Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR4459

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-viċinat f’salib it-toroq: l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 45–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-viċinat f’salib it-toroq: l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013

(2015/C 019/10)

Relatur

is-Sur Geblewicz (PL/EPP) Marixxall tal-Provinċja ta’ Zachodniopomorskie

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-viċinat f’salib it-toroq: L-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2013

JOIN (2014) 12 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti preliminari

1.

jixtieq jenfasizza l-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) bħala l-istrument politiku estern tal-Unjoni Ewropea (UE) li jindirizza lill-pajjiżi fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Unjoni u li għandu l-għan li jinkisbu relazzjonijiet iktar stretti bejn dawn il-pajjiżi u l-UE;

2.

jenfasizza n-natura komprensiva u multidimensjonali tar-relazzjonijiet fil-qafas tal-PEV, u l-governanza f’diversi livelli, li jitolbu l-appoġġ għad-dimensjoni reġjonali u lokali tal-PEV li tikkomplementa l-kooperazzjoni fil-livell tal-gvernijiet nazzjonali;

3.

għalhekk jitlob biex ir-rappreżentant għoli li nħatar issa jinvolvi l-livell lokali u reġjonali kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-PEV, f’aktar żvilupp tal-politika u biex jaħdmu mill-qrib mal-KtR sabiex itejbu d-disinn, l-implimentazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-PEV fil-prattika;

4.

jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiddaħħal flessibbiltà ikbar f’din l-azzjoni u li jiġi adottat approċċ divrenzjat u ‘mfassal apposta’, bħala appoġġ għall-bidliet demokratiċi għat-twettiq tar-riforma ekonomika fil-pajjiżi benefiċjarji individwali;

5.

jenfasizza l-importanza ta’ żewġ inizjattivi, is-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran, li jirrappreżentaw id-dimensjoni reġjonali tal-PEV, u mhumiex biss elementi tematiċi fil-politika tal-UE, iżda jirriflettu wkoll prijoritajiet f’bosta politiki esterni tal-Istati Membri individwali tal-UE fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali;

6.

jappella biex l-awtoritajiet sottonazzjonali jieħdu sehem b’mod iktar attiv u li jkunu iktar involuti fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-PEV. It-twaqqif mill-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) ta’ żewġ pjattaformi operattivi għad-djalogu u l-kooperazzjoni, li jaħdmu b’mod parallel, jiġifieri l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza ta’ Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), jipprovdi opportunitajiet biex din id-dimensjoni tal-PEV tiġi żviluppata aktar permezz ta’ kooperazzjoni konkreta u djalogu dirett fil-livell lokali u reġjonali;

7.

japprezza l-isforzi tal-Unjoni Ewropea li tappoġġja l-proċessi ta’ riforma kostituzzjonali u ekonomika bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku adatt lill-pajjiżi msieħba fil-PEV, li madankollu jeħtieġ li jiġu semplifikati u organizzati iktar. Iż-żieda fl-għajnuna mill-UE għall-pajjiżi tal-viċinat għandha tiddependi mill-progress fil-bidliet kostituzzjonali, il-livell ta’ demokratizzazzjoni, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn is-sessi; dan il-progress sar aktar urġenti wara l-aħħar avvenimenti traġiċi u jrid iseħħ fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-għoti taċ-ċittadinanza sħiħa liċ-ċittadini tal-minoranzi kollha reliġjużi u etniċi mill-pajjiżi interessati;

8.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali tal-livell reġjonali u lokali fil-proċess tal-previżjonijiet tajbin, l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi u l-istrumenti ta’ appoġġ. Huwa jipproponi wkoll li jitħaffef l-aċċess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-fondi u li l-mekkaniżmi u l-proċeduri f’dan il-qasam jiġu semplifikati;

9.

jenfasizza l-bżonn li tiġi promossal-governanza demokratika u b’saħħitha fil-livell sottonazzjonali u jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjonijiet tad-demokrazija lokali fil-pajjiżi msieħba, u anke l-problemi fit-tħaddim tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, huwa favur il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam fiskali, u jirrakkomanda wkoll li jiġu appoġġjati inizjattivi b’approċċ minn isfel għal fuq, u li jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-twettiq tar-riformi interni neċessarji;

Kummenti introduttorji

10.

