IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.10.2015
COM(2015) 602 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f'fora internazzjonali
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0602
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL AND THE EUROPEAN CENTRAL BANK A roadmap for moving towards a more consistent external representation of the euro area in international fora
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW Pjan ta' direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f'fora internazzjonali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW Pjan ta' direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f'fora internazzjonali
COM/2015/0602 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.10.2015
COM(2015) 602 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f'fora internazzjonali
1. Introduzzjoni
Sabiex titlesta l-UEM, responsabbiltà u integrazzjoni akbar fil-livell tal-UE u taż-Żona tal-Euro għandhom jimxu id f'id ma' tisħiħ istituzzjonali. Wieħed mill-oqsma fejn passi konkreti lejn dan l-għan huma espliċitament previsti fit-Trattat u għalhekk diġà jistgħu jittieħdu llum hija r-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro.
Iż-Żona tal-Euro hija ekonomija kbira ħafna b'responsabbiltajiet internazzjonali ta' politika.
Il-piż ekonomiku u finanzjarju taż-Żona tal-Euro 1 , u l-eżistenza ta' politika monetarja u tar-rata tal-kambju unika għamlu d-deċiżjonijiet ta' politika u l-iżviluppi ekonomiċi fiż-Żona tal-Euro dejjem aktar rilevanti għall-ekonomija dinjija. L-euro huwa munita ta' suċċess u stabbli. Huwa kondiviż minn 19-il Stat Membru tal-UE u minn aktar minn 330 miljun ċittadin. Huwa pprovda lill-membri tiegħu bl-istabbiltà tal-prezzijiet u ħarishom kontra l-instabbiltà esterna. Minkejja l-kriżi reċenti, għadu t-tieni l-aktar munita importanti fid-dinja, b'sehem ta' kważi kwart tar-riżervi tal-kambju globali, u hemm kważi 60 pajjiż u territorju madwar id-dinja li direttament jew indirettament ankraw il-munita tagħhom miegħu.
Ir-rilevanza politika taż-Żona tal-Euro ssaħħet ħafna f'dawn l-aħħar snin. Is-Semestru Ewropew, flimkien mal-adozzjoni tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni "six-pack" u "two-pack" 2 kif ukoll it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja 3 integraw, saħħu u wessgħu s-sorveljanza fil-livell tal-UE tal-politiki tal-Istati Membri f'oqsma essenzjali ta' rilevanza makroekonomika u baġitarja. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ġie stabbilit bħala l-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' kriżijiet permanenti għall-pajjiżi taż-Żona tal-Euro. L-Unjoni stabbilixxiet ukoll Unjoni Bankarja b'superviżjoni u riżoluzzjoni ċentralizzati għall-banek fiż-Żona tal-Euro u miftuħa għall-Istati Membri l-oħra kollha.
Ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi speċifiċi tagħha għaż-Żona tal-Euro (minn hawn 'il quddiem imsejħa r-"rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro"), ma żammitx il-pass ma' dawn l-iżviluppi. Dan jillimita l-effikaċja tal-vuċi taż-Żona tal-Euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Il-progress li ntlaħaq dwar integrazzjoni interna ulterjuri taż-Żona tal-Euro jeħtieġ li jiġi projettat esternament, notevolment billi jsir progress lejn rappreżentanza ekonomika esterna unita. Ir-rappreżentanza esterna jeħtieġ li ssir iktar koerenti sabiex tippermetti li ż-Żona tal-Euro jkollha rwol aktar attiv fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u biex jitfassal b'mod effettiv ir-rwol futur tagħha fl-arkitettura finanzjarja globali. Dan il-kunċett diġà kien enfasizzat bħala wieħed mill-prijoritajiet ewlenin fil-Pjan ta' Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina tal-Kummissjoni 4 .
Ir-rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015 dwar il-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 5 , kompla jenfasizza li t-tisħiħ tal-vuċi internazzjonali hija parti integrali mill-isforzi li għaddejjin biex itejbu l-governanza ekonomika fiż-Żona tal-Euro. U hekk kif l-UEM tevolvi lejn Unjoni Fiskali, Finanzjarja u Ekonomika, ir-rappreżentanza esterna tagħha għandha wkoll tiġi dejjem aktar unifikata.
Il-Parlament Ewropew ukoll talab għal rappreżentanza esterna unifikata taż-Żona tal-Euro 6 .
Sar progress konsiderevoli fit-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni u taż-Żona tal-Euro f'ħafna fora ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, iżda huma meħtieġa aktar passi biex tinkiseb rappreżentanza esterna tassew magħquda.
Għalhekk din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali lejn rappreżentanza esterna dejjem aktar unifikata tal-UEM li madwarha jkun jista' jiġi ffurmat il-kunsens fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Dan il-proċess għandu jseħħ gradwalment
Ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro għadha partikolarment frammentata fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), li permezz tal-istrumenti tas-self u s-sorveljanza tiegħu, huwa attur istituzzjonali ewlieni fil-governanza ekonomika globali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta b'mod parallel proposta li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI. Dan ma jippreġudikax l-iżviluppi futuri li jistgħu jirrikjedu tisħiħ ulterjuri tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro wkoll f'fora internazzjonali oħra.
