Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0660

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart Il-ġenerazzjoni, it-trattament u u l-vjeġġi transkonfinali ta' skart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2010-2012

COM/2015/0660 final

Brussell, 17.12.2015

COM(2015) 660 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart

Il-ġenerazzjoni, it-trattament u u l-vjeġġi transkonfinali ta' skart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, 2010-2012

{SWD(2015) 291 final}


WERREJ

1.    Introduzzjoni    

2.    Rapportar mill-Istati Membri    

3.    Ġenerazzjoni ta’ Skart Perikoluż    

4.    Vjeġġi ta' Skart 'il barra mill-Istati Membri    

5.    Vjeġġi ta' Skart 'il barra mill-Istati Membri    

6.    Vjeġġi Illegali, Spezzjonijiet u Miżuri ta' Infurzar    

7.    Konklużjonijiet Ġenerali    

8.    Il-Passi li Jmiss    


Żviluppi li jikkonċernaw il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-vjeġġi ta' skart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri tal-UE, 2010-2012

1.Introduzzjoni

Il-movimenti transkonfinali ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu huma rregolati mill-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom tat-22 ta' Marzu 1989 li l-Unjoni Ewropea (UE) hija parti minnha. L-għan ewlieni tal-Konvenzjoni huwa li tħares is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti negattivi ta' skart perikoluż.

L-UE stabbilixxiet sistema għas-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart fi ħdan il-konfini tagħha flimkien mal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u pajjiżi terzi oħra li huma partijiet mill-Konvenzjoni ta' Basilea. Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar Vjeġġi ta’ Skart 1 (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament) jittrasponi l-Konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Ir-Regolament li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kien emendat fl-2014 mir-Regolament (UE) Nru 660/2014 2 .

Kull sena kalendarja, l-Istati Membri jissottomettu rapport lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni għas-sena kalendarja preċedenti li jindirizza d-dispożizzjonijiet legali, l-implimentazzjoni u l-miżuri ta' protezzjoni ambjentali 3 . Ir-rapport jintbagħat ukoll lill-Kummissjoni flimkien ma' informazzjoni addizzjonali fil-forma ta' tweġiba għal Kwestjonarju dwar l-Implimentazzjoni 4 . Skont l-Artikolu 51.4 tar-Regolament, kull tliet snin, il-Kummissjoni tfassal Rapport ta' Implimentazzjoni bbażat fuq it-tweġibiet sottomessi mill-Istati Membri. F'dan il-każ, id-data tal-għeluq għall-Istati Membri biex jibagħtu l-informazzjoni relatata mal-2010-12 lill-Eurostat kienet it-18 ta' Ġunju 2014.

Dan huwa r-raba' Rapport ta' Implimentazzjoni u jkopri l-perjodu 2010-2012. It-tielet rapport, li jkopri l-perjodu 2007-2009, kien ippubblikat f'Awwissu 2012. Informazzjoni ddettaljata msejsa fuq ir-rapport tal-Istati Membri lill-Konvenzjoni ta' Basilea għall-2010-2012 tinsab fis-Sezzjonijet A u B tad-dokument ta' ħidma li jakkumpanja dan ir-rapport. Barra minn hekk, it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju dwar l-Implimentazzjoni għall-2010-2012 jinsabu fis-Sezzjoni E tad-dokument ta' ħidma. Dejta kwantitattiva u figuri dwar il-ġenerazzjoni, it-trattament u l-vjeġġi ta' skart huma miġburin fil-qosor fit-tabelli u l-figuri ta' Sezzjoni A tad-dokument ta' ħidma. Id-definizzjonijiet ewlenin jingħataw f'Appendiċi A.1.0 għad-dokument ta' ħidma.

Dan ir-Rapport ta' Implimentazzjoni jqabbel ukoll it-tweġibiet sottomessi mis-27 Stat Membru 5 għall-2010-2012 ma' dawk mill-2007-2009. Xi wħud mill-figuri għall-perjodu 2007-2009 kkwotati f'dan ir-rapport huma differenti minn dawk li ssir referenza għalihom fir-rapport 2007-2009 peress li tqiesu t-tweġibiet mill-Istati Membri li kienu sottomessi fil-frattemp.

Il-Konvenzjoni ta' Basilea tuża t-termini "importazzjoni" u "esportazzjoni" għal kull vjeġġ lejn jew minn pajjiż li huwa Parti mill-Konvenzjoni. Skont id-dritt tal-UE dawn it-termini japplikaw biss għal vjeġġi minn jew lejn l-UE kollha kemm hi. Madankollu, f'dan id-dokument, iż-żewġ termini li jidhru bejn il-virgoletti għandhom jiġu mifhuma fis-sens li jintużaw bih fil-Konvenzjoni ta' Basilea, jiġifieri li jinkludu vjeġġi esterni kif ukoll vjeġġi intra-UE bejn l-Istati Membri.

