IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2015
JOIN(2015) 12 final
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Ir-rapport annwali tal-2014
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015JC0012
JOINT REPORT TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Hong Kong Special Administrative Region: Annual Report 2014
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Ir-rapport annwali tal-2014
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Ir-rapport annwali tal-2014
/* JOIN/2015/0012 final */
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2015
JOIN(2015) 12 final
RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Ir-rapport annwali tal-2014
Sommarju
Sa minn meta Hong Kong għadda għand ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-1997, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha segwew mill-qrib l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (Special Administrative Region, SAR) skont il-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". F'konformità mal-impenn li ngħata lill-Parlament Ewropew fl-1997, jinħareġ rapport annwali dwar l-iżviluppi f'Hong Kong. Dan huwa s-17-il rapport, u jkopri l-iżviluppi tal-2014. L-UE taderixxi mal-politika ta’ "Ċina Waħda" u tappoġġa l-prinċipju ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu.
L-UE temmen li, minkejja l-isfidi, il-kunċett ta’ "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kompla jaħdem sew fl-2014 għall-benefiċċju ta' Hong Kong, taċ-Ċina kollha kemm hi u tal-komunità internazzjonali.
Il-ġudikatura kompliet turi l-indipendenza u l-aderenza konsistenti tagħha ma' dan il-proċess. Matul il-kampanja kbira ta’ diżubbidjenza ċivili, l-istat tad-dritt baqa’ il-prinċipju gwida għall-gvern, għall-atturi ekonomiċi u għall-popolazzjoni inġenerali. L-azzjoni ta' kontra l-korruzzjoni baqgħet b’saħħitha, kif muri permezz tal-kundanna ta’ żewġ personalitajiet ta’ profil għoli u mill-indikaturi ta’ governanza tajba pożittivi. Apparti żewġ inċidenti, l-imġiba tal-pulizija kienet professjonali waqt il-protesti fit-triq favur id-demokrazija li damu tliet xhur, u l-użu tal-forza kien proporzjonat. Il-libertà tal-midja kompliet tiġi rrispetata, anke jekk l-attakki fuq ir-rappreżentanti tal-midja kienu kawża ta' tħassib li kompla jiżdied. Is-sistema ekonomika tas-suq ħieles baqgħet tiffunzjona b’mod effiċjenti, u Hong Kong baqa' ċentru kummerċjali internazzjonali kompetittiv kif ukoll iċ-ċentru ewlieni kummerċjali għaċ-Ċina kontinentali.
Hong Kong jinsab fi stadju kruċjali tal-iżvilupp demokratiku tiegħu, bi protesti bla preċedent u b'dibattiti aktar polarizzati u intensi, li jesponu kemm firdiet politiċi kif ukoll soċjoekonomiċi. L-UE tikkonferma l-impenn tagħha għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni f’Hong Kong.
L-UE, bħala parti interessata fil-futur ta' Hong Kong u f’konformità mal-Liġi Bażika, tappoġġa l-introduzzjoni tal-vot universali sabiex jiġi elett il-Kap Eżekuttiv fl-2017 u l-Kunsill Leġiżlattiv sal-2020. L-UE tappoġġa x-xewqa tal-poplu ta' Hong Kong għal livell għoli ta’ parteċipazzjoni politika u għażla ġenwina fl-elezzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-2017, u minn hawn 'l quddiem. Gvern responsabbli jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-prosperità, jgħin sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u jservi sabiex il-pożizzjoni u l-kompetittività ta’ Hong Kong bħala ċentru kummerċjali internazzjonali ewlenin jiġu sostnuti. Il-vot universali jagħti lill-gvern appoġġ pubbliku akbar u leġittimità sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi ta’ Hong Kong u sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali.
L-UE tittama li permezz ta’ diskussjoni kostruttiva, Hong Kong ikun jista' jilħaq qbil f’waqtu dwar sistema elettorali li hija demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti. Wara dan, l-UE tittama wkoll li l-proċess sabiex jiġi introdott il-vot universali ħalli jiġu eletti l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv fl-2020 jinbeda mingħajr dewmien.
Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ sovranità, l-UE hija lesta li tikkoopera dwar kwistjonijiet relatati mar-riforma elettorali, inklużi l-iskambju interparlamentari u l-iskambju ta’ esperjenza prattika dwar l-iżvilupp demokratiku.
Żviluppi politiċi
L-introduzzjoni ta’ vot universali sabiex jiġi elett il-Kap Eżekuttiv fl-2017 għadha l-kwistjoni domestika ewleninja ta' Hong Kong. Skont il-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, il-Kap Eżekuttiv u l-Kunsill Leġiżlattiv iridu jsegwu proċedura kostituzzjonali b’ħames stadji. Il-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ħa l-ewwel pass fil-15 ta’ Lulju 2014, meta l-Kap Eżekuttiv Leung Chun-ying ppreżenta rapport lill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina (NPCSC), li jipproponi li tiġi rriformata s-sistema sabiex jiġi elett il-Kap Eżekuttiv. Il-proposta kienet ibbażata fuq konsultazzjoni pubblika li damet għaddejja ħames xhur u li rriżultat f’ 124 700 proposta bil-miktub.
Skont ir-rapport tal-Kap Eżekuttiv, il-kwistjoni ewlenija għal dibattitu kienet in-nomina tal-kandidati. Dan ppropona li l-kandidati jiġu nnominati minn kumitat nominattiv ta' 1 200 ruħ, kif stipulat fil-Liġi Bażika. Irrifjuta l-idea ta’ nomina ta' partit ċiviku jew politiku rrakkomandata mill-partiti pandemokratiċi tal-oppożizzjoni, li sostnew li nomina minn kumitat ma tilħaqx l-istandards demokratiċi u effettivament teskludi l-kandidati pandemokratiċi.
Wara konsultazzjoni pubblika, il-grupp tas-soċjetà ċivili “Occupy Central with Love and Peace” organizza referendum mhux uffiċjali bejn l-20 u d-29 ta’ Ġunju. Kważi 800 000 persuna vvutaw, ferm aktar milli mistenni, bil-maġġoranza kbira li tappoġġa n-nomina tal-kandidati minn partit ċiviku u politiku. F’Awwissu, il-grupp tas-soċjetà ċivili favur il-gvern "Alliance for Peace and Democracy" ġabar 1,5 miljun firma kontra l-kampanja "Occupy Central" u favur il-linja li ħa l-gvern; mal-firmatarji kien hemm il-Kap Eżekuttiv Leung Chun-ying u uffiċjali għolja oħra.
