Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0500

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou

COM/2015/0500 final

Brussell, 9.10.2015

COM(2015) 500 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou

Il-Kummissjoni tipproponi li l-UE għandha tiftaħ konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehim ta’ Cotonou), li tiegħu l-Burundi huwa parti kontraenti 1 . Din il-proposta ssegwi perjodu ta’ djalogu politiku intensifikat 2 , li jibni fuq id-djalogu politiku li diġà kien sar taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Dan id-djalogu intensifikat li sar bejn Ottubru 2014 u Mejju 2015, iffoka fuq il-klima politika fil-Burundi, b’mod partikolari peress li s-sitwazzjoni marret għall-agħar fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fis-sajf tal-2015. Il-kwistjonijiet koperti inkludew: abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; in-nuqqas ta’ sistema ta’ ġustizzja indipendenti; vjolenza politika mwettqa mill-Imbonerakure, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern, il-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża tad-Demokrazija-il-Forżi għad-Difiża tad-Demokrazija (CNDD-FDD); restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ċivili u limitazzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea; u l-ħruġ ta’ theddid kontra dissidenti, inklużi dawk fi ħdan il-partit fil-gvern.

Minkejja r-regolarità u l-karattru sostantiv tal-diskussjonijiet intensifikati skont l-Artikolu 8, ir-reazzjoni tal-Burundi fit-taħditiet uriet minimizzazzjoni sistematika tal-isfidi identifikati u tar-riskji politiċi assoċjati magħhom. Il-possibbiltà ta’ kriżi politika baqgħet theddida ewlenija.

Il-vjolenza politika eskalat wara t-tħabbira fil-25 ta’ April 2015 li l-President Pierre Nkurunziza kien qiegħed ifittex it-tielet mandat. Sal-lum, il-kriżi wasslet għal aktar minn 120 persuna mejta u eluf ta’ persuni mweġġa' u wasslet biex aktar minn 190 000 persuna kienu kostretti jmorru bħala refuġjati fit-Tanzanija, fl-Uganda, fir-Rwanda u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod li kiber ir-riskju li l-vjolenza tinfirex lejn ir-reġjun tal-madwar. Id-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni ġew sfrattati b'mod aħrax, bosta organizzazzjonijiet tal-midja ġew magħluqa u kien hemm żieda ġeneralizzata, madwar l-ispettru politiku kollu, fl-użu tal-vjolenza għal finijiet politiċi. Dan kien jinkludi attentat ta' kolp ta’ stat li falla u attakki kontinwi minn gruppi armati ta' twemminiet differenti, l-aktar reċenti l-assassinju tal-Ġeneral Adolphe Nshimirimana, l-attentat ta’ qtil ta’ Pierre Claver Mbonimpa, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, u l-qtil, fil-15 ta’ Awwissu 2015, tal-Kurunell Jean Bikomagu, eks-kap tal-armata.

Il-kriżi attwali hija evidenza kemm ta' eskalazzjoni tal-vjolenza kif ukoll ta' inflessibiltà fil-pożizzjonijiet politiċi, f’pajjiż li kien diġà fraġli u maqsum, u li b’mod sistematiku ma rnexxilux jara li tiġi żgurata l-osservanza tal-istat tad-dritt u l-applikazzjoni ta' prinċipji demokratiċi.

L-iżviluppi negattivi fil-Burundi ikristallizzaw matul iż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali f’Ġunju u Lulju. L-awtoritajiet ma rnexxilhomx iwettqu fil-konkret l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-pjan ta’ direzzjoni għall-elezzjonijiet li dwaru kien intlaħaq qbil fl-2013, u l-Kummissjoni Elettorali (CENI) ma urietx li hija indipendenti mill-gvern. B’mod aktar ġenerali, il-klima politika, speċjalment f’termini ta’ libertajiet fundamentali, ma ppermettietx li jkun hemm kuntest elettorali miftuħ u kompetittiv. Id-deċiżjoni li l-elezzjonijiet isiru xorta waħda ttieħdet b'mod unilaterali minkejja li kien ċar li ma kienx hemm il-kundizzjonijiet it-tajba. Dan wassal għal telf ta’ fiduċja fl-ambjent elettorali fost l-imsieħba tal-Burundi u għal ibbojkottjar mifrux tal-elezzjonijiet mill-partiti tal-oppożizzjoni. B’reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) iddeċidiet fit-28 ta’ Mejju 2015, wara konsultazzjoni mal-Osservatur Ewlieni tal-UE u l-Membru tal-Parlament Ewropew David Martin, li l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fil-Burundi tiġi sospiża. Il-Missjoni ta’ Osservazzjoni sussegwentement ġiet irtirata definittivament fid-29 ta’ Ġunju 2015. Il-motivazzjoni għal din id-deċiżjoni kienet li l-proċess elettorali għadu mfixkel b’mod serju mir-restrizzjonijiet fuq il-midja indipendenti, mill-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti, mill-intimidazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u min-nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet elettorali.

