EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0085

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew

/* COM/2014/085 final - 2014/0043 (NLE) */

52014PC0085

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew /* COM/2014/085 final - 2014/0043 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Sfond

It-turiżmu jirrappreżenta t-tielet l-akbar attività soċjoekonomika fl-UE f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjoni għall-PDG u l-impjiegi, wara s-setturi tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni u tal-kostruzzjoni. Huwa wieħed mill-ftit setturi ekonomiċi li jirreġistraw tkabbir kontinwu, minkejja diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, u li għaldaqstant għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għal “Ewropa 2020”, l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE għal ekonomija tal-UE li tkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiva.

B’madwar 1.8 miljun negozju, fil-parti l-kbira tagħhom SMEs, dan is-settur[1] jimpjega madwar 3.3 % tal-forza tax-xogħol tal-UE (madwar 8 miljun impjieg) u jiġġenera madwar 2.9 % tal-PDG tal-UE. Meta wieħed iqis is-setturi marbuta miegħu[2], il-kontribuzzjoni indiretta tiegħu hija saħansitra akbar: huwa stmat li jipprovdi madwar 8.5 % tal-impjiegi kollha (kważi hemm 18.8 miljun impjegat) u jiġġenera madwar 7.9 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea[3]. Minkejja l-kompetizzjoni li dejjem tiżdied minn reġjuni oħra tad-dinja, l-UE tinsab fl-ewwel post bħala destinazzjoni tat-turisti, bi 384.8 miljun wasla internazzjonali fl-2011[4].

Bl-adozzjoni tat-Trattat ta' Liżbona, l-UE issa ngħatat il-kompetenza li tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fis-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f’dan is-settur[5].

B’reazzjoni għas-setgħat il-ġodda li ngħatawlha u l-bżonn li hemm għal miżuri ġodda biex jistimulaw it-tkabbir tal-UE, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fl-2010 dwar qafas politiku ġdid għat-turiżmu fl-Ewropa.[6] Dan il-qafas jiddeskrivi sett ambizzjuż ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li (a) jistimulaw il-kompetittività fis-settur tat-turiżmu Ewropew; (b) jippromovu l-iżvilupp ta’ turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità għolja; (c) isaħħu d-dehra u l-profil tal-Ewropa bħala l-post għal destinazzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità għolja; u (d) iżidu l-potenzjal tal-politiki tal-UE u tal-istrumenti finanzjarji għall-iżvilupp tat-turiżmu.

L-Azzjoni 13 tal-Komunikazzjoni b’mod espliċitu tipprevedi l-iżvilupp tat-Tikketta Ewropea tat-Turiżmu ta' Kwalità, “ibbażat fuq l-esperjenza nazzjonali eżistenti, biex tiżdied is-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti tat-turiżmu u jiġu ppremjati l-isforzi rigorużi mill-professjonisti fit-turiżmu li l-għan tagħhom huwa l-kwalità tas-servizz tat-turiżmu għas-sodisfazzjon tal-konsumatur”.

Fir-reazzjoni tiegħu għal din il-Komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni "[…] biex tevalwa, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati fit-turiżmu, il-fattibilità ta' tikketta Ewropea tat-turiżmu ta' kwalità, […] sabiex toħloq tikketta ġenerika li tkun komplementari għat-tikketti nazzjonali u tkun rikonoxxuta fuq bażi ta' inklużjoni fakultattiva." [7] L-istudju tal-2009 dwar il-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu tal-UE sab li għalkemm l-għadd totali tal-wasliet internazzjonali fl-Ewropa għadu qed jikber, dan l-aħħar l-Ewropa bdiet titlef is-sehem tas-suq minħabba destinazzjonijiet emerġenti ġodda madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni, l-internet u l-imġiba tal-konsumatur li qed tinbidel b'pass mgħaġġel, kif ukoll it-tħassib li dejjem jiżdied dwar l-impronta ambjentali tal-attivitajiet turistiċi għandhom impatt qawwi fuq l-industrija.[8]

F’suq bħal dan li kull ma jmur isir dejjem aktar kompetittiv, is-sinifikat tal-kwalità twessa’ għan-negozji tat-turiżmu, li qegħdin isiru dejjem aktar konxji mill-importanza tal-kwalità bħala sors ta’ vantaġġ kompetittiv. Għaldaqstant, l-aċċess għal informazzjoni affidabbli, aġġornata, preċiża u rilevanti dwar il-kwalità ta' servizz partikolari tat-turiżmu huwa importanti għat-turisti sabiex ikunu jistgħu jiddistingwu bejn prodotti konkorrenti u sabiex jagħmlu għażla infurmata.

Dan jista’ jkun aċċentwat b’mod partikolari fil-każ ta’ turisti li jaslu minn Stat Membru ieħor tal-UE, fejn jista' jkun hemm aktar inċertezzi minħabba diffikultajiet lingwistiċi, meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli f’lingwa li jifhem il-konsumatur.

Barra minn hekk, minħabba l-kriżi ekonomika attwali, l-UE għandha tagħmel dak kollu li tista' sabiex tattira viżitaturi minn pajjiżi terzi. Li jiġi żgurat li dawn il-viżitaturi jistgħu joqogħdu fuq livell ta' servizz ta' ċertu kwalità madwar l-UE kollha kemm hi huwa ta' importanza kbira.