Id-dibattitu kompla jiħrax bil-pubblikazzjoni fl-10 ta’ Ġunju 2014 ta’ white paper mill-Kunsill tal-Istat taċ-Ċina bit-titolu "Kif taħdem il-Politika ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong". Il-white paper enfasizzat li l-livell għoli ta’ awtonomija ta’ Hong Kong kienet taqa' taħt l-awtorità tal-gvern ċentrali, li kellu setgħat komprensivi biex jiggverna r-Reġjun Amministrattiv Speċjali, u speċifikat il-ħtieġa li s-sovranità, is-sigurtà u l-interessi ta’ żvilupp taċ-Ċina jiġu ssalvagwardjati. Il-white paper stipulat ukoll li "l-imħabba għall-pajjiż" kienet rekwiżit politiku bażiku għall-amministraturi ta' Hong Kong, inklużi l-imħallfin u persunal ġudizzjarju ieħor. Filwaqt li rappreżentanti tal-gvern ċentrali saħqu li l-white paper indikat biss is-sitwazzjoni eżistenti u ma tikkostitwixxix politika ġdida, ħafna f’Hong Kong raw id-dokument bħala tentattiv sabiex jitnaqqas "il-livell għoli ta’ awtonomija" ta' Hong Kong u sabiex tiġi mminata l-indipendenza tal-ġudikatura ta’ Hong Kong.
Fil-31 ta’ Awwissu 2014, il-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu (Standing Committee of the National People's Congress, NPCSC) unanimament iddeċieda dwar il-qafas għall-ewwel elezzjoni ta' Kap Eżekuttiv f'Hong Kong fl-2017, skont il-prinċipju "persuna waħda, vot wieħed". Skont il-qafas, huma biss tnejn jew tlieta l-kandidati, li jistgħu joħorġu għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv, dawk li jirċievu mill-anqas 601 vot mill-kumitat nominattiv magħmul minn 1 200 ruħ. Il-kumitat nominattiv innifsu, ibbażat fuq il-mudell tal-kumitat elettorali attwali, se jkun maqsum f’erba’ setturi u l-membri tiegħu jintgħażlu minn madwar 250 000 votant individwali u minn kumpaniji.
Id-deċiżjoni tal-NPCSC kienet ġeneralment meqjusa bħala aktar restrittiva milli kien mistenni, u skont il-gruppi tal-oppożizzjoni mingħajr l-ebda bażi. Il-Kamra tal-Avukati ta' Hong Kong iddeskrivietha bħala "restrittiva mingħajr ġustifikazzjoni." Il-gvern u l-President tal-Kunsill Leġislattiv argumentaw li d-deċiżjoni tal-NPCSC kien għad fadlilha ħafna oqsma ta' flessibilità li setgħu jiġu sfruttati sabiex jiġi msaħħaħ il-karattru demokratiku tas-sistema elettorali.
L-aktar reazzjoni sinifikanti għad-deċiżjoni tal-NPCSC kienet kampanja minn diversi għaqdiet tal-istudenti u attivisti oħra favur id-demokrazija li bdiet f’Settembru. Mis-27 ta’ Settembru, xi attivisti mblukkaw l-arterji ewlenin tat-traffiku f’Hong Kong u d-dimostranti dawwru l-binjiet tal-leġiżlatura u l-binjiet ewlenin tal-gvern. Fit-28 ta’ Settembru, l-użu mill-pulizija tal-gass tad-dmugħ fuq skala li kienet meqjusa sproporzjonata, xpruna l-ħruġ massiv tad-dimostranti, li fl-aqwa tiegħu kien stmat li laħaq il-100 000 persuna. Minkejja inċidenti iżolati ta’ vjolenza, id-dimostranti kienu fil-biċċa l-kbira paċifiċi u l-użu tal-forza mill-pulizija kien minimu. Id-dimostrazzjonijiet gradwalment naqsu minħabba d-diżapprovazzjoni pubblika li dejjem kienet qed tiżdied. Wara deċiżjonijiet mill-qorti, il-kontrolli fit-toroq gradwalment tneħħew, l-aħħar waħda fil-15 ta’ Diċembru.
Il-Gvern dam biex jinvolvi ruħu mad-dimostranti u biex jipprova jilħaq kompromess. Matul id-dimostrazzjonijiet, bosta mexxejja internazzjonali, inkluż is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron u r-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton ħarġu dikjarazzjoni li ħeġġew biex iż-żewġ naħat joqogħdu lura u jfittxu li jsolvu b’mod paċifiku l-kriżi politika.
Id-dimostrazzjonijiet, filwaqt li fl-oriġini tagħhom kienu politiċi, kixfu oġġezzjonijiet soċjoekonomiċi importanti. Dawn l-oġġezzjonijiet kienu bbażati fuq kwistjonijiet ta’ għajxien u fuq is-sens, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li huma ġew imċaħħda ekonomikament minn sistema politika maħsuba li tiffavorixxi l-interessi tal-ogħla klassi tan-negozju, li l-interess ewlieni tagħha huwa li jinżammu relazzjonijiet tajbin mal-gvern ċentrali.
Riċerka akkademika uriet li ż-żgħażagħ f’Hong Kong jidentifikaw ruħhom b’mod qawwi ma’ Hong Kong aktar milli maċ-Ċina kollha kemm hi, u huma jibżgħu li ċ-Ċina qed tindaħal fl-istat tad-dritt, fid-drittijiet u fil-libertajiet ta' Hong Kong. Fis-7 ta’ Jannar 2015, il-gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong ippubblika rapport, li mhux parti mill-"proċedura f'ħames stadji", li rrifletta l-opinjonijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies fil-perjodu mill-31 ta’ Awwissu sal-15 ta’ Diċembru 2014. Ir-rapport kien konċessjoni tal-gvern lid-dimostranti żgħażagħ, iżda huma kkritikaw lill-gvern talli naqas milli jindirizza t-tħassib ewlieni tagħhom.
Il-Kunsill Leġiżlattiv
Fl-2014, kien hemm dejjem aktar tensjoni fir-relazzjonijiet ta' bejn l-eżekuttiv u l-leġiżlatura, bil-leġiżlaturi tal-oppożizzjoni jwettqu kampanja ta' nonkooperazzjoni u jużaw tattiċi ostruzzjonisti li jdewmu l-inizjattivi tal-gvern. F’diversi okkażjonijiet, il-President tal-Kunsill Leġiżlattiv eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex itemm id-dibattiti; f’kontestazzjoni legali għal dan, il-qorti qatgħetha favur il-President. Id-dibattiti leġiżlattivi tal-Kunsill setgħu jibbenefikaw minn regoli bil-miktub aktar ċari dwar kif għandhom jitmexxew id-dibattiti.
