IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2015
COM(2015) 233 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Tranżizzjonali dwar il-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema mill-Kroazja (L-ewwel fażi: mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2015)
{SWD(2015) 107 final}
1.Introduzzjoni
1.1
L-iskop tar-rapport
Il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport b’konformità mat-tieni parti tat-tielet paragrafu tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011 tal-Kroazja. Dan għandu jservi bħala l-bażi tar-rieżami tal-funzjonament tal-arranġamenti tranżizzjonali li l-Kunsill se jwettaq dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, li għandu jitlesta qabel tmiem is-sentejn minn mindu sar it-tkabbir, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2015.
1.2
Il-moviment ħieles tal-ħaddiema
Il-moviment ħieles tal-persuni huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali garantiti mil-liġi tal-UE. Dan jinkludi d-dritt li ċ-ċittadini tal-UE jmorru liberament fi Stat Membru ieħor biex jaħdmu u joqogħdu hemm mal-membri tal-familja tagħhom; jinkludi wkoll id-dritt għal trattament indaqs abbażi tan-nazzjonalità fi kwistjonijiet marbuta mal-impjieg u fir-rigward tal-benefiċċji soċjali u tat-taxxi, l-isħubija fit-trejdjunjins, l-akkomodazzjoni soċjali, u l-aċċess tat-tfal tagħhom għall-edukazzjoni ġenerali, għall-apprendistati u għat-taħriġ vokazzjonali.
1.3
L-arranġamenti tranżizzjonali dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema
L-Att tal-Adeżjoni tal-2011 jippermetti lill-Istati Membri tal-UE-27
jagħmlu restrizzjoni temporanja tal-aċċess ħieles tal-ħaddiema mill-Kroazja għas-swieq tax-xogħol tagħhom billi jagħmluh soġġett għal-liġi nazzjonali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sostniet b’mod konsistenti li derogi mil-libertajiet fundamentali għandhom jiġu interpretati strettament.
Il-perjodu tranżizzjonali kollu ta’ seba’ snin huwa maqsum fi tliet fażijiet ("sentejn-tliet snin-sentejn"). Matul kull fażi japplikaw kundizzjonijiet differenti:
–
Il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra tirregola l-aċċess tal-ħaddiema mill-Kroazja għas-swieq tax-xogħol tagħhom fl-ewwel sentejn.
–
Fl-1 ta’ Lulju 2015 tibda t-tieni fażi tal-perjodu tranżizzjonali. Dawk l-Istati Membri li jkunu jridu jkomplu japplikaw ir-restrizzjonijiet matul it-tieni fażi jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni minn qabel, inkella tapplika l-liġi tal-UE li toffri l-moviment ħieles tal-ħaddiema.
–
Stat Membru li jibqa’ jżomm il-miżuri nazzjonali fl-aħħar tat-tieni fażi jista’ jkompli japplika dawn il-miżuri sa tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin f’każ ta’ tfixkiliet serji fis-suq tax-xogħol tiegħu, jew ta’ theddida għas-suq tax-xogħol tiegħu, u wara li jinnotifika lill-Kummissjoni.
L-arranġamenti tranżizzjonali jintemmu b’mod irrevokabbli fit-30 ta’ Ġunju 2020.
Barra minn hekk, Stat Membru li ma baqax juża l-miżuri nazzjonali u li beda japplika l-liġi tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, jista’ jerġa’ jintroduċi r-restrizzjonijiet qabel tmiem il-perjodu ta’ seba’ snin jekk ikun hemm tfixkiliet serji fis-suq tax-xogħol tiegħu, jew ta’ theddida għas-suq tax-xogħol tiegħu.
L-arranġamenti tranżizzjonali japplikaw biss għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Ladarba ħaddiem Kroat jitħalla jidħol fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, huwa jgawdi mid-drittijiet l-oħra kollha skont il-liġi tal-UE.
L-arranġamenti tranżizzjonali ma jaffettwawx id-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fi ħdan l-UE, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dawn ma japplikawx għal ħaddiema għal rashom li huma stabbiliti jew li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi ħdan l-UE. L-Awstrija u l-Ġermanja huma awtorizzati li f’ċerti setturi japplikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-ħaddiema stazzjonati minn kumpaniji stabbiliti fil-Kroazja fil-kuntest tal-għoti tas-servizzi, u ddeċidew li jużaw din il-possibbiltà. Ma hemm l-ebda arranġamenti tranżizzjonali għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.
