Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0313

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba

COM/2015/0313 final

Brussell, 26.6.2015

COM(2015) 313 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba

{SWD(2015) 124 final}
{SWD(2015) 125 final}


Werrej

Lista tal-abbrevjazzjonijiet:

Introduzzjoni

Ir-rwol tar-Rapport tal-Artikolu 318

Ir-rapport ta’ din is-sena

1. 1. EWROPA 2020 u l-valur miżjud tal-baġit tal-UE

- 1.1 Rendikont sommarju dwar il-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020

1.2 Eżempji ta’ kif il-baġit tal-UE ntuża biex jindirizza l-prijoritajiet politiċi interni kif ukoll dawk esterni

Eżempju 1 - PATT GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI: Kif l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti għenet biex taġixxi bħala ingranaġġ għall-finanzjament addizzjonali għal proġetti ta’ infrastruttura importanti

Eżempju 2 - IL-ĠLIEDA KONTRA L-EBOLA: Kif rispons koordinat tal-UE għen biex jipprovdi ta’ malajr għajnuna finanzjarja, organizzazzjonali u umanitarja għall-epidemija tal-Ebola fl-Afrika

2. ĦARSA ĠENERALI LEJN IR-RIŻULTATI MIKSUBA

2.1 Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv (Intestatura Baġitarja 1)

A) IL-KOMPETITTIVITÀ GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI (Intestatura 1a)

B) IL-KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI (Intestatura Baġitarja 1B)

2.2 It-Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali (Intestatura Baġitarja 2)

2.3 Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza (Intestatura Baġitarja 3)

2.4 Ewropa Globali (Intestatura Baġitarja 4)

3. Konklużjoni



Lista tal-abbrevjazzjonijiet:

AMIF        Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

KAP        Politika Agrikola Komuni

CEF        Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

PESK        Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

FK        Fond ta’ Koeżjoni

PKS        Politika Komuni tas-Sajd

COSME         Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs

DCI        Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

FAEG        Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija

FEŻ        Fond Ewropew għall-Iżvilupp

FAEŻR        Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

FES        Fond Ewropew għas-Sajd

PIIS        Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

BEI        Bank Ewropew tal-Investiment

EIDHR         Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem

FEMS        Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

ENI        Strument Ewropew ta’ Viċinat

FEŻR        Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FSE        Fond Soċjali Ewropew

FSIE        Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

PIIS        Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

FEAD        Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

FP7    Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Attivitajiet ta’ Riċerka, ta’ Żvilupp Teknoloġiku u ta’ Dimostrazzjoni (QFP 2007-2013)

Orizzont 2020    Il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (QFP 2014-2020)

IfS        Strument għall-Istabbiltà

INSC        Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

IcSP        Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

INSC        Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

IPA        Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni

ISF        Fond għas-Sigurtà Interna

QFP        Qafas Finanzjarju Pluriennali 

PO        Programmi Operazzjonali

FS        Ftehim ta' Sħubija 

IBP        Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti

MUPĊ        Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

YEI        Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ



Introduzzjoni

Ir-rwol tar-Rapport tal-Artikolu 318

L-Artikolu 318 tat-TFUE jitlob li l-Kummissjoni tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali ta’ evalwazzjoni dwar il-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba ('Ir-Rapport tal-Artikolu 318' jew 'Ir-Rapport'), bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza annwali tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Dan jippermetti lill-Parlament Ewropew jeżamina r-rendiment tal-baġit tal-UE flimkien mal-kwistjonijiet tal-konformità, il-legalità u r-regolarità tal-implimentazzjoni tal-baġit. L-aspetti msemmija l-aħħar huma indirizzati fir-Rapport ta’ Sinteżi tal-kisbiet tal-immaniġġjar tal-Kummissjoni 1 .

Madwar 80 fil-mija tal-baġit tal-UE jiġi operat permezz ta’ ġestjoni maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li 20 fil-mija huwa taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma mitluba jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi u fl-evalwazzjoni tagħhom u r-rappurtar dwarhom. Il-Kummissjoni hija responsabbli lejn il-Parlament u ll-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, li għalih il-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jagħti kwittanza lill-Kummissjoni.

L-oqfsa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (inklużi l-objettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni, flimkien ma’ arranġamenti ta’ evalwazzjoni u rappurtar) huma stabbiliti fil-programmi ta’ nfiq fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (“QFP”) 2014 - 2020 adottat mill-Parlament u l-Kunsill. Il-Kummissjoni inkludiet dawn l-objettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni flimkien ma’ dawk dwar il-ġestjoni fil-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tad-Direttorati Ġenerali tagħha, għar-rappurtar permezz tar-Rapporti Annwali tal-Attività. Il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor u tirrapporta dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq u l-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-rapport ta’ Sinteżi Annwali tagħha bbażat fuq l-informazzjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività.

Għalhekk hemm kategoriji differenti ta’ informazzjoni li tikkontribwixxi għall-kwittanza tal-baġit annwali. Dawn jinkludu l-kontijiet annwali u dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni, informazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq, informazzjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programmi finanzjarji u l-informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba 2 .

Il-Kummissjoni ta’ Juncker indikat li se tiżgura li “kull azzjoni li nieħdu tagħti l-aqwa prestazzjoni u l-valur miżjud”. 3 Dan flimkien mal-politika tagħha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar jissarraf f’impenn qawwi għal baġit tal-UE li jiffoka fuq il-prestazzjoni.

Il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri talbu li r-Rapport tal-Artikolu 318 jagħti aġġornament annwali tal-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tal-programmi u l-kontribut tal-programmi għall-objettivi kumplessivi tal-UE. Il-Kummissjoni wieġbet billi pprovdiet informazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE kif ukoll tal-objettivi tal-programmi. Madankollu hemm diversi fatturi li jeħtiġilhom jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest.

L-ewwel nett, il-prossimità tal-kwittanza annwali għas-sena tal-infiq soġġetta għall-kwittanza tillimita kemm tista' tingħata informazzjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni tal-programmi. Dan minħabba li filwaqt li huwa possibbli li wieħed jirrapporta kull sena dwar il-flus minfuqa, dwar l-azzjonijiet li qed jittieħdu ffinanzjati mill-flus tal-UE u fuq l-aktar riżultati immedjati u diretti ta’ dawn l-azzjonijiet, mhuwiex possibbli li wieħed jirrapporta dwar il-prestazzjoni usa’ tal-interventi tal-UE f’termini tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomija u s-soċjetà f’perjodu daqshekk qasir.

Kif jirrikonoxxi l-qafas tal-evalwazzjoni u r-rapportar tal-QFP, informazzjoni dwar il-prestazzjoni usa' tibda ssir disponibbli biss f'madwar nofs kull programm. Dan huwa meta jkun għadda biżżejjed żmien biex il-flus minfuqa u l-azzjonijiet meħuda jkunu ħallew x'impatt. Anki s-saħħa u s-sostenibbiltà tal-impatt tal-azzjonijiet jistgħu jiġu vvalutati biss wara xi ftit tas-snin, meta wieħed iħares lejn ix-xejriet tal-iżvilupp. Pereżempju, l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għal taħriġ mill-ġdid ta’ dawk li jkun ilhom qiegħda għal żmien twil f’sena waħda jista’ jwassal biex tiżdied il-kwalità jew il-kwantità tat-taħriġ disponibbli fis-sena ta’ wara. Dan għandu jwassal għal aktar persuni kwalifikati aħjar li jkunu preżenti fis-suq tax-xogħol forsi s-sena ta’ wara. L-impatt sostenibbli ta’ dawk l-iżviluppi, f’termini ta’ dawk il-persuni li jiksbu impjiegi ġodda u dejjiema, imbagħad ikun jista' jiġi vvalutat, fuq il-bażi tax-xejriet identifikati permezz ta’ rappurtar annwali, xi snin wara. Din hija r-raġuni għaliex informazzjoni regolari tingħata permezz ta’ rappurtar annwali dwar ir-rendiment u r-riżultati tal-infiq tal-UE, filwaqt li r-rappurtar dwar il-prestazzjoni kumplessiva tal-interventi finanzjarji jibda jsir biss, bejn wieħed u ieħor, f’nofs il-QFP ta' seba’ snin, permezz ta’ evalwazzjonijiet interim, u jitlesta biss fis-snin ta’ wara l-konklużjoni tal-QFP, permezz ta’ evalwazzjonijiet ex-post.

It-tieni, hemm aktar diffikultajiet biex tiġi stabbilita r-rabta bejn l-azzjonijiet meħuda u l-progress fil-ksib tal-objettivi tal-politika tal-UE minħabba l-varjetà ta’ fatturi esterni involuti. Sabiex inkomplu fuq l-eżempju tat-taħriġ għall-persuni qiegħda, il-fatturi multipli li jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tal-kummerċ globali u d-deċiżjonijiet tas-settur privat dwar il-post tal-produzzjoni f’partijiet differenti tad-dinja kollha jista’ jkollhom impatt qawwi fuq l-impjiegi f’pajjiżi u f’reġjuni differenti, irrilevanti mill-kwalità u l-kwantità tat-taħriġ provdut.

It-tielet, wieħed irid ukoll iqis il-fatt li l-infiq tal-UE jammonta biss għal madwar 2 fil-mija tan-nefqa pubblika fl-UE u għal 1 fil-mija tal-Introjtu Nazzjonali Gross. Filwaqt li l-infiq tal-UE jista’, u jipprova jżid il-valur tal-infiq nazzjonali, biex jikkontribwixxi biex jiġi żgurat Suq Uniku effiċjenti, sabiex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali fl-iżvilupp u l-introjtu, u l-bqija, hemm limiti għall-influwenza tal-infiq mill-programmi finanzjarji tal-UE minħabba l-ammonti relattivament żgħar involuti meta mqabbla mal-finanzi pubbliċi kumplessivi u s-sitwazzjoni tas-suq. Dawn il-fatturi kollha jeħtiġilhom jiġu kkunsidrati meta titqies il-kontribuzzjoni li r-Rapport skont l-Artikolu 318 jista’ jagħmel għall-proċess tal-kwittanza tal-baġit annwali tal-UE.

Evoluzzjoni ulterjuri ta’ dan ir-rapport jeħtiġilha titqies fil-kuntest tal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq il-prestazzjoni tul iċ-ċiklu baġitarju kollu biex tiżgura li tkun disponibbli l-aħjar informazzjoni biex tappoġġja d-deċiżjonijiet tal-allokazzjoni; biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, tissimplifika u taċċellera l-aċċess għall-finanzjament tal-UE; u biex tapplika kontrolli aktar kosteffettivi. Hemm ukoll fokus qawwi fuq il-komunikazzjoni u d-djalogu interistituzzjonali dwar kif jistgħu jintlaħqu l-aħjar riżultati u tingħata informazzjoni aħjar lill-pubbliku. Il-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Ibbaġitjar ibbażat fuq il-Prestazzjoni li se jitwaqqaf wara talba tal-Parlament għandu jikkontribwixxi biex ikun hemm aktar fehim komuni bħala l-bażi għal deċiżjonijiet futuri dwar l-aħjar direzzjoni 'il quddiem għal baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati.

Ir-rapport ta’ din is-sena

Il-baġit tal-Unjoni għall-perjodu 2014-2020 ("QFP 2014-2020") huwa maqsum f’kategoriji differenti ta’ nfiq ('intestaturi tal-baġit') li jikkorrespondu għal oqsma differenti tal-attivitajiet tal-UE: (1) Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv; (2) Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali; (3) Sigurtà u Ċittadinanza; u (4) Ewropa Globali. Il-finanzjament massimu impenjat għal dawn l-oqsma huwa ffissat għal EUR 960 biljun 4 għall-perjodu ta’ seba' snin.

Fis-sena finanzjarja 2014, bdew jiġu implimentati l-programmi taħt il-QFP il-ġdid 5 . Fl-istess ħin, issokta l-infiq għall-proġetti taħt il-programmi finanzjati mill-perjodu preċedenti tal-QFP 2007-2013. Kif ġie indikat fir-Rapport tal-Artikolu 318 6 tas-sena li għaddiet, ir-rappurtar fl-2014 se jikkombina s-sinjali bikrin tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-QFP 2014-2020 mar-reazzjonijiet disponibbli dwar ir-riżultati u l-impatt tal-proġetti finanzjati mill-programmi preċedenti skont il-QFP 2007-2013. Ir-rappurtar huwa bbażat fuq l-informazzjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li jikkombinaw id-dejta tal-monitoraġġ mal-evidenza mill-evalwazzjonijiet u l-awditjar tal-prestazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dawn ir-Rapporti Annwali tal-Attività jagħtu informazzjoni dettaljata dwar l-indikaturi li jkejlu l-progress li sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-politiki differenti tal-UE. Ħarsa ġenerali mal-Kummissjoni kollha dwar il-progress fl-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni tinsab fir-Rapport ta’ Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014.

L-evalwazzjonijiet ex-post tal-programmi ta’ nfiq ewlenin taħt il-QPF 2007-2013 għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk, ir-rapport ta’ din is-sena jiġi f’perjodu interim bejn ir-rappurtar ulterjuri dwar il-prestazzjoni tal-QFP preċedenti u l-bidu tal-infiq skont il-QFP il-ġdid.

Ir-Rapport isegwi fuq it-talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri 7 biex ir-rappurtar jiffoka aktar fuq il-kontribuzzjoni tal-baġit għall-Ewropa 2020 u fuq il-valur miżjud għall-UE tal-baġit. 

Ir-Rapport jinkludi rendikont sommarju dwar il-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020. Eżempju ewlieni ta’ dan huwa kif il-fondi ġew mobilizzati b’reazzjoni għall-inizjattiva tal-2012 tal-Kapijiet tal-Istat biex tingħata spinta addizzjonali ħalli jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 permezz tal-"Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi". Il-"Patt" jiffinanzja inizjattivi maħsuba biex jiġġieldu r-reċessjoni ekonomika. Ir-riżultati miksuba permezz ta’ waħda minn dawn l-inizjattivi, l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti, saru disponibbli fl-2014. Ir-Rapport jinkludi wkoll eżempji tal-valur miżjud maħluq mill-baġit tal-UE u huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD1) dedikat għall-effiċjenza u l-effettività tal-interventi tal-UE u s-sinerġiji li joħolqu, illi jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-UE.

Fl-aħħarnett, bħal fl-edizzjoni preċedenti tiegħu, żdied Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ieħor (SWD2) li jispjega kif il-Kummissjoni implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2013 għall-Iżvilupp tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni skont l-Artikolu 318.

Struttura tar-Rapport:

It-taqsima 1 tipprovdi rendikont sommarju tal-progress li sar lejn il-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020; u tispjega kif il-baġit tal-UE kien mobilizzat sabiex jindirizza l-prijoritajiet politiċi interni u esterni. L-eżempju 1 juri kif il-baġit tal-UE ingrana finanzjament għal proġetti ta’ infrastruttura importanti permezz tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti. L-eżempju 2 juri l-valur miżjud tal-baġit tal-UE fil-koordinazzjoni tal-assistenza finanzjarja, organizzazzjonali u umanitarja għall-epidemija tal-Ebola fl-Afrika.

It-taqsima 2 tagħti ħarsa ġenerali komprensiva lejn ir-riżultati miksuba bil-finanzi tal-Unjoni għal kull intestatura tal-QFP: Hija maqsuma f’żewġ kapitoli ewlenin - il-politiki interni tal-Unjoni u l-politiki esterni tal-Unjoni. F’din l-istruttura, il-Kummissjoni tagħti rendikont tar-riżultati u tal-impatti miksuba mill-programmi u l-aspetti operazzjonali marbuta mar-rendiment tal-programmi.

It-taqsima 3 tiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin u tagħmel konklużjonijiet.



1. 1. EWROPA 2020 u l-valur miżjud tal-baġit tal-UE

- 1.1 Rendikont sommarju dwar il-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020

Ewropa 2020 hija l-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi fuq għaxar snin tal-Unjoni Ewropea, li ġiet imnedija fl-2010. Sabiex tilħaq l-objettiv tagħha ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-istrateġija tistrieħ fuq ħames miri ewlenin dwar l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, mibdula minn kull Stat Membru f’miri nazzjonali. Il-baġit tal-QFP 2014-2020 huwa wieħed mill-ixpruni tal-UE li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

Il-gvernijiet Nazzjonali għandhom irwol primarju fir-rendiment tar-riżultati. Għall-maġġoranza tal-oqsma, il-miri nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed sabiex jilħqu b’mod kumulattiv l-ambizzjoni fil-livell tal-UE 8 u l-baġit tal-UE li waħdu jirrappreżenta madwar 2% tan-nefqa pubblika kumplessiva fl-UE, mhuwiex biżżejjed sabiex jingħeleb dan in-nuqqas.

Iċ-ċart ta’ hawn taħt turi l-progress li sar sa mill-2008 u d-distanza li fadal sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020.

Indikaturi ewlenin ta' Ewropa 2020: valuri fil-mira u l-progress mill-2008

Sors: Pubblikazzjoni tal-Eurostat tat-2 ta’ Marzu 2015

Fejn possibbli, il-kapitoli ta’ dan ir-rapport huma strutturati madwar il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u r-riżultati tal-programmi tal-UE huma marbuta mal-miri ta’ Ewropa 2020. Ir-riżultati rapportati taħt il-kapitoli differenti għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-progress ġenerali ta’ Ewropa 2020 deskritt hawn fuq.

Il-baġit tal-UE jintuża kemm sabiex jappoġġja l-miri fit-tul ta’ Ewropa 2020 kif ukoll sabiex jintlaħqu l-isfidi fuq perjodu qasir. Iż-żewġ eżempji ta’ hawn taħt juru kif il-finanzjament tal-UE qiegħed jiġi mmirat biex jirrispondi għall-prijoritajiet politiċi fuq perjodu iqsar, kemm fil-qasam intern kif ukoll f’dak estern.

1.2 Eżempji ta’ kif il-baġit tal-UE ntuża biex jindirizza l-prijoritajiet politiċi interni kif ukoll dawk esterni

Eżempju 1 - PATT GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI: Kif l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti għenet biex taġixxi bħala ingranaġġ għall-finanzjament addizzjonali għal proġetti ta’ infrastruttura importanti

Bil-għan li jagħtu spinta addizzjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020, f’Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istati tal-UE adottaw il-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Din l-inizjattiva tipprevedi bosta azzjonijiet dedikati li jridu jitwettqu mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-BEI 9 . Waħda minn dawn l-azzjonijiet kienet it-tnedija tal-proġett pilota 'Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (IBP)', li huwa ffinanzjat mill-BEI u permezz ta’ EUR 230 miljun mill-baġit tal-UE. Kien stmat li l-proġett pilota IBP kien ser iġib miegħu investimenti addizzjonali sa ammont ta’ EUR 4,5 biljun fi proġetti pilota f’infrastruttura prinċipali tat-trasport, tal-enerġija u tal-broadband, li jipprovdu l-impjiegi filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-ġejjieni.