F’April, il-President tal-Kunsill Leġiżlattiv mexxa delegazzjoni tal-leġiżlaturi f'Shanghai sabiex jiltaqagħu ma' uffiċjali għolja tal-gvern ċentrali u jiddiskutu r-riforma leġiżlattiva. F’Ġunju u Novembru, xi dimostranti radikali attakkaw il-kumpless tal-Kunsill Leġiżlattiv ta’ Hong Kong u kkawżaw feriti lill-uħud mill-persunal tal-Kunsill Leġiżlattiv kif ukoll danni lil xi partijiet mill-kumpless.
L-istat tad-dritt u l-ġudikatura
L-istat tad-dritt kien ġeneralment irrispettat u l-ġudikatura żammet l-istandards għoljin tagħha fl-2014. F’diversi okkażjonijiet, il-partijiet irrikorrew għal deċiżjonijiet mill-qrati, b’implikazzjonijiet politiċi sinifikanti, iżda l-qrati komplew jiffunzjonaw b’mod imparzjali u professjonali u ma kinux influwenzati minn fatturi estranji jew minn kunsiderazzjonijiet politiċi. Xi eżempji ta’ profil għoli kienu jinkludu diversi inġunzjonijiet tal-qorti mitluba minn operaturi ekonomiċi li rnexxielhom jikkuntestaw il-legalità tal-imblokki fit-toroq matul id-dimostrazzjonijiet ta' bejn Settembru u Diċembru. Il-qrati segwew il-passi proċedurali korretti — kien hemm aċċess ugwali għall-qorti miż-żewġ partijiet, ingħatat għajnuna legali, il-proċedimenti kienu pubbliċi, u d-deċiżjoni mill-qorti ġiet ippubblikata u rrispettata. Il-kundanni fuq akkużi ta’ korruzzjoni ta' segretarju ewlieni preċedenti tal-gvern u ta’ negozjant kbir tal-proprjetà immobbli, li t-tnejn li huma baqgħu l-ħabs sakemm instemgħu l-appelli tagħhom, huma xhieda tal-imparzjalità tal-ġudikatura ta’ Hong Kong.
Ir-Rapport tal-Kompetittività Ekonomika Globali għall-2014 u l2015 tal-Forum Ekonomiku Dinji kklassifika lil Hong Kong il-ħames fost il-144 ġurisdizzjoni, u l-ewwel fl-Asja għall-imparzjalità ġudizzjarja. Xi kwistjonijiet għad iridu jiġu solvuti, bħalma huma d-diffikultajiet biex jiġu rreklutati mħallfin, in-nuqqas ta’ persunal ta’ appoġġ fil-qrati u l-livell baxx ta’ tariffi mħallsa lil avukati f’każijiet ta’ għajnuna legali, speċjalment f'każijiet kriminali. Sabiex Hong Kong jibqa' bil-kredenzjali demokratiċi huwa importanti li jinżammu l-imparzjalità ġudizzjarja u r-rispett totali għal-istat tad-dritt, il-pożizzjoni tiegħu bħala ċentru tal-kummerċ internazzjonali u r-rwol li dejjem qed jikber ta' ċentru internazzjonali tal-arbitraġġ u l-medjazzjoni.
Infurzar tal-liġi
L-ordni pubbliku f’Hong Kong b'mod ġenerali tjieb fl-2014, bi tnaqqis ta' 7,1 fil-mija fin-numru ta’ reati meta mqabbla mal-2013, skont il-Kummissarju tal-Pulizija Andy Tsang. Ir-rata tal-kriminalità kompliet tinżel — minn 72 911-il każ għal 67 740 każ, l-iktar ċifra baxxa sa mill-1997.
Matul il-perjodu ta’ diżubbidjenza ċivili, l-operat tal-pulizija baqa' jkun ferm trasparenti u, ħlief għal xi eċċezzjonijiet partikolari, l-aġir tal-pulizija kien professjonali u l-użu tal-forza proporzjonat. L-eċċezzjonijiet inkludew l-użu eċċessiv tal-gass tad-dmugħ fit-28 ta’ Settembru u s-swat ta' dimostrant minn seba’ uffiċjali tal-pulizija fil-15 ta’ Ottubru, inċident li nqabad minn stazzjon televiżiv lokali. Il-proċess ta’ seba’ uffiċjali tal-pulizija għadu għaddej.
Matul il-perjodu ta’ protesta b'kollox inżammu 955 persuna għal reati differenti. Il-pulizija mmirat li tlesti l-investigazzjonijiet kollha fi żmien tliet xhur. Sa issa, mat-30 mexxej tad-dimostranti ġew arrestati u mbagħad rilaxxati sakemm issir l-investigazzjoni.
L-Uffiċċju tal-Ilmenti kontra l-Pulizija rċieva 1 972 ilment, li minnhom 106 biss instabu aċċettabbli (l-ilmenti l-oħra l-biċċa l-kbira tagħhom ġew ippreżentati minn membri tal-pubbliku abbażi ta’ rapporti tal-midja jew filmati). Il-membri tal-Kunsill Indipendenti tal-Ilmenti kontra l-Pulizija segwew l-investigazzjonijiet, inkluża dik fejn issawwat dimostrant.
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Il-korruzzjoni, inkluża fis-servizz pubbliku, kienet ġeneralment meqjusa miżmuma sew taħt kontroll. Is-sistema ta’ kontra l-korruzzjoni baqgħet b’saħħitha u reżiljenti, minkejja li Hong Kong niżel b'żewġ postijiet għas-17-il post minn fost il-175 pajjiż fl-Indiċi ta' Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2014 ta' Transparency International.
Skont dan l-istħarriġ, immexxi minn ditta indipendenti tal-istħarriġ, 1,5 % biss ta’ dawk li wieġbu indikaw li huma kienu ltaqgħu ma' korruzzjoni f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Mal-81 % ta' dawk li wieġbu kkunsidraw il-Kummissjoni Indipendenti Kontra l-Korruzzjoni (Independent Commission Against Corruption, ICAC) effettiva, u 97 % jemmnu li jistħoqqilha l-appoġġ tagħhom. Fl-2014, l-ICAC investigat 222 persuna f’114-il każ. Ir-rata ta' kundanna skont il-persuna żdiedet minn 78 % għal 85 %, filwaqt li r-rata ta' kundanna skont il-każ telgħet minn 81 % għal 87 % meta mqabbel mal-2013. Mill-ilmenti kollha li waslu fl-2014, 63 % kienu jirrigwardaw lis-settur privat, 30 % kienu dwar id-dipartimenti tal-gvern u 7 % kienu jinvolvu korpi pubbliċi.
