Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0644

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju

COM/2015/0644 final

Brussell, 16.12.2015

COM(2015) 644 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju


1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jipprovdi valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/122/KE (id-Direttiva dwar it-Timeshares) fl-Istati Membri kif ukoll jevalwa l-effetti tagħha.

Id-Direttiva dwar it-Timeshares tal-2008 ħassret l-eks Direttiva 94/47/KE 1 u mmodernizzat id-dispożizzjonijiet tagħha sabiex tindirizza l-wasla ta' prodotti ġodda fis-suq tal-ivvjaġġar. Hija tkopri firxa usa' ta' servizzi relatati mal-vaganzi kkaratterizzati minn impenn fuq terminu twil jew riskji finanzjarji sinifikanti għall-konsumaturi, jiġifieri:

-    kuntratti tat-timeshare, ta’ tul ta’ aktar minn sena li bih il-konsumatur jakkwista permezz ta’ korrispettiv id-dritt li juża akkomodazzjoni tul lejl għal aktar minn perjodu wieħed ta’ okkupazzjoni;

-    kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perjodu fit-tul li bih il-konsumatur jakkwista permezz ta’ korrispettiv id-dritt li jikseb benefiċċji fir-rigward tal-akkomodazzjoni,separatament jew flimkien ma’ servizzi tal-ivvjaġġar jew servizzi oħrajn (bħal sħubija fil-"klabbs tal-ivvjaġġar bi skontijiet", li joffru skontijiet fuq l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni f'postijiet differenti għal perjodu ta' żmien fiss);

-    kuntratt ta’ skambju li bih il-konsumatur
permezz ta’ korrispettiv jissieħeb f’sistema li tippermettilu jkollu aċċess għal akkomodazzjoni tul lejl jew servizzi oħrajn bi skambju mal-għoti tal-aċċess temporanju lil persuni oħrajn għall-benefiċċji tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tat-timeshare ta’ dak il-konsumatur;

-    kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid li bih kummerċjant, għal korrispettiv, jassisti lil sid ta' timeshare ibigħ mill-ġdid id-drittijiet tiegħu ta' timeshare jew prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul.

B'referenza għal dawn il-kuntratti, id-Direttiva dwar it-Timeshares tispeċifika numru ta' drittijiet tal-konsumatur. Dawn jinkludu regoli stretti dwar l-informazzjoni prekuntrattwali u fil-kuntratt li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, id-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt fi żmien 14 il-jum kalendarju, u projbizzjoni fuq il-pagamenti bil-quddiem matul il-perjodu ta' rtirar.

It-timeshare u prodotti ta' vaganzi fit-tul oħra bosta drabi jistgħu jkunu ta' natura transfruntiera, fejn ir-riklamar u/jew il-konklużjoni tal-kuntratt iseħħ f'pajjiż li ma jkunx il-pajjiż fejn jgħix il-konsumatur, u fejn il-propjetajiet jew il-klabbs konċernati jinsabu f'pajjiżi oħra.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq diversi sorsi ta' informazzjoni:

Minn Awwissu 2013 is-servizzi tal-Kummissjoni bdew iwettqu verifiki dettaljati fuq it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali għall-konformità mad-Direttiva 2008/122/KE.

F'Mejju 2014, ġiet organizzata laqgħa fuq livell tal-Unjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha sabiex issir verifika fit-tħaddim tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha tal-UE. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew ukoll ilmenti direttament mill-konsumaturi, li bagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali bit-tħassib li nġabu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

Studju dwar l-applikazzjoni fil-prattika tad-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE:

It-tħejjija għal dan ir-rapport ġiet appoġġata wkoll minn studju estern li sar fl-2014 2 , inkluż stħarriġ onlajn, 3 segwit minn intervisti ma' partijiet konċernati individwali 4 , u ħames sessjonijiet ta' ħidma reġjonali 5 . Sors importanti ieħor ta' informazzjoni kienet il-bażi ta' dejta għall-ilmenti li ntużat min-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) 6 .

2. It-traspożizzjoni tad-Direttiva

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sat-23 ta' Frar 2011. Erbatax-il Stat Membru ma laħqux din l-iskadenza u l-Kummissjoni għalhekk nediet proċedimenti ta' ksur minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni 7 . L-aħħar Stat Membru li ttraspona bis-sħiħ id-Direttiva kien Spanja f'Marzu 2012. 8 B'hekk, id-Direttiva ġiet trasposta bis-sħiħ fl-UE kollha aktar minn sena wara d-data pjanata. Dan ovvjament kellu impatt fuq id-disponibbiltà ta' dejta sabiex issir il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tagħha fil-prattika.

Filwaqt li 15-il Stat Membru ippromulgaw id-Direttiva permezz ta' leġiżlazzjoni speċifika għas-settur, it-13-il Stat Membru l-oħra ittrasponewha fil-Kodiċi Ċivili tagħhom, fil-Kodiċi dwar il-Konsumatur jew oqfsa ġenerali oħra marbuta mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Minn Awwissu 2013, wara analiżi dettaljata tal-miżuri ta' traspożizzjoni, il-Kummissjoni ħadet sehem fi djalogu ma' 21 Stat Membru 9 biex tikkjarifika ċerti kwistjonijiet ta' traspożizzjoni inkorretta 10 .

Bħala riżultat ta' din il-verifika globali tat-traspożizzjoni, diversi Stati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom; s'issa, id-djalogu għadu għaddej bejn żewġ Stati Membri 11 .

3.L-impatt tad-dispożizzjonijiet orizzontali ewlenin tad-Direttiva

Mill-applikazzjoni tad-Direttiva tal-2008 'l hawn, l-ilmenti reġistrati mill-ECC-Net madwar l-Ewropa naqsu, minn medja ta' 2 150 fis-sena matul l-2008-2011 għal medja ta' 1 820 fl-2012-2013 12 . L-Assoċjazzjoni tal-Kumitati tas-Sidien tat-Timeshare (TATOC) 13 irreġistrat nuqqas sinifikanti fin-numru ta' lmenti dwar is-sidien ta' timeshares mir-Renju Unit, li jikkonċernaw aktar minn nofs l-ilmenti kollha f'dan is-settur skont id-dejta tal-ECC-Net.

It-tnaqqis fin-numru ta' lmenti ħabat mad-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Din id-dejta għalhekk tindika illi - b'mod globali - id-Direttiva dwar it-Timeshares kellha effett pożittiv 14 .

3.1. Id-dritt ta' rtirar

Id-Direttiva dwar it-Timeshares tal-2008 biddlet il-perjodu preċedenti ta' rtirar ta' 10 ijiem b'perjodu armonizzat bis-sħiħ ta' 14-il jum madwar l-UE għall-erba' kuntratti rilevanti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

L-applikazzjoni tad-dritt ta' rtirar

L-istħarriġ onlajn juri li l-armonizzazzjoni sħiħa tad-dritt ta' rtirar jitqies bħala żvilupp pożittiv kemm mill-kummerċjanti u kemm mill-konsumaturi. Madankollu, perċentwal għoli (38.5%) 15 tal-konsumaturi li kellhom xi problemi xorta rrappurtaw illi ma setgħux jeżerċitaw id-dritt ta' rtirar tagħhom 16 . Din il-figura tindika n-nuqqasijiet potenzjali fl-eżekuzzjoni ta' din id-dispożizzjoni 17 .

3.2. L-informazzjoni prekuntrattwali u r-rekwiżiti tal-lingwa

Id-Direttiva introduċiet regoli uniformi dwar il-lingwa u dwar ir-rekwiżiti ta' informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali. Madwar l-UE japplikaw l-istess regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni, li jnaqqsu l-ispejjeż tan-negozji għal pariri legali u li bihom il-konsumaturi jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati. L-annessi tad-Direttiva fihom sett ta' formoli għall-għoti ta' informazzjoni prekuntrattwali armonizzata għall-aħħar u formola standard sabiex tiffaċilita l-irtirar potenzjali tal-konsumatur fi żmien 14-il jum. Id-Direttiva titlob illi l-informazzjoni tingħata b'mezz li jservi għal żmien twil, li jista' jiġi reġistrat, mingħajr ħlas u mingħajr tibdil.

