Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0552

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

/* COM/2014/0552 final - 2014/0254 (NLE) */

52014PC0552

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku /* COM/2014/0552 final - 2014/0254 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar għandu jrodd lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Għodda importanti f’dan ir-rigward hija l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta' qabdiet totali permissibbli (TACs), ta' kwoti u ta' limiti tal-isforzi tas-sajd.

L-għan ta' din il-proposta huwa li jiġu ffissati għall-2015 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar Baltiku. Bil-għan li jiġu ssimplifikati u ċċarati d-deċiżjonijiet annwali dwar it-TAC u l-kwoti, l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku ilhom li ġew stabbiliti mill-2006 permezz ta' Regolament separat.

· Kuntest ġenerali

Il-parir xjentifiku dwar l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku għall-2015 ingħata mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) f’Mejju 2014 u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Ġunju 2014.

Il-proposta fiha żewġ taqsimiet li huma importanti għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku fl-2015 permezz tal-opportunitajiet tas-sajd: taqsima minnhom tiffissa t-TACs u l-kwoti u t-taqsima l-oħra tillimita l-isforz tas-sajd, billi timponi limiti fuq l-attività tal-bastimenti tas-sajd (l-għadd ta' jiem fuq il-baħar).

· Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-opportunitajiet tas-sajd u l-mod li bih huma allokati lill-Istati Membri jiġu rregolati kull sena. L-aktar strument riċenti huwa r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1180/2013 tad-19 ta' Novembru 2013 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2014 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 88/98, huwa wkoll ta' rilevanza għall-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta' Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97, jiddeskrivi l-miżuri ta' kontroll u ta' monitoraġġ meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-bakkaljaw inkwistjoni. Jistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-istabbiliment tat-TAC għall-istokkijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-bakkaljaw u l-limiti tal-isforz tas-sajd assoċjati magħhom.

· Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-UE

Il-miżuri proposti huma konformi mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-organizzazzjonijiet/l-esperti ewlenin li ġew ikkonsultati

L-organizzazzjonijiet xjentifiċi kkonsultati kienu l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

Kull sena, l-Unjoni titlob lill-ICES u lill-STECF parir xjentifiku dwar il-qagħda tal-istokkijiet importanti tal-ħut. Il-parir li tirċievi jkopri l-istokkijiet kollha tal-Baħar Baltiku li għalihom huma proposti t-TACs.

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Baltiku (BSAC) ġie kkonsultat fil-laqgħa tal-Grupp Konġunt ta' Ħidma dwar is-Sajd għall-Ħut Demersali/Pelaġiku f’Ġunju 2014 abbażi tal-valutazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut imwettqa mill-ICES. L-ICES u l-STECF ipprovdew il-bażi xjentifika għall-proposta. Tqiesu l-opinjonijiet preliminari espressi dwar l-istokkijiet tal-ħut kollha kkonċernati u ġew ikkunsidrati kemm jista' jkun fil-proposta mingħajr ma nħolqu kontradizzjonijiet mal-politiki eżistenti jew deterjorament fl-istat tar-riżorzi vulnerabbli. Il-parir xjentifiku dwar il-limitazzjonijiet tal-qbid ġie diskuss ukoll fil-forum BALTFISH.

· Valutazzjoni tal-impatt

L-ammont totali tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 fil-Baħar Baltiku, espress f'tunnellati, se jiżdied bi 12 % meta mqabbel mal-ammont tal-2014 u se jiġi stabbilit għal-livell ta' madwar 629 000 tunnellata[1]. Meta jiġi kkalkulat abbażi tal-istokk, ġiet osservata żieda fit-TACs għal erba' stokkijiet ta' arringa (żieda medja ta' 31 %), filwaqt li ġie osservat tnaqqis ta' 48 % fl-istokk tal-Punent tal-bakkaljaw, ta' 17 % fl-istokk tal-laċċa kaħla u ta' 15 % (fl-għadd ta' biċċiet) għal żewġ stokkijiet ta' salamun

