This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014PC0161
Proposal for a COUNCIL DECISION on the position to be adopted on behalf of the European Union at the 103rd session of the International Labour Conference concerning amendments to the Code of the Maritime Labour Convention
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu
/* COM/2014/0161 final - 2014/0088 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu /* COM/2014/0161 final - 2014/0088 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Din il-proposta għandha l-għan li
tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi fil-Kodiċi
tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 dwar ir-responsabbiltà
tas-sidien tal-bastimenti fir-rigward ta' a) il-kumpens għat-talbiet dwar
mewt u korriment personali u b) l-abbandun tal-baħħara. L-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar
ix-Xogħol Marittimu, 2006 (Maritime Labour Convention - MLC, 2006)
tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO - International Labour
Organisation) minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala
"l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu",
"il-Konvenzjoni", jew "l-MLC" huma fuq l-aġenda
tal-ewwel laqgħa tal-"Kumitat Tripartitiku Speċjali" minn
hawn 'il quddiem magħruf bħala "l-Kumitat". L-MLC tistabbilixxi l-istandards minimi
tax-xogħol u tal-għajxien għall-baħħara kollha li
jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bnadar tal-pajjiżi li rratifikawha[1]. L-emendi li se
jiġu kkunsidrati mill-Kumitat jikkonċernaw il-Kodiċi tal-MLC, li
jittratta l-mod li bih l-Artikoli u r-Regolamenti tal-MLC jiġu
implimentati u li fih kemm standards u kemm linji gwida[2]. 1.1. Il-kunsiderazzjoni u
l-adozzjoni eventwali tal-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar
ix-Xogħol Marittimu fl-ewwel laqgħa tal-"Kumitat Tripartitiku
Speċjali" bejn is-7 u l-11 ta' April 2014. Il-Kumitat huwa inkarigat li jikkunsidra
l-proposti għall-emendi fil-Kodiċi tal-MLC skont l-Artikolu XV
tal-MLC. Il-Korp Governattiv tal-ILO stabbilixxa l-Kumitat fit-318-il Sessjoni
tiegħu f'Ġunju tal-2013. Fit-319-il Sessjoni tiegħu li saret
f'Ottubru tal-2013, iddeċieda wkoll li jsejjaħ l-ewwel laqgħa
tal-Kumitat f'Ġinevra bejn is-7 u l-11 ta' April 2014 u adotta
l-aġenda tiegħu, li tinkludi "l-kunsiderazzjoni tal-proposti
għall-emendi tal-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol
Marittimu, 2006 (MLC, 2006)". Fil-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc dwar
ir-Responsabbiltà u l-Kumpens ILO/IMO[3]
konġunt li sar fl-2009[4]
bħala segwitu għar-riżoluzzjoni adottata fl-94 Sessjoni
(Marittima) tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol meta ġiet
adottata l-MLC[5],
ġew identifikati żewġ kwistjonijiet għal emendi futuri
fil-Kodiċi: ir-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti relatata
mal-kumpens għat-talbiet dwar mewt u korriment personali u l-abbandun
tal-baħħara. Il-Kumitat Preparatorju stabbilit fl-2010 mill-Korp
Governattiv tal-ILO kompla jidentifika li dawn iż-żewġ
kwistjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati b'mod urġenti fl-ewwel
laqgħa tal-Kumitat. F'dan ir-rigward, f'Ottubru tal-2013, ġew
sottomessi b'mod konġunt żewġ settijiet ta' Proposti għal
emendi fil-Kodiċi tal-MLC mill-grupp tas-sidien tal-bastimenti u
mill-grupp tal-baħħara fil-Kumitat, skont l-Artikolu XV(2)
tal-MLC[6]. Skont il-proċedura ssimplifikata
għall-emendi fil-Kodiċi tal-MLC kif stipulat fl-Artikolu XV(3)
tal-MLC, f'Ottubru tal-2013, id-Direttur Ġenerali tal-ILO ikkomunika
l-proposta għall-emendi lill-Istati Membri kollha tal-ILO u stedinhom
sabiex jibagħtu l-osservazzjonijiet u s-suġġerimenti
tagħhom[7].
Imbagħad f'Diċembru tal-2013, il-proposti għall-emendi
tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea[8]. Fil-laqgħa tal-Kumitat f'April tal-2014
għandhom jiġu kkunsidrati dawn iż-żewġ settijiet ta'
proposti għall-emendi. Sabiex dawn l-emendi jiġu adottati
mill-Kumitat jeħtieġ li fil-laqgħa jiġu rrappreżentati
nofs il-Membri li rratifikaw l-MLC u li maġġoranza ta' żewġ
terzi tal-membri tal-Kumitat, li tinkludi nofs il-voti tal-membri tal-gvern,
tas-sidien tal-basitmenti u tal-baħħara (li lkoll għandhom setgħa
tal-vot). 1.2. Approvazzjoni possibbli tal-emendi
fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu waqt il-103
Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol bejn it-28 ta'
Mejju u t-12 ta' Ġunju 2014 u dħul fis-seħħ Ladarba jiġu adottati mill-Kumitat, l-emendi
fil-Kodiċi tal-MLC iridu jiġu approvati fil-Konferenza
Internazzjonali dwar ix-Xogħol permezz ta' żewġ terzi tal-voti
mitfugħa mid-delegati preżenti u jiġu sottomessi għal
kunsiderazzjoni tal-membri tal-ILO li rratifikaw l-MLC. Huwa mistenni li l-103
sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, li se
sseħħ bejn it-28 ta' Mejju u t-12 ta' Ġunju 2014, se
tingħata dan il-kompitu. L-emendi approvati skont din il-proċedura
jidħlu fis-seħħ fi żmien perjodu normalment ta' sentejn,
sakemm proporzjon sostanzjali tal-membri li rratifikaw[9] jesprimu formalment
in-nuqqas ta' qbil tagħhom ma' dawn l-emendi. 1.3. Kontenut tal-emendi proposti
fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu suġġett
għal-laqgħat tal-2014 tal-Organizzazzjoni Internazzjoni
tax-Xogħol Iż-żewġ settijiet ta' proposti
għall-emendi fil-Kodiċi tal-MLC suġġetti
għal-laqgħat tal-2014 tal-ILO jikkonċernaw l-Istandards
(il-parti A) u l-Linji gwida (il-parti B) tal-Kodiċi tal-MLC li huma
relatati mar-Regolament 2.5 dwar ir-Ripatrijazzjoni fit-Titolu 2 tal-kundizzjonijiet
tal-impjieg u għar-Regolament 4.2 dwar ir-Responsabbiltà tas-sidien
tal-bastimenti fit-Titolu 4 dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura
medika, il-benessri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali[10]. Il-proposta skont ir-Regolament 2.5
"ir-Ripatrijazzjoni" (ara l-Anness) tindirizza l-abbandun