Rigward ir-rekwiżiti tal-lingwa, id-Direttiva stabbiliet illi l-konsumaturi jistgħu jagħżlu li jirċievu l-informazzjoni prekuntrattwali u l-kuntratt innifsu fil-lingwa tal-Istat Membru li jkunu residenti fih jew li jkunu ċittadini tiegħu.

L-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-informazzjoni prekuntrattwali

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru illi, mill-konsumaturi li kkonkludew kuntratt wara l-applikazzjoni tad-Direttiva u kellhom xi problema, 70% ħassew illi ma ġewx infurmati biżżejjed dwar it-termini tal-kuntratt. Meta mqabbla mas-76% tal-konsumaturi 18 li kellhom xi problema bil-kuntratti konklużi qabel id-Direttiva 2008 u ħassew li ġew infurmati ħażin dwar it-termini tagħhom, is-sitwazzjoni ma tantx marret għall-aħjar.

Madankollu, skont l-istudju, ir-regoli l-ġodda dwar l-informazzjoni prekuntrattwali ġeneralment jitqiesu bħala ta' benefiċċju mill-konsumaturi. In-negozji min-naħa l-oħra jħossu illi r-rekwiżiti l-ġodda ħolqu burokrazija addizzjonali u żieda fl-ispejjeż operattivi 19 . Huma jħossu illi l-formola li hemm fl-annessi tad-Direttiva tista' tkun aktar sempliċi.

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-lingwa

Ir-riżultati tal-istħarriġ 20 juru illi, minn mindu bdiet tapplika d-Direttiva, 7% biss (meta mqabbla ma 9% preċedenti) tal-konsumaturi li ħadu sehem fl-istħarriġ irċevew informazzjoni prekuntrattwali f'lingwa li ma jifhmux. Għalhekk, mill-perspettiva ta' konsumatur, din il-kwistjoni ma jidhirx li hija kawża ta' tħassib. Xi negozji tat-timeshares, madankollu, iqisu li dawn ir-rekwiżiti tal-lingwa jqumu l-flus u jitfgħu piż żejjed 21 .

3.3. Il-projbizzjoni fuq il-ħlas bil-quddiem

Ir-regola dwar il-projbizzjoni fuq il-ħlas bil-quddiem matul il-perjodu tal-irtirar inżammet mill-eks Direttiva 94/47/KE. Id-Direttiva dwar it-Timeshares tikkjarifika l-kundizzjonijiet għal din il-projbizzjoni, li tiżgura illi kull tip ta' ħlas - mhux biss lill-kummerċjant iżda lil kull parti terza oħra - jiġi projbit. Hija tapplika wkoll matul il-perjodu estiż ta' rtirar, meta l-kummerċjant ikun naqas li jipprovdi l-informazzjoni kollha rikjesta fil-kuntratt. Ir-riċerka turi illi l-konsumaturi jqisu din id-dispożizzjoni bħala ta' benefiċċju. Il-kummerċjanti, madankollu, jqisu li din il-projbizzjoni tagħmel ħsara lin-negozju tagħhom, għaliex jgħidu illi ħafna konsumaturi ma jiħdux impenn serju fir-rigward tal-kuntratt tat-timeshare 22 .

Minkejja li din id-dispożizzjoni ilha teżisti għal aktar minn 20 sena, ir-riċerka tindika illi fost il-konsumaturi li xtraw prodotti ta' timeshares jew prodotti relatati fl-2012 jew wara u kellhom xi problemi, 80.8% 23 minnhom intalbu jħallsu qabel it-tmiem tal-perjodu ta' rtirar.

Din turi illi n-negozji ma jirrispettawx din id-dispożizzjoni u illi għandha titjieb l-eżekuzzjoni.

4.Il-prodotti tas-servizzi tal-vaganzi koperti mid-Direttiva

4.1. Il-kuntratti tat-timeshare

Issa huwa biżżejjed li kuntratt ta' timeshare idum sena minflok tliet snin kif kienet qabel, biex jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Timeshares.

Id-Direttiva dwar it-Timeshares neħħiet ukoll ir-referenzi stretti għal proprjetà "immobbli" li kienu jinsabu fid-direttiva preċedenti; għalhekk, il-kuntratti għall-akkomodazzjoni fuq il-bastimenti tal-kruċieri, dgħajjes tal-kanali u karavannijiet huma koperti wkoll.

Id-dejta kumparattiva (riżultati tal-istħarriġ tal-konsumaturi, ilmenti ECC-Net)

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru illi l-perċentwal ta' problemi li jaffaċċaw is-sidien tradizzjonali tat-timeshares naqas b'mod sinifikanti minn mindu bdiet tapplika d-Direttiva dwar it-Timeshares 24 . Dan ġie kkonfermat mid-dejta tal-ECC-Net, li juri illi minn mindu bdiet tapplika d-Direttiva dwar it-Timeshares, ġew irreġistrati biss 16% tal-ilmenti marbuta ma din id-Direttiva kontra l-fornituri tradizzjonali tat-timeshares. Dan jissuġġerixxi illi — b'mod globali — id-Direttiva kellha impatt pożittiv fuq is-suq konvenzjonali tat-timeshares fejn għandha x'taqsam il-protezzjoni tal-konsumatur.

Kwistjonijiet mhux koperti mid-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE

Meta ġiet aġġornata l-eks Direttiva 94/47/KE, kien hemm nuqqas ta' provi dwar il-problemi rigward is-suq intern jew il-protezzjoni tal-konsumatur f'dan il-qasam. Id-Direttiva dwar it-Timeshares il-ġdida, għalhekk, ma tistabbilix regoli speċifiċi dwar id-dritt tal-konsumatur li jittermina kuntratt jew dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-propjetajiet b'timeshare u tariffi relatati ta' manutenzjoni. Minħabba li dawn il-kwistjonijiet mhumiex regolati fuq livell Ewropew, l-Istati Membri jistgħu jippromulgaw liġijiet nazzjonali sabiex jiżguraw livell xieraq ta' protezzjoni tal-konsumatur.

1. It-tariffi għall-manutenzjoni

L-istħarriġ juri illi s-sidien tat-timeshares bosta drabi jħabbtu wiċċhom ma żidiet fit-tariffi tal-manutenzjoni jew għas-servizzi mingħajr raġuni oġġettiva. Fost dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ li kellhom xi problema, 71.7% ta' dawk li wieġbu kellhom din il-kwistjoni għal kuntratti konklużi qabel ma bdiet tapplika d-Direttiva, jiġifieri fi żmien meta l-kummerċjanti ma kinux marbuta bir-regoli armonizzati tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni prekuntrattwali 25 . Din il-figura naqset għal 15.4% 26 minn dakinhar. Din id-dejta tindika impatt inizjali tajjeb tar-rekwiżiti tat-trasparenza introdotti mid-Direttiva.

2. It-terminazzjoni tal-kuntratt

Ir-riċerka turi illi t-terminazzjoni tal-kuntratt tat-timeshare hija waħda mill-kwistjonijiet l-aktar problematiċi għall-konsumaturi 27 . Il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratti tat-timeshare ivarjaw skont l-Istat Membru. B'mod partikolari, ġew irrappurtati problemi marbuta mal-perpetwità jew mal-klawżoli għal tul twil ta' żmien marbuta mal-kuntratti tat-timeshare, li għandhom impatt partikolari meta jmut sid it-timeshare u l-benefiċjarju jkun jixtieq itemm il-kuntratt. Dawn il-klawżoli jistgħu u għandhom jiġu opposti skont id-Direttiva 93/13/KE dwar Klawżoli Inġusti f’Kuntratti 28 . Madankollu, ħafna sidien tat-timeshares mhumiex konxji minn din il-possibiltà legali. Din tista' tinbidel permezz ta' attitudni aktar proattiva tal-awtoritajiet nazzjonali tal-eżekuzzjoni, permezz ta' aktar attivitajiet li jqajmu kuxjenza fuq livell nazzjonali u, fejn xieraq, miżuri legali mmirati mill-assoċjazzjonijiet tas-sidien tat-timeshares jew mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Is-sitwazzjoni hija aktar kumplessa f'ċerti pajjiżi (pereż. l-Italja, Spanja, il-Portugall u Franza) fejn dritt tat-timeshare jiġi meqjus bħala dritt fuq propjetà immobbli (u għalhekk is-sidien tat-timeshare jridu jkunu reġistrati fir-reġistri nazzjonali tal-artijiet). Peress illi jitqiesu bħala marbuta intrinsikament mal-propjetà immobbli konċernata, dawn il-kuntratti jintirtu awtomatikament mingħajr kważi l-ebda possibilità għall-benefiċjarju li jtemmhom, sakemm ma jirnexxilux ibigħhom lil ħaddieħor. L-iżviluppi leġiżlattivi riċenti fi wħud minn dawn il-pajjiżi (b'mod partikolari Franza) għandhom l-għan li jsolvu l-kwistjoni billi jippermettu lill-benefiċjarju joħroġ mill-kuntratt matul perjodu speċifiku.