1.4
L-Istati Membri li japplikaw ir-restrizzjonijiet matul l-ewwel fażi
Il-ħaddiema mill-Kroazja bħalissa għandhom aċċess ħieles għas-swieq tax-xogħol ta’ erbatax-il Stat Membru tal-UE-27. L-Istati Membri li japplikaw ir-restrizzjonijiet huma:
L-Awstrija
Il-Belġju
Ċipru
Franza
Il-Ġermanja
Il-Greċja
L-Italja
Il-Lussemburgu
Malta
In-Netherlands
Spanja
Is-Slovenja
Ir-Renju Unit
Dawn l-Istati Membri bħala regola jeħtieġu permess tax-xogħol mingħand il-ħaddiema Kroati, għalkemm xi kultant bi proċeduri simplifikati jew eżenzjonijiet għal xogħlijiet f’ċerti setturi.
Il-Kroazja ddeċidiet li tintroduċi r-restrizzjonijiet reċiproċi għall-ħaddiema minn dawn l-Istati Membri u teħtieġ permess tax-xogħol mingħand iċ-ċittadini tagħhom.
2.
Il-livell ta’ mobbiltà tax-xogħol taċ-ċittadini Kroati fi ħdan l-UE
2.1
Iċ-ċittadini Kroati li huma residenti fi Stati Membri oħra
L-għadd ta’ ċittadini Kroati li joqogħdu fl-UE-27 huwa ċkejken u l-biċċa l-kbira minnhom ġew żmien twil ilu. Fl-2013, qabel l-adeżjoni tal-Kroazja, dawn kienu madwar 347 000
, jiġifieri madwar 0.07 % tal-popolazzjoni kollha. Dawn kienu jinsabu l-aktar fil-Ġermanja (236 900 jew 68 % tal-Kroati mobbli kollha), fl-Awstrija (58 700 jew 17 %), fl-Italja (17 200 jew 5 %), fir-Renju Unit (8 900 jew 3 %) u fis-Slovenja (8 300 jew 2 %).
Dwar il-forza tax-xogħol, id-dejta mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE (minn hawn ’il quddiem: LFS) turi li, fl-2014, madwar 229 000 ċittadin Kroat attivi ekonomikament kienu residenti fl-UE-27, u kienu jirrappreżentaw madwar 0.1 % tal-forza tax-xogħol kollha. Dan is-sehem kien ogħla mill-medja, għalkemm relattivament baxx, fl-Awstrija (1.0 %), fil-Ġermanja (0.4 %) u fis-Slovenja (0.2 %). Fil-pajjiżi l-oħra kollha, dan kien inqas minn 0.05 % jew żgħir wisq biex jiġi stabbilit b’mod affidabbli.
Matul l-għaxar snin ta’ qabel it-tkabbir tal-2013, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Italja rċevew il-biċċa l-kbira (76 %) tal-flussi ta’ ċittadini Kroati fl-età tax-xogħol.
2.2
Il-flussi tal-mobbiltà mill-perspettiva tal-Kroazja
Fl-2013, iċ-ċittadini Kroati li kienu qegħdin jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE kienu jirrappreżentaw madwar 10 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fil-Kroazja, wieħed mill-ikbar proporzjonijiet fl-UE. Dawn kienu jammontaw għal madwar 2.8 % taċ-ċittadini tal-UE li huma mobbli u fl-età tax-xogħol (15-64), sehem ikbar mill-piż tal-Kroazja fil-popolazzjoni totali tal-UE (0.9 %).
Madankollu, dawn iċ-ċifri jirriflettu prinċipalment ix-xejriet tal-migrazzjoni ta’ qabel l-2000: 9 minn kull 10 minn dawn il-Kroati mobbli għexu fl-UE-27 għal iktar minn għaxar snin.
Wara mewġa ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema mill-Kroazja lejn l-Awstrija u l-Ġermanja fis-sittinijiet u fis-sebgħinijiet, l-akbar mewġa lejn il-pajjiżi tal-UE seħħet fid-disgħinijiet minħabba l-gwerer fil-Balkani. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-flussi ġew limitati u fl-2014 dawk li riċentement marru jgħixu f’pajjiż ieħor (jiġifieri wara li kienu ċċaqalqu minn pajjiżhom inqas minn 10 snin qabel) kienu jirrappreżentaw 1.6 % biss tal-popolazzjoni tal-Kroazja fl-età tax-xogħol, dan huwa proporzjon ferm iżgħar minn tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
2.3
Flussi ta’ mobbiltà oħra marbuta max-xogħol
Il-mobbiltà tax-xogħol tal-ħaddiema Kroati seħħet ukoll permezz ta’ xogħol fuq il-fruntiera f’pajjiżi ġirien (l-Italja, is-Slovenja) u ta’ xogħol staġunali, l-aktar fil-Ġermanja.