L-evidenza li saret disponibbli fl-2014 dwar l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti wriet li l-inizjattiva setgħet timmobilizza finanzjament addizzjonali. Minn fost l-EUR 4,5 biljun, madwar 2,1 biljun tal-ispejjeż kapitali tal-proġett kienu koperti permezz tal-finanzjament iffaċilitat mit-titjib tal-kreditu mill-UE/BEI tal-proġetti ta’ infrastruttura fit-tliet setturi kollha, filwaqt li huwa ppjanat li jiġu koperti sa madwar EUR 2 biljun oħra fi spejjeż kapitali ta’ proġetti fil-futur qrib. 

Sa issa, ġew iffinalizzati ftehimiet finanzjarji għal erba’ proġetti li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE:

1.L-awtostrada Belġjana ġdida A11 (spiża totali tal-proġett ta’ EUR 657,5 miljun): Ladarba titlesta, l-A11 ser tipprovdi konnessjoni ta’ awtostrada diretta bejn il-port ta’ Zeebrugge u n-netwerk Ewropew tal-awtostradi.

2.L-estensjoni tal-awtostrada Ġermaniża A7 bejn Bordesholm u Ħamburg (bi spiża tal-proġett totali ta’ EUR 772 miljun): L-A7 hija l-itwal awtostrada fil-Ġermanja u waħda mill-aktar links importanti li tgħaqqad it-Tramuntana man-Nofsinhar, sewwasew bejn l-Iskandinavja u l-Ewropa ċentrali. Il-proġett jippermetti żieda fit-traffiku fuq l-awtostrada.

3.Il-proġett tal-infrastruttura broadband (Axione) fi Franza (bi spiża tal-proġett totali ta’ EUR 189,1 miljun): L-istruttura tat-titjib tal-kreditu provdut mill-BEI, bl-appoġġ tal-baġit tal-UE fil-forma ta’ ittra ta’ kreditu, ippermettiet lill-kumpanija tiġbor l-ewwel bond tal-proġett elenkat u klassifikat fis-settur tat-telekomunikazzjoni fl-Ewropa. Il-proġett jappoġġja ż-żamma u l-espansjoni tan-netwerk broadband fir-reġjuni ta’ Franza b’densità ta’ popolazzjoni predominantament baxxa.

4.Il-proġett ta’ trasmissjoni offshore (OFTO) Greater Gabbard ta’ 504MW fir-Renju Unit (bi spiża tal-proġett totali ta’ EUR 420 miljun): Dan kien l-ewwel proġett OFTO ta’ daqs suffiċjenti li attira l-interess tas-swieq kapitali. It-tranżazzjoni Greater Gabbard uriet il-vantaġġ sinifikanti fl-ipprezzar li jista’ jinkiseb fuq il-ħruġ ta’ bond pubbliku bl-użu tat-titjib tal-kreditu taħt IBP, imqabbel ma’ finanzjament bankarju konvenzjonali.

L-ingranaġġ miksub 10  fuq it-tranżazzjonijiet iffirmati sal-lum huwa ta’ madwar disgħa. Imqabbla mal-għoti tas-self superjuri mill-BEI, il-pożizzjoni subordinata meħuda mill-BEI taħt l-IBP kellha effett katalitiku bil-provi fuq l-attrazzjoni tal-proġetti għall-investituri privati. Ir-rwol tal-BEI bħala fornitur ta’ titjib tal-kreditu ta assigurazzjoni lill-investituri privati li l-Bank se jinvolvi ruħu sa minn stadju bikri fl-akkwist tal-proġett. Dan ippermetta li l-bonds maħruġa mill-kumpaniji tal-proġett rispettivi jkollhom profili ta’ riskju attraenti għal firxa wiesgħa ta’ investituri istituzzjonali. L-għażla tal-bonds tal-proġett assoċjata mat-titjib tal-kreditu tal-IBP irriżultat f’vantaġġi sinifikanti fl-ipprezzar għall-awtorità pubblika, meta mqabbla mal-finanzjament bankarju, li min-naħa tiegħu ta valur ogħla lill-konsumaturi.

Il-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi” dedika wkoll sehem kbir mill-Fondi Strutturali (issa msejħa Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – Fondi SIE) għal miżuri li jsaħħu t-tkabbir, bħal appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u t-tisħiħ tal-impjiegi. Il-kapitolu 2.1 B ta’ dan ir-rapport jipprovdi rendikont aktar iddettaljat dwar il-prestazzjoni tal-Fondi SIE f’dawn l-oqsma, kif ukoll dwar l-investimenti mobbilizzati f’dan ir-rigward taħt il-QFP il-ġdid.

Eżempju 2 - IL-ĠLIEDA KONTRA L-EBOLA: Kif rispons koordinat tal-UE għen biex jipprovdi ta’ malajr għajnuna finanzjarja, organizzazzjonali u umanitarja għall-epidemija tal-Ebola fl-Afrika

Il-pandemija tal-Ebola tal-2014 hija kriżi attwali ta’ proporzjon globali u ta’ tħassib globali. Hija konċentrat fi tliet pajjiżi fil-Punent tal-Afrika (il-Liberja, Sierra Leone u l-Ginea) u sal-aħħar tal-2014 kienet ħasdet il-ħajja ta’ madwar 8 800 ruħ u ġew irrapportati ’l fuq minn 22 000 każ ta’ pazjenti infettati. L-eradikazzjoni tal-Ebola tirrikjedi reazzjonijiet fuq livell lokali li jiddependu ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet globali.

Bħala parti mill-azzjoni internazzjonali akbar, l-UE mobbilizzat b’mod rapidu fondi biex tiġġieled l-epidemija u li sa Diċembru 2014 ammontaw għal aktar minn EUR 1,1 biljun 11 . Il-kontribuzzjoni li tirriżulta mill-baġit tal-UE ammontat għal madwar EUR 417 miljun 12   u kienet mobbilizzata minn Intestaturi Baġitarji differenti kif muri hawn taħt.

Il-badġit tal-UE jikkontribbwixxi għas-sorveljanza, id-djanjożi, il-kura u l-provvisti mediċi tal-epidemija; l-użu ta’ tobba, infermiera u laboratorji mobbli; it-taħriġ ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni. Barra minn hekk, minbarra l-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet, ir-rwol tal-UE kien li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi terzi sabiex iwieġbu għal dawn it-theddidiet. Hija appoġġjat l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi affettwati u bħalissa qiegħda tassistihom fl-irkupru tagħhom.

Matul il-kors tal-2014, l-Unjoni Ewropea wriet il-valur miżjud tagħha f’bosta aspetti:

Effikaċja: L-azzjoni tal-UE kienet l-uniku mod kif setgħu jinkisbu riżultati rapidi u effettivi b’mod ikkoordinat. Pereżempju, l-UE kkoordinat azzjonijiet ta’ prevenzjoni fl-UE, bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-aqwa prassi, ħarrġet lill-professjonisti tas-saħħa u żammet netwerk estensiv ta’ esperti fil-qasam umanitarju.

Effiċjenza: L-azzjoni fil-livell tal-UE offriet valur aħjar għall-flus minħabba li r-riżorsi u l-għarfien espert kienu raggruppati. Hija setgħet tisfrutta l-ekonomiji ta’ skala li rriżultaw f’valur miżjud. Pereżempju, permezz ta’ Orizzont 2020, qegħdin jiġu żviluppati trattamenti, tilqim u metodi għal djanjożi rapida kosteffettivi.

Sinerġija: L-azzjoni tal-UE kkumplimentat l-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri u ġabet magħha effett ta’ ingranaġġ billi naqqset id-disparitajiet u ħolqot sinerġiji.

Dan li ġej juri l-kontribuzzjonijiet li saru għall-isforz kumplessiv mid-diversi programmi tal-UE.

Persunal u Tagħmir

Is-sitwazzjoni tal-Ebola qiegħda tiġi mmonitorjata mill-qrib permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (ERCC), li jservi bħala ċentru ta’ rispons taħt l-awtorità tal-Kummissarju Koordinatur tal-Ebola għall-UE, Christos Stylianides. L-ERCC jipprovdi pjattaforma ta’ koordinazzjoni biex tiffaċilita l-koordinazzjoni effikaċi tal-assistenza Ewropea. Twaqqfet task force tal-Ebola, li tiltaqa’ kuljum, sabiex tiddefinixxi azzjonijiet konġunti.

Element kritiku ieħor kien it-trasport tal-ajru għad-dħul u ċ-ċirkolazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-provvisti. Bl-appoġġ tal-ERCC, intuża bastiment navali Olandiż biex iwassal 5,000 tunnellata ta’ assistenza minn disa’ Stati Membri – inklużi ambulanzi, trakkijiet, sptarijiet mobbli u tagħmir protettiv. L-UE daħħlet fis-seħħ ukoll sistema ta’ evakwazzjoni medika għall-ħaddiema internazzjonali kollha li jagħtu l-għajnuna – prekundizzjoni vitali sabiex jiġi żgurat li aktar ħaddiema tas-saħħa jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn ir-reġjun.

Riċerka

Wara s-sejħa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) lill-komunità internazzjonali sabiex issib modi li jgħinuha fil-ġlieda tagħha kontra l-Ebola, il-Kummissjoni mobbilizzat finanzjament minn Orizzont 2020 u f’perjodu qasir li ma għandux preċedenti rnexxielha tibda proġetti ta’ riċerka f’Ottubru 2014. B’mod parallel, l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI), sħubija pubblikaprivata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija farmaċewtika fl-Ewropa, wasslet għal ingranaġġ ta’ EUR 101 miljun mill-industrija farmaċewtika 13 .

Il-Kummissjoni qiegħda tgħin ukoll fil-monitoraġġ u t-traċċar tal-epidemija. Permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, l-UE qiegħda tassisti lid-WHO fl-iżvilupp tas-Sistema tagħha ta’ Valutazzjoni tar-Riskji u d-Ditezzjoni tal-Perikli, li qiegħda tintuża sabiex timmonitorja t-tifqigħa kontinwa tal-marda fiż-żoni u fil-pajjiżi diġà milquta, tidentifika kwalunkwe tifrix ulterjuri tal-marda kemm jista’ jkun minn kmieni u tidentifika l-miżuri ta’ rispons.

Sforz koordinat fir-riċerka, kemm f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif ukoll fil-perjodi bejn l-epidemiji, huwa element kruċjali ta’ rispons effiċjenti u rapidu għal tifqigħat infettivi futuri. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħadet inizjattiva sabiex tistabbilixxi l-Kollaborazzjoni tar-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv, li tgħaqqad flimkien finanzjaturi tar-riċerka mill-kontinenti kollha. L-għan tagħha huwa li toħloq rispons effettiv ta’ riċerka fi żmien 48 siegħa minn tifqigħa.

Is-Saħħa Pubblika u l-Istat ta’ Tħejjija ġewwa l-Ewropa

Permezz tal-programm tas-Saħħa, diversi laboratorji ngħaqdu flimkien biex itejbu l-kapaċitajiet djanjostiċi permezz ta’ attivitajiet li kienu jinkludu t-tfassil ta’ pjanijiet ta’ tħejjija operazzjonali, ix-xiri ta’ materjal (kits djanjostiċi), it-taħriġ tal-persunal u t-twettiq ta’ eżerċizzji esterni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Ġew ittestjati aktar minn 220 kampjun fin-netwerk, li pprovda wkoll persunal b’ħiliet għal attivitajiet laboratorji simili fil-Punent tal-Afrika (il-Ginea, il-Liberja). Din l-esperjenza hija estremament importanti minħabba li sservi bħala referenza għar-rispons fil-livell Ewropew f’każ ta’ okkorrenzi simili.

Saru wkoll il-preparamenti meħtieġa għal każijiet possibbli tal-Ebola fl-UE, li kienu jinkludu n-nominazzjoni ta’ madwar 50 ċentru madwar l-UE b’aktar minn 20 000 sodda fl-isptarijiet, netwerk ta’ laboratorji speċjalizzati, trasport bl-ambulanza u bl-ajru, it-taħriġ ta’ eluf ta’ persunal mediku u l-pubblikazzjoni ta’ messaġġi ta’ informazzjoni fil-portijiet tal-ajru u tal-baħar u fil-mezzi tax-xandir tal-massa. Barra minn hekk, f’Ottubru 2014 ġie stabbilit mekkaniżmu tal-UE għal evakwazzjoni medika tal-każijiet tal-Ebola mill-Afrika għall-Ewropa f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Taħt l-awspiċi tiegħu, erba’ pazjenti bl-Ebola ġew ittrasferiti lejn sptar fl-Ewropa.

L-Istat ta’ Tħejjija Reġjonali

Sabiex jingħata appoġġ għall-istat ta’ tħejjija fil-Punent tal-Afrika (u lil hinn), l-Istrumenti li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u programmi oħrajn tal-UE li għaddejjin ipprovdew assistenza – pereżempju, billi għenu fir-rinnovament u l-attrezzar ta’ unità għall-kura tal-Ebola fl-isptar ċentrali fil-Cote d’Ivoire; billi pprovdew programm għall-ilma u l-ħarsien tas-saħħa b’messaġġi dwar l-iġjene fil-Kosta tal-Avorju; jew billi stabbilixxew faċilità fil-Burkino Faso biex tappoġġja l-pjan ta’ tħejjija nazzjonali.

Fir-rigward tar-rispons għat-tifqigħa tal-Ebola b’mod ġenerali u l-impatt tal-involviment tal-UE b’mod partikolari, diġà bdew għadd ta’ eżerċizzji marbuta mal-lezzjonijiet mitgħallma, kemm fost is-servizzi tal-UE u mal-Istati Membri, kif ukoll fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti bin-nomina ta’ bord ta’ livell għoli maħtur mis-Segretarju Ġenerali. Ir-riżultati ta’ dawn l-eżerċizzji differenti ser ikunu disponibbli fl-2015.


2. ĦARSA ĠENERALI LEJN IR-RIŻULTATI MIKSUBA

It-taqsima li ġejja tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati miksuba fl-2014 għall-programmi finanzjarji ewlenin. Hija strutturata skont l-intestaturi baġitarji. Il-kapitoli 2.1-2.3 jagħtu rendikont tal-politiki interni tal-Unjoni u l-kapitolu 2.4 jagħti rendikont tal-politiki esterni tal-Unjoni. L-enfasi hija fuq ir-riżultati inizjali, minħabba li sa issa għad ma hemmx riżultati u impatti aktar fit-tul.

Kull kapitolu huwa strutturat kif ġej:

1.Taqsima dwar il-programmi tal-QFP 2014-2020 koperti mill-intestatura baġitarja, il-kopertura finanzjarja tagħhom u, fejn rilevanti, kif dawn jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ Ewropa 2020. Fejn possibbli, tingħata ħarsa ġenerali lejn il-progress bikri fl-implimentazzjoni;

2.Taqsima dwar ir-riżultati u l-impatti miksuba mill-programmi finanzjati taħt il-QFP 2007-2013, inklużi eżempji ta’ valur miżjud tal-UE; u

3.Taqsima dwar il-prestazzjoni operazzjonali, li tiddeskrivi l-evidenza tal-aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni kif ukoll l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi bil-għan li ssaħħaħ il-prestazzjoni tal-programmi.

2.1 Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv (Intestatura Baġitarja 1)

A) IL-KOMPETITTIVITÀ GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI (Intestatura 1a)

Fl-2014, il-programmi ewlenin taħt l-intestatura 1a 'Il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi' (li jammontaw għal 95% tal-finanzjament impenjat) huma Orizzont 2020, proġetti infrastrutturali kbar (EGNOS u Galileo, ITER, Copernicus), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-programm Erasmus+ 14 , li jiffinanzja azzjonijiet relatati mal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Għalkemm iżgħar f’termini baġitarji assoluti, l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm COSME huma sinifikanti għall-SMEs Ewropej. Il-programmi iżgħar li jifdal jammontaw għal 5% tal-finanzjament u jiffokaw fuq kwistjonijiet speċifiċi li jeħtieġu soluzzjoni fil-livell Ewropew.

F’termini ta’ approprjazzjonijiet baġitarji impenjati, ġew allokati EUR 15,97 biljun għall-programmi msemmija fuq taħt l-intestatura 1a għall-2014, li jirrappreżentaw 12% tan-nefqa totali tal-baġit tal-UE tal-2014 għall-intestaturi 1-4.

Programm

Approprjazzjonijiet impanjati tal-baġit tal-2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Orizzont 2020, Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

9 023,1.

Proġetti infrastrutturali kbar (ITER, EGNOS u Galileo, Copernicus)

2 418,9.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)

1 976,2

L-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport (Erasmus+)

1 558,8.

Il-kompetittività tal-intrapriżi u tal-SMEs (COSME)

254,1.

Oħrajn (eż. PSCI Customs, Fiscalis, EaSI, FEG)

743,6.

TOTAL

15 974,7.

Dawn il-programmi finanzjarji ewlenin jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020 ta’ Tkabbir Intelliġenti u Sostenibbli. Huma jappoġġjaw l-investiment fil-ġejjieni tal-Ewropa permezz ta’ varjetà ta’ programmi differenti maħsuba biex jagħtu spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, itejbu l-livelli tal-ħiliet u l-edukazzjoni (tul il-ħajja), irawmu l-imprenditorija, jiffaċilitaw l-użu ta’ netwerks intelliġenti u l-ekonomija diġitali, jibnu netwerks trans-Ewropej interkonnessi, jinvestu f’infrastrutturi pan-Ewropej u jimmiraw għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi.

Il-mira ewlenija ta’ Ewropa 2020, jiġifieri li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp jiżdied għal 3% tal-PDG, ma tistax tintlaħaq, u qatt ma kienet intenzjonata li tintlaħaq, permezz tal-finanzjament mill-UE biss, meta wieħed iqis li tali investiment jirrappreżenta madwar 10% tan-nefqa pubblika totali għar-riċerka u l-iżvilupp appoġġjata b’mod predominanti mill-Istati Membri. Il-baġit tal-UE għandu l-għan li jimmassimizza l-effetti tal-finanzjament tal-UE billi jrawwem sħubiji ma’ u fost l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet fis-settur privat permezz ta’ Programmar Konġunt u sħubiji pubbliċiprivati (PPP) u billi joħloq effetti ta’ ingranaġġ fuq il-finanzjament tal-UE permezz tal-faċilitajiet finanzjarji taħt Orizzont 2020, CEF u COSME.

Il-programmi taħt din l-intestatura jitwettqu permezz ta’ ġestjoni diretta. Mill-2014, l-implimentazzjoni tagħhom ġiet parzjalment esternalizzata lil ħames Aġenziji Eżekuttivi: REA, ERCEA, EASME, INEA u EACEA.