L-impossibbiltà tat-terminazzjoni ta' kuntratti eżistenti ta' timeshare kienet indirizzata b'mod interessanti minn pajjiż mhux tal-UE, fejn is-sidien ta' timeshare kienu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' dawn il-problemi 29 . L-industrija wkoll ħadet passi awtoregolatorji biex tindirizza din il-problema; pereżempju, l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Lokalitajiet Turistiċi talbet lill-membri kollha tagħha 30 biex iwaqqfu programm ta' rtirar għal dawk is-sidien li jixtiequ jitterminaw il-kuntratti ta' timeshare tagħhom sal-aħħar tal-2012 31 .

Dawn l-iżviluppi juru illi din il-kwistjoni tista' tiġi indirizzata mingħajr il-ħtieġa ta' intervent leġiżlattiv speċifiku madwar l-UE kollha. Dan l-intervent jista' joħloq numru ta' sfidi fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tan-nonretroattività tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE u tal-proporzjonalità.

4.2. Il-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal

Fiż-żmien li saret ir-reviżjoni tad-Direttiva 94/47/KE, kien ċar illi n-nuqqas ta' regolazzjoni tal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal ħoloq problemi sostanzjali għall-konsumaturi u n-negozji, kif indikat min-numru ta' lmenti mibgħuta lill-ECC-Net, lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, id-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE tkopri wkoll il-kuntratti marbuta ma' dawn il-prodotti. Prodott tal-vaganzi fuq perjodi twal jista', pereżempju, jikkonsisti fi sħubija fi klabb tal-vaganzi, li jħalli lill-konsumatur jibbukkja l-akkomodazzjoni b'rati ta' skont madwar id-dinja. Id-Direttiva l-ġdida tispeċifika illi l-ħlasijiet għal dawn il-kuntratti jridu jsiru f'pagamenti ta' valur ekwivalenti fis-sena 32 . Barra minn hekk, hija tiċċara illi dawn il-kuntratti jistgħu jiġu terminati mingħajr penali fil-mument meta l-konsumatur jirċievi l-istedina sabiex iħallas it-tieni pagament 33 .

Id-dejta kumparattiva (riżultati tal-istħarriġ, ilmenti ECC-Net)

L-istħarriġ tal-konsumaturi jenfasizza illi kien hemm żieda qawwija fin-numru ta' problemi li kellhom il-konsumaturi b'rabta mal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal, minn 11.9% qabel id-Direttiva għal 57.2% wara d-Direttiva 34 . Bl-istess mod, id-dejta tal-ECC-Net turi illi 57.6% tal-ilmenti kollha marbuta mad-Direttiva dwar it-Timeshares tressqu kontra l-kumpaniji tal-klabbs tal-ivvjaġġar 35 .

Din turi illi l-konformità tal-kummerċjanti tal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal trid tiżdied u illi l-kwistjonijiet marbuta ma' dan in-negozju jistgħu jkunu l-qofol ta' attivitajiet imsaħħa ta' eżekuzzjoni.

4.3. L-iskambju

Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar it-Timeshares, il-kuntratti marbuta mal-iskambju tad-drittijiet ta' timeshare ta' sikwit kienu jagħtu lok għall-ilmenti; li kienu jinkludu sitwazzjonijiet fejn il-professjonisti kienu jagħtu impressjoni qarrieqa lill-konsumaturi li kienu qegħdin joffrulhom għażla kważi illimitata ta' propjetajiet b'timeshare għal dawn l-iskambji. Dawn il-kuntratti ma kinux koperti mid-Direttiva 94/47/KE preċedenti. Illum, id-drittijiet tal-konsumaturi għal informazzjoni prekuntrattwali dettaljata, biex jirtiraw mill-kuntratt fi żmien 14-il jum, u l-projbizzjoni fuq il-kummerċjanti milli jaċċettaw pagamenti bil-quddiem japplikaw għall-kuntratti ta' skambju.

Id-dejta kumparattiva (riżultati tal-istħarriġ, ilmenti ECC-Net)

L-istħarriġ juri illi l-perċentwal ta' problemi marbuta mal-iskemi ta' skambji ta' vaganzi naqas b'mod sinifikanti minn mindu bdiet tapplika d-Direttiva dwar it-Timeshares, minn 31% għal 5.7%. Id-dejta ECC-Net turili l-problemi bil-kuntratti ta' skambju issa huma ftit li xejn (0.6% biss mill-ilmenti kollha marbuta mal-kuntratti koperti mid-Direttiva dwar it-Timeshares). Kien hemm l-istess riżultat mid-dejta tat-TATOC, l-Assoċjazzjoni tal-Kumitati tas-Sidien tat-Timeshares fir-Renju Unit 36 .

Għalhekk, id-Direttiva tidher li kellha impatt pożittiv ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskemi ta' skambju tal-vaganzi.

4.4. Il-bejgħ mill-ġdid

Il-kuntratti tal-bejgħ mill-ġdid kienu speċifikament inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Timeshares tal-2008. Dan sar sabiex ikun hemm protezzjoni tal-konsumatur addizzjonali għal kuntratti fejn il-kummerċjant jassisti lil sid it-timeshare biex jerġa' jbigħ id-drittijiet tat-timeshare tiegħu jew prodott tal-vaganzi fuq perjodu twil. Meta jkunu qegħdin jerġgħu ibigħu, il-konsumaturi ħafna drabi jistgħu jkunu f'pożizzjoni vulnerabbli għal diversi raġunijiet (pereżempju l-istat ta' saħħa, l-età jew sitwazzjoni finanzjarja diffiċli). Ħafna lmenti qamu minħabba din il-kwistjoni, speċjalment fejn l-aġenti tal-bejgħ mill-ġdid ikunu ħadu depożitu għalkemm imbagħad il-bejgħ mill-ġdid ma jkunx sar. Għalhekk, minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali, id-Direttiva dwar it-Timeshares issa tipprovdi għal projbizzjoni fuq kull pagament bil-quddiem li jsir qabel ma jseħħ il-bejgħ tat-timeshare jew tal-prodott tal-vaganzi fuq perjodu twil.

Id-dejta kumparattiva (riżultati tal-istħarriġ, ilmenti ECC-Net)

Skont id-dejta tal-ECC-Net, il-perċentwali ta' lmenti marbuta ma' problemi fil-bejgħ mill-ġdid baqgħet stabbli u relattivament baxxa kemm qabel u kemm wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (madwar 10%).

Skont l-istħarriġ, 93.5% tal-konsumaturi li ppruvaw ibigħu t-timeshare jew prodott tal-vaganzi tagħhom ma rnexxilhomx 37 . Ġew irrappurtati diversi eżempji ta' scams mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u mill-konsumaturi matul il-programm ta' intervisti u s-sessjonijiet ta' ħidma 38 . Dawn l-eżempji jinkludu kumpaniji ta' bejgħ mill-ġdid li sfruttaw sidien vulnerabbli fejn ikkonvinċewhom jaqblu mal-arranġamenti li kienu jinvolvu pagamenti addizzjonali minflok il-bejgħ imwiegħed tal-prodotti tagħhom.

L-awtoritajiet nazzjonali ta' eżekuzzjoni jridu jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa tad-Direttiva dwar it-Timeshares tal-2008 flimkien mal-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra kollha tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (b'mod partikolari id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti). L-applikazzjoni korretta ta' dawn l-istrumenti hija kruċjali fl-indirizzar tal-iscams mill-kumpaniji tal-bejgħ mill-ġdid.