tal-baħħara. L-abbandun iseħħ meta sid ta' bastiment jonqos
milli jkopri l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni tal-baħħar jew ma
jipprovdix il-manteniment u l-appoġġ meħtieġ
lill-baħħar jew inkella unilateralment jaqta' r-rabtiet tiegħu
mal-baħħar inkluż billi jonqos milli jħallas il-paga
kuntrattwali għal perjodu ta' mill-inqas xahrejn. L-emendi proposti
jistabbilixxu r-rekwiżiti għal sistema ta' sigurtà finanzjarja rapida
u effettiva sabiex tassisti lill-baħħara impjegati jew
ingaġġati jew ħaddiema f'kull kapaċità fuq bastiment li
jtajjar il-bandiera tal-Membru f'każ ta' abbandun. Din is-sistema
għandha tkopri l-pagi pendenti u intitolamenti oħra sa erba' xhur,
l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni, il-manteniment neċessarju inkluż
ikel adegwat, ilbies, akkomodazzjoni, il-kura medika neċessarja u
kostijiet jew spejjeż raġonevoli oħra li jirriżultaw
mill-abbandun. Skont il-proposta, kull Membru għandu jirrikjedi li
l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jipprovdu evidenza dokumentata
tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-servizzi
tas-sigurtà finanzjarja. Il-linji gwida proposti jindirizzaw l-assitenza
immedjata f'każ li jkun jinħtieġ żmien sabiex tiġi
vverifikata l-validità ta' ċerti aspetti tat-talba tal-baħħar u
d-dettalji tal-evidenza tas-sigurtà finanzjarja. Il-proposta skont 4.2 "Ir-responsabbiltà
tas-sidien tal-bastimenti" (ara l-Anness) tindirizza l-kumpens f'każ
ta' mewt jew diżabbiltà fit-tul minħabba korriment, mard, jew
ħsara fuq ix-xogħol. Din tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi
għas-sistema tas-sigurtà finanzjarja li tipprovdi dan il-kumpens
fir-rigward ta' talbiet kuntrattwali, iddefiniti bħala talbiet relatati
ma' mard, korriment jew mewt li jseħħ waqt li l-baħħar
jaqdi dmiru skont ftehim tal-impjieg tal-baħħara jew li
jirriżulta minn impjieg skont ftehim ta' dan it-tip. Għandhom
jiġu stabbiliti arranġamenti effettivi sabiex it-talbiet kuntrattwali
relatati mal-kumpens jaslu, jiġu indirizzati u saldati imparzjalment
permezz ta’ proċeduri rapidi u ġusti. Ma għandu jkun hemm l-ebda
dewmien, l-ebda pressjoni li jiġi aċċettat ħlas anqas
mill-ammont kuntrattwali jew ħlas interim f'każijiet fejn ikun
diffiċli li jiġi evalwat il-kumpens. Barra minn hekk, ma għandu
jkun hemm l-ebda preġudizzju għad-drittijiet legali l-oħra;
madankollu, il-benefiċċju għandhom jiġu bbilanċjati
mad-danni. Skont il-proposta, kull Membru għandu jirrikjedi wkoll li
l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jipprovdu evidenza dokumentata
tas-sigurtà finanzjarja jew li s-sidien tal-bastimenti jinnotifikaw lill-Istat
tal-bandiera u lill-baħħara li s-sigurtà ġiet ikkanċellata.
Il-linji gwida proposti jindirizzaw id-dettalji tal-evidenza tas-sigurtà
finanzjarja u jinkludu mudell tal-irċevuta u l-formoli ta’ rilaxx
għall-ħlas tat-talbiet kuntrattwali. 1.4. Il-liġi tal-Unjoni
fil-qasam tal-emendi proposti fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar
ix-Xogħol Marittimu suġġett għal-laqgħat tal-2014
tal-Organizzazzjoni Internazzjoni tax-Xogħol L-emendi proposti fil-Kodiċi tal-MLC huma
fil-biċċa l-kbira koperti mill-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni
permezz tat-Trattati. Barra minn hekk, ħafna partijiet mill-emendi
jindirizzaw oqsma tal-liġi tal-Unjoni li fihom il-grad
tar-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE diġà laħaq stadju avvanzat.
Apparti dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta'
Ġunju 2007 awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw l-MLC
fl-interessi tal-Unjoni. L-emendi proposti fl-MLC jiffukaw fuq
kwistjonijiet li diġà ġew indirizzati fid-Direttiva 2009/13/KE li
timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien
tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea
tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol
Marittimu, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE Din id-Direttiva tinkorpora
d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-MLC fil-liġi tal-UE billi
tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi fl-oqsma rilevanti abbażi ta' ftehim
bejn is-sħab soċjali Ewropej tas-settur skont
id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-politika soċjali[11]. Filwaqt li mhuwiex indirizzat fid-Direttiva
2009/13/KE, madankollu l-"abbandun" tal-baħħara jaqa'
taħt l-Istandard A 2.5 tagħha li jistipula li "Kull Stat Membru
għandu jiżgura li l-baħħara fuq bastimenti li jtajru
l-bandiera tiegħu huma intitolati għar-ripatrijazzjoni (...) meta
l-baħħara ma jkunux jistgħu iktar iwettqu d-dmirijiet
tagħhom taħt il-ftehim tagħhom dwar l-impjieg jew ma jkunux
mistennijin iwettqu d-dmirijiet tagħhom fiċ-ċirkostanzi
speċifiċi". Bl-istess mod, l-Istandard A 4.2 dwar
ir-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti jistipula li: "Kull Stat
Membru għandu jadotta l-liġijiet u r-regolamenti li
jeħtieġu li s-sidien ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu
jkunu responsabbli għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika
tal-baħħara kollha li jaħdmu abbord il-bastimenti konformement
mal-istandards minimi li ġejjin: (...) is-sidien tal-bastimenti
għandhom jipprovdu s-sigurtà finanzjarja biex jiżguraw kumpens
fil-każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara
minħabba ferimenti, mard jew periklu fuq ix-xogħol, kif
imniżżel fil-liġi nazzjonali, il-ftehim dwar l-impjieg
tal-baħħara jew il-ftehim kollettiv". Fiż-żewġ
każijiet, l-emendi fl-MLC għandhom jintroduċu rekwiżiti
speċifiċi għas-sistemi ta' sigurtà finanzjarja u
għall-produzzjoni ta' evidenza dokumentata f'dawn l-oqsma. Għandu jiġu nnutat ukoll li
d-dispożizzjonijiet finali tal-Ftehim konkluż
mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea
(ECSA) u l-/Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar
il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, implimentati bid-Direttiva
2009/13/KE, jistabbilixxu li sussegwentement għal kull emenda f'kull
dispożizzjoni tal-MLC u jekk jintalbu minn waħda mill-Partijiet
għall-Ftehim, għandha ssir reviżjoni tal-applikazzjoni ta' dan
il-Ftehim. L-infurzar tal-emendi proposti fl-MLC jinvolvi li
l-qasam tat-trasport[12]:
Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-"Kontroll mill-Istat tal-Port", kif
emendata bid-Direttiva 2013/38/UE tat-12 ta' Awwissu 2013 sabiex tinkludi l-MLC
fost il-Konvenzjonijiet bħalma huma SOLAS[13],
MARPOL[14]
u l-STCW[15],
kif ukoll id-Direttiva 2013/54/UE dwar l-"Istat tal-Bandiera" tal-20
ta' Novembru 2013 li tinforza l-Anness tad-Direttiva 2009/13/KE. Id-Direttiva
2009/16/KE tapplika għall-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet
tal-UE, irrispettivament min-nazzjonalità tal-baħħara, u d-Direttiva
2013/54/UE bl-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jissodisfaw
ir-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera fir-rigward
tad-Direttiva 2009/13/KE u l-Anness tagħha u tapplika
għall-baħħara kollha fuq il-bastimenti b'bandiera tal-UE. Id-dispożizzjoni dwar l-evidenza dokumentata inkluża
fil-proposti għall-emendi hija koperta b'mod partikolar bid-Direttiva
2009/16/KE kif emendata. L-emendi proposti ikomplu jinvolvu l-aspetti
tal-qasam tal-politika soċjali[16],
fejn ir-rekwiżiti minimi huma stabbiliti b'mod partikolari
għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali bid-Direttiva 89/391/KEE
dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib
fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, l-emendi previsti
jikkonċernaw il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 883/2004
u r-Regolament ta' Implimentazzjoni
(KE) Nru 987/2009 fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE, ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010[17] fir-rigward ta'
ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legalment fl-UE,
il-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom f'sitwazzjoni
transfruntiera. Dawn ir-Regolamenti ġew adottati fl-oqsma tal-moviment
liberu tal-ħaddiema u l-immigrazzjoni[18]. L-emendi proposti jistgħu jinvolvu
l-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja
f'materji ċivili, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar
il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi
kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [19]. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Mhux applikabbli. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA X'aktarx, il-103 sessjoni tal-Konferenza
Internazzjonali dwar ix-Xogħol tingħata l-kompitu li tapprova
l-proposti msemmija fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol
Marittimu. Skont l-Artikolu XV tal-MLC dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ
għall-Partijiet kollha li ma jesprimux formalment in-nuqqas ta' qbil
tagħhom fi żmien sentejn[20],
sitt xhur wara li jintemm dak il-perjodu, sakemm aktar minn 40 %
tal-Partijiet, li fl-istess ħin jirrappreżentaw mhux inqas minn
40 % tat-tunellaġġ gross tal-Partijiet jesprimu nuqqas ta' qbil
mal-emendi approvati fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol. Għalhekk, l-emendi maħsuba
fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu se jikkostitwixxu
att ta' korp stabbilit bi ftehim internazzjonali li se jipproduċi effetti
legali. L-Istati biss huma membri tal-ILO u
jistgħu jivvutaw dwar l-approvazzjoni tal-emendi fil-Kodiċi tal-MLC
fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, li għaliha l-Unjoni
ġiet mistiedna bi status ta' osservatur. Minħabba dan t'hawn fuq, f'konformità
mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, jinħtieġ li l-Kunsill jieħu
deċiżjoni biex jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata f'isem l-Unjoni, u li fl-istess ħin tawtorizza
lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. Qed jiġi propost li l-approvazzjoni
tal-emendi previsti fil-Kodiċi tal-MLC tiġi appoġġata. Fil-fatt, f'dan l-istadju, abbażi
tal-proposta sottomessa b'mod konġunt mill-grupp tas-sidien tal-bastimenti
u mill-grupp tal-baħħara fil-Kumitat, jidher li ma hemm l-ebda
kuntradizzjoni bejn il-prinċipji ġenerali eżerċitati
mill-emendi proposti u l-liġi tal-Unjoni, u ma hemm l-ebda inkumpatibbiltà bejn l-emendi proposti u
l-acquis tal-Unjoni. B'mod partikolari, ma hemm l-ebda
inkonsistenza fl-approċċ bejn l-emendi proposti fil-Kodiċi tal-MLC
u r-rekwiżiti minimi skont l-acquis tal-Unjoni fil-qasam
soċjali. Dan ifisser li l-miżuri tal-Unjoni jistgħu jkunu aktar
stretti mill-istandards tal-ILO u viċe versa[21], billi skont
l-Artikolu 19(8) tal-Kostituzzjoni tal-ILO il-Konvenzjonijiet tal-ILO
bħall-MLC jkollhom standards minimi. Ma hemm l-ebda inkonsistenza bejn
l-emendi proposti fil-Kodiċi tal-MLC u l-acquis tal-Unjoni
fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jew ir-regolamenti
skont l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, Abbażi tal-esperjenza miksuba, it-test
tal-emendi previsti fil-Kodiċi tal-MLC mhux mistenni jibdel b'mod
sostanzjali bejn l-abbozz li fuqu sar qbil bejn il-grupp tas-sidien
tal-bastimenti u l-grupp tal-baħħara u l-approvazzjoni tiegħu
fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol. Minkejja dan, sabiex
l-Istat Membri jitħallew jaġixxu fi ħdan il-korpi tal-ILO b'mod
konġunt fl-interess tal-Unjoni b'mod effettiv u effiċjenti,
jinħtieġ li jiġi previst li l-Istati Membri jkunu jistgħu
jaqblu ma' test tal-emendi fil-Kodiċi li ma jkunx fih bidliet essenzjali
meta mqabbel mat-test li fuqu ntlaħaq qbil bejn il-grupp tas-sidien
tal-basitmenti u l-grupp tal-baħħara. 2014/0088 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-103 sessjoni tal-Konferenza
Internazzjonali dwar ix-Xogħol dwar l-emendi fil-Kodiċi
tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 153 u 218(9)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Konvenzjoni dwar
ix-Xogħol Marittimu, 2006, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali
tax-Xogħol (ILO), minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala
"il-Konvenzjoni", tistabbilixxi l-istandards minimi tal-ħidma u
l-għajxien għall-baħħara kollha li jaħdmu fuq
bastimenti li jtajru l-bnadar tal-pajjiżi li jirratifikaw. (2) Il-proposti għall-emendi
fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni huma fuq l-aġenda tal-ewwel laqgħa
tal-"Kumitat Tripartitiku Speċjali" stabbilit skont
il-Konvenzjoni, minn hawn 'il quddiem magħruf bħala
"il-Kumitat", li se ssir bejn is-7 u l-11 ta' April 2014 sabiex
jiġu kkunsidrati u possibilment adottati. L-emendi adottati għandhom
jiġu sottomessi għall-approvazzjoni waqt il-103 sessjoni
tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol bejn it-28 ta' Mejju u t-12
ta' Ġunju 2014. (3) Il-proposti għall-emendi
jikkonċernaw ir-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti fir-rigward
tal-kumpens relatat mat-talbiet minħabba mewt, korriment personali u
abbandun ta' baħħara. Dawn ġew sottomessi b'mod konġunt
mill-grupp tas-sidien tal-bastimenti u mill-grupp tal-baħħara
fil-Kumitat f'Otturbu tal-2013, skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu XV
tal-Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "abbozz
ta' emendi"). (4) Ir-regoli skont
il-Konvenzjoni u l-abbozz ta' emendi huma fil-biċċa l-kbira koperti
mill-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni permezz tat-Trattati. Barra minn hekk,
l-abbozz tal-emendi se jaffettwa l-acquis eżistenti fl-oqsma
tal-politika soċjali[22],
it-trasport u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali[23]. B'mod partikolari,
il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni kienu
s-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta
l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti
tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema
tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u
li temenda d-Direttiva 1999/63/KE L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni
fl-Unjoni tkompli tiġi żgurata permezz tad-Direttiva 2009/16/KE tat-23
ta' April 2009 dwar il-"Kontroll mill-Istat tal-Port", kif emendata
bid-Direttiva 2013/38/UE tat-12 ta' Awwissu 2013 u d-Direttiva 2013/54/UE dwar
l-"Istat tal-Bandiera" tal-20 ta' Novembru 2013 li tinforza l-Anness
tad-Direttiva 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009. (5) Skont l-Artikolu XV
tal-Konvenzjoni, l-emendi fil-Kodiċi approvati fil-Konferenza
Internazzjonali dwar ix-Xogħol se jidħlu fis-seħħ
għall-Partijiet kollha li ma jesprimux formalment in-nuqqas ta' qbil
tagħhom fi żmien li normalment ikun ta' sentejn, sitt xhur wara dak
il-perjodu, sakemm aktar minn 40 % tal-Partijiet, li fl-istess ħin
jirrappreżentaw mhux inqas minn 40 % tat-tunellaġġ gross
tal-Partijet jesprimu nuqqas ta' qbil ma' dawn l-emendi. Għalhekk,
l-emendi previsti fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu
se jikkostitwixxu att ta' korp stabbilit bi ftehim internazzjonali li se
jipproduċi effetti legali. (6) Minħabba dan t'hawn fuq,
f'konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, jinħtieġ li l-Kunsill
jieħu deċiżjoni biex jistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni, u li fl-istess ħin
tawtorizza lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod konġunt fl-interess
tal-Unjoni, li mhijiex membru tal-ILO[24]. (7) Billi, f'dan l-istadju,
għadu ma nltaħaqx qbil dwar l-abbozz tal-emendi mill-partijiet
interessati kollha u billi għadhom jistgħu jsiru xi bidliet qabel
l-approvazzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol,
jinħtieġ li jiġi previst li l-Istati Membri, filwaqt li
jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma'
test tal-emendi li ma jkunx fih bidliet essenzjali meta mqabbel mat-test li
fuqu ntlaħaq qbil bejn il-grupp tas-sidien tal-bastimenti u l-grupp
tal-baħħara.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Il-pożizzjoni tal-Unjoni
fil-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol
għandha tkun li tappoġġa l-approvazzjoni tal-emendi proposti
fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni, kif inhuma bħalissa, sottomessi b'mod konġunt
mill-grupp tas-sidien tal-bastimenti u mill-grupp tal-baħħara
fil-Kumitat (imsemmija "abbozz ta' emendi). It-test ta' dawn l-emendi huwa
mehmuż ma' din id-deċizjoni. 2. Il-pożizzjoni
tal-Unjoni, kif stipulat fil-paragrafu 1 għandha tittieħed
mill-Istati Membri, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni
meta japprovaw l-emendi fil-Kodiċi tal-Konvenzjoni fil-103 sessjoni
tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol. 3. Jista jintlaħaq qbil
dwar bidliet mhux sostanzjali għal din il-pożizzjoni fil-korpi
tal-ILO mill-Istati Membri li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess
tal-Unjoni, mingħajr ma tittieħed deċiżjoni oħra
mill-Kunsill. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/lang--en/index.htm. [2] L-MLC hija mqassma fi tliet partijiet prinċipali:
l-Artikoli, li jiġu l-ewwel, jistabbilixxu l-prinċipji u l-obbligi
wiesgħa. Wara l-Artikoli jiġu r-Regolamenti u l-Kodiċi, li
jittrattaw l-oqsma tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien
tal-baħħara koperti mill-Konvenzjoni u li jittrattaw ukoll
l-ispezzjoni u l-konformità. Ir-Regolamenti, miktuba f'termini ġenerali
ħafna, huma kkumplementati bil-Kodiċi li huwa iżjed dettaljat.
Il-Kodiċi maqsum f'żewġ partijiet: Il-Parti A fiha l-Istandards
u l-Parti B l-Linji Gwida. Il-pajjiżi li jirratifikaw l-MLC iridu jadottaw
liġijiet nazzjonali jew jieħdu miżuri oħra sabiex
jiżguraw li l-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti bir-Regolamenti
jiġu implimentati bil-mod stabbilit bl-Istandards fil-Parti A
tal-Kodiċi (jew b'mod sostanzjalment ekwivalenti).
