EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0129

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 (2013/2158(INI))

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 24–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 285/24


P7_TA(2014)0129

Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 (2013/2158(INI))

(2017/C 285/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bl-isem “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014 (COM(2013)0800), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar ‘is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2013’ (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu ‘It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ (COM(2013)0690),

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000122/2013 – B7-0524/2013 lill-Kummissjoni, u lir-riżoluzzjoni relatata tal-Parlament tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ (2) ,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010 dwar 'il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020' (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bit-titolu 'Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi' (COM(2012)0173),

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000120/2012 lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni relatata tal-Parlament tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar ‘Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’ (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bl-isem ‘Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi’ (COM(2010)0682, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Ottubru 2011 dwarha (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bl-isem ‘Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali’ (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ’ (COM(2011)0933),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar ‘il-Patt dwar l-Investiment Soċjali’ – bħala reazzjoni għall-kriżi” (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (COM(2013)0083);

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000057/2013 – B7-0207/2013lill-Kummissjoni, u lir-riżoluzzjoni relatata tal-Parlament tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (8) ,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs (9)

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0091/2014),

A.

billi r-reċessjoni fiż-żona tal-euro waslet fi tmiemha fit-tieni kwart tal-2013, meta wieħed jara ċ-ċifri, iżda billi t-tkabbir annwali fiż-żona tal-euro se jibqa’ fraġli din is-sena u l-qgħad għadu fuq livell għoli ħafna; billi jeħtieġ li t-tkabbir sostenibbli jitjieb b’mod sinifikanti sabiex dan ikun jista’ jitqies irkupru fit-tul u sabiex ikun iġġenerat il-momentum meħtieġ biex itaffi l-isfidi soċjoekonomiċi tal-UE;

B.

billi l-qgħad fl-UE laħaq il-figura allarmanti ta’ 26,6 miljun, u l-qgħad fit-tul żdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri u laħaq ammont rekord fl-UE inġenerali; billi t-tnaqqis fl-impjiegi kien aktar qawwi f’dawk il-pajjiżi li kellhom iwettqu riforma fiskali sostanzjali;

C.

billi r-rati ta' qgħad taż-żgħażagħ laħqu livelli mingħajr preċedenti, b'medja ta' 23 % għall-UE kollha, u billi f'xi Stati Membri r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-età ta' bejn 16 u 25 sena hija ogħla minn 50 %; billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, indipendentement mil-livell ta' edukazzjoni tagħhom, li spiss jispiċċaw qegħda jew b'kuntratti ta' impjieg prekarji, skemi ta' taħriġ bla ħlas jew jemigraw; billi fl-2011 it-telf ekonomiku minħabba n-nuqqas ta’ impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kien stmat għal EUR 153 biljun fl-Istati Membri, li jikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE; billi r-riġidità eċċessiva tar-regolament dwar is-suq tax-xogħol f'diversi Stati Membri jwassal għal nuqqas ta' flessibilità għall-assorbiment effettiv tax-xokkijiet; billi l-leġiżlazzjoni attwali fil-qasam tas-suq tax-xogħol f'xi każijiet tista' tipproteġi b’mod sproporzjonat persuni b’informazzjoni privileġġjata u tolqot negattivament l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-forza tax-xogħol;

D.

billi din kienet ir-riċessjoni l-aktar profonda u li damet l-aktar fl-istorja ekonomika tal-aħħar 100 sena, iżda ġie evitat diżastru, filwaqt li l-effetti tal-kriżi ġew distribwiti fuq diversi snin, anki deċennji; billi dawn l-effetti jinkludu l-fatt li l-qgħad fit-tul għadu qed jiżdied, li possibilment jirriżulta f'qgħad strutturali; billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet tiżdied, u f’diversi Stati Membri d-dħul medju tal-familji qed jonqos u l-indikaturi juru tendenza għal livelli daqsxejn ogħla u forom aktar profondi ta’ faqar u esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu għal numru ta' snin li ġejjin;

E.

billi riċentement il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) innota li hemm skop biex jiġi intaxxat aħjar u b'mod aktar progressiv, li jista' jgħin biex inaqqas l-inugwaljanzi fl-UE; billi hemm il-ħtieġa li l-piż tat-taxxa jitneħħa minn fuq il-ħaddiema u jitqiegħed fuq forom oħra ta' taxxa sostenibbli sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jkun hemm dħul addizzjonali fil-proċess u titjieb il-leġittimità tal-isforz ta' konsolidazzjoni;

F.

billi l-effetti tal-kriżi rriżultaw f’diverġenza mingħajr preċedenti u li qed tikber fl-output u l-impjieg bejn il-pajjiżi ċentrali u dawk periferiċi; billi d-distakk bejn il-pajjiżi ċentrali u periferiċi f'rati ta' qgħad laħaq 10 punti perċentwali fl-2012, meta mqabbel mas-sena 2000 fejn kien hemm 3,5 punti perċentwali biss. billi din id-diverġenza hija prevista li tilħaq valur massimu din is-sena;

G.

billi huwa meħtieġ li tkompli tiġi segwita konsolidazzjoni fiskali favur it-tkabbir u differenzjata sabiex tiggarantixxi s-sostenibbiltà tal-istat soċjali u tal-finanzi pubbliċi fit-tul;

H.

billi t-titjib ekonomiku għandu għalhekk jittieħed bħala inkoraġġiment biex jiġu segwiti sforzi b’determinazzjoni iżda, sabiex tingħata attenzjoni lit-tkabbir u l-impjiegi, sabiex jinżammu l-programmi ta’ riforma bil-għan li titjieb il-kompetittività u biex jiġi żgurat l-irkupru b’mod dejjiemi;

I.

billi l-iżbalji fil-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni għat-tkabbir u l-qgħad fi snin riċenti juru l-ħtieġa ta' titjib fil-mudell ta' previżjoni u ta' strateġija bil-għan li tintemm il-kriżi; billi l-pass tal-konsolidazzjoni fiskali naqas; billi l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żona tal-euro għadu dgħajjef ħafna; billi skont il-Eurostat, l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tinsab taħt il-miri tal-BĊE;