5.Is-servizzi tal-prodotti tal-vaganzi mhux koperti mid-Direttiva u mill-prattiki frawdolenti

Ir-riċerka li tat lok għal dan ir-rapport tenfasizza l-ħsara lill-konsumatur assoċjat mal-prodotti l-ġodda, bħal klabbs tal-vaganzi fuq terminu qasir bi skontijiet (sħubija ta' anqas minn sena) u l-iskemi ta' kreditu għall-vaganzi 39 li ħafna drabi jidhru mfassla biex jaħarbu mid-Direttiva 40 . Ħarġu prattiki kummerċjali oħra li x'aktarx iħawdu lill-konsumatur u jxekklu l-ħila tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom (pereż. kuntratt addizzjonali li jitlob depożitu sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni fuq il-pagament bil-quddiem; offerti qarrieqa li jiġu ppreżentati bħal li kieku "mhumiex timeshare"). Id-Direttiva, għalhekk, tidher li kienet suġġetta għal azzjonijiet imfassla biex jaħarbu mir-rekwiżiti tagħha. L-attenzjoni issa għandha tkun fuq kif għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv dawn l-attivitajiet u kif jiġu mwaqqfa. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja r-reviżjoni tad-Direttiva tal-1994 kienet tgħid biċ-ċar illi d-Direttiva l-ġdida waħedha ma tistax twaqqaf l-attivitajiet tal-kumpaniji li kellhom ħsieb jaħarbu mir-rekwiżiti jew jaġixxu b'mod frawdolenti. L-istħarriġ onlajn jikkonferma illi l-industrija tat-timeshares ukoll taqbel ma' din il-fehma. Hemm bżonn li jkun hemm eżekuzzjoni u kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet rilevanti, inkluż l-awtoritajiet għall-eżekuzzjoni kriminali, sabiex jinqerdu l-kumpaniji frawdolenti u l-kummerċjanti diżonesti 41 .

6.L-interazzjoni mal-istrumenti legali rilevanti l-oħra tal-UE

Id-Direttiva dwar it-Timeshares hija speċifika għas-settur u tikkumplimenta Direttivi orizzontali oħra tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bħal pereżempju, b'mod partikolari, id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali 42 - li hija rilevanti sabiex jiġu indirizzati l-prattiki tal-bejgħ qarrieqa u aggressivi fis-settur - u d-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti, 43 li hija rilevanti meta tiġi evalwata n-natura potenzjalment abbużiva tat-termini kuntrattwali. Madankollu, il-kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE mhumiex soġġetti għad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 44 . Irid jiġi enfasizzat illi, mill-ilmenti kollha relatati mat-timeshare u prodotti simili rreġistrati mill-ECC-Net, 22.7% biss kienu rreġistrati bħala direttament marbuta ma' kwistjonijiet regolati mid-Direttivi tal-2008 jew tal-1994: ħafna mill-ilmenti minflok jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni korretta ta' strumenti oħra ta' protezzjoni tal-konsumatur.

6.1. Id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali

Matul il-perjodu 2007-2013, 29.2% tal-ilmenti kollha rreġistrati mill-ECC-Net dwar timeshares u prodotti simili kienu marbuta mal-prattiki kummerċjali żleali. L-istħarriġ onlajn jiżvela figuri ħafna aktar impressjonanti: minn fost dawk li wieġbu li kellhom xi problema, mhux inqas minn 75% jew 68.6% rispettivament ħassew illi ġew żgwidati minn offerta għal prodott tal-vaganzi fuq perjodu twil jew minn offerta ta' timeshare. 40% jew 54.3% rispettivament ħassew illi saret pressjoni fuqhom biex jidħlu fi tranżazzjoni għal prodott tal-vaganzi fuq perjodu twil, jew fi tranżazzjoni għal timeshare. Id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali tapplika għall-prattiki kummerċjali kollha min-negozji lill-konsumatur, inkluż dawk li jwasslu għal kuntratti suġġetti għad-Direttiva dwar it-Timeshares. Minħabba r-regoli tagħha bbażati fuq prinċipji li jipprojbixxu azzjonijiet u ommissjonijiet qarrieqa u prattiki kummerċjali aggressivi, id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali tippermetti lill-awtoritajiet responsabbli jipproteġu lill-konsumaturi qabel, matul u wara li jkun ġie konkluż il-kuntratt. Il-bejgħ taħt pressjoni u l-iscams tal-bejgħ mill-ġdid għadhom frekwenti f'din l-industrija tal-vaganzi. L-awtoritajiet pubbliċi ta' eżekuzzjoni għalhekk iridu japplikaw b'mod strett ħafna d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali f'din l-industrija.

6.2. Id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti

45% tal-ilmenti marbuta mat-timeshares irreġistrati mill-ECC-Net fl-2012-2013 45 kienu marbuta mat-termini kuntrattwali. Id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti japplikaw għall-kuntratti konklużi bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi b'mod ġenerali, għalhekk tinkludi wkoll il-kuntratti tat-timeshares u tal-vaganzi. Hija tevita żbilanċi sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet b'detriment għall-konsumatur fejn titlob illi, pereżempju, it-termini kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati fuq bażi individwali jiġu mniżżla fil-kuntratt b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem; l-ambigwità tiġi interpretata favur il-konsumaturi; u t-termini kuntrattwali standard inġusti jiġu meqjusa mhux vinkolanti fuq il-konsumatur. Id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti għalhekk tikkumplimenta d-Direttiva dwar it-Timeshares fejn tipproteġi lill-konsumaturi hekk kif jiġi konkluż il-kuntratt. L-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni għandhom jagħmlu użu aktar minnha fis-sitwazzjoni wara li jkun sar il-kuntratt (pereż. f'każijiet fejn it-tariffi għall-manutenzjoni jiżdiedu b'mod unilaterali mingħajr ġustifikazzjoni jew fejn il-klawżoli ta' perpetwità jkunu parti fissa mill-kuntratti). Peress illi l-konsumaturi individwali jista' jkollhom xi diffikultajiet biex jiftħu kawża l-qorti biex jopponu l-kuntratti tagħhom skont id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu aktar attivi biex jgħinu lill-individwi jiddefendu l-interessi tagħhom, u jistgħu jassumu rwol aktar attiv, anke matul il-proċedimenti l-qorti.

6.3. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur

Id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, li bdiet tapplika mit-13 ta' Ġunju 2014, saħħet id-drittijiet tal-konsumatur, b'mod partikolari rigward rekwiżiti armonizzati bis-sħiħ fuq l-informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt ta' rtirar għal kuntratt barra mill-post tan-negozju u mill-bogħod. Għandu jiġu nnutat illi d-Direttiva 2008/122/KE dwar it-Timeshares kienet il-prekursur ta' dawn id-drittijiet tal-konsumatur.

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur tkopri biss il-kuntratti li mhumiex suġġetti għad-Direttiva dwar it-Timeshares. Għalhekk, il-prodotti tal-vaganzi emerġenti mfassla biex jaħarbu mid-Direttiva dwar it-Timeshares jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Din tkopri, pereżempju, kuntratti ta' inqas minn sena jew kuntratti li ma jinkludux l-akkomodazzjoni. F'dawn il-każijiet, japplika d-dritt li tingħata l-informazzjoni prekuntrattwali skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Barra minn hekk, id-dritt ta' rtirar fi żmien 14-il jum mill-konklużjoni tal-kuntratt japplika għall-kuntratti kollha konklużi barra mill-post ta' negozju jew permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod. Jekk il-konsumatur ma jiġix infurmat kif xieraq bid-dritt ta' rtirar tiegħu qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-perjodu tal-irtirar jiġi estiż b'sena, li jwassal għal perjodu ta' rtirar ta' sena u 14-il jum.

7.Is-sensibilizzazzjoni

L-istħarriġ onlajn wera li dawk li wieġbu ma jkunux ġeneralment konxji biżżejjed tan-negliġenzi professjonali possibbli fl-industrija tat-timeshares u tal-klabbs tal-vaganzi 46 .

L-isforzi ta' sensibilizzazzjoni saru f'numru ta' Stati Membri anke qabel ma bdiet tapplika d-Direttiva dwar it-Timeshare.