Fl-2013, madwar 35 000 persuna kienu residenti fil-Kroazja iżda jaħdmu f’pajjiżi oħra, u dawn kienu jammontaw għal madwar 2.3 % ta’ dawk li kellhom impjieg fil-Kroazja (meta mqabbla ma’ 1.4 % fl-2010).
Barra minn hekk, inħarġu madwar 8 700 dokument portabbli f’format A1 għal stazzjonar mill-Kroazja lejn Stati Membri oħra fl-2013, b’mod partikolari lejn il-Ġermanja (5 400), l-Awstrija (850), l-Italja (700), is-Slovenja (480) u l-Finlandja (380).
Aktar minn 90 % ta’ dawn id-dokumenti inħarġu għal pajjiżi li kienu introduċew restrizzjonijiet temporanji.
2.4
Il-flussi tal-mobbiltà taċ-ċittadini Kroati mill-adeżjoni ’l hawn
Għalkemm l-adeżjoni tal-Kroazja seħħet biss fl-1 ta’ Lulju 2013 u minkejja xi dewmien fil-ġbir u fil-pubblikazzjoni tad-dejta dwar il-migrazzjoni, permezz tad-dejta eżistenti tista’ ssir l-ewwel valutazzjoni ta’ kif evolviet il-mobbiltà lejn pajjiżi oħra tal-UE minn mindu seħħet l-adeżjoni
Skont l-LFS, l-għadd ta’ ċittadini Kroati li jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE ma tantx inbidel wisq mill-adeżjoni ’l hawn, iżda dan is-sors ta’ dejta x’aktarx li ma jinkludix fil-kampjun tiegħu lil dawk li ċċaqalqu dan l-aħħar. Barra minn hekk, hemm ħjiel ta’ evidenza li turi li hemm rata dejjem tiżdied ta’ attività fost dawk li diġà kienu jinsabu barra minn pajjiżhom.
Skont id-dejta uffiċjali tal-Kroazja,
l-għadd ta’ ċittadini Kroati li marru jgħixu fl-UE-27 żdied dan l-aħħar, minn 3 216 fl-2012 għal 4 058 fl-2013 (jew + 26 %), l-iktar lejn il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Italja. Madankollu, l-istatistika uffiċjali dwar l-emigrazzjoni tissottovaluta l-flussi ’l barra mill-pajjiż (Bozic, 2007).
Fl-aħħar nett, skont ġbir ta’ dejta li jkopri l-pajjiżi ewlenin ta’ destinazzjoni fl-UE, mill-adeżjoni ’l hawn hemm sinjali ta’ mobbiltà dejjem tiżdied mill-Kroazja meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-Istati Membri li diġà jospitaw għadd kbir ta’ Kroati u minkejja r-restrizzjonijiet applikabbli:
fl-Awstrija, il-popolazzjoni Kroata żdiedet bi 3 340 (jew + 6 %) bejn l-2013 u l-2014, xprunata minn influssi doppji fl-2013 meta mqabbel mal-2012; l-impjieg ta’ ċittadini Kroati żdied b’2 000 (jew + 10 %) mill-2013 sal-2014, u laħaq 22 450;
fil-Ġermanja, il-popolazzjoni Kroata żdiedet bi 22 800 (jew + 10 %) bejn l-2014 u l-2015, u l-impjieg ta’ ċittadini Kroati żdied b’10 000 (jew + 10 %) minn Ġunju 2013 sa Ġunju 2014, u laħaq 108 120;
fl-Italja u fis-Slovenja, il-popolazzjoni Kroata żdiedet ukoll iżda b’pass inqas mgħaġġel u ma hemm l-ebda evidenza ta’ żieda fin-numru ta’ dawk li għandhom impjieg. Fir-Renju Unit, l-influssi ta’ ċittadini Kroati baqa’ limitat.
Dawn l-Istati Membri koprew madwar 95 % taċ-ċittadini Kroati mobbli kollha fl-UE.
Fost l-Istati Membri li fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom, l-influssi ta’ ħaddiema Kroati jibqa’ limitat kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi. L-iktar żieda ċara tispikka fl-Irlanda (2091 reġistrazzjoni ġdida fl-2014 meta mqabbla ma’ 486 fl-2013) filwaqt li l-ammont żdied ukoll fl-Iżvezja (żieda netta ta’ 857 resident Kroat fl-2014, jiġifieri + 52 %) u fir-Repubblika Ċeka.