Fl-2014 bdiet l-implimentazzjoni tal-programmi kollha li jaqgħu taħt din l-Intestatura. Is-sejħiet tal-2014 taħt Orizzont 2020 diġà ġġeneraw ħafna interess. Ġew iffirmati 1 410 ftehimiet ta’ għotjiet għal 79 sejħa li kienu konklużi. B’mod partikolari, id-domanda għall-mobbiltà ffinanzjata taħt Erasmus+ kienet ogħla minn dik mistennija (ġew sottomessi madwar 21 000 proġett fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u aktar minn 11 000 għal Youth) u għall-proġetti ta’ kooperazzjoni (ġew sottomessi madwar 12 000 proġett) id-domanda kienet għolja ħafna meta mqabbla mal-baġit disponibbli (bir-rati ta’ għażla madwar 15% jew aktar baxxi fil-maġġoranza tal-każijiet). L-attrazzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka tidher ukoll mill-għadd ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE li talbu sabiex jiġu assoċjati miegħu. Matul l-2014, ġew iffirmati Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ta’ Orizzont 2020 ma’ 12-il pajjiż 15 u tnejn oħra talbu għal assoċjazzjoni 16 . Barra minn hekk tlest ukoll t-tiġdid tal-Ftehimiet tax-Xjenza u t-Teknoloġija mal-Istati Uniti tal-Amerika, mal-Ukraina u maċ-Ċina.

Fir-rigward ta’ Galileo, EGNOS u Copernicus, l-isfida li qiegħda tiffaċċja l-Kummissjoni għas-snin 2015-2020 huwa li tippromwovi ż-żieda fl-adozzjoni u l-isfruttament kummerċjali mill-komunitajiet tal-utenti u mill-parteċipanti kummerċjali 17 . Sa issa għadu kmieni, iżda jibqgħu pożittivi l-prospetti li l-firxa ta’ servizzi li ser jiġu pprovduti jistgħu jkomplu jespandu kif ippjanat u l-adozzjoni kummerċjali tas-servizzi offruti se tkun sodisfaċenti.

Ir-Riżultati u l-Impatti miksba mill-programmi taħt il-QFP 2007-2013

Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Dimostrazzjoni (FP7)

Il-politika ta’ riċerka tal-UE permezz tal-FP7 ikkontribwixxiet għall-mira ewlenija ta’ Ewropa 2020 li “l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp jiżdied għal 3% tal-PDG" (2,02% fl-2013). Filwaqt li għadna qegħdin nistennew ir-riżultati tal-ħidma ta’ evalwazzjoni ex-post li għadha għaddejja, l-aħħar statistika disponibbli dwar il-parteċipazzjoni għall-FP7 turi li, bejn l-2007 u l-2013, 487 sejħa konklużi rċevew kważi 136 000 proposta, li kienu jinvolvu aktar minn 600 000 organizzazzjoni u individwu applikanti, li madwar 20% minnhom ġew iffinanzjati. L-ispiża aggregata tal-proġett għall-proposti miżmuma għall-perjodu 2007-2013 hija ta’ EUR 64,3 biljun u l-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti tal-UE mitluba hija ta’ EUR 45,4 biljun mit-total ta’ EUR 55,5 biljun disponibbli 18 .

L-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) jammontaw għal 46% tal-organizzazzjonijiet kollha fl-industrija li pparteċipaw fil-proġetti għall-perjodu 2007-2013. Il-parteċipazzjoni tal-SMEs fi proġetti ta’ riċerka kollaborattiva laħqet 17,4% (sa Ottubru 2013), sabiex b’hekk qabżet il-mira stabbilita ta’ 15%. Il-kontribuzzjoni medja tal-UE għall-SMEs li jipparteċipaw fl-FP7 għall-perjodu 2007-2013 hija ta’ EUR 259,772 għal kull SME.

Sa Diċembru 2014, tlestew 48% tal-proġetti ta’ riċerka kollha tal-FP7. Huma ġġeneraw aktar minn 38 600 pubblikazzjoni bħala output xjentifiku, li madwar 40% minnhom ġew ippubblikati f’ġurnali li ta' impatt qawwi u rieżaminati minn pari.

Għas-7 288 proġett mitmuma tal-FP7, kien rapportat output teknoloġiku ta’ 1 586 applikazzjoni għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi 1 291 applikazzjoni għal privattiva 19 (81%). Dan il-perċentwal relattivament għoli ta’ applikazzjonijiet għal privattivi jservi sabiex jindika l-potenzjal possibbli tal-innovazzjoni li jista’ jiġi sfruttat fir-rigward tar-riċerka mwettqa.

Il-parteċipazzjoni fl-FP7 ikkontribwixxiet ukoll għal livelli ta’ impjiegi sostenibbli għar-riċerkaturi fl-Ewropa. Skont studju ta’ evalwazzjoni fl-2014, matul l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-FP7 ġew ingaġġati madwar 142 000 riċerkatur addizzjonali mit-timijiet ta’ riċerka benefiċjarji. Madwar 43% baqgħu fit-timijiet tagħhom wara li tlesta l-proġett (li hija rata ta’ żamma netta ta’ 1 minn kull 2,3 riċerkaturi ingaġġati). Dan jikkorrespondi għall-ħolqien dirett stmat ta’ 61 000 post tax-xogħol addizzjonali ġodda fl-organizzazzjonijiet parteċipanti wara tmiem il-proġett. Il-parteċipazzjoni fl-FP għenet ukoll sabiex jiżdied il-proporzjon ta’ riċerkaturi nisa fit-timijiet ta’ riċerka benefiċjarji, kif ukoll il-proporzjon tar-riċerkaturi internazzjonali 20 .

Sadanittant, l-azzjonijiet ta’ Marie Skłodowska-Curie għall-perjodu 2007-2013 appoġġjaw madwar 50 000 riċerkatur (inklużi madwar 10 000 kandidat fil-livell ta’ PhD) ta’ 136 nazzjonalità differenti li jaħdmu f’aktar minn 81 pajjiż.

Aktar minn wieħed minn kull ħames proġetti tal-FP7 fil-'Programm speċifiku għall-Kooperazzjoni' jinkludi parteċipant minn pajjiżi terzi (22%), li ġejjin minn 105 pajjiżi terzi differenti. L-oqsma ta’ riċerka predominanti fejn isseħħ il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi huma fis-Saħħa; l-Ikel, l-Agrikoltura u l-Bijoteknoloġija; l-ICT; u l-Ambjent. L-Istati Uniti tal-Amerika u l-pajjiżi BRIC jikkostitwixxu l-lista tal-aktar ħames pajjiżi terzi parteċipanti.

Studju ta’ stħarriġ li sar fl-2014 fost parteċipanti internazzjonali tal-FP fil-Programm tal-Kooperazzjoni tal-FP7 wera li l-vantaġġi tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-FP7 jipprevalu fuq il-mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali, minħabba li l-parteċipazzjoni fil-FP toffri:

   Aċċess aħjar għall-komunità/netwerk ta’ riċerka internazzjonali;

   Konnessjoni aħjar ma’ mħuħ ewlenin fil-qasam;

   Reputazzjoni, pożizzjoni u status aħjar għar-riċerkaturi/organizzazzjonijiet parteċipanti;

   Ingranaġġ aħjar tal-finanzjament disponibbli/finanzjament addizzjonali;

   Kundizzjonijiet aħjar sabiex jiġi żgurat it-twaqqif ta’ konsorzji internazzjonali.

Proġetti infrastrutturali kbar

Fl-2014, l-Iżvizzera ffirmat Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-UE u l-Euratom li jkopri ċerti partijiet ta’ Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka ta’ Euratom u l-attivitajiet tal-ITER għall-perjodu 2014-2020. Dan il-ftehim jiżgura għalhekk il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tal-ITER li jippermetti lill-Iżvizzera tkun membru sħiħ tal-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER (F4E) responsabbli għat-twassil tal-kontribuzzjoni tal-UE lill-organizzazzjoni tal-ITER.

Il-programmi finanzjarji li jappoġġjaw is-sistemi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) u s-sistema Ewropea ta’ osservazzjoni tad-dinja GMES-Copernicus komplew jagħtu r-riżultati fl-2014.

Madwar 65% tal-mudelli eżistenti kollha ta’ riċevituri tan-navigazzjoni bis-satellita issa huma ffaċilitati b’EGNOS, li jfisser li dawn ir-riċevituri jistgħu jużaw il-messaġġ ta’ EGNOS. Fl-Ewropa, bħalissa huma disponibbli aktar minn 170 approċċ ta’ llandjar ibbażati fuq EGNOS f’aktar minn 110 ajruport fi 15-il pajjiż, li jippermettu navigazzjoni aħjar meta jsir illandjar f’ajruport b’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà mnaqqsa. L-Airbus A350 huwa l-ewwel ajruplan kummerċjali kbir li jipprovdi għażla ta’ llandjar b’EGNOS. Il-maġġoranza tas-750 ordni li saru minn impriżi marru għall-għażla tal-EGNOS. EGNOS jintuża wkoll għan-navigazzjoni marittima interna fil-medda tad-Danubju fl-Ungerija b’tul ta’ 400km. Kumpanija multinazzjonali tal-gass u ż-żejt tinsab fil-proċess li tgħammar l-1500 trakk kollha tagħha fl-Italja u l-400 trakk li għandha barra mill-Italja bl-apparat iffaċilitat mill-EGNOS sabiex tkun tista’ timmonitorja t-trasport tal-idrokarburi. Madwar 90% tal-makkinarji tal-ħsad imħallat ta’ livell għoli mibjugħa minn manifattur ewlieni ta’ makkinarju agrikolu huma mgħammra b’riċevituri ffaċilitati mill-EGNOS.    

Fir-rigward ta’ Galileo, wara t-teħid ta’ miżuri korrettivi, il-programm irpilja wara li kien esperjenza xi dewmien. F’Awwissu 2014, żewġ satelliti ta’ Galileo tpoġġew f’orbita skorretta minħabba anomalija fl-illanċjar. Minn dak inhar tressqu f’orbita aħjar u r-riżultati tat-testijiet tagħhom kienu pożittivi. L-illanċjar tas-satelliti ta’ Galileo kompla f’Marzu 2015, sabiex b’hekk il-pjan globali għall-iskjerament tal-konstellazzjoni Galileo baqa’ għaddej kif pjanat. Fir-rigward ta’ Copernicus, Sentinel 1A kienet illanċjat f’April 2014. Erba’ xhur wara, din kisbet dejta, li ntużat għall-immappjar tal-qsim ikkawżat mill-akbar terremot li heżżeż it-tramuntana ta’ Kalifornja f’25 sena. Dan juri li l-Industrija satellitarja Ewropea tista’ topera fuq skala globali.

Garanzija fuq is-Self għall-proġetti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport

L-"istrument ta’ garanzija fuq is-self għall-proġetti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport" (LGTT) huwa strument finanzjarju konġunt tal-Kummissjoni u l-BEI li nħoloq fl-2008 sabiex jaċċellera u jimplimenta proġetti ta’ infrastruttura ta’ TEN-T. Kontribuzzjoni kapitali tal-Kummissjoni ta’ EUR 250 miljun wasslet għal ingranaġġ ta’ investiment kapitali totali ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sitt tranżazzjonijiet tat-traffiku TEN-T b’riskju ta’ dħul fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Portugall, fi Spanja u fir-Renju Unit fis-setturi tal-portijiet u tat-trasport bit-triq u tal-ferrovija fl-aħħar tal-2014.

Erasmus u Marie Sklodowska-Curie

L-azzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-mobbiltà kkontribwixxew għall-mira ewlenija ta’ Ewropa 2020 li jkun hemm “mill-inqas 40% tal-persuni ta’ bejn 30 u 34 sena li jkunu temmew studji bi kwalifiki f’livell terzjarju” (rata li bħalissa tinsab f’36.9%). Sa mill-bidu ta’ Erasmus, il-programm inkoraġġixxa l-mobbiltà ta’ aktar minn 3 miljun benefiċjarju.

Fl-2014 ġie ffinalizzat studju li jivvaluta l-effetti tal-mobbiltà fuq il-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-istudenti u dan ikkonkluda li 52% tal-istudenti ta’ Erasmus żiedu l-"ħiliet tal-impjegabbiltà" tagħhom grazzi għall-esperjenza tagħhom barra l-pajjiż 21 . Dawn il-ħiliet huma mfittxija ħafna minn dawk li jħaddmu li jqisu l-esperjenza barra l-pajjiż bħala importanti għall-impjegabbiltà. L-istudju sab li l-istudenti ta’ Erasmus jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom u biex itejbu l-iżvilupp tal-karriera tagħhom 22 .

COSME (Il-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u s-subprogramm tiegħu Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ

L-azzjonijiet Ewropej tejbu l-ambjent tan-negozju għall-intrapriżi billi għenu sabiex jitnaqqsu ż-żmien u l-ispiża meħtieġa sabiex jinbeda negozju minn 5,4 jiem tax-xogħol fl-2012 għal 3,5 fl-2014 (tnaqqis ta’ 35%) bi spiża medja ta’ EUR 313 fl-2014, li naqset minn EUR 372 fl-2012 (tnaqqis ta’ 15%)

L-evalwazzjoni tal-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE) uriet li 36.5% tal-imprendituri potenzjali tal-EYE bdew negozju wara l-iskambju. Fl-isfond ta’ tnaqqis ta’ 5% fil-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda fl-Ewropa matul il-perjodu 2009-2011, u tnaqqis ta’ 3% fl-għadd ta’ mikrointrapriżi fil-perjodu 2010-2012, dan jitqies bħala riżultat pożittiv u inkoraġġanti. Aspetti notevoli oħrajn ippreżentati fl-istudju ta’ evalwazzjoni jikkonċernaw ir-rati ta’ sopravivenza relattivament għoljin ta’ imprendituri ġodda, imqabbla mal-medja tal-SMEs Ewropej u l-kapaċità li jimpjegaw persunal ġdid: Huma biss 79% tan-negozji Ewropej ġodda li jirnexxilhom jibqgħu għaddejjin wara sentejn ta’ attività, filwaqt li 57% minnhom biss iwasslu sat-tielet anniversarju tagħhom waqt li 87% tal-Imprendituri Ġodda tal-EYE għadhom għaddejjin bin-negozju tagħhom.

Programmi oħrajn

L-evidenza tat-twettiq ta’ programmi iżgħar (Fiscalis, Customs u Hercules) saret disponibbli fl-2014. L-objettivi ta’ dawn il-programmi mhumiex marbuta direttament mal-għanijiet ta’ Ewropa 2020, iżda jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi relatati mal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tat-tassazzjoni u d-dwana u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-evalwazzjoni esterna tal-programm Fiscalis tal-2013 ikkonkludiet li l-programm ipprovda lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri bil-mezzi biex jiskambjaw l-informazzjoni b’mod effettiv (eż. formoli elettroniċi tat-taxxa standardizzati, eċċ.). Madwar 75% tal-baġit kien impenjat għall-operat u l-appoġġ tas-sistemi tal-IT li jappoġġjaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Eżempju wieħed huwa l-VIES (VAT Information Exchange System) fuq is-sistema web, li ppermetta ffrankar ta’ EUR 160 miljun għall-operaturi ekonomiċi u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-programm renda kisbiet importanti fl-effiċjenza hekk kif irrazzjonalizza u ssimplifika l-iskambju ta’ informazzjoni u l-monitoraġġ grazzi għall-istandardizzazzjoni, id-diġitizzazzjoni u l-interoperabbiltà tal-mezzi. F’termini ta’ effettività, Fiscalis għen sabiex jiġu identifikati madwar EUR 3.26 biljun ta’ ammonti ta’ taxxi dovuti, sabiex b’hekk ikkontribwixxa direttament għall-ġlieda tal-Unjoni kontra l-evażjoni tat-taxxa. 

L-evalwazzjoni ta’ Customs 2013 ikkonkludiet li l-programm ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għal titjib fis-sigurtà u s-sikurezza, għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE u għall-iffaċilitar tal-kummerċ. Is-sistemi tal-IT trans-Ewropej ippermettew il-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi parteċipanti. Barra minn hekk, is-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju ffinanzjati kkontribwixxew għall-kontroll imtejjeb ta’ oġġetti perikolużi u l-identifikazzjoni u l-ġbir effettiv tad-dazji tad-dwana. L-Unjoni Doganali saret aktar sigura u dan kellu impatt dirett u pożittiv fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-evalwazzjoni sabet ukoll li l-azzjonijiet ta’ netwerking finanzjati kienu kruċjali u għenu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni doganali, it-tixrid tal-aħjar prassi u l-bini tal-fiduċja meħtieġa biex l-amministrazzjonijiet jaġixxu bħalli kieku kienu ħaġa waħda.

L-evalwazzjonijiet ħarġu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, il-maġġoranza tagħhom ta’ natura operazzjonali (bħal titjib fis-sistemi u l-applikazzjonijiet tal-IT). Pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi kif dawn ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali se jiġu indirizzati matul il-perjodu attwali ta’ programmazzjoni qed jiġi mfassal.

L-evalwazzjoni ta’ HERCULE kkonkludiet li l-Programm laħaq l-objettivi u l-impatt maħsub tiegħu, jiġifieri li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u li ta r-riżultati f’termini ta’ (i) appoġġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tad-dwana; (ii) kooperazzjoni mtejba u (iii) aċċess għad-dejta u l-analiżi. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet ukoll li l-kisbiet fl-effiċjenza huma possibbli jekk l-Istati Membri jikkondividu l-aqwa prassi fir-rigward tax-xiri u l-akkwist tal-apparat.

Aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni

Fl-2014, il-Kummissjoni mxiet għall-użu aktar intensiv tal-Aġenziji Eżekuttivi wara l-esperjenza pożittiva li kellha bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi tal-QFP preċedenti għar-riċerka u l-innovazzjoni. Ir-rapport ta’ Sinteżi tal-2014 identifika għadd ta’ sfidi f’termini tas-superviżjoni tal-governanza u/jew il-kontabbiltà relatata mat-trasferiment tal-ġestjoni tal-programm lill-aġenziji eżekuttivi (AE) u lill-impriżi konġunti (IK) u ppropona azzjoni ta’ rimedju xierqa.

B’mod ġenerali, fl-2014 ġew introdotti tliet bidliet ewlenin mid-DĠ tal-Familja tar-Riċerka, li kellhom l-għan li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza fl-implimentazzjoni:

Il-ħolqien ta’ Ċentru ta’ Appoġġ Komuni (ĊAK): L-implimentazzjoni tal-FP7 permezz ta’ Direttorati Ġenerali differenti u korpi oħrajn wasslet, f’xi każijiet, għal prattiki diverġenti f’partijiet differenti tal-programm. Dan kien innotat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li talbet għat-trattament konsistenti u uniformi tal-benefiċjarji kollha u għall-implimentazzjoni koerenti tal-FP. Il-Kummissjoni laqgħet dawn ir-rakkomandazzjonijiet: ir-rwol taċ-ĊAK li jikkoordina, jissorvelja u jiżgura l-koerenza fil-korpi ta’ implimentazzjoni differenti, sabiex b’hekk jiffaċilita t-trattament uniformi tal-benefiċjarji.