Fid-deċiżjonijiet dwar id-dettalji tal-liġijiet tagħhom jew
il-miżuri ta' implimentazzjoni, il-pajjiżi li jirratifikaw iridu
jikkunsirdaw b'mod dovut il-Linji gwida stabbiliti fil-Parti B tal-Kodiċi. [3] Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. [4] ILO–IMO–WGPS/9/2009/10, Rapport finali, Grupp ta'
Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO konġunt dwar ir-Responsabbiltà u
l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment Personali u l-Abbandun
tal-Baħħara, id-Disa' Sessjoni. [5] Ir-Riżoluzzjoni dwar il-Grupp ta' Ħidma ta'
Esperti Ad Hoc IMO/ILO Konġunt dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati
mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment Personali u l-Abbandun tal-Baħħara,
il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, Rekord Proviżorju
Nru 3-1(Rev.), l-94 Sessjoni (Marittima), Ġinevra, 2006, p. 3-1/16. Ara: http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/WCMS_088130/lang--en/index.htm. [6] http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---normes/documents/genericdocument/wcms_229695.pdf, ara l-Anness tad-Deċiżjoni
Rakkomandata. [7] http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---normes/documents/genericdocument/wcms_229694.pdf. [8] L-istedina sabiex jattendu għall-Kumitat kienet
tinkludi referenza għall-websajt http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/WCMS_228789/lang--en/index.htm li ġiet aġġornata f'Novembru tal-2013. [9] 40 % tal-membri li rratifikaw l-MLC u li
jirrappreżentaw 40 % tat-tunellaġġ gross tal-bastimenti
tal-Membri li rratifikaw l-MLC. [10] http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---normes/documents/genericdocument/wcms_229695.pdf. [11] L-Artikoli 153 u 155 tat-TFUE. [12] L-Artikolu 100 tat-TFUE. [13] Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja
tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar. [14] Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni
tat-Tniġġis mill-Bastimenti. [15] Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta'
Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa
għall-Baħħara. [16] L-Artikoli 153 u 155 tat-TFUE. [17] Jew ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 fil-każ tad-Danimarka u r-Renju Unit. [18] L-Artikolu 48 tat-TFUE, 79.2b tat-TFUE. [19] L-Artikolu 67(4) u l-punti (a), (c) u (e) tal-Artikolu
81(2) tat-TFUE. [20] Inkella perjodu ieħor stabbilit mill-Konferenza, wara
li dawn jiġu nnotifikati mid-DĠ tal-ILO lill-Membri li rratifikaw
il-Konvenzjoni [21] L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea, il-para. 18. [22] Inkluża d-Direttiva 89/391/KEE dwar il-qafas
tas-sigurtà u s-saħħa. [23] Inkluż ir-Regolament (KE) Nru
883/2004 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni
(KE) Nru 987/2009 fir-rigward
taċ-ċittadini tal-UE, ir-Regolament (UE) Nru
1231/2010 jew ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma
residenti legalment fl-UE, il-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti
tagħhom f'sitwazzjoni transfruntiera. [24] L-Opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Marzu 1993, Ġabra 1993-I,
p. 1061, il-para. 26. ANNESS I— L-ewwel sett ta’ proposti konġunti:
Proposta għal emendi fil-Kodiċi dwar ir-Regolament 2.5 tal-Konvenzjoni
Dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006
Din il-proposta tirrifletti l-prinċipji li
ġew adottati waqt id-Disa’ Sessjoni (bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu 2009)
tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO Konġunt dwar
ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment
Personali u l-Abbandun tal-Baħħara[1].
In-noti f’qiegħ il-paġna ta' din il-proposta huma
għall-informazzjoni biss u mhumiex parti minn din il-proposta
għat-test tal-emendi.
A. Proposti relatati mal-Istandard A2.5 1. F' din
l-intestatura, “Standard A2.5 — Ripatrijazzjoni”, “A2.5” tinbidel u ssir
“A2.5.1”. 2. Wara
l-paragrafu 9 tal-Istandard A2.5, jiżdiedu din l-intestatura u t-test li
ġejjin: Standard A2.5.2 – Sigurtà Finanzjarja[2] 1. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 2
tar-Regolament 2.5, dan l-Istandard jistabbilixxi r-rekwiżiti li
jiżguraw il-forniment ta’ sistema ta’ sigurtà finanzjarja rapida u
effettiva biex tassisti l-baħħara f’każ ta’ abbandun
tal-baħħara. 2. Għall-finijiet ta’ dan l-Istandard,
għandu jitqies li baħħar ġie abbandunat jekk, bi ksur
tar-rekwiżiti ta’ din il-Konvenzjoni jew tat-termini tal-ftehim dwar
l-impjieg tal-baħħara, sid il-bastiment: (a) jonqos milli jkopri l-ispejjeż
tar-ripatrijazzjoni tal-baħħar; jew (b) ma jipprovdix il-manteniment u
l-appoġġ meħtieġ lill-baħħar; jew (c) unilateralment jaqta' r-rabtiet tiegħu
mal-baħħar inkluż billi jonqos milli jħallas il-paga
kuntrattwali għal perjodu ta' mill-inqas xahrejn. 3. Kull Membru għandu jiżgura li
tiġi stabbilita sistema ta’ sigurtà finanzjarja li tissodisfa
r-rekwiżiti ta’ dan l-Istandard għal bastimenti li jtajru l-bandiera
tiegħu. Is-sistema tas-sigurtà finanzjarja tista’ tkun fil-forma ta’ skema
tas-sigurtà soċjali jew assigurazzjoni jew fond nazzjonali jew
arranġament ieħor simili. Il-forma għandha tiġi
ddeterminata mill-Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien
tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati. 4. Is-sistema tas-sigurtà finanzjarja għandha
tipprovdi aċċess dirett, kopertura suffiċjenti u assistenza
finanzjarja rapida, skont dan l-Istandard, lil kull baħħar abbandunat
li kien impjegat jew ingaġġat jew jaħdem f'kull kapaċità
fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ xi Membru. 5. Għall-finijiet ta' dan l-Istandard,
il-manteniment u l-appoġġ neċessarju
għall-baħħara għandu jinkludi: ikel adegwat, ilbies,
akkomodazzjoni, il-kura medika neċessarja u kostijiet jew spejjeż
raġonevoli oħra li jirriżultaw mill-abbandun. 6. Kull Membru għandu jirrikjedi li
l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, u li għalihom japplika
l-paragrafu 1 jew 2 tar-Regolament 5.1.3, jipprovdu evidenza dokumentata
tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-servizzi
tas-sigurtà finanzjarja.[3]
L-evidenza dokumentata għandha tintbagħat f’pożizzjoni
prominenti fl-akkomodazzjoni tal-baħħar. Jekk ikun hemm aktar minn
fornitur wieħed tas-servizzi tas-sigurtà finanzjarja li qed jipprovdi
kopertura, id-dokument ipprovdut minn kull fornitur għandu jinġarr
abbord. 7. L-evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja
għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa fl-Appendiċi
A2-I. Din għandha tkun bl-Ingliż jew akkumpanjata minn traduzzjoni
bl-Ingliż. 8. L-assistenza pprovduta mis-sistema tas-sigurtà
finanzjarja għandha tingħata minnufih fuq talba magħmula
mill-baħħar ikkonċernat jew f’ismu u għandha tkun
appoġġjata bil-ġustifikazzjoni tal-intitolament
meħtieġa skont il-paragrafu 2 hawn fuq. 9. Wara li jiġu kkunsidrati r-Regolamenti 2.2
u 2.5, l-għajnuna pprovduta mis-sistema tas-sigurtà finanzjarja
għandha tkun suffiċjenti biex tkopri li ġej: (a) il-pagi pendenti u l-intitolamenti l-oħra
dovuti minn sid il-bastiment lill-baħħar skont il-ftehim tagħhom
dwar l-impjieg, il-ftehim ta' negozjar kollettiv rilevanti jew il-liġi
nazzjonali tal-Istat tal-bandiera, b'limitu ta' erba’ xhur ta’ kull paga
pendenti u erba’ xhur ta’ intitolamenti pendenti; (b) l-ispejjeż kollha minfuqa
raġonevolment mill-baħħar, inklużi l-ispejjeż ta’
ripatrijazzjoni msemmija fil-paragrafu 10; u (c) l-ispejjeż tal-manteniment u
l-appoġġ meħtieġa li jirriżultaw mill-att jew
l-ommissjoni li jikkostitwixxu l-abbandun sakemm il-baħħar jasal
f’pajjiżu. 10. L-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni
għandhom ikopru l-ivvjaġġar b'mezzi xierqa u veloċi,
normalment bl-ajru, u jinkludu dispożizzjoni għall-ikel u
l-akkommodazzjoni tal-baħħara minn meta jħallu l-bastiment
sakemm jaslu lura f'pajjiżhom, il-kura medika neċessarja,
il-passaġġ u t-trasport tal-oġġetti personali u
l-ispejjeż jew il-kostijiet raġonevoli l-oħra kollha li
jirriżultaw mill-abbandun. 11. Jekk il-fornitur tal-assigurazzjoni jew ta'
sigurtà finanzjarja oħra għamel kull ħlas lil kwalunkwe
baħħar skont dan l-Istandard, dan il-fornitur għandu, sal-ammont
li jkun ħallas, jakkwista b’surroga, ċessjoni jew mod ieħor,
id-drittijiet li l-baħħar kien igawdi. 12. Xejn f’dan l-Istandard ma għandu
jippreġudika kwalunkwe dritt ta’ rikors tal-assiguratur jew tal-fornitur
tas-servizz tas-sigurtà finanzjarja kontra partijiet terzi. 13. Id-dispożizzjonijiet f’dan l-Istandard
mhumiex maħsubin biex ikunu esklussivi jew biex jippreġudikaw xi
drittijiet, talbiet jew rimedji oħra li jistgħu jkunu disponibbli
wkoll biex jikkumpensaw lill-baħħara li ġew abbandunati. Il-liġijiet
u r-regolamenti nazzjonali jistgħu jipprevedu li kwalunkwe ammonti
pagabbli skont dan l-Istandard jistgħu jiġu bbilaċjati kontra
ammonti riċevuti minn sorsi oħra li jirriżultaw minn kwalunkwe
dritt, talba jew rimedju li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens
skont dan l-Istandard.