Fl-aħħar nett, id-dejta tissuġġerixxi li s’issa ma kienx hemm xi diverżjoni kbira tal-flussi minħabba d-differenzi fl-aċċess għas-suq tax-xogħol madwar il-pajjiżi tal-UE-27, peress li l-biċċa l-kbira ta’ dawk il-Kroati li marru jgħixu f’pajjiż ieħor wara l-adeżjoni, marru lejn pajjiżi tradizzjonali ta’ destinazzjoni.
Il-livell ta’ mobbiltà wara l-adeżjoni tal-Kroazja kien wieħed żgħir f’termini assoluti u b’rabta mal-popolazzjoni tal-pajjiżi ospitanti speċjalment meta mqabbel ma’ dak li kien ġara wara t-tkabbiriet fl-2004 u fl-2007. Bejn l-2004 u l-2010, l-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-pajjiżi li dak iż-żmien kienu se jissieħbu fl-UE-15 żdied b’madwar 3.7 miljun (żieda b’2.4 darbiet). L-ikbar żieda fil-livell ta’ mobbiltà seħħet fi ħdan l-ewwel sentejn immedjatament wara t-tkabbiriet fl-2004 u fl-2007, filwaqt li n-numru ta’ movimenti fis-snin ta’ wara kien iżgħar.
3.
Il-mobbiltà potenzjali mill-Kroazja u l-fatturi li jkollhom impatt fuq il-mobbiltà
Minħabba d-daqs tal-Kroazja bħala popolazzjoni (4.2 miljun fl-2014, jew 0.8 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE
), il-flussi potenzjali ta’ ħaddiema lejn l-Istati Membri l-oħra tal-UE wara l-adeżjoni x’aktarx li jkunu relattivament limitati, għall-inqas bħala % tal-forza tax-xogħol tal-UE u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni.
3.1
Il-fatturi li jkollhom impatt fuq il-flussi futuri ta’ mobbiltà mill-Kroazja
Il-fatturi li jkollhom impatt fuq il-flussi ta’ mobbiltà huma bosta u marbuta kemm ma’ fatturi ta’ attrazzjoni kif ukoll ma’ fatturi ta’ tnaffir.
Bħala fatturi ta’ tnaffir, l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq tax-xogħol fil-Kroazja tindika xi inċentivi ċari iżda li pjuttost qegħdin jonqsu biex dak li jkun imur jgħix barra mill-pajjiż. Tabilħaqq, il-Kroazja għandha t-tielet l-inqas PDG per capita fl-UE. Madankollu, mill-2010 beda jerġa’ jikber u fl-2013 kien ta’ 61 % tal-medja tal-UE. Barra minn hekk, l-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi per capita tal-Kroazja (bħala standard tal-kapaċità tal-akkwist (PPS)) kiber b’mod stabbli matul il-kriżi u fl-2012 kien jammonta għal 59 % tal-medja tal-UE.
Fl-2014, il-Kroazja kellha t-tielet l-ogħla rata tal-qgħad (17 %) u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (45 %) fl-UE. Filwaqt li għandha wkoll ir-raba’ l-inqas rata ta’ impjieg (57 % fit-tielet kwart tal-2014), kellha waħda mill-ikbar żidiet minn sena għal sena fir-rata ta’ impjieg (+ 3.2 PPS).
Il-perċentwal ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fil-Kroazja huwa ogħla mill-medja tal-UE (29.9 % meta mqabbel ma’ 24.5 % fl-2013).
Il-pagi fil-Kroazja (kumpens għal kull impjegat) fl-2013 kienu t-tieni l-ogħla tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
Skont l-Ewrobarometru tal-2013
, ir-raġunijiet għalfejn iċ-ċittadini Kroati jikkunsidraw li jitilqu minn pajjiżhom kienu jixbhu lil dawk tal-biċċa l-kbira taċ-ċittadini l-oħra tal-UE: pagi ogħla (80 %), kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol apparti s-salarju (31 %) u diffikultà biex isibu impjieg fil-Kroazja (30 %).
Fl-aħħar nett, bħala distribuzzjoni fost il-pajjiżi riċevituri, x’aktarx li jkollhom rwol il-fatturi ekonomiċi (pereżempju r-rata tal-qgħad, il-postijiet tax-xogħol battala u l-livelli tal-pagi fil-pajjiżi tad-destinazzjoni). Madankollu, l-evidenza mit-tkabbiriet preċedenti turi li d-distribuzzjoni kienet ukoll influwenzata mill-prossimità ġeografika, ir-rabtiet kulturali u storiċi, kif ukoll in-netwerks maċ-ċittadini Kroati li jkunu diġà preżenti f’xi Stati Membri. Dan jidher li japplika wkoll fil-każ tal-Kroati li marru jgħixu barra minn pajjiżhom.