Abbażi tal-medja tal-prezzijiet tal-ħut żbarkat osservati fl-2012 fost tmien pajjiżi tal-Baħar Baltiku[2], fl-2015 il-valur tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-aringa se jiżdied bi kważi EUR 80 miljun għal valur totali ta’ EUR 164 miljun. L-akbar tnaqqis ġie osservat fit-TAC tal-istokk tal-Punent tal-bakkaljaw, jiġifieri minn EUR 32 miljun fl-2014 għal EUR 14-il miljun fl-2015. Madankollu, meta jitqies il-fatt li fl-2013 il-kwota tal-bakkaljaw użata kienet ta' 60% u bis-suppożizzjoni li għall-2014 u l-2015 ir-rata ta' qbid se tibqa' l-istess, it-tnaqqis fil-valur tal-kwota se jkun inqas sinifikanti.

Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib għal żmien qasir imma hija wkoll parti minn approċċ iktar fit-tul fejn il-livell tas-sajd jitnaqqas gradwalment u jinżamm għal livelli ta' sostenibbiltà fit-tul. Għalhekk, fi żmien medju sa twil, l-approċċ meħud f'konformità mal-proposta se jirriżulta fi sforz tas-sajd stabbli u kwoti ogħla. L-effetti fit-tul tal-approċċ huma mistennija li jkunu attivitajiet tas-sajd aktar sostenibbli u ammont ikbar ta' ħut żbarkat.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tfittex li tistabbilixxi l-limiti tal-qbid applikabbli għas-sajd tal-UE sabiex jintlaħaq l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li jiġi żgurat li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar għandu jrodd lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

· Bażi legali

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

· Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

· Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Ir-Regolament tal-Kunsill inkwistjoni jalloka l-opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri. B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri huma liberi li jallokaw dawn l-opportunitajiet fost reġjuni jew operaturi skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli msemmija. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju kemm iridu biex jimmanuvraw dwar deċiżjonijiet relatati mal-mudell soċjali/ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Dan ir-Regolament partikolari jiġi adottat mill-Kunsill kull sena, u l-mezzi pubbliċi u privati għall-implimentazzjoni tiegħu diġà jinsabu fis-seħħ.

· L-għażla ta' strument

L-istrument li qed jiġi propost: Regolament.

Din hija proposta għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.           INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

· Simplifikazzjoni

Il-proposta tkompli tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew nazzjonali), minħabba li fiha dispożizzjonijiet simili għal dawk tar-Regolament tal-2014 dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku.

· Klawżola ta' analiżi/reviżjoni/estinzjoni

Il-proposta tikkonċerna Regolament annwali għall-2015 u għalhekk ma tinkludix klawżola ta' reviżjoni.

· Spjegazzjoni dettaljata

Il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta' stokkijiet għas-sajd tal-Istati Membri fil-Baħar Baltiku.

L-obbligu ta' żbark għall-istokkijiet maqbuda f'ċerti attivitajiet tas-sajd għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015. Fil-Baħar Baltiku dawn l-attivitajiet tas-sajd ikopru l-istokkijiet skont it-TACs u l-kwoti f'dan ir-Regolament, jiġifieri: sajd pelaġiku żgħir (stokkijiet tal-aringa u l-laċċa kaħla), sajd tas-salamun (stokkijiet tas-salamun), kif ukoll sajd tal-bakkaljaw (stokkijiet tal-bakkaljaw), fejn l-ispeċijiet jiddefinixxu l-attività tas-sajd. Il-qabdiet tal-ispeċijiet li ma jiddefinixxux is-sajd iżda huma koperti mit-TACs, bħall-barbun tat-tbajja', se jkunu koperti bl-obbligu ta' żbark fil-Baħar Baltiku mill-1 ta' Jannar 2017. Bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' żbark, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd proposti għandhom jirriflettu l-bidla minn ammont żbarkat għal ammont maqbud. Dan isir abbażi tal-parir xjentifiku mogħti għall-istokkijiet tal-ħut fl-attivitajiet tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati wkoll skont l-Artikoli 16(1) (li jirreferi għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva) u 16(4) (li jirreferi għall-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u r-regoli previsti għall-pjanijiet pluriennali).

Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-parir xjentifiku attwali u l-konsultazzjoni mal-BSAC. Fejn rilevanti, sabiex jiġu ffissati l-kwoti tal-UE għal stokkijiet maqsuma mal-Federazzjoni Russa, il-kwantitajiet rispettivi ta' dawn l-istokkijiet tnaqqsu mit-TACs skont il-parir mogħti mill-ICES.

Peress li l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tiżgura l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f’konformità mal-politika tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali filwaqt li l-opportunitajiet tas-sajd jinżammu stabbli, il-varjazzjonijiet annwali fit-TACs huma limitati sa fejn huwa prattiku filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istatus ta’ stokk partikolari.

It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness I tar-Regolament.

Għall-2015, il-ħames stokkijiet pelaġiċi (erba' stokkijiet ta' aringa u stokk wieħed ta' laċċa kaħla) u l-istokk tal-Punent tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku jridu jiġu mistada fil-livelli tal-MSY u għalhekk it-TACs proposti jikkorrispondu għall-mortalità mis-sajd tal-MSY. It-TACs għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja u l-barbun tat-tbajja' jikkorrispondu għall-approċċ żviluppat mill-ICES li jiġi applikat għall-istokkijiet b'dejta limitata. It-TAC għas-salamun fil-baċir ewlieni tikkorrispondi għar-regola dwar il-kontroll tal-ħut mistad stabbilita fil-pjan pluriennali tal-Baħar Baltiku għall-istokk tas-salamun (COM(2011) 470 final). Il-parir u t-TAC għall-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw għad iridu jiġu ċċarati mill-ICES[3].

L-analiżi retrospettiva tal-istokk tal-Punent tal-bakkaljaw turi li l-mortalità mis-sajd reali kienet ogħla mill-mira indikata fil-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baħar Baltiku u għalhekk għandha titnaqqas b'10 % skont l-Artikolu 6 tal-pjan pluriennali. Madankollu, l-ICES ma jqisx li dan it-tnaqqis huwa konformi mal-approċċ prekawzjonali u għalhekk jagħti parir li jsir tnaqqis akbar abbażi tal-approċċ MSY. Skont l-Artikolu 7 tal-pjan pluriennali, il-Kunsill jista' jadotta t-TAC li hija aktar baxxa mit-TAC li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 6. Peress li din id-deroga ma tistax tiġi applikata għall-isforz tas-sajd, skont l-Artikolu 8(4) l-għadd ta' jiem fuq il-baħar għandu jitnaqqas b'10 %.

Minħabba bidliet fil-bijoloġija tal-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw, l-ICES ma pprovdix punti ta' referenza bijoloġiċi għall-istokk, jiġifieri l-mortalità mis-sajd reali. Il-pjan ġie żviluppat skont is-suppożizzjoni li t-tkabbir tal-bakkaljaw jibqa' dejjem stabbli. Iżda dan ma għadux il-każ. F'dawn l-aħħar snin, kif rikonoxxut mill-ICES, it-tkabbir tal-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw naqas b'mod drammatiku u l-punti ta' referenza bijoloġiċi ma għandhomx jistgħu jiġu stabbiliti. Għalhekk, l-ICES iqis li l-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baħar Baltiku ma jistax jintuża bħala bażi biex jifformula pariri għall-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw u minflok l-ICES ta parir li t-TAC tkun ibbażata fuq l-approċċ għall-istokk b'dejta limitata. B'hekk, fl-2015, l-Artikoli 6, 7 u 8 tal-pjan pluriennali ma jistgħux jiġu applikati għall-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw, peress li r-regoli għall-istabbiliment tat-TACs u tal-isforz li jinsabu fil-pjan huma bbażati fuq dawn il-punti ta' referenza. Għaldaqstant, sakemm ikun hemm proposta għal pjan pluriennali ġdid għall-Baħar Baltiku u sabiex jiġi evitat l-isfruttament żejjed tal-istokk tal-Lvant tal-bakkljaw minħabba n-nuqqas ta' stabbiliment tat-TACs, huwa xieraq li jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-approċċ żviluppat mill-ICES, skont l-Artikolu 5(1) tal-pjan u l-Artikolu 43(3) tat-Trattat.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 daħħal kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà skont l-Artikoli 3 u 4 għall-istokkijiet prekawzjonali u analitiċi rispettivament. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament, meta jiġu ffissati t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Fi żmien aktar riċenti, iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà għall-istokkijiet kollha koperti bl-obbligu ta' żbark mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar u tfixkel il-ksib tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, għandu jiġi ċċarat li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw biss fejn l-Istati Membri ma jużawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013.