It-twaqqif ta’ Servizz tal-Awditjar Komuni (SAK): Fir-rigward ta’ Orizzont 2020, is-SAK ser iwettaq il-verifiki kollha, inkluż għall-Aġenziji Eżekuttivi u għall-Impriżi Konġunti. Dan huwa pass kbir 'il quddiem sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li jitnaqqas il-piż tal-awditjar fuq il-benefiċjarji.

Fl-2014 twaqqaf Portal tal-Parteċipanti online ġdid, li jiġbor flimkien l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-programmi tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Il-Portal jipprovdi punt ta’ dħul uniku għall-applikanti u l-benefiċjarji ta’ Orizzont 2020 sabiex jiksbu informazzjoni dwar l-iskemi ta’ appoġġ kollha u s-sejħiet kollha f’dan il-qasam. Bil-għan li tagħmel is-sistema kemm jista’ jkun faċli biex tintuża mill-utenti, il-Kummissjoni tfittex il-pariri kontinwi tal-istess utenti.

B) IL-KOEŻJONI EKONOMIKA, SOĊJALI U TERRITORJALI (Intestatura Baġitarja 1B)

L-intestatura 1B tal-qafas finanzjarju jkopri l-‘Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali’ (FEŻR), il-‘Fond ta’ Koeżjoni’ (FK), il-‘Fond Soċjali Ewropew’ (FSE) – inkluża ‘l-allokazzjoni kumplimentari speċifika għall-‘Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI)’ u l-‘Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn’ (FEAD). Dawn il-programmi kollha jitwettqu taħt ġestjoni kondiviża.

Il-FEŻR, il-FK u l-FSE jikkostitwixxu l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE. L-objettiv prinċipali tagħha huwa li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri, billi tikkonċentra r-riżorsi fuq ir-reġjuni u l-Istati Membri inqas żviluppati. Il-Politika ta’ Koeżjoni hija wkoll l-aktar strument ta’ investiment importanti tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020, billi tappoġġja t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fil-livell tal-UE u r-riformi strutturali fil-livell nazzjonali. Il-fondi ta’ Koeżjoni jirrapreżentaw aktar minn 50% tal-baġit tal-investiment f’għadd ta’ Stati Membri (HU, SK, LT) li jindika l-importanza tagħhom fl-appoġġ għall-investimenti strateġiċi tagħhom. Fi Stati Membri oħrajn, il-kontribut huwa iktar modest, b’mod partikolari fir-reġjuni u Stati Membri aktar żviluppati (“Kompetittività”).

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn ('FEAD') huwa fond ġdid li jibni fuq il-programm ta’ għajnuna li ntemm għall-persuni l-aktar fil-bżonn b’finanzjament iddedikat li jikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-faqar u li jiffoka fuq l-assistenza għall-ikel u dik materjali bażika kif ukoll l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. 

F’termini ta’ approprjazzjonijiet baġitarji impenjati, ġiet allokata s-somma ta’ EUR 47.5 biljuni għall-programmi taħt l-intestatura 1B għall-2014, li tirrappreżenta 35.9 % tat-total tal-baġit tal-UE tal-2014 għall-intestaturi 1-4.

Programm 23

Approprjazzjonijiet impanjati tal-baġit tal-2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Konverġenza reġjonali (Reġjuni l-inqas żviluppati)

23 243,6

Reġjuni fi tranżizzjoni

4 695,8

Kompetittività (Reġjuni aktar żviluppati)

7 400,5.

Fond ta’ Koeżjoni (FK)

7 936,2

Kooperazzjoni territorjali Ewropea

505,7

Reġjuni l-aktar imbiegħda u skarsament popolati

209,1

Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

514,3

Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (allokazzjoni kumplimentari speċifika)

1 804,1

Oħrajn

1 187,1

PROGRAMMI TOTALI

47 496,4

B’kollox hija disponibbli s-somma ta’ EUR 351,8 biljun għall-investiment fil-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2014-2020. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-perjodu 2014-2020 f’Diċembru 2013 wasslet għal dewmien fil-proċess tal-adozzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija (FS) li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-investiment strateġiku tal-Istati Membri, kif ukoll tal-Programmi Operazzjonali (PO) li jittraduċu dawn il-prijoritajiet f’investimenti. Dan ipprevjena l-bidu previst tal-implimentazzjoni fil-bidu tal-2014 iżda l-Kummissjoni aċċellerat il-ħidma ta’ segwitu sabiex tiżgura li l-FS kollha jiġu adottati sal-aħħar tal-2014. Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-PO komplew fl-2015. Dawn kienu ffinalizzati għall-FEAD bil-PO kollha adottati mill-Kummissjoni sa Marzu 2015. Għall-politika ta’ koeżjoni (FEŻR; FK; FSE), 241 PO minn fost 311 (77%) ġew adottati sa April 2015. Rigward l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), 20 Stat Membru kienu eliġibbli u 34 PO għandhom komponent tal-YEI. 33 minn dawn il-PO diġà ġew adottati. Barra minn hekk, ġew adottati wkoll 24 programm ieħor ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea appoġġjati mill-FEŻR. Għal 20 Stat Membru 24 ġew adottati l-PO kollha, filwaqt li għal Spanja, għall-Italja u għar-Repubblika Ċeka kien fadal jiġu adottati għadd ta’ programmi. Dan ifisser li fl-ewwel snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni ġdid ser ikunu disponibbli riżultati limitati taħt dawn il-programmi.

Matul il-perjodu 2014-2020, il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni ser jikkonċentraw ir-riżorsi fuq għadd limitat ta’ oqsma politiċi li jikkontribwixxu għas-segwiment tal-istrateġija Ewropa 2020, biex b’hekk jimmiraw li jimmassimizzaw l-impatt tal-investiment tal-UE. Matul id-diskussjonijiet dwar il-PO, il-Kummissjoni kellha l-għan li tgħaqqad il-prijoritajiet tal-investiment taħt il-PO mal-problemi identifikati taħt ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi matul il-proċess tas-Semestru Ewropew. Pereżempju, fil-Bulgarija, l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni se jimmiraw għat-titjib tal-ambjent tan-negozju, b’mod partikolari għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li hija problema strutturali identifikata fir-RSP rikorrenti għal dan l-Istat Membru (2012-2014). Skont l-informazzjoni disponibbli f’nofs Marzu 2015, minn fost il-PO kollha tal-FEŻR-FK li ġew adottati sa issa, EUR 86.1 biljun ser jiġu investiti fi tkabbir intelliġenti (EUR 40.2 biljun fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni, EUR 13.5 biljun fl-aġenda diġitali, EUR 32.4 biljun fl-SMEs) u EUR 88.2 biljun fi tkabbir sostenibbli (EUR 37.6 biljun għal ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju; EUR 33.5 biljun għall-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija u EUR 17.1 biljun għall-preservazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent). Fir-rigward tal-FSE, permezz tal-erba’ objettivi tematiċi tiegħu, huwa jikkontribwixxi għall-miri ta’ Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar. B'kontribuzzjoni għat-tkabbir intelliġenti u inklużiv ta' EUR 73.7 biljun 25 kienet ipprogrammata fil-150 PO adottati sal-aħħar ta’ April (minn 187 PO) taħt il-FSE u l-YEI għal azzjonijiet li jippromwovu l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti.

Ir-Riżultati u l-Impatti miksba mill-programmi taħt il-QFP 2007-2013

Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2007-2013 se jkomplu joperaw sal-aħħar tal-2015 li jfisser li għad irid isir progress ulterjuri sinifikanti lejn il-miri finali.

Il-kisbiet irrapportati tal-Politika ta’ Koeżjoni sal-2013 huma bbażati primarjament fuq l-aħħar informazzjoni dwar il-monitoraġġ disponibbli miksuba mir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali sottomessi mill-Istati Membri f’nofs l-2014. Il-kisbiet irrapportati għandhom jitqiesu fid-dawl tal-progress ġenerali ta’ Ewropa 2020 deskritt fit-Taqsima 1.1 ta’ dan ir-Rapport.

Għall-FEŻR u l-FK l-informazzjoni murija fil-graffs ta’ hawn taħt hija bbażata fuq l-indikaturi ewlenin li jistgħu jiġu aggregati fil-livell tal-UE 26 . Għall-FSE, din l-informazzjoni hija primarjament dejta dwar il-benefiċjarji u sejbiet mir-rapport ta’ Sinteżi tan-Netwerk ta’ Esperti tal-Evalwazzjoni tal-FSE (ir-Rapport EEN), 27 li jiġbor fil-qosor l-evidenza miġbura mill-Istati Membri.

Ta’ min jinnota li l-użu tal-indikaturi li għalihom tista’ tiġi aggregata l-informazzjoni fil-livell tal-UE ma kienx obbligatorju matul il-perjodu 2007-2013, għalhekk, ir-rapportar mhuwiex komprensiv, minbarra għar-rapportar obbligatorju fuq il-parteċipanti għall-FSE 28 . L-indikaturi ewlenin jirriflettu biss xi riżultati tal-politika, mhux ir-riżultati li huma speċifiċi għal kull programm. Huma juru l-iskala tal-attività mwettqa permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni li tikkontribwixxi (għalkemm modestament) għall-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Tkabbir Intelliġenti (il-FEŻR u l-FSE)

Abbażi tal-informazzjoni rapportata mill-Istati Membri, l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-qasam tat-tkabbir intelliġenti kkontribwixxew sabiex tingħata spinta lill-impjieg ta’ żgħażagħ u persuni b’ħiliet għolja, lill-imprenditorija u lit-titjib tal-konnettività diġitali madwar l-UE.

Pereżempju, mill-2007 sal-2013, il-FEŻR u l-FK ikkontribwixxew għall-ħolqien ta’ għadd sostanzjali ta’ impjiegi (il-Figura 1) u iffaċilitaw il-kooperazzjoni ta’ 26 700 intrapriża mal-istituti tar-riċerka (il-Figura 2).

Fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi, din il-figura kienet ta’ 59 % tal-mira stabbilita fl-2007, li juri, l-effett limitattiv tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Jekk il-figura titqiegħed f’kuntest, l-impjiegi maħluqa bejn l-2007 u l-2013 jirrappreżentaw 4,7 % taż-żieda fl-impjiegi meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta’ rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 75 %.

In-numru ta’ impriżi appoġġati biex jikkooperaw ma’ istituti ta’ riċerka kien ta’ 87 % tal-mira inizjali stabbilita, li jissuġġerixxi li sal-2015 din il-mira se tintlaħaq bis-sħiħ. Għal darb’ oħra, madankollu, din il-figura tirrappreżenta biss frazzjoni żgħira ħafna ta’ intrapriżi fl-UE.

Figura 1: Impjiegi maħluqa 

Sors: Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali tal-FEŻR-FK

Figura 2: L-għadd ta’ intrapriżi li jikkooperaw mal-istituzzjonijiet tar-riċerka appoġġjati

Sors: Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali tal-FEŻR

Bl-għajnuna tal-finanzjament mill-FEŻR twettqu madwar 74,100 proġett ta’ Riċerka, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni (RTD), il-maġġoranza tagħhom fir-reġjuni aktar żviluppati (‘Reġjuni tal-Kompetittività'). Dawn wasslu għall-ħolqien ta’ kważi 34 800 impjieg full-time fil-qasam tar-riċerka, maqsumin bejn wieħd u ieħor b’mod ugwali bejn ir-reġjuni inqas żviluppati ('Reġjuni tal-Konverġenza') u r-reġjuni tal-kompetittività. L-aċċess għal netwerks tat-telekomunikazzjoni b’kapaċità għolja huwa fattur ewlieni tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Il-FEŻR investa, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati, fl-estensjoni tal-kopertura tal-broadband. Id-disponibbiltà tal-broadband issa hija qrib il-100% kważi fir-reġjuni kollha tal-UE, fatt illi jnaqqas l-iżvantaġġ tar-reġjuni inqas żviluppati meta jiġu biex jagħmlu n-negozju tagħhom permezz tal-użu ta’ netwerks diġitali. Madankollu, il-kopertura hija ogħla mill-użu attwali tal-unitajiet domestiċi, għalkemm dawn tal-aħħar żdiedu wkoll b’mod sinifikanti fis-snin riċenti (minn 56% fl-2009 għal 76% fl-2013). Il-politika ta’ koeżjoni appoġġjat madwar 5 miljun familja addizzjonali sabiex jiksbu kopertura tal-broadband sal-aħħar tal-2013. Il-Greċja, Franza, il-Portugall u l-Polonja kellhom diffikultajiet fl-implimentazzjoni li l-Kummissjoni qiegħda tindirizza fil-programmi għall-perjodu 2014-2020.

L-appoġġ tal-intrapriżi kien is-sors ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi fost l-interventi kollha koffinanzjati mill-FEŻR sa issa. B’kollox twettqu aktar minn 209 000 proġett tal-FEŻR sabiex jappoġġjaw l-investiment fl-SMEs madwar l-UE sal-aħħar tal-2013 (82% tal-mira). Dawn irriżultaw direttament fil-ħolqien ta’ mill-inqas 274 000 impjieg fl-SMEs (ħafna programmi ma jirrapportawx dan l-indikatur). Barra minn hekk, madwar 98 000 impriża ġdida madwar l-UE kienu appoġġjati fil-fażi tal-bidu tagħhom (105% tal-mira stabbilita inizjalment). Il-forom ta’ assistenza mill-FEŻR kienu jinkludu assistenza finanzjarja f’għotjiet u mhux f’għotjiet, kif ukoll pariri u gwida pprovduti miċ-ċentri ta’ appoġġ għan-negozju ffinanzjati mill-FEŻR.

Feedback bikri ta’ analiżi tal-appoġġ ipprovdut lill-intrapriżi taħt l-evalwazzjoni ex-post li għaddejja tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni diġà huwa disponibbli: It-394 strument ta’ politika li ġew analizzati fid-dettall sa issa pprovdew finanzjament lil kważi 240 000 intrapriża, li 54% minnhom kienu mikrointrapriżi (b’inqas minn 10 persuni impjegati), 30% kienu intrapriżi żgħar (b’bejn 10 u 49 persuna impjegati) u 16% kienu intrapriżi ta’ daqs medju (50-249 persuna impjegati).

Għall-115 000 intrapriża li għalihom seta’ jiġi identifikat is-settur tal-attività, 43% kienu fil-manifattura, 17% kienu fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, 9% kienu fl-ICT, 6% kienu fit-turiżmu, 7% kienu fis-settur tal-kostruzzjoni u 25% kienu f’setturi oħrajn.

L-evalwazzjoni ex-post tal-FEŻR li għaddejja qiegħda tistudja wkoll l-appoġġ ipprovdut lill-intrapriżi kbar u sabet li fis-seba’ pajjiżi bl-ogħla figuri assoluti għall-appoġġ lill-intrapriżi kbar 29 13% (EUR 4,6 biljun) tal-appoġġ mogħti lill-intrapriżi jmur għall-intrapriżi kbar. L-appoġġ fi tliet pajjiżi – PL, PT u DE – jammonta għal nofs l-infiq. F’termini tal-proporzjon ta’ appoġġ mogħti lill-intrapriżi kbar b’relazzjoni mal-appoġġ totali tal-FEŻR, l-enfasi fuq l-intrapriżi kbar hija l-aktar intensa fl-Awstrija, fil-Portugall u fir-Repubblika Ċeka. Fis-seba’ pajjiżi li ġew studjati, ingħata appoġġ lil 2 800 intrapriża kbira. L-appoġġ medju kien jammonta għal EUR 1,6 miljun għal kull intrapriża. Wara l-estrapolazzjoni ta’ dawn il-figuri, jista’ jiġi stmat li kien hemm madwar 4000 intrapriża kbira li rċevew appoġġ mill-FEŻR fl-UE kollha kemm hi (imqabbla ma’ 230 000 proġett tal-SMEs). 79% tal-appoġġ mill-FEŻR imur għas-settur tal-manifattura.

Għall-FSE, ir-rapport tal-EEN fuq il-kisbiet tal-2007-2013 jagħti dejta li turi li ħafna mill-interventi ffinanzjati mill-FSE kienu jiffokaw fuq iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ kienu involuti f’aktar minn 20,9 miljuni (31%) tal-għadd ġenerali tal-parteċipazzjonijiet.

Fil-qasam tal-Aċċess għall-Impjieg kważi 5,6 miljuni (29%) tal-parteċipanti involuti kienu żgħażagħ, bl-ES, FR u UK li ġġeneraw il-maġġoranza ta’ dawn ir-riżultati.

Fil-qasam tat-titjib tal-Kapital Uman aktar minn 10,3 miljun parteċipant (40%) kienu żgħażagħ fl-età ta’ 15-24 sena. Dan jirrifletti l-proporzjon għoli fl-edukazzjoni u t-taħriġ bil-maġġoranza ta’ dawn iż-żgħażagħ li għadhom l-iskola jew l-università.

It-Tkabbir Sostenibbli (il-FEŻR u l-FK)

Abbażi tal-aħħar figuri rrapportati mill-Istati Membri, il-progress tal-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fir-rigward tat-tkabbir sostenibbli huwa irregolari fis-setturi ta’ intervent. Ir-raġunijiet għal dan u l-azzjonijiet korrettivi meħuda mill-Kummissjoni huma spjegati hawn taħt.

Bil-għan li tiżgura li l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku jkunu sostenibbli, il-Politika ta’ Koeżjoni investiet f’miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar u n-nirien fil-forestri. Sal-aħħar tal-2013, aktar minn 7 miljun ruħ ibbenifikaw minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar u aktar minn 28 miljun ruħ ibbenifikaw minn proġetti ta’ protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti. Il-figura tal-aħħar diġà taqbeż il-mira tal-2015 (24 miljun ruħ), li tindika l-progress tajjeb li sar fir-rigward tal-investimenti f’dan is-settur.

B'kontribuzzjoni lejn il-mira rilevanti tal-Ewropa 2020, kważi 2,700 MW ta' kapaċità addizzjonali ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli inħoloq sa tmiem l-2013, li jirrappreżentaw 0,72 % tal-kapaċità minima estimata meħtieġa għall-produzzjoni reali tal-elettriku madwar l-UE kollha (Figura 3).

Figura 3: Kapaċità addizzjonali tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (MW)

Sors: Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali tal-FEŻR-FK

Barra minn hekk, ġew implimentati ħafna proġetti bil-għan li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-blokok tal-appartamenti u tal-bini pubbliku, speċjalment fil-pajjiżi tal-UE-12, fejn dawn iż-żewġ tipi ta’ bini jikkonsmaw ħafna enerġija. L-effettività u l-effiċjenza ta’ dawn l-investimenti qegħdin jiġu vvalutati bħala parti mill-evalwazzjoni ex-post li għaddejja.