2.Rapportar mill-Istati Membri

Fiż-żmien meta ġie ppreparat dan ir-rapport, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu wieġbu kemm għall-kwestjonarju ta' Basilea kif ukoll għal dak tal-Kummissjoni għas-snin 2010-2012 6 . Għalkemm ir-rapporti kollha tal-2012 kellhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2013, ingħata iktar żmien. Id-data tal-għeluq tal-analiżi tad-dejta kwantitattiva inkluża fir-rapporti ta' Basilea kienet it-18 ta' Ġunju 2014. Ir-rapporti ta' Basilea tal-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Spanja għas-sena 2012 kienu sottomessi wara din id-data tal-għeluq u għalhekk ma setgħux jitqiesu għall-preparazzjoni tas-Sezzjoni A tad-dokument ta' ħidma.

Id-dejta dwar il-kwantitajiet totali tal-iskart trasportat bejn l-Istati Membri indikat diversi diskrepanzi fl-ammonti rrapportati mill-pajjiżi "esportaturi" u "importaturi". Is-sena ta' rapportar l-inqas preċiża kienet l-2011, fejn l-ammont ta' skart perikoluż "importat" kien 17 % ogħla mill-ammont "esportat". Għall-vjeġġi tal-iskart kollu soġġett għall-proċedura ta' notifika u kunsens bil-miktub minn qabel, li minn hawn 'il quddiem jissejjaħ skart notifikat, din id-differenza kienet ta' 5 %. Għal skart perikoluż fl-2012, din id-differenza kienet ta' 10 % (1 % tal-iskart notifikat kollu) u għall-2010 kienet ta' 12 % (2 % tal-iskart notifikat kollu). Dawn id-diskrepanzi konsiderevoli jenfasizzaw il-ħtieġa ta' skambju ta' dejta elettronika għall-UE kollha li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri.

Il-Lussemburgu kien wieħed mill-Istati Membri li deher li kien qiegħed jirrapporta ferm inqas mill-ammont ta' skart li tabilħaqq inġarr 'il barra. Fl-2011, il-Lussemburgu rrapporta li "esporta" 103,000 tunnellata tal-iskart notifikat kollu lejn il-Ġermanja, iżda l-Ġermanja rrapportat li "importat" 498,000 tunnellata mil-Lussemburgu fl-istess sena. Xejra simili hija evidenti bejn il-Lussemburgu u l-Belġju.

B'paragun, fl-2009, il-figura għall-ammont ta' skart perikoluż "importat" kienet ftit inqas minn 0.3 % iktar baxxa mill-ammont "esportat". Fl-2008, kienet 20 % iktar baxxa. Għall-iskart notifikat kollu fl-2009, il-figura kienet 9% ogħla.

Waħda mill-ispjegazzjonijiet possibbli għall-inkonsistenzi osservati hija li l-Istati Membri jaf mhumiex qegħdin jirrapportaw il-vjeġġi ta' skart bl-istess mod. L-"importaturi" u l-"esportaturi" tal-iskart huma mitlubin jimlew id-dokumenti ta' notifika u moviment, kif stabbilit fl-Annessi IA u IB għal dan ir-Regolament. Id-dokument ta' notifika jitlob għall-"kwantità maħsuba totali" tal-iskart li għandu jinġarr 'il barra filwaqt li d-dokument ta' moviment jitlob għall-"kwantità attwali" li tinġarr. Jekk l-Istati Membri jirrapportaw ċifri differenti għal dawn iż-żewġ valuri, allura dan jista' jikkontribwixxi għall-inkonsistenzi osservati.

3.Ġenerazzjoni ta’ Skart Perikoluż

Skart perikoluż huwa ddefinit skont lista ta' flussi u/jew kostitwenti ta' skart (entrati Y1-18 u Y19-45 skont il-kategoriji tal-Konvenzjoni) u ċerti karatteristiċi ta' periklu. Madankollu, jekk l-iskart huwa kkunsidrat bħala perikoluż mil-liġi lokali, din taqa' wkoll taħt din id-definizzjoni għall-fini tal-Konvenzjoni. "Skart ieħor" f'dan il-kuntest ifisser skart miġbur minn djar u residwi li jirriżultaw mill-inċinerazzjoni ta' skart domestiku; żewġ kategoriji ta' skart li jeħtieġu kunsiderazzjoni speċjali u li huma soġġetti għal kontrolli simili bħala skart perikoluż skont il-Konvenzjoni ta' Basilea (entrati Y46 u Y47). Il-lista sħiħa ta' kodiċijiet Y skont il-Konvenzjoni hija pprovduta fis-Sezzjoni D tad-dokument ta' ħidma. 7  

Meta tħejja dan ir-rapport, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni totali tal-iskart perikoluż kienet inkompleta għal diversi Stati Membri li ma kienu rrapportaw ebda informazzjoni 8 . Sabiex jimtlew il-lakuni eżistenti fid-dejta, iċ-ċifri stmati kienu bbażati fuq dejta minn snin preċedenti.