3.2
L-istimi dwar il-mobbiltà potenzjali mill-Kroazja
Fl-2013, madwar 43 % taċ-ċittadini Kroati tal-età ta’ 15 sena jew iktar qalu li “jikkunsidraw li jaħdmu fi Stat Membru ieħor tal-UE fl-10 snin li ġejjin” (wieħed mill-ogħla ishma fost il-pajjiżi tal-UE), iżda nofshom biss qalu li għandhom xenqa li tassew jagħmlu hekk (21 %). Stħarriġ ieħor li twettaq fl-2014 wera li madwar 3.3 % taċ-ċittadini Kroati li ġew intervistati ddikjaraw li qegħdin jagħmlu pjanijiet konkreti biex imorru jgħixu barra minn pajjiżhom.
Dan huwa iktar mid-doppju tas-sehem fl-2009 (1.5 %).
It-tbassiriet ta’ migrazzjoni netta mill-Kroazja lejn l-UE-27 mill-2013 sal-2019 (ibbażat fuq mudell makrogravitazzjonali
) jindikaw li tista’ tvarja bejn + 166 000 (xenarju fejn jinżammu r-restrizzjonijiet eżistenti) u + 217 000 (li kieku l-Istati Membri kollha jiftħu s-suq tax-xogħol tagħhom fl-1 ta’ Lulju 2015), jew rispettivament bejn 0.03 % u 0.04 % tal-popolazzjoni tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Xi pajjiżi ta’ destinazzjoni se jirċievu migrazzjoni netta mill-Kroazja li tkun ikbar mill-medja, bħala perċentwal tal-popolazzjoni tagħhom, iżda dan il-proporzjon se jkun ferm inqas minn 1 %, u fl-iktar “xenarju massimu” dan ikun 0.55 % fl-Awstrija, 0.34 % fis-Slovenja u 0.13 % fil-Ġermanja. Għalhekk, x’aktarx li ma tantx ikun hemm wisq mobbiltà mill-Kroazja wara l-adeżjoni, ikun x’ikun ir-reġim ġuridiku dwar l-aċċess għax-xogħol.
Fl-aħħar nett, it-tbassiriet jindikaw li d-differenza bejn li kieku minn Lulju 2015 ir-restrizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ u li kieku jitneħħew, b’mod ġenerali tammonta għal + 51 000 ċittadin Kroat jew 0.01 % biss tal-popolazzjoni tal-UE-27.
Ikunu x’ikunu d-deċiżjonijiet futuri dwar ir-restrizzjonijiet, it-tliet pajjiżi riċevituri ewlenin (il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Italja) x’aktarx li jirċievu iktar minn 80 % taż-żieda fil-mobbiltà netta mill-Kroazja.
4.
Il-karatteristiċi ewlenin taċ-ċittadini mill-Kroazja li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor fi ħdan l-UE
L-impatti tal-flussi ta’ mobbiltà kemm fuq il-pajjiżi ta’ destinazzjoni kif ukoll fuq dawk ta’ oriġini huma influwenzati mill-karatteristiċi ta’ dawk li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor. Minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ dejta, din it-taqsima tiffoka fuq żmien usa’, jiġifieri, fuq iċ-ċittadini Kroati li fl-2014 kienu jgħixu fl-UE-27 u ilhom jgħixu hemm għal inqas minn għaxar snin (“dawk li riċentement marru jgħixu f’pajjiż ieħor”). Fil-biċċa l-kbira, dawn huma ta’ età żgħira u jkollhom rata ogħla ta’ impjieg u rata iktar baxxa ta’ nuqqas ta’ attività meta mqabbel mal-medja.
4.1
L-età, il-ġeneru u l-edukazzjoni
Minn dawk li mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor, 87 % kienu ta’ età tax-xogħol (15-64) meta mqabbla mal-medja ta’ 66 % ta’ dawk kollha li jgħixu fl-UE-27. Għalhekk, huwa ħafna iktar probabbli li huma jkunu jinsabu fil-perjodu ekonomikament produttiv ta’ ħajjithom meta mqabbla mal-popolazzjoni nattiva. Barra minn hekk, huma ta’ età pjuttost żgħira peress li 62 % minnhom għandhom bejn 15-il sena u 34 sena meta mqabbla ma’ 37 % biss tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE-27 (Ċart 12). Dwar l-analiżi skont il-ġeneru, hemm sehem simili ta’ nisa fost dawk li riċentement mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor (52 %) meta mqabbel mal-medja tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE-27 (50 %).