L-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi dwar il-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu għandha rwol biex tattira viżitaturi minn pajjiżi terzi; din għandha potenzjal enormi u li s'issa mhuwiex sfruttat biex tagħti spinta lill-wasliet tat-turisti fid-destinazzjonijiet tal-UE u li ttejjeb il-kompetittività tat-turiżmu tal-UE. Fl-2011 l-infiq tal-viżitaturi barranin ammonta għal EUR 330.44 biljun. Skont l-aħħar stimi dawn iċ-ċifri x'aktarx li jiżdiedu sa 20.4 miljun impjieg u EUR 427.31 biljun fl-2022[9].

Għaldaqstant, l-inizjattiva attwali għandha titqies ukoll fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Kummissjoni li timmarka lill-Ewropa f’pajjiżi terzi[10] u fi ħdan din l-inizjattiva “Destinazzjoni Ewropa 2020”[11], kif ukoll il-politika tal-viża tal-UE[12] li tiffaċilita l-ivvjaġġar ta' persuni mhux nazzjonali tal-UE lejn l-UE[13] biex tgħin lill-Ewropa tibqa’ fl-ewwel post fid-dinja bħala destinazzjoni tat-turisti.

1.2         Il-qagħda attwali

Bħalissa m’hemm l-ebda leġislazzjoni speċifika fil-livell tal-UE li tirregola l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi dwar il-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu.[14]

Ċerti għodod ta’ informazzjoni eżistenti, bħal websajts ta' evalwazzjoni u ta' tqabbil li jinsabu onlajn, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom kemm-il darba dawn ikollhom informazzjoni trasparenti u affidabbli.

Ċerti Stati Membri jħaddmu skemi ta' kwalità pubbliċi nazzjonali, subnazzjonali jew reġjonali fit-territorji tagħhom fuq bażi volontarja. Hemm ukoll varjetà wiesgħa ta’ inizjattivi tal-industrija fil-livelli reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, li jiffokaw l-iktar fuq l-aspetti tal-kwalità tas-servizz li huma speċifiċi għas-subsetturi tat-turiżmu rispettivi jew għaż-żona ġeografika tagħhom.

Kif ġie kkonfermat mill-analiżi tas-suq li twettqet fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-alternattivi tal-politika li takkumpanja din il-proposta[15], dawn l-iskemi tal-kwalità juru diversità sinifikanti u għaldaqstant ftit li xejn konsistenza meta mqabbla mal-ambitu settorjali, il-kopertura ġeografika, il-governanza, il-metodoloġija tal-valutazzjoni u l-kriterji tal-evalwazzjoni tagħhom.

L-għadd kbir u d-diversità tal-iskemi ta' kwalità privati u pubbliċi jirriżultaw f’suq frammentat ħafna f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizz tat-turiżmu.

B'konsegwenza ta’ din il-frammentazzjoni, it-turisti transkonfinali ma jingħatawx informazzjoni konsistenti sabiex jifhmu b'mod faċli x'jirrappreżentaw id-diversi skemi tal-kwalità u jiddistingwu bejn is-servizzi konkorrenti. Dan iwassal għal konfużjoni. Min-naħa tagħha, din il-konfużjoni tillimita l-kapaċità tal-iskemi tal-kwalità biex jinfurmaw b’mod effettiv lill-konsumaturi dwar il-livell tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu offruti, u dan idgħajjef l-abbiltà tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati b'mod partikolari meta jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor jew minn pajjiżi terzi. Għalhekk, dan ma jippremjax (possibilment b’għażliet aktar favorevoli jew b'reputazzjoni aħjar) lil dawk in-negozji li jinvestu fil-kwalità. Din is-sitwazzjoni tiskoraġġixxi lill-industrija, b’mod partikolari l-SMEs b’riżorsi finanzjarji limitati, jagħmlu dan. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tat-turiżmu tal-UE ma tistax tisfrutta bis-sħiħ il-vantaġġ kompetittiv tagħha fil-kwalità tas-servizz u tissodisfa l-potenzjal ekonomiku tagħha billi żżid il-viżibbiltà tal-kwalità tas-servizz tagħha. Il-partijiet interessati tat-turiżmu s’issa ma rnexxilhomx jikkooperaw fuq il-livell tal-UE biex inaqqsu l-inkonsistenza madwar l-UE bejn l-iskemi tal-kwalità eżistenti jew dawk tal-ġejjieni u m’hemmx indikazzjonijiet li se titfaċċa xi inizjattiva privata jew pubblika li ttejjeb din is-sitwazzjoni. Għaldaqstant hemm bżonn urġenti li l-frammentazzjoni tas-suq tiġi indirizzata f'bosta livelli. Il-frammentazzjoni eżistenti fost is-sistemi tal-evalwazzjoni tal-kwalità tiġġenera konfużjoni u tista' taffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tat-turiżmu Ewropew.