Fl-2012, fl-UE 27, ġew iġġenerati 76 miljun tunnellata ta' skart perikoluż. Dan meta mqabbel ma' 75 miljun fl-2011 u 76 miljun fl-2010. Bejn l-2007-2009 u l-2010-2012, l-ammont totali ta' skart perikoluż iġġenerat naqas b'4 %. B'riflessjoni ta' dan, l-ammont medju ġġenerat fis-sena fl-2007-2009 kien ta' 79 miljun tunnellata meta mqabbel ma' 75 miljun fl-2010-2012. Madankollu, meta wieħed iħares lejn ix-xejra fuq perjodu itwal bejn is-sena 2000 u 2012, l-ammont ta' skart perikoluż iġġenerat fis-sena żdied b'26 %.

F'dan il-perjodu ta' rapportar, il-ġenerazzjoni annwali totali ta' skart perikoluż per capita fl-UE27 kienet ta' 151 kg għall-2012, 149 kg għall-2011 u 151 kg għall-2010. Dawn iċ-ċifri juru tnaqqis mill-medja ta' 158 kg għall-2007-2009 iżda żieda bi 22 % mis-sena 2000. Waħda mill-ispjegazzjonijiet possibbli għal dan il-mudell hija li ġie ġġenerat inqas skart minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Bħall-2007-2009, il-Ġermanja ġġenerat l-ikbar ammonti ta' skart perikoluż fl-2010-2012, b'17-il miljun tunnellata fl-2012. Dan kien segwit mill-Italja u Franza bi 11-il miljun tunnellata kull wieħed. Malta ġġenerat l-inqas fl-2012, b'27,000 tunnellata, segwita mis-Slovenja u l-Latvja b'78,000 u 85,000 tunnellata, rispettivament. L-ikbar żieda ġiet osservata f'Ċipru, li ġġenera 84,000 tunnellata fl-2011 iżda 480,000 tunnellata fl-2012. Il-Bulgarija kellha l-ikbar tnaqqis, billi ġġenerat 647,000 tunnellata fl-2010 u 160,000 tunnellata biss fl-2012. L-Istati Membri ma offrew ebda spjegazzjoni għal dawn il-bidliet.

F'termini ta' skart perikoluż iġġenerat per capita, l-Estonja kellha l-ogħla figuri għall-2010-2012, kif kien il-każ fl-2007-2009, b'medja ta' 6,902 kilogrammi per capita. Ir-Rumanija pproduċiet l-inqas ammont fl-2010-2012 b'medja ta' għaxar kilogrammi per capita. Din kienet segwita mill-Greċja bi 22 kilogramma per capita. Ir-Rumanija kellha wkoll l-inqas ċifra fl-2007-2009 (sitt kilogrammi per capita).

4.Vjeġġi ta' Skart 'il barra mill-Istati Membri

Skont id-dejta uffiċjali rrapportata mill-Istati Membri, fl-2012, l-ammont tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-UE27 kien ta' 14-il miljun tunnellata, li ħames miljun tunnellata minnhom kienu perikolużi (jiġifieri madwar 7 % tal-iskart perikoluż kollu ġġenerat fl-2012). Għall-2011 u 2010, din iċ-ċifra kienet ta' 15-il u 12-il miljun tunnellata, rispettivament (sitt miljun tunnellata kienu perikolużi għal dawn is-sentejn). B'paragun, għall-perjodu 2007-2009, l-ammont medju ta' skart notifikat kollu li nġarr 'il barra fis-sena kien 11-il miljun tunnellata, li tmien miljuni minnhom kienu perikolużi (jiġifieri madwar 10 % tal-iskart perikoluż kollu ġġenerat fl-2012).

Mill-2001 sal-2011, il-vjeġġi tal-iskart notifikat kollu 'l barra mill-Istati Membri żdiedu b'126 %. Madankollu, fl-2012, din ix-xejra nbidlet hekk kif l-ammont ta' skart "esportat" naqas ftit bi 2 % meta mqabbel mal-2011. Mill-2001 sal-2007, kien osservata żieda kbira fl-ammont ta' skart perikoluż li nġarr 'il barra mill-Istati Membri (154 %). Madankollu, mill-2007 sal-2012, il-kwantitajiet ta' skart perikoluż li nġarr 'il barra mill-Istati Membri naqsu bi 32 %.

Bħall-2007-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi kienu l-ikbar "esportatur" tal-iskart notifikat kollu, bi tliet miljun tunnellata fl-2012. Il-Ġermanja kienet it-tieni l-ikbar "esportatur", hekk kif ġarret 'il barra żewġ miljun tunnellata fl-2012. Matul l-istess perjodu, l-Estonja kienet l-iżgħar "esportatur" bi 3,000 tunnellata fl-2012.

Franza u l-Italja kienu l-ikbar żewġ "esportaturi" ta' skart perikoluż fl-2010-2012 b'985 u 977 tunnellata li nġarru 'l barra fl-2012, rispettivament. Il-Pajjiżi l-Baxxi kienu l-ikbar wieħed fl-2007-2009, madankollu, fl-2010 l-ammont ta' skart perikoluż li nġarr 'il barra mill-pajjiż naqas bi 73 %. Il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja ġarrew l-iżgħar ammonti ta' skart perikoluż fl-2010-2012.

