Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0328

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2014

/* COM/2014/0328 final */

52014PC0328

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2014 /* COM/2014/0328 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (“ir-Regolament QFP”) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross biex l-UE-28 jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti bħala strument tal-aħħar għażla. Fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2014[1], abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament QFP, l-ammont assolut tal-Marġni ta’ Kontinġenza għas-sena 2014 ġiet stabbilit għal EUR 4 026,7 miljun.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament QFP, u wara li ġew eżaminati l-possibbiltajiet kollha għall-finanzjament ta’ ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali u mhux previsti, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Marġni ta’ Kontinġenza għall-2014 b’mod sħiħ sabiex tikkomplimenta l-approprjazzjonijiet ta’ pagament relatati man-nefqa fis-subintestatura 1a, is-subintestatura 1b, l-intestatura 2 u l-intestatura 4 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, lil hinn mil-limitu massimu ta’ pagament ta’ EUR 135 866 miljun għall-pagamenti.

L-obbligu stabbilit fil-punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013, li skontu l-proposta tal-Kummissjoni għandha tkun akkumpanjata minn proposta għar-riallokazzjoni fil-baġit eżistenti huwa ikkunsidrat fl-abbozz ta’ baġit emendatorju (ABE) Nru 3/2014[2] minn proposta biex isir użu differenti mill-EUR 65,0 miljun mir-riżerva għal “Ftehimiet ta’ Sħubija dwar Sajd Sostenibbli” u l-iffrankar ta’ EUR 378 000 li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ karigi AST f'karigi AST/SC fil-pjanijiet ta’ stabbiliment. Wara din ir-riallokazzjoni, l-ABE Nru 3/2014 jipproponi żieda ta’ EUR 711,4 miljun fil-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament sal-limiti massimi ta’ pagamenti tal-QFP tal-2014 kif ukoll żieda fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 4 026,7 miljun permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza skont l-Artikolu 13 tar-Regolament QFP.

2.           ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI EMERĠENTI WARA L-KUNSILL EWROPEW TA’ FRAR 2013

2.1.        INTRODUZZJONI

Intlaħaq ftehim politiku dwar il-limiti massimi tal-QFP 2014-2020 fil-livell tal-Kunsill Ewropew fi Frar 2013. F’negozjati sussegwenti mal-Parlament Ewropew:

· Il-limiti massimi tal-QFP stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2013 ġew ikkonfermati, li jirrikonoxxu l-kuntest partikolarment diffiċli taż-żmien ta’ meta ttieħdet din id-Deċiżjoni[3];

· Id-dispożizzjonijiet għal strumenti speċjali eżistenti twessgħu;

· Strumenti ġodda ta’ flessibbiltà bħall-Marġni Globali għall-impenji u l-Marġni Globali għall-pagamenti ġew miftiehma;

· Il-Marġni ta’ Kontinġenza, li diġà ntlaħaq ftehim dwaru fil-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2013, ġie kkonfermat.

F’dan ir-rigward, huwa wkoll importanti li wieħed jiftakar fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-minuti tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2013 fejn “... differenza ta’ EUR 51,5 biljun bejn l-impenji u l-pagamenti fil-QFP li jmiss għall-perjodu 2014-2020 hija biss kompatibbli mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u r-rekwiżiti legali, sakemm il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern qablu li flessibilità speċifika u massima se tiġi implimentata għall-konformità mal-Artikolu 323 TFUE sabiex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha.”

L-eżistenza ta’ “ċirkostanzi mhux previsti” li jistgħu jiġġustifikaw il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza biex ikunu koperti l-ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali għandha għalhekk tiġi vvalutata kontra l-istat attwali fi Frar 2013 meta l-limiti massimi ta' pagamenti tal-QFP ġew stabbiliti l-ewwel.