Grazzi għall-investimenti koffinanzjati mill-UE sal-aħħar tal-2013, aktar minn 4,2 miljun persuna addizzjonali bbenifikaw minn provvista tal-ilma mtejba u aktar minn 5,5 miljun persuna ġew servuti b’faċilitajiet imtejba ta’ trattament tal-ilma mormi. Madankollu, dawn il-kisbiet jammontaw biss għal 25% tal-miri kumplessivi għall-2015, fatt li jindika riskju serju li jintlaħqu l-miri. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett huwa notevoli fil-BG, SI u ES minħabba l-proċeduri twal tal-akkwist pubbliku, it-tnaqqis fl-attività ekonomika fis-settur tal-kostruzzjoni u l-fallimenti sussegwenti tal-kuntratturi, il-proċeduri twal tal-ippjanar spazjali fuq livell nazzjonali u, f’bosta każijiet, il-kapaċità teknika u finanzjarja baxxa tal-benefiċjarji – primarjament l-awtoritajiet lokali. Il-kundizzjonalitajiet ex-ante introdotti fil-qafas legali ġdid tal-Politika ta’ Koeżjoni ser jgħinu sabiex jiġu indirizzati dawn l-ostakoli għall-programmi matul il-perjodu 2014-2020 u għandhom jaffettwaw b’mod pożittiv ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti fl-aħħar snin tal-PO għall-2007-2013. Dawn il-kundizzjonalitajiet huma mmirati biex jindirizzaw il-problemi li l-esperjenza tal-passat uriet li huma partikolarment rilevanti għall-implimentazzjoni tal-programm, bħat-traspożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE speċifika, il-finanzjament ta’ proġetti strateġiċi tal-UE jew il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali.

Fil-qasam tat-trasport, inbnew ’il fuq minn 3 700 km ta’ toroq ġodda, li 1 800 km minnhom huma parti min-netwerk TEN-T. Barra minn hekk, ’il fuq minn 3 000 km ta’ linji ferrovjarji ġew ammeljorati b’finanzjament mill-UE (72% tal-mira kumplessiva). PL, CZ, PT u BG huma l-kontributuri ewlenin għall-progress irreġistrat. L-istess jgħodd għall-Ungerija, minkejja t-tħassib riċenti rigward ir-regolarità tal-kriterji tal-għażla tal-proġetti. Madankollu, xi proġetti jkomplu jiġu affettwati minn dewmien fil-proċeduri tal-ippjanar u tal-akkwist pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-proġetti ferrovjarji fil-pajjiżi ta’ Koeżjoni, fejn il-kisbiet irrapportati sal-aħħar tal-2013 jammontaw biss għal madwar 20% tal-miri kumplessivi. Id-diffikultajiet se jiġu indirizzati fil-perjodu 2014-2016 permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni definiti f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.

L-evalwazzjoni ex-post tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni staqsiet il-mistoqsija dwar jekk ir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali pprovdewx biżżejjed informazzjoni relatata ma’ proġetti kbar 30 (ħafna minnhom fl-oqsma tat-trasport u tal-ambjent). Instab li, b’mod ġenerali, din l-informazzjoni kienet nieqsa jew inkella ta’ kwalità inferjuri. Abbażi ta’ stħarriġ li sar fuq l-awtoritajiet maniġerjali, l-awturi tal-istudju identifikaw ammont totali ta’ 50 proġett kbir approvati fejn ix-xogħlijiet fiżiċi kienu għadhom ma bdewx sa Ottubru 2014. Dan jirrappreżenta madwar 7% tal-proġetti kbar approvati. Aktar minn nofshom jinsabu fl-UE-15.

Il-FEŻR ikkontribwixxa wkoll għal trasport pubbliku aktar sostenibbli, kif muri mill-eżempju li ġej:

Ħames kumpaniji Ewropej kbar tat-trasport pubbliku ngħaqdu flimkien f’inizjattiva transnazzjonali msejħa ‘Ticket to Kyoto’. Flimkien, huma jiskambjaw, jinnovaw u jesperimentaw b’soluzzjonijiet prattiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport pubbliku. Il-koordinazzjoni ta' ħames operaturi tat-trasport pubbliku ewlenin hija bla preċedenti u eżempju tajjeb tal-valur miżjud tal-inizjattivi ta’ kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha. Din il-koordinazzjoni naqqset l-ispejjeż tal-ippjanar billi żdied in-numru ta’ fornituri possibbli, ġew organizzati sejħiet konġunti eventwali u ġew identifikati l-kundizzjonijiet għal implimentazzjoni ottimali, sabiex b’hekk seta’ jiġi żviluppat approċċ konġunt li jkun direttament replikabbli għal industriji oħrajn. L-investiment totali għal dan il-proġett kien ta’ EUR 12-il miljun, li nofsu (EUR 6 miljun) ġew mill-FEŻR.

It-Tkabbir Inklużiv (il-FEŻR u l-FSE)

Il-FEŻR u l-FSE jinteraġixxu mill-qrib flimkien sabiex jiżguraw li l-problemi eżistenti jiġu indirizzati b’mod integrat kemm fit-tagħmir infrastrutturali kif ukoll f’miżuri mhux vinkolanti li jinvolvu azzjonijiet bħall-edukazzjoni u t-taħriġ.

Ir-riżultati rrapportati fir-Rapport tal-EEN għall-FSE għall-perjodu 2007-2012 juru medda estensiva tal-programmi ffinanzjati bi 68 miljun parteċipazzjoni individwali rreġistrati sa Diċembru 2012. Grazzi għal dawn il-miżuri aktar minn 5,7 miljun parteċipant sabu impjieg, b’79% ta’ dawn l-impjiegi ġġenerati fi ES, FR, PL u UK. Kważi 8,6 miljun persuna kisbu kwalifika bi CZ, DE, ES, FR, IT, NL, PL, SK u UK jgħoddu għal 78% tar-riżultati ta’ kwalifikazzjoni kollha, li minnhom aktar minn 3,4 miljuni kienu jikkonċernaw iż-żieda ta’ kwalifiki ta’ persuni impjegati. Kważi 550,000 parteċipant ħolqu x-xogħol tagħhom stess (xogħol għal rashom) jew bdew intrapriża ġdida, bi DE, ES, FI, FR, GR u IT ġġeneraw il-maġġoranza ta’ dawn ir-riżultati.

L-analiżi tar-rapporti ta’ implimentazzjoni sottomessi mill-Istati Membri turi li l-azzjoni tal-FSE twessa’ l-interventi eżistenti billi tappoġġja lil gruppi (bħal persuni akbar fl-età (ta’ 50 sena ’l fuq), minoranzi etniċi, priġunieri, persuni Roma) jew oqsma ta’ politika li altrimenti ma kienu jirċievu l-ebda appoġġ (effetti tal-kamp ta’ applikazzjoni). Pereżempju, dan huwa l-każ għar-Renju Unit, fejn l-awtoritajiet nazzjonali huma tal-fehma li l-finanzjament tal-FSE qiegħed iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-provvediment minħabba li jimmira lejn gruppi li mhumiex eliġibbli għal provvediment konvenzjonali, kif ukoll jestendi l-firxa ta’ attivitajiet u jipprovdi appoġġ aktar intensiv lill-individwi li jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet serji biex jintegraw fis-suq tax-xogħol (jiġifieri individwi minn minoranzi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni, individwi li għandhom kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, diżabilitajiet fiżiċi jew ex trasgressuri).

Fil-qasam tal-Aċċess għall-Impjieg, l-effetti tal-interventi tal-FSE huma mkejla skont l-għadd ta’ nies li jispiċċaw f’impjieg u impjieg indipendenti jew li jkunu f’pożizzjoni aħjar biex isibu impjieg. L-evalwazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri juru differenzi netti sinifikanti f’termini tal-impjiegi u l-qgħad assoċjati mal-attività tal-FSE. Pereżempju, l-individwi f’interventi appoġġati mill-FSE huma aktar probabbli li jsibu impjieg mill-gruppi ta' kontroll. Għadd ta’ evalwazzjonijiet jenfasizzaw ukoll ir-riżultati ‘mhux vinkolanti’ assoċjati mal-aċċess għal interventi fl-impjiegi, inklużi fatturi bħal tfittxija aktar indipendenti u effettiva għall-impjiegi, awtokunfidenza akbar, livell ogħla ta’ motivazzjoni lejn ix-xogħol u aktar integrazzjoni soċjali b’mod ġenerali.

F’dan il-qasam tal-Inklużjoni Soċjali, l-attivitajiet tal-FSE immiraw lejn parteċipanti minn gruppi li huma partikolarment vulnerabbli fis-suq tax-xogħol: migranti (7 %), minoritajiet etniċi (12 %) persuni b’diżabilità (14 %), il-persuni b’edukazzjoni primarja jew sekondarja inferjuri (45 %). Minħabba d-diversità tal-gruppi fil-mira, l-aktar interventi effettivi tal-FSE huma dawk iddisinjati speċifikament ħafna għall-bżonnijiet ta’ dawn il-gruppi.

Fil-każ ta’ tisħiħ tal-Kapital Uman, il-FSE għen biex titwessa’ l-parteċipazzjoni fit-taħriġ u l-edukazzjoni, speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ, il-migranti u dawk bi kwalifiki baxxi (46 % tal-parteċipanti ma kellhomx aktar minn livell ta’ edukazzjoni sekondarja baxxa). Il-FSE ġie użat ukoll f’xi Stati Membri biex jew jiżdiedu l-kompetenzi ta’ dawk li jaħdmu jew biex jistabbilixxi mekkaniżmi biex jiġu rikonoxxuti kompetenzi eżistenti (DK, ES).

Fil-każ tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva kien hemm aktar minn 913 000 parteċipant rrappurtati, fejn il-maġġoranza vasta, kważi 891 000 (98 %), kienet primarjament impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, tas-servizzi pubbliċi u mis-sħab soċjali. Ir-riżultat ewlieni taħt dan il-qasam ta’ politika huwa l-għadd li jiksbu kwalifika — l-aktar l-impjegati tas-servizzi pubbliċi. Aktar minn 157 000 kwalifika ġew miksuba bbażata tal-figuri minn ħames Stati Membri biss (CY, GR, HU, MT u RO) 31 . Fir-rigward tal-FEŻR, l-informazzjoni aggregata ta’ monitoraġġ disponibbli fil-mument turi progress tajjeb tal-investimenti fl-infrastruttura edukattiva u tal-indukrar tat-tfal bil-kapaċità tal-infrastruttura appoġġjata li tilħaq kważi 6,2 miljun ruħ, li diġà taqbeż il-mira ta’ 5,2 miljun għall-2015.

Aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni

Il-Kummissjoni qed twettaq diversi azzjonijiet biex tiżgura qafas ta’ implimentazzjoni aktar sod li se jiffaċilita li tal-objettivi tal-programm jintlaħqu. Dawn l-azzjonijiet huma mistennija wkoll li jsolvu l-problemi identifikati fl-2014 mill-Qorti tal-Awdituri f’ħames rapporti speċjali fuq l-investimenti appoġġjati permezz ta' programmi tal-FEŻR u tal-FK għall-2000-2006 u perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 32 . F’dawn ir-rapporti, il-Qorti rakkomandat li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-programm jiffokaw aktar fuq l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-proġetti meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-investiment u li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett għandu jsir permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni xierqa u trasparenti.

Waħda mill-azzjonijiet hija inizjattiva tal-Kummissjoni fil-limiti tal-kompetenzi tagħha taħt ġestjoni konġunta, li tindirizza n-nuqqasijiet fil-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Dan isir permezz ta’ laqgħat tekniċi, pariri mmirati u djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, fl-2014, il-Kummissjoni ppreżentat manwal ġdid dwar l-akkwist pubbliku, li kien jinkludi gwida ddettaljata għall-benefiċjarji, flimkien ma’ programm ta’ taħriġ li għandu jiġi implimentat fl-2015. Huwa mistenni li dan il-manwal ġdid jikkontribwixxi għat-titjib kumplessiv tal-prattiki tal-akkwist pubbliku, li huma waħda mill-għodod ewlenin sabiex tiġi żgurata l-kosteffiċjenza tal-interventi koffinanzjati permezz tal-Fondi. Strument ta’ assistenza pari ma' pari, immirat biex itejjeb l-implimentazzjoni tal-Fondi b’mod prattiku permezz ta’ skambju ta’ prattiki u pariri bejn l-Istati Membri, kien żviluppat mill-Kummissjoni bi skambju ta’ esperti pilota li jrid isir fl-2015. Dawn l-azzjonijiet huma mistennija jagħmlu differenza sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programmi għall-perjodu 2014-2020.

Il-qafas leġiżlattiv ġdid għall-perjodu 2014-2020 għandu elementi ġodda bħal: enfasi aktar qawwija fuq l-orjentazzjoni tar-riżultati b’rabta bejn l-azzjonijiet iffinanzjati u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi skont is-semestru Ewropew; kundizzjonalitajiet ex-ante sabiex jiġi żgurat qafas ta’ implimentazzjoni robust mill-bidu tal-implimentazzjoni; ir-rappurtar annwali tal-indikaturi tal-output u tar-riżultati fil-livell tal-assi ta’ prijorità kif ukoll dispożizzjonijiet sodi għall-evalwazzjonijiet tal-impatt li jridu jitwettqu mill-Istati Membri.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq awditu tal-prestazzjoni li vvalutat il-lakuni bejn il-proposti oriġinali tal-Kummissjoni għall-Fondi tal-FSE u r-riżultati finali tal-proċess leġiżlattiv u kwalunkwe riskji li jirriżultaw relatati mal-ilħuq tal-objettivi tal-programm. Is-sejbiet ta’ dan l-awditu se jkunu disponibbli fix-xhur li ġejjin permezz tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-awditjar intern 33 .

2.2 It-Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali (Intestatura Baġitarja 2)

L-intestatura 2 tal-qafas finanzjarju tkopri ż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), b’mod partikolari l-Pilastru I, li jikkonsisti mill-infiq relatat mas-suq u l-pagamenti diretti ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Pilastru II, li jinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp rurali ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Il-PAK jitwettaq taħt ġestjoni konġunta. L-intestatura tkopri wkoll il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (b'taħlita ta' ġestjoni konġunta u diretta) u pakkett għad-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif ukoll attivitajiet fl-oqsma tal-klima u l-ambjent permezz tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) imwettaq permezz ta’ ġestjoni diretta.

L-azzjonijiet taħt din l-intestatura baġitarja jikkontribwixxu primarjament għall-objettivi ta’ Ewropa 2020 fil-qasam tat-tkabbir sostenibbli, flimkien ma’ xi referenzi għat-tkabbir intelliġenti u inklussiv fir-rigward tal-investimenti li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni.

Is-sigurtà tal-ikel u l-promozzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għaż-żoni rurali u agrikoli tal-UE huma l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fil-perjodu tal-QFP 2014-2020. Il-miżuri taħt il-FAEG huma ffokati fuq it-titjib ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-ikel, it-tressiq tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi aktar qrib il-prezzijiet dinjija u l-appoġġ għad-dħul mill-biedja permezz ta’ pagamenti diretti li issa huma diżakkoppjati sew mill-produzzjoni. Taħt it-tieni pilastru tal-PAK, il-FAEŻR ikompli jimmira għall-benesseri ekonomiku, soċjali u ambjentali taż-żoni rurali u għas-sostenibbiltà tal-ambjent rurali. Fil-Qafas Strateġiku Komuni ġdid, li japplika wkoll għall-FEŻR, għall-FSE, għal-FK u għall-FEMS, il-FAEŻR ser jikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija ta’ Ewropa 2020.

It-trawwim ta’ sajd u akkwakultura sostenibbli għall-ambjent, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattivi, kompetittivi u bbażati fuq l-għarfien, it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS, iż-żieda tal-impjiegi u tal-koeżjoni territorjali, it-trawwim tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ipproċessar, kif ukoll it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata (PMI) huma l-prijoritajiet ewlenin tal-FEMS taħt il-qafas finanzjarju l-ġdid. Il-programm LIFE ġdid huwa strument ta’ finanzjament speċifiku ddedikat għall-ambjent u l-azzjoni klimatika, li għandu jopera flimkien mal-approċċ ta’ razzjonalizzazzjoni adottat għall-QFP 2014-2020, li jimplika li l-ambjent u l-azzjoni klimatika huma parti integrali mill-istrumenti u l-interventi ewlenin kollha 34 .

F’termini ta’ approprjazzjonijiet baġitarji impenjati, ġiet allokata s-somma ta’ EUR 59 biljun għall-Intestatura 2 għall-2014, li tirrappreżenta 44,6 % tan-nefqa totali mill-baġit tal-UE għall-intestatura 1-4.

Programm

Approprjazzjonijiet impanjati tal-baġit tal-2014

(f’miljuni ta’ EUR)

Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) — Infiq relatat mas-suq u pagamenti diretti

43 778,1.

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

13 990,3

Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)

861

L-ambjent u l-azzjoni klimatika (LIFE)

403,4

TOTAL

59 032,7

Is-sena 2014 kienet waħda tranżizzjonali, meta s-sistema riveduta ta’ miżuri tas-suq bdiet tapplika wara r-riforma tal-PAK tal-2013, filwaqt li s-sena 2015 kienet il-bidu tal-implimentazzjoni tal-pagamenti diretti riformati. Il-Kummissjoni ffokat l-isforzi tagħha fuq l-eżaminazzjoni u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ Żvilupp Rurali (PŻR) għall-2014-2020 u fuq l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-iskema ġdida ta’ pagamenti diretti. Huwa previst li, sal-aħħar ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni tadotta total ta’ 51 PŻR minn fost il-118-il programm li hemm ippjanati, bil-bqija tal-programmi jiġu approvati matul l-2015.

Kien iddedikat ukoll sforz konsiderevoli għall-aċċellerazzjoni tal-adozzjoni tal-programmi operazzjonali tal-FEMS sabiex jagħmel tajjeb għall-adozzjoni tard tar-regolament dwar il-FEMS f’Mejju 2014. Sa April 2015, il-Kummissjoni approvat ħames programmi operattivi 35 minn 27 programm.

L-adozzjoni tard tar-Regolament dwar LIFE u l-programm ta’ Ħidma Multi-Annwali sussegwenti għall-perjodu 2014-2017 wasslet għal kemmxejn dewmien fil-bidu tal-programm LIFE ġdid. Madankollu, l-ewwel sejħa għall-proposti kienet imnedija b’suċċess fl-2014

Ir-Riżultati u l-Impatti miksba mill-programmi taħt il-QFP 2007-2013

Il-kisbiet irrapportati hawn taħt huma bbażati primarjament fuq l-aħħar informazzjoni ta’ monitoraġġ disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-programm.