2014/0254 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] jeħtieġ li l-miżuri li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u t-twettiq sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd ikunu stabbiliti b’kunsiderazzjoni tal-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli u, b'mod partikolari, tar-rapport imfassal mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), kif ukoll fid-dawl ta' kull parir li jasal mingħand il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi jew l-oqsma ta' kompetenza rilevanti.

(2)       Il-Kunsill għandu l-obbligu li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp ta' sajd, inklużi, kif xieraq, ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom. Skont l-Artikolu 16(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu mqassma fost l-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew żona tas-sajd u skont l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tal-istess Regolament.

(3)       Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2913 u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fil-premessa 1.

(4)       Għas-sajd pelaġiku żgħir (l-aringa u l-laċċa kaħla), is-sajd tal-bakkaljaw u tas-salamun fil-Baħar Baltiku, l-obbligu ta' żbark imsemmi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 japplika mill-1 ta' Jananr 2015. L-Artikolu 16(2) ta' dak ir-Regolament jipprovdi li, meta jiddaħħal l-obbligu ta' żbark rigward stokk tas-sajd, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti billi tiġi kkunsidrata l-bidla minn opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-iżbarki għal opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet.

(5)       Barra minn hekk, għall-istokkijiet suġġetti għal pjanijiet pluriennali speċifiċi, skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mar-regoli stipulati f'dawk il-pjanijiet. Konsegwentement, il-limiti tal-qbid u l-limiti tal-isforz tas-sajd għall-istokk tal-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet 22-24 għandhom jiġu stabbiliti skont il-Pjan għall-Bakkaljaw tal-Baħar Baltiku stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007[5].

(6)       Parir xejntifiku riċenti juri li l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ma setax jistabbilixxi punti ta' referenza bijoloġiċi għall-istokk tal-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet 25-32 u minflok ta parir li t-TAC għal dan l-istokk tal-bakkaljaw tkun ibbażata fuq l-approċċ applikabbli għall-istokk b'dejta limitata. In-nuqqas ta' punti ta' referenza bijoloġiċi jagħmilha impossibbli li jiġu segwiti r-regoli għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd u l-livelli ta' sforz għall-istokk tal-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet 25-32. Billi n-nuqqas ta' stabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd jista' joħloq theddida serja għas-sostenibbiltà ta' dak l-istokk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti t-TACs għal dan l-istokk tal-bakkaljaw f'livell li jikkorrispondi għall-approċċ żviluppat u rakkomandat mill-ICES.

(7)       Fid-dawl tal-parir xjentifiku, il-flessibbiltà fil-ġestjoni tal-isforz tas-sajd għall-istokk tal-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet 22-24 tal-Baħar Baltiku tista' tiġi introdotta mingħajr ma tfixkel l-għanijiet tal-Pjan għall-Bakkaljaw tal-Baħar Baltiku u mingħajr ma tikkawża żieda fil-mortalità mis-sajd. Tali flessibbiltà tkun tista’ tippermetti ġestjoni aktar effiċjenti tal-isforz tas-sajd fejn il-kwoti mhumiex allokati ugwalment fost il-flotta ta' Stat Membru u tiffaċilita reazzjonijiet rapidi għal skambji ta' kwoti. Għalhekk, Stat Membru għandu jitħalla jalloka, lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, jiem addizzjonali assenti mill-port fejn ammont ugwali ta' jiem assenti mill-port jitneħħa minn bastimenti oħrajn li jtajru l-bandiera tiegħu.