2.2.        IL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA BĦALA L-ISTRUMENT TAL-AĦĦAR GĦAŻLA

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-għażla biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Fl-ABE Nru 3/2014, il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-marġni mhux allokat taħt il-limitu massimu ta’ pagament għall-2014 ta’ EUR 711-il miljun biex issaħħaħ il-pagamenti f’żoni oħra[4], wara li jkunu ġew eżawriti l-possibiltajiet ta’ tqassim mill-ġdid. Il-kamp ta' applikazzjoni limitat għar-riallokazzjoni ta’ fondi fil-baġit eżistenti huwa b'mod ċar insuffiċjenti biex jilħaq il-ħtiġijiet mhux previsti msemmija fit-taqsimiet ta' hawn taħt.

Minħabba li l-Marġni Globali għall-Pagamenti mhuwiex applikabbli għas-sena 2014, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sħiħ ta’ EUR 4 026,7 miljun għall-2014 hija għalhekk l-uniku strument disponibbli biex issir reazzjoni għall-impatt baġitarju ta’ ċirkostanzi mhux previsti li ħarġu wara li ġew stabbiliti għall-ewwel darba l-limiti massimi ta' pagamenti, u sabiex titnaqqas il-lakuna sinifikanti bejn il-livell ta' approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati u l-ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali mhux previsti għal din is-sena. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn iċ-ċirkostanzi mhux previsti għandhom impatt baġitarju fuq is-sena finanzjarjatal-2015 ukoll.

2.3.        L-IMPATT BAĠITARJU TAĊ-ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2014

Din it-Taqsima tistabbilixxi elementi mhux previsti li ħarġu minn wara l-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2013, u l-punt sa fejn dawn ikollhom impatt fuq il-ħtiġijiet ta' pagamenti li għandhom ikunu indirizzati fl-2014 permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal din is-sena.

2.3.1    Il-konċentrazzjoni fil-bidu ta' programmi fis-subintestatura 1a u s-subintestatura 1b

Il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-"Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ" (YEI), l-"Orizzont 2020", l-"Erasmus+" u "COSME", li ġiet deċiża f'Ġunju 2013[5] bħala parti mill-ftehim politiku dwar il-QFP 2014-2020 hija mistennija li tirriżulta f'żieda netta fil-ħtiġijiet ta' pagamenti li jammontaw għal EUR 627 miljun fl-2014.

Għal "Orizzont 2020", huma meħtieġa EUR 155 miljun addizzjonali f’approprjazzjonijiet ta’ pagament biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' pagamenti li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni fil-bidu tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-“Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie” u għall-“Kunsill Ewropew għar-Riċerka”. Għal “Erasmus+” u “COSME”, huma meħtieġa rispettivament EUR 117 miljun u EUR 10 miljuni f’approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2014 bħala konsegwenza tad-deċiżjoni li l-programm jiġi kkonċentrat fil-bidu. Dawn l-ammonti jinkludu ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw mid-deċiżjoni meħuda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiżdied il-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) mill-2014, b’kontribuzzjonijiet permezz ta' trasferimenti baġitarji minn “Orizzont 2020” u “COSME” li għandhom jitħallsu fl-2014. Huwa mistenni li l-konċentrazzjoni fl-aħħar korrispondenti tal-programm “ITER” u tal-parti relatata mal-enerġija tal-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”, li kompletament tikkumpensa ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-2014, mhix se twassal għal pagamenti mnaqqsa fl-2014.

Fir-rigward tas-subintestatura 1b, il-baġit tal-2014 diġà jinkludi l-impatt nett fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta’ EUR 345 miljun biex ikopri l-konċentrazzjoni fil-bidu tal-“Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ” (Youth Employment Initiative, YEI) fl-2014. Għalhekk, it-total ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali li jirriżulta mill-konċentrazzjoni fil-bidu ta’ programmi għas-subintestaturi 1a u 1b jammonta għal EUR 282 miljun fl-2014.