2. Ir-rappreżentanza attwali taż-żona tal-euro f'fora internazzjonali
Minkejja interessi importanti taż-Żona tal-Euro, ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro fil-FMI għalissa hija ferm frammentata u ftit li xejn hija effettiva.
Il-FMI, permezz tal-istrumenti tas-self u s-sorveljanza tiegħu, huwa pilastru essenzjali tal-governanza ekonomika u finanzjarja globali. Huwa kellu rwol ewlieni, flimkien mal-Kummissjoni u l-BĊE, fit-tfassil tal-programmi li huma mmirati biex isalvaw lill-Istati Membri milquta mill-kriżijiet ta' dejn sovran. Barra minn hekk, il-qafas ta' governanza msaħħaħ għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-konverġenza qawwija tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja tfisser li, fil-futur, il-FMI jeħtieġ li jmur lil hinn sew minn perspettiva nazzjonali fil-valutazzjoni tiegħu tas-superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet fiż-Żona tal-Euro. Rappreżentanza effettiva taż-Żona tal-Euro tippermetti li jitwassal messaġġ uniku taż-Żona tal-Euro fil-FMI fuq kwistjonijiet bħall-politika ekonomika u fiskali, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rata tal-kambju, u l-istabbiltà finanzjarja. Rappreżentanza aktar koerenti tkun ukoll ta' benefiċċju għall-pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz ta' kontribuzzjoni aktar b'saħħitha u aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro għall-istabbiltà ekonomika u finanzjarja globali.
F'dan l-isfond, din il-komunikazzjoni u l-proposta legali adottata flimkien magħha jiffokaw fuq il-FMI bħala l-ewwel pass għat-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro.
L-għan li tiġi żgurata rappreżentanza adegwata tal-Unjoni b'mod ġenerali u taż-Żona tal-Euro b'mod partikolari ovvjament imur lil hinn mill-FMI u huwa rilevanti wkoll għal għadd ta' fora internazzjonali oħra, li xi wħud minnhom huma msemmija hawn taħt.
Rappreżentanza adegwata fil-G7 u l-G20 tagħti lill-Unjoni u liż-Żona tal-Euro l-mezzi biex jagħtu kontribut għall-aġenda ta' politika globali u biex jippromwovu soluzzjonijiet Ewropej għall-isfidi globali f'oqsma prinċipali bħalma huma l-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika, ir-riforma tar-regolamentazzjoni finanzjarja u t-trasparenza tat-taxxa. Fil-livell tal-Mexxejja tal-G7, l-Unjoni u ż-Żona tal-Euro huma rrappreżentati mill-President tal-Kunsill Ewropew u mill-President tal-Kummissjoni. Fil-livell tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G7, iż-Żona tal-Euro hija rrappreżentata mill-President tal-Grupp tal-Euro, mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Fil-livell tal-kapijiet ta' stat u gvern tal-G20, l-Unjoni u ż-Żona tal-Euro huma rrappreżentati mill-President tal-Kunsill Ewropew u mill-President tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-BĊE jippreżentaw il-pożizzjonijiet taż-Żona tal-Euro meta l-G20 jittratta kwistjonijiet ta' kompetenza taż-Żona tal-Euro fil-laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi u tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali.
Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board - FSB) jikkoordina l-ħidma internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja u huwa politikament responsabbli quddiem il-G20. Il-Kummissjoni u l-BĊE huma membri li jirrappreżentaw il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni hija wkoll membru tal-Grupp ta' Tmexxija tar-Riżoluzzjoni tal-FSB. Ir-rappreżentanza fl-FSB tagħti l-mezzi biex jiġi pprovdut kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki regolatorji u superviżorji effettivi, kif ukoll biex jiġu indirizzati vulnerabilitajiet li qed jaffettwaw is-sistemi finanzjarji fl-interess tal-istabbiltà finanzjarja globali.
In-Nazzjonijiet Uniti (NU), f'xi każijiet, jiddiskutu kwistjonijiet ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro bħal, dan l-aħħar, il-qafas għar-ristrutturar tad-dejn internazzjonali. Fl-2011, l-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) adottat ir-Riżoluzzjoni A/65/276 li ttejjeb l-istatus ta' osservatur tal-Unjoni u ssaħħaħ id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma tal-AĠNU, fejn, fost l-oħrajn, ingħatat il-possibilità li tagħmel interventi f'isem l-UE (u l-Istati Membri tagħha) bl-istess prijorità bħal gruppi ewlenin oħrajn ewlenin, li tippreżenta proposti u tipparteċipa fid-dibattitu ġenerali kull Settembru 7 . Minbarra l-istatus imtejjeb ta' osservatur tagħha, l-Unjoni hija parti f'aktar minn 50 ftehim multilaterali u konvenzjoni tan-NU ffirmati fil-qafas tan-NU, bħala l-uniku parteċipant mhux statali.