B. Proposta relatati mal-Linja Gwida B2.5
Wara din il-Linja Gwida B2.5, jiżdiedu
l-intestatura u t-test li ġejjin:
Il-Linja Gwida B 2.5.3 — Sigurtà finanzjarja 1. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 8
tal-Istandard A2.5.2, jekk jinħtieġ żmien sabiex tiġi vverifikata
l-validità ta’ ċerti aspetti tat-talba tal-baħħar, dan ma
għandux iwaqqaf lill-baħħar jew ir-rappreżentant milli
jirċievu immedjatament din il-parti tal-assistenza mitluba kif inhi
rikonoxxuta bħala ġġustifikata.
C. Proposta għal appendiċi
ġdid Qabel l-Appendiċi A5-I, jiżdied
l-Appendiċi li ġej:
APPENDIĊI A2-I Evidenza tas-sigurtà finanzjarja skont
ir-Regolament 2.5(2) Iċ-ċertifikat jew[4] l-evidenza dokumentata
l-oħra msemmija fil-paragrafu 7 tal-Istandard A2.5.2, għandhom
jinkludu l-informazzjoni li ġejja: (a) l-isem tal-bastiment; (b) il-port tar-reġistrazzjoni tal-bastiment;
(c) is-sinjal tas-sejħa tal-bastiment; (d) in-numru IMO tal-bastiment; (e) l-isem u l-indirizz tal-fornitur tas-servizzi
tas-sigurtà finanzjarja; (f) id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni jew
l-entità responsabbli għall-immaniġġar tat-talbiet
għall-eżenzjoni tal-baħħara; (g) l-isem tas-sid tal-bastiment; (h) il-perjodu tal-validità tas-sigurtà
finanzjarja; u (i) attestazzjoni mill-awtorità kompetenti li
s-sigurtà finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istandard A2.5.2.
D. Proposti relatati mal-Appendiċi
A5-I, 5-II u 5-III[5]
1. Fl-aħħar
tal-Appendiċi A5-I, jiżdied il-punt li ġej:
Sigurtà finanzjarja għar-ripatrijazzjoni.
2. Fl-Appendiċi
A5-II, wara l-punt 14 taħt l-intestatura Dikjarazzjoni ta’ Konformità
tax-Xogħol Marittimu — Parti I, jiżdied il-punt li
ġej:
15. Sigurtà finanzjarja għar-ripatrijazzjoni
(ir-Regolament 2.5).
3. Fl-Appendiċi
A5-II, wara l-punt 14 taħt l-intestatura Dikjarazzjoni ta’ Konformità
tax-Xogħol Marittimu — Parti II, jiżdied il-punt li
ġej:
15. Sigurtà finanzjarja għar-ripatrijazzjoni
(ir-Regolament 2.5).
4. Fl-aħħar
tal-Appendiċi A5-III, jiżdied il-qasam li ġej:
Sigurtà finanzjarja għar-ripatrijazzjoni.
II — It-tieni sett ta’ proposti
konġunti: Proposta għal emendi fil-Kodiċi dwar ir-Regolament 4.2
tal-MLC, 2006 Din il-proposta tirrifletti l-prinċipji
li ġew adottati waqt id-Disa’ Sessjoni (bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu 2009)
tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO Konġunt dwar
ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment
Personali u l-Abbandun tal-Baħħara[6].
In-noti f’qiegħ il-paġna ta' din il-proposta huma
għall-informazzjoni biss u mhumiex parti minn din il-proposta
għat-test tal-emendi.
A. Proposti relatati mal-Istandard A4.2 1. F’din
l-intestatura, "Standard A4.2 - ir-Responsabbiltà tas-sid tal-bastiment”,
“A 4.2” tinbidel u ssir “A4.2.1”. 2. Wara
l-paragrafu 7 ta’ dan l-Istandard A4.2, jiżdied it-test li ġej:
8. Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali
għandhom jipprevedu li s-sistema ta’ sigurtà finanzjarja biex jiġi
żgurat kumpens kif provdut fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Istandard
għat-talbiet kuntrattwali, kif iddefinit fl-istandard A4.2.2, tissodisfa
r-rekwiżiti minimi li ġejjin: (a) il-kumpens kuntrattwali, jekk stabbilit
fil-ftehim tal-impjieg tal-baħħar u mingħajr preġudizzju
għal (c) hawn taħt, għandu jitħallas b’mod sħiħ u
mingħajr dewmien; (b) ma għandu jkun hemm l-ebda pressjoni li
jiġi aċċettat ħlas anqas mill-ammont kuntrattwali; (ċ) jekk in-natura tad-diżabbiltà
fit-tul ta’ baħħar tagħmilha diffiċli li jiġi evalwat
il-kumpens sħiħ li għalih il-baħħar jista’ jkun
intitolat, għandhom isiru pagament jew pagamenti interim
lill-baħħar sabiex tiġi evitata tbatija mhux xierqa; (d) skont il-paragrafu 2 tar-Regolament 4.2,
il-baħħar għandu jirċievi pagament mingħajr
preġudizzju għal drittijiet legali oħra, iżda dan
il-ħlas jista’ jiġi kkumpensat minn sid il-bastiment kontra kull
dannu li jirriżulta minn kull talba oħra magħmula mill-baħħar
kontra sid il-bastiment u li toriġina mill-istess inċident; (e) it-talba għal kumpens kuntrattwali tista’
titressaq direttament mill-baħħar ikkonċernat, jew il-qraba
tiegħu, jew rappreżentant tal-baħħar jew benefiċjarju
maħtur[7].
9. Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull
Membru għandhom jiżguraw li l-baħħara jirċievu
notifika minn qabel jekk is-sigurtà finanzjarja ta’ sid ta' bastiment
għandha tiġi kkanċellata u li jiġu nnotifikati minnufih
jekk din ma tistax tiġġedded. 10. Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull
Membru għandhom jiżguraw li l-Istat tal-bandiera jiġi nnotifikat
mill-fornitur tal-assigurazzjoni jekk is-sigurtà finanzjarja ta’ sid ta'
bastiment għandha tiġi kkanċellata, hekk kif tiġi
kkanċellata u f'nuqqas ta’ tiġdid. 11. Kull Membru għandu jirrikjedi li
l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jipprovdu evidenza dokumentata
tas-sigurtà finanzjarja maħruġa mill-fornitur tas-servizzi
tas-sigurtà finanzjarja. L-evidenza dokumentata għandu jkollha
pożizzjoni prominenti fl-akkomodazzjoni tal-baħħar. Jekk ikun
hemm aktar minn fornitur wieħed tas-servizzi tas-sigurtà finanzjarja li
qed jipprovdi kopertura, id-dokumenti pprovduti minn kull fornitur
għandhom jinġarru abbord. 12. Is-sigurtà finanzjarja għandha tipprovdi
għall-ħlas tat-talbiet kuntrattwali kollha koperti minnha li
jirriżultaw matul il-perjodu li matulu jkun validu d-dokument. 13. L-evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja
għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa fl-Appendiċi
A4-I. Għandha tkun bl-Ingliż jew akkumpanjata minn traduzzjoni
bl-Ingliż. Tiżdied l-intestatura li jmiss u t-test
li jsegwi dan l-Istandard A4.2:
Standard A4.2.2 — Trattament ta’ talbiet
kuntrattwali[8]
1. Għall-finijiet tal-Istandard A4.2.1 u
tal-Istandard preżenti, it-terminu "talba kuntrattwali" ifisser
kull talba relatata ma' mard, korriment jew mewt li jseħħ waqt li
l-baħħar jaqdi dmiru skont ftehim tal-impjieg tal-baħħara
jew li jirriżulta minn impjieg skont ftehim ta' dan it-tip. 2. Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Membru
għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti arranġamenti effettivi
sabiex it-talbiet kuntrattwali relatati mal-kumpens imsemmija fl-istandard
A4.2.1 jaslu, jiġu indirizzati u saldati imparzjalment permezz ta’
proċeduri rapidi u ġusti.
B. Proposti relatati mal-Linja Gwida B4.2
1. F’din
l-intestatura, "Linja Gwida B4.2 - ir-Responsabbiltà tas-sid
tal-bastiment”, “B4.2” tinbidel u ssir “B4.2.1”. 2. Fil-paragrafu 1
ta’ din il-Linja Gwida B4.2, “l-Istandard A4.2” tinbidel u ssir “l-Istandard
A4.2.1”.
3. Wara l-paragrafu
3 ta’ din il-Linja Gwida B4.2, tiżdied l-intestatura u t-test li
ġejjin:
Linja Gwida B4.2.2 — Trattament ta’ talbiet
kuntrattwali 1. Il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali
għandhom jipprevedu li l-partijiet għall-ħlas ta' talba
kuntrattwali jistgħu jużaw il-Mudell tal-Irċevuta u tal-Formola
ta’ Rilaxx stabbiliti fl-Appendiċi B4-I.
C. Proposti għal appendiċi
ġodda 1. Wara
l-Appendiċi A2-I, jiżdied l-Appendiċi li ġej:
APPENDIĊI A4-I Evidenza ta’ sigurtà finanzjarja skont
ir-Regolament 2.5(2) L-evidenza dokumentata tas-sigurtà finanzjarja
meħtieġa skont il-paragrafu 13 tal-Istandard A4.2.1, għandha
tinkludi l-informazzjoni li ġejja: (a) l-isem tal-bastiment; (b) il-port tar-reġistrazzjoni tal-bastiment;
(c) is-sinjal tas-sejħa tal-bastiment; (d) in-numru IMO tal-bastiment; (e) l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur/i
tas-sigurtà finanzjarja; (f) il-post tan-negozju tal-fornitur/i tas-sigurtà
finanzjarja; (g) l-isem tas-sid tal-bastiment; (h) il-perjodu tal-validità tas-sigurtà
finanzjarja; (i) attestazzjoni mill-awtorità kompetenti li
s-sigurtà finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Istandard.
2. Wara
l-Appendiċi A4-I, jiżdied l-Appendiċi li ġej:
APPENDIĊI B4-I Mudell tal-irċevuta u tal-formola ta’
rilaxx msemmija fil-Linja gwida B4.2.2 Bastiment: …………………………………………………………………………………………. Inċident: ……………………….………………………………………………………………… Baħħar/werriet legali u/jew dipendenti:
………………………….……………….…………..................................................... Sid tal-bastiment: …………………………………………………………………………………………. Jiena, [il-baħħar] [il-werriet legali
u/jew id-dipendenti tal-baħħar] * hawnhekk ngħarrfek li
rċevejt s-somma ta’ [il-munita u l-ammont] b’sodisfazzjon tal-obbligu
tas-sid tal-bastiment sabiex iħallas kumpens kuntrattwali għal
korriment personali u/jew mewt skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg
tal-baħħar/tiegħi u hawnhekk jien nirrilaxxa s-sid tal-bastiment
mill-obbligi tiegħu skont l-imsemmija termini u kundizzjonijiet. Il-ħlas isir mingħajr rikonoxximent tar-responsabilità
ta’ kwalunkwe talba u jiġi aċċettat mingħajr
preġudizzju għall-werriet legali tiegħi/tal-baħħar
u/jew id-dritt tad-dipendent li jsegwi kwalunkwe talba fil-liġi
fir-rigward ta’ negliġenza, tort jew kwalunkwe rimedju legali ieħor
disponibbli u li joriġina mill-inċident imsemmi hawn fuq. Bid-data: …………………………………………………………………………………………. Baħħar/werriet legali u/jew dipendenti:
…………………………………………………………………………………………. Firma:
…………………..……………………….……………………………………….......... Għar-rikonoxximent: Sid tal-bastiment/Rappreżentant tas-sid
tal-bastiment: Firma:
……………………….…………………………………………………………............ Assiguratur/Rappreżentant tal-assiguratur: Firma:
……………………….…………………………………………………………............___________________ *Aqta' fejn xieraq.