2.           IR-RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Proċess ta’ konsultazzjoni

Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2010, il-Kummissjoni bdiet tiġbor l-informazzjoni dwar l-iskemi tal-kwalità eżistenti bl-għajnuna tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati tal-industrija. Ġew organizzati żewġ sessjonijiet ta' ħidma matul l-2011 għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-esperjenzi eżistenti u għall-iskambju ta' ideat dwar il-prinċipji komuni possibbli tal-kwalità għas-servizzi tat-turiżmu. Kmieni fl-2011, il-Kummissjoni waqqfet grupp informali ta' esperti bil-parteċipazzjoni ta’ maniġers ta’ skemi tal-kwalità pubbliċi u privati eżistenti u rappreżentanti tal-konsumaturi biex jipprovdi għajnuna fl-iżvilupp ta’ kunċett ta' abbozz. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati li ħadu sehem fis-sessjonijiet ta' ħidma u l-grupp informali ta' esperti qablet li l-inizjattiva tal-UE għandha ssegwi approċċ minn isfel għal fuq, u li filwaqt li tirrikonoxxi l-inizjattivi eżisteni u dawk tal-ġejjieni tal-Istati Membri u tal-industrija, tkompli tibni fuqhom. Madankollu, fir-rigward ta’ x'għandhom jinkludu l-prinċipji komuni, il-partijiet interessati esprimew opinjonijiet varji. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali fil-prinċipji kkawżat ukoll xi reazzjonijiet differenti fost il-partijiet interessati.

Saret konsultazzjoni mmirata f’Settembru-Ottubru 2011, li kellha l-għan li tara x'inhuma l-opinjonijiet ta’ ċirku usa’ tal-partijiet interessati, li jinkludi l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet tat-turiżmu ewlenin Ewropej, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija relatati, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Din il-konsultazzjoni pproduċiet l-istess riżultati f'dak li jirrigwarda l-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati bħas-sessjonijiet ta' ħidma deskritti hawn fuq.

L-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll matul il-laqgħat regolari tal-Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu u esprimew opinjonijiet differenti: xi Stati Membri esprimew appoġġ qawwi għall-inizjattiva, filwaqt li ma qablux li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiġu obbligati jipparteċipaw fil-governanza ta' inizjattiva tal-UE bħal din, l-aktar minħabba n-nonkonformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-restrizzjonijiet tal-bażi legali, kif ukoll minħabba riżorsi limitati tal-awtoritajiet nazzjonali.

Sabiex titwessa' aktar il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u jkun hemm aktar speċjalizzazzjoni, f'Jannar 2013, il-Kummissjoni organizzat konferenza miftuħa. Id-dokumentazzjoni u r-rapport ta' din il-konferenza huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[16]. Id-diskussjonijiet fil-Konferenza ma rriflettew l-ebda bidla fl-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati pubbliċi u dawk privati.

Saret konsultazzjoni pubblika bejn Mejju u Lulju 2012 permezz ta’ “Leħnek fl-Ewropa” (Your Voice in Europe), il-websajt tad-DĠ Intrapriża u Industrija fuq Europa u l-posta elettronika mibgħuta lil firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati privati u pubbliċi kif ukoll rappreżentanti mill-Istati Membri. L-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet professjonali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kienu jammontaw għal 90 % tal-parteċipanti li wieġbu, aktar minn 150 parteċipant. L-10 % l-oħra kienu l-intrapriżi tat-turiżmu, li żewġ terzi minnhom ipparteċipaw fi skema tal-kwalità. It-trejdjunjins tat-turiżmu u r-rappreżentanti tal-konsumaturi kienu involuti wkoll b’mod attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu qablu mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tal-problema u mal-bżonn li jkun hemm inizjattiva mill-UE f’dan il-qasam. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika huma ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni[17].

Fil-qafas tal-valutazzjoni tal-alternattivi tal-politika, sar studju ta' sfond fuq l-esperjenza tan-negozji fil-parteċipazzjoni fi skema tal-kwalità, fejn l-input tal-maniġers ta' kampjun rappreżentattiv tal-iskemi tal-kwalità eżistenti u n-negozji membri tagħhom ipprova għarfien utli għall-valutazzjoni tal-impatti tal-inizjattiva proposta.[18]

2.2         Valutazzjoni tal-alternattivi tal-politika

Il-Kummissjoni vvalutat id-diversi alternattivi tal-politika bil-għan li ttejjeb il-konsistenza fost l-iskemi tal-kwalità eżistenti u dawk tal-ġejjjieni u b'konsegwenza t'hekk l-informazzjoni li tiġi pprovduta lill-konsumaturi.

B’kollox ġew ikkunsidrati seba’ alternattivi tal-politika u fosthom erbgħa ġew eżaminati fil-valutazzjoni. Dawn jinkludu l-alternattiva tal-ebda bidla fil-politika, l-aternattiva awtoregolatorja mmexxija mill-industrija u żewġ alternattivi li jinvolvu l-intervent mill-UE. L-aħħar żewġ alternattivi eżaminaw l-impatti tal-possibbiltà li fil-kunċett jiġu inklużi ċerti prinċipji, bħal dawk relatati ma’ aspetti ta’ sostenibbiltà ambjentali. L-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali stmati ta' kull alternattiva ġew ivvalutati abbażi tal-effikaċja tagħhom biex jissodisfaw l-objettivi tal-politika, il-kosteffiċjenza tagħhom u l-konsistenza tagħhom ma’ politiki oħra tal-UE.