L-OECD regolarment torganizza stħarriġiet ekonomiċi dwar iż-Żona tal-Euro. L-Unjoni għandha status speċifiku fl-OECD u tgawdi l-istess prerogattivi bħall-membri, b'żewġ eċċezzjonijiet. L-Unjoni ma għandhiex id-dritt li tivvota u ma tagħmilx kontribuzzjoni statutorja għall-baġit tal-OECD. L-Unjoni hija membru sħiħ ta' numru ta' kumitati tal-OECD, inkluż il-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp.
Ma hemm l-ebda fowkus speċifiku taż-Żona tal-Euro fix-xogħol tal-Bank Dinji. L-Unjoni bħala tali mhijiex rappreżentata fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank Dinji. Il-Kummissjoni għandha status ta' osservatur fil-Kumitat tal-Iżvilupp (jiġifieri fil-livell Ministerjali).
B'mod ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-FMI, ir-rappreżentanti tal-Unjoni u / jew iż-Żona tal-Euro huma preżenti f'kull wieħed mill-fora ta' hawn fuq li għandhom fokus speċifiku fuq iż-Żona tal-Euro. Madankollu, dan mhux dejjem żgura li ż-Żona tal-Euro titkellem b'vuċi waħda. L-interessi taż-Żona tal-Euro jiġu rrappreżentati b'mod partikolarment effettiv meta l-pożizzjonijiet ikunu kkoordinati sew minn qabel, iżda fil-prattika dan ma jkunx dejjem il-każ.
Minħabba n-natura dinamika tal-arkitettura finanzjarja globali, ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro għandha tiġi applikata wkoll għal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali emerġenti ġodda. Il-kwistjoni tar-rappreżentanza esterna, pereżempju, qamet ukoll fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-formazzjoni ta' kostitwenzi ġodda fil-Bank Ażjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (Asian Infrastructure Investment Bank - AIIB), fejn 14-il Stat Membru (li 10 minnhom huma membri taż-Żona tal-Euro) ġew aċċettati bħala membri fundaturi.
3. Ostakoli għal rappreżentanza esterna aktar effettiva fil-FMI
Illum il-ġurnata bosta ostakli organizzattivi u istituzzjonali jxekklu jew anki jwaqqfu r-rappreżentanza esterna effettiva taż-Żona tal-Euro u t-twassil ta' messaġġ uniku fil-FMI.
Frammentazzjoni qawwija fost l-Istati Membri
Il-frammentazzjoni attwali tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI, fejn 19-il Stat Membru taż-Żona tal-Euro huma attwalment mifruxin fuq sitt kostitwenzi 8 u żewġ siġġijiet uniċi, tnaqqas l-effikaċja tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-FMI. L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro li huma f'kostitwenzi ma' pajjiżi terzi ta' spiss ma jkunux f'pożizzjoni li jappoġġaw il-pożizzjonijiet komuni taż-Żona tal-Euro jew jiffirmaw stqarrijiet komuni taż-Żona tal-Euro, minħabba fehmiet jew arranġamenti interni diverġenti fil-kostitwenzi rispettivi tagħhom. Bħala riżultat, l-Istati Membri ħafna drabi huma mċaħħda milli jesprimu pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet ewlenin, inkluż dwar il-kwota tal-FMI, il-programmi ta' aġġustament, is-sorveljanza jew kwistjonijiet ta' politika oħrajn. Bħala riżultat, ir-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro hija mdgħajfa, filwaqt li l-isforzi biex jiġu espressi pożizzjonijiet komuni huma mxekkla, u magħhom il-kapaċità biex titmexxa 'l quddiem aġenda unika taż-Żona tal-Euro u l-prijoritajiet komuni.
Nuqqas ta' rappreżentanza għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi
Bħalissa, ma hemm l-ebda rappreżentant taż-Żona tal-Euro b'mandat uffiċjali biex jippreżenta u jiddefendi l-politika u l-interessi taż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI. Dan il-kompitu huwa attwalment f'idejn il-President tal-EURIMF 9 . L-istruttura attwali ma tqisx il-bidliet sinifikanti fil-governanza interna taż-Żona tal-Euro f'dawn l-aħħar snin. Ir-rappreżentanza frammentata flimkien man-nuqqas ta' rappreżentant uffiċjali taż-Żona tal-Euro li jkollu mandat ċar biex jirrappreżenta liż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI hija inkonsistenti mal-attenzjoni akbar mill-FMI fuq iż-Żona tal-Euro bħala entità sħiħa, li permezz tagħha l-FMI jqis l-aspetti taż-Żona tal-Euro fis-sorveljanza nazzjonali u jevalwa politiki komuni taż-Żona tal-Euro bħat-taħlita tal-politika makroekonomika, ir-riforma regolatorja finanzjarja jew kwistjonijiet relatati mal-unjoni bankarja.