Fid-Danimarka, programm televiżiv li investiga l-iscams fil-vaganzi xxandar fuq wieħed mill-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni fil-ħarifa tal-2013. Wara din ix-xandira ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi Daniż irċieva ħafna mistoqsijiet mill-konsumaturi li kellhom bżonn l-għajnuna.

Fir-Renju Unit, ġiet imwaqqfa task force speċjali — "Action Fraud" — sabiex tinforma lill-konsumaturi dwar l-iscams relatati mal-vaganzi u sabiex tidentifika u tinvestiga l-frodi. L-Uffiċċju għall-Kummerċ Ġust (issa l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Swieq) bdiet kampanji fl-ajruporti biex tavża lill-konsumaturi bir-riskji assoċjati mal-akkwist ta' timeshare minn barra u scams potenzjali marbuta mal-vaganzi. Minkejja dawn il-miżuri, il-konsumaturi fir-Renju Unit għadhom fost l-aktar vittmi frekwenti tal-kummerċjanti frawdolenti 47 .

Fl-2014, kien hemm it-tnedija ta proġett konġunt bejn diversi Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi, sabiex jiġu żviluppati ideat għal kampanji ta' prevenzjoni effettivi. Dan il-proġett jinvolvi l-iżvilupp ta' ideat għall-konsumaturi u se jipprovdi materjal għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni li se tiġi mxandra fuq l-internet. Iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi se jtellgħu dawn l-ideat fuq is-siti elettroniċi tagħhom u se ssir promozzjoni attiva tagħhom.

Huwa ċar illi aktar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex titjieb l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi jkunu ta' benefiċċju. Il-ħidma taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi huma pass fid-direzzjoni t-tajba.

8.L-awtoregolamentazzjoni tal-industrija u l-kodiċi ta' kondotta

Il-kodiċi ta' kondotta

Ir-riċerka tindika illi kemm l-assoċjazzjonijiet tan-negozji u kemm dawk tal-konsumaturi huma lesti li jikkontribwixxu lejn eżekuzzjoni aħjar tad-Direttiva dwar it-Timeshares. Kemm l-Organizzazzjoni dwar l-Iżvilupp ta' Lokalitajiet Turistiċi u t-TATOC 48 jitolbu lill-membri tan-negozji tagħhom biex iħarsu l-kodiċi ta' kondotta tagħhom. Huma ħadu wkoll miżuri oħra marbuta mar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex itejbu l-immaġni tal-industrija kollha kemm hi. Dawn il-kodiċijiet jipprovdu qafas għall-awtoregolamentazzjoni li jista' jiġi msaħħaħ permezz tal-ħidma tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi tad-drittijiet tagħhom u tal-perikli li jippreżentaw il-kummerċjanti diżonesti.

9.Ir-riżoluzzjoni Alternattiva U Onlajn tat-Tilwim (il-PJATTAFORMA ADR U ODR)

Madwar l-UE, iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi jistgħu jgħinu lill-konsumaturi fil-proċess ta' tressiq ta' lment lill-kummerċjanti permezz tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim tagħhom. L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar it-Timeshares titlob lill-Istati Membri sabiex iħeġġu lill-kummerċjanti jistabbilixxu proċeduri ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim. B'rabta mat-timeshare, din għadha fi stadju bikri, iżda huwa mistenni li d-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għat-Tilwim tal-Konsumaturi (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) li kellha tiġi applikata fl-Istati Membri kollha mid-9 ta' Lulju 2015 ittejjeb is-sitwazzjoni. Hija se tiżgura illi l-entitajiet u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim ikunu disponibbli għall-konsumaturi madwar l-UE u li l-konsumaturi jkunu konxji li teżisti r-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim permezz ta' obbligi ta' informazzjoni fuq il-kummerċjanti.

Ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riżoluzzjoni Onlajn tat-Tilwim wkoll mistenni jkompli jiffaċilita l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi kemm għal tilwim kuntrattwali domestiku u transfruntier dwar l-obbligi kuntrattwali ġejjin mill-kuntratti ta' bejgħ jew ta' servizzi onlajn. Mid-9 ta' Jannar 2016, permezz tal-pjattaforma tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Onlajn il-konsumaturi se jkunu jistgħu jissottomettu dan it-tilwim b'mod elettroniku u jiġu ggwidati lejn l-entitatjiet ta' kwalità għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim innotifikati lill-Kummissjoni skont id-Direttiva dwar l-ADR għall-konsumaturi. Xi kumpaniji u assoċjazzjonijiet tas-sidien tat-timeshares diġà jipprovdu skemi għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim. Pereżempju, fl-2005 l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp ta' Lokalitajiet Turistiċi waqqfet l-iskema tagħha ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim għall-industrija tat-timeshares. Filwaqt li dan huwa żvilupp pożittiv, dawn il-mekkaniżmi għadhom mhux effettivi b'rabta mal-operaturi diżonesti.

10.L-eżekuzzjoni tad-Direttiva

Kwistjonijiet ta' eżekuzzjoni skont il-pajjiż tal-kummerċjant u l-konsumatur

Madwar nofs l-ilmenti kollha li ġew irreġistrati fil-bażi tad-dejta tal-ECC-Net bejn l-2007 u l-2013 dwar timeshares u prodotti relatati saru minn konsumaturi mir-Renju Unit 49 . Il-maġġoranza assoluta ta' lmenti tal-konsumaturi rreġistrati mill-ECC-Net saru kontra l-kummerċjanti bbażati f'Spanja 50 .

Il-penali disponibbli

Il-proċeduri ta' eżekuzzjoni u l-penali jvarjaw b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar kif ikunu konformi mad-Direttiva dwar it-Timeshares fir-rigward tal-forniment ta' mezzi ta' eżekuzzjoni effettivi u kif jimponu penali effettivi, proporzjonali u dissważivi sabiex jassiguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha min-naħa tal-kummerċjanti.

Il-penali disponibbli lill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni f'każ ta' ksur tad-Direttiva jvarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri - minn multi amministrattivi ta' EUR 1 500 għal multi ta' aktar minn EUR 100 000 jew multi bbażati fuq il-fatturat annwali tal-kummerċjant, pereż. sa massimu ta' 10% 51 .

L-investigazzjoni tal-pulizija u l-prosekuzzjoni kriminali

Minħabba n-numru kbir ta' lmenti mill-konsumaturi rreġistrati minn diversi organizzazzjonijiet, il-penali li jipprovdu għalihom il-liġijiet nazzjonali tal-konsumaturi ma jidhrux li huma biżżejjed biex jiskoraġġixxu l-kummerċjanti diżonesti 52 . M'hemmx definizzjoni ta' "frodi" bħala reat kriminali li tapplika mal-UE kollha 53 ; madankollu, ma jidhirx li din hija problema, għaliex l-Istati Membri kollha, taħt ċerti ċirkostanzi, jikklassfikaw il-frodi bħala reat kriminali fil-liġi kriminali tagħhom; dan ir-reat normalment ikopri l-prattiki li għandhom l-għan li jqarrqu bi ħsieb lill-konsumaturi u jeħdulhom flushom mingħajr ma jkunu beħsiebhom jagħtu servizz, jew jipprovdu prodott bil-karatteristiċi li jkunu wegħduhom. Għalhekk m'hemmx indikazzjoni ta' bżonn għal definizzjoni ta' frodi li tapplika mal-UE kollha, iżda minflok hemm bżonn li jkun hemm applikazzjoni aktar ambizzjuża tal-liġi kriminali f'dak il-qasam. L-Istati Membri għalhekk għandhom jiġu mħeġġa jkollhom approċċ aktar attiv rigward l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-prattiki frawdolenti. 54

F'xi Stati Membri, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kummerċjanti diżonesti involuti fi scams tal-konsumaturi ma titqiesx bħala prijorità. Fil-valutazzjoni tas-serjetà ta' din il-kondotta għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-firxa sħiħa tar-reat (inkluż il-ħasil tal-flus) u l-parteċipazzjoni potenzjali tal-organizzazzjonijiet kriminali.