2.3.2    Eċċess ta' talbiet għall-pagamenti pendenti għall-Politika ta' Koeżjoni 2013

F’Settembru 2013, meta l-Istati Membri bagħtu l-previżjonijiet riveduti tagħhom, it-talbiet għall-pagamenti pendenti mistennija għall-Politika ta’ Koeżjoni fi tmiem l-2013 kienu stmati li "jilħqu EUR 20 biljun". Dan kien l-ammont meħud bħala referenza għan-negozjati fuq il-livell tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament matul il-Konċiljazzjoni għall-baġit 2014 f’Novembru 2013. It-talbiet għall-pagamenti pendenti reali fl-aħħar tas-sena, madankollu, qabżu b'EUR 3,4 biljuin l-ogħla stima bbażata fuq ix-xejriet tal-passat tal-previżjonijiet tal-Istati Membri. Iż-żieda f’daqqa mhux mistennija ta' talbiet għall-pagamenti, li komplew żiedu l-ammont pendenti fl-aħħar tal-2013, mhijiex mistennija li tiġi kkumpensata minn livell aktar baxx ta’ talbiet għall-pagamenti fl-2014.

2.3.3    Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)

Allokazzjoni volontarja addizzjonali ta’ EUR 1 biljun fi prezzijiet attwali li ttieħdet mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ġiet miftiehma fil-kuntest tar-Regolament tal-FEAD (Fund for European Aid to the Most Deprived)[6]. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-FEAD jistabbilixxi rata ta’ prefinanzjament ta’ 11 %, ikkalkulata fuq il-bażi tal-allokazzjonijiet totali 2014-2020, filwaqt li r-rati ta’ prefinanzjament ġenerali tal-"Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment” huma ħafna inqas (għall-2014 1 % jew 1,5 % għall-Istati Membri b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom). Konsegwentement, kien hemm żieda netta mhux prevista fil-ħtiġijiet ta’ pagament ta’ prefinanzjament ta’ EUR 99 miljun fl-2014

2.3.4    Żieda fir-rati ta' kofinanzjament għall-iżvilupp rurali u s-sajd

Għall-programmi l-ġodda tal-QFP 2014-2020 “ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) introduċa ż-żieda ta' 10 % fir-rati ta’ kofinanzjament sal-2016 għall-Istati Membri b’diffikultajiet baġitarji temporanji, li inizjalment applikat biss għan-nefqa mġarrba sal-31 ta’ Diċembru 2013. Sabiex jiġi żgurat trattament uniformi u koerenti fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, l-Istati Membri għandhom jibbenefikaw miż-żieda fir-rata ta’ kofinanzjament sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-programmi 2007-2013. L-Artikolu 77 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Artikolu 70(4c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Artikolu 77 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd ġew emendati għal dak l-għan.

Il-ħtiġijiet ta’ pagament għall-2014 relatati mhux previsti jammontaw għal EUR 90 miljun għall-FAEŻR u EUR 10 miljuni għall-FES taħt l-intestatura 2. Dawn il-ħtiġijiet miżjuda se jiġu awtomatikament ikkumpensati sal-għeluq tal-programmi, kif l-allokazzjonijiet totali għal dawn l-Istati Membri ma jinbdlux. Għall-istess raġunijiet, ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali għall-2015 huma mistennija.

2.3.5    Żieda fir-rati ta' kofinanzjament għall-politika ta' Koeżjoni

Kif stipulat fit-Taqsima 2.3.4 aktar ’il fuq, “ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) introduċa mill-ġdid iż-żieda ta' 10 % fir-rati ta’ kofinanzjament sal-2016 għall-Istati Membri b’diffikultajiet baġitarji temporanji, li inizjalment applikat biss għan-nefqa mġarrba sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-ħtiġijiet ta’ pagament relatati mhux previsti għall-2014 għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK) taħt is-subintestatura 1b jammontaw għal EUR 1 125 miljun. Madankollu, sakemm tasal konferma dwar ix-xejriet tat-twettiq ta’ pagamenti fl-2014, għal raġunijiet ta’ prudenza, il-ħtiġijiet addizzjonali ta’ pagament relatati maż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni mhumiex miżjuda mat-talba marbuta mat-talbiet għall-pagamenti mhux imħallsa pendenti mhux mistennija fi tmiem l-2013, kif stabbilit fit-Taqsima 2.3.2. Madankollu, skont kemm hemm talbiet pendenti għall-pagamenti mhux imħallsa fi tmiem l-2014, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal pagamenti fl-2015 b’rabta ma’ din iż-żieda fil-kofinanzjament.