L-ICAC qed tinvestiga diversi lmenti ta’ profil għoli. Wieħed minnhom huwa dwar donazzjonijiet politiċi allegatament illegali minn Jimmy Lai, is-sid ta' Next Media, lil diversi partiti u politiċi pandemokratiċi. Ilment ieħor jirrigwarda l-pagament illegali u mhux iddikjarat li allegatament rċieva l-Kap Eżekuttiv Leung Chun-ying mingħand ditta mis-settur privat wara li ħa l-kariga tiegħu bħala Kap Eżekuttiv, anke jekk l-azzjoni ikkonċernata seħħet qabel. Is-Segretarju għall-Ġustizzja ddelega l-awtorità lid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi sabiex jittratta dan l-ilment, sabiex tiġi evitata kull perċezzjoni pubblika ta’ polarizzazzjoni jew parzjalità fit-trattament tal-każ. Investigazzjoni oħra tirrigwarda allegazzjoni kontra l-eks Kap Eżekuttiv Donald Tsang, li tmur lura għall-2012. Dawn il-każijiet se jittestjaw kemm l-ICAC u l-ġudikatura huma kapaċi jinvestigaw u jipproċessaw każijiet ta’ korruzzjoni bi profil għoli b’mod indipendenti, imparzjali u mingħajr kunsiderazzjonijiet politiċi. Il-kundanni, fit-23 ta' Diċembru, ta' dak li kien l-Ewwel Segretarju tal-gvern u ta’ negozjant kbir tal-proprjetà immobbli jissuġġerixxu li l-ICAC u l-ġudikatura qegħdin jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta' kontra l-korruzzjoni mingħajr biża’ jew favoritiżmi.
Opportunitajiet Indaqs
Fit-8 ta' Mejju 2014, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali wera tħassib u ta rakkomandazzjonijiet dwar: (i) in-nuqqas ta' istituzzjonijiet u leġiżlazzjoni komprensivi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; (ii) iż-żieda fi kwistjonijiet marbutin mal-immigrazzjoni u n-nuqqas ta' protezzjoni għar-refuġjati, persuni li jfittxu ażil u ħaddiema migranti; u (iii) in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni soċjali u d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali li qed jikbru fost il-popolazzjoni ta’ Hong Kong.
Il-Kummissjoni għall-Opportunitajiet Indaqs (Equal Opportunities Commission, EOC) rċeviet 100 000 sottomissjoni bħala rispons għal konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. L-EOC se tippreżenta lill-gvern rapport bir-rakkomandazzjonijiet sat-tieni nofs tal-2015. L-EOC se tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-LGBTI, għall-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI), permezz ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll ta' miżuri prattiċi. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' Hong Kong dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u ż-żwiġijiet li jinvolvu persuni transġeneri għadha għaddejja.
Sar pass pożittiv meta wara talbiet li ilhom isiru minn gruppi li jiġġieldu għall-interessi ta' minoranzi etniċi, il-gvern introduċa arranġamenti speċjali fil-kurrikulu tal-iskola għall-kelliema mhux nattivi taċ-Ċiniżi. Għaldaqstant, mill-bidu tas-sena skolastika 2014/2015, il-Gvern implimenta kurrikulu li jqis liċ-Ċiniżi bħala t-tieni lingwa fl-iskejjel primarji u sekondarji, b’materjali didattiku ta' appoġġ u b'għodod ta’ evalwazzjoni.
Fit-23 ta’ Ottubru, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa rrakkomanda li Hong Kong għandu jsaħħaħ il-mandat tal-Kummissjoni tan-Nisa u jamplifika r-rappreżentanza tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika. Il-Kumitat tan-NU appella wkoll għal aktar sforzi kontra l-kawżi ewlenin tat-traffikar tan-nisa u t-tfajliet, u għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra t-traffikar. Irrakkomanda wkoll li ħaddiema nisa domestiċi barranin ikunu protetti aħjar kontra d-diskriminazzjoni u l-abbuż mill-impjegaturi u mill-aġenziji ta' reklutaġġ u ta' kollokament.
Saru passi konkreti sabiex titjieb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi d-dipartimenti kollha tal-gvern huma meħtieġa japplikaw lista ta' kontroll għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi meta jiġu fformulati l-politiki tal-gvern. Il-gvern ikkommetta ruħu wkoll li jżid ir-rappreżentanza tan-nisa fil-korpi konsultattivi u statutorji, minn 30 % għal 35 %. Fit-18 ta’ Diċembru, il-Kunsill Leġiżlattiv adotta emenda fil-Liġi dwar l-Impjiegi, li tagħti d-dritt lill-impjegati rġiel fis-settur privat għal liv paternali ta’ mhux aktar minn tlett ijiem.
Midja
L-ewwel Indiċi dwar il-Libertà tal-Istampa ta' Hong Kong ġie ppubblikat fit-23 ta’ April. Dan wera li l-ġurnalisti kklassifikaw il-libertà tal-istampa f'Hong Kong bil-punteġġ ta' 42 minn 100, filwaqt li l-pubbliku kklassifikaha kemxejn aħjar, bil-punteġġ ta' 49,4. L-awtoċensura baqgħet ta' tħassib kbir. Il-ġurnalisti kklassifikaw l-awtoċensura bil-punteġġ ta' 6,9 fuq skala minn żero sa 10 (10 jiġifieri "komuni ħafna"); il-pubbliku kklassifikaha bil-punteġġ ta' 5,4. Il-ġurnalisti kklassifikaw il-pressjoni minn sidien jew mill-maniġment bil-punteġġ ta' 6,5, meta mqabbel mal-punteġġ ta' 6,2 ta' klassifika pubblika.
F’Lulju 2014, l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong ippubblikat il-21 rapport annwali, intitolat "Press Freedom Under Siege — Grave Threats to Freedom of Expression in Hong Kong" ("Il-Libertà tal-Istampa Assedjata — Theddid gravi għal-Libertà tal-Kelma f’Hong Kong"). Skont ir-rapport, l-2014 kienet l-aktar sena negattiva għal-libertà tal-istampa minn fost diversi għexieren ta’ snin. Ġurnalisti ġew attakkati diversi drabi, inkluż attakk brutali fi Frar fuq Kevin Lau, l-eks Kap Editur ta’ Ming Pao Daily News, xi ġurnalisti tkeċċew, filwaqt li oħrajn b’fehmiet kritiċi ġew ittrasferiti għal oqsma inqas sensittivi; dan tefa' pressjoni fuq l-integrità editorjali tal-pubblikazzjonijiet. L-assoċjazzjoni rreġistrat 24 attakk fuq ġurnalisti bejn it-22 ta’ Settembru u d-29 ta’ Ottubru, u akkużat lill-pulizija b'użu eċċessiv ta' forza kif ukoll bl-ostakolazzjoni tal-midja. Fis-26 ta’ Ottubru, il-Kap Eżekuttiv u l-Gvern ta’ Hong Kong ikkundannaw bil-qawwa inċident li fih aggressuri mhux magħrufa attakaw xi ġurnalisti. Sid il-midja tal-oppożizzjoni, Jimmy Lai, kien vittma ta’ diversi attakki, inkluż ħruq, fl-aħħar tal-2014.