Bħalissa, huwa biss il-BĊE li għandu status ta' osservatur fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI u jista' jipparteċipa fuq ċerti suġġetti relatati mar-responsabbiltajiet monetarji tiegħu. Għalhekk hemm lok għat-tisħiħ tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro, b'mod partikolari billi jkun hemm rappreżentant iddedikat taż-Żona tal-Euro għas-suġġetti kollha ta' rilevanza.
Koordinazzjoni insuffiċjenti fil-livell taż-Żona tal-Euro
Ir-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-livell internazzjonali fil-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u b'mod partikolari dwar kwistjonijiet tal-FMI, ġiet miftiehma fil-Kunsill Ewropew ta' Vjenna tal-1998.
Bħalissa l-koordinazzjoni qed isseħħ biss fil-livell tal-Unjoni u ma hemm l-ebda koordinazzjoni fil-livell taż-Żona tal-Euro. Il-koordinazzjoni ta' messaġġi komuni dwar kwistjonijiet ta' politika tal-FMI sseħħ fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u l-Grupp ta' Ħidma permanenti tiegħu dwar kwistjonijiet tal-FMI (SCIMF). Dawn il-messaġġi komuni huma mbagħad trażmessi lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Fond (EURIMF) għal-laqgħat tal-Bord tal-FMI. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jistgħu mbagħad jiddeċiedu li joħorġu dikjarazzjonijiet komuni. Dan isir b'mod regolari għal kwistjonijiet bħalma huma s-sorveljanza taż-Żona tal-Euro, u l-Programm ta' Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju (Financial Sector Assessment Programme - FSAP) tal-Unjoni. Madankollu, dan mhuwiex standard għal kwistjonijiet oħra fejn l-Istati Membri jaqblu fuq bażi ta' każ b'każ. Hemm ukoll koordinazzjoni dwar messaġġi dwar il-pajjiżi tal-programm taż-Żona tal-Euro u l-konsultazzjonijiet tal-Artikolu IV mal-Istati Membri.
Sar progress kbir f'dawn l-aħħar snin dwar il-koordinazzjoni, b'arranġamenti ta' koordinazzjoni msaħħa aktar fl-2007, l-elezzjoni ta' President tal-EURIMF, it-titjib tar-relazzjoni ta' xogħol bejn lill-KEF/SCIMF u l-EURIMF, u aktar koordinazzjoni fost il-membri tal-EURIMF dwar strateġiji fuq il-Bord Eżekuttiv. Madankollu, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni attwali għad għandhom limiti. Hemm ħafna eżempji fejn il-koordinazzjoni dwar fajls ewlenin tal-FMI kienet ta' kwalità inferjuri jew fejn l-Istati Membri ddeċidew li jappoġġaw il-pożizzjonijiet nazzjonali tagħhom aktar milli jiddefendu l-pożizzjoni komuni tal-Unjoni. Dan idgħajjef il-ħila tal-Istati Membri fil-FMI biex imexxu 'l quddiem il-kwistjonijiet ta' interess komuni taż-Żona tal-Euro.
4. Lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti u effettiva taż-żona tal-euro fil-FMI
Meta wieħed iqis ir-rwol ewlieni tal-FMI fil-governanza ekonomika u finanzjarja dinjija, is-sitwazzjoni attwali titlob aktar koerenza u vuċi unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI.
L-arranġamenti għal rappreżentanza esterna aktar konsistenti u effettiva għaż-Żona tal-Euro fil-FMI għandhom jiġu stabbiliti u miftiehma mingħajr dewmien, iżda implimentati pass pass biex jippermettu lill-partijiet involuti kollha - fil-livell tal-Unjoni u f'dak internazzjonali - biex jagħmlu l-aġġustamenti istituzzjonali u legali meħtieġa.
Għandu jkun proġettat approċċ bi tliet elementi: (i) koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro; (ii) rappreżentanza mtejba taż-Żona tal-Euro fil-FMI; u (iii) ladarba jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-governanza tal-FMI, rappreżentanza magħquda u siġġu uniku għaż-Żona tal-Euro.
Filwaqt li tiffoka fuq iż-Żona tal-Euro, din ir-rappreżentanza msaħħa taż-Żona tal-Euro għandha madankollu żżomm u, fejn possibbli, issaħħaħ ulterjorment il-koordinazzjoni wkoll ma' Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro, sabiex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku u tal-Unjoni kollha kemm hi. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll kooperazzjoni aktar b'saħħitha ma' membri oħra tal-FMI.