Fl-2009, il-grupp ta' skart Y1-Y18, irrappreżenta l-ikbar kwantità, li tikkostitwixxi 37 % tal-kwantità totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-UE27. Is-sehem tal-kategorija Y19-Y45 kien ta' 13 % u s-sehem tal-kategorija Y46-47 kien ta' 12 %. Għalkemm il-kontribuzzjoni tal-gruppi tal-iskart Y19-Y45 (13-15 %) u Y46-47 (9-14 %) kienet bejn wieħed u ieħor l-istess fl-2010-2012, il-kontribuzzjoni tal-grupp tal-iskart Y1-18 għall-kwantità totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra mill-UE27 baqa' jonqos minn 37 % fl-2009 għal 16 % fl-2012. Ir-raġuni għal dan hija dovuta għaż-żieda fl-ammont ta' skart ikklassifikat permezz tal-kodiċijiet tal-UE jew nazzjonali minflok il-kodiċijiet Y. 34 % tal-vjeġġi ta' skart 'il barra mill-UE kienu kklassifikati skont il-kodiċijiet tal-UE jew dawk nazzjonali fl-2009 meta mqabbel ma' 55 % fl-2012.

Fl-2012, 1 % biss tal-iskart inġarr mingħajr klassifikazzjoni u 0 % tal-iskart inġarr mingħajr klassifikazzjoni fl-2011. Dan huwa tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mas-snin preċedenti meta 3 % u 4 % tal-iskart inġarr mingħajr klassifikazzjoni fl-2009 u l-2010, rispettivament. Dan it-tnaqqis huwa iktar evidenti meta mqabbel ma' snin saħansitra iktar qabel (2005-2008) fejn is-sehem varja bejn 7 % u 14 %. L-unika Stati Membri li ġarru l-iskart mingħajr klassifikazzjoni fl-2012, kienu Franza, il-Greċja u l-Lussemburgu.

Fl-2012, 94 % tal-iskart perikoluż tal-UE kien ittrattat fil-pajjiż ta' oriġini 9 . Il-biċċa l-kbira tal-iskart perikoluż li nġarr barra mill-Istati Membri kien iddestinat għal operazzjoni ta' rkupru. Fl-2012 u l-2011, din iċ-ċifra kienet 70 % u fl-2010 kienet 73 %. B'paragun, l-2007-2009 raw proporzjon ikbar ta' skart perikoluż "esportat" iddestinat għall-irkupru, bi 72 %, 73 % u 78 % iddestinati għall-irkupru fl-2009, l-2008 u l-2007 rispettivament 10 .

Fl-2012, 24 % tal-iskart perikoluż li nġarr 'il barra mill-UE27 għall-irkupru oriġina minn Franza. Esportaturi ewlenin oħrajn ta' skart perikoluż għall-irkupru kienu l-Belġju (16 %) u l-Pajjiżi l-Baxxi (14 %). B'paragun, fl-2009, 39 % tal-iskart perikoluż li nġarr 'il barra mill-UE27 għall-irkupru oriġina mill-Pajjiżi l-Baxxi.

Fl-2011, livell massimu rrapportat fl-ammont ta' skart notifikat li ġie esportat lejn pajjiżi mhux tal-OECD kien dovut għal kwantità kbira ta' ossidi tal-ħadid li l-Finlandja esportat lejn iċ-Ċina dik is-sena. Dan l-iskart iktar tard kien ikklassifikat bħala mhux skart u ma ġiex innotifikat iktar mill-awtoritajiet Finlandiżi.

5.Vjeġġi ta' Skart 'il barra mill-Istati Membri

Fl-2012, l-ammont tal-iskart notifikat kollu li nġarr ġewwa l-UE27 kien ta' 17-il miljun tunnellata, li seba' miljun tunnellata minnhom kienu perikolużi. Għall-2011, din iċ-ċifra kienet ta' 16-il miljun tunnellata (li disa' miljuni minnhom kienu perikolużi) u għall-2010 kienet ta' 14-il miljun (li tmien miljun tunnellata minnhom kienu perikolużi). L-ammont medju tal-iskart notifikat kollu li nġarr fis-sena żdied minn 13-il miljun tunnellata fl-2007-2009 għal 16-il miljun tunnellata fl-2010-2012 (tmien miljun tunnellata kienu perikolużi fiż-żewġ perjodi).

Bejn l-2001 u l-2012, il-kwantità tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-Istati Membri żdied b'129 %. Matul l-istess perjodu, l-ammont ta' skart perikoluż li nġarr lejn l-Istati Membri żdied b'127 %, għalkemm l-2012 rat tnaqqis ta' 23 % mis-sena ta' qabel.

L-ammont tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-UE12 11 żdied b'mod qawwi f'dan il-perjodu ta' rapportar, minn 172,000 tunnellata fl-2010 għal 679,000 tunnellata fl-2011 u 692,000 tunnellata fl-2012. Dan kien fil-biċċa l-kbira dovut għal żieda fir-rapportar tal-iskart "importat" u ttrattat fl-operazzjonijiet ta' rkupru fil-Latvja u fis-Slovakkja. Għal-Latvja, l-iskart "importat" kien prinċipalment Fjuwil Derivat mill-Iskart (FDS) għall-irkupru. Għas-Slovakkja, l-"importazzjoni" ewlenija kienet 147,000 tunnellata ta' "skart ieħor", 95 % minnu ntbagħat bil-baħar mill-Awstrija għall-irkupru.

