EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AA0007

Opinjoni Nru 7/2015 (skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 322(2) tat-TFUE) dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

ĠU C 5, 8.1.2016, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 5/1


OPINJONI Nru 7/2015

(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 322(2) tat-TFUE)

dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti

(2016/C 5/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1 — 4

2

RIMARKI ĠENERALI

5

2

RIMARKI SPEĊIFIĊI

6 — 23

3

Il-bilanċ riportat kull xahar ta' wieħed mill-porzjon ta' tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING

6 — 8

3

Simplifikazzjoni tal-aġġustamenti annwali tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING

9 — 11

3

Tiġi posposta l-preskrizzjoni tad-data tal-ING fir-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari

12 — 14

3

Bidliet fl-imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard

15 — 17

4

L-Istati Membri jkunu jistgħu jinħelsu mir-responsabbiltà finanzjarja f'każijiet ta' dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet kriminali

18 — 20

4

Żieda fil-livell limitu għall-ammonti irrekuperabbli li għandhom jiġu rrappurtati

21 — 23

4

KONKLUŻJONI

24

5

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 322(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, li waslet għand il-Qorti tal-Awdituri fit-22 ta' Settembru 2015,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet preċedenti li l-Qorti tal-Awdituri tat dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

INTRODUZZJONI

1.

Fl-14 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (3) dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti.

2.

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 se jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (4) u se jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (5), ladarba din id-Deċiżjoni tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom (6). Għalhekk, il-modifiki proposti ma jirreferux għar-regoli li huma attwalment fis-seħħ u lanqas ma għandhom impatt fuqhom.

3.

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jistabbilixxi r-regoli li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji (inklużi ż-żmien speċifiku għad-disponibbiltà, l-aġġustamenti, l-imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard u l-ammonti irrekuperabbli) u l-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Kummissjoni fi flus kontanti. Huwa jinkludi wkoll arranġamenti prattiċi oħra rigward il-konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn mill-Istati Membri, il-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u r-regoli dwar il-kontijiet li għandhom jinżammu mill-Istati Membri għar-riżorsi proprji.

4.

Il-bidliet l-aktar sinifikanti proposti mill-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:

il-bilanċ riportat kull xahar ta' wieħed mill-porzjon ta' tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING;

simplifikazzjoni tal-aġġustamenti annwali għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING;

tiġi posposta l-preskrizzjoni tad-data tal-ING fir-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari;

bidliet fl-imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard;

l-Istati Membri jkunu jistgħu jinħelsu mir-responsabbiltà finanzjarja f'każijiet ta' dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet kriminali;

żieda fil-livell limitu għall-ammonti irrekuperabbli li għandhom jiġu rrappurtati.

RIMARKI ĠENERALI

5.

Fl-Opinjonijiet Nru 7/2014, Nru 2/2012, Nru 2/2008 u Nru 2/2006 tagħha, il-Qorti esprimiet tħassib dwar il-kumplessità u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sistema tar-riżorsi proprji għall-finanzjament tal-baġit tal-UE. Il-modifiki proposti ma jbiddlux b'mod sinifikanti s-sistema stabbilita; huma sempliċiment jindirizzaw elementi tal-proċess li jintuża biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-ammonti mitluba. Xi wħud mill-bidliet proposti jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' likwidità u ta' ġestjoni ta' flus kontanti. Il-Qorti tinnota wkoll li xi wħud mill-bidliet proposti jindirizzaw punti li tqajmu mill-Qorti fl-opinjonijiet, ir-rapporti annwali u r-rapporti speċjali preċedenti tagħha.

RIMARKI SPEĊIFIĊI

Il-bilanċ riportat kull xahar ta' wieħed mill-porzjon ta' tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING

6.

Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Istati Membri iressqu 'l quddiem b'xahar jew xahrejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena finanzjarja d-dħul ta' parti waħda minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING. Fil-prattika dan ifisser li l-Kummissjoni tista' tressaq 'il quddiem żewġ partijiet minn tnax matul l-ewwel tliet xhur. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest.

7.

Il-Kummissjoni tipproponi li żżid l-ammont li jista' jitressaq 'il quddiem minn żewġ partijiet minn tnax għal tliet partijiet minn tnax, u li testendi l-perjodu mill-ewwel tliet xhur għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja. Qed jinżamm il-limitu ta' ġimagħtejn għan-notifika lill-Istati Membri. Fil-prattika, il-Kummissjoni se tkun tista' tressaq 'il quddiem sa tliet partijiet minn tnax fi kwalunkwe żmien matul l-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, b'notifika minima ta' ġimagħtejn għall-Istati Membri.