Il-valutazzjoni tat attenzjoni partikolari għall-fatt li, l-parteċipazzjoni mill-industrija kemm fl-alternattiva li tipproponi l-awtoregolamentazzjoni kif ukoll f'dik li tipproponi l-intervent mill-UE tista’ tkun volontarja. Ingħatat ukoll attenzjoni bir-reqqa lill-konservazzjoni tal-uniċità u d-diversità li joffri t-turiżmu Ewropew, speċjalment fid-dawl tal-varjetà kbira tas-subsetturi tat-turiżmu li għalihom jistgħu japplikaw il-prinċipji tal-kwalità tas-servizz Ewropew.

Il-valutazzjoni ma tikkonkludix dwar alternattiva favorevoli waħda biss peress li t-tqabbil tal-alternattivi wera li l-effikaċja, l-effiċjenza u l-konsistenza kemm għall-alternattiva li tinkludi biss prinċipji relatati mal-kwalità tas-servizz kif ukoll għall-alternattiva li testendi l-informazzjoni għal aspetti oħra, bħas-sostenibbiltà ambjentali kienu ugwali.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1         Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 195 u 292 tat-TFUE.

3.2         Prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

L-Artikolu 195 tat-TFUE jistipula li l-UE għandha “tikkomplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fis-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari billi tippromwovi l-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni f’dan is-settur”. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE proposta tkun ta’ natura volontarja. L-inizjattiva proposta ma telimina l-ebda inizjattiva eżistenti li ġiet stabbilita mill-Istati Membri jew mill-industrija.

Ir-raġuni għalfejn tinħtieġ azzjoni tal-UE hija minħabba n-natura transnazzjonali tal-problema. Dan iseħħ f'ambjent transkonfinali fejn is-servizz tat-turiżmu jiġi pprovdut f’pajjiż fejn it-turist mhuwiex resident, biex b'hekk jiġi llimitat il-valur miżjud li l-iskemi tal-kwalità jistgħu jipprovdu għall-vjaġġaturi transkonfinali, aktar u aktar meta dawn il-vjaġġaturi jkunu ġejjin minn barra l-UE.

Is-sitwazzjoni attwali (deskritta taħt 1.2) dwar l-evalwazzjoni tas-servizz tal-kwalità tat-turiżmu fl-Ewropa mhijiex tgħin biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fl-industrija tal-UE. L-inkonsistenza tal-iskemi ta' evalwazzjoni tal-kwalità għas-servizzi tat-turiżmu fil-livell nazzjonali u dak reġjonali qiegħda tħawwad (tikkonfondi?) lill-konsumaturi u qed toħloq ostakoli għas-suq intern.

Il-poter u l-ambitu huma limitati u ma jippermettux lill-Istati Membri individwali jaġixxu waħidhom sabiex jippruvaw itejbu l-konsistenza tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu offruti madwar l-UE. S'issa l-Istati Membri għadhom ma bdew l-ebda koordinazzjoni transkonfinali tal-prinċipji tal-kwalità tat-turiżmu u ma hemm l-ebda indikazzjoni li se jagħmlu dan fil-futur. Minħabba l-għadd baxx ta' skemi pubbliċi eżistenti fil-livell nazzjonali fil-preżent, din il-kooperazzjoni xorta kieku? ma tirriżultax f’kooperazzjoni transkonfinali fuq skala kbira. Barra minn hekk, bħalissa l-Istati Membri individwali mhux qegħdin f'pożizzjoni li jtejbu l-konsistenza bejn skemi privati minn Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa u ġustifikata.

Barra minn hekk, l-azzjonijiet imwettqa mill-industrija, anke fil-livell transnazzjonali huma limitati għal subsetturi speċifiċi (jew forsi għal dawk il-ftit li huma relatati), iżda ma għandhomx ambitu li huwa orizzontali fil-veru sens tal-kelma. Dan iwassal biex tingħata informazzjoni inkonsistenti lill-konsumaturi u jillimita s-setgħa informattiva tal-iskemi tal-kwalità u n-negozji membri tagħhom f'kuntest transkonfinali intra-UE u fir-rigward ta' vjaġġaturi minn pajjiżi terzi. Din is-sitwazzjoni mhijiex mistennija tinbidel, u teħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE.

Għal raġunijiet ta’ kobor, l-UE tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-problemi ta’ frammentazzjoni settorjali u ġeografika deskritti hawn fuq. Qafas tal-UE li jfittex l-interess ġenerali li jippromwovi l-kompetittività tat-turiżmu tal-Unjoni jkun aktar effettiv f’dak li jirrigwarda l-viżibbiltà u l-kredibbiltà transkonfinali. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi kkomplementat ix-xogħol li diġà sar mill-atturi pubbliċi u privati tat-turiżmu, u jinħoloq u jiġi nkoraġġut ambjent favorevoli għalihom biex jikkombinaw l-isforzi tagħhom. Il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew jistgħu jiġu promossi aħjar b’azzjoni tal-UE, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fir-rigward tal-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi, bħala parti minn strateġija globali promozzjonali tal-UE fil-qasam tat-turiżmu. Il-valur miżjud ta’ azzjoni koordinata fuq skala kbira fil-livell tal-UE ġie kkonfermat minn maġġoranza kbira tal-partijiet interessati.