J.

billi l-iżviluppi demografiċi qed jagħmlu pressjoni fuq il-baġits nazzjonali u s-sistemi tal-pensjonijiet; billi l-istennija tal-għomor qed tkompli tiżdied;

K.

billi jeħtieġ li jitqies il-koeffiċjent tal-istennija tal-għomor bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet;

L.

billi l-fokus fuq il-veloċità u l-intensità fl-insegwiment tar-riformi strutturali kien asimetriku fost l-Istati Membri waqt il-kriżi, filwaqt li kien ferm aktar eżiġenti għal pajjiżi periferiċi milli għal pajjiżi ewlenin; billi l-Istati Membri kollha għandhom jikkondividu l-istess spinta u jwettqu r-riformi strutturali meħtieġa sabiex jippromwovu tkabbir sostenibbli u bilanċjat u ħolqien ta' impjiegi fil-qasam;

M.

billi l-Istati Membri kollha għandhom bżonn itejbu l-prestazzjoni u l-kompetittività tagħhom u sfida vera li qed taffaċċja ż-żona tal-euro attwalment hija d-diverġenzi soċjoekonomiċi li dejjem qed jikbru bejn l-Istati Membri; billi huwa fl-interess tal-Istati Membri kollha li jiżguraw li l-isfidi tal-impjieg u dawk soċjali jiġu indirizzati f’waqthom u b’mod effettiv biex jiġi evitat id-deterjorament ekonomiku;

N.

billi l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni – l-oqsma ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi – fl-UE għadu aktar baxx milli fost is-sħab ekonomiċi ewlenin u l-kompetituri f'partijiet oħra tad-dinja; billi l-investiment produttiv f'dawn l-oqsma huwa essenzjali għal ħruġ sostenibbli mill-kriżi;

O.

billi l-appoġġ għall-imprendituri għandu jkun prijorità għall-Istati Membri;

P.

billi taħlita ta’ politika koerenti li tikkombina politiki makroekonomiċi, politiki strutturali, istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol sodi, swieq tax-xogħol mhux segmentati, negozjar kollettiv u sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’riżorsi tajbin huma essenzjali biex itaffu x-xokkijiet ċikliċi; billi sistema bbażata fuq ir-riintegrazzjoni rapida fis-suq tax-xogħol b'miżuri ta' sostenn ibbażati fuq il-flessigurtà hija importanti wkoll biex ittaffi x-xokkijiet ċikliċi;

Q.

billi l-livelli ta’ faqar kienu qed jiżdiedu mill-2007, b’mod li 24,2 % tal-popolazzjoni tal-UE jinsabu attwalment f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali; billi l-infiq għall-protezzjoni soċjali naqas kważi fl-Istati Membri kollha u billi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) qed javża li dejjem aktar persuni huma f’riskju ta’ faqar ta’ introjtu, faqar fost it-tfal, ħtiġijiet mediċi mhux sodisfati, tiċħid materjali serju u esklużjoni soċjali;

R.

billi l-UE qed tonqos milli tikseb il-miri kważi kollha tal-Ewropa 2020, u billi l-progress fl-Istati Membri biex jissodisfaw l-objettivi ta’ Ewropa 2020 kien diżappuntanti; billi l-impenji li saru fil-programmi nazzjonali ta’ riforma ta’ 2013 ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE;

S.

billi jeħtieġ li jkunu promossi r-responsabbiltà demokratika, is-sjieda u l-leġittimità fir-rigward tal-atturi kollha involuti fis-Semestru Ewropew; billi l-involviment adegwat tal-Parlament huwa parti kruċjali minn dan il-proċess; billi l-parlamenti nazzjonali huma r-rappreżentanti u l-garanti tad-drittijiet miksuba u ddelegati miċ-ċittadini; billi l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew għandha tirrispetta bis-sħiħ il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali;

T.

billi hemm nuqqas ta’ arranġamenti li jiżguraw li l-Kunsill Ewropew jirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma jadotta kull sena l-prijoritajiet proposti mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

U.

billi, mill-20 sat-22 ta' Jannar 2014, kellu laqgħat ta' livell għoli ma' membri parlamentari nazzjonali, fl-ambitu tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea biex jiddiskuti l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014, inkluż l-aspetti ta' impjieg u soċjali tiegħu;

Indikaturi soċjali

1.

Jilqa' l-fatt li din is-sena, għall-ewwel darba, l-abbozz ta' Rapport ta' Impjieg Konġunt anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jinkludi tabella ta' valutazzjoni għal politiki ta' impjiegi u soċjali, li se jgħinu biex isaħħu l-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-impjieg u soċjali bħala parti mill-monitoraġġ makroekonomiku fi ħdan is-Semestru Ewropew; iqis li dan għandu jħalli impatt fuq il-gwida politika fis-Semestru Ewropew bħala infurzar tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, peress li dan mhuwiex biss mixtieq, iżda wkoll meħtieġ sabiex jindirizza l-kriżi u jipprevjeni diverġenzi soċjoekonomiċi serji fiż-żona tal-euro, filwaqt li b’hekk itejjeb is-sostenibbiltà tagħha; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar in-natura limitata tar-rwol tal-Parlament fis-Semestru Ewropew; jiddeplora l-fatt li ftit li xejn sar progress mill-Kummissjoni u l-Kunsill biex isaħħu l-iskrutinju demokratiku tal-gwida politika ekonomika; huwa tal-fehma li, skont it-Trattati eżistenti, l-Artikolu 136 TFUE jippermetti lill-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u permezz tal-votazzjoni tal-Istati Membri biss li l-valuta tagħhom hija l-euro, li jadotta linji gwida vinkolanti dwar il-politika ekonomika għall-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li mekkaniżmu ta' inċentiv isaħħaħ in-natura vinkolanti tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jistieden li jkun hemm Ftehim Interistituzzjonali sabiex jinvolvi lill-Parlament fl-abbozzar u l-approvazzjoni tal-Istħarriġ dwar is-SAT u l-Linji Gwida dwar il-Politika Ekonomika u l-Impjiegi;

2.