2.3.6    Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment

In-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-CPR irriżultaw f’tibdiliet fil-ħtiġijiet ta’ pagament meta mqabbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2013. It-tnaqqis miftiehem ta’ “riżerva tal-prestazzjoni” minn 7 % għal 6 %, il-kamp ta' applikazzjoni mnaqqas tar-riżerva tal-prestazzjoni[7], iż-żieda fil-prefinanzjament annwali u l-esklużjoni tar-riserva tal-prestazzjoni mill-prefinanzjament inizjali u annwali se jirriżultaw f’bidla fil-profil tal-pagamenti mistennija u fis-sħiħ x'aktarx li jirriżultaw fi ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali fil-perjodu sal-2020. Fis-sena 2014, madankollu, tnaqqis fil-ħtiġijiet ta’ pagament tista’ tkun mistennija meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet inizjali minħabba l-esklużjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni mill-bażi li fuqha l-prefinanzjament inizjali għandu jiġi kkalkulat għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment. Dan inaqqas il-ħtiġijiet ta’ pagament fl-2014 b’EUR 288 miljun. Madankollu, l-approprjazzjonijiet korrispondenti ma ġewx inklużi fil-baġit tal-2014, u għalhekk ma għandhomx għalfejn jitnaqqsu, ladarba l-baġit tal-2014 kien imħejji taħt is-suppożizzjoni ta’ riżerva tal-prestazzjoni ta’ 7 %, eskluża mill-kalkolu tal-prefinanzjament, u l-adozzjoni ta' 80 % biss tal-programmi operazzjonali.

2.3.7    Il-pakkett finanzjarju għall-Ukraina

Bħala tweġiba għall-avvenimenti drammatiċi fl-Ukraina fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ħabbret[8] pakkett finanzjarju li jinkludi "kuntratt ta' bini tal-istat" fil-forma ta' appoġġ baġitarju, li jammonta għal EUR 355 miljun, li minnu l-ewwel pagament ta' EUR 250 miljun għandu jitħallas f'Ġunju 2014 u t-tieni pagament ta' EUR 105 miljun f'nofs l-2015. Tali skeda tal-pagamenti hija ħafna aktar imħaffa mill-għajnuna tradizzjonali skont l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat. Għalhekk il-Kummissjoni titlob EUR 250 miljun biex tkopri dan l-iżvilupp mhux previst fl-2014.

2.4.        L-IMPATT BAĠITARJU TAĊ-ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2015

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni qed tindirizza biss l-impatt baġitarju taċ-ċirkostanzi mhux previsti għas-sena 2014. Għal skopijiet ta’ informazzjoni, din it-Taqsima tistabbilixxi l-impatt baġitarju fl-2015 ta’ ċirkostanzi mhux previsti li għalihom se jkun meħtieġ rispons baġitarju xieraq fid-dawl tal-implimentazzjoni, bl-użu tal-mezzi possibbli kollha previsti fir-Regolament tal-QFP, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni possibbli tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal dik is-sena.

2.4.1    Il-konċentrazzjoni fil-bidu ta' programmi fis-subintestaturi 1a u 1b

Il-konċentrazzjoni fil-bidu ta’ “Orizzont 2020”, “Erasmus+” u “COSME” taħt is-subintestatura 1a hija mistennija li tirriżulta f’żieda netta fil-ħtiġijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 143 miljun fl-2015. Fir-rigward tas-subintestatura 1b, il-konċentrazzjoni fil-bidu tan-nefqa għall-“Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ” (YEI) u l-konċentrazzjoni fl-aħħar korrispondenti tal-parti relatata mal-Fond ta’ Koeżjoni tal-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” u l- “Kooperazzjoni Territorjali Ewropea” (KTE) hija mistennija li twassal għal ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali ta’ EUR 505 miljun fl-2015.