Fl-2014, is-settur agrikolu kien influwenzat mill-waqgħa fil-prezzijiet tal-agrikoltura kif ukoll tal-enerġija u mill-impatt sinifikanti tal-projbizzjoni Russa fuq il-prodotti tal-ikel mill-UE, li ġiet introdotta f’Awwissu 2014. Minkejja dawn iċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli, il-PAK żgurat li l-introjtu mill-agrikoltura fl-UE naqas biss b’mod limitat. Il-pagamenti diretti kkontribwixxew għal dan l-effett, kif ukoll il-miżuri immedjati tal-PAK li ġew implimentati wara l-introduzzjoni tal-projbizzjoni Russa sabiex jiġu stabbilizzati s-swieq. Fis-27 Stat Membru tal-UE, l-introjtu mill-agrikoltura naqas bi 8% bejn l-2003 u l-2013 36 u baqa’ taħt il-medja fl-UE. Madankollu, filwaqt li l-introjtu mill-agrikoltura naqas fl-UE15, huwa kiber bi 43% fl-UE12 matul l-istess perjodu (għalkemm minn bażi ferm aktar baxxa). Huwa stmat li l-introjtu mill-agrikoltura jkun 22% aktar baxx fl-UE27 mingħajr l-appoġġ dirett tal-PAK, madankollu b’differenzi kbar bejn id-diversi Stati Membri, skont l-istrutturi tal-irziezet.

Il-PAK kompliet tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika permezz ta’ rekwiżiti relatati li jgħaqqdu l-pagamenti diretti għall-konformità mill-bdiewa ma’ standards bażiċi li jikkonċernaw l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u l-benesseri tal-annimali, kif ukoll permezz ta’ miżuri ddedikati għall-Iżvilupp Rurali, bħal miżuri agrikoliambjentali u l-biedja organika. L-espansjoni tal-wiċċ taħt l-iskemi agrikoliambjentali matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (46,9 miljun etteru, li jirrappreżentaw aktar minn 25% tal-Erja Agrikola Utilizzata mis-27 Stat Membru tal-UE fl-2013) kellha rwol importanti fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-irziezet tal-UE. L-emissjonijiet mis-settur agrikolu komplew jonqsu, xejra li turi rata annwali medja ta’ tnaqqis ta’ 1,7% bejn l-2001 u l-2012. Is-sehem tal-agrikoltura fl-emissjonijiet netti totali wkoll kompla jonqos.

Il-PAK ippromwoviet ukoll żvilupp territorjali bbilanċjat fl-UE permezz tal-istrumenti varji tagħha. Pereżempju, l-appoġġ għall-introjtu pprovdut lill-maġġoranza vasta tat-12-il miljun azjenda agrikola u lill-25 miljun persuna assoċjati magħhom huwa element kruċjali għaż-żamma tal-impjiegi.

Barra minn hekk, l-appoġġ għall-innovazzjoni sa issa kien indirizzat lejn 136 000 razzett li introduċew prodotti jew teknoloġiji ġodda fin-negozji tal-irziezet tagħhom, bħal impjant tal-bijoetanol ġdid u b’teknoloġija għolja fl-Estonja li jipproċessa l-iskart ta’ materjal veġetali u l-pitravi taz-zokkor. L-impjant ġdid ħoloq 20 impjieg addizzjonali fir-reġjun u bħalissa kapaċi jipproduċi 5,000 litru ta’ bijoetanol kuljum mill-ipproċessar tal-iskart ta’ materjal veġetali u l-pitravi taz-zokkor, li huwa sinjal ċar tal-effettività tal-investiment.

Fir-rigward tal-FES (il-predeċessur tal-FEMS), l-implimentazzjoni naqset mir-ritmu, b’mod partikolari fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed minħabba t-tnaqqis fl-attività finanzjarja u ekonomika. Dan huwa muri mill-fatt li, sal-aħħar ta’ Mejju 2014, 85% biss tal-approprjazzjonijiet totali kienu impenjati mill-Istati Membri, sabiex b’hekk kien hemm parti sinifikanti mill-FES li kienet għadha trid tiġi impenjata. Dan jindika li mhuwiex probabbli li l-objettivi tal-programm jintlaħqu kompletament minkejja l-azzjonijiet korrettivi meħuda mill-Kummissjoni minn Lulju 2012, bħall-adozzjoni ta’ emendi għall-Programmi Operattivi sabiex jiġu adattati r-rati ta’ kofinanzjament, sabiex ir-riżorsi jinbidlu bejn il-prijoritajiet u sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-diżimpenji awtomatiċi.

L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jirrappreżentaw qrib is-17% tal-impenji tal-FES u huma l-aktar miżura li tintuża tal-FES. Billi jipprovdi appoġġ finanzjarju għal kważi terz tal-investimenti totali fis-settur, il-FES ikkontribwixxa għall-prestazzjoni ekonomika tajba tas-settur tal-ipproċessar tal-ħut fl-UE, li skont id-dejta tal-2014 qiegħed jiġġenera introjtu ta’ EUR 27,9 biljun.

Studju dwar l-Assi 4 tal-FES 37 juri li l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u taż-żoni tal-akkwakultura jagħti riżultati pożittivi u promettenti. Il-biċċa l-kbira tat-312-il FLAG (gruppi ta’ azzjoni lokali dwar is-sajd) għadhom attivi u sal-aħħar tal-2014 ġew approvati aktar minn 9 800 proġett, li tfisser żieda sinifikanti fuq is-6 363 proġett li kienu approvati sal-aħħar tal-2013 38 . Kien stmat ukoll li dan għandu jwassal għall-ħolqien ta’ aktar minn 200 intrapriża ġdida bl-appoġġ tal-Assi 4 u għall-ħolqien ta’ madwar 7 300 impjieg ġdid, filwaqt li għandhom jinżammu 12 500 impjieg ieħor bi spiża stmata ta’ EUR 32 000 għal kull impjieg li jinħoloq jew jinżamm.

Il-FES għen ukoll sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-kapaċità tas-sajd u r-riżorsi tas-sajd disponibbli billi kkontribwixxa għall-waqfien permanenti ta’ kważi 4 100 bastiment tas-sajd sa Mejju 2014, li tirrappreżenta żieda ta' 2,5 % f’sena waħda.

Fir-rigward tal-aħħar sena ta’ programmazzjoni tal-programm LIFE+ (il-predeċessur ta’ LIFE), fl-2014, il-Kummissjoni approvat il-finanzjament għal 225 proġett ġdid. Il-proġetti magħżula ġew sottomessi mill-benefiċjarji mit-28 Stat Membru kollha u jkopru azzjonijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, it-tibdil fil-klima, il-politika ambjentali u informazzjoni u komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali madwar l-UE. B’mod ġenerali, huma jirrappreżentaw investiment totali ta’ madwar EUR 589,3 miljun, li minnhom l-UE ser tipprovdi EUR 282,6 miljun.

Aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni

Fl-2014, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat erba’ rapporti speċjali li jkopru r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali 39 . Fost kwistjonijiet oħrajn, il-Qorti rrakkomandat li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-investimenti, kif ukoll li jissaħħu s-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni applikati taħt il-PAK.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti ġew indirizzati mill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-programmi għall-perjodu 2014-2020. Kien introdott qafas imsaħħaħ ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-PAK, li għandu jippermetti li jsir traċċar aħjar tal-effettività u tal-effiċjenza tal-interventi ffinanzjati. Għall-ewwel darba, il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ser ikopri l-PAK kollha (iż-żewġ pilastri) u se jinkludi sett ta’ indikaturi tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti li għandhom jgħinu sabiex tiġi vvalutata l-kisba tal-objettivi ġenerali tal-politika.

B’konformità mal-evoluzzjoni ġenerali tal-Fondi SIE, il-FEMS huwa wkoll aktar orjentat lejn ir-riżultati fil-perjodu 2014-2020. Il-proċess tal-programmazzjoni huwa organizzat b’mod aktar sistematiku permezz ta’ loġika ċara ta’ intervent, bl-użu ta’ ġerarkija ta’ Prijoritajiet tal-Unjoni, objettivi speċifiċi u miżuri. Min-naħa tagħhom, dawn jinbidlu f’indikaturi finanzjarji, ta’ output u ta’ riżultati komuni li se jiġu mmonitorjati mill-qrib fil-qafas ta’ sistema msaħħa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

Fir-rigward tal-FES, rapport imħejji mill-Qorti tal-Awdituri 40 żvela li l-istrument naqas milli jagħti valur għall-flus u appoġġ effettiv għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura. L-awdituri sabu li, b’mod ġenerali, il-proġetti naqsu milli jiksbu r-riżultati ppjanati. Bil-għan li tiżgura li l-fondi tal-UE disponibbli għall-akkwakultura jintefqu b’mod immirat, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħejju pjanijiet nazzjonali multiannwali għall-iżvilupp tal-akkwakultura f’kull Stat Membru abbażi ta’ Linji Gwida Strateġiċi 41 . B’konformità mal-kundizzjonalità ex-ante fuq l-akkwakultura, il-Kummissjoni mhijiex se tadotta l-programmi operattivi tal-FEMS sakemm l-Istati Membri ma jkunux issottomettew pjanijiet strateġiċi nazzjonali multiannwali xierqa għall-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli, fejn ikun rilevanti.

Bil-għan li tiżgura bidu bla xkiel tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda taħt din l-intestatura baġitarja, il-Kummissjoni introduċiet ukoll xi aġġustamenti operattivi addizzjonali fil-livell ta’ ħidma. B’mod partikolari, fl-2012 inħolqot “Task-Force dwar l-Iżvilupp Rurali wara l-2013” (TF) sabiex tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-programmi tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020. Mill-2012 ’il hawn, it-TF iltaqgħet regolarment, fost l-oħrajn sabiex tiżviluppa dokumenti ta’ gwida kemm għall-Istati Membri dwar il-kontenut tal-politika, kif ukoll għall-uffiċjal klerikali fir-rigward tal-valutazzjoni tal-programmi sottomessi (pereż. listi ta’ kontroll iddettaljati għal kull waħda mill-miżuri tal-iżvilupp rurali). Barra minn hekk, twaqqaf "Bord ta’ Konsistenza". Dan il-bord seta’ jiżgura approċċ koerenti dwar kwistjonijiet rilevanti magħżula, bħas-sinerġiji u l-kumplimentarjetajiet tal-interventi ppjanati b’interventi taħt l-ewwel pilastru tal-PAK u fondi oħra tal-Unjoni, approċċ propost fl-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-iżvilupp rurali, eċċ. 

Fl-2014, il-Kummissjoni ddelegat proporzjon kbir mill-baġit tagħha taħt ġestjoni diretta lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) fil-qasam tal-kontroll, il-pariri xjentifiċi u l-Politika Marittima Integrata (PMI). Abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, l-użu tal-aġenzija eżekuttiva mistenni jiġġenera ffrankar ta’ kważi EUR 5 miljun matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, meta mqabbel max-xenarju intern.

Mill-1 ta’ Mejju 2014, parti minn LIFE ġiet iddelegata wkoll lill-EASME. Il-parti tal-programm li hija ddelegata lill-aġenzija tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-għotjiet għall-azzjoni għall-hekk imsejħa proġetti tradizzjonali u ta’ bini ta’ kapaċitajiet u l-għotjiet operattivi għall-NGOs taħt il-bażi legali ġdida. Dan jippermetti lill-EASME tidentifika wkoll is-sinerġiji li jeżistu bejn LIFE, Orizzont 2020 u l-programmi l-oħra li hija tiġġestixxi. 

2.3 Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza (Intestatura Baġitarja 3)

Il-programmi taħt l-Intestatura Baġitarja 3 jikkonsmaw sehem żgħir mill-baġit tal-UE (1,2% tal-baġit tal-UE tal-2014 għall-intestaturi 1-4) u huma implimentati permezz ta’ modalitajiet ta’ ġestjoni diretta jew ġestjoni kodiviża.

Il-programmi għandhom l-għan li jappoġġjaw objettivi politiċi ta’ livell għoli bħall-istabbiliment ta’ UE miftuħa u sigura, it-twaqqif ta’ Spazju Ewropew ta’ Ġustizzja u Drittijiet, it-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-promozzjoni taż-żgħażagħ, il-kultura u d-djalogu maċ-ċittadini. Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, dawn il-baġits ma jistgħux jiġu kkorrelati direttament mal-kisba ta’ dawn l-objettivi.

F’termini ta’ approprjazzjonijiet baġitarji impenjati, ġiet allokata s-somma ta’ EUR 1,49 biljun għall-Intestatura 3 għall-2014.

Programm

Approprjazzjonijiet impanjati tal-baġit tal-2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF)

403,3

Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)

399,1

Ikel u Għalf

253,4

Programm għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza

55,3

Programm għall-Ġustizzja

47,0

Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

28,2

Ewropa għaċ-Ċittadini

25,6

Programm għall-Konsumaturi

24,1

Azzjonijiet u programmi oħrajn, sistemi tal-IT, aġenziji

259,1

Total

1 495

L-implimentazzjoni tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) ġarrbet dewmien fl-adozzjoni tal-oqfsa legali: l-atti bażiċi, ta' delega u ta’ implimenazzjoni ġew adottati f’April u f’Lulju/Ottubru 2014. Programmi ta’ ħidma annwali li jiddefinixxu l-prijoritajiet ta’ finanzjament għaż-żewġ fondi ġew adottati f’Awwissu 2014. Il-programmi nazzjonali għall-Istati Membri qed jiġu approvati mill-Kummissjoni fuq dik il-bażi: sa April 2015 għadd totali ta’ 22 mit-58 programm nazzjonali kienu approvati bil-bqija previsti sat-tmiem tal-2015. Il-Programm Ewropa Kreattiva kien imniedi kważi kif ippjanat u pprovda lill-VALOR (sistema tal-IT għat-tixrid tar-riżultati) bl-ewwel proġetti fir-raba’ kwart tas-sena. Programmi oħra, bħall-Programm għall-Ġustizzja u d-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza, irnexxielhom jiffirmaw biss ftit ftehimiet ta’ għotjiet fl-2014. Madankollu, dan ma għandux jaffettwa l-implimentazzjoni kumplessiva tal-approprjazzjonijiet baġitarji tal-2014, li ser ikomplu fl-2015 42 . 

Ir-Riżultati u l-Impatti miksuba permezz tal-programmi taħt il-QFP 2007-2013

L-evalwazzjoni ex-post tal-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili u tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili 43 , predeċessuri għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), ikkonkludiet li r-rispons ta’ emerġenza kkoordinat fil-livell tal-UE kien effiċjenti u kkoordina l-assistenza. Fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE, l-evalwazzjoni sabet li 83% tal-proġetti ma kinux iseħħu mingħajr kofinanzjament mill-UE, anki jekk dawn huma rilevanti ħafna minħabba li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati parteċipanti; għax il-proġetti jindirizzaw il-lakuni fil-kapaċitajiet tar-rispons nazzjonali u jagħtu viżibbiltà lill-UE.

Saru wkoll evalwazzjonijiet fuq it-"Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF)" u fuq is-"Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013." L-ewwel evalwazzjoni kkonkludiet li l-kwalità tat-taħriġ hija għolja (b’85% tal-parteċipanti jiddikjaraw livell għoli ta’ sodisfazzjon), filwaqt li l-ispejjeż tal-programm huma ġeneralment konformi ma’ programmi simili oħrajn. Madankollu, l-evalwazzjoni enfasizzat ukoll li l-effettività tista’ tissaħħaħ permezz ta’ mmirar aħjar tal-parteċipanti u żieda fit-tixrid. It-tieni evalwazzjoni kkonkludiet li r-riżorsi finanzjarji magħmula disponibbli għas-Sena taċ-Ċittadini 2013 ma kinux jaqblu mal-ambizzjoni tal-inizjattiva u fixklu s-sostenibbiltà tagħha. Madankollu, instab li l-attivitajiet individwali kienu effettivi sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom fl-UE.

Aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni

Żewġ rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri koprew il-programmi ffinanzjati fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u s-sigurtà interna. Il-Fond għall-Fruntieri Esterni (FFE) 44 instab li kien ikkontribwixxa għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u li rawwem solidarjetà finanzjarja. Madankollu, ir-rapport enfasizza wkoll li l-valur miżjud tal-UE kien limitat u li l-effettività tiegħu kienet imfixkla minħabba s-sistemi amministrattivi parzjalment ineffettivi tal-Istati Membri u n-nuqqas ta’ monitoraġġ.

It-tieni rapport ta’ awditjar kopra l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II. Hawnhekk, il-Qorti sabet li l-Kummissjoni lestiet is-sistema ċentrali aktar minn sitt snin tard milli kien ippjanat inizjalment u bi tmien darbiet aktar mill-istima inizjali tal-baġit. Id-dewmien u s-soprainfiq irriżultaw fil-biċċa l-kbira mill-kuntest 45 diffiċli ta’ governanza li limitat il-kapaċità tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjonijiet operattivi.

Il-Kummissjoni stabblixxiet diversi miżuri fl-2014 li jinkorporaw il-lezzjonijiet mitgħallma mill-programmi preċedenti u jirreplikaw l-aqwa prassi.

Pereżempju, il-Kummissjoni inkorporat indikaturi obbligatorji sabiex timmonitorja l-effettività u l-effiċjenza fil-bażi legali tal-ISF. Dan għandu jsaħħaħ il-ġbir tal-evidenza, sabiex b’hekk jiġi żgurat li l-evalwazzjonijiet li jmiss ikollhom dejta kwantitattiva biex jibbażaw il-valutazzjonijiet tagħhom fuqhom. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna fuq is-CPFI ttieħdu f’kunsiderazzjoni u wħud minnhom ġew integrati fid-diżinn tal-UCPM. L-eżerċizzji, it-taħriġ, il-proġetti u l-iskambju ta’ esperti, pereżempju, issa qegħdin jingħataw prijorità għolja, li għandha ssaħħaħ l-operat tal-Mekkaniżmu.

Programmi oħrajn, ħadu wkoll azzjonijiet konkreti sabiex iżidu l-effettività u l-effiċjenza tagħhom. Il-programmi għas-Saħħa u l-Konsumaturi, pereżempju, kisbu aċċess għall-pjattaforma tal-IT ta’ Orizzont 2020 għall-ġestjoni tal-għotjiet, li rriżulta f’iffrankar tal-ispejjeż ta’ kważi 60 jiem kull persuna matul il-fażi tal-evalwazzjoni u s-sottomissjoni, li jirrappreżentaw madwar 2% tal-ispejjeż totali tar-riżorsi umani tal-unità. B’mod ġenerali, saru wkoll sforzi sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv impost fuq il-parteċipanti u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-iżbalji min-naħa tal-Kummissjoni.

2.4 Ewropa Globali (Intestatura Baġitarja 4)

Il-programmi taħt l-Intestatura Baġitarja 4 u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiffinanzjaw id-dimensjonijiet differenti tal-politiki esterni tal-Unjoni. Parti importanti mill-finanzjament taħt l-Intestatura 4 tiġi ġestita u implimentata indirettament minn organizzazzjonijiet terzi, bħal aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li l-bqija jiġu ġestiti jew direttament mill-Kummissjoni (l-aktar għotjiet) jew inkella indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji permezz ta’ ġestjoni kondiviża.

F’termini ta’ approprjazzjonijiet baġitarji impenjati, ġiet allokata s-somma ta’ EUR 8,3 biljun għall-Intestatura 4 għall-2014, li tirrappreżenta 6,3 % tan-nefqa totali mill-baġit tal-UE għall-intestatura 1-4.