1) Tisħiħ tal-koordinazzjoni fost l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro
a) L-arranġamenti ta' koordinazzjoni attwali taż-Żona tal-Euro dwar kwistjonijiet tal-FMI għandhom jissaħħu. Fl-2007 l-Istati Membri qablu li jħejju dikjarazzjonijiet komuni taż-Żona tal-Euro dwar kwistjonijiet direttament u esklussivament relatati mal-politika komuni taż-Żona tal-Euro. Dan il-Ftehim għandu jissaħħaħ u jiġi estiż sabiex jiġi stabbilit ir-rekwiżit għal dikjarazzjonijiet komuni sistematiċi fuq kull kwistjoni ta' politika, ta' pajjiż u ta' sorveljanza tal-FMI li jkunu ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro. Il-kriżi wriet li huwa ta' importanza kbira għaż-Żona tal-Euro li titkellem b'leħen wieħed b'mod partikolari dwar il-programmi, l-arranġamenti ta' finanzjament u l-politika ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet tal-FMI. Koordinazzjoni msaħħa se tkabbar l-ambitu ta' suġġetti li dwarhom l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro joħorġu dikjarazzjonijiet komuni lill-Bord Eżekuttiv.
L-arranġamenti u l-istrutturi ta' koordinazzjoni attwali għandhom jiġu aġġornati kif ġej:
(1) Twaqqif ta' qafas ta' konsultazzjoni regolari: L-iskambju ta' informazzjoni sistematiku ta' dokumenti bejn il-Kummissjoni u l-FMI huwa bbażat fuq ftehim li sar fl-1972. Il-Kummissjoni biħsiebha taġġorna dak il-ftehim u titlob għal qafas ta' konsultazzjoni regolari biex tqis is-sitwazzjoni attwali ta' interess komuni. Dan jimplika t-trażmissjoni ta' dokumenti mħejjija minn membri tal-persunal dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw iż-Żona tal-Euro (pereżempju, rapporti tal-artikolu IV għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u dawk tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro / l-UE, Programmi ta' Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju (FSAPs) għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro kif ukoll dokumenti relatati mal-pajjiżi tal-programm tal-Unjoni u taż-Żona tal-Euro) fl-istess ħin li dawn id-dokumenti jkunu trażmessi lid-Diretturi Eżekuttivi.
(2) Titjib tal-infrastruttura tal-koordinazzjoni: Is-Sottokumitat dwar kwistjonijiet tal-FMI (Sub-Committee on IMF matters - SCIMF) tal-KEF għandu jinbidel f'Sottokumitat tal-KEF dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali kollha. Bħalissa, is-suġġetti relatati mal-FMI li huma ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro, qegħdin jiġu diskussi direttament fil-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro (Eurogroup Working Group - EWG). Għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' Sottokumitat SCIMF / KEF fil-kompożizzjoni taż-Żona tal-Euro. Dan l-"Euro SCIMF" għandu jirrapporta lill-EWG. Bl-istess mod, għandu jinħoloq EURIMF fil-kompożizzjoni taż-Żona tal-Euro f'Washington D.C. flimkien mal-UE EURIMF, li diġà jeżisti.
(3) Aġġornament tal-arranġamenti ta' koordinazzjoni eżistenti dwar materji tal-FMI fi Brussell: L-arranġamenti ta' ħidma attwali għall-koordinazzjoni dwar l-IMF għandhom jissaħħu. L-ambitu tal-koordinazzjoni għandu jitwessa' għas-suġġetti kollha ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro. Għandu jkun hemm rekwiżit li jinħarġu dikjarazzjonijiet komuni ("common grays") b'mod aktar sistematiku minflok dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri individwali. Dan l-aġġornament jista' jinkludi wkoll ippjanar bil-quddiem aħjar dwar il-koordinazzjoni fil-forma ta' programm ta' ħidma EURIMF / SCIMF komuni, enfasi akbar fuq kwistjonijiet tal-FMI fl-aġendi tal-EFC / EWG u ECOFIN / Eurogroup u rrappurtar aktar regolari tal-President lill-EFC / EWG. Il-Grupp tal-Euro għandu joħroġ dikjarazzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet tal-FMI fejn fehma politika unita taż-Żona tal-Euro tkun essenzjali.
(4) Tisħiħ tal-koordinazzjoni f'Washington D.C.: Bidliet fil-modi ta' ħidma fi Brussell iridu wkoll ikunu riflessi fil-EURIMF f'Washington D.C. bħal: (i) laqgħat regolari tal-EURIMF dwar kwistjonijiet ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro abbażi tal-programm ta' ħidma tal-FMI. Dan l-ippjanar bil-quddiem għandu jgħin ukoll biex jiggwida l-ħidma fi Brussell; (ii) joħorġu dikjarazzjonijiet komuni b'mod sistematiku; (iii) fejn ma jkunux possibbli dikjarazzjonijiet komuni, jiġi żgurat li l-messaġġi komuni dwar il-politiki komuni taż-Żona tal-Euro, bħall-politika fiskali u monetarja jkunu użati fid-dikjarazzjonijiet individwali maħruġa mill-Istati Membri; (iii) il-membri tal-EURIMF għandhom jaqblu aktar sistematikament dwar strateġiji komuni fuq il-Bord. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jevitaw li jesprimu fehmiet fil-Bord Eżekuttiv li jikkontradixxu lil xulxin.