Jenfasizza li l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi kif miftiehem fil-qafas tal-istrateġija UE2020 huma profondament interkonnessi; jemmen li s-sostenibbiltà ekonomika u l-bilanċ makroekonomiku ma jistgħux jintlaħqu, kemm fi żmien medju u wkoll fit-tul, mingħajr it-tisħiħ u s-salvagwardja tad-dimensjoni soċjali tal-UEM. jikkunsidra li l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-Unjoni huma żewġ naħat tal-istess munita u li t-tnejn għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-UE;

3.

Jinnota, madankollu, li dawn l-indikaturi ma ġewx magħmula vinkolanti, bħat-tabella ta' valutazzjoni tal-Proċedura dwar l-Iżbilanċ Makroekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw din is-sitwazzjoni fid-dawl tal-iżbilanċi soċjali u tal-impjieg li qed jikbru fl-UE;

4.

Jiddispjaċih li l-indikaturi tal-impjieg u soċjali proposti mill-Kummissjoni huma insuffiċjenti biex ikopru b'mod komprensiv is-sitwazzjonijiet ta' impjieg u soċjali tal-Istati Membri; jitlob li t-tabella ta’ valutazzjoni tinkludi indikaturi supplementari, b’mod partikolari livelli ta’ faqar fost it-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, u indiċi ta’ xogħol deċenti, sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni soċjali fl-Istati Membri; jemmen li l-indikaturi għandhom, wara konsultazzjoni mal-Parlament, jiġu rieżaminati fuq bażi regolari; jinnota li hemm nuqqas ta’ arranġamenti li jiżguraw li l-Kunsill Ewropew jirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma jadotta kull sena l-prijoritajiet proposti mill-Kummissjoni fl-SAT;

Il-laqgħat tal-Ministri għax-xogħol u l-affarijiet soċjali tal-Grupp tal-euro

5.

Jenfasizza l-importanza ta' impriża, kull meta tkun meħtieġa, il-Ministri għax-xogħol u l-affarijiet soċjali tal-Grupp tal-euro qabel is-summits tal-euro: jemmen li laqgħat konġunti biex jiksbu pożizzjoni koerenti bejn il-Kunsilli tal-EPSCO u l-ECOFIN huma daqstant kruċjali, sabiex jiżguraw li l-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg jiġu indirizzati b’mod aktar sħiħ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet taż-żona tal-euro u bil-għan li jikkontribwixxu għal-laqgħat tal-kapijiet tal-istat u tal-gvern taż-żona tal-euro;

Il-ħtieġa li d-domanda interna tiġi stimulata mill-ġdid u jinħolqu impjiegi ta' kwalità permezz ta' investiment produttiv u żieda fil-produttività

Ftehim biex iżid l-investiment u l-produttività fl-UE

6.

Jinnota li filwaqt li riformi strutturali jistgħu jagħtu l-frott fi żmien medju jew fit-tul, il-ħtieġa li tkun stimolata d-domanda interna tal-UE tirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Kunsill itejbu l-investiment sabiex isostni t-tkabbir u impjiegi ta’ kwalità fi żmien qasir u jtejjeb il-potenzjal fi żmien medju; jinnota li l-objettivi ewlenin diġà ġew definiti fl-istrateġija Ewropa 2020 u fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi miftiehem f’Ġunju 2012, iżda li l-finanzjament irid jiżdied; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu pakkett ta’ investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG tal-UE sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika fuq perjodu qasir ta’ żmien u fl-istat attwali tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif kien imħeġġeġ fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar “L-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli” (10);

7.

Jenfasizza li l-kompetittività tal-UE għandha tiġi promossa primarjament permezz ta’ investimenti li jżidu l-produttività fl-edukazzjoni, ir-R&D, l-innovazzjoni kontinwa, aktar diġitalizzazzjoni u s-servizzi cloud; jikkunsidra li dawn jagħtu spinta u jistgħu jagħmlu l-UE destinazzjoni preferuta għall-impriżi globali, esportatur ta’ prodotti u servizzi b’valur miżjud kbir u fornitur ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja;

8.

Jinsab imħasseb li aktar minn 20 Stat Membru naqqsu l-infiq fl-edukazzjoni f’termini relattivi (bħala persentaġġ tal-PDG), filwaqt li b’hekk qegħdin idgħajfu t-tkabbir u l-kompetittività tagħhom, li jsofru wkoll min-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-kwalifiki attwali tal-forza tax-xogħol; jinnota li t-tnaqqis ta’ tali investiment se jżid id-dgħufija strutturali tal-UE, minħabba l-ħtieġa dejjem tikber għal ħaddiema kwalifikati ħafna u l-fatt li f’bosta Stati Membri proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol attwalment huma ħaddiema bi ftit kwalifiki; iwissi li skont il-Eurostat, kważi nofs it-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom kellhom livell baxx ta’ edukazzjoni kienu f’riskju ta’ faqar fl-UE27 fl-2011, meta mqabbla ma’ 22 % tat-tfal ta' dawk il-ġenituri b’livell ta’ edukazzjoni medju u 7 % ta’ dawk b'ġenituri li għandhom livell ta’ edukazzjoni għolja, bl-akbar differenzi li nstabu mill-Eurostat fir-Rumanija (78 % tat-tfal ġejjin minn familji fejn hemm livell baxx ta’ edukazzjoni meta mqabbla ma’ 2 % li ġejjin minn familji fejn hemm livell ta’ edukazzjoni għolja), ir-Repubblika Ċeka (76 % u 5 %), is-Slovakkja (77 % u 7 %), il-Bulgarija (71 % u 2 %) u l-Ungerija (68 % u 3 %);

9.