(8)       L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilit f’dan ir-Regolament huwa suġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009[6], u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta' dak ir-Regolament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet relatati mal-iżbarkar tal-istokkijiet suġġetti għal dan ir-Regolament li jridu jintużaw mill-Istati Membri meta tintbagħat dejta lill-Kummissjoni.

(9)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 daħħal kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà skont l-Artikoli 3 u 4 għall-istokkijiet prekawzjonali u analitiċi rispettivament. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Fi żmien aktar riċenti, iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà għall-istokkijiet kollha koperti bl-obbligu ta' żbark mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju tal-isfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar, tfixkel il-ksib tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u tiddeterjora l-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet, għandu jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandhom japplikaw biss għat-TACs analitiċi fejn l-Istati Membri ma jużawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013.

(10)     Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li jinfetħu t-tipi ta' sajd koperti minn dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2015. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)        'ICES' tfisser Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar;

(2)          'Baħar Baltiku' tfisser iż-żoni ICES IIIb, IIIc u IIId;

(3)          'subdiviżjoni' tfisser subdiviżjoni tal-ICES tal-Baħar Baltiku kif iddefinita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005[7];

(4)          'bastiment tas-sajd' tfisser kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(5)          'bastiment tas-sajd tal-Unjoni' tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(6)          'sforz tas-sajd' tfisser il-prodott tal-kapaċità u l-attività ta' bastiment tas-sajd; għal grupp ta' bastimenti tas-sajd ikun it-total tal-isforz tas-sajd tal-bastimenti kollha fil-grupp;

(7)          'stokk' tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f'żona ta' ġestjoni partikolari;

(8)          'qabda totali permissibbli' (TAC) tfisser il-kwantità ta' kull stokk li tista' tkun:

(i)      maqbuda matul perjodu ta' sena, fil-każ ta' sajd suġġett għall-obbligu ta' żbark skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; jew

(ii)     żbarkata matul perjodu ta' sena, fil-każ ta' sajd li mhuwiex suġġett għall-obbligu ta' żbark skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(9)          'kwota' tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

Kapitolu II Opportunitajiet tas-Sajd

Artikolu 4 TACs u allokazzjonijiet

It-TACs, il-kwoti u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 5 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f'dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:

(a) skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c) żbarki addizzjonali permessi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013;

(d) kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013;

(e) tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6 Kundizzjonijiet għall-iżbark tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali mhux suġġetti għall-obbligu ta' żbark

Il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' għandhom jinżammu abbord jew jiġu żbarkati biss jekk il-qabdiet isiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru li għandu kwota u li dik il-kwota ma tkunx eżawrita.

Artikolu 7 Limiti tal-isforz tas-sajd

Il-limiti tal-isforz tas-sajd huma stabbiliti fl-Anness II.

Kapitolu III Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 8 Trażmissjoni tad-dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda jew żbarkati, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokk imniżżla fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9 Flessibbiltà

1. Għajr fejn speċifikat mod ieħor fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet li huma suġġetti għal TAC prekawzjonali u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet suġġetti għal TAC analitika.

2. Madankollu, dawk l-Artikoli ma għandhomx japplikaw jekk Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament 1380/2013.

Artikolu 10 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Eskluż l-istokk tal-Lvant tal-bakkaljaw u inkluż il-piż konvertit tal-istokkijiet tas-salamun (biċċa waħda għandha piż medju ta' 4.5 kg).

[2]               EUMOFA, dejta annwali miksuba minn http://ec.europa.eu/fisheries/market-observatory/home fit-22/05/2014

[3]               STECF, Analiżi tal-parir xjentifiku għall-2015 - l-ewwel parti. Parir dwar l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku (STECF-14-10), paġna 12

[4]               Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22-61)

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta' Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (ĠU L 248, 22.09.2007, p. 1-10)

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.)

[7]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound (ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1.)