Bħall-2007-2009, il-Ġermanja kienet l-ikbar "importatur" tal-iskart notifikat kollu għal dan il-perjodu ta' rapportar, hekk kif irċeviet sitt miljun tunnellata fl-2012. Franza kienet it-tieni l-ikbar wieħed matul l-istess perjodu, hekk kif "importat" żewġ miljun tunnellata fl-2012. Dawn iż-żewġ pajjiżi kienu wkoll l-ikbar "importaturi" ta' skart perikoluż għaż-żewġ perjodi ta' rapportar, hekk kif irċevew tliet miljun u miljun tunnellata rispettivament fl-2012. B'paragun, Malta ma rċeviet l-ebda skart matul il-perjodu ta' tliet snin, kif kien il-każ fl-2007-2009. Il-Portugall irċieva t-tieni l-ikbar ammont ta' skart b'1,000 tunnellata ta' skart biss "importati" fl-2012, li kollha kemm huma kienu perikolużi.

Kif kien il-każ għall-iskart li nġarr 'il barra mill-UE27, il-grupp Y1-Y18 irrappreżenta l-ikbar kwantità, b'20 % tal-kwantità totali tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-UE27 fl-2012. Is-sehem tal-kategorija Y19-Y45 kien ta' 11 % u s-sehem tal-kategorija Y46-Y47 kien ta' 7 % fl-istess sena. Fl-2010, b'paragun, dawn iċ-ċifri kienu 26 %, 14 % u 8 % rispettivament. Ir-raġuni għal dan it-tnaqqis hija l-istess bħal tal-"esportazzjonijiet" fis-sens li l-ammont ta' skart ikklassifikat permezz tal-kodiċijiet nazzjonali jew tal-UE minflok il-kodiċijiet Y tal-Konvenzjoni ta' Basilea qiegħed jiżdied. 44 % tal-vjeġġi ta' skart lejn l-UE kienu kklassifikati skont il-kodiċijiet nazzjonali jew tal-UE fl-2010 meta mqabbel ma' 61 % fl-2012. Għandu jiġi nnotat li d-dejta għall-2009 ma kinitx disponibbli għall-analiżi.

L-ammont ta' skart li nġarr lejn l-UE27 mingħajr klassifikazzjoni kien ta' 1 % fl-2012 u 0 % fl-2011. B'paragun, din iċ-ċifra kienet 9 % fl-2010 u 13 % fl-2009. Fl-2012, l-uniċi pajjiżi li ma kklassifikawx xi parti mill-iskart kienu l-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Latvja u s-Slovakkja. L-ikbar ammont ta' skart li nġarr mingħajr klassifikazzjoni daħal ġo Franza b'55,000 tunnellata.

Il-biċċa l-kbira tal-iskart perikoluż li nġarr lejn l-Istati Membri tal-UE kien ittrattat f'operazzjoni ta' rkupru. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, is-sehem ta' rkupru naqas. Filwaqt li fl-2003, 89 % tal-iskart perikoluż li nġarr lejn l-UE27 saritlu operazzjoni ta' rkupru, fl-2012, is-sehem ta' rkupru kien 69 %, li jfisser li proporzjon ikbar ta' skart perikoluż kien qiegħed jintbagħat lejn il-faċilitajiet ta' rimi.

Fl-2012, il-Ġermanja "importat" 41 % tal-ammont totali ta' skart perikoluż li nġarr lejn l-UE27 għall-irkupru. Stati Membri oħrajn b'perċentwali għoljin ta' skart perikoluż li kkonsenjat għal rkupru kienu Franza (13 %) u l-Pajjiżi l-Baxxi (12 %). Dawn it-tliet pajjiżi kienu wkoll l-ikbar "importaturi" ta' skart perikoluż għal rkupru fl-2009.

Bħall-perjodu ta' rapportar preċedenti, kważi l-iskart perikoluż kollu u skart notifikat ieħor li nġarr lejn l-Istati Membri fl-2010-2012 oriġina minn Stati Membri oħrajn jew minn pajjiżi EFTA (97 % għal skart perikoluż u 98 % għall-iskart notifikabbli kollu). Is-sehem ta' skart li oriġina minn pajjiżi mhux tal-OECD fl-2010-2012 kien minimu (3 % jew inqas) kemm għall-iskart perikoluż kif ukoll għall-flussi tal-iskart notifikat kollu.

6.Vjeġġi Illegali, Spezzjonijiet u Miżuri ta' Infurzar

Fil-perjodu ta' rapportar għall-2010-2012, kien hemm iktar minn 2,500 każ ta' vjeġġi illegali rrapportati fl-UE27 kollha, bin-numru ta' każijiet dejjem jiżdiedu sena wara sena (madwar 700, 800 u 1000 każ fl-2010, 2011 u 2012, rispettivament) 12 . B'paragun kien hemm 400 każ fl-2009. Ma kienx possibbli li jsiru rapporti fuq dejta relatata mat-tunnellaġġi ta' skart illegali li nġarru minħabba inkonsistenzi fl-unitajiet irrapportati mill-Istati Membri. Pereżempju, diversi pajjiżi kejlu l-iskart li nġarr illegalment bil-"kontenituri" jew it-"tagħbijiet" iktar milli t-tunnellati.