Jilqa' l-fatt li fis-SAT 2014, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jipproteġu jew jippromwovu l-investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-azzjoni dwar l-enerġija u l-klima; iqis dan bħala insuffiċjenti, madankollu, biex jippermetti lill-Istati Membri b’baġits diġà limitati biex jilħqu dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan li jgħin lil dawk l-Istati Membri jagħmlu l-investimenti produttivi meħtieġa, pereżempju fl-edukazzjoni u r-R&Ż minħabba l-potenzjal ta' dawk is-setturi li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi;

Il-fondi Ewropej

10.

Jindika li, fi żmien ta’ restrizzjonijiet fiskali severi u ta’ tnaqqis fil-kapaċità tas-self fis-settur privat, il-fondi Ewropej, jirrappreżentaw ingranaġġ essenzjali, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, biex tiġi stimulata l-ekonomija u biex jgħinu sabiex jinkisbu l-objettivi tat-tkabbir u tal-impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

11.

Iqis li l-politika ta' koeżjoni hija essenzjali biex tgħin tnaqqas id-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali; jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta’ urġenza, tipprogramma mill-ġdid fondi strutturali mhux minfuqa favur il-progammi għall-impjieg taż-żgħażagħ u l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet speċjali għal dawk l-Istati Membri b’rati ta’ qgħad għoljin ħafna li se jiġu sfurzati jirritornaw fondi tal-UE minħabba problemi ta’ kofinanzjament;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju tal-frontloading (forniment minn qabel) għal dawk il-fondi essenzjali għall-irkupru tal-kriżijiet, bħall-Fond Soċjali Ewropew, għall-perjodu 2014-2020 filwaqt li jkun hemm monitoraġġ b’attenzjoni għal effetti mhux mixtieqa ta’ frontloading bħal ma huwa r-riskju ta’ diżimpenn awtomatiku u l-impatt fuq il-profili tal-pagamenti għal dawk l-Istati Membri li għandhom l-ogħla livelli ta’ qgħad u li huma għaddejjin minn proċessi ta’ konsolidazzjoni fiskali profondi, speċjalment rigward il-programmi li jkabbru t-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-investiment strateġiku;

13.

Iqis li tal-anqas 25 % tal-fondi ta' koeżjoni nazzjonali għandhom jintużaw għal programmi speċifiċi taħt il-Fond Soċjali Ewropew f'dawk l-Istati Membri bl-ogħla livelli ta' qgħad u ta' faqar;

L-impjiegi ta' kwalità u s-salarji diċenti bil-għan li jżidu l-produttività

14.

Jitlob għal swieq tax-xogħol li jistgħu jadattaw ruħhom aktar u li huma aktar dinamiċi, li kapaċi jaġġustaw ruħhom għal tfixkil fil-qagħda ekonomika mingħajr ma jikkawżaw sensji u aġġustamenti eċċessivi fil-pagi; ifakkar li l-kapaċità tal-akkwist ta' diversi ħaddiema tal-UE naqset bil-kbir, id-dħul tal-familji naqas u d-domanda interna naqset, filwaqt li b’hekk ingħatat spinta lill-qgħad u l-esklużjoni soċjali, partikolarment f’dawk il-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi; jinnota li t-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol li jissarrfu f'pagi/salarji ma tistax tkun l-unika strateġija għall-akkwist mill-ġdid tal-kompetittività; jinnota li l-komunikazzjoni dwar is-SAT 2014 tenfasizza li l-pajjiżi ewlenin bl-ispazju meħtieħ għal manuvra jista' iżidu l-pagi bħala mod kif iżidu l-infiq; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet juru ambizzjoni sabiex jippromwovu tkabbir aktar bilanċjat u ħolqien ta' impjiegi fiż-żona tal-euro;

15.

Jinnota li l-Kummissjoni, fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2014, tinnota li t-tnaqqis fil-kost ta’ unità lavorattiva u l-moderazzjoni tal-pagi daħlu fl-iżviluppi tal-prezzijiet, parzjalment minħabba ż-żidiet simultanji fit-taxxi indiretti u prezzijiet amministrati;

16.

Jinnota li l-impjiegi u l-pagi diċenti huma importanti, mhux biss għall-koeżjoni soċjali u l-ġustizzja fis-soċjetà iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, jipproponu miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanza u jiggarantixxu paga diċenti; jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol bil-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu;

17.

Jinnota li n-nisa qed jagħtu spinta lit-tkabbir tax-xogħol fl-Ewropa u li għaldaqstant jeħtieġ sforz akbar sabiex isir użu sħiħ mill-potenzjal produttiv tal-ħaddiema nisa permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u użu aktar effettiv tal-finanzjament tal-UE għal dan il-għan;

18.

Jenfasizza l-importanza li tiġi esplorata l-possibilità ta' tnaqqis tal-pressjoni fuq il-pagi permezz ta' skemi ta' paga minima skont il-prattiki nazzjonali;

19.

Jenfasizza li l-kwalità tal-impjieg hija essenzjali f'ekonomija b'għarfien intensiv sabiex tippromwovi produttività għolja tax-xogħol u innovazzjoni rapida abbażi ta' forza tax-xogħol kompetenti, li tadatta ruħha u li hija impenjata bi standards diċenti tas-saħħa u s-sikurezza, sens ta' sigurtà u ħinijiet tax-xogħol raġonevoli;

Riformi biex itejbu l-parteċipazzjoni f'xogħol ta' kwalità

20.

Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tal-impjieg ġenerali u taż-żgħażagħ fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma 2014 tagħhom; jiddispjaċih li, minkejja talbiet ripetuti tal-Parlament, numru sinifikanti ta’ Stati Membri ma ppreżentawx tali pjanijiet sal-2013;

21.

Jiddispjaċih li l-Kunsill naqas milli jieħu kont tal-appell tal-Parlament biex fil-gwida tiegħu għall-2013 jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq il-kwalità tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 it-temi tal-kwalità tal-impjiegi, tat-taħriġ, skemi ta’ tagħlim doppju u l-aċċess għal taħriġ tul il-ħajja, tad-drittijiet ċentrali tal-ħaddiema, tas-sostenn għall-mobilità tal-forza tax-xogħol, tal-impjieg indipendenti permezz tat-tqawwija tas-sigurtà għall-ħaddiema fis-CSRs fuq il-bażi tas-SAT 2014;

22.