b) Tisħiħ tal-arranġamenti ta' koordinazzjoni taż-Żona tal-Euro fi kwistjonijiet tal-FMI għandu wkoll jimxi id f'id ma' responsabbiltà mtejba lejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Ir-rapporti attwali indirizzati lil-Laqgħat tar-Rebbiegħa u Annwali tal-FMI għandhom jiġu sostitwiti b'dikjarazzjoni mill-Grupp tal-Euro. Il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat sew dwar dawn id-dikjarazzjonijiet.
2) Titjib tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro permezz ta' arranġament mill-ġdid tal-kostitwenzi fil-FMI
Għandhom jiġu rranġati mill-ġdid il-kostitwenzi sabiex gradwalment jinħolqu kostitwenzi taż-Żona tal-Euro biss fil-FMI. Il-ħidma fuq dan għandha tibda mill-aktar fis possibbli. Dan issaħħaħ il-vuċi u l-effikaċja taż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv. Dan jgħin ukoll biex iż-Żona tal-Euro ssir attur ewlieni fit-tfassil tal-politiki u l-istrateġiji tal-FMI.
Spiss ikun hemm aktar interess komuni fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fost l-Istati Membri u l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro milli ma' pajjiżi membri oħra tal-FMI. Fl-istess ħin, l-Unjoni stabbilixxiet numru ta' rabtiet mill-qrib ħafna ma' pajjiżi kandidati tal-Unjoni u pajjiżi tal-viċinat li jaqsmu interessi komuni. Dawn ir-rabtiet għandhom jinżammu fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni tal-kostitwenzi tal-FMI.
Il-Kunsill għandu jaqbel fuq qafas komuni bi prinċipji għal proċess ta' raggruppament tal-pajjiżi tal-Unjoni u taż-Żona tal-Euro fil-FMI biex tkun possibbli kooperazzjoni aktar mill-qrib:
1) Fl-2010, pajjiżi avvanzati Ewropej impenjaw ruħhom li jnaqqsu r-rappreżentanza tagħhom fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI b'żewġ siġġijiet mhux aktar tard miż-żmien tal-ewwel elezzjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI wara li tidħol fis-seħħ ir-riforma tal-kwota tal-2010. Parti kbira minn dan l-impenn diġà twettaq. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-bidliet li jifdal b'mod li huwa konsistenti mal-għan li l-Istati Membri jitqassmu f'kostitwenzi taż-Żona tal-Euro u li tissaħħaħ il-koerenza tar-rappreżentanza.
2) Ladarba tiġi rratifikata r-riforma tal-2010, il-kostitwenzi taż-żewġ Stati Membri kbar li bħalissa għad għandhom siġġijiet uniċi - Franza u l-Ġermanja - jistgħu jiftħu l-kostitwenzi tagħhom għal pajjiżi Ewropej oħra b'involviment xieraq fil-governanza tagħhom.
3) Bosta Stati Membri taż-Żona tal-Euro u tal-Unjoni fil-mument huma raggruppati ma' pajjiżi terzi, li spiss ikollhom interessi fundamentalment differenti. Dawk l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex jidħlu f'kostitwenzi tal-Istati Membri biss.
4) L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom jirragruppaw ruħhom f'inqas kostitwenzi li jkunu għaż-Żona tal-Euro biss. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha għandhom f'terminu medju ta' żmien jippruvaw jidħlu f'kostitwenzi komuni, inklużi - jekk ikun possibbli - il-pajjiżi kandidati u ġirien.
5) l-aħħar pass għandu jkun li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jingħaqdu flimkien f'kostitwenza waħda, kif stabbilit fit-Taqsima 3 hawn taħt.
L-Istati Membri għandhom jaqblu li jiddiskutu fil-Kunsill il-progress li sar lejn aktar koerenza tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-Fond, qabel kull elezzjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI, jiġifieri kull sentejn. Bidliet futuri fl-arranġamenti tal-kostitwenzi għandhom jitwettqu b'mod li tiżdied il-koerenza tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro.
3) Lejn rappreżentanza unita taż-Żona tal-Euro
Minbarra koordinazzjoni mtejba u riorganizzazzjoni tal-kostitwenzi, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta proposta legali biex tinkiseb rappreżentanza unita għaż-Żona tal-Euro sabiex jiġu promossi b'mod aktar effettiv l-interessi taż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI. Dan huwa konformi mal-kunsiderazzjonijiet fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar direzzjoni aktar ċentrali mill-Grupp tal-Euro fil-promozzjoni u r-rappreżentanza tal-interessi taż-Żona tal-Euro u dwar teżor taż-Żona tal-Euro fil-ġejjieni. Ladarba jseħħu l-aġġustamenti meħtieġa għall-governanza tal-FMI, għandu għalhekk jiġi stabbilit siġġu wieħed għaż-Żona tal-Euro fil-FMI. Il-Kummissjoni tipproponi l-2025 bħala skadenza għall-istabbiliment ta' siġġu uniku.
