    1.           Din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tad-depożitu tat-tielet strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

    2.           Meta Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika li tirratifika, taċċetta, tapprova jew taderixxi ma' din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tat-tielet strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dak l-Istat jew l-organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika sitt xhur wara d-data mid-depożitu tal-istrument tagħha tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni.

    L-Emendi

    L-Artikolu 10

    1.           Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi xi emenda għal din il-Konvenzjoni billi tibgħatha lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Hekk kif isir dan is-Segretarju-Ġenerali jikkomunika l-emenda proposta lill-Partijiet għal din il-Konvenzjoni, b’talba biex dawn jindikaw jekk humiex favur konferenza tal-Partijiet bl-iskop li jikkunsidraw u jivvutaw dwar il-proposta. F’każ li, fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ tali komunikazzjoni, mill-inqas terz tal-Partijiet ikunu favur tali konferenza, is-Segretarju-Ġenerali jsejjaħ il-konferenza taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2.           Il-Konferenza tal-Partijiet tagħmel kull sforz biex jintlaħaq kunsens dwar kull emenda. Jekk l-isforzi kollha għall-konsensus ikunu eżawriti u ma jintlaħaq l-ebda kunsens, l-emenda, bħala l-aħħar rimedju, tkun teħtieġ għall-adozzjoni tagħha maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw waqt il-konferenza.

    3.           L-emenda adottata tiġi sottomessa mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet kollha għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

    4.           Emenda adottata tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tad-depożitu tat-tielet strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. Meta emenda tidħol fis-seħħ, din tkun vinkolanti fuq dawk il-Partijiet li esprimew il-kunsens li jkunu marbuta biha.

    5.           Meta Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw emenda li tkun diġà daħlet fis-seħħ, l-emenda tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat jew dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika sitt xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

    6.           Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li ssir Parti mill-Konvenzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda titqies bħala Parti mill-Konvenzjoni kif emendata.

    Id-denunzja ta’ din il-Konvenzjoni

    L-Artikolu 11

    1.           Parti tista’ tiddenunzja din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika formali indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja tidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara li n-notifika tasal għand id-depożitarju.

    2.           Din il-Konvenzjoni tkompli tapplika għall-arbitraġġi bejn l-investituri u l-Istat li jkunu bdew qabel ma d-denunzja tidħol fis-seħħ.

    MAGĦMUL f’kopja waħda oriġinali, li t-testi tagħha bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi.

    B’XHIEDA TA’ DAN il-plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati, li huma debitament awtorizzati għal dan il-għan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

    Top