jenfasizza li s-sena 2013 kienet ikkaratterizzata minn dinamika ta’ tibdil enormi fiż-żona koperta mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fis-sena li għaddiet, il-PEV, li kellha l-għan li tiżviluppa r-relazzjonijiet speċjali bejn l-UE u l-pajjiżi individwali tal-viċinat, sabiex jissaħħu s-sigurtà, il-prosperità u r-relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi ġirien, kisbet uħud mill-għanijiet tagħha iżda nqalgħu wkoll xi problemi kbar. Il-PEV kollha kemm hi trid tiġi analizzata b’mod kritiku sabiex jiġi evalwat hijiex adegwata fil-format attwali tagħha;

11.

mil-lat pożittiv, tħaffef il-pass ta’ riformi demokratiċi diffiċli f’xi pajjiżi tal-viċinat tan-nofsinhar bħat-Tuneżija, il-Marokk u sa ċertu punt, l-Eġittu. Barra minn hekk, l-approvazzjoni, f’Novembru 2013, ta’ żewġ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (inklużi dokumenti dwar żoni ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi) ma’ żewġ pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-PEV, jiġifieri l-Ġeorġja u l-Moldavja, u wara, fl-2014, l-Ukraina. L-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet minn dawn il-pajjiżi kien frott proċess ta’ negozjar fit-tul, u stabbilixxa l-bażi għall-ħidma fuq aġenda ta’ implimentazzjoni tal-impenji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet;

12.

jinnota, madankollu, li l-2013 kienet ukoll perjodu ta’ ħafna taqlib politiku u ta’ kriżijiet soċjoekonomiċi f’ħafna pajjiżi tal-PEV. It-theddida tas-sigurtà nazzjonali u reġjonali (fil-pajjiżi tal-PEV kemm tan-Nofsinhar kif ukoll tal-Lvant) żdiedet. Il-ġrajjiet drammatiċi fl-Ukraina, il-gwerra ċivili fis-Sirja u l-eskalazzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina wasslu biex l-isfida ta’ politika Ewropea konsistenti għall-promozzjoni tal-istabbilità, b’dimensjoni lokali u reġjonali b’saħħitha, qiegħda ssir dejjem akbar;

13.

jappella biex jittieħdu miżuri adatti bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet lokali f’din il-kriżi umanitarja, b’mod partikolari biex jiffaċċjaw il-mewġa ta’ rifuġjati b’riżultat tas-sitwazzjonijiet instabbli f’ħafna pajjiżi tal-PEV, bħalissa speċifikament fis-Sirja u l-Ukraina Il-flussi ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari fiż-żona tal-Baħar Mediterran, jeħtieġu approċċ fit-tul u komprensiv bil-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u mhux biss il-partijiet konċernati minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom; Il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni għandu jkollhom appoġġ adatt għall-kontroll tal-fruntieri esterni u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, inklużi emerġenzi tas-saħħa, li jinħolqu mill-immigrazzjoni;

14.

jinnota li hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi differenti tal-PEV fif-rigward tal-aġendi u r-rieda politika biex titwettaq ir-riforma politika, soċjali u ekonomika meħtieġa. Inizjattivi taħt il-PEV għalhekk għandhom jiġu adatti skont kemm il-gvernijiet individwali jinsabu tabilħaqq lesti jwettqu t-tibdil neċessarju u li jsaħħu r-relazzjonijiet mal-UE, kif ukoll mir-rieda tagħhom li jippromovu r-riformi u jiksbu l-appoġġ pubbliku għalihom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ċentrali f’dan ir-rigward iżda ta’ sikwit huma dipendenti minn gvernijiet nazzjonali – madankollu għandhom jiġu kkunsidrati bħala interlokoturi ewlenin;

15.

jaqbel li għall-UE huwa kruċjali li tinbena d-demokrazija fil-pajjiżi msieħba. Id-demokratizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni huma neċessarji għall-iżvilupp soċjoekonomiku u huma ta’ importanza fundamentali għall-proċessi ta’ trasformazzzjoni fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant u l-baċir tal-Mediterran. Il-PEV hija inizjattiva effettiva għall-appoġġ għal dawn il-proċessi, u l-CORLEAP u l-ARLEM huma pjattaformi adatti li jippromovu s-sħubija u l-ftuħ fil-proċess tad-demokratizzazzjoni u l-bini tas-soċjetà ċivili;

16.

