Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0930(23)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2013

    ĠU L 255, 30.9.2015, p. 229–231 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2015/930(23)/oj

    30.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/229


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-29 ta' April 2015

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2013

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2013,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tieghu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0083/2015),

    A.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 49 270 722, li jirrappreżenta żieda ta' 18,16 % meta mqabbel ma' dak għall-2012, billi ż-żieda hija fil-biċċa l-kbira relatata mal-infiq operattiv għal azzjonijiet strateġiċi;

    B.

    billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2013 ammontat għal EUR 34 886 367, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,35 % meta mqabbla ma' dik għall-2012;

    C.

    billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2013 (“ir-rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Segwitu għall-kwittanza 2012

    1.

    Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li l-istatus taż-żewġ kummenti mir-rapport tal-Qorti tal-2012 huwa mmarkat bħala “Għadha għaddejja”;

    2.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li:

    il-livell għoli tal-ispejjeż tal-missjonijiet imwettqa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha fl-2012 kien dovut għall-parteċipazzjoni fil-Konferenza “Rio+20” fil-Brażil, kif ukoll missjonijiet relatati bbażati fi Brussell; u li n-numru ta' missjonijiet li mar fuqhom id-Direttur Eżekuttiv naqsu b'mod sinifikanti mill-2012 'l hawn,

    wieħed mill-mezzi biex tikkomunika r-riżultati ta' ħidmietha u l-impatt dirett fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni huwa permezz tal-materjal multimedjali disponibbli fuq il-websajt tagħha,

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    3.

    Jikkonstata li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,66 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 88,92 %;

    Impenji u riporti

    4.

    Jirrikonoxxi li l-awditu annwali tal-Qorti ma sab l-ebda kwistjoni notevoli fir-rigward tal-livell ta' riporti fl-2013; jieħu nota tal-konformità tal-Aġenzija mal-prinċipju tal-annwalità u tal-eżekuzzjoni puntwali tal-baġit tiegħu;

    Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

    5.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li pproduċiet pjan pluriennali għall-politika tal-persunal għall-perjodu 2013-2015, bi qbil mal-linji gwida tal-Kummissjoni, li ġie approvat mill-Bord ta' Mmaniġġjar tagħha; josserva li l-Aġenzija kellha 209 membri tal-persunal fl-2013, li kienu jikkonsistu minn uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati, u dan l-ammont jirrappreżenta tnaqqis ta' tmien impjiegi meta mqabbel ma' dak tal-2012;

    6.

    Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija impenjat ruħha li teżamina mill-ġdid b'mod kontinwu l-istruttura organizzattiva u tal-persunal tagħha sabiex tiżgura li twettaq il-ħidma tagħha u tindirizza l-isfidi li jkollha quddiemha bl-aktar mod effikaċi possibbli; jilqa' l-fatt, f'dan ir-rigward, li fl-2013 żdiedu żewġ karigi AD oħrajn fl-organigramma, biex ikopru kompiti ġodda marbuta ma' żewġ suġġetti importanti: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u r-rappurtar dwar il-kwalità tal-arja;

    7.

    Jikkonstata li l-Aġenzija tiddedika 71 % tar-riżorsi umani tagħha għal kompiti operattivi u li dan jirrappreżenta żieda żgħira meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2012; jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tagħmel progress ulterjuri f'din id-direzzjoni;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

    8.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-esponiment tagħha għall-kunflitti ta' interess, u l-immappjar tar-regoli u l-prattiki eżistenti tal-Aġenzija, kif ukoll il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli, hija ffinalizzat politika dwar ġestjoni u prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess li ġiet adottata mill-Bord ta' Mmaniġġjar tagħha fil-laqgħa tiegħu li saret f'Ġunju 2014;

    9.

    Jikkonstata li dik il-politika tispeċifika li l-membri tal-persunal u membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom jiffirmaw dikjarazzjonijiet tal-interessi; jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord ta' Mmaniġġjar, id-Direttur Eżekuttiv u l-maniġment superjuri mhumiex disponibbli għall-pubbliku; ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Bord ta' Mmaniġġjar li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tiegħu ma jridux jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Aġenzija fuq l-Internet; jappella għal darb'oħra lill-Aġenzija biex tirranġa din il-kwistjoni b'mod urġenti;

    Kontrolli interni

    10.

