Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XR0536

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Is-Sitwazzjoni fl-Ukraina

    ĠU C 126, 26.4.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 126/1


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Is-Sitwazzjoni fl-Ukraina

    2014/C 126/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

    abbażi tar-rapport li tressaq quddiem il-plenarja tal-KtR mill-President tiegħu dwar żjara ta' delegazzjoni tal-KtR fi Kiev mit-22-sal-24 ta' Jannar 2014:

    1.

    jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Ukraina li qed jipprotesta b'mod paċifiku biex jiddefendi l-valuri demokratiċi f'pajjiżu, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

    2.

    jikkundanna bil-qawwa kull vjolenza u kull forma ta' intimidazzjoni. L-użu tal-forza ma tistax tkun soluzzjoni għal kriżi politika. Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jirreaġixxu b'mod qawwi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

    3.

    jikkunsidra r-revoka immedjata tal-leġislazzjoni ripressiva adottata fis-16 ta' Jannar 2014 li ħonqot id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li marret kontra l-istandards internazzjonali bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fl-Ukraina; iħeġġeġ lill-President biex dan isir effettiv mill-iżjed fis billi jiffirma r-revoka tal-leġislazzjoni u jagħmilha liġi;

    4.

    jappella lill-mexxejja politiċi f'kull livell tal-gvern biex jieħdu passi deċiżivi biex inaqqsu l-gravità tas-sitwazzjoni u jwittu t-triq għal soluzzjoni paċifika li tista' tagħti liċ-ċittadini tal-Ukraina d-demokrazija, l-istabbilità, u tiggarantixxi l-indipendenza, il-libertà u l-integrità ta' pajjiżhom;

    5.

    jikkundanna l-appell tal-“Kunsill tal-Kungress Nazzjonali tal-Gvern Lokali tal-Ukraina”, maħruġ fit-23 ta' Jannar 2014 li kien approva l-liġijiet reċenti u antidemokratiċi adottati mill-parlament nazzjonali;

    6.

    jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma msieħba fi ħdan il-CORLEAP biex jiġġieldu għall-perspettiva Ewropea tal-Ukraina u biex jużaw l-influwenza politika tagħhom għas-servizz taċ-ċittadini Ukraini;

    7.

    ifakkar li l-CORLEAP twaqqfet bil-għan li tiffaċilita d-djalogu bejn il-livelli lokali u reġjonali tal-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll li tappoġġja d-demokrazija, l-istabbiltà u l-istat tad-dritt; jimpenja ruħu li janalizza jekk l-istrutturi stabbiliti humiex adatti għal dawn l-iskopijiet u li jeżamina l-possibbiltajiet li jwessa' d-dibattitu b'mod li jinkludi l-partijiet interessati rilevanti kollha;

    8.

    jenfasizza li d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma prerekwiżiti għad-demokrazija lokali u reġjonali. Jappoġġa f'dan ir-rigward ir-rakkomandazzjoni 348 (2013) tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropea dwar id-demokrazija lokali u reġjonali fl-Ukraina; jappoġġa b'mod partikolari s-sejħa tiegħu biex il-Gvern tal-Ukraina jneħħi r-restrizzjonijiet kostituzzjonali u leġislattivi fuq il-kompetenzi tal-komunitajiet lokali, u jgħammarhom b'aktar awtonomija finanzjarja;

    9.

    jenfasizza li l-kapaċità governattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ukraina hija limitata u li s-sorsi ta' finanzjament huma ristretti mill-gvern ċentrali. Differenzi dejjem ikbar bejn it-territorji joħolqu riskji serji ta' destabbilizzazzjoni fil-pajjiż;

    10.

    jappella għall-allinjament sħiħ tal-Ukraina mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u għal riformi amministrattivi li jippermettu li gvern awtonomu jgawdi poteri definiti bil-għan li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jipproponi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ukraina l-għarfien espert tal-imsieħba Ewropej u jerġa' jiddikjara li huwa lest jikkoopera iżjed magħhom sabiex jiġu maqsuma esperjenzi ta' governanza tajba u kooperazzjoni territorjali;

    11.

    jappella lir-reġjuni u l-komunitajiet lokali tal-UE li għandhom relazzjonijiet partikolarment amikevoli u sħubijiet ma' reġjuni u awtoritajiet lokali fl-Ukraina biex jintensifikaw dawn ir-relazzjonijiet minnufih u joffru solidarjetà u appoġġ lill-imsieħba Ukraini tagħhom;

    12.

    jappella lill-UE u 'l-istituzzjonijiet tagħha biex jaġixxu b'mod deċiżiv sabiex jgħinu biex inaqqsu t-tensjoni u jiżguraw li tinstab soluzzjoni paċifika li tirrispetta b'mod sħiħ id-drittijiet u l-libertà tal-poplu tal-Ukraina;

    13.

    jimpenja ruħu li jipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lis-soċjetà ċivili biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-kriżi;

    14.

    jappoġġja l-impenn kontinwu tal-UE għall-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukraina abbażi ta' valuri Ewropej komuni, u r-rieda tal-UE li tiffirma Ftehim ta' Assoċjazzjoni; f'dan ir-rigward jinsisti fuq il-kundizzjoni bil-quddiem tal-ħelsien tal-priġunieri politiċi, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluża Yulia Tymoshenko, li l-priġunerija tagħhom mhix kompatibbli man-normi u l-istandards tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-leġislazzjoni rilevanti tal-UE;

    15.

    jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Presidenza Griega tal-UE u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

    Brussell, 31 ta' Jannar 2014

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top