Għall-fini tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bil-għan li tiġi stabbilita rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI ppreżentata flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi mudell li bih l-Istati Membri jibqgħu membri individwali tal-FMI. Bħala konsegwenza, fost affarijiet oħra, kull Stat Membru taż-Żona tal-Euro se jkompli jkun eliġibbli għal self tal-FMI.
Siġġu uniku għaż-Żona tal-Euro jkun jeħtieġ (i) regoli dwar il-governanza interna tal-kostitwenza jew kostitwenzi taż-Żona tal-Euro; u (ii) mekkaniżmu ta' koordinazzjoni li jipprovdi gwida dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI f'isem iż-Żona tal-Euro. Dan jista' jiddependi fuq strutturi mtejba fi Brussell, inkluż fil-Grupp tal-Euro u l-EWG.
Bħala arranġament ta' tranżizzjoni, sal-kisba tas-siġġu uniku taż-Żona tal-Euro, il-Kummissjoni tipproponi li jinkiseb post ta' osservatur għaż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv. Status ta' osservatur taż-Żona tal-Euro rrappreżentata fil-Bord Eżekuttiv mir-rappreżentant ta' Stat Membru taż-Żona tal-Euro diġà membru fil-Bord, appoġġat mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew, jirrifletti b'mod adegwat ir-rwol taż-Żona tal-Euro fl-ekonomija globali u t-tibdil fil-governanza ta' politika ekonomika u finanzjarja li seħħ mill-kriżi 'l hawn. Dan jippermetti lil rappreżentant taż-Żona tal-Euro biex jirrappreżenta liż-Żona tal-Euro f'laqgħat tal-Bord tal-FMI li jiddiskutu l-politiki dwar iż-Żona tal-Euro, iżid il-viżibbiltà taż-Żona tal-Euro u jgħolli l-profil internazzjonali taż-Żona tal-Euro bħala attur globali importanti. Id-differenza bejn din ir-rappreżentanza għaż-Żona tal-Euro u l-arranġament attwali huwa l-mandat speċifiku li jingħata lil rappreżentant uniku taż-Żona tal-Euro meta elett mill-Grupp tal-Euro. Bħalissa, il-President tal-EURIMF jirrappreżenta lill-Unjoni kollha u huwa elett minn fost id-Diretturi Eżekuttivi tal-UE f'Washington D.C. Dan il-pass se jkun akkumpanjat minn ftehim ġdid mal-FMI dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni.
5. Rappreżentazzjoni f'fora internazzjonali oħra, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet rilevanti għall-Unjoni Bankarja
Kif stabbilit fit-Taqsima 2, għalkemm rappreżentanti tal-Unjoni u / jew taż-Żona tal-Euro huma preżenti f'fora oħra għajr il-FMI, dan mhux dejjem żgura li ż-Żona tal-Euro titkellem b'vuċi waħda. L-interessi taż-Żona tal-Euro jiġu rappreżentati b'mod partikolarment effettiv meta l-pożizzjonijiet ikunu kkoordinati sew minn qabel, iżda fil-prattika dan ma jkunx dejjem il-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se taħdem għal aktar titjib tal-koordinazzjoni fil-fora internazzjonali kollha, b'mod partikolari f'oqsma fejn l-UEM qiegħda tiġi approfondita aktar, pereżempju rigward kwistjonijiet rilevanti għall-Unjoni Bankarja.
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri sabiex tistabbilixxi, fix-xhur li ġejjin, mekkaniżmi mtejba għall-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u kif xieraq għal korpi oħra rilevanti li jistabbilixxu l-istandards, fir-rigward taż-Żona tal-Euro u kull fejn ikun possibbli, għall-Unjoni kollha kemm hi. Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jinkludu, pereżempju, impenn iktar b'saħħtu li jiġu rrispettati l-pożizzjonijiet komuni stabbiliti f'fora ta' koordinazzjoni rilevanti tal-UE, diskussjonijiet regolari dwar pożizzjonijiet u kwistjonijiet ta' koordinazzjoni fl-ogħla livell fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' superviżjoni jew politiċi rilevanti, kemm qabel kif ukoll wara laqgħat internazzjonali ewlenin.