Vjeġġi illegali ta' skart kienu rrapportati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; Malta u Spanja biss irrapportaw żero inċidenti matul il-perjodu ta' rapportar u r-Rumanija każ wieħed biss. Il-Belġju rrapporta l-ikbar numru ta' każijiet fl-2010-2012 u flimkien mal-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi ammontaw għal kważi 60 % tal-każijiet f'dan il-perjodu. Appendiċi A.2.0 għad-dokument ta' ħidma jiġbor fil-qosor din l-informazzjoni.

Il-każijiet irrapportati ta' vjeġġi illegali ta' skart jistgħu jindikaw żieda sinifikanti fin-numru ta' vjeġġi illegali mill-perjodu ta' rapportar preċedenti. Inkella, tista' tirrifletti aħjar ir-rapportar mill-Istati Membri jew miżuri ta' kontroll iktar effettivi, eż. żieda fin-numru ta' verifiki għal għarrieda. Fir-rapport tal-2012 mill-IMPEL 13 , in-numru medju ta' ksur bħala proporzjon tal-ispezzjonijiet fiżiċi kien ta' 25 %. Dan jissuġġerixxi li l-effettività tal-infurzar tal-Istati Membri teħtieġ titjib u li, minkejja ż-żieda fin-numru ta' inċidenti rrapportati, proporzjon kbir ta' vjeġġi illegali ta' skart xorta waħda għadu ma jiġix mikxuf 14 . Dan ta' hawn fuq jissuġġerixxi li n-numru attwali ta' vjeġġi illegali fl-2010-2012 kien ferm ogħla minn dak li kien uffiċjalment irrapportat, għalkemm huwa diffiċli biex jiġi vvalutat l-estent sa fejn dan huwa l-każ.

Ir-rapportar tal-Istati Membri dwar in-numru ta' verifiki għall-għarrieda kien ġeneralment baxx u kien ivarja ħafna. F'xi każijiet, in-numru globali ta' verifiki ġie rrapportat filwaqt li f'oħrajn din iċ-ċifra nqasmet, pereżempju skont in-numru ta' verifiki amministrattivi, skont in-numru ta' verifiki fiżiċi jew skont l-awtorità li wettqet il-verifiki. Dawn l-inkonsistenzi kienu minħabba d-definizzjoni differenti tal-verifiki għall-għarrieda tal-Istati Membri. Pereżempju, il-Belġju ttratta l-"verifiki għall-għarrieda" bħala verifika fiżika waħda, filwaqt li oħrajn (eż. il-Lussemburgu) qisuha bħala operazzjoni usa', possibbilment li tinkludi diversi verifiki fiżiċi. Barra minn hekk, xi pajjiżi setgħu jikkwantifikaw b'mod preċiż in-numru ta' verifiki, filwaqt li oħrajn sempliċement iddikjaraw li l-verifiki seħħew mingħajr ebda referenza għall-frekwenza tagħhom. Skont l-IMPEL, l-ispezzjonijiet amministrattivi u fiżiċi għandhom jitqiesu b'mod separat u mbagħad jiżdiedu flimkien biex jagħtu n-numru totali ta' spezzjonijiet.

Il-Polonja hija eżempju ta' Stat Membru li rnexxielu jissottometti dejta ta' kwalità tajba dwar in-numru ta' verifiki għall-għarrieda mwettqa. Fl-2011, il-Polonja rrapportat 3,200 verifika għall-għarrieda, li 122 u 2,900 minnhom kienu verifiki ta' faċilitajiet u merkanzija, rispettivment. Il-Polonja ġarret 'il ġewwa 77,000 tunnellata ta' skart perikoluż u ġarret 'il barra 14,000 tunnellata fl-2011. Dan ifisser li kien hemm 35 verifika għall-għarrieda għal kull 1,000 tunnellata ta' skart li nġarr. Madankollu, hija meħtieġa dejta iktar robusta biex tiġi stabbilita ċ-ċifra tal-aqwa prattika f'termini ta' numru ta' verifiki għall-għarrieda għal kull 1,000 tunnellata ta' skart li nġarr għall-UE kollha kemm hi (jekk ikun possibbli).

B'mod simili għall-2007-2009, ir-raġunijiet l-iktar komuni għall-illegalità kienu li l-vjeġġi ta' skart kienu saru mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew b'mod li jmur kontra projbizzjoni fuq il-vjeġġi skont ir-Regolament. Miżuri ta' rispons tipiċi kienu jinkludu l-bgħit lura tal-iskart lejn il-pajjiż ta' oriġini u l-għoti ta' multa.