ANNESSI

tal-

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku

ANNESS I TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI F'ŻONI FEJN JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Ir-referenza għall-istokkijiet tal-ħut issir skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qed tingħata it-tabella komparattiva li ġejja ta' korrispondenzi tal-ismijiet bil-Latin u l-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku || Kodiċi alfa-3 || Isem komuni

Clupea harengus || HER || Aringa

Gadus morhua || COD || Bakkaljaw

Pleuronectes platessa || PLE || Barbun tat-tbajja'

Salmo salar || SAL || Salamun tal-Atlantiku

Sprattus sprattus || SPR || Laċċa Kaħla

Speċi: || Aringa || || Żona: || Subdiviżjonijiet 30-31 || ||

|| Clupea harengus || || HER/3D30.; HER/3D31.

Il-Finlandja || 152 932 || ||

L-Isvezja || 33 602 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 186 534 || ||

|| || ||

TAC || 186 534 || || TAC Analitika

Speċi: || Aringa || || Żona: || Subdiviżjonijiet 22-24

|| Clupea harengus || || HER/3B23.; HER/3C22.; HER/3D24. ||

Id-Danimarka || 3 115 || ||

Il-Ġermanja || 12 259 ||

Il-Finlandja || 2 || ||

Il-Polonja || 2 891 ||

L-Isvezja || 3 953 || ||

|| ||

L-Unjoni || 22 220 || ||

|| ||

TAC || 22 220 || || TAC Analitika Ma għandux japplika l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

|| || ||

Speċi: || Aringa || || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

|| Clupea harengus || || HER/3D25.; HER/3D26.; HER/3D27.; HER/3D28.2; HER/3D29.; HER/3D32.

Id-Danimarka || 3 744 || ||

Il-Ġermanja || 993 || ||

L-Estonja || 19 120 || ||

Il-Finlandja || 37 321 || ||

Il-Latvja || 4 718 || ||

Il-Litwanja || 4 968 || ||

Il-Polonja || 42 400 || ||

L-Isvezja || 56 921 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 170 185 || ||

|| || ||

TAC || Mhux rilevanti || TAC Analitika

Speċi: || Aringa || || Żona: || Subdiviżjoni 28.1

|| Clupea harengus || || HER/03D.RG || || ||

L-Estonja || 17 908 || ||

Il-Latvja || 20 872 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 38 780 || ||

|| || ||

TAC || 38 780 || || TAC Analitika

|| || ||

Speċi || Bakkaljaw || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjonijiet 25-32

|| Gadus morhua || || COD/3D25.; COD/3D26.; COD/3D27.; COD/3D28.; COD/3D29.; COD/3D30.; COD/3D31.; COD/3D32.

Id-Danimarka || pm || ||

Il-Ġermanja || pm || ||

L-Estonja || pm || ||

Il-Finlandja || pm || ||

Il-Latvja || pm || ||

Il-Litwanja || pm || ||

Il-Polonja || pm || ||

L-Isvezja || pm || ||

|| || ||

L-Unjoni || pm || ||

|| || ||

TAC || Mhux rilevanti || TAC Prekawzjonali Ma għandux japplika l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

|| || ||

Speċi: || Bakkaljaw || || Żona: || Subdiviżjonijiet 22-24 ||

|| Gadus morhua || || COD/3B23.; COD/3C22.; COD/3D24.

Id-Danimarka || 3 838 || ||

Il-Ġermanja || 1 877 || ||

L-Estonja || 85 || ||

Il-Finlandja || 75 || ||

Il-Latvja || 318 || ||

Il-Litwanja || 206 || ||

Il-Polonja || 1 027 || ||

L-Isvezja || 1 367 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 8 793 || ||

|| || ||

TAC || 8 793 || || TAC Analitika Ma għandux japplika l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

|| || ||

Speċi: || Barbun tat-tbajja' || || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjonijiet 22-32 ||

|| Pleuronectes platessa || || PLE/3B23.; PLE/3C22.; PLE/3D24.; PLE/3D25.; PLE/3D26.; PLE/3D27.; PLE/3D28.; PLE/3D29.; PLE/3D30.; PLE/3D31.; PLE/3D32.