Minħabba d-degradazzjoni tas-sitwazzjoni politika, ittieħdu inizjattivi kemm mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) kif ukoll mill-Unjoni Afrikana l-ewwel nett biex ikun iffaċilitat djalogu bejn il-Burundjani li jista’ jwassal għal kunsens politiku dwar it-triq ’il quddiem, u t-tieni, li jsiru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jekk jiġu implimentat ikunu jistgħu jiftħu t-triq biex isiru elezzjonijiet kredibbli u inklużivi. Sfortunatament, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet tal-Burundi.

L-Unjoni Afrikana (AU) ddeċidiet fit-28 ta’ Ġunju biex tieħu l-pass eċċezzjonali li ma tosservax l-elezzjonijiet (deċiżjoni konsistenti mal-komunikat tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tat-13 ta’ Ġunju 2015) filwaqt li nnotat li ma kinux pew stabbiliti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u kredibbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza.

Il-Missjoni ta’ Osservazzjoni tal-EAC osservat l-elezzjoni presidenzjali u kkonkludiet fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha tat-23 ta’ Lulju li l-proċess elettorali ma ssodisfax il-prinċipji u l-istandards tal-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti, paċifiċi, trasparenti u kredibbli, kif stipulat f'diversi prinċipji internazzjonali, kontinentali, u tal-EAC, tal-osservazzjoni u l-evalwazzjoni tal-elezzjonijiet 3 .

Il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi (MENUB) osservat ukoll il-proċess elettorali minn Jannar 2015, skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 2137 tal-2014, u waslet għal konklużjonijiet simili: fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta’ Lulju, MENUB iddikjarat li "il-libertajiet tal-espressjoni, ta’ assemblea u ta' assoċjazzjoni, kundizzjonijiet essenzjali għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-vot, għadhom severament imfixkla [...] il-libertà tal-midja għadha severament ristretta [...] l-ambjent globali ma jwassalx għal proċess elettorali inklussiv, liberu u kredibbli.

Ir-RGħ/VP ħarġet dikjarazzjoni f’isem l-UE fit-23 ta’ Lulju 2015 li fiha ddikjarat li l-UE ser tibda proċeduri bi tħejjija għall-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 li l-għan tagħhom ikun li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Burundi jieħdu l-passi meħtieġa biex isolvu l-kriżi. L-UE kienet diġà tat twissija minn qabel ta’ dan il-pass fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-22 ta’ Ġunju, fejn ġie ddikjarat li L-UE tfakkar l-obbligi skont il-Ftehim ta’ Cotonou fejn tidħol l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, u l-possibbiltà li jiġu istitwiti l-proċeduri ta’ konsultazzjoni previsti f’dan il-Ftehim, inkluż fl-Artikolu 96. Skont ir-reazzjoni tal-Gvern tal-Burundi għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA u għall-iżviluppi futuri, l-UE hija lesta li tibda dawn il-proċeduri, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-Burundi josserva dawn l-impenji (traduzzjoni mhux uffiċjali)."