Intwera tħassib serju dwar il-libertà tal-midja elettronika, wara li l-gvern ta’ Hong Kong iddeċieda li ma jagħtix liċenzja tat-televiżjoni ta' bla ħlas lil wieħed mill-aktar applikanti innovattivi, il-Hong Kong Television Network.
Gruppi internazzjonali rrappurtaw ukoll tnaqqis fil-libertà tal-istampa ta' Hong Kong. Reporters Without Borders (Reporters Mingħajr Fruntieri) ikklassifikaw lil Hong Kong fil-61 pożizzjoni fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam mal-libertà tal-istampa, meta mqabbel mat-58 pożizzjoni fl-2013 u mat-18-il pożizzjoni fl-2002. Huma nnutaw li "l-piż ekonomiku li qed jikber taċ-Ċina qed jippermettilha testendi l-influwenza tagħha fuq il-midja f’Hong Kong, fil-Macao u t-Tajwan … l-indipendenza tal-midja f’dawn it-tliet territorji bħalissa hija pperikolata."
Għalkemm il-midja ta’ Hong Kong baqgħet topera b’mod ħieles u tagħti leħen lil diversità kbira ta’ fehmiet, il-pressjonijiet politiċi u ekonomiċi jistgħu jqiegħdu f’riskju l-indipendenza editorjali. Barra minn hekk, id-diversi atti ta’ aggressjoni kontra l-ġurnalisti, li wħud minnhom kienu serji, huma kawża ta’ tħassib u jeħtieġu attenzjoni kontinwa mill-qrib mill-awtoritajiet.
Żviluppi ekonomiċi
Hong Kong kompliet miexja 'l quddiem bħala ċentru finanzjarju u kummerċjali internazzjonali fl-Asja tal-Lvant, bis-saħħa tal-ekonomija Ċiniża u dik Asjatika li qed jiżviluppaw b’mod rapidu. Hong Kong baqa’ wieħed mis-swieq dinjija ewlenin għat-tranżazzjonijiet fil-borża, għall-ekwitajiet privati, għall-immaniġġjar tal-assi u għall-kambju ta’ muniti barranin. Sa tmiem l-2014, is-suq tal-ishma ta’ Hong Kong ġie kklassifikat bħala t-tielet l-akbar wieħed fl-Asja u s-seba’ l-akbar wieħed fid-dinja f’termini ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq. Hong Kong kien it-tieni l-akbar ċentru ta’ ekwità privata fl-Asja, u kien jimmaniġġja bejn wieħed u ieħor 21 % tal-pula totali tal-kapital fir-reġjun fl-aħħar ta’ Settembru 2014. Skont l-istħarriġ trijennali mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, Hong Kong kien il-ħames l-akbar suq tal-muniti barranin fid-dinja, b’fatturat nett ta’ kuljum ta’ tranżazzjonijiet fil-muniti barranin li laħqu l-USD 275 biljun fl-2013. Mewġa ta' operazzjonijiet kummerċjali lejn tmiem is-sena mbuttaw lil Hong Kong fit-tieni post, wara New York, f’termini ta’ ġbir ta' kapital (Offerti Inizjali għall-Pubbliku) fl-2014.
Hong Kong huwa wkoll wieħed mill-akbar riċevituri u sorsi ta’ Investiment Dirett Barrani (IDB) madwar id-dinja. Skont Ir-Rapport tal-Investiment Dinji tal-2014 mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, Hong Kong kien it-tieni l-akbar riċevitur ta’ IDB fl-Asja wara ċ-Ċina u t-tielet l-akbar sors ta’ IDB fl-Asja, wara l-Ġappun u ċ-Ċina. L-istituzzjonijiet tiegħu, il-pożizzjoni u l-għarfien espert fis-settur tas-servizzi, imsaħħin bl-istat tad-dritt, kollha kkontribwew għas-suċċess tiegħu. Fl-2014, seħħet integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-kontinent, permezz tal-iżvilupp kontinwu ta' kummerċ offshore f'RMB, ir-rabta bejn il-boroż ta’ Hong Kong u Shanghai, u investiment konsiderevoli f’Hong Kong mill-intrapriżi taċ-Ċina kontinentali. Hong Kong żamm punteġġi għoljin f’ħafna stħarriġiet globali li kejlu l-libertà ekonomika u l-kompetittività.
Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta' Hong Kong espanda bi 2,3 % 1 f’termini reali fl-2014, wara li żdied bi 2,9 % fl-2013. It-tkabbir kien prinċipalment xprunat minn konsum domestiku u mill-esportazzjoni ta’ servizzi. Is-suq tax-xogħol kien reżiljenti bir-rata tal-qgħad tibqa’ 3,3 % jew inqas għal bosta perjodi matul is-sena. L-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur żdiedet b’4,4 % fl-2014. L-esportazzjonijiet totali tal-merkanzija kibru bi 3,2 % minn sena għal sena fl-2014, wara li kibru bi 3,6 % fl-2013. Il-wasliet totali ta' viżitaturi kibru bi 12 %, għal 60,8 miljun fl-2014. L-affermazzjonijiet li l-moviment Occupy Central kien affettwa lill-ekonomija ma ġewx ikkonfermati mid-dejta ekonomika, għalkemm il-kumpaniji li kienu jinsabu fiż-żoni ta’ protesta batew. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien naqqas minn ħafna qabel id-dimostrazzjonijiet — ix-xiri mit-turisti ta’ oġġetti popolari ta’ lussu (bħalma huma l-ġojjelli u l-arloġġi tal-idejn) irreġistra tnaqqis b’żewġ ċifri minħabba t-tnaqqis fl-ekonomija Ċiniża u l-kampanja kontra l-korruzzjoni fil-kontinent.