6. Konklużjonijiet
Ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex tippermetti liż-Żona tal-Euro jkollha rwol aktar attiv u singulari f'istituzzjonijiet u fora internazzjonali. Filwaqt li jibni fuq it-tisħiħ li nkiseb fil-governanza interna taż-Żona tal-Euro, dan ikun jirrappreżenta pass importanti lejn it-tisħiħ tal-piż taż-Żona tal-Euro fl-ekonomija globali. Dan jagħti liż-Żona tal-Euro l-opportunità li tipparteċipa fit-tfassil tar-regoli li qed jevolvu tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali, kif ukoll jikkontribwixxi għat-tlestija tad-dimensjoni esterna tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Kif stipulat hawn fuq, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-FMI bħala l-ewwel pass biex tissaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri bil-ħsieb li tiġi stabbilita sa mhux aktar tard mill-2025 rappreżentanza magħquda taż-Żona tal-Euro fil-FMI; jilħaq ftehim ġdid dwar il-koordinazzjoni taż-Żona tal-Euro dwar kwistjonijiet tal-FMI inkluż dwar ir-responsabbiltà u ftehim dwar qafas komuni li jirraggruppa l-kostitwenzi taż-Żona tal-Euro, u jistabbilixxi prinċipji biex jitwettqu ż-żewġ siġġijiet mill-kwota tal-FMI tal-2010 u r-riforma tal-governanza; u jibdel l-SCIMF f'Sottokumitat sħiħ tal-EFC dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali kollha fi Brussell, inkluża l-formazzjoni taż-Żona tal-Euro biss li tkun tapplika wkoll għall-EURIMF f'Washington D.C.
Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri għal aktar titjib tal-koordinazzjoni fil-fora internazzjonali kollha. Hija se tħares, b'mod partikolari, lejn l-oqsma fejn l-UEM qiegħda tiġi approfondita aktar. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri sabiex tistabbilixxi, fix-xhur li ġejjin, mekkaniżmi mtejba biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet għall-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u kif xieraq għal korpi oħra rilevanti li jistabbilixxu l-istandards, fir-rigward taż-Żona tal-Euro u kull fejn ikun possibbli, għall-Unjoni kollha kemm hi.
Sabiex timmonitorja l-progress li sar u tidentifika l-ħtieġa għal aktar titjib, il-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll is-sitwazzjoni f'dan il-qasam meta tippreżenta l-White Paper tagħha qabel l-Istadju 2 tat-tlestija tal-UEM fir-rebbiegħa tal-2017, kif previst fir-rapport tal-Ħames Presidenti.
Tabella 1: Ħarsa Ġenerali lejn ir-rappreżentanza tal-Unjoni u ż-Żona tal-Euro f'Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali rilevanti
|
Istituzzjoni |
L-istatus attwali tal-Unjoni |
|
FMI |
L-Unjoni ma għandhiex status formali fil-FMI. Il-Kummissjoni għandha l-istatus ta' osservatur fil-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (International Monetary and Financial Committee - IMFC), iżda mhux fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI. Il-BĊE għandu l-istatus ta' osservatur kemm fl-IMFC kif ukoll fil-Bord. |
|
G7 |
Fil-livell tal-Mexxejja, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-President tal-Kummissjoni u mill-President tal-Kunsill Ewropew. Għal laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi tal-G7, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni, il-BĊE, u l-President tal-Grupp tal-Euro. |
|
G20 |
L-Unjoni Ewropea hija membru sħiħ tal-G20. Fil-livell tal-Mexxejja, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-President tal-Kummissjoni u mill-President tal-Kunsill Ewropew. Fil-laqgħat tal-Ministri tal-Finanzi, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni, mill-Presidenza tal-Kunsill, u mill-BĊE. |
|
FSB |
L-Unjoni hija membru sħiħ tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Membri oħra tal-FSB jinkludu pajjiżi tal-G20 kif ukoll għadd ta' ekonomiji importanti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. |
|
OECD |
L-Unjoni għandha status speċifiku fl-OECD li huwa definit mill-Protokoll Supplimentari Nru 1 tal-Konvenzjoni tal-OECD u interpretat minn opinjoni tas-Servizz Ġuridiku tal-OECD. L-Unjoni tgawdi l-istess prerogattivi bħall-membri, b'żewġ eċċezzjonijiet: L-Unjoni ma għandhiex id-dritt li tivvota u ma tagħmilx kontribuzzjoni statutorja għall-baġit tal-OECD. L-Unjoni hija membru sħiħ ta' numru ta' kumitati tal-OECD, b'mod partikolari l-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp (Development Assistance Committee - DAC). |
|
Il-Bank Dinji |
L-Unjoni bħala tali mhijiex rappreżentata fil-Bord Eżekuttiv tal-Bank Dinji. Il-Kummissjoni għandha status ta' osservatur fil-Kumitat tal-Iżvilupp (jiġifieri fil-livell Ministerjali). |
|
BĦI |
Il-BĊE għandu siġġu sħiħ fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali. Is-sħubija fil-BIS hija ristretta għall-banek ċentrali. |
|
BERŻ |
Il-membri tal-BERŻ jikkonsistu f'64 gvern, l-Unjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-Unjoni bħala tali hija azzjonista (3,05 % tat-total tal-voti) fil-Bank. |