Madwar 19 % biss ta’ dawk li riċentement mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor kellhom livell baxx ta’ edukazzjoni fl-2014, meta mqabbel ma’ madwar 27 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE-27, filwaqt li s-sehem ta’ dawk li kellhom livell għoli ta’ edukazzjoni kien kemxejn iżgħar (19 % u 26 % rispettivament).
4.2
L-istatus tas-suq tax-xogħol u tal-kompożizzjoni okkupazzjonali u settorjali
Fl-2014, ir-rata ta’ impjieg ta’ dawk li riċentement marru jgħixu f’pajjiż ieħor u li huma fl-età tax-xogħol kienet għolja (71.3 %), b’mod partikolari meta mqabbel mar-rata medja ta’ impjieg madwar l-UE-27 (65.0 %). Dan huwa dovut l-aktar għal rata iktar baxxa ta’ nuqqas ta’ attività (19.4 %) ipparagonat mal-UE-27 b’mod ġenerali (27.6 %) u minħabba rata baxxa ta’ qgħad.
Dan jikkonferma li l-ħaddiema mill-Kroazja marru jgħixu fl UE-27 prinċipalment sabiex ikollhom impjieg u x’aktarx li jagħtu kontribut ekonomiku pożittiv.
It-tendenza taċ-ċittadini Kroati li kienu qegħdin jaħdmu fl-UE
kienet li jaħdmu l-aktar fil-manifattura (20 %), fil-kostruzzjoni (12.7 %) u fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u tax-xogħol soċjali (11.9 %). Huma wkoll rappreżentati b’mod sproporzjonat fis-setturi tal-attivitajiet tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi tal-ikel (10.4 %) u f’dawk tal-attivitajiet amministrattivi u tas-servizzi ta’ appoġġ (7.6 %).
B’mod ġenerali, dawn huma kkonċentrati (54 %) fi professjonijiet li jeħtieġu livell intermedju ta’ kwalifiki, f’konformità mas-sehem kbir ta’ dawk li għandhom livell medju ta’ edukazzjoni. Madwar kwart minnhom jaħdmu f’professjonijiet li jeħtieġu ħiliet kbar, b’mod partikolari bħala tekniċi u professjonisti assoċjati.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg b’salarju jista’ jkollhom effett limitat fuq il-fluss totali ta’ ħaddiema peress li dawn ma jkoprux lil dawk li jaħdmu għal rashom jew l-istazzjonar tal-ħaddiema. Fl-Awstrija, l-għadd ta’ Kroati li jaħdmu għal rashom żdied malajr bejn l-2013 u l-2014 (+ 772 jew + 56 %), b’mod partikolari meta mqabbel mal-għadd ta’ impjegati (+ 2 023 jew + 10 %).
5.
L-impatti potenzjali fuq l-ekonomija u fuq is-suq tax-xogħol
5.1
L-impatt ekonomiku u fuq is-suq tax-xogħol għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni
Filwaqt li l-adeżjoni tal-Kroazja hija wisq riċenti sabiex ikunu jistgħu jiġu stmati l-impatti ekonomiċi, fiskali, u fuq is-suq tax-xogħol minħabba l-mobbiltà lejn Stati Membri oħra, diversi fatturi jindikaw impatt pożittiv potenzjali tal-mobbiltà mill-Kroazja lejn il-pajjiżi ta’ destinazzjoni.
Il-karatteristiċi ta’dawk li riċentement mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor, deskritti fit-taqsima 4, juru li dawn marru lejn l-UE-27 prinċipalment sabiex isibu impjieg u għaldaqstant x’aktarx li jagħtu kontribut ekonomiku pożittiv. Fil-biċċa l-kbira, dawk li riċentement mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor, għandhom l-età tax-xogħol u huma iżgħar mill-medja taċ-ċittadini fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni, għandhom livell relattivament tajjeb ta’ edukazzjoni, u għandhom iktar probabbiltà li jsibu impjieg. Dawn huma il-karatteristiċi li għandhom inkomuni b’mod ġenerali maċ-ċittadini mobbli tal-UE-27 u b’mod partikolari ma’ dawk li ċċaqalqu wara t-tkabbir tal-2004, li għalihom l-impatt ekonomiku u fuq is-suq tax-xogħol fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni ġie vvalutat fil-biċċa l-kbira tal-istudji bħala wieħed ġeneralment pożittiv. Il-ħaddiema mobbli tal-UE wasslu biex l-ekonomiji tal-pajjiżi ospitanti jtejbu t-taħlita ta’ ħiliet, għaliex dawn jaħdmu l-iktar f’setturi u fi professjonijiet fejn hemm postijiet battala li jeħtieġu jimtlew. L-effett tal-mobbiltà ta’ wara t-tkabbir fuq ir-rata tal-qgħad u fuq il-pagi fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni kien pjuttost marġinali, għall-inqas fit-tul. Dwar l-impatt fiskali fuq iċ-ċittadini mobbli tal-UE, studji wrew li spiss huwa newtrali u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jista’ jingħad li huwa pożittiv.