L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou jistabbilixxi l-elementi essenzjali li fuqhom hija bbażata s-sħubija, inkluża l-osservanza tar-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. Dawn l-istess elementi jirfdu wkoll il-politiki interni u internazzjonali. Fuq il-bażi ta’ din il-klawsola, il-Kummissjoni Ewropea tqis li huwa neċessarju djalogu mal-awtoritajiet il-ġodda tal-Burundi. Is-sitwazzjoni preżenti tagħti lok għall-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, li jkunu ffukati fuq:

1.Il-prinċipji demokratiċi (l-ambjent politiku u l-proċess biex isiru l-elezzjonijiet, is-sistema ġudizzjarja, li jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istat tad-dritt, inkluż intimidazzjoni u fastidju, arrest arbitrarju u priġunerija). Dan l-aspett ikun jinkludi segwitu, f'sostenn tad-deċiżjonijiet u l-faċilitazzjoni tal-UA u l-EAC, ta’ qafas għal kunsens dwar il-futur demokratiku tal-pajjiż, filwaqt li jitqiesu l-attivitajiet li diġà għaddejjin, bħalma huwa l-użu tal-osservaturi tal-Unjoni Afrikana tad-drittijiet tal-bniedem u dawk militari, bl-appoġġ ta' fondi tal-UE.

2.Id-drittijiet tal-bniedem (pereż. il-libertajiet fundamentali, l-evitar tal-użu sproporzjonat tal-forza kontra d-dimostranti u l-abolizzjoni tat-tortura).

L-objettiv globali tad-djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet ikun li l-Burundi jingħata inkoraġġiment biex jimenja ruħu jieħu azzjoni fi ħdan perjodu speċifikat fl-oqsma kritiċi tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, abbażi tal-prinċipji stipulati fil-Ftehimiet ta’ Arusha.

Dan id-djalogu jagħti lill-awtoritajiet tal-Burundi l-opportunità li jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-punti mqajma mill-UE. Il-Kummissjoni mbagħad tista' tiddeċiedi jekk, abbażi ta' dak, tkunx tista’ tappoġġja l-isforzi tal-pajjiż biex titjieb il-konformità mal- Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jistieden lill-Burundi għal konsultazzjonijiet skont l-Artikoli 9 u 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Ma' din il-Proposta hemm anness abbozz ta' ittra f'dan is-sens.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jew minn strumenti oħra taħt il-baġit ġenerali tal-UE li għaddejjin bħalissa għandhom ikomplu waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni dment li l-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti fil-ftehimiet ta' ffinanzjar jiġu osservati.

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju

2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).

(2)

L-Anness VII, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Cotonou

(3)

 Preliminary report of the EAC election observation mission for the legislative elections in the republic of Burundi http://www.eac.int/dmdocuments/EAC%20Election%20Observer%20Mission%20to%20Burundi%20Presidential%20Election%202015 %20-%20Preliminary%20Statement.pdf .

Top

Brussell, 9.10.2015

COM(2015) 500 final

ANNESS

għall-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou


Brussell,

L-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Pierre Nkurunziza

Il-President tal-Burundi

Eċċellenza,

F’dikjarazzjoni maħruġa fit-23 ta’ Lulju 2015 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea ppreżentat il-valutazzjoni tagħha li d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Unjoni Afrikana u mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant li kellhom għax jiftħu t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklużivi fil-Burundi ma ġewx implimentati.

L-Unjoni Ewropea wasslet ukoll il-fehma tagħha li, billi l-Burundi naqas milli josserva l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou, jiġifieri d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, hija qieset li jkun xieraq li tniedi l-proċedura li twassal għall-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

Skont dawk id-dispożizzjonijiet, għandna l-unur, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li nistiednu lil pajjiżek għal konsultazzjonijiet bil-għan li, kif jipprovdi l-Ftehim, neżaminaw fil-fond is-sitwazzjoni u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tkun rimedjata. L-Unjoni Ewropea twettaq dawn il-konsultazzjonijiet fi spirtu ta’ djalogu, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni tajba għal kulħadd.

Il-konsultazzjonijiet ikunu ta' opportunità għall-Burundi biex jiġi ppreżentat il-programm tal-Gvern, partikolarment fl-oqsma tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza.

Aħna nipproponu li dawn il-konsultazzjonijiet jitniedu, f’data maqbula b’mod konġunt, fi Brussell.

Għoddna dejjem tiegħek,

Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni Ewropea

Kopji:

Il-President tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi tal-AKP

Is-Segretarju Ġenerali tal-Grupp AKP

Top