2.4.2    Żieda fir-rati ta' kofinanzjament għall-politika ta' Koeżjoni

Kif stipulat fit-Taqsimiet 2.3.4 u 2.3.5 aktar ’il fuq, għall-programmi ġodda tal-QFP 2014-2020 “ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) introduċa mill-ġdid iż-żieda ta' 10 % fir-rati ta’ kofinanzjament sal-2016 għall-Istati Membri b’diffikultajiet baġitarji temporanji, li inizjalment applikat biss għan-nefqa mġarrba sal-31 ta’ Diċembru 2013. Bħala konsegwenza, ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali għall-2015 li jammontaw għal EUR 375 miljun huma mistennija għaż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni. Madankollu, l-impatt baġitarju taż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament għall-iżvilupp rurali u s-sajd huwa mistenni li jkun limitat għall-2014 biss.

2.4.3    Il-pakkett finanzjarju għall-Ukraina

Kif stipulat fit-Taqsima 2.3.7 aktar ’il fuq, it-tieni pagament tal-pakkett finanzjarju mħabbar għall-Ukraina huwa mistenni jwassal għal rekwiżiti ta’ pagament addizzjonali ta’ EUR 105 miljuni sa nofs l-2015.

2.5.        L-IMPATT BAĠITARJU TAĊ-ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2014 U L-2015: ĦARSA ĠENERALI

B’kollox, kif jidher fit-Tabella 1 hawn taħt, il-ħtiġijiet ta’ pagament mhux previsti għall-2014 meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ Frar 2013 jammontaw għal EUR 5 209 miljuni. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-impatt magħruf meta ġie adottat il-baġit tal-2014 u l-valutazzjoni li għandha ssir sal-aħħar tal-2014 tal-impatt taż-żieda fil-kofinanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni, EUR 4 027 miljun huma meħtieġa biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ pagament relatati fl-2014.

Tabella 1: il-ħtiġijiet ta' pagament mhux previsti, li rriżultaw wara l-Kunsill Ewropew ta' Frar 2013

Il-ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali għall-2014 marbuta ma’ ċirkostanzi mhux previsti li għadhom ma ġewx inklużi fil-baġit tal-2014 || f’miljuni ta' EUR

Il-konċentrazzjoni fil-bidu, is-subintestatura 1a (Orizzont 2020, Erasmus+ u COSME) || 282

Il-prefinanzjament tal-FGħEB || 99

L-eċċess ta' pagamenti pendenti mhux mistennija għall-2013 || 3 296

Żieda fir-rati ta' kofinanzjament: l-iżvilupp rurali u s-sajd (l-intestatura 2) || 100

Il-pakkett finanzjarju għall-Ukraina || 250

L-impatt totali ta’ ċirkostanzi mhux previsti li għadu ma ġiex inkluż fil-baġit tal-2014 (A) || 4 027

Il-ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali marbuta ma’ ċirkostanzi mhux previsti diġà inklużi fil-baġit tal-2014 || f’miljuni ta' EUR

Il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) || 345

It-trattament ta’ riżerva tal-prestazzjoni għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment || -288

L-impatt totali ta’ ċirkostanzi mhux previsti diġà inkluż fil-baġit tal-2014 (B) || 57

Il-ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali marbuta ma’ ċirkostanzi mhux previsti li probabbli li jimmaterjalizzaw wara l-2014 || f’miljuni ta' EUR

Iż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament Il-Politika ta’ Koeżjoni (is-subintestatura 1b) || 1 125

L-impatt totali ta’ ċirkostanzi mhux previsti li probabbli li jimmaterjalizza wara l-2014 (C) || 1 125

It-total kumplessiv ta' ċirkostanzi mhux previsti li għandhom impatt fuq il-ħtiġijiet ta’ pagamenti (D = A + B +C) || 5 209

Il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-programmi taħt is-subintestaturi 1a u 1b, iż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament għall-Politika ta’ Koeżjoni u l-pakkett finanzjarju għall-Ukraina se jwasslu wkoll għal xi ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali għas-sena 2015, kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt.