    Jieħu nota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija tat għotjiet taħt ħames programmi ta' għotjiet lil konsorzji li jikkonsistu f'istituzzjonijiet u korpi ambjentali fl-Ewropa, organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet ambjentali nazzjonali; josserva li l-infiq totali għall-għotjiet fl-2013 kien ta' EUR 13 900 000, u jirrappreżenta 31 % mill-infiq operattiv totali; jirrikonoxxi li, b'segwitu għall-kumment tal-Qorti tal-2014, l-Aġenzija intensifikat il-kontrolli tagħha fuq l-eliġibilità u l-preċiżjoni tal-ispejjeż għall-persunal iddikjarati taħt il-programmi ta' għotja, peress li dawn jirrappreżentaw l-akbar parti tal-ispejjeż totali;

    11.

    Josserva li l-verifiki ex ante tal-Aġenzija jikkonsistu f'analiżi dokumentarja tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż, filwaqt li hu rari li jsiru verifiki fuq il-post fil-livell tal-benefiċjarju; jinnota bi tħassib li l-kontrolli eżistenti jipprovdu biss assigurazzjonijiet limitati rigward l-eliġibilità u l-preċiżjoni tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji; jirrikonoxxi madankollu li, għat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti, inkisbet dokumentazzjoni ta' sostenn li pprovdiet assigurazzjonijiet raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tagħhom.

    12.

    Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, fl-2014, hi offriet spjegazzjonijiet u taħriġ dettaljati lill-benefiċjarji rigward il-kriterji għall-eliġibilità tal-ispejjeż u, b'mod partikolari, il-metodoloġiji aċċettabbli għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal, deskritti kollha fi gwida bil-miktub; jikkonstata barra minn hekk li l-Aġenzija wettqet erba' verifiki fuq il-post bil-għan li tivverifika l-kalkolu tal-ispejjeż dikjarati abbażi tad-dokumentazzjoni rilevanti u li tanalizza l-affidabilità tas-sistemi ta' kontroll intern li ġew implimentati; jieħu nota li l-verifiki inkludew kontrolli dwar il-pagamenti li saru fl-2013, li koprew l-20,45 % tal-ispejjeż totali tal-persunal tal-benefiċjarji u li 0,12 % tal-ispejjeż ikkontrollati ġew ikkunsidrati bħala ineliġibbli; jappella madankollu lill-Aġenzija biex ittejjeb ulterjorment il-livell tal-verifiki ex ante tagħha sabiex tiżgura l-eliġibilità tal-benefiċjarji u biex tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar progress ulterjuri f'dan ir-rigward;

    Awditjar intern

    13.

    Jikkonstata mir-rapport annwali tal-attività tal-Aġenzija li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) tagħha ffinalizzat ir-rapport tal-awditjar dwar il-ġestjoni tal-fondi assenjati, bil-għan li tivvaluta l-impatt komplessiv fuq l-Aġenzija tal-proġetti ffinanzjati minn dħul assenjat estern; jirrikonoxxi barra minn hekk li l-IAC appoġġat b'mod attiv lit-tim ta' awdituri esterni mqabbda mill-Kummissjoni biex jeżaminaw ir-rapporti tal-ispejjeż finanzjarji għall-perjodu 2010-2011;

    14.

    Jieħu nota mill-Aġenzija li s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) ta segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu permezz ta' rieżami dokumentarju, u li r-rakkomandazzjonijiet pendenti kollha ngħalqu fil-31 ta' Diċembru 2013;

    Kummenti oħra

    15.

    Jappella lill-Aġenzija biex, fil-komunikazzjoni interna u esterna tagħha fil-ġejjieni, tiċċara l-fatt li hija tirċievi fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-baġit tal-Unjoni (sussidju tal-Unjoni) minflok sussidju mill-Kummissjoni jew sussidju Komunitarju;

    16.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0130 (ara l-paġna 431 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top