Id-Danimarka || 2 327 || ||

Il-Ġermanja || 259 || ||

Il-Polonja || 487 || ||

L-Isvezja || 176 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 3 249 || ||

|| || ||

TAC || 3 249 || || TAC Prekawzjonali

Speċi: || Salamun tal-Atlantiku || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjonijiet 22-31

|| Salmo salar || || SAL/3B23.; SAL/3C22.; SAL/3D24.; SAL/3D25.; SAL/3D26.; SAL/3D27.; SAL/3D28.; SAL/3D29.; SAL/3D30.; SAL/3D31.

Id-Danimarka || 20 290 || (1) ||

Il-Ġermanja || 2 257 || (1) ||

L-Estonja || 2 062 || (1) ||

Il-Finlandja || 25 300 || (1) ||

Il-Latvja || 12 905 || (1) ||

Il-Litwanja || 1 517 || (1) ||

Il-Polonja || 6 155 || (1) ||

L-Isvezja || 27 425 || (1) ||

|| || ||

L-Unjoni || 97 911 || (1) ||

|| || ||

TAC || Mhux rilevanti || TAC Analitika Ma għandux japplika l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

__________ || || ||

(1)        Espress fl-għadd ta' ħut individwali.

Speċi: || Salamun tal-Atlantiku || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjoni 32

|| Salmo salar || || SAL/3D32. || || ||

L-Estonja || 1 029 || (1) ||

Il-Finlandja || 9 005 || (1) ||

|| || ||

L-Unjoni || 10 034 || (1) ||

|| || ||

TAC || Mhux rilevanti || TAC Prekawzjonali

__________ || || ||

(1)        Espress fl-għadd ta' ħut individwali.

Speċi: || Laċċa Kaħla || || Żona: || L-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subdiviżjonijiet 22-32 ||

|| Sprattus sprattus || || SPR/3B23.; SPR/3C22.; SPR/3D24.; SPR/3D25.; SPR/3D26.; SPR/3D27.; SPR/3D28.; SPR/3D29.; SPR/3D30.; SPR/3D31.; SPR/3D32.

Id-Danimarka || 19 691 || ||

Il-Ġermanja || 12 475 || ||

L-Estonja || 22 866 || ||

Il-Finlandja || 10 308 || ||

Il-Latvja || 27 617 || ||

Il-Litwanja || 9 990 || ||

Il-Polonja || 58 608 || ||

L-Isvezja || 38 067 || ||

|| || ||

L-Unjoni || 199 622 || ||

|| || ||

TAC || Mhux rilevanti || || TAC Analitika

ANNESS II LIMITI TAL-ISFORZ TAS-SAJD

1.           L-Istati Membri għandhom jallokaw id-dritt li l-għadd massimu ta' jiem assenti mill-port jkun ta' 132 jum fis-Subbdiviżjonijiet 22-24 tal-ICES, ħlief għall-perjodu mill-1 sat-30 ta' April meta japplika l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom u jistadu permezz ta':

(a)     xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew irkaptu simili b'malji ta' 90 mm jew akbar;

(b)     xbieki bl-għeżula, xbieki tat-tħabbil jew bil-pariti b'malji ta' 90 mm jew akbar;

(c)     konzijiet tal-qiegħ, konzijiet ħlief il-konzijiet mitluqa, xolfa tal-idejn u rkaptu tat-trejjix.

2.           B'deroga mill-punt 1, u fejn il-ġestjoni effiċjenti tal-opportunitajiet tas-sajd teħtieġ hekk, Stat Membru jista' jalloka d-dritt lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tiegħu għal għadd ta' jiem addizzjonali assenti mill-port fejn:

(a)     ammont ugwali ta' jiem assenti mill-port jitneħħa minn bastimenti oħrajn li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu soġġetti għal restrizzjoni tal-isforz fl-istess żona; u

(b)     il-kapaċità, f'termini ta' kW, ta' kull bastiment donatur tkun daqs jew akbar minn dik tal-bastimenti riċevituri.

3.           L-għadd ta' bastimenti riċevituri tad-drittijiet skont il-punt 2 ma jistax jaqbeż il-15 % tal-għadd totali ta' bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat, kif indikat fil-punt 1.

Top