Jenfasizza li r-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jiffokaw biex iżidu l-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jiġu permessi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli, filwaqt li jiġu rispettati kemm il-kelma u l-ispirtu tal-acquis soċjali Ewropew u l-prinċipji tiegħu; jemmen li r-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jippromwovu l-flessibbiltà interna u l-kwalità tal-impjiegi;

23.

Jemmen li r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu flessibilità interna sabiex iżommu l-impjieg fi żminijiet ta' disturb ekonomiku, u għandhom jiżguraw il-kwalità tal-impjieg, is-sikurezza fi tranżizzjonijiet ta' impjieg, il-provvista ta' skemi ta' benefiċċju għall-qgħad li huma bbażati fuq rekwiżiti ta' attivazzjoni u konnessi ma' politiki ta' riintegrazzjoni li jmantnu l-inċentivi tax-xogħol, filwaqt li jiżguraw introjtu diċenti u t-twaqqif ta' arranġamenti kuntrattwali li jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, jantiċipaw ir-ristrutturar ekonomiku u jiżguraw aċċess għal tagħlim tul il-ħajja; jemmen li huwa biss bilanċ ibbażat fuq il-flessigurtà li jista’ jassigura suq tax-xogħol kompetittiv;

24.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki tax-xogħol attivi, komprensivi u inklużivi fil-kuntest attwali; huwa mħasseb ħafna li diversi Stati Membri, minkejja r-rati ta' qgħad li qegħdin jiżdiedu, għandhom allokazzjonijiet baġitarji biex jiffinanzjaw tali politiki tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali;

25.

Jistieden lill-Istati Membri ifasslu – f'kollaborazzjoni mas-settur privat u s-sħab soċjali skont prattiki nazzjonali – u jippreżentaw pjanijiet li jinkludu miżuri speċifiċi għall-ħolqien tal-impjiegi, inkluż b’mod partikolari għas-setturi identifikati mill-Kummissjoni li għandhom potenzjal għoli bħas-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali, fl-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fis-settur tal-ICT; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' dawk il-pjanijiet ta' impjiegi, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg, partikolarment għal dawk qiegħda fit-tul, iċ-ċittadini anzjani qiegħda, in-nisa, u gruppi prijoritarji oħrajn li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, bħall-immigranti u persuni b'diżabbiltajiet;

26.

Jenfasizza l-importanza tal-Erasmus+ kif ukoll il-kontribut sinifikanti li l-Programm Ewropew għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Żgħażagħ, Sport u Lingwi jista’ jagħmel biex itejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’mod speċjali dik taż-żgħażagħ;

27.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni msaħħa bejn is-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku (PES) sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi ta’ tagħlim ibbażat fuq statistika u evidenza fl-Ewropa kollha u jimplimentaw inizjattivi għas-suq tax-xogħol Ewropew;

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ

28.

Huwa mħasseb ħafna li, għal darb’oħra, ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin ħafna; jinnota li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ qiegħda hija partikolarment inkwetanti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex idaħħlu liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jimplementaw il-miżuri li ilu li kien hemm ftehim dwarhom jew li huma ġodda bil-għan li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jnaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), filwaqt li jikkunsidraw l-aspett kwalitattiv ta’ xogħol diċenti li jirrispetta bis-sħiħ l-istandards ewlenin tax-xogħol;

29.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, kif ukoll is-EUR 6 biljun iddedikati għall-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ taħt il-QFP li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw skemi ta’ garanzija taż-żgħażagħ bħala kwistjoni ta’ urġenza, u jużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effiċjenti, filwaqt li jikkonċentraw fuq dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet diffiċli; jinsab imħasseb, madankollu, li xi wħud mill-gvernijiet ma għamlux disponibbli l-finanzjament meħtieġ biex dan iseħħ; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sistema adegwata ta’ monitoraġġ tal-effiċjenza tal-miżuri implimentati u tar-riżorsi finanzjarji impenjati;

30.

Jilqa’ b'sodisfazzjon li l-fondi msemmija hawn fuq jistgħu jintużaw fl-ewwel sentejn tal-qafas finanzjarju li ġej; ifakkar, madankollu, li dan l-ammont bla ebda dubju mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod dejjiemi u li għandu jikkostitwixxi pagament inizjali li bih tiġi indirizzata l-problema; jenfasizza li l-ILO ikkalkulat li jinħtieġ total ta' EUR 21 biljun biex jitwettaq programm effettiv kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro biss meta mqabbel mat-telf għall-ekonomija minħabba n-nuqqas ta’ impenn taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li huwa stmat għal madwar EUR 153 biljun fl-Istati Membri fl-2011 jew 1,2 % tal-PDG tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Garanzija għaż-Żgħażagħ prijorità biex iżżid il-baġit disponibbli fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex jiżguraw li anki l-Istati Membri suġġetti għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ikollhom l-ispazju fiskali sabiex jimplimentaw l-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ;

32.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal qafas ta' kwalità għall-iskemi ta' taħriġ, sabiex tippromwovi l-impjegabbiltà u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ; jinnota, madankollu, in-nuqqas li titlob livelli ta' paga adegwati; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali Ewropej jimplimentaw b’mod ambizzjuż l-Alleanza għall-Apprendistati;

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol

33.

Jemmen li minħabba n-numru ta’ ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra bi tfittxija ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati. jinnota li sabiex tiġi garantita l-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni u l-kontinwazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg għal tal-anqas tliet xhur waqt li r-reċipjent ikun qed ifittex xogħol fi Stat Membru ieħor, fil-preżent il-leġiżlazzjoni tal-UE qed tiġi emendata; jinnota li ntlaħaq ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-portabilità transkonfinali ta' drittijiet tal-pensjonijiet supplimentari;

34.

Jenfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ edukazzjoni doppja kif prattikata f’xi Stati Membri; jemmen li l-edukazzjoni doppja tista’ tiġi implimentata f’ħafna aktar Stati Membri, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi nazzjonali;

35.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tibni fuq il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (EURES) billi tintensifika u twessa’ l-attivitajiet tagħha u, b’mod partikulari, billi tippromwovi l-mobilità taż-żgħażagħ; jitlob biex tkun abbozzata strateġija speċifika għal dan il-għan, flimkien mal-Istati Membri; josserva wkoll, madankollu, li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja u m’għandhiex tillimita l-isforzi biex jinħolqu l-impjiegi u l-postijiet ta’ taħriġ fuq il-post sabiex ma tkomplix tiżdied il-problema tal-“eżodu ta’ mħuħ”, li diġà seħħet fl-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi;

Sistemi ta' tassazzjoni aktar ġusti

36.

Jinnota li l-inugwaljanza fl-introjtu qed tiżdied bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom, partikolarment fin-nofsinhar tal-UE u fil-periferija tagħha; jinnota wkoll li f’diversi pajjiżi l-kriżi intensifikat it-tendenzi fit-tul ta’ polarizzazzjoni tal-pagi u segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol;

37.

Jinnota li reċentement il-FMI innota li hemm skop biex jiġi intaxxat aħjar u b'mod aktar progressiv, li jista' jgħin biex inaqqas l-inugwaljanzi fl-UE; jenfasizza li billi hemm il-ħtieġa li l-piż tat-taxxa jitneħħa minn fuq il-ħaddiema u jmur lejn forom oħra ta' taxxa sostenibbli sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jkun hemm dħul addizzjonali fil-proċess, sabiex titjieb il-leġittimità tal-isforz ta' konsolidazzjoni;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi, bħal riformi tat-taxxa tax-xogħol li jipprovdu inċentivi ta' impjieg, jappoġġaw l-impjieg indipendenti volontarju u jippromowvu n-negozju f'setturi strateġiċi;

39.

Jinnota l-importanza tat-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment permezz ta’ tnaqqis temporanju mmirat sew f’kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jew skemi ta’ sussidji ta’ impjiegi għal persuni li ġew reklutati ġodda, speċjalment żgħażagħ, ħaddiema b’pagi baxxi jew bi ftit kwalifiki, il-persuni li ilhom qiegħda u gruppi vulnerabbli oħrajn, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni pubbliċi;

40.

Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi effettivi biex ikun miġġieled xogħol mhux iddikjarat, impjieg indipendenti falz, frodi tat-taxxa u evażjoni tat-taxxa, partikolarment fil-kuntest tal-konsolidazzjoni fiskali, sabiex jipproteġi lill-ħaddiema u r-rendimenti fiskali u jżomm il-kunfidenza pubblika fil-ġustizzja u l-effikaċja tas-sistemi fiskali;

Tendenzi soċjali u s-sostenibbiltà ta' sistemi ta' ħarsien soċjali

Il-ħtieġa li jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali

41.

Huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-faqar fost il-gruppi ta’ età kollha; jinnota li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-persuni bejn it-18 u l-64 sena żdiedu b’mod sinifikanti f’żewġ terzi mill-Istati Membri fis-snin riċenti, l-aktar minħabba livelli dejjem jikbru ta’ djar b’nies qiegħda jew b’intensità baxxa ta’ xogħol u faqar fost dawk li jaħdmu; jinnota li r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-2012 kien ferm akbar (48,8 %) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (b’età bejn it-18 u l-64) milli għal ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex jintlaħaq l-għan tal-UE-2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal peress li fl-2011, 27 % tat-tfal fl-età ta’ taħt it-18-il sena kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet, speċjalment lill-Istati Membri bl-ogħla proporzjonijiet ta' persuni taħt it-18-il sena f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;

42.

Jilqa' r-rikonoxximent tas-SAT 2014 dwar il-ħtieġa li jkunu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi u tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tal-ħarsien soċjali; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw networks ta' sikurezza, jiżguraw l-effikaċja ta' sistemi tal-benessri u jinvestu f'miżuri ta' prevenzjoni;

43.

Jilqa’ l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn li se jgħin lil dawk l-aktar milquta mill-faqar jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi kkonċernati b'mod xieraq u jimmirawhom lejn dawk l-aktar fil-bżonn;

Pensjonijiet sostenibbli

44.

Jieħu nota tal-proposta tas-CSR li tirrigwarda diversi Stati Membri fir-rigward tar-riformi tal-pensjonijiet; jiddeplora l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni saru mingħajr referenza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fil-Green u l-White Papers dwar il-pensjonijiet; jenfasizza li r-riformi fil-pensjonijiet jirrikjedu koeżjoni politika u soċjali nazzjonali u jridu jiġu nnegozjati mas-sħab soċjali biex ikollhom suċċess;

45.

Jenfasizza li r-riformi mill-qiegħ meħtieġa fis-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri għandhom ikunu mfassla, maħsuba u adottati bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom filwaqt li fl-istess ħin ma jiġux ipperikolati l-livelli adegwati tal-pensjonijiet, b’konformità sħiħa mal-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-istrateġija Ewropea 2020;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu r-riformi meħtieġa sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet; jemmen li sabiex l-etajiet effettivi tal-irtirar jiżdiedu b’suċċess, jeħtieġ li r-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jiġu akkumpanjati minn politiki li jillimitaw l-aċċess għall-iskemi tal-irtirar bikri u toroq oħra ta’ ħruġ bikri, li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-ħaddiema aktar kbar fl-età, jiggarantixxu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, jintroduċu politiki tat-taxxa favorevoli li joffru inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ b’saħħtu attiv; jenfasizza l-aċċelerazzjoni tal-pressjoni maħluqa mill-iżviluppi demografiċi fuq il-baġits nazzjonali u s-sistemi tal-pensjonijiet issa li l-ewwel koortijiet tal-“ġenerazzjoni baby boom” qegħdin jirtiraw; jinnota l-progress inekwu u l-livelli irregolari ta' ambizzjoni madwar l-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali mmirati biex iżidu l-impjieg, ineħħu gradwalment l-skemi ta' rtirar bikri u jevalwaw, fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali, il-ħtieġa li l-etajiet tal-irtirar kemm statutorju kif ukoll effettiv jitqiegħdu fuq livell sostenibbli konformi ma' żidiet fl-istennija tal-għomor; jenfasizza li l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw riformi gradwali issa jistgħu fi stadju aktar tard isibu ruħhom f'xenarju fejn ikollhom jimplimentaw riformi mqanqla minn xokk u b'konsegwenzi soċjali sinifikanti;

47.