Finalment, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. L-inizjattiva ġiet żviluppata bl-għan li tillimita l-ispejjeż għal dak li hu neċessarju biex jinkisbu l-objettivi tal-politika. L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kwalità proposti prinċipalment teħtieġ bidla organizzattiva, li tinvolvi investimenti limitati, li huma mistennija li jiġu bbilanċjati mill-benefiċċji li jirriżultaw minn konsumaturi aktar sodisfatti u minn azzjonijiet kumplimentari tal-UE.

Sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-Istati Membri jkunu rrispettati, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkoordinaw, jimmonitorjaw u jippromwovu l-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew fit-territorji rispettivi tagħhom, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Ma’ dawn il-miżuri l-proposta debitament tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.3         Deskrizzjoni qasira tal-proposta

3.3.1    Suġġett u Objettivi

Il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew stipulati f'din il-proposta huma applikabbli għas-servizzi tat-turiżmu offerti fl-Unjoni direttament lill-konsumaturi u huwa rrakkomandat li jiġu segwiti mill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li jipprovdu servizzi fil-qasam tat-turiżmu.

L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi, speċjalment lil dawk li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor jew li jiġu minn pajjiż terz, dwar il-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu, u b'hekk tagħti l-opportunità lil dawk il-konsumaturi li jagħtu importanza lill-kwalità sabiex jagħmlu għażliet informati aħjar. Din min-naħa tagħha ssaħħaħ l-inċentivi għan-negozji tat-turiżmu tal-UE, b'mod partikolari għall-SMEs, biex ikomplu jinvestu fil-kwalità. Għandha l-għan li ttejjeb il-konsistenza fil-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu fil-livell tal-UE billi tistabbilixxi prinċipji Ewropej li l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu jkollhom jikkonformaw magħhom. Dawn il-prinċipji joriġinaw mill-kriterji proposti mill-partijiet interessati u ġew ivvalutati fil-konsultazzjoni miftuħa.

F’termini operattivi, l-għan huwa li sa meta tiġi riveduta l-inizjattiva jkun hemm għadd sinifikanti ta' organizzazzjonijiet tat-turiżmu fl-UE li jsegwu l-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew.

Il-valur miżjud tal-inizjattiva se jkun fuq diversi livelli: a) l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu li jsegwu dawn il-Prinċipji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn azzjoni ta' promozzjoni u ta' sensibilizzazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Dan iwassal għal aktar viżibilità, li jtejjeb il-kapaċità tagħhom biex jilħqu lill-konsumaturi u jipprovdulhom il-possibbiltà li jestendu l-attivitajiet tagħhom għal swieq li kieku ma setgħux jilħqu, b’mod partikolari f’pajjiżi terzi; b) Għall-konsumaturi, il-valur miżjud se jkun is-serħan tal-moħħ li ċerti prinċipji tal-kwalità Ewropej se jkunu ssodisfati, ikun liema jkun l-Istat Membru li jmorru jżuru. Fl-aħħar nett, l-iffukar u l-enfasi fuq il-kwalità għolja tas-servizzi tat-turiżmu Ewropew se jikkontribwixxu għall-istrateġija ġenerali tal-UE għat-titjib tal-flussi tat-turiżmu ta' vjaġġaturi fi ħdan l-Ewropa u barra minnha, u jikkomplementaw l-isforzi għall-iffaċilitar tar-rekwiżiti tal-viża għal turisti minn pajjiżi terzi kif ukoll l-immarkar tal-Ewropa bħala pakkett ta’ destinazzjonijiet sostenibbli u ta’ kwalità għolja.

Fl-aħħar nett, dan se jikkontribwixxi għall-kompetittività mtejba tas-settur u se jagħti spinta 'l quddiem lill-kapaċità tiegħu biex joħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi, għall-benefiċċju tal-Istati Membri u tal-ekonomija globali tal-UE.

3.3.2    L-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew

Ambitu settorjali u ġeografiku

Sabiex tinkiseb konsistenza aħjar tal-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu madwar l-UE, il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew jistgħu jiġu applikati, mingħajr restrizzjoni subsettorjali, għal dawk l-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati kollha tat-turiżmu li joperaw f'livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew transnazzjonali, li joffru servizzi tat-turiżmu lill-konsumaturi fl-Unjoni.

Koordinazzjoni, monitoraġġ, u promozzjoni

B'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri se jiġu mistiedna jikkoordinaw, jissorveljaw u jippromovu l-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew fir-rigward tat-territorji tagħhom.

L-Istati Membri se jiġu rrakkomandati wkoll li jikkoperaw bejniethom fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet tat-turiżmu transnazzjonali. Huma se jiġu mistiedna wkoll biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-qafas ta’ Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu, sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-inizjattiva, li tista’ ssir, fost l-oħrajn, permezz ta' stħarriġiet apposta fost l-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-industrija u l-konsumaturi.

Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) 2014-2020, jistabbilixxi l-objettiv speċifiku li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-qafas tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà tal-intrapriżi tal-Unjoni fis-settur tat-turiżmu. Bl-objettiv li jtejjeb l-immaġni u l-profil tal-Ewropa bħala destinazzjoni sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità għolja, il-Kummissjoni se twettaq attivitajiet ta' informazzjoni, komunikazzjoni u promozzjoni, inkluż il-ħolqien ta’ websajt apposta li tipprovdi informazzjoni dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew. Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-iskambju tal-aħjar prassi u esperjenzi.