L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji kienu attivi ħafna meta assistew lill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' kondotta frawdolenta mwettqa mill-kumpaniji. B'riżultat ta' din l-assistenza, infetħu b'suċċess diversi kawżi kriminali kontra kummerċjanti diżonesti. 55  

Id-dimensjoni transfruntiera ta' dawn il-prattiki frawdolenti u l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi (il-pulizija, is-servizzi tal-prosekuzzjoni, il-qrati) jiddependu ħafna fuq it-tħaddim b'suċċess tal-kooperazzjoni stabbilita fil-liġi kriminali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-istrumenti attwali tal-UE għall-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali jipprovdu qafas legali komprensiv għal dan il-għan. Id- Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni tal-Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali se tiffaċilita l-ġbir tal-provi mill-awtoritajiet ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor matul xi investigazzjoni 56 Il-miżuri investigattivi koperti minn din id-Direttiva jinkludu, pereżempju, il-mistoqsijiet lix-xhieda, il-kisba ta' informazzjoni jew provi li qegħdin diġà f'idejn l-awtorità ta' eżekuzzjoni, u (b'salvagwardji addizzjonali) l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u l-informazzjoni dwaril-kontijiet bankarji u s-sorveljanza tagħhom. Fir-rigward tal-istadju ta' prosekuzzjoni, il-Mandat ta' Arrest Ewropew (stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI ) huwa għodda verament effettiva għall-arrest u sussegwentement iċ-ċediment ta' persuna rikjesta għall-għanijiet tat-tmexxija ta' prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' ħabs jew ordni ta' detenzjoni.

Il-fatturazzjoni tal-karta ta' kreditu jew debitu bħala rimedju

Il-possibiltajiet ta' fatturazzjoni offerti mill-fornituri ta' mezzi ta' ħlas ġew identifikati bħala wieħed mill-aktar mezzi effettivi fuq terminu qasir sabiex jinkiseb rimedju meta jkun hemm ksur tad-Direttiva 2008/122/KE dwar it-Timeshares. Dan huwa proċess fejn il-konsumaturi jistgħu jitolbu lill-fornitur tal-karta ta' kreditu jew debitu tagħhom ireġġa' lura tranżazzjoni magħmula bil-karta jekk ikun hemm problema bl-oġġett jew servizz akkwistat, speċjalment jekk tista' tiġi ppruvata attività illegali. Studji wrew illi dan il-metodu ntuża b'suċċess sabiex ikun hemm rimedju għal konsumaturi li ġew mitluba jħallsu bil-quddiem u wara ma setgħux jeżerċitaw id-dritt ta' rtirar tagħhom. Id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern (PSD) 57 u d-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur (CCD) 58 jiffurmaw il-bażi legali ewlenin għal talba ta' fatturazzjoni. Rigward il-fatturazzjoni minħabba nuqqas ta' konformità tal-oġġetti jew servizzi, japplika l-Artikolu 15 59 tad-Direttiva 2008/48/KE, li jkopri l-fatturazzjoni tal-karta ta' kreditu. L-akkwisti fejn jistgħu jintużaw il-karti ta' kreditu jistgħu, madankollu, jiġu koperti mil-liġi nazzjonali 60 jew mir-regoli operattivi tal-kumpaniji ta' dawn il-karti. L-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur għandhom, fejn xieraq, javżaw lill-konsumaturi b'mod sistematiku biex jitolbu lill-banek tagħhom għat-treġġigħ lura tal-ħlas, u malajr kemm jista' jkun minħabba li jistgħu japplikaw xi skadenzi 61 .

11.Konklużjonijiet

Abbażi ta' dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva:

Rigward aspetti tat-timeshare, prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal, il-bejgħ mill-ġdid u l-kuntratti ta' skambju li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, id-Direttiva dwar it-Timeshares tidher li b'mod globali hija għodda utli għall-protezzjoni tal-konsumaturi f'dan is-settur speċifiku tal-vaganzi.

Rigward aspetti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha (bħat-terminazzjoni tal-kuntratti) għad hemm il-problemi. Madankollu, l-analiżi turi illi dawn l-aspetti jistgħu jiġu indirizzati b'suċċess permezz ta' intervenzjonijiet immirati fuq livell nazzjonali, miżuri ta' awtoregolamentazzjoni effiċjenti u eżekuzzjoni aqwa ta' strumenti rilevanti oħra tal-UE dwar il-liġi tal-konsumatur.

Madankollu trid tingħata attenzjoni speċjali lill-iskemi u prattiki ġuridiċi li għandhom l-għan li jaħarbu d-Direttiva. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti u d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali kollha jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati dawn l-evażjonijiet. Il-gwida riveduta għad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali ser, fost l-oħrajn, tindirizza l-interazzjoni bejnha u d-Direttiva dwar it-Timeshares 62 .

F'dan l-istadju, ma jidhirx li hemm bżonn li jiġu mmodifikati la l-iskop u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Sabiex id-Direttiva ssir aktar effettiva, hemm bżonn li l-awtoritajiet nazzjonali ta' eżekuzzjoni jiġu mħeġġa jiffukaw fuq ċerti prattiki kummerċjali u kummerċjanti. Dan huwa l-każ partikolarment fi Spanja, li hija konċernata b'nofs l-ilmenti kollha rappurtati liċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi madwar l-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja.

Fejn tip ta' kondotta tindika l-liġi kriminali, l-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni tal-liġi jridu jiġu infurmati malajr sabiex jibdew investigazzjonijiet kriminali. Id-dimensjoni transfruntiera tal-prattiki frawdolenti jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv permezz ta' użu aqwa tal-miżuri tal-kooperazzjoni tal-liġi kriminali, stabbiliti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. L-istrumenti attwali tal-UE għall-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali diġà jipprovdu qafas legali komprensiv għal dan il-għan.

Mezzi alternattivi potenzjali sabiex jiġu indirizzati l-problemi attwali, pereż. kampanja ta' sensibilizzazzjoni, l-awtoregolamentazzjoni u l-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim kollha jistgħu jħallu impatt pożittiv. F'dan ir-rigward, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi ppreparaw taqsima dedikata fuq is-siti elettroniċi tagħhom b'ideat għall-konsumaturi li dalwaqt jiġu mnedija 63 .

Aktar strateġiji komprensivi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur jistgħu jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex jiżguraw illi ċ-ċittadini tagħhom ikunu aktar infurmati dwar scams potenzjali. Il-prevenzjoni hija l-aktar mod effettiv ta' protezzjoni tal-konsumaturi. Ir-riċerka turi illi n-negozji leġittimi jaħdmu attivament fuq ir-reputazzjoni tagħhom u jridu jiġu meqjusa konformi mar-reġim regolatorju tal-UE. L-assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lil dawn in-negozji u lill-klijenti tagħhom ifasslu kodiċi ta' kondotta, iwaqqfu mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim u jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni meta jikxfu l-kummerċjanti frawdolenti f'dan is-settur tal-vaganzi.

Il-Kummissjoni ħadet il-miżuri neċessarji skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea f'każijiet fejn Stat Membru jonqos milli jissodisfa l-obbligi ta' traspożizzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni se teżerċita wkoll is-setgħat tagħha skont dan l-Artikolu kull meta Stat Membru jonqos mill-obbligi ta' eżekuzzjoni tiegħu Għal din ir-raġuni, is-servizzi tal-Kummissjoni fetħu djalogu ma' Spanja rigward l-eżekuzzjoni korretta tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, fejn ikun xieraq, iżidu l-azzjonijiet ta' eżekuzzjoni tagħhom, anke permezz tan-netwerk ta' Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi, 64 u tiżgura illi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu mħarsa fl-Istati Membri kollha. Se jiġu meqjusa wkoll passi ulterjuri, bħal sessjonijiet ta' ħidma mmirati flimkien ma' partijiet konċernati ewlenin. Jekk titqies xierqa fid-dawl tal-ammont u tal-impatt tal-attivitajiet li jsiru fuq livell nazzjonali b'rispons għal dan ir-rapport, tista' tinħareġ valutazzjoni addizzjonali fuq l-istat globali tal-applikazzjoni tad-Direttiva fi żmien tliet snin.