jappoġġja għalkollox l-idea tal-Komunikazzjoni Konġunta li l-PEV għandha tkompli sservi bħala inizjattiva attraenti għall-kooperazzjoni li tindirizza l-ħtiġijiet tal-imsieħba tagħha. Fil-fatt, l-UE għandha tkun imsieħba strateġika għall-pajjiżi membri tal-PEV, billi tappoġġjahom fl-iżvilupp ekonomiku, u anke fit-twettiq ta’ governanza aħjar, filwaqt li tirrispetta s-sovranità tagħhom;

17.

ifakkar li s-sħubija futura mal-Unjoni hija waħda mill-inċentivi ewlenin li l-UE għandha biex tħeġġeġ lill-pajjiżi msieħba jibdew iwettqu r-riformi. Għalhekk, hija ta’ importanza kruċjali li dan l-istrument jintuża b’mod adatt, trasparenti u realistiku, skont is-sitwazzjoni speċifika fil-pajjiż inkwistjoni;

18.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni u t-tfassil tal-proċess demokratiku; dawn huma msieħba strateġiċi fil-proċess għal governanza tajba u biex jinkiseb effett pożittiv fuq l-iżvilupp, u huma wkoll atturi importanti fil-politika esterna tal-UE;

19.

fl-istess ħin jenfasizza li jeħtieġ ukoll li l-implimentazzjoni tal-PEV tiġi valutata fil-ġejjieni skont kemm ikunu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u tar-rappreżentanti tagħhom fil-livell sovranazzjonali, ħaġa li ma tissemmiex fil-Komunikazzjoni;

Relazzjonijiet reċiproċi komprensivi, effettivi u f’diversi livelli

20.

jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-PEV bilaterali permezz ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali u f’diversi livelli, abbażi tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat, u anke bejn il-pajjiżi individwali. Dan jista’ jseħħ billi jissaħħu u jiżdiedu l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni li diġà jeżistu, b’mod partikolari fil-qafas tal-inizjattivi tal-UE, bejn ir-reġjuni u n-netwerks tar-reġjuni Ewropej, kemm jekk huma membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk mhumiex;

21.

jinnota li l-Politika Ewropea tal-Viċinat hija inizjattiva interattiva u l-implimentazzjoni effikaċi tagħha teħtieġ involviment u kooperazzjoni fil-livelli kollha tal-governanza. Huwa biss f’dan il-kuntest li l-pajjiżi tal-PEV li huma lesti li jwettqu riformi interni jkunu jistgħu jaħdmu mal-UE b’mod effettiv u dan iwitti t-triq għall-appoġġ politiku min-naħa tal-UE, għall-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali komprensivi, miżuri għall-faċilitazzjoni tal-viżi, u għal għajnuna teknika u finanzjarja;

22.

jistqarr li d-diversi toroq li jistgħu jittieħdu għar-riforma fil-pajjiżi tal-viċinat, id-differenzi fil-ksib ta’ relazzjonijiet iktar stretti mal-UE, u l-ħafna sfidi li ffaċċjaw il-pajjiżi individwali tal-PEV dan l-aħħar wasslu biex l-Unjoni tieħu approċċ individwali, adattat skont iċ-ċirkostanzi, fir-rigward tal-PEV, mhux biss b’rabta mar-reġjuni ġeografiċi (tan-Nofsinhar u tal-Lvant) iżda anke skont l-istennijiet, l-opportunitajiet u l-kompiti ta’ pajjiżi msieħba partikolari;

23.

jaqbel mal-fehma li l-UE għandha tinvesti fi strumenti finanzjarji settorjali, tematiċi u strutturati. Approċċ bħal dan għandu jħeġġeġ skambju aktar mifrux tal-aħjar prattiki u l-ħolqien ta’ strateġiji għall-iżvilupp f’oqsma ta’ politika ewlenin, pereżempju r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, id-deċentralizzazzjoni fiskali u l-kooperazzjoni territorjali;

24.

jixtieq jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għall-isforzi biex tinbena demokrazija aktar b’saħħitha u jinkisbu riformi politiċi fil-pajjiżi msieħba. Mingħajr dubju l-politika tal-viċinat implimentata fir-reġjuni u mir-reġjuni tista’ tkun għodda effettiva għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE, jiġifieri d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoritajiet;

25.

jappella biex tingħata attenzjoni partikolari lill-importanza u l-valur tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi proġetti ta’ kooperazzjoni konkreti tal-UE u l-pajjiżi tal-PEV. Il-ksib b’suċċess ta’ dawn l-għanijiet, jiddependi ħafna mil-livell tal-iżvilupp reġjonali u l-kapaċità individwali tal-pajjiżi li jiggvernaw b’mod effettiv fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali;