3.3.3    Evalwazzjoni

Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hija prevista tliet snin wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk humiex meħtieġa miżuri ulterjuri sabiex tittejjeb il-kwalità konsistenti tas-servizz fil-qasam tat-turiżmu.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Tista' tiġi prevista allokazzjoni baġitarja xierqa għall-promozzjoni tal-Prinċipji ta' Kwalità tat-Turiżmu Ewropew, permezz tal-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)[19].

2014/0043 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 195 u 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Ġunju 2010 "Europe, the world’ s No 1 tourist destination – a new political framework for Europe"[20] il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn li jiġi promoss l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità għolja, bħala parti mill-objettiv ġenerali li l-Unjoni tiġi promossa fil-pajjiżi terzi bħala ġabra ta' destinazzjonijiet ta' kwalità għolja.

(2)       Il-promozzjoni ta' prestazzjonijiet ambjentali tajbin tal-akkomodazzjonijiet tat-turiżmu u ta' s-siti tal-kampjiet u l-aħjar prassi ambjentali tal-maniġment tas-settur tat-turiżmu huma diġà speċifikament indirizzati fil-livell tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[21] u permezz tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[22].

(3)       Fl-Unjoni diġà teżisti varjetà wiesgħa ta’ skemi ta’ kwalità pubbliċi u privati, bil-għan li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi tat-turiżmu u l-professjonisti fil-qasam tat-turiżmu tingħatalhom gwida. Dawn l-iskemi juru diversità sinifikanti fl-ambitu, fil-governanza, fil-metodoloġija u fil-kriterji. Barra minn hekk, il-ħidma tagħhom hija limitata għal ċerti subsetturi jew żoni ġeografiċi, u dan jirriżulta f’ambjent frammentat ħafna fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizz tat-turiżmu.

(4)       Minħabba din il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta’ valutazzjoni konsistenti fl-iskemi tal-kwalità eżistenti, il-konsumaturi li jivvjaġġaw b'mod transkonfinali fi ħdan l-Unjoni jew lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi jistgħu jsibuha diffiċli li jitqabblu s-servizzi koperti minn skemi ta’ kwalità differenti. Dan in-nuqqas ta’ konsistenza jillimita l-kapaċità tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet kompletament infurmati.

(5)       Minħabba n-nuqqas ta’ valutazzjoni konsistenti tal-iskemi tal-kwalità eżistenti, in-negozji tat-turiżmu s’issa kellhom kapaċità limitata biex jiksbu l-viżibbiltà vis-à-vis il-konsumaturi u biex jibbenefikaw minn azzjonijiet koordinati. Dan huwa speċjalment veru fil-każ tal-intrapriżi mikro u dawk żgħar li ta' spiss ma jkollhomx l-għodod u riżorsi adegwati biex jippromwovu lilhom infushom u s-servizz ta’ kwalità għolja li jipprovdu.

(6)       Sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu, huwa meħtieġ li n-negozji tat-turiżmu tal-Unjoni jsiru attraenti għal ċittadini ta' pajjiżi terzi.

(7)       Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi definit sett ta' Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmui Ewropew rikonoxxut mill-konsumaturi u l-industrija.

(8)       Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm koperatura tal-akbar firxa possibbli tas-subsetturi tat-turiżmu u fl-istess ħin titħares id-diversità li joffri t-turiżmu tal-Unjoni, il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew għandhom ikunu ta’ natura ġenerali, iżda joffru valur miżjud skont l-aspettattivi tal-konsumaturi għal servizzi tat-turiżmu ta' kwalità għolja.

(9)       Sabiex jiġi żgurat il-forniment sodisfaċenti tas-servizzi tat-turiżmu, huwa meħtieġ li jingħata taħriġ adegwat lill-impjegati rilevanti dwar il-kompiti ddelegati lilhom. L-istess raġuni teħtieġ li t-taħriġ li l-impjegati jkunu attendew jiġi rreġistrat f’reġistru ta’ taħriġ.

(10)     Sabiex jiġi ffaċilitat it-titjib kontinwu tal-kwalità tas-servizz tat-turiżmu biex jiġu sodisfati r-rekwiżiti tal-konsumaturi, huwa importanti li jsiru stħarriġiet fost il-konsumaturi u jiġi żgurat li l-ilmenti jiġu ttrattati.

(11)     Sabiex jiġu promossi l-awtentiċità u d-diversità li joffri t-turiżmu tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni aġġornata dwar id-dwana lokali, il-patrimonju, it-tradizzjonijiet, is-servizzi u l-prodotti.

(12)     Sabiex titjieb is-sensibilizzazzjoni dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew, u b'konsegwenza t'hekk tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi, huwa importanti li l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni u gwida relatati ma' dawk il-Prinċipji.

(13)     Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew fit-territorji tagħhom kif ukoll il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw, jimmonitorjaw u jippromwovu l-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew b’mod trasparenti.

(14)     Sabiex jiġi żgurat li l-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew jiġu applikati fuq bażi volontarja mill-organizzazzjonijiet tat-turiżmu li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed (organizzazzjonijiet transnazzjonali), huwa neċessarju li l-Istati Membri jikkooperaw flimkien fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew minn dawk l-organizzazzjonijiet.