Ir-relazzjoni ekonomika bejn Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali kompliet tissaħħaħ permezz tal-kummerċ u l-investiment transfruntier kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta’ Hong Kong bħala ċentru offshore għall-RMB. Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ospita l-akbar pula ta’ depożiti f'RMB barra ċ-Ċina, aktar minn CNY 1 triljun fl-2014. F’Novembru 2014, wara approvazzjoni mill-gvern ċentrali, l-Awtorità Monetarja ta’ Hong Kong neħħiet il-limitu ta' kuljum fil-kambju ta' 20 000 RMB/CNY għar-residenti ta’ Hong Kong. Din il-bidla regolatorja wittiet it-triq għall-fluss aktar ħieles tal-RMB bejn is-swieq onshore u offshore, u hija mistennja li tiffaċilita t-tkabbir usa’ tas-suq offshore tal-kambju tal-RMB. Filwaqt li Hong Kong għandu vantaġġ kbir bħala "l-innovatur", il-kompetizzjoni qed tiżdied peress li l-Gvern Ċentrali gradwalment beda jiftaħ f’ċentri finanzjarji oħra l-kummerċ fl-RMB.
Hong Kong baqa’ l-bażi tal-ittestjar għar-riforma fis-suq tal-kapital taċ-Ċina. Fis-17 ta’ Novembru 2014 tnediet l-iStock Connect bejn Shanghai u Hong Kong. Il-proġett pilota huwa programm ta’ aċċess reċiproku għas-suq li permezz tiegħu l-investituri f’Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali jistgħu jinnegozjaw u jissaldaw l-ishma elenkati fis-swieq ta’ xulxin permezz ta’ skambju u ta' kamra tal-kumpens fis-suq lokali tagħhom. Minkejja li l-kummerċ mexa bil-mod fil-perjodu inizjali, huwa mistenni li hekk kif il-proġett pilota jiżviluppa u jimmatura, dan se jsaħħaħ l-investiment Ċiniż f’Hong Kong u viċi versa. Huwa mistenni wkoll li se jwassal għal integrazzjoni akbar tas-swieq tal-kapital taċ-Ċina fl-ekonomija globali. Il-proġett kkonferma r-rwol ewlieni ta’ Hong Kong bħala ċentru offshore għall-RMB.
Barra mill-kooperazzjoni finanzjarja, Hong Kong u ċ-Ċina fit-18 ta’ Diċembru ffirmaw ftehim sussidjarju taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib (CEPA), sabiex jiġi liberlizzat il-kummerċ fis-servizzi bejn il-Provinċja ta’ Guangdong u Hong Kong. Il-ftehim kien ippreżentat bħala mudell għal-liberalizzazzjoni bażika tal-kummerċ fis-servizzi għaċ-Ċina kollha.
Il-Gvern Ċentrali ħabbar fl-2011 l-għan tal-liberalizzazzjoni bażika tal-kummerċ fis-servizzi bejn il-Kontinent u Hong Kong sa tmiem it-12-il Pjan Nazzjonali fuq perjodu ta' Ħames Snin, fl-2015.
Fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, Hong Kong kellu rwol attiv fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u baqa' impenjat li jilliberalizza l-kummerċ dinji. F'dan ir-rigward, Hong Kong kien l-ewwel Membru tad-WTO li nnotifika lid-WTO bid-deżinjazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha fit-Taqsima I tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ bħala impenji tal-kategorija “A”. Hong Kong ħa sehem ukoll fin-negozjati għat-twessigħ tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-servizzi u tal-Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali. Sabiex jikkomplementa n-netwerk eżistenti tiegħu ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs), Hong Kong beda negozjati dwar FTA mal-ASEAN f’Lulju 2014.
Il-Gvern ta’ Hong Kong wiegħed li jżomm it-tkabbir ekonomiku sostenibbli bħala l-prerekwiżit sabiex jitratta l-problemi tiegħu ta’ akkomodazzjoni, ta' faqar, ta' popolazzjoni li qed tixjieħ kif ukoll problemi ambjentali. Wara li ħareġ tal-ewwel dejta dwar is-soll tal-faqar fl-2013, li indikat rata ta’ faqar ta’ 15,2 %, l-għan tal-politika tal-gvern kien li jagħti spinta lill-impjiegi u li jtejjeb is-sistema tal-protezzjoni soċjali u tas-sigurtà soċjali. Miżuri konkreti sabiex jittaffa l-faqar fl-2014 inkludew skema ta’ provvediment għall-familji bi dħul baxx, 2 u sussidju ta’ darba għal gruppi bi dħul baxx. Il-Proġett Pilota għall-Kura tas-Saħħa tal-Anzjani bil-Kupuni kellu l-baġit irduppjat għal HKD 2 000 fl-2014, u ċ-ċittadini anzjani ngħataw skontijiet ġodda fuq it-trasport pubbliku. Il-Gvern xtara postijiet għall-kura residenzjali f’Shenzhen, u kien qed jiddiskuti arranġamenti simili f'imkejjen oħra fil-kontinent.
Il-kunċett ta’ “Fond Futur”, sabiex tiġi ffinanzjata l-infrastruttura fi żminijiet ta’ defiċits sostnuti, tqajjem għall-ewwel darba mis-Segretarju Finanzjarju John Tsang fil-baġit għall-2014-15 tiegħu. Tradizzjonalment, Hong Kong gawda minn pożizzjoni fiskali b'saħħitha (b'baġit ibbilanċjat) u minn riżervi kbar 3 . Is-Sur Tsang, madankollu, sejjaħ għall-prudenza rigward l-istabbiltà fiskali għall-perjodu fit-tul. Huwa wissa li Hong Kong jista' jkollu defiċits strutturali fi żmien 7-15-il sena meta l-ekonomija tkun laħqet stat ta’ maturità, u passitha jonqos minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-gvern beda jesplora l-għażliet sabiex jittratta l-popolazzjoni li qed tixjieħ, bħall-protezzjoni tal-pensjonijiet u skema volontarja tal-assigurazzjoni tas-saħħa.
Il-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali f'Hong Kong ilhom jogħlew bla heda għal ħames snin, u dan jagħmilhom fost l-ogħla fid-dinja. Id-domanda kienet misjuqa minn kombinazzjoni ta’ rati tal-imgħax baxxi u mill-istabilità tal-munita, filwaqt li l-provvista tal-art, ikkontrollata mill-Gvern, gradwalment qed tonqos. Sensiela ta’ miżuri amministrattivi, inkluża t-taxxa tal-boll fuq tranżazzjonijiet immobiljari, ġew introdotti fl-2010-13 sabiex jimmoderaw d-domanda. Madanakollu, fl-2014 il-prezzijiet tal-proprjetà baqgħu jogħlew, anki jekk b'ritmu aktar kajman 4 . Il-prezzijiet tad-djar xorta ma jistgħux jintlaħqu mill-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ. Iż-żieda ta' malajr fil-prezzijiet tal-proprjetà għenet ukoll biex tikber id-disparità fil-ġid. Il-Gvern vara l-Istrateġija tal-Akkomodazzjoni fuq Terminu Twil mmirata biex tgħin lil dawk kollha li jeħtieġu aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli. Matul l-10 snin li ġejjin, il-gvern qed jimmira li jipprovdi 470 000 unità ġdida, bl-akkomodazzjoni soċjali responsabbli għal 60 fil-mija tad-djar kollha.