Programm

Approprjazzjonijiet impanjati tal-baġit tal-2014 (f’miljuni ta’ EUR)

Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)

2 345,0

Strument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)

2 315,0

Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)

1 478,6

Għajnuna Umanitarja

1 081,7

Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP)

276,8

Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)

301,1

Oħrajn 46  

515,3

TOTAL

8 313,5

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa ffinanzjat barra mill-baġit tal-UE. L-aktar programmi importanti f’termini finanzjarji jikkontribwixxu għall-objettiv primarju tal-UE tal-għajnuna għall-iżvilupp, jiġifieri 'it-tnaqqis u eventwalment, il-qerda tal-faqar' (l-Artikolu 208 tat-TFUE). Dawn huma l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI); il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), bl-aħħar wieħed jinkludi wkoll firxa wiesgħa ta’ objettivi ta’ riforma li jikkontribwixxu għar-riformi politiċi, l-integrazzjoni ekonomika u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. Programmi oħrajn li huma finanzjarjament importanti huma l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), li jappoġġja lill-pajjiżi qabel l-adeżjoni sabiex iħejju ruħhom għas-sħubija fl-UE; L-Għajnuna Umanitarja li tagħti sokkors u assistenza ad-hoc lill-aktar persuni vulnerabbli affettwati minn diżastri naturali jew kriżijiet maħluqa mill-bniedem; l-istrumenti li jappoġġjaw il-prevenzjoni ta’ kunflitt u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali (Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-operazzjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). Dan il-kapitolu jiffoka fuq dawn il-programmi ewlenin.

Fl-2014, il-finanzjament kompla taħt il-programmi predeċessuri (QFP 2007-2013). Wara l-adozzjoni tal-atti legali ewlenin f’Marzu 2014, tħejjew il-programmi multiannwali indikattivi għall-QFP il-ġdid għall-perjodu 2014-2020, iżda l-implimentazzjoni proprja tal-maġġoranza tal-programmi setgħet tibda biss fl-2015 jew aktar tard. F’konformità mal-attenzjoni akbar fuq ir-riżultati, id-dokumenti tal-programmi jinkludu b’mod sistematiku loġika ċara ta’ intervent, li tiddefinixxi objettivi speċifiċi u indikaturi tar-riżultati relatati għal kull settur ta’ konċentrazzjoni. Dawn għandhom imbagħad isiru parti mill-katina tar-riżultati li trid timbena fuq l-implimentazzjoni u tiġi mmonitorjata fil-qafas tas-sistemi msaħħa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

Minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li daħal fis-seħħ f’Marzu 2015, filwaqt li l-iskema predeċessur ġiet fi tmiemha fir-raba’ kwart tal-2013, ġiet stabbilita faċilità ta’ tranżizzjoni taħt l-għaxar FEŻ bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet.

Ir-Riżultati u l-Impatti miksba mill-programmi taħt il-QFP 2007-2013

Indikatur tal-Impatt tal-MDG fuq il-faqar:

Bejn l-1990 u l-2015 jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-popolazzjoni li tgħix f’faqar estrem

Il-mira ntlaħqet fl-2010 – Il-Lvant tal-Asja u l-Paċifiku kellhom riżultati tajbin fit-tnaqqis tal-faqar, iżda l-Afrika sub-Saħarjana għadha lura

Indikatur tal-impatt tal-MDG fuq l-edukazzjoni:

Jiġi żgurat li, sal-2015, it-tfal – subien u bniet – tad-dinja kollha, ikunu jistgħu jtemmu b’mod sħiħ l-iskola primarja

Il-mira ma ntlaħqitx – rata ta’ reġistrazzjoni sa 90%, iżda r-rata ta’ tlestija kienet ta’ 73%: Filwaqt li sar progress sostanzjali, kienu biss il-Lvant tal-Asja u l-Paċifiku, l-Ewropa u l-Asja Ċentrali li laħqu/kienu qrib li jilħqu l-mira

Indikatur tal-Impatt tal-MDG fuq is-saħħa

Titnaqqas b’żewġ terzi r-rata ta’ mortalità tat-tfal taħt l-età ta’ ħames snin bejn l-1990 u l-2015

Il-mira ma ntlaħqitx, iżda r-rata tal-mortalità tat-tfal taħt l-età ta’ ħames snin naqset kważi bin-nofs. B’mod ġenerali, il-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw x’aktarx li jaqgħu lura milli jilħqu din il-mira. Il-Lvant tal-Asja, il-Paċifiku u l-Amerika Latina u l-Karibew irnexxielhom jilħqu din il-mira.

L-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE tikkontribwixxi għall-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-progress tagħhom jitkejjel, fost oħrajn, permezz ta’ indikaturi fuq il-faqar, l-edukazzjoni u s-saħħa, li ffissaw miri għas-sena 2015. Għalkemm dawn l-indikaturi huma influwenzati minn diversi fatturi li jmorru lil hinn mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, jirrappreżentaw il-progress fl-iżvilupp miksub fuq perjodu twil.

L-UE u l-Istati Membri flimkien jipprovdu nofs l-assistenza tad-dinja għall-iżvilupp. F’termini ta’ finanzjament direzzjonat speċifikament lejn l-edukazzjoni u s-saħħa, taħt il-QFP 2007-2013 l-UE appoġġjat l-edukazzjoni fi 42 pajjiż b’EUR 4,2 biljun u s-saħħa fi 43 pajjiż bi EUR 3,2 biljun. L-eżempji mogħtija hawn taħt juru r-rabta li teżisti bejn l-interventi tal-UE u l-progress li sar fuq l-indikaturi tal-MDG relatati f’pajjiżi differenti.

Fil-il-Mozambique, evalwazzjoni kkonkludiet li l-appoġġ baġitarju fil-perjodu 2005-2012 għen sabiex jagħmilha possibbli għall-gvern li jonfoq medja ta’ madwar 20% tan-nefqa totali fuq l-edukazzjoni. Dan wassal għal żieda ta’ 40% fit-tfal li jattendu l-iskola primarja u ta' 65% aktar li jattendu l-iskola sekondarja fl-2012, imqabbel mal-2004, bl-akbar żieda fil-familji ifqar. Madankollu, kważi ma kien hemm l-ebda bidla f’dak li għandu x’jaqsam mal-faqar assolut f’dan il-pajjiż; waħda mir-raġunijiet tkun li l-politika agrikola ma rnexxilhiex ittejjeb b’mod sinifikanti l-produzzjoni agrikola. Fil-Bangladesh, fejn il-faqar assolut naqas minn 50% għal ftit aktar minn 30% bejn 1990 u l-2015, l-UE kkontribwixxiet EUR 38 miljun għal programm ta’ sikurezza fl-ikel li għen kważi 325 000 familja vulnerabbli u mmexxija minn nisa sabiex joħorġu mill-faqar estrem u jiksbu sigurtà tan-nutrizzjoni għall-familja tagħhom. F’El Salvador, l-UE kkontribwixxiet EUR 47 miljun permezz ta’ appoġġ settorjali għal programm tal-Gvern ta’ EUR 690 miljun sabiex tiżdied il-provvista tas-servizzi pubbliċi lill-aktar persuni foqra u vulnerabbli (immirat biex jilħaq 750 000 ruħ jew 13% tal-popolazzjoni totali), sa issa b'dawn ir-riżultati: 30% addizzjonali mill-51% tal-persuni 'l fuq minn 70 sena fil-mira issa huma koperti b’pensjoni bażika; 226 000 mill-260 000 familja fil-mira qegħdin jirċievu kura medika preventiva; twaqqfu sebgħa mill-ħmistax-il uffiċċju ppjanati għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa; 70% mit-80% ippjanati tal-popolazzjoni fil-muniċipalitajiet huma koperti b’aċċess għall-ilma tax-xorb u sanità bażika; aktar minn 84% tal-perċentwal ippjanat ta’ 95% tal-popolazzjoni ġew ipprovduti b’aċċess għall-elettriku. Meta wieħed iqis li l-proġett għadu għaddej, wieħed jistenna li l-miri se jintlaħqu.

Taħt l-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni mal-UE (IPA), il-progress li sar mill-pajjiżi kandidati (il-Balkani tal-Punent u t-Turkija) fl-implimentazzjoni tar-riformi politiċi u tal-acquis tal-UE huwa mħallat 47 . Fost l-avvenimenti ewlenin hemm it-tnedija tan-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja; l-għoti tal-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Albanija; it-tlestija tal-proċess tal-iskrinjar u l-ftuħ ta’ oqsma ta’ negozjati ġodda mal-Montenegro. Madankollu, il-proċess tal-adeżjoni mat-Turkija kien affettwat b’mod negattiv fl-2014 mill-arresti u t-trażżin tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fit-Turkija. Fil-Bosnja-Ħerzegovina, issokta l-waqfien fil-proċess tal-integrazzjoni mal-UE u l-finanzjament taħt l-IPA tnaqqas, minħabba li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-twaqqif tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’rabta mad-dispożizzjonijiet legali diskriminatorji dwar id-drittijiet tal-minoranzi li jikkontestaw l-elezzjonijiet.

Evalwazzjoni tal-assistenza tal-IPA għall-proġetti infrastrutturali f’ħames pajjiżi fil-perjodu 2005-2011 sabet li l-proġetti ffinanzjati kienu mmirati tajjeb u wieġbu għal domanda reali. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti fil-kampjun ikkonfermaw l-aċċessibbiltà sħiħa u l-użu xieraq tal-infrastruttura u tat-tagħmir ipprovduti skont l-objettivi tal-proġett. Imqabbla ma’ azzjonijiet nazzjonali simili, l-evalwazzjoni sabet evidenza li l-proġetti tal-IPA żguraw valur tajjeb għall-flus minħabba li kien hemm inqas korruzzjoni dovuta għas-superviżjoni intensa u l-evalwazzjonijiet indipendenti tas-sejħiet għall-offerti. Ġew identifikati aspetti differenti ta’ valur miżjud għall-UE, bħal titjib fl-ippjanar strateġiku, fl-assistenza teknika u fil-bini tal-kapaċità għall-benefiċjarji; sorsi kumplimentarji jew uniċi ta’ finanzjament; u dimostrazzjoni tal-benefiċċji tal-integrazzjoni mal-UE.

F’kuntest ta’ żieda kbira fil-kriżijiet umanitarji fl-2014, il-Kummissjoni pprovdiet sokkors permezz ta’ Għajnuna Umanitarja lill-aktar persuni vulnerabbli f’aktar minn 80 pajjiż. Eżempju ta’ dan huwa s-Sirja, fejn l-għajnuna mogħtija mill-baġit tal-UE żdiedet bi 80% minn EUR 515-il miljun għal EUR 817-il miljun meta mqabbel mal-2013, tant li wasslet biex jingħata appoġġ lil 12,2 miljun ruħ li kienu jeħtieġu assistenza umanitarja ġewwa s-Sirja, kif ukoll lill-miljuni ta’ refuġjati Sirjani u lill-komunitajiet ospitanti tagħhom fir-reġjun fil-forma ta’ assistenza medika ta’ emerġenza, protezzjoni, assistenza relatata man-nutrizzjoni tal-ikel, ilma, faċilitajiet sanitarji u ta’ iġjene, kenn u servizzi ta’ loġistika.

L-UE hija wieħed mid-donaturi umanitarji ewlenin fir-rispons għall-kriżi fis-Sirja b’madwar EUR 3,6 biljun impenjati mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri b’mod kollettiv f’assistenza umanitarja, ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ żvilupp. Fil-Lvant tal-Ukraina, l-għajnuna umanitarja indirizzat il-ħtiġijiet bażiċi ta’ aktar minn miljun persuna spustati billi pprovdiet kenn, ikel, ilma, kura tas-saħħa, assistenza psikosoċjali u protezzjoni bi tħejjija għax-xitwa. Fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR), fejn aktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ 4,6 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja, l-UE pprovdiet ’il fuq minn EUR 128 miljun f’għajnuna għal interventi umanitarji, inkluż lil refuġjati tas-CAR f’pajjiżi ġirien, u organizzat trasport bl-ajru ripetut ta’ ħaddiema umanitarji u materjal ta’ sokkors fis-CAR. Il-finanzjament indirizza l-ħtiġijiet bażiċi ta’ aktar minn 2,6 miljun persuna spustati fis-CAR u ta’ mill-inqas 338 500 refuġjat u persuni rimpatrijati fil-pajjiżi ġirien (il-Kamerun, iċ-Ċad, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika tal-Kongo) billi pprovda kenn, ikel, ilma, kura tas-saħħa, assistenza psikosoċjali u protezzjoni.

Ix-xejra osservata fuq l-indikaturi tal-impatt li jkejlu l-intensità tal-kunflitti fil-pajjiżi fejn saru l-operazzjonijiet ewlenin tal-PESK hija aktar pożittiva mix-xejra dinjija globali, għalkemm ma tistax issir konnessjoni kawżali diretta minħabba l-influwenza ta’ fatturi esterni u tal-atturi l-oħrajn involuti. Filwaqt li l-għadd u l-intensità tal-kunflitti żdiedu minn 414 fl-2013 għal 424 fl-2014, li fosthom kien hemm 21 gwerra (livell 5 ta’ intensità) imqabbla ma’ 20 fl-2013, l-intensità tal-kunflitti fejn saru l-operazzjonijiet ewlenin tal-PESK stabbilizzat fil-Kosovo, fl-Afganistan, fis-Sahel Niger u naqset fil-Ġeorġja, fil-Mali u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Madankollu, l-intensità tal-kunflitti żdiedet fit-territorji Palestinjani, fil-Libja u fl-Ukraina.

Fir-rigward tal-predeċessur tal-IcSP, saret disponibbli evidenza tal-evalwazzjoni dwar l-għajnuna għat-tħejjija għall-kriżijiet (EUR 103 miljun fil-perjodu 2007-2013), li għandha l-għan li tibni kapaċità istituzzjonali sabiex tindirizza kunflitt qabel ma jeskala 48 . Mil-lat pożittiv, l-evalwazzjoni kkonkludiet b’mod wiesa’ ħafna li t-tħejjija għall-kriżijiet hija rilevanti ħafna għall-impenji internazzjonali tal-UE u li l-proġetti finanzjati bnew jew saħħew il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-isforzi tal-bini tal-paċi. Dan inkiseb permezz tal-iffinanzjar ta’ għadd ogħla ta’ entitajiet involuti fil-prevenzjoni tal-kunflitti (pereż. gruppi komunitarji) u għadd ogħla ta’ proċessi ta’ medjazzjoni u djalogu politiku. Pereżempju, is-sistema ffinanzjata ta’ twissija bikrija u ta’ rispons bikri f’Timor Leste kellha impatt fuq il-gvern, is-soċjetà ċivili u l-aġenziji internazzjonali. Id-dejta ġġenerata mis-sistema qiegħda tintuża fil-livelli kollha għall-aġġornamenti tal-politika u tas-sigurtà minħabba li hija affidabbli u f’waqtha. Dan saħħaħ l-istat ta’ tħejjija u r-reazzjonijiet tal-komunità għall-kunflitti u t-tensjonijiet interkomunitarji li jinħolqu. L-għadd ta’ kunflitti f’bosta żoni naqas b’mod sinifikanti wara l-introduzzjoni tas-sistema.

Għalkemm huwa diffiċli li tkejjel eżattament il-kunflitti evitati mis-sistema ta’ twissija bikrija, f’dan il-każ il-partijiet interessati kollha li ġew intervistati indikaw li s-sistema kienet qiegħda taħdem sewwa u li 70% tal-kunflitti setgħu jissolvew immedjatament fil-livell lokali. Madankollu, b’mod ġenerali, l-evalwazzjoni sabet li l-istampa fir-rigward tat-tnaqqis reali tal-kunflitti tibqa’ waħda diversa, bis-sjieda bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-kisba tal-impatt.

Minħabba li l-attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti rari jiġġeneraw profitti ekonomiċi li jistgħu jgħinu biex isostnu l-finanzjament ta' proġett partikolari, kienet enfasizzata s-sostenibbiltà tar-riżultati mingħajr appoġġ finanzjarju ulterjuri. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata mill-finanzjament kumplimentari permezz ta’ għajnuna għall-iżvilupp fit-tul. Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà tal-għajnuna relatata mal-kapaċità dgħajfa tal-amministrazzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi tqajmet ukoll f’evalwazzjonijiet oħrajn 49 , flimkien mal-importanza li tiġi garantita s-sjieda sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-impatt 50 . Sjieda limitata ta’ spiss tkun relatata ma’ allinjament ħażin tal-objettivi tad-donatur u l-interess tal-gvern u s-sjieda tista’ tittejjeb permezz ta’ djalogu politiku u l-parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati fit-tfassil tal-istrateġija u tal-programmi.

Aspetti operazzjonali tal-prestazzjoni

Għadd ta’ evalwazzjonijiet li twettqu fl-2014 jikkonfermaw il-kuntest impenjattiv li fih tingħata l-għajnuna esterna, bħall-kooperazzjoni ma’ donaturi differenti u l-kapaċità dgħajfa tal-amministrazzjonijiet fil-pajjiżi sieħeb u l-ħtieġa ta’ reazzjoni mgħaġġla f’ċirkostanzi diffiċli. Pereżempju, verifika tal-prestazzjoni mwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-għajnuna umanitarja pprovduta lill-Ħaiti rreferiet għall-kuntest diffiċli li fih ngħatat l-għajnuna, bħal awtoritajiet nazzjonali dgħajfa, u nnotat li kien diffiċli li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel bejn l-attivitajiet iffinanzjati taħt l-istrumenti differenti u li ssir koordinazzjoni ma’ bosta donaturi oħrajn. Id-dgħjufija istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-Ħaiti kienet ikkonfermata bħala ostakolu kbir fl-implimentazzjoni effettiva tal-għajnuna permezz ta’ evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Ħaiti matul il-perjodu 2008-2012 (EUR 485,6 miljun f’appoġġ għall-iżvilupp; EUR 210 miljun f’għajnuna għal emerġenza). Kien irrakkomandat li l-bini tal-Istat għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija tal-UE sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-għajnuna.

B’mod ġenerali, l-evalwazzjonijiet ikkonfermaw b’mod wiesa’ r-rilevanza tal-kooperazzjoni tal-UE u wrew li l-azzjonijiet tal-UE indirizzaw il-ħtiġijiet ewlenin tal-iżvilupp skont il-prijoritajiet nazzjonali. Il-mod kif topera l-UE f’pajjiżi fraġli huwa vvalutat b’mod pożittiv, b’mod partikolari l-kapaċità tagħha li tibqa’ flessibbli u żżomm quddiem għajnejha l-approċċi fuq żmien qasir u twil, billi tindirizza kemm il-problemi tal-iżvilupp kif ukoll l-emerġenzi ewlenin. Fuq in-naħa negattiva, il-feedback dwar il-prestazzjoni jikkritika n-nuqqas ta’ enfasi u l-frammentazzjoni tal-għajnuna 51 li taffettwa l-impatt 52 u li twassal għal ineffiċjenzi u piż amministrattiv u għal nuqqas ta’ qafas ta’ prestazzjoni u monitoraġġ 53 . Fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali fl-Asja 54 , instab li l-programmi reġjonali ma laħqu ebda dimensjoni reġjonali reali. Il-ħtieġa li jitjiebu r-rabtiet bejn il-programmazzjoni u pajjiż usa’; strateġija reġjonali jew settorjali kienet ikkonfermat f’evalwazzjonijiet oħra 55 . 