7.Konklużjonijiet Ġenerali

Rapportar u kwalità tad-dejta

Il-perjodu ta' rapportar għall-2010-2012 ra żieda fin-numru ta' tweġibiet sottomessi mill-Istati Membri meta mqabbel mal-perjodu ta' rapportar preċedenti għall-2007-2009.

Ġew osservati diskrepanzi konsiderevoli fl-ammont ta' skart transkonfinali li nġarr kif irrapportat mill-pajjiżi "importaturi" u "esportaturi". Is-sena ta' rapportar l-inqas preċiża kienet l-2011, fejn l-ammont ta' skart perikoluż "importat" kien 17 % ogħla mill-ammont "esportat". Għall-iskart notifikat kollu, din id-differenza kienet ta' 5 %. L-użu ta' skambju elettroniku ta' dejta fl-UE kollha użat mill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri huwa mistenni li jassisti fit-tnaqqis tad-diskrepanzi fir-rapporti tal-futur.

F'dan il-perjodu ta' rapportar kien hemm tnaqqis kontinwu fl-ammont ta' skart li nġarr mingħajr klassifikazzjoni. Fl-2012, 1 % biss tal-iskart inġarr mingħajr klassifikazzjoni. B'paragun, 3 % tal-iskart inġarr mingħajr klassifikazzjoni fl-2009. Dan it-tnaqqis huwa iktar evidenti meta mqabbel ma' snin saħansitra iktar qabel (2005-2008) fejn is-sehem varja bejn 7 % u 14 %.

Rapport li nħareġ fl-2012 mill-IMPEL jindika li n-numru attwali ta' vjeġġi illegali fl-2010-2012 kien konsiderevolmnt ogħla milli kien irrapportat uffiċjalment mill-Istati Membri.

Ġenerazzjoni ta’ Skart Perikoluż

Il-ġenerazzjoni ta' skart perikoluż kienet stabbli matul il-perjodu ta' rapportar. Fl-2012, ġew iġġenerati 76 miljun tunnellata ta' skart perikoluż fl-UE27, fl-2011, 75 miljun u fl-2010 76 miljun tunnellata. Bejn l-2007-2009 u l-2010-2012, l-ammont totali ta' skart perikoluż iġġenerat naqas b'4 %. L-ammont medju ġġenerat fis-sena fl-2007-2009 kien ta' 79 miljun tunnellata meta mqabbel ma' 75 miljun fl-2010-2012. Madankollu, meta wieħed iħares lejn ix-xejra fuq perjodu itwal bejn is-sena 2000 u l-2012, l-ammont ta' skart perikoluż iġġenerat fis-sena tela' b'26 %.

Vjeġġi ta' Skart

Il-perjodu ta' rapportar ra żieda fl-ammont ta' vjeġġi transkonfinali ta' skart notifikat fl-UE27. Fl-2012, l-ammont tal-iskart notifikat kollu li nġarr 'il barra kien ta' 14-il miljun tunnellata, meta mqabbel ma' 12-il miljun tunnellata fl-2009 u 6 miljun tunnellata fl-2001. Fl-2012, l-ammont tal-iskart notifikat kollu li nġarr lejn l-UE27 kien ta' 17-il miljun tunnellata, meta mqabbel ma' 14-il miljun tunnellata fl-2009 u 7 miljun tunnellata fl-2001. Dan jista' jissuġġerixxi li l-UE27 hija importatur nett ta' skart notifikat. 15  

Minkejja ż-żieda fil-vjeġġi transkonfinali globali ta' skart notifikat, dan il-perjodu ta' rapportar ra tnaqqis fil-vjeġġi transkonfinali ta' skart perikoluż. Fl-2012, ħames miljun tunnellata ta' skart perikoluż nġarru 'l barra u seba' miljun tunnellata nġarru lejn l-UE27, u dan jindika li l-UE27 jaf tkun importatur nett ta' skart perikoluż b'żewġ miljun tunnellata. Barra minn hekk, fl-2012, 90 % tal-vjeġġi transkonfinali ta' skart perikoluż saru bejn Stati Membri minflok pajjiżi terzi (din iċ-ċifra kienet ta' 86 % fl-2011 u fl-2010). Dan jindika livell għoli ta' awtosuffiċjenza fir-rigward tat-trattament ta' skart perikoluż fl-UE27.

L-ammont ta' skart perikoluż ittrattat fil-pajjiż ta' oriġini żdied mill-perjodu ta' rapportar preċedenti. Fl-2012, 94 % tal-iskart perikoluż tal-UE27 kien ittrattat fil-pajjiż ta' oriġini. Il-pajjiżi b'rata ta' "esportazzjoni" ta' iktar minn 40 % kienu l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja. B'paragun, fl-2009, 90 % tal-iskart perikoluż tal-UE27 kien ittrattat fil-pajjiż ta' oriġini.

Il-biċċa l-kbira tal-vjeġġi transkonfinali ta' skart perikoluż fl-2012 kienu ttrattati f'operazzjoni ta' rkupru (69 % tal-iskart li nġarr 'il ġewwa u 70 % tal-iskart li nġarr 'il barra mill-Istati Membri). Iż-żewġ ċifri naqsu mill-2009, u dan ifisser li proporzjon ikbar ta' skart perikoluż kien qiegħed jiġi ttrattat fil-faċilitajiet ta' rimi.