Il-ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali għall-2015 marbuta ma’ ċirkostanzi mhux previsti li għandhom jiġu indirizzati fi stadju aktar tard || f’miljuni ta' EUR

Il-konċentrazzjoni fil-bidu, is-subintestatura 1a (Orizzont 2020, Erasmus+ u COSME) || 143

Il-konċentrazzjoni fil-bidu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) || 505

Iż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament Il-Politika ta’ Koeżjoni (is-subintestatura 1b) || 375

Il-pakkett finanzjarju għall-Ukraina || 105

It-total ta' ċirkostanzi mhux previsti li għandhom impatt fuq il-ħtiġijiet ta’ pagament || 1 128

Fil-qosor, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tipproponi li tillimita t-talba għal approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali fl-2014 għall-Politika ta’ Koeżjoni għall-eċċess ta’ talbiet pendenti mhux imħallsa fi tmiem l-2013.

Talba li tikkorrispondi għaż-żieda ta' 10 % fil-kofinanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-2014 tista' ssegwi aktar tard, sakemm issir evalwazzjoni tat-talbiet pendenti mhux imħallsa fi tmiem l-2014. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali huma mistennija li joħorġu fl-2015, kif stabbilit fit-Taqsima 2.4 hawn fuq. Konsegwentement, il-Kummissjoni jista’ jkollha tipproponi fi stadju aktar tard — fid-dawl tal-implimentazzjoni fl-2014 — il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għas-sena 2015 ukoll.

Billi ammont ta’ EUR 65,4 miljun huwa propost li jerġa' jintuża fl-2014, il-bqija tal-ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali għall-2014-2015 meħtieġa għar-reazzjoni għaċ-ċirkostanzi mhux previsti, huma proposti li jiġu mmobilizzati permezz tal-użu tal-Marġni ta’ Kontinġenza. Dan se jiġi kkumpensat permezz ta’ limiti massimi ta’ pagamenti aktar baxxi fis-snin ta' wara l-QFM tal-2014-2020, kif mitlub mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP.

3.           IL-KUMPENS TAL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA KONTRA L-LIMITI MASSIMI TAL-QFP

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP jirrikjedi li l-ammonti magħmula disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu kkumpensati kompletament kontra l-marġini għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri.

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament QFP, l-ammonti kkumpensati ma għandhomx ikunu mobilizzati ulterjorment fil-kuntest tal-QFP, b’tali mod li t-total tal-limiti massimi ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stabbiliti fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri, ma jinqabiżx. Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 u l-kumpens relatat iridu jirrispettaw il-limitu totali massimu ta' pagament għas-snin 2014 sa 2020 ta’ EUR 1 023 954 miljun fi prezzijiet attwali (ekwivalenti għal EUR 908,4 biljun fi prezzijiet tal-2011).

Minħabba l-inċertezzi relatati mas-snin 2015 u 2016 (jiġifieri l-livell ta’ talbiet ta' pagamenti pendenti fl-aħħar tas-sena preċedenti u l-probabbiltà li jseħħu ħtiġijiet ta’ pagamenti addizzjonali mhux previsti), il-kumpens fi kwalunkwe waħda minn dawn is-sentejn ikun imprudenti. Fl-2017, il-livell tal-limitu massimu ta’ pagament jonqos nominalment meta mqabbel mal-2016. Għal dawn ir-raġunijiet, qed jiġi propost li l-kumpens jiġi distribwit matul is-snin 2018 sa 2020.