8.

Il-Qorti tqis li l-Kummissjoni għandha tkun tista' titlob il-flus kontanti meħtieġa biex tiffinanzja t-talbiet għal pagament fi żmien debitu. Madankollu, billi talbiet bħal dawn jistgħu joħolqu diffikultajiet fil-likwidità fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa sistema biex tippjana aħjar il-ħtiijiet tagħha fi flus kontanti u żżid iż-żmien minimu ta' notifika għal talbiet ta' partijiet addizzjonali minn tnax.

Simplifikazzjoni tal-aġġustamenti annwali għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING

9.

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, l-aġġustament (7) għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING iseħħ kull sena fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Diċembru. Dawn l-aġġustamenti jvarjaw minn sena għal oħra u jistgħu jkunu pożittivi (pagamenti addizzjonali meħtieġa mill-Istati Membri) jew negattivi (ammonti li jridu jitħallsu lura lill-Istati Membri). Dawn l-aġġustamenti jistgħu jirriżultaw f'ammonti għolja ħafna. Għalhekk, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, li jippermetti li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri (b'effett retroattiv mit-30 ta' Novembru 2014) jagħmlu disponibbli l-aġġustamenti sal-ewwel jum tax-xogħol ta' Settembru tas-sena ta' wara. Fl-Opinjoni Nru 7/2014 tagħha l-Qorti nnutat li din il-modifika tista' żżid il-kumplessità tas-sistema tar-riżorsi proprji.

10.

Skont din il-proposta, il-Kummissjoni se tikkalkula l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING (8) u se tinnotifika formalment l-ammonti finali lill-Istati Membri f'Jannar tas-sena n + 1. Fl-istess ħin il-Kummissjoni se tipprovdi kalkolu għar-ridistribuzzjoni tal-ammont totali tal-aġġustamenti fost l-Istati Membri, skont is-sehem rispettiv tagħhom tal-ING tal-Istati Membri kollha tal-baġit tas-sena n + 1.

11.

Skont din il-proposta mhuwiex meħtieġ baġit emendatorju u l-Kummissjoni tnaqqas l-impatt fuq il-ħtiġijiet tal-Istati Membri fi flus kontanti rigward il-ħlas tal-ammonti relatati mal-aġġustamenti (9). Hija tippermetti wkoll li jkun hemm aħtar żmien bejn id-data tan-notifika (qabel l-1 ta' Frar) u l-mument meta l-Istati Membri jkollhom jagħmlu disponibbli l-ammonti (l-1 ta' Ġunju), biex b'hekk titnaqqas l-inċertezza baġitarja u tal-likwidità fl-Istati Membri. Il-Qorti tqis li din il-proposta hija pass 'il quddiem fis-simplifikazzjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji.

Tiġi posposta l-preskrizzjoni tad-data tal-ING fir-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari

12.

Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, bidliet fid-data tal-ING jistgħu jitqiesu biss sat-30 ta' Settembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari.

13.

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi din l-iskadenza sat-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari.

14.

Billi d-data tal-ING tiġi pprovduta mill-Istati Membri fit-22 ta' Settembru (10), il-Kummissjoni jista' ma jkollhiex biżżejjed żmien biex tivvalutaha qabel ma din issir preskritta. Għalhekk il-Qorti tilqa' l-estensjoni proposta.

Bidliet fl-imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard

15.

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jipprevedi rata bażika (rata prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid tal-BĊE — jew ta' banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro), miżjuda b'2 punti perċentwali bl-addizzjoni ta' żieda varjabbli ta' 0,25 punti perċentwali għall kull xahar ta' dewmien. Ir-rata hija applikabbli għall-perjodu kollu ta' dewmien (mid-data dovuta sad-data meta l-ammont jiġi finalment ikkreditat fil-kontijiet tal-Kummissjoni).

16.

Il-proposta tal-Kummissjoni tgħolli ż-żieda minn 2 punti perċentwali għal 3,5 filwaqt li żżomm iż-żieda ta' kull xahar ta' 0,25 punti perċentwali. Minbarra dan, hija tipproponi li tillimita l-massimu tat-total taż-żidiet għal 20 punt perċentwali.

17.

Il-Qorti tqis li għandu jinstab bilanċ bejn l-inċentiv għall-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi ta' pagament tagħhom u l-prinċipju tal-proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-imgħax fuq l-ammonti li jkunu saru disponibbli tard. Għalhekk, il-Qorti tilqa' l-proposta li jkun hemm limitu fuq iż-żieda massima tar-rata tal-imgħax.