L-innovazzjoni u t-teknoloġija ġew enfasizzati bħala l-pilastri li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, tat-turiżmu, tal-kummerċ u tal-loġistika, tas-servizzi professjonali u ta' servizzi oħra relatati mal-produtturi. Il-Gvern appoġġjahom billi rawwem ambjent regolatorju favorevoli għal-kummerċ u billi investa fl-infrastruttura. Kien hemm investiment qawwija f’netwerks tat-trasport, inkluż fil-Pont bejn Hong Kong, Zhuhai u l-Macao, il-parti ta' Hong Kong tal-Link Ferrovjarju Espress bejn Guangzhou, Shenzhen u Hong Kong kif ukoll l-estensjoni tas-sistema ferrovjarja għat-transitu kollettiv ġewwa l-belt.
Filwaqt li Hong Kong jibqa’ kompetittiv ħafna fl-oqsma ewlenin tiegħu, qed jiffaċċja kompetizzjoni akbar minn bliet kontinentali bħal Shanghai u Shenzhen, u minn ċentri finanzjarji internazzjonali oħra. Il-provvista limitata ta’ art, ir-restrizzjonijiet infrastrutturali u ż-żieda fil-kost lavorattiv ifissru li huwa saħansitra iktar kruċjali għall-fornituri tas-servizzi ta’ Hong Kong li jikkompetu fuq parametri bħalma huma l-kwalità, ir-rapidità u l-innovazzjoni. Min-naħa regolatorja, Hong Kong għamel sforzi sabiex iżomm ambjent ġust u kompetittiv għan-negozji. Fl-2014 seħħew għadd ta’ żviluppi regolatorji, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Ordinanza tal-Kompetizzjoni, avviżi ġodda dwar it-tassazzjoni u sforzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
L-ewwel dritt tal-kompetizzjoni komprensiv ta’ Hong Kong għaddih il-Kunsill Leġiżlattiv fl-2012. Fl-2013, ġiet stabbilita l-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni ta' Hong Kong, u daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-Tribunal tal-Kompetizzjoni. Fl-2014, il-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni ta' Hong Kong u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Hong Kong ppubblikaw abbozz ta’ linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Ordinanza tal-Kompetizzjoni.
F’Settembru tal-2014, Hong Kong ħabbar li se jżomm mal-istandard globali l-ġdid dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, bl-għan li titjieb it-trasparenza fiskali u tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa transfruntiera. Il-Gvern ta’ Hong Kong iddikjara li l-ewwel skambju tal-informazzjoni tat-taxxa jista’ jiġi implimentat sa tmiem l-2018, dejjem jekk il-leġiżlatura tgħaddi l-liġi relatata sal-2016.
Hong Kong kompla jirrevedi r-rekwiżiti legali u regolatorji tiegħu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Bħala membru tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), Hong Kong huwa mistenni li jiġi skrutinizzat fl-2018. Fl-aħħar evalwazzjoni fl-2008, Hong Kong ġie kklassifikat bħala parzjalment konformi mal-istandards tat-task force, b'hekk hemm lok għal titjib. Madankollu, f’Ottubru 2012, l-FATF iddikjarat li Hong Kong "kien għamel progress sinifikanti sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati". L-FATF kkunsidrat li s-sorveljanza ta' Hong Kong kontra l-ħasil tal-flus kienet effettiva fil-qasam bankarju, tal-assigurazzjoni u tat-titoli, iżda dgħajfa jew ineżistenti f'ħafna setturi mhux finanzjarji, bħal ma hija l-proprjetà.
Ir-relazzjonijiet bilaterali u l-kooperazzjoni bejn l-UE u Hong Kong
Fl-2014, l-UE u Hong Kong komplew jiżviluppaw u jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom. L-UE baqgħet it-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta' Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali, 5 filwaqt li Hong Kong kompla jkollu rwol importanti bħala pjattaforma kummerċjali u bħala intermedjarju essenzjali fil-fluss tal-kummerċ u tal-investiment bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina kontinentali.
Il-kummerċ bilaterali ta' merkanzija bejn l-UE u Hong Kong naqas ftit, b'1 %, biex laħaq EUR 45,3 biljun fl-2014, bl-UE tgawdi surplus kummerċjali ta' EUR 24 biljun 6 . L-UE, b'total ta' 1 937 kumpanija, baqgħet l-akbar sors ta' kumpaniji barranin f'Hong Kong 7 . In-negozji tal-UE huma attivi f'firxa wiesgħa ta' setturi, prinċipalment fis-servizzi finanzjarji u tan-negozju, fil-kummerċ, fil-loġistika, fil-kostruzzjoni u fil-bejgħ bl-imnut. Il-kumpaniji tal-UE huma atturi ewlenin fis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni u tat-titoli ta' Hong Kong. Minħabba f'hekk, għadd kbir ta’ Ewropej joqogħdu u jaħdmu f’Hong Kong, u ċ-ċittadini Franċiżi u mir-Renju Unit huma l-aktar numerużi.
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Hong Kong komplew jikbru f'dak li għandu x'jaqsam mal-investiment. Fl-2013, il-flussi ta' ħruġ tal-IDB tal-UE lejn Hong Kong ammontaw għal EUR 10 biljun; Il-flussi ta' dħul tal-IDB minn Hong Kong lejn l-UE laħqu EUR 3,9 biljun. Fi tmiem l-2013, l-IDB tal-istokk miżmum mill-UE f’Hong Kong kien ta’ EUR 88,5 biljun u tal-istokk FDI miżmum minn Hong Kong fl-UE matul l-istess perjodu kien ta’ EUR 46,2 biljun.
Hong Kong jibqa' intermedjarju essenzjali għall-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċina, u bħala tali jippreżenta lill-operaturi ekonomiċi tal-UE b’opportunitajiet ta’ valur għoli. B’għadd sinifikanti ta’ kumpaniji tal-UE rreġistrati bħala "fornituri ta' servizzi f'Hong Kong" skont il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib (Closer Economic Partnership Arrangement, CEPA) bejn Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali, l-UE hija l-akbar sors ta’ kumpaniji barranin li jużaw is-CEPA. Minħabba l-potenzjal tas-CEPA, l-UE u Hong Kong se jieħdu sehem fi skambji regolari dwar l-iżvilupp tas-CEPA u jesploraw modi sabiex jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-kumpaniji u l-investituri tal-UE.