D. Proposti relatati mal-Appendiċi
A5-I, 5-II u 5-III[9]
1. Fl-aħħar
tal-Appendiċi A5-I, jiżdied il-punt li ġej:
Sigurtà finanzjarja relatata mar-responsabbiltà
tas-sidien tal-bastimenti.
2. Fl-Appendiċi
A5-II, wara l-punt 15 taħt l-intestatura Dikjarazzjoni ta’ Konformità
tax-Xogħol Marittimu — Parti I, jiżdied il-punt li
ġej:
16. Sigurtà finanzjarja relatata
mar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti (ir-Regolament 4.2)
3. Fl-Appendiċi
A5-II, wara l-punt 15 taħt l-intestatura Dikjarazzjoni ta’ Konformità
tax-Xogħol Marittimu — Parti II, jiżdied il-punt li
ġej:
16. Sigurtà finanzjarja relatata
mar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti (ir-Regolament 4.2)
4. Fl-aħħar
tal-Appendiċi A5-III, jiżdied il-qasam li ġej:
Sigurtà finanzjarja relatata mar-responsabbiltà tas-sidien
tal-bastimenti [1] ILO–IMO–WGPS/9/2009/10, Rapport finali, Grupp ta'
Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO konġunt dwar ir-Responsabbiltà u
l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment Personali u l-Abbandun
tal-Baħħara, id-Disa' Sessjoni. Ara: http://www.ilo.org/sector/activities/sectoral-meetings/WCMS_
161446/lang--en/index.htm. L-importanza ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma
bħala parti mis-segwitu tal-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol
Marittimu, 2006, kienet rikonoxxuta wkoll f’Riżoluzzjoni adottata fl-94
Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol meta ġiet adottata
l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006. Ara r-riżoluzzjoni dwar
il-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO konġunt dwar
ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment
Personali u l-Abbandun tal-Baħħara, il-Konferenza Internazzjonali
tax-Xogħol, ir-Rekord Provviżorju Nru 3-1 (Rev.), l-94 Sessjoni
(Marittima), Ġinevra, 2006, p. 3-1/16. Ara:
http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/WCMS_088130/lang--en/index.htm.
[2] It-titolu propost jistabbilixxi r-relazzjoni bejn
il-forniment ta’ sigurtà finanzjarja għar-ripatrijazzjoni fil-paragrafu 2
tar-Regolament 2.5, u l-kunċett ta’ abbandun, kif iddefinit fil-paragrafu
2 tal-Istandard A2.5.2 il-ġdid propost, (li qabel kien il-paragrafu 5
tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO
"prinċipji"). [3] Il-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO
Konġunt laħaq qbil fl-2009 li din il-parti għandha tiżdied
mal-lista ta’ oqsma suġġetti għall-kontroll mill-Istat tal-port
u għaldaqstant tkun kwistjoni li jiġu ċċertifikati
l-bastimenti li għandhom jiġu spezzjonati kif ukoll
iċċertifikati. Ara r-Rapport finali msemmi
fin-nota 1 hawn fuq, fil-paragrafu 106. It-terminu evidenza dokumentata kien intuża
biex jindirizza d-differenza fil-fehmiet dwar il-format preċiż ta’
din id-dokumentazzjoni li jagħti evidenza tas-sigurtà finanzjarja. Dan
il-kliem huwa konsistenti wkoll mal-approċċ adottat fil-Linji
gwida tal-ILO dwar l-ispezzjoni tal-Istat tal-Bandiera li tħejjew
fl-2008 permezz ta’ laqgħa tripartitika internazzjonali ta’ esperti. [4] Kif innotat hawn fuq,
fil-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO Konġunt kien hemm xi
opinjonijiet differenti, fir-rigward tal-format għall-evidenza ta’ din
is-sigurtà. Ġie propost il-kliem “jew” sabiex jipprovdi flessibbiltà [5] Kif indikat hawn fuq fin-nota
3, il-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO Konġunt qabel li
dawn ir-rekwiżiti jkunu inklużi fis-sistema
taċ-ċertifikazzjoni tal-bastiment. [6] ILO–IMO–WGPS/9/2009/10,
Rapport finali, Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO konġunt
dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment
Personali u l-Abbandun tal-Baħħara, id-Disa' Sessjoni. L-importanza
ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma bħala parti mis-segwitu tal-adozzjoni
tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, kienet rikonoxxuta wkoll
f’Riżoluzzjoni adottata fl-94 Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali
tax-Xogħol meta ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol
Marittimu, 2006. Ara r-riżoluzzjoni dwar il-Grupp ta' Ħidma ta'
Esperti Ad Hoc IMO/ILO konġunt dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens relatati
mat-Talbiet dwar Mewt, Korriment Personali u l-Abbandun tal-Baħħara,
il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, ir-Rekord Provviżorju
Nru 3-1 (Rev.), l-94 Sessjoni (Marittima), Ġinevra, 2006,
p. 3-1/16. Ara:
http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/WCMS_088130/lang--en/index.htm. [7] Il-kliem li kien jinsab
fil-prinċipji li ġew proposti mill-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti
Ad Hoc IMO/ILO Konġunt (ara r-Rapport finali, imsemmi fin-nota 6 hawn fuq,
fil-paragrafi 149-152 u l-Appendiċi II, “prinċipji” fil-paragrafu 4),
ġie aġġustat għal raġunijiet ta’ abbozzar legali.
Għalkemm it-test jidher li kien is-suġġett ta’ ftehim (ara
l-paragrafu 152), il-kelliem għall-grupp tal-baħħara talab li
l-paragrafu jitqiegħed f’parenteżi kwadri (ara l-paragrafu 151). Ta’ min jinnota li din il-proposta ma fihiex
parenteżi kwadri [8] Il-prinċipji proposti
mill-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti Ad Hoc IMO/ILO koprew żewġ
kwistjonijiet. Ara r-Rapport finali, imsemmi fin-nota 6 hawn fuq, fil-paragrafi
133-134. [9] Il-Grupp ta' Ħidma ta'
Esperti Ad Hoc IMO/ILO laħaq qbil fl-2009 li din il-parti għandha
tiżdied mal-lista ta’ oqsma suġġetti għall-kontroll
mill-Istat tal-port u għaldaqstant tkun kwistjoni li jiġu
ċċertifikati l-bastimenti li għandhom jiġu spezzjonati kif
ukoll iċċertifikati. Ara r-Rapport finali msemmi fin-nota 1 hawn fuq,
fil-paragrafu 126. Dan il-kliem huwa konsistenti wkoll mal-approċċ
adottat fil-Linji gwida tal-ILO dwar l-ispezzjoni tal-Istat tal-Bandiera
li tħejjew fl-2008 permezz ta’ laqgħa tripartitika internazzjonali
ta’ esperti. Ara:
http://www.ilo.org/global/standards/maritime-labour-convention/WCMS_101788/lang--en/
index.htm