5.2
Il-prospetti demografiċi, l-eżodu tal-aħjar imħuħ u n-nuqqas ta’ ħaddiema fil-Kroazja
Il-migrazzjoni netta tal-Kroazja kienet pożittiva mill-1999 sal-2008, iżda qalbet għal negattiva mill-2009 ’l hawn
, xejra dovuta prinċipalment għat-tnaqqis fil-flussi tal-immigrazzjoni lejn il-Kroazja.
Barra minn hekk, kif intwera hawn fuq, l-ammont ta’ flussi ’l barra f’dawn l-aħħar għaxar snin kien wieħed relattivament modest. Madankollu, il-flussi ta’ mobbiltà żdiedu mill-adeżjoni ’l hawn u l-mobbiltà taż-żgħażagħ u tal-persuni b’livell għoli ta’ edukazzjoni jistgħu jaggravaw il-prospetti demografiċi
u l-potenzjal tat-tkabbir tal-Kroazja. Tabilħaqq, dawk li riċentement mill-Kroazja marru jgħixu f’pajjiż ieħor huma iżgħar mill-popolazzjoni medja fl-età tax-xogħol fil-Kroazja u l-gradwati terzjarji huma kemxejn rappreżentati b’mod sproporzjonat.
Min-naħa l-oħra, fl-2012 il-Kroazja kellha waħda mill-ogħla rati ta’ reġistrazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja (għal dawk fl-età ta’ bejn l-20 u l-24 sena) fl-UE
, li żdiedu b’mod konsekuttiv għal kważi għaxar snin. Dan irriżulta f’żieda qawwija fin-numru ta’ gradwati universitarji, minn 17 000 kull sena fl-2003 għal kważi 40 000 fl-2012. Madankollu, fl-2013 il-Kroazja kellha sehem relattivament baxx ta’ gradwati terzjarji (17 %) fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, dan kien ikkumpensat sa ċertu punt b’livell ta’ forza tax-xogħol bi ftit ħiliet (22.4 %) li huwa inqas mill-medja tal-UE u b’waħda mill-inqas rati ta’ rtirar bikri mill-iskola fl-UE (4.5 %).
L-evidenza dwar l-impatt tal-emigrazzjoni fuq il-Kroazja s’issa ma tindikax li kkawżat nuqqas ta’ ħiliet f’ċerti setturi. L-ostakli jfeġġu għall-ħiliet professjonali kollha fil-Kroazja u huma ffukati l-iktar fis-setturi tal-akkomodazzjoni u tas-servizz tal-ikel, tal-edukazzjoni u tal-kura tas-saħħa. Il-biċċa l-kbira tal-professjonijiet li qegħdin jesperjenzaw nuqqas fil-Kroazja huma dovuti għal nuqqas ta’ kompetenzi tekniċi u ta’ kompetenzi fuq il-post tax-xogħol. F’xi każijiet, hemm nuqqas ta’ speċjalisti tal-esperjenza, b’mod partikolari fis-settur tal-kura tas-saħħa. L-aġġustament reġjonali mhux xieraq u l-ippjanar mhux xieraq tal-kapaċitajiet għandhom parzjalment x’jaħtu għan-nuqqasijiet li ġew identifikati.
Filwaqt li hemm bżonn ta’ sforzi sabiex jiġi żgurat li l-pajjiż iżomm u jattira l-forza tax-xogħol meħtieġa, ir-riċerka eżistenti osservat l-importanza u l-potenzjal ġenerali tal-mobbiltà tax-xogħol fl-UE bħala mekkaniżmu ta’ aġġustament ekonomiku. Il-benefiċċji potenzjali ta’ dawk li qegħdin jiġu impjegati fi Stat Membru ieħor minflok jibqgħu qiegħda d-dar huma importanti wkoll. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-imgħoddi wriet li l-flussi ta’ mobbiltà fl-UE ta’ sikwit huma ċirkolari u li ħafna jerġgħu jmorru lura f’pajjiżhom wara diversi snin, u jġibu magħhom esperjenza u ħiliet siewja.