Huwa mħasseb dwar ir-riskju tal-pensjonijiet inadegwati għall-ġenerazzjoni ta' Ewropej żgħażagħ li attwalment jinsabu qiegħda jew f'impjiegi prekarji u li se jaffaċċjaw età ta' rtirar aktar għolja u perjodi ta' kalkolu tal-pensjoni itwal;

Stabbilizzaturi soċjali Ewropej

48.

Jinnota li l-politika tal-ħarsien soċjali, partikolarment il-benefiċċji għall-qgħad, appoġġ minimu tal-introjtu u tassazzjoni progressiva, inizjalment għenu biex inaqqsu l-profondità tar-riċessjoni u stabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum; jenfasizza, madankollu, li l-kapaċità ta’ dawn l-istabbilizzaturi ekonomiċi u soċjali ġiet imnaqqsa b'mod inkwetanti f’dawk l-Istati Membri fejn tali stabbilizzaturi huma l-aktar meħtieġa; jinnota li konsegwentement, l-introjti tal-familji u d-domanda domestika ġew imħarsa anqas;

49.

Jemmen, li l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ Bonus-Malus toħloq sitwazzjoni ta' rebħa għall-partijiet kollha involuti;

50.

Jenfasizza li f'xi każijiet, il-politiki soċjali u l-istandards soċjali ntużaw bħala fatturi ta' aġġustament minħabba r-rekwiżiti ta' konsolidazzjoni fiskali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsegwenzi li dawn il-proċessi għandhom għall-istati tal-benessri nazzjonali u għaċ-ċittadini; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali, u jiżguraw li dawn ikomplu jipproteġu lill-persuni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

51.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-persuni li jindukraw, kemm f'termini tal-provvista tal-kura u l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali, filwaqt li tfakkar li l-interessi tal-persuni li jindukraw rari jiġu kkunsidrati fil-politiki li xorta jkollhom impatt fuqhom b'mod konsistenti u ġenerali;

52.

Jemmen, li l-finanzjament mill-UE jista’ jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità tal-persuni li jindukraw fir-rigward tal-provvista tal-appoġġ (eż. appoġġ emozzjonali, skambji, u informazzjoni) u tal-affermazzjoni, u li jkun jista' wkoll jappoġġa skambju ta' informazzjoni, riċerka u networking. jemmen ukoll li jistgħu jiġu esplorati miżuri leġiżlattivi, abbażi tar-rispett lejn il-kompetenza nazzjonali u l-prinċipju tas-solidarjetà u li dan jista' jieħu l-forma ta', pereżempju, direttiva dwar il-liv għall-persuni li jindukraw;

53.

Jenfasizza l-ħtieġa li ġejja għal persuni kwalifikati li jindukraw minħabba bidliet demografiċi u l-importanza li jiġu żgurati kemm it-taħriġ kif ukoll l-edukazzjoni għal persuni li jindukraw futuri sabiex jiġi evitat il-kollass tas-sistema kollha tal-kura u tas-sigurtà soċjali; jikkunsidra wkoll l-importanza li jiġi pprovdut l-appoġġ massimu għal persuni li jindukraw (b’mod speċjali persuni li jindukraw b’mod informali) li l-kontribut tagħhom jeħtieġ li jiġi rikonoxxut;

54.

Jenfasizza l-importanza tas-servizzi tal-ospizju u dawk palljativi bħala parti mill-kura fit-tul; jinnota, li minħabba l-kompożizzjoni multiprofessjonali, il-flessibbiltà, u l-kooperazzjoni ma’ setturi oħrajn professjonali, il-persuni li jindukraw u l-utenti tat-timijiet palljativi mobbli għandhom il-potenzjal li jnaqqsu d-differenzi kruċjali fis-sistemi ta’ kura fit-tul;

Il-ħtieġa ta' tisħiħ tal-leġittimità demokratika u d-djalogu soċjali

55.

Jenfasizza li r-riformi kollha tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu bbażati fuq koordinazzjoni rinforzata tad-djalogu soċjali;

56.

Jenfasizza li t-Trojka kkonfermat li parteċipazzjoni ta' kwalità għolja mis-sħab soċjali u djalogu soċjali b'saħħtu, inkluż fil-livell nazzjonali, huma essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe riforma, u li partikolarment fir-riformi tal-UEM, ir-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess ġdid ta' governanza ekonomika, speċjalment fis-Semestru Ewropew, għandu jiġi infurzat; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tinvolvi s-sħab soċjali b’mod aktar sħiħ fil-proċess tas-Semestru Ewropew, fost l-oħrajn fil-qafas tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali qabel l-adozzjoni annwali tas-SAT;

57.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jiżguraw li parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jinkorporaw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-għanijiet tal-impjiegi, dawk soċjali u dawk edukattivi ta' Ewropa 2020 b’mod aktar effikaċi fis-Semestru Ewropew 2014;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0447.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0515.

(3)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 116.

(4)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 81

(5)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 87.