(1)

 Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare

(2)

Studju ta' Evalwazzjoni dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE miċ-Ċentru għas-Servizzi ta' Strateġija u Evalwazzjoni (CSES) disponibbli fuq

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/travel/timeshare/index_en.htm

(3)

Ara p.3 tar-Rapport Finali CSES u l-anness B, p.102. Ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ onlajn iridu jiġu interpretati bil-galbu għaliex primarjament qabad l-attenzjoni tal-konsumaturi li esperjenzaw diffikultajiet relatati mal-prodott tal-ivvjaġġar tagħhom. Għalhekk, ir-riżultati tal-istħarriġ onlajn jiffukaw fuq l-istruttura tal-problemi — ġew ikkunsidrati biss it-tweġibiet tal-konsumaturi li kellhom xi problema. Barra minn hekk, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu (89.1%) ikkonkludew il-kuntratti tagħhom qabel l-2012, jiġifieri qabel bdiet tapplika d-Direttiva. Kważi 60% tal-konsumaturi li wieġbu fl-istħarriġ ikkonkludew il-kuntratt tagħhom fi Spanja.

(4)

L-intervisti saru ma 88 awtorità nazzjonali, assoċjazzjonijiet tat-timeshares u tal-konsumaturi, ditti tal-avukati speċjalizzati, negozji tat-timeshares u konsumaturi individwali.

(5)

Is-sessjonijiet ta' ħidma saru f'dawk l-Istati Membri b'sehem sinifikanti fis-suq tat-timeshares, jiġifieri Franza, Malta, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

(6)

Ġiet analizzata d-dejta tal-ilmenti tal-ECC-Net irreġistrata fl-2007-2013. L-informazzjoni kienet tinkludi l-pajjiż ta' oriġini tal-ilmentatur (il-konsumatur), il-pajjiż tal-oriġini tal-kummerċjant, il-klassifikazzjoni tal-ilment skont l-istrument tal-UE li kien japplika f'dik is-sitwazzjoni partikolari, u l-klassifikazzjoni tal-problema.

(7)

Il-proċedimenti ta' ksur saru kontra l-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

(8)

Il-każijiet ingħalqu mill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2012. Ara: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-528_en.htm .

(9)

L-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja, Spanja u r-Renju Unit.

(10)

Ara l-Kapitolu 2.3, p.13 tar-rapport finali tas-CSES. It-traspożizzjoni inkorretta seħħet primarjament minħabba n-nuqqas ta' fehim u interpretazzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Kwistjoni li reġgħet qamet hija t-traspożizzjoni tal-Artikoli 9(2) u 10(2). L-Istati Membri konċernati kollha ħlief wieħed emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom.

(11)

Spanja (implimentazzjoni ħażina) u r-Repubblika Ċeka (traspożizzjoni ħażina).

(12)

Ir-rapport finali tas-CSES, punt 3.3.1, f'p.30.

(13)

 L-Assoċjazzjoni tal-Kumitati tas-Sidien ta' Timeshares (TATOC) hija assoċjazzjoni tal-konsumaturi għas-sidien ta' timeshares tar-Renju Unit ( www.tatoc.co.uk ). Skont l-istatistika tagħhom, fl-2010 ġew irreġistrati 1537 ilment meta mqabbla ma' 781 biss fl-2013; ara wkoll ir-rapport finali tas-CSES, tabella 3.11.

(14)

Minħabba n-nuqqas ta' dejta oħra disponibbli u ż-żmien relattivament qasir tal-applikazzjoni tad-Direttiva, ma jistgħux isiru konklużjonijiet finali minn din id-dejta.

(15)

Il-Figura 3.6 tar-rapport finali tas-CSES.

(16)

Għal dawk li wieġbu u li xtraw it-timeshare jew prodotti relatati oħra qabel ma bdiet tapplika d-Direttiva tal-2008, 27% biss irrappurtaw l-istess problema.

(17)

Madankollu, l-ebdainformazzjoni ulterjuri mhija disponibbli minn xi sors ieħor li tista' tikkonferma l-impatt tad-Direttiva.

(18)

Dawn il-figuri jiġbru fil-qosor ir-riżultati tal-istħarriġ fit-Tabella 4.3, p.39 tar-rapport finali tas-CSES.

(19)

It-tabella 4.2, p. 40 tar-rapport finali tas-CSES; iż-żidiet reali fl-ispejjez tan-negozji ma ġewx ikkwantifikati fl-istudju.

(20)

 It-tabella 4.3, p. -41 tar-rapport finali tas-CSES

(21)

Din l-informazzjoni hija bbażata fuq intervisti u tweġibiet għal kwestjonarji onlajn min-negozji. Il-figuri eżatti mhumiex disponibbli biex jiġu kkwantifikati dawn l-ispejjeż.

(22)

Din l-informazzjoni hija bbażata fuq intervisti u tweġibiet għal kwestjonarji onlajn min-negozji. Il-figuri eżatti mhumiex disponibbli biex jiġu kkwantifikati dawn l-ispejjeż.

(23)

Il-Figura 3.6 tar-rapport finali tas-CSES.

(24)

46.3% qabel id-Direttiva tal-2008, kontra 17.1% wara.

(25)

Ara b'mod partikolari d-deskrizzjoni dettaljata tal-prezz, inkluż l-ispejjeż addizzjonali obbligatorji u t-tariffi kontinwi l-oħra, fil-formola standard ta' informazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva.

(26)

Il-Figura 3.6 tar-rapport finali tas-CSES.

(27)

Il-proġett ta' riċerka li sar f'Lulju 2014 imħejji mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq (CMA) tar-Renju Unit bl-isem "It-trasferiment tat-timeshares u prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal — rapport għall-BĦI (Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali) u għall-Kummissjoni Ewropea". Dan il-proġett jitratta speċifikament id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom is-sidien tat-timeshare u tal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal fir-Renju Unit meta jiġu biex ibigħu d-drittijiet tagħhom jew b'mod ieħor jitterminaw il-kuntratti tagħhom.

(28)

Din is-sitwazzjoni tiġi analizzata f'aktar dettall fit-taqsima 6. 2.

(29)

L-imsemmija riċerka tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq fir-Renju Unit irrappurtat illi, fl-Iżrael, emenda riċenti fil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur tippermetti lill-konsumaturi jikkanċellaw it-timeshares li jkunu ftiehmu dwarhom qabel l-24 ta' Marzu 2014 billi jibagħtu biss avviż bil-miktub. Il-kanċellazzjoni tidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-perjodu annwali li jmiss u l-kummerċjant ma jistax jitlob li jitħallas xi tariffi ħabba l-kanċellazzjoni. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-24 ta' Settembru 2014 u tapplika għat-timeshares li qegħdin fl-Iżrael. Hija għalhekk tapplika wkoll għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom timeshares hemmhekk.

(30)

L-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp ta' Lokalitajiet Turistiċi hija assoċjazzjoni kummerċjali madwar l-UE kollha għas-sjieda tal-postijiet għall-vakanzi madwar l-Ewropa. Hija tiġbor flimkien kummerċjanti ta' diversi tipi ta' prodotti tal-ivvjaġġar. Ara wkoll: http://www.rdo.org/ .

(31)

Dawn it-tip ta' mezzi ta' ħruġ jinkludu l-possibiltà għas-sidien li jieħdu prodott għal żmien qasir li jispiċċa wara numru fiss ta' snin, jew jiggwidaw is-sidien lejn hekk imsejjaħ "klabb ta' ħruġ" li jagħti lill-membri tiegħu l-possibiltà li jitilqu mingħajr ma jeħlu penali wara perjodu minimu ta' żmien (li tipikament ivarja minn sentejn sa ħames snin).

(32)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/122/KE.

(33)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar it-Timeshares 2008/122/KE.

(34)

L-aktar kwistjoni frekwenti marbuta mal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodi twal hija n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta' informazzjoni prekuntrattwali (informazzjoni qarrieqa dwar il-prodott, informazzjoni qarrieqa dwar il-possibbiltà ta' bejgħ mill-ġdid u dwar id-dritt ta' rtirar) ara l-Figura 3.2 fir-rapport finali tal-CSES

(35)

It-tabella 3.10 tar-rapport finali tas-CSES.

(36)

It-tabella 3.11 tar-rapport finali tas-CSES (14-il każ biss fl-2013 meta mqabbla mal-277 każ marbuta mal-kuntratti ta' bejgħ mill-ġdid fl-istess perjodu).