26.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet u l-esperjenza tal-membri tal-KtR b’appoġġ tal-proċess tal-bidla politika u ekonomika fil-pajjiżi msieħba u kollaborazzjoni iktar effettiva fil-livelli kollha ta’ gvern;

27.

jenfasizza li n-natura ta’ diversi livelli tal-politika esterna tal-pajjiżi individwali hija rilevanti wkoll. Sfida fundamentali f’dan il-qasam hija l-ħolqien ta’ sinerġiji bejn id-dimensjonijiet tal-politiki esterni nazzjonali u sottonazzjonali fil-pajjiżi individwali. B’rabta ma’ dan, il-CORLEAP u l-ARLEM huma mekkaniżmi ideali biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-ħtiġijiet u jsir skambju tal-esperjenzi;

Azzjoni effettiva u kooperazzjoni koordinata f’livelli differenti ta’ governanza

28.

jixtieq jenfasizza li, bis-saħħa tal-kuntatti internazzjonali u parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ekonomika, l-awtoritajiet reġjonali u lokali qed isegwu wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea – li jistimulaw l-iżvilupp soċjoekonomiku. Jiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jieħdu sehem fil-proċessi tal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-PEV, b’mod partikolari f’dawk l-oqsma li fihom għandhom kompetenza u esperjenza diretti;

29.

jagħraf li l-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva huwa ta’ importanza fundamentali għall-maġġoranza tal-pajjiżi tal-PEV. Element importanti f’din id-dimensjoni ta’ politika jikkonċerna speċifikament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għalhekk għandhom jaqdu rwol attiv fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Programmi għall-Iżvilupp Komprensiv Istituzzjonali (CIB), imnedija mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri bil-għan li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

30.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, flimkien mal-gvernijiet, jieħdu sehem fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, id-dokumenti strateġiċi u l-pjani ta’ azzjoni miftiehma mill-UE u l-pajjiżi msieħba;

31.

jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi lokali minn isfel għal fuq koordinati sew, li jappoġġjaw ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tal-PEV u l-UE, li b’hekk jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-proċess għall-ħolqien ta’ strutturi tad-demokrazija lokali u tas-soċjetà ċivili;

32.

iqis li tkun ħaġa ġustifikata li jiġu appoġġjati inizjattivi f’oqsma prattiċi għall-bliet u r-reġjuni tal-PEV li jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet sottonazzjonali, pereżempju kooperazzjoni bejn bliet imsieħba, kif ukoll kooperazzjoni transkonfinali, kulturali u ekonomika;

33.

Ir-riformi amministrattivi demokratiċi fil-livell tal-gvern ċentrali għandhom ikunu komplementati b’miżuri fil-livell lokali u reġjonali. Dan huwa ferm importanti għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali u għall-applikazzjoni ta’ ftehimiet mal-UE, bħall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew l-iżvilupp ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi;

34.

jisħaq li l-iżvilupp reġjonali fil-pajjiżi msieħba għandu jkun għan importanti tal-fondi tal-UE, bi kriterji definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni tiegħu, abbażi ta’ strateġiji definiti u miftiehma għall-iżvilupp reġjonali, għanijiet u riżultati speċifiċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu rrappreżentati b’mod adatt fil-korpi li jimmonitorjaw l-użu ta’ dawn il-fondi;

35.

jappella għall-introduzzjoni fiż-żewġ dimensjonijiet tal-PEV ta’ mekkaniżmi li jħeġġu d-djalogu dirett, l-iskambju tal-informazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien espert, li minnu jibbenefikaw il-livell lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV (b’konformità mal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali);

36.