It-Tmien Laqgħa ta’ Djalogu Strutturat bejn l-EU u Hong Kong saret fi Brussell fil-11 ta’ Novembru 2014 fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali uffiċjali. Is-suġġetti ewlenin fuq l-aġenda kienu l-politika ekonomika, ir-reġim regolatorju għas-settur finanzjarju, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u d-deċiżjoni ta' Hong Kong li jimplimenta l-istandard globali l-ġdid dwar l-Iskambju Awtomatiku tal-Informazzjoni Finanzjarja fi Kwistjonijiet ta’ Taxxa. Il-partijiet kellhom ukoll diskussjonijiet dwar l-objettivi l-ġodda ta' terminu medju, sabiex ir-relazzjoni tkompli miexja 'l quddiem.
Fl-2014 kien hemm għadd ta' zjarat ta' livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE lejn Hong Kong. Il-Kummissarju Ewropew Michel Barnier (is-Suq Intern u s-Servizzi) għamel zjara f’Jannar u l-Kummissarju Ewropew Algirdas Semeta (it-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Istatistika, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi) għamel waħda f’Mejju. L-aħħar żjara kkontribwixxiet għal żviluppi pożittivi minn żewġ aspetti f’Hong Kong: l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni finanzjarja fi kwistjonijiet ta’ taxxa u l-kooperazzjoni doganali, u l-kwistjonijiet ta’ infurzar tal-IPR. Delegazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew żaret Hong Kong f’Jannar.
Il-Kap Eżekuttiv Leung Chun-ying tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong żar Brussell f’Mejju u ltaqa’ mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso. Is-Segretarju tal-Edukazzjoni, Is-Sur Eddie Ng Hak-kim, u s-Segretarju tas-Servizzi Finanzjarji u tat-Teżor, il-Professur KC Chan, żaru wkoll Brussell fl-2014 u ltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom tal-UE.
L-UE u Hong Kong qablu li jaħdmu fuq pjan ta’ azzjoni bil-għan li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni doganali sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ internazzjonali ta’ merkanzija li tikser l-IPR fil-katina tal-provvista kollha.
L-interessi kummerċjali tal-UE f’Hong Kong huma primarjament irrappreżentati mill-Kamra tal-Kummerċ Ewropea (European Chamber of Commerce, ECC). L-ECC huwa "kamra bi kmamar", msieħba fih hemm 14-il kamra Ewropea bbażati f’Hong Kong u waħda fil-Macao, flimkien ma’ ħames "kunsilli kummerċjali" settorjali. F’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għal Hong Kong, l-ECC wettqet numru kbir ta’ attivitajiet sabiex tiffaċilita djalogu mal-gvern u sabiex tippromwovi n-negozji u l-industrija tal-UE. L-ECC kienet ukoll l-offerent rebbieħ għall-fażi li jmiss tal-Programm tal-Unjoni Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Negozju, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija ekonomika u l-kooperazzjoni kummerċjali ma’ Hong Kong u l-Macao, u li jiżgura rappreżentazzjoni kkoordinata aħjar u aktar b'saħħitha tal-kummerċ tal-UE u tal-interessi tagħha f’Hong Kong u l-Macao.
Fl-2014, l-UE u l-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri f’Hong Kong komplew jaħdmu flimkien sabiex jgħollu l-profil tal-UE f’Hong Kong. Għal dan l-għan, l-Uffiċċju tal-UE f’Hong Kong kompla jorganizza laqgħat bejn il-kapijiet tal-missjonijiet tal-UE, il-membri għolja tal-Gvern ta’ Hong Kong, il-Kunsill Leġislattiv u l-ġudikatura kif ukoll personalitajiet ewlenin oħra.
Il-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u l-istituti kulturali ħadmu flimkien mas-sħab lokali fuq ħafna attivitajiet interpersonali. L-avvenimenti ewlenin inkludew il-Festival tal-Films tal-UE, il-Fiera Ewropea dwar l-Edukazzjoni għolja, il-Kompetizzjoni tat-Tisjir tal-UE, il-Jum Ewropew tal-Lingwi u kompetizzjoni fil-kalendarju tal-iskejjel. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri kkooperaw mal-EOC u mal-Università Ċiniża ta’ Hong Kong dwar l-ewwel simpożju internazzjonali ta' Hong Kong li ttratta l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI. L-UE tittama li tibni fuq dan il-momentum sabiex tkompli l-ħidma tagħha mal-gvern, mas-soċjetà ċivili u man-negozji dwar il-promozzjoni tal-iskambju tad-drittijiet u l-libertajiet.
Il-Programm Akkademiku tal-UE f’Hong Kong (EU Academic Programme, EUAP), konsorzju li jinkludi l-Università Battista ta’ Hong Kong, l-Università ta’ Hong Kong, l-Università Ċiniża ta’ Hong Kong u l-Università ta’ Lingnan, kompla jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u Hong Kong permezz ta’ xogħol akkademiku u tal-bini ta’ netwerks ma' sħab lokali, reġjonali u Ewropej. Fl-2014, l-EUAP nieda sensiela ta’ avvenimenti li ppreżentaw approċċi Ewropej għall-iżvilupp urban. L-EUAP ospita b’suċċess il-Mudell tal-UE, simulazzjoni li fiha l-istudenti kellhom ir-rwoli ta' kapijiet tal-Istat u ta’ gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE li jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew.
Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, l-indikaturi ekonomiċi kollha marbutin mal-ekonomija ta’ Hong Kong oriġinaw mid-Dipartimenti taċ-Ċensiment u tal-Istatistika ta’ Hong Kong.
Adottat mill-Kumitat tal-Finanzi tal-Kunsill Leġiżlattiv fil-15 ta’ Jannar 2015.
Fi Frar 2014, il-Gvern ta’ Hong Kong ppreveda li r-riżervi fiskali se jilħqu HKD 755 biljun, jew 34 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tiegħu, sal-aħħar ta’ Marzu 2015.
Skont id-Dipartiment tal-Kreditu u tal-Valwazzjoni tal-Gvern ta’ Hong Kong, l-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà domestika privata żdied għal 278,2, b’żieda ta’ 13,5 % sena wara sena f’Diċembru 2014. L-indiċi tela’ minn 206,2 fl-2012 għal 242,4 fl-2013, b’żieda ta’ 17,6 % sena wara sena.
Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-istatistika kummerċjali maħruġa mid-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong.
Sors: Eurostat: Il-bażi tad-dejta Comext.
Sors: L-istħarriġ annwali tal-2014 dwar il-kumpaniji f’Hong Kong li jirrappreżentaw kumpaniji prinċipali li jinsabu barra minn Hong Kong, id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta’ Hong Kong.