5.3
Ir-rimessi
Wieħed mill-impatti pożittivi tal-mobbiltà taċ-ċittadini Kroati fuq l-ekonomija ta’ pajjiżhom huma r-rimessi li jibagħtu lura f’pajjiżhom. Il-bilanċ nett tagħhom kien saħansitra + EUR 702 miljun fl-2013
jew 1.6 % tal-PDG tal-Kroazja, is-sitt l-akbar proporzjon fl-UE u l-ogħla rimessi netti għal kull persuna fl-UE (kważi EUR 500 għal kull resident fil-Kroazja fl-2013). Hemm xi indikazzjonijiet li r-rimessi jintużaw prinċipalment għat-tfaddil u għall-investimenti, li jfisser li dawn x’aktarx li jikkontribwixxu għal iktar tkabbir fit-tul. L-istess studju jindika li r-rimessi għenu biex jitnaqqas il-livell, il-grad u l-gravità tal-faqar fil-Kroazja. Fl-aħħar nett, ir-rimessi flimkien mal-kumpens tal-ħaddiema staġunali u dawk li jaqsmu l-fruntiera ta’ kuljum għax-xogħol ġew meqjusa li jaqdu rwol sinifikanti sabiex jagħmlu tajjeb għall-bilanċ negattiv tal-introjtu mill-investiment.
6.
Konklużjonijiet
Minħabba d-daqs tal-Kroazja bħala popolazzjoni u kif jidher kemm mil-flussi mill-2013 ’l hawn kif ukoll mit-tbassiriet dwar il-mobbiltà wara l-adeżjoni, il-flussi potenzjali futuri ta’ ħaddiema Kroati lejn l-Istati Membri l-oħra tal-UE x’aktarx li jkunu ftit, għall-inqas bħala perċentwal tal-forza tax-xogħol tal-UE u fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Dawn mhux mistennija li jwasslu għal tfixkiliet fis-suq tax-xogħol, anke fid-destinazzjonijiet ewlenin (il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja).
Il-flussi mill-adeżjoni ’l hawn ġew diretti lejn il-pajjiżi tradizzjonali ta’ destinazzjoni minkejja r-restrizzjonijiet, filwaqt li żdiedu bi ftit li xejn f’termini assoluti fi ftit pajjiżi li fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom. Dan jikkonferma li l-flussi ta’ mobbiltà huma influwenzati minn bosta fatturi apparti r-restrizzjonijiet, bħalma huma l-opportunitajiet ta’ impjieg, l-effetti ta’ netwerk u l-fatturi kulturali u lingwistiċi.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-impjieg b’salarju jista’ jkollhom effett limitat fuq il-fluss totali ta’ ħaddiema peress li dawn ma jkoprux lil dawk li jaħdmu għal rashom jew l-istazzjonar tal-ħaddiema.
L-età żgħira u r-rata għolja ta’ impjieg pjuttost jikkonfermaw li l-ħaddiema Kroati marru fi Stati Membri oħra prinċipalment sabiex ikollhom impjieg u x’aktarx li jagħtu kontribut pożittiv lill-ekonomiji tagħhom.
Il-Kroazja qiegħda tesperjenza ċertu fluss ’il barra tal-ħaddiema żgħażagħ u b’edukazzjoni għolja tagħha, iżda dawn il-flussi mqabbla mad-daqs u mal-karatteristiċi tal-forza tax-xogħol nattiva tal-Kroazja huma relattivament moderati, għalkemm dawn żdiedu mill-adeżjoni ’l hawn. Ir-rimessi lejn il-Kroazja jaqdu rwol importanti sabiex jistabilizzaw l-ekonomija li bħalissa tinsab f’qagħda makroekonomika diffiċli.
Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema hija libertà fundamentali tal-UE. Ir-restrizzjonijiet temporanji huma deroga minn din il-libertà fundamentali. Il-Kummissjoni temmen li dan ir-rapport se jagħti t-tagħrif meħtieġ lill-Kunsill sabiex jirrevedi l-funzjonament tal-arranġamenti tranżizzjonali u jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw ir-restrizzjonijiet li jwettqu rieżami tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-aċċess tal-ħaddiema Kroati għas-swieq tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Istati Membri li jridu jkomplu japplikaw ir-restrizzjonijiet matul it-tieni fażi (mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2018) jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni minn qabel.