(15)     Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew u tal-koordinazzjoni, monitoraġġ u promozzjoni tagħhom fl-Unjoni kollha kemm hi, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu skambju tal-informazzjoni u tal-esperjenzi. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dan l-iskambju ta’ informazzjoni.

(16)     Sabiex tiġi kkomplementata l-azzjoni tal-Istati Membri fil-promozzjoni tal-kompetittività tas-settur tat-turiżmu, huwa importanti li l-konsumaturi jiġu infurmati u ssensibilizzati dwar il-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew permezz ta' azzjonijiet ta' promozzjoni u ta' informazzjoni fi ħdan l-Unjoni, iżda wkoll u b'mod partikolari f'pajjiżi terzi, fid-dawl tal-objettiv li l-Unjoni tiġi promossa bħala ġabra ta' destinazzjonijiet ta' kwalità għolja. Barra minn hekk, sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, huwa wkoll importanti li l-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew jsiru attraenti għal organizzazzjonijiet tat-turiżmu. Għaldaqstant, huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw f’dan ir-rigward.

(17)     Sabiex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew, l-Istati Membri għandhom rwol b’saħħtu li jinforma lill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew fit-territorji tagħhom, b’mod partikolari fil-qafas tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu.

(18)     Sabiex tirreaġixxi għall-kundizzjonijiet tas-suq li qegħdin jinbidlu b'pass mgħaġġel fil-qasam tat-turiżmu u sabiex tiżgura l-valur miżjud tal-Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew fit-tul, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni tagħhom u għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tliet snin wara li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għall-istess raġuni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiżguraw il-kisba tal-objettivi riflessi f’din ir-Rakkomandazzjoni,

B'DAN JIRRAKKOMANDA:

1.         Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din ir-Rakkomandazzjoni tistipula sett ta’ Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew (minn hawn’ il quddiem msejħa “Prinċipji”) li għandhom jiġu applikati minn organizzazzjonijiet tat-Turiżmu.

2.         Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “organizzazzjoni tat-turiżmu” tfisser organizzazzjoni pubblika jew privata, stabbilita fl-Unjoni u li tipprovdi servizzi lill-konsumaturi fil-qasam tat-turiżmu fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali;

(b) “organizzazzjoni tat-turiżmu transnazzjonali” tfisser organizzazzjoni tat-turiżmu li twettaq attivitajiet fit-territorju, jew partijiet minnu, ta’ aktar minn Stat Membru wieħed.

3.         Prinċipji tal-Kwalità tat-Turiżmu Ewropew

Fejn xieraq għad-daqs u l-kunċett tan-negozju, l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu huma rrakkomandati li japplikaw il-Prinċipji li ġejjin fl-attivitajiet tagħhom:

(a) Jiżguraw it-taħriġ tal-impjegati, inklużi dawn li ġejjin:

i)       it-taħriġ tal-impjegati kollha involuti fl-għoti ta’ servizzi direttament lill-konsumaturi biex jiżguraw li dawn iwettqu b'mod sodisfaċenti l-kompiti delegati lilhom;

ii)      ir-reġistrar tat-taħriġ li jattendu l-impjegati f’reġistru tat-taħriġ stabbilit għal dan il-għan;

iii)     il-ħatra ta’ koordinatur tal-kwalità sabiex jiżgura approċċ koerenti għall-maniġment tal-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-involviment tal-impjegati rilevanti fil-proċess tal-kwalità;

(b) Japplikaw politika għas-sodisfazzjon tal-konsumatur, inklużi dawn li ġejjin:

i)       it-twaqqif ta' mekkaniżmu biex jiġu ttrattati l-ilmenti tal-konsumaturi fuq il-post tal-kunsinna tas-servizz jew permezz tal-Internet;

ii)      l-iżgurar li l-ilmenti jiġu ttrattati mingħajr dewmien;

iii)     it-twettiq ta' stħarriġiet dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur u l-konsiderazzjoni tar-riżultati tagħhom għat-titjib tal-kwalità tas-servizz;

(c) Ikollhom u jimxu ma' pjan iddokumentat għat-tindif u l-manutenzjoni għall-faċilitajiet jew għat-tagħmir fejn xieraq;

(d) Jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi, inklużi dawn li ġejjin:

i)       informazzjoni dwar id-dwana lokali, il-wirt, it-tradizzjonijiet, is-servizzi u l-prodotti;

ii)      informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà fir-rigward tas-servizzi pprovduti;

iii)     informazzjoni dwar l-aspetti tas-sostenibbiltà fir-rigward tas-servizzi pprovduti;

iv)     informazzjoni dwar il-Prinċipji;

(e) Jiżguraw li din l-informazzjoni tkun korretta, affidabbli, ċara u aċċessibbli f’minn tal-inqas lingwa barranija li tkun l-aktar relevanti, jekk xieraq għall-kunċett tal-post u tan-negozju.