jixtieq jara użu iktar effettiv tal-istrumenti ta’ appoġġ, bħall-ġemellaġġ jew it-TAIEX bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-kontrapartijiet tagħhom fil-pajjiżi tal-PEV, biex il-pajjiżi tal-PEV jiġu appoġġjati ħalli jiżviluppaw strutturi amministrattivi effiċjenti u moderni, fost affarijiet oħra permezz ta’ kollaborazzjoni mill-viċin bejn l-amministrazzjonijiet li tipprevedi, bħala aspett essenzjali, is-sekondar ta’ uffiċjali bejn l-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru u dik tal-pajjiż tal-PEV. Barra minn hekk, ir-reġjuni tal-UE jistgħu jsaħħu r-rwol tagħhom ta’ appoġġ għall-parteċipanti potenzjali fil-programmi UE għall-perjodu 2014-2020 li jiffokaw fuq pajjiżi terzi bħall-IPA II (Strument ta’ assistenza qabel l-adeżjoni), is-sezzjoni Relazzjonijiet Internazzjonali tal-programm Orizzont 2020 u programmi tal-UE bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi membri u pajjiżi terzi, bħall-Programm ENPI CBC MED 2007-2013, li qed ikompli jiffinanzja l-kooperazzjoni transkonfinali anke taħt il-Programm ENPI CBC MED 2014-2020;

It-tisħiħ tar-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni

37.

jinsab konvint li l-involviment iktar mill-qrib tal-KtR fil-ħidma tal-pjattaformi tematiċi ser iwassal biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu azzjoni iktar effettiva u riżultati ta’ kwalità ogħla. Fil-fatt, il-KTR għandu rwol ewlieni x’jaqdi f’dan ir-rigward bis-saħħa tan-natura komplementari tiegħu u l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjonijiet meħuda mill-CORLEAP u l-ARLEM;

38.

jenfasizza l-impenn tal-KtR biex jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi tagħha fit-tfassil tal-kriterji għall-finanzjament mill-UE u l-proċeduri ta’ applikazzjoni, biex jiġi żgurat li tali finanzjament ikun aċċessibbli u utli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Madankollu, dawn il-kriterji għandhom imorru id f’id ma’ responsabbiltà akbar mill-awtoritajiet lokali koperti mill-PEV għall-organizzazzjoni u r-riżultati miksuba;

Komunikazzjoni, fluss ta’ informazzjoni u skambju tal-esperjenza adegwati

39.

iqis li l-isforzi tal-UE biex jinħolqu strutturi politiċi u amministrattivi dejjiema għandhom jinkludu wkoll programmi ta’ taħriġ (fuq il-post jew mill-bogħod) għar-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali biex itejbu l-ħiliet professjonali tagħhom u jippermettu li l-fondi jintużaw b’mod effettiv;

40.

ifakkar fil-proġetti li diġà qed jiġu implimentati fi ħdan il-KtR għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tad-devoluzzjoni tal-poteri fil-pajjiżi tal-viċinat. Dawn l-għodod, inkluża pjattaforma onlajn, jistgħu jintużaw fil-futur mhux biss bħala sors ta’ informazzjoni iżda wkoll bħala bażi għall-iżvilupp ta’ prijoritajiet ġodda u biex jiġu emendati dawk eżistenti;

41.

iqis li informazzjoni dwar il-programmi ta’ finanzjament disponibbli u l-proċeduri ta’ applikazzjoni għall-fondi tal-UE għandha tingħata lil dawk kollha kkonċernati fil-pajjiżi tal-PEV. L-awtoritajiet reġjonali u lokali, min-naħa tagħhom, għandhom jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom għat-taħriġ u miżuri oħra bħala appoġġ għall-“governanza tajba” fil-livell lokali u reġjonali lill-imsieħba adatti fil-livell nazzjonali u dak sovranazzjonali. Komunikazzjoni u djalogu effettivi bejn l-imsieħba għandhom iservu bħala dak l-element kruċjali li jgħaqqad il-Politika Ewropea tal-Viċinat;

42.

jirrakkomanda li titfassal gwida elettronika għall-pajjiżi tal-PEV u għall-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli li jkunu mmirati lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-PEV u disponibbli għalihom, abbażi tas-sit tal-Internet tal-politika reġjonali “inforegio”. Din il-gwida tista’ tintuża biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba, jingħataw informazzjoni ċara u aġġornata;

43.

fl-aħħar nett jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jaħtar “persuni ta’ kuntatt” f’kull uffiċċju ta’ rappreżentanza tal-UE fil-pajjiżi tal-PEV. Minn naħa, dawn il-persuni ta’ kuntatt jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-organizzazzjonijiet territorjali tal-pajjiż ospitanti u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar l-inizjattivi pjanati u eżistenti fil-livell sottonazzjonali, u min-naħa l-oħra jistgħu jservu bħala kanal ta’ informazzjoni bejn il-KtR u l-imsieħba fil-pajjiżi tal-PEV.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


Top