(6)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0419.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0266.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2013)0036.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2013)0365.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI SE JIĠU ADOTTATI MILL-KUNSILL EWROPEW U L-GWIDA POLITIKA TIEGĦU

Rakkomandazzjoni 1: dwar l-Indikaturi Soċjali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jilqa' l-fatt li din is-sena, għall-ewwel darba, l-abbozz ta' Rapport ta' Impjieg Konġunt anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jinkludi tabella ta' valutazzjoni għal politiki ta' impjiegi u soċjali, li se jgħinu biex isaħħu l-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-impjieg u soċjali bħala parti mill-monitoraġġ makroekonomiku fi ħdan is-Semestru Ewropew; iqis li dan għandu jħalli impatt fuq il-gwida politika fis-Semestru Ewropew bħala infurzar tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li mhuwiex biss mixtieq, iżda wkoll meħtieġ sabiex jindirizza l-kriżi u jipprevjeni diverġenzi soċjoekonomiċi serji fiż-żona tal-euro, filwaqt li b’hekk itejjeb is-sostenibbiltà tagħha;

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-rwol limitat tal-Parlament Ewropew fis-Semestru Ewropew; jiddeplora l-fatt li ftit li xejn sar progress mill-Kummissjoni u l-Kunsill biex isaħħu l-iskrutinju demokratiku tal-gwida politika ekonomika; Huwa tal-fehma li, skont it-Trattati eżistenit, l-Artikolu 136 TFUE jippermetti lill-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u permezz tal-votazzjoni tal-Istati Membri biss li l-valuta tagħhom hija l-euro, li jadotta linji gwida vinkolanti dwar il-politika ekonomika għall-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li mekkaniżmu ta' inċentiv isaħħaħ in-natura vinkolanti tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jistieden li jkun hemm Ftehim Interistituzzjonali li jinvolvi lill-Parlament fl-abbozzar u l-approvazzjoni tal-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u l-Linji Gwida dwar il-Politika Ekonomika u l-Impjiegi;

Jinnota, madankollu, li dawn l-indikaturi ma ġewx magħmula vinkolanti, bħat-tabella ta' valutazzjoni tal-Proċedura dwar l-Iżbilanċ Makroekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw din is-sitwazzjoni fid-dawl tal-iżbilanċi soċjali u tal-impjieg li qed jikbru fl-UE;

Jiddispjaċih li l-indikaturi tal-impjieg u soċjali proposti mill-Kummissjoni huma insuffiċjenti biex ikopru b'mod komprensiv is-sitwazzjonijiet ta' impjieg u soċjali tal-Istati Membri; jitlob li t-tabella ta’ valutazzjoni tinkludi indikaturi supplementari, b’mod partikolari livelli ta’ faqar fost it-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, u indiċi ta’ xogħol deċenti, sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa tas-sitwazzjoni soċjali fl-Istati Membri; L-indikaturi għandhom, wara konsultazzjoni mal-Parlament, jiġu rieżaminati fuq bażi regolari; billi hemm nuqqas ta’ arranġamenti li jiżguraw li l-Kunsill Ewropew jirrispetta l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma jadotta kull sena l-prijoritajiet proposti mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

Rakkomandazzjoni 2: Il-Eurogrupp fil-livell tal-ministri għax-xogħol u għall-affarijiet soċjali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jenfasizza l-importanza, kull meta jkun meħtieġ, tal-laqgħa tal-Ministri għax-xogħol u l-affarijiet soċjali tal-Grupp tal-euro is-Summits tal-Euro. Laqgħat konġunti biex jiksbu pożizzjoni koerenti bejn il-Kunsilli tal-EPSCO u l-ECOFIN huma daqstant kruċjali, sabiex jiżguraw li l-kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg jiġu indirizzati b’mod aktar sħiħ fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet taż-żona tal-euro u bil-għan li jikkontribwixxu għal-laqgħat tal-kapijiet tal-istat u tal-gvern taż-żona tal-euro;

Rakkomandazzjoni 3: Ftehim biex Jiżdiedu l-Investimenti u l-Produttività fl-UE

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jinnota li filwaqt li riformi strutturali jistgħu jagħtu l-frott fi żmien medju jew fit-tul, il-ħtieġa li tkun stimolata d-domanda interna tal-UE tirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Kunsill itejbu l-investiment sabiex isostni t-tkabbir u impjiegi ta’ kwalità fi żmien qasir u jtejjeb il-potenzjal fi żmien medju; jinnota li l-objettivi ewlenin diġà ġew definiti fl-istrateġija Ewropa 2020 u fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi miftiehem f’Ġunju 2012, iżda li l-finanzjament irid jiżdied; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu pakkett ta’ investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG tal-UE sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika fuq perjodu qasir ta’ żmien u fl-istat attwali tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif kien iddikjarat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli (2013/2045(INI));

Jilqa' l-fatt li fis-SAT 2014, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jipproteġu jew jippromwovu l-investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-azzjoni dwar l-enerġija u l-klima; iqis dan bħala insuffiċjenti, madankollu, biex jippermetti lill-Istati Membri b’baġits diġà limitati biex jilħqu dan il-għan;

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan li jgħin lil dawk l-Istati Membri jagħmlu l-investimenti produttivi meħtieġa, pereżempju fl-edukazzjoni u r-riċerka u żvilupp, minħabba l-potenzjal tagħhom li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi;

Rakkomandazzjoni 4: Impjiegi ta' kwalità u Pagi Diċenti biex tiżdied il-produttività

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Kostijiet ta' Unità Lavorattiva, kostijiet tal-produzzjoni u marġnijiet tal-profitt

Jitlob għal swieq tax-xogħol aktar adattivi u dinamiċi, li kapaċi jadattaw għal tfixkil fil-qagħda ekonomika mingħajr ma jikkawżaw sensji u aġġustamenti eċċessivi fil-pagi; ifakkar li l-kapaċità tal-akkwist ta' diversi ħaddiema tal-UE naqset bil-kbir, id-dħul tal-familji naqas u d-domanda interna naqset, filwaqt li b’hekk ingħatat spinta lill-qgħad u l-esklużjoni soċjali, partikolarment f’dawk il-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi; jinnota li t-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol li jissarrfu f'pagi/salarji ma tistax tkun l-unika strateġija għall-akkwist mill-ġdid tal-