L-Istati Membri jkunu jistgħu jinħelsu mir-responsabbiltà finanzjarja f'każijiet ta' dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet kriminali

18.

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 l-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti ta' riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba (a) raġunijiet ta' force majeure jew (b) raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

19.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied paragrafu addizzjonali li jgħid li l-Istati Membri għandhom ukoll jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu l-ammonti għad-dispożizzjoni tagħha f'sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ li d-dħul fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn jiġu ddifferiti sabiex ma tiġix ippreġudikata investigazzjoni kriminali. Dan il-ħelsien mill-obbligu għandu jsir biss meta jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet (11).

20.

Fil-fehma tal-Qorti din l-introduzzjoni hija konformi ma' referenza simili fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (12) u tista' tippermetti li l-Istati Membri jipproteġu aħjar l-interess finanzjarju tal-UE. Madankollu, ma hemm l-ebda armonizzazzjoni dwar id-definizzjoni ta' reat (u għalhekk ta' investigazzjoni kriminali) fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Qorti tqis li l-kundizzjonijiet proposti iħallu wisq lok għal interpretazzjoni.

Żieda fil-livell limitu għall-ammonti irrekuperabbli li għandhom jiġu rrappurtati

21.

Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport li jinkludi informazzjoni dwar il-każijiet li jitqiesu irrekuperabbli għal intitolamenti stabbiliti li jaqbżu l-EUR 50 000 (13).

22.

Il-Kummissjoni tipproponi li sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq is-servizzi tagħha u fil-livell tal-Istati Membri, il-livell limitu għandu jiġi rduppjat għal EUR 100 000.

23.

Il-Qorti tilqa' din il-bidla u tinnota li l-livell limitu ilu ma jiġi rivedut mill-2004 'l hawn (14). Il-Kummissjoni kkalkulat il-livell limitu l-ġdid ibbażat fuq data storika, bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv mingħajr ma jiġu pperikolati żżejjed l-ammonti involuti. Il-Qorti tinnota wkoll li l-Kummissjoni tkun għadha tista' tivvaluta każijiet matul l-ispezzjonijiet annwali fl-Istati Membri.

KONKLUŻJONI

24.

Il-bidliet proposti għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom itejbu s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-proċeduri li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-ammonti tar-riżorsi proprji.

Din l-opinjoni ġiet adottata mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2015) 447 final tal-14 ta' Settembru 2015.

(2)  L-Opinjonijiet Nru 7/2014 (ĠU C 459, 19.12.2014, p. 1), Nru 2/2012 (ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1), Nru 2/2008 (ĠU C 192, 29.7.2008, p. 1), Nru 2/2006 (ĠU C 203, 25.8.2006, p. 50), Nru 4/2005 (ĠU C 167, 7.7.2005, p. 1) u Nru 7/2003 (ĠU C 318, 30.12.2003, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014 (ĠU L 367, 23.12.2014, p. 14).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).

(6)  Id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 se japplikaw b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2014.

(7)  Kull sena l-Istati Membri jridu jipprovdu aġġornamenti tad-data tagħhom tal-VAT u l-ING għas-snin li jkunu għadhom suġġetti għal bidla (erba' snin) jew jindirizzaw il-punti li jkunu taħt riżerva. Il-Kummissjoni tuża din l-informazzjoni biex tikkalkola mill-ġdid il-kontribuzzjonijiet tal-VAT u tal-ING mill-Istati Membri għas-snin preċedenti.

(8)  Abbażi tad-data tal-VAT u l-ING għas-sena n – 1 u snin preċedenti trażmessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-sena n skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(9)  Ma jkun hemm l-ebda impatt fil-baġit u fil-kontijiet tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jkunu jeħtieġu jħallsu (jew jirċievu) biss l-ammonti kkalkulati b'kont meħud tas-sehem rispettiv tal-ING.

(10)  Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

(11)  Il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin:

(a)

l-investigazzjonijiet kriminali jkunu ġustifikati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

l-investigazzjonijiet kriminali jsiru b'mod diliġenti;

(c)

taxxi u dazji nazzjonali ma jkunux suġġetti għal trattament aktar favorevoli mill-intitolamenti irrekuperabbli.

(12)  Ara l-Artikolu 102(3) u l-Artikolu 105(6)tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Dan jirreferi għall-entrati fil-kotba li jitħassru mill-kontijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali bħala irrekuperabbli. Il-Kummissjoni tanalizza l-każijiet u tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 japplikawx biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jinħelsu mill-obbligu li jqiegħdu l-ammonti kkonċernati għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

(14)  Ara l-Artikolu 1(13) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 352, 27.11.2004, p. 1).


Top