Il-valutazzjonijiet tal-evidenza tal-prestazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna ffinanzjati taħt il-perjodu tal-QFP preċedenti huma riflessi fid-direzzjoni meħuda fil-programmi ta’ għajnuna esterna taħt il-QFP ġdid għall-perjodu 2014-2020 sabiex issir distinzjoni tal-għajnuna fost il-pajjiżi sħab skont is-sitwazzjoni ekonomika speċifika tagħhom, sabiex ir-riżorsi jiġu kkonċentrati fejn huma l-aktar meħtieġa (issa il-programm ta’ kull pajjiż għandu inqas setturi milli kellu fil-passat), sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-UE bejn il-programmi finanzjarji u sabiex tiġi massimizzata l-koerenza tal-politika. Barra minn hekk, qed jiġu rieżaminati s-sistemi ta’ monitoraġġ u rapportar, inkluż b’mod partikolari t-tnedija ta’ qafas tar-riżultati korporattivi 56 li se jipprovdi l-bażi għall-ewwel rapport dwar ir-riżultati fl-2015. It-tisħiħ ta’ dawn is-sistemi se jkun ta' benefiċċju b’mod ugwali għall-kwalità u l-użu tal-evalwazzjonijiet tal-proġetti u dawk strateġiċi.

3. Konklużjoni

Is-sejbiet fl-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Rapport tal-Artikolu 318 jirriflettu n-natura tranżitorja tas-sena finanzjarja 2014. Din kienet l-ewwel sena għall-programmi finanzjarji taħt il-QFP il-ġdid għall-perjodu 2014-2020. Fl-istess ħin, komplew jiġu ffinanzjati proġetti taħt il-programmi koperti mill-QFP għall-perjodu 2007-2013. Il-maġġoranza tal-evalwazzjonijiet ta’ dawk il-programmi għadhom ma tlestewx.

Taħt il-QFP il-ġdid għall-perjodu 2014-2020, il-maġġoranza tal-programmi taħt ġestjoni diretta bdew jiġu implimentati, bit-tnedija tas-sejħiet għall-proposti u bl-ewwel proġetti jirċievu finanzjament. Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża ġew imdewma minħabba l-adozzjoni tard tar-Regolament dwar il-QFP 2014-2020 u ta’ atti leġiżlattivi li jistabbilixxu dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Dan wassal għal dewmien sussegwenti fis-sottomissjoni u fl-approvazzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija mal-Istati Membri u tal-Programmi Operazzjonali tagħhom. Ir-rapportar annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi se jibda biss fl-2016.

Ħafna mill-kritika tal-Qorti tal-Awdituri u tal-evalwazzjoni mis-sett preċedenti ta’ programmi wasslet għal bidliet fit-tfassil tal-programmi attwali bil-għan li jittejbu l-effiċjenza, l-effettività, il-monitoraġġ u r-rappurtar. Saru wkoll aġġustamenti amministrattivi kbar ħafna, pereżempju l-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni ta’ għadd ta’ programmi taħt ġestjoni diretta lil ħames aġenziji eżekuttivi u l-introduzzjoni taċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni għall-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020.

Taħt il-QFP tal-2007-2013, l-infiq kompla jiġi likwidat. Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-implimentazzjoni tinsab miexja fid-direzzjoni t-tajba. Ċerti evalwazzjonijiet ex-post li saru disponibbli fl-2014 relatati ma’ programmi ta’ nfiq iżgħar li għandhom l-għan li jsolvu kwistjonijiet speċifiċi jew dwar komponenti ta’ programmi ta’ nfiq u r-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet huma pprovduti f’dan ir-rapport. Dawn jipprovdu l-maġġoranza tal-informazzjoni disponibbli dwar il-valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet iffinanzjati permezz tal-baġit tal-UE. Barra minn hekk, matul dan ir-Rapport u d-dokument ta’ akkumpanjament tiegħu SWD1 ngħatat lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ proġetti konkreti. Il-valur miżjud tal-UE tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti u r-reazzjoni tal-UE għat-tifqigħa tal-Ebola huma mogħtija wkoll bħala eżempji.

B’mod ġenerali, ir-riżultati mogħtija fir-rapporti ta’ evalwazzjoni u fl-awditi tal-prestazzjoni dwar il-QFP 2007-2013 jagħtu konferma inizjali tar-rilevanza tad-direzzjoni meħuda fil-programmi tal-QFP il-ġdid tal-2014-2020 li jiffokaw fuq il-prijoritajiet politiċi Ewropej u l-miri ta’ Ewropa 2020 u li jinkludu sistemi aħjar għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni fl-isfond tal-punti ta’ riferiment u l-miri stabbiliti.

Rapporti sussegwenti sejrin jissupplimentaw dawn l-indikazzjonijiet bikrin u jikkonfermaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda, u maż-żmien jipprovdu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet interim dovuti fl-2016 u l-2017 u rapportar dwar il-prestazzjoni tal-programmi taħt il-QFP preċedenti li fuqu se jkun hemm informazzjoni disponibbli fl-2015/2015 permezz ta’ evalwazzjonijiet ex-post għall-programmi l-kbar li għaddejjin: is-Seba’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, il-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE.

(1)

Ara COM(2015)279 finali Sinteżi tal-kisbiet ta' ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2014 tat-3 ta’ Ġunju 2015.

(2)

Ara l-Artikoli 318 u 319 tat-TFUE.

(3)

L-ittri tal-missjoni tal-President Juncker lill-Kummissarji.

(4)

Espressi fi prezzijiet tal-2011.

(5)

 Deskrizzjoni fil-qosor tal-programmi ewlenin hija mogħtija fil-kapitoli differenti ta’ dan ir-Rapport. Ħarsa kumplessiva kompluta tinsab fuq: http://ec.europa.eu/budget/mff/programmes/index_en.cfm jew Commission's Programme Statements of operational expenditure .

(6)

COM(2014)383 finali u SWD(2014)200 finali tas-26 ta’ Ġunju 2014.

(7)

 Mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2013 tiegħu, mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu għall-kwittanza tal-2013 u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapport annwali tagħha tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.

(8)

COM (2015) 100: "Ir-Riżultati Finali tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija ta’ Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", paġna 2.

(9)

Ir-raba’ edizzjoni tar-Rapport tal-Artikolu 318 inkludiet informazzjoni dwar ir-riallokazzjoni tal-Fondi Strutturali sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi.

(10)

Spiża totali tal-proġett għal kull Kontribuzzjoni impenjata tal-UE.

(11)

Din iċ-ċifra tinkludi l-finanzjament mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.

(12)

Il-fondi kienu jinkludu EUR 68,5 miljun f’finanzjament umanitarju mwassal permezz tal-organizzazzjonijiet umanitarji sħab li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti; EUR 194 miljun f'assistenza għall-iżvilupp u għall-irkupru bikri sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-gvernijiet li jagħtu servizzi pubbliċi vitali; EUR 16,5 miljun permezz tal-appoġġ tal-IcSP immirat biex inaqqas it-tensjonijiet u l-ostilitajiet fil-pajjiżi milquta u EUR 138 miljun għar-riċerka taħt Orizzont 2020 u l-IMI.

(13)

 http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/emerging-epidemics/ebola_en.html

(14)

 Li jikkombina flimkien l-iskemi preċedenti kollha tal-UE għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għaż-żgħażagħ u għall-isport, inklużi l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u ħames programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi industrijalizzati).

(15)

L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija, l-Islanda, in-Norveġja, l-Iżrael, il-Moldova, il-Gżejjer Faroe u l-Iżvizzera (l-Iżvizzera kienet assoċjata ma’ xi partijiet ta’ Orizzont 2020, EURATOM u ITER sal-31 ta’ Diċembru 2016 b’effett retroattiv mill-15 ta’ Settembru 2014 wara l-ftehim politiku li ntlaħaq mal-UE wara r-referendum Svizzeru).

(16)

Il-Ġeorġja u l-Armenja.

(17)

Fl-2013, is-suq globali annwali għall-prodotti u s-servizzi satellitarji ta’ navigazzjoni globali kien ivvalutat bħala EUR 175 biljun u huwa mistenni li jikber sa EUR 237 biljun sas-sena 2020.

(18)

 Data ta’ estrazzjoni minn CORDA 19/05/2015. Il-bqija tal-finanzjament kien allokat lill-Faċilità għall-Kondiviżjoni tar-Riskju Finanzjarju, lill-ITER, lill-programm għall-Fuzjoni, lill-azzjonijiet Diretti (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) u għall-infiq amministrattiv.

(19)

 Barra minn hekk, 295 applikazzjoni għal privattivi ġew irrapporati fil-Programm għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.

(20)

 L-istess studju ta’ evalwazzjoni tal-2014 ta stima li 44% tar-riċerkaturi ingaġġati addizzjonalment kienu nisa. Rigward l-ingaġġ ta’ riċerkaturi internazzjonali, madankollu, it-timijiet ta’ riċerka fil-programmi speċifiċi għall-Kapaċitajiet u l-Kooperazzjoni tal-FP7 kellhom inqas probabbiltà li jingaġġaw riċerkaturi internazzjonali milli kellhom il-gruppi tat-timijiet tal-Ideat u n-Nies. Fin-Nies, aktar minn żewġ terzi tar-riċerkaturi ingaġġati addizzjonalment ġew minn barra l-pajjiż u kien segwit mill-qrib mill-Ideat (62%). Fil-Kapaċitajiet u l-Kooperazzjoni, madankollu, is-sehem tar-riċerkaturi internazzjonali ingaġġati addizzjonalment kien sostanzjalment taħt il-medja tal-FP ta’ 50%.

(21)

Sabiex jipproduċi dejta kwantitattiva suffiċjenti, it-tim tar-riċerka nieda ħames servejs online fl-2013, li rriżultaw fil-parteċipazzjoni ta’ 56 733 student (inklużi studenti mobbli bi jew mingħajr esperjenza ta’ Erasmus u studenti mhux mobbli), 18 618 alumni (83% studenti mobbli bi jew mingħajr Erasmus), 4 986 membru tal-persunal (akkademiċi u mhux akkademiċi, mobbli u mhux mobbli), 964 istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla u 652 impjegatur (li 55% minnhom kienu SMEs) madwar l-34 pajjiż li pparteċipaw fil-programm. B’kollox, il-kampjun tal-istudju kien jinkludi 78 891 tweġiba.

(22)

Wieħed minn kull tliet studenti li kellhom kollokament tax-xogħol ta’ Erasmus kien offrut impjieg mill-kumpanija ospitanti, u madwar wieħed minn kull għaxar studenti ta’ Erasmus bdew il-kumpanija tagħhom stess wara l-kollokament tax-xogħol.

(23)

L-approprazzjonijiet ta' impenn tal-FEŻR u FSE huma inklużi taħt il-fergħat tal-politika tal-koeżjoni preżentati fit-tabella (jiġifieri l-konverġenza reġjonali; reġjuni fi tranżizzjoni; kompetittività; ETC; ir-reġjuni l-aktar imbiegħda)

(24)

AT, BE, HR, CY, DK, EE, FI, FR, DE, EL, IE, LV, LT, LU, MT, NL, PL, PT, SK, SI

(25)

 Allokazzjonijiet tal-FSE u YEI (assistenza teknika inkluża)

(26)

 L-evalwazzjoni ex-post tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni vverifikat l-affidabbiltà tad-dejta rappurtata. Hija sabet li l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet maniġerjali matul l-aħħar ftit snin, ta’ spiss b’reazzjoni għall-kummenti tal-Kummissjoni, irriżultaw f’dejta ġeneralment ta’ kwalità għolja rappurtata fir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali.

(27)

Rapport ta’ sinteżi Finali tan-Netwerk ta’ Esperti ta’ Evalwazzjoni tal-FSE: Kisbiet ewlenin tal-FSE, 2007-2013, ec.europa.eu/esf/BlobServlet?docId=452&langId=en

(28)

Anness XXIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 

(29)

PL, DE, PT, ES, HU, IT, CZ

(30)

 Il-proġetti infrastrutturali fuq skala kbira ta’ ’l fuq minn EUR 50 miljun huma soġġetti għal deċiżjoni speċifika meħuda mill-Kummissjoni.

(31)

Stati Membri oħra użaw indikaturi speċifiċi differenti li mhumiex soġġetti għal aggregazzjoni.

(32)

 jiġifieri proġetti tat-trasport urban, tal-enerġija rinnovabbli, inkubaturi tal-innovazzjoni/tan-negozju, il-bijodiversità u l-ajruporti. Ma sar l-ebda Rapport dwar l-FSE.

(33)

Ir-rapport annwali lill-awtorità tal-Kwittanza dwar l-awditjar intern twettaq fl-2014 (l-Artikolu 99(5) tar-Regolament Finanzjarju).

(34)

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE tal-2014-2020 jinkludi dispożizzjonijiet li jippruvaw jintegraw l-objettivi tal-klima u tal-ambjent tal-UE fil-politiki kollha ewlenin tal-UE inklużi dawk ta’ koeżjoni, tal-agrikoltura, marittimi u tas-sajd, tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-programmi ta’ għajnuna esterna. L-integrazzjoni trid tinkiseb permezz ta’ firxa ta’ rekwiżiti għal parametraġġ referenzjarju, monitoraġġ u rapportar għall-istrumenti ta’ politika kollha rilevant tal-UE.

(35)

Il-Latvja, in-Netherlands, l-Awstrija, Malta u l-Finlandja.

(36)

 Il-figuri huma bbażati fuq ir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-2014.

(37)

Studju dwar l-implimentazzjoni tal-Assi 4 tal-Fond Ewropew għas-Sajd, il-25 ta’ Lulju 2014; http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/axis-4/index_en.htm

(38)

Il-proġetti FLAG ivarjaw minn bejgħ dirett u promozzjoni tal-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd sa inizjattivi li jikkombinaw il-kummerċjalizzazzjoni u l-elementi ambjentali, fis-sajd u fl-akkwakultura. Dan jista’ jintwera permezz tal-eżempji pprovduti fil-fuljett "Sailing Towards 2020: Axis 4 in Action", ippubblikat fuq: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/cms/farnet/files/documents/Farnet_Brochure2020_EN_WEB.compressed.pdf

(39)

Rapport Speċjali Nru 4/2014: "L-integrazzjoni tal-objettivi tal-politika dwar l-ilma tal-UE mal-PAK: suċċess parzjali"; Rapport Speċjali Nru 8/2014: "Il-Kummissjoni rnexxielha tiġġestixxi b’mod effettiv l-integrazzjoni tal-appoġġ akkoppjat fl-Iskema ta’ Pagament Uniku?"; Rapport Speċjali Nru 9/2014: "L-appoġġ ta’ promozzjoni u investiment tal-UE għas-settur tal-inbid huwa ġestit tajjeb u r-riżultati tiegħu fuq il-kompetittività tal-inbejjed tal-UE qegħdin jintwerew?"; Rapport Speċjali Nru 22/2014: "Il-ksib ta’ ekonomija: inżommu l-ispejjeż tal-għotjiet għal proġett tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-UE taħt kontroll".

(40)

Rapport Speċjali Nru. 10/2014: "L-effettività tal-appoġġ mill-Fond Ewropew għas-Sajd għall-akkwakultura".

(41)

  http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture/official_documents/com_2013_229_mt.pdf  

(42)

L-impenji individwali għadhom jistgħu jsiru f’N+1 (2015), għalhekk, id-dewmien ma għandux konsegwenza finanzjarja, iżda jwassal għal dewmien fir-rappurtar dwar ir-riżultati u l-kisbiet tal-programm.

(43)

L-evalwazzjoni kopriet il-perjodu 2007-2013. Fil-perjodu 2007-2013, il-Mekkaniżmu kien jikkonsisti f’Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC); il-programm ta’ taħriġ; u l-Moduli u t-Timijiet ta’ Appoġġ għall-Assistenza Teknika (TAST); il-proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija; qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni; it-tniġġis tal-baħar u l-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi.

(44)

Predeċessur għall-AMIF u l-programmi tal-ISF.

(45)

Il-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jiżviluppa l-SIS II mingħajr proposta mill-Kummissjoni. Ħafna mir-rekwiżiti tas-sistema ma kinux previsti mill-bidu u żdiedu biss aktar tard.

(46)

Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem; Strument ta' Sħubija; Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari; Assistenza Makrofinanzjarja; Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u Ċentru għal Rispons ta' Emerġenza Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja, Voluntieri tal-UE tal-Għajnuna; Kooperazzjoni mal-Greenland; Strument tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka; azzjonijiet u programmi oħra; proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji.

(47)

L-indikaturi ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn il-progress li sar bis-saħħa tad-djalogu dwar il-politika jew l-appoġġ finanzjarju.

(48)

 Evalwazzjoni tal-Komponent tat-Tħejjija għall-Kriżijiet tal-IfS 2007-2013.

(49)

  Evalwazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(50)

  'Evalwazzjoni tal-Kenja ; 'Evalwazzjoni tal-Asja ; Evalwazzjoni tal-Kamerun ; Evalwazzjoni tal-Balkani tal-Punent ; Evalwazzjoni tal-Burundi

(51)

Rapport Speċjali Nru. 13/2013: "Assistenza għall-iżvilupp mill-UE lill-Asja Ċentrali".

(52)

'Evalwazzjoni tal-Kenja ; Evalwazzjoni tal-Balkani tal-Punent ; Evalwazzjoni tal-Asja

(53)

  Evalwazzjoni tal-Balkani tal-Punent ; Evalwazzjoni tat-tħejjija f’każ ta’ kriżi; ; Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu ta' Sahel ; Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm tal-Kunsill tal-Ewropa; 'Evalwazzjoni tal-Kenja ; Evalwazzjoni tal-Kamerun ; Evalwazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo ; Evalwazzjoni Konġunta tal-Appoġġ Baġitarju għall-Marokk ; Evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan okkupat .

(54)

Ara n-nota 36 f’qiegħ il-paġna.

(55)

  Evalwazzjoni tat-Tieqa iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni ; Evalwazzjoni tal-appoġġ mill-UE lir-refuġjati tal-Bosnja; ; Il-programm tal-IPA għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija: Immappjar tal-Istrateġiji Settorjali; ; Evalwazzjoni tal-Balkani tal-Punent ; 'Evalwazzjoni tal-Kenja , Evalwazzjoni tal-Ħaiti .

(56)

 B’attenzjoni u metodoloġija kemmxejn differenti sa fejn huma konċernati l-pajjiżi tat-tkabbir.

Top