Minħabba ż-żieda fil-ħtiġijiet ta’ pagamenti lejn tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni u ż-żieda fil-limitu massimu ta' pagament matul is-snin 2018 sa 2020, huwa propost li jiġi implimentat kumpens f’partijiet ugwali kull sena. Dawn l-ammonti taħt il-limitu massimu ta' pagament mhux se jkunu disponibbli għal approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġits annwali rispettivi.

Tabella 2: id-distribuzzjoni tal-kumpens għall-Marġni ta' Kontinġenza tal-2014

f’miljuni ta' EUR || Il-limitu massimu ta’ pagament || L-ammonti kkumpensati || L-ammonti li jistgħu jintużaw taħt il-limitu massimu

2018 || 149 074,0 || 1 342,3 || 147 731,7

2019 || 153 362,0 || 1 342,2 || 152 019,8

2020 || 156 295,0 || 1 342,2 || 154 952,8

Totali || 458 731,0 || 4 026,7 || 454 704,3

4.           ELEMENTI ADDIZZJONALI

Iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja huma mfakkra li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex issir aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-baġit emendatorju Nru 3 lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2014

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba [9], u b’mod partikolari l-punt 14, it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Billi:

(1) l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill 1311/2013li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[10] stabbilixxa Marġini ta' Kontinġenza ta' 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni,

(2) Skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont assolut ta' dan il-Marġini ta' Kontinġenza għall-2014[11],

(3) Wara li eżaminaw il-possibiltajiet finanzjarji l-oħra kollha biex issir reazzjoni għaċ-ċirkostanzi mhux previsti li nqalgħu wara li ġie stabbilit għall-ewwel darba l-limitu massimu ta' pagament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014 fi Frar 2013, jidher li hu meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-ammont sħiħ tal-Marġni ta’ Kontinġenza disponibbli biex jikkomplementa l-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2014, 'il fuq mill-limitu massimu ta’ pagament,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Marġni ta’ Kontinġenza jintuża biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 4 026 700 000 f'approprjazzjonijiet ta' pagament 'il fuq mil-limitu massimu għall-pagamenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

Dak l-ammont jintuża sabiex jikkumplimenta l-pagamenti fis-subintestatura 1a (EUR 282 000 000), is-subintestatura 1b (EUR 3 394 700 000), l-intestatura 2 (EUR 100 000 000) u l-intestatura 4 (EUR 250 000 000).

Artikolu 2

Is-somma ta’ EUR 4 026 700 000 mobilizzata mill-Marġni ta’ Kontinġenza għas-sena finanzjarja 2014 tjkun ikkumpensata kontra l-Marġini taħt il-limiti tal-pagamenti għas-snin li ġejjin:

            (a)        2018:   EUR 1 342 300 000             (b)        2019:   EUR 1 342 200 000             (c)        2020:   EUR 1 342 200 000

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2013) 928, 20.12.2013.

[2]               COM(2014) 329, 28.5.2014.

[3]               Ara r-rapport tal-PE imħejji mill-MPE Ivalo Kalfin u Jean-Luc Dehaene "dwar in-negozjati fuq il-QFP 2014-2020: lezzjonijiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem" (2014/2005 (INI)) adottat fil-15 ta' April 2014 ((P7_TA-PROV(2014)0378).

[4]               COM(2014) 329, 28.5.2014.

[5]               Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (id-Dokument tal-Kunsill 11961/13).

[6]               Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.

[7]               Ġie miftiehem li l-ebda riżerva tal-prestazzjoni ma għandha tinżamm għall-allokazzjonijiet għall-YEI, FEAD, it-trasferiment mill-Fond ta’ Koeżjoni għas-CEF u l-għajnuna teknika tal-Kummissjoni.

[8]               IP 14/219, 5.3.2014.

[9]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[10]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[11]             Il-Komunkazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-20 ta' Diċmebru 2013, dwar l-Aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2014 f’konformità mal-movimenti fl-ING, (COM(2013) 928).

Top