(37)

It-tabelli 4.6 u 4.7 tar-rapport finali tas-CSES – dan, madankollu, jista' jkun biss indikazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tas-swieq tat-timeshares u tal-prodotti tal-vaganzi fuq perjodu twil.

(38)

 It-tnejn kienu organizzati fi ħdan l-istudju tas-CSES.

(39)

L-iskemi ta' kreditu għall-vaganzi jdumu inqas minn 365 jum (is-soltu madwar 360 jum) bil-wegħda ta' riżervazzjonijiet futuri tal-vaganzi b'xejn jew bi skont. Huma joffru għażla ta' servizzi, bl-akkomodazzjoni tkun biss waħda minn fost ħafna (anke jekk xi kultant ma tkunx imsemmija bil-miktub fil-kuntratt).

(40)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi tar-Renju Unit irrapporta illi l-ilmenti tal-konsumaturi dwar l-iskemi ta' kreditu għall-vaganzi żdiedu b'140% fis-sena sal-aħħar ta' Marzu 2013 — 60 ilment kontra l-25 fl-2012.

(41)

Ara t-taqsima 10 ta' dan ir-Rapport: L-Eżekuzzjoni ta' din id-Direttiva, sottotaqsima " L-investigazzjoni tal-pulizija u l-prosekuzzjoni kriminali".

(42)

Id-Direttiva 2005/29/KE, ĠU L 149 tal-11 ta' Ġunju 2005, p. 22

(43)

Id-Direttiva 93/13/KEE, ĠU L 95 tal-5 ta' April 1993, p. 29

(44)

 Id-Direttiva 2011/83/UE, ĠU L 304 tat-22 ta' Novembru 2011, p. 64

(45)

Il-Figura 3.8 tar-rapport finali tas-CSES.

(46)

33.2% ta' dawk li wieġbu ma kienu jafu b'xejn, u 35.3% oħra minn dawk li wieġbu ma kinux jafu sew bihom. 10% biss kienu jafu sew bin-negliġenzi professjonali fl-industrija tat-timeshares u tal-vaganzi. Ara t-tabella 4.8 tar-rapport finali tas-CSES.

(47)

Id-dejta tal-ECC-Net tindika illi madwar nofs l-ilmenti dwar it-timeshare u prodotti relatati li ġew irreġistrati bejn l-2007-2013 saru minn konsumaturi mir-Renju Unit.

(48)

It-TATOC (ara n-nota f'qiegħ il-paġna 12) toffri l-possibiltà lin-negozji leġittmi li jsiru kumpaniji affiljati. It-TATOC għandha kodiċi ta' kondotta u mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim tagħha stess.

(49)

Kważi wieħed minn kull ħames ilmenti saru minn konsumaturi residenti fil-pajjiżi Nordiċi (b'mod partikolari l-Iżvezja u n-Norveġja). Konsumaturi konċernati oħra ġejjin mill-Ġermanja, mill-Belġju u min-Netherlands. Ara l-Kapitolu 3.3.2 tar-rapport finali tas-CSES.

(50)

Aktar minn 75% tal-ilmenti kollha rreġistrati bejn l-2007 u l-2013 kienu jikkonċernaw kummerċjanti Spanjoli, segwiti minn 10% tal-ilmenti kontra kummerċjanti bbażati l-Greċja u 5% kontra dawk ibbażati Malta.

(51)

L-Estonja — il-pajjiż bl-aktar penali baxxi — dan l-aħħar biddlet il-leġiżlazzjoni tagħha. Il-penali attwali issa hija ta' EUR 9 600 minflok dik oriġinali ta' EUR 640. Ara l-Kapitolu 6.3 tar-rapport finali tas-CSES.

(52)

Ara l-Kapitolu 4.6 u t-tabella 4.9 tar-rapport finali tas-CSES: madwar 60% tan-negozji li ħadu sehem fl-istħarriġ jemmnu illi d-Direttiva, minkejja li tipprovdi protezzjoni sostanzjali lill-konsumaturi, mhix effettiva biżżejjed rigward il-kummerċjanti diżonesti, li bi ħsieb jiksru l-liġijiet tal-konsumaturi.

(53)

Hemm definizzjoni ta' frodi li tapplika mal-UE kollha fil-każ ta' frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, li issa ġiet inkluża fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta' Lulju 1995. Din il-Konvenzjoni se tiġi sostitwita minn Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali, li bħalissa qiegħda tiġi negozjata fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill (ara COM(2012) 363 tal-11 ta' Lulju 2012.

(54)

L-effettività ta' din il-miżura tista' tintwera permezz ta' eżempju: in-nuqqas sinifikanti fin-numru ta' lmenti rreġistrati miċ-Ċentru għall-Konsumaturi Żvediz fl-2013. Dan id-distakk seħħ fl-istess żmien meta saru żewġ operazzjonijiet ewlenin mill-pulizija fl-2013 kontra l-kummerċjanti diżonesti fis-settur tal-ivvjaġġar fi Spanja (id-destinazzjoni ewlenija għall-vaganzi tal-konsumaturi Żvedizi). B'riżultat tagħhom, 18-il kumpanija fi Spanja għalqu.

(55)

Mindtimeshare, assoċjazzjoni reġistrata fi Spanja li tirrapreżenta l-interessi tas-sidien Ewropej tat-timeshares li kienu vittimi ta' frodi, kienet attiva ħafna fl-għoti ta' assistenza lill-awtoritajiet pubbliċi biex jittieħdu miżuri kontra kumpaniji mingħajr skrupli. B'riżultat tagħhom, 18-il kumpanija fi Spanja għalqu fl-2013. Fi Franza, l-assoċjazzjoni tal-konsumaturi APAF-VTP kienet attiva ħafna u tat sehemha fil-kundanna ta' kummerċjanti diżonesti, pereż. il-każ ta' Hakim Bouri, 9 ta' Jannar 2014 u l-każ ta' Christine Dricot, fl-24 ta' Jannar 2014 (rapport finali CSES, Kapitolu 6.5, p.83).

(56)

Din id-Direttiva trid tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-22 ta' Mejju 2017.

(57)

Id-Direttiva 2007/64/KE tipprovdi l-bażi legali għal fatturazzjoni minħabba użu mhux awtorizzat ta' karti

(58)

Id-Direttiva 2008/48/KE tipprovdi l-bażi legali għal fatturazzjoni minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-oġġetti jew tas-servizzi.

(59)

 L-Artikolu 15 – 1. Fejn il-konsumatur ikun eżerċita dritt ta' rtirar ibbażat fuq il-liġi Komunitarja fir-rigward ta' kuntratt għall-forniment ta' merkanzija jew servizzi, hu ma għandux ikun iżjed marbut bi ftehim ta' kreditu konness.

2. Jekk il-merkanzija jew is-servizzi koperti minn ftehim ta' kreditu konness mhumiex forniti, jew huma biss parzjalment forniti, jew mhumiex f'konformità mal-kuntratt għall-forniment ta' merkanzija jew servizzi, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jsegwi rimedji kontra l-kreditur jekk il-konsumatur ikun segwa r-rimedji tiegħu kontra l-fornitur iżda jkun naqas milli jikseb is-sodisfazzjon li għalih huwa intitolat skont il-liġi jew il-kuntratt tal-forniment ta' merkanzija jew servizzi. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw sa fejn u taħt liema kondizzjonijiet dawn ir-rimedji għandhom ikunu eżerċitabbli.

(60)

Pereżempju, fid-Danimarka jew il-Portugall

(61)

Ara rapport dettaljat tal-ECC-Net dwar il-fatturazzjoni fl-UE/ŻEE:

  http://ec.europa.eu/consumers/ecc/docs/chargeback_report_en.pdf .

(62)

Id-dokument ta’ gwida rivedut tal-UCPD se jiġi ppubblikawt qabel is-sajf tal-2016 u se jkun disponibbli fuq http://ec.europa.eu/consumers/consumer_rights/unfair-trade/unfair-practices/index_en.htm

(63)

Ara l-Kapitolu 7 ta' dan ir-Rapport iddedikat għas-Sensibilizzazzjoni

(64)

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU 2004 L 364, p.1).

Top