Vjeġġi Illegali ta' Skart

Kien hemm iktar minn 2,500 każ irrapportat ta' vjeġġi illegali fl-UE27 kollha bejn l-2010 u l-2012, li madwar 1,000 minnhom kienu rrapportati fl-2012. B'paragun kien hemm 400 każ fl-2009. Madankollu, il-kwalità ħażina tad-dejta dwar il-vjeġġi illegali u n-numru varjat ta' verifiki għall-għarrieda mwettqa jipprevjeni analiżi fid-dettall tal-UE27 u l-prestazzjoni individwali tal-Istati Membri fit-tnaqqis tan-numru ta' dawn il-każijiet.

8.Il-Passi li Jmiss 

It-tnax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Basilea adottat format rivedut għar-rapportar nazzjonali mill-Partijiet biex jirrapportaw għas-sena 2016 'il quddiem. 16 Il-format il-ġdid huwa mistenni li jtejjeb il-kwalità tar-rapportar u b'mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-iskart, billi r-rapportar tal-kodiċijiet ta' skart perikoluż tal-Anness VIII għall-Konvenzjoni (jiġifieri Lista A) sar bilfors.

Mill-1 ta' Jannar 2016, sejrin japplikaw l-emendi riċenti introdotti permezz tar-Regolament (UE) Nru 660/2014. F'dawn l-emendi, il-kelma "verifiki għall-għarrieda" ġiet sostitwita b'definizzjoni ġdida fuq il-kelma iktar ġenerali "spezzjoni" li hija mistennija li ttejjeb il-konsistenza fit-tweġibiet tal-Istati Membri. Skont l-emenda l-ġdida, l-Istati Membri huma mitlubin ukoll jistabbilixxu pjanijiet ta' spezzjoni sal-1 ta' Jannar 2017 li jinkludu sett minimu ta' elementi u bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju li, fost l-oħrajn, ikollhom l-għan li jidentifikaw in-numru minimu ta' spezzjonijiet meħtieġa. Barra minn hekk, l-emenda għandha l-għan li tipprovdi iktar setgħat lill-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet, li jippermettulhom jiddeċiedu dwar il-bażi tal-evidenza ta' jekk sustanza jew oġġett li jinġarr huwiex skart u jekk vjeġġ jistax jiġi kkunsidrat bħala vjeġġ illegali ta' skart.

Kif mħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Ekonomija Ċirkolari adottat fit-2 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni se tieħu miżuri ulterjuri sabiex tiżgura li r-Regolament jiġi implimentat kif xieraq u li s-setturi tal-iskart ta' valur għoli bħal dak tal-vetturi fi tmiem ħajjithom, jiġu mmirati speċifikament biex ma jkunx hemm skular jew ħrib ta' materja prima.

(1)

ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1

(2)

ĠU L 189, 27.06.2014, p. 135

(3)

Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006

(4)

Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006

(5)

Minbarra l-Kroazja li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013

(6)

Ir-rapporti skont l-Artikolu 51(2) mill-Polonja għas-snin 2010 u 2011 kienu l-istess.

(7)

Il-kodiċijiet Y skont il-Konvenzjoni ta' Basilea jiġbru f'kategoriji t-tipi ta' skart li għandhom jiġu kkontrollati skont il-Konvenzjoni. Dawn intużaw bi gradi differenti mill-Istati Membri. Filwaqt li xi pajjiżi użawhom fil-perjodu ta' rapportar kollu, oħrajn ma rrapportawhomx u xi oħrajn iddeċidew li jużaw il-kodiċijiet tal-Lista Ewropea tal-Iskart.

(8)

Dejta dwar il-ġenerazzjoni ta' skart perikoluż tingħata abbażi tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart.

(9)

Minħabba n-nuqqas ta' dejta għall-2012, l-istimi twettqu abbażi ta' dejta eqdem.

(10)

Xi skart perikoluż kien sottomess għal trattament “imħallat” (jiġifieri kombinazzjoni ta' rimi u rkupru)

(11)

Il-pajjiżi li ssieħbu fl-UE mill-2004 ħlief il-Kroazja

(12)

 Huwa probabbli li xi wħud mill-każijiet kienu rrapportati b'mod doppju; darba mill-pajjiż ta' destinazzjoni u darba mill-pajjiż ta' dispaċċ.

(13)

In-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali

(14)

IMPEL (2012) TFS Enforcement Actions III Project Report (March–October 2012), 2012, http://impel.eu/wp-content/uploads/2013/07/IMPEL-Enforcement-Actions-III-Year-1-FINAL-Report-amended-MN-080713.pdf

(15)

Id-diffikultà fit-tfassil ta' konklużjoni ċara tinsab fil-fatt li ġie osservat rapportar eċċessiv tal-importazzjonijiet.

(16)

Dan ma jaffettwax ir-rapport tri-annwali li jmiss tal-Kummissjoni li jkopri l-perjodu 2013-2015.

Top