4.         L-attivitajiet tal-Istati Membri

4.1.        L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw, jissorveljaw u jippromovu l-applikazzjoni tal-Prinċipji fit-territorji rispettivi tagħhom. Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a) jissorveljaw l-applikazzjoni tal-Prinċipji stipulati fil-punt 3 minn organizzazzjonijiet tat-turiżmu;

(b) jikkoordinaw mal-Istati Membri l-oħra, l-attivitajiet marbuta mal-Prinċipji u mal-applikazzjoni tagħhom;

(c) jippromwovu l-Prinċipji fost l-organizzazzjonijiet tat-turiżmu;

(d) jiżguraw, f’koperazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, li jkunu disponibbli għall-organizzazzjonijiet tat-turiżmu informazzjoni u gwida adegwati;

(e) jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-Prinċipji minn organizzazzjonijiet tat-turiżmu transnazzjonali.

4.2.        Huwa rakkomandat ukoll li l-imġiba tal-attivitajiet tal-Istat Membru tiggarantixxi t-trasparenza.

5.         Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

L-Istati Membri huma mistiedna jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imsemmija fil-punt 4 u jikkooperaw mal-Kummissjoni fid-dawl tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-inizjattivi tagħhom għas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni.

6.         Monitoraġġ u valutazzjoni

6.1.        Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa [id-data għandha tiġi definita 3 snin wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali]

6.2.        Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk għandhomx jiġu proposti miżuri oħrajn biex itejbu l-konsistenza tal-kwalità tas-servizz tat-turiżmu fl-Istati Membri riflessi f’din ir-Rakkomandazzjoni.

7.         Dispożizzjonijiet finali

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1]               Il-fornituri tradizzjonali tas-servizzi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu (lukandi, ristoranti, aġenziji tal-ivvjaġġar, kiri ta’ karozza, kumpaniji tal-ajru charter, kowċis tat-turisti, bastimenti tal-kruċieri, eċċ.) joffru oġġetti u servizzi direttament lil viżitaturi.

[2]               B’mod partikolari, il-kumpaniji tad-distribuzzjoni, tal-kostruzzjoni u tat-trasport b’mod ġenerali (l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar, bix-xarabank jew bil-kowċ, eċċ.) u s-settur kulturali (inklużi l-industriji kulturali u dawk kreattivi).

[3]               WTTC 2012 http://www.wttc.org/site_media/uploads/downloads/european_union2012.pdf

[4]               UNWTO World Tourism Barometer, Mejju 2012.

[5]               L-Artikolu 6(d) tat-"Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea". Barra minn hekk, l-Artikolu 195 tat-TFUE jipprevedi għall-UE li "Għal dan il-għan, l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li (a) tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent favorevolii għall-iżvilupp tal-impriżi f'dan is-settur; (b) li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bl-iskambju tal-prassi t-tajba".

[6]               L-Ewropa, fl-ewwel post fid-dinja bħala destinazzjoni tat-turisti – qafas politiku ġdid għat-turiżmu fl-Ewropa (Europe, the world's N°1 tourist destination - a new political framework for tourism in Europe)  COM(2010) 352 finali.

[7]               P7_TA-PROV(2011)0407 – Ir-Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' 2709/2011 dwar l-Ewropa, id-destinazzjoni li tinsab fl-ewwel post fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu fl-Ewropa.

[8]               Ecorys (2009), p. 2.

[9]               http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-1177_mt.htm

[10]             COM (2010)352 finali jipprevedi l-ħolqien ta’ marka "Ewropa”, biex tikkumplimenta l-isforzi promozzjonali fil-livell nazzjonali u dak reġjonali u biex tippermetti lid-destinazzjonijiet Ewropej  jiddistingwu lilhom infushom minn destinazzjonijiet internazzjonali oħrajn (Azzjoni 18)

[11]             Din titwettaq taħt għotja ad-hoc f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu, bl-objettiv ġenerali li tiġi ddefinita strateġija ta' mmarkar u ta' kummerċjalizzazzjoni għad-Destinazzjoni Ewropa http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/international/index_en.htm

[12]             COM(2012) 649 finali

[13]             Attwalment hemm 42 pajjiż u entità li ċ-ċittadini tagħhom ma għandhomx bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn l-UE. Iċ-ċittadini minn 16-il Stat gżira tal-Karibew u Stati gżejjer tal-Paċifiku dalwaqt se jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen mingħajr ma jkollhom bżonn viża. L-għan huwa s-simplifikazzjoni tal-ivvjaġġar lejn iż-żona ta' Schengen, kif ukoll lejn Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija għaċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li l-eżenzjoni mill-viża tkun reċiprokata permezz tal-ftehimiet dwar ir-rinunzja tal-viża, sabiex jiġi żgurat reġim sħiħ mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jixtiequ jivvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi. http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-1179_en.htm?locale=en

[14]             Diġà teżisti protezzjoni ġenerali tal-konsumatur tal-UE, pereżempju d-Direttiva 2011/83/UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

[15]             L-Impatti Stmati tal-Alternattivi possibbli u tal-Istrumenti Legali tat-Tikketta Ġenerika Ewropea tat-Turiżmu ta' Kwalità,, CEPS, Settembru 2012, disponibbli onlajn fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/_getdocument.cfm?doc_id=7655, minn hawn 'il quddiem CEPS (2012).

[16]             http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5642

[17]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/public-consultation-etq/index_en.htm

[18]             CEPS (2012)

[19]             Ir-Regolament li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u għall-SMEs 2014-2020, Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013, ĠU L 347, p 33

[20]             COM(2010) 352 finali.

[21]             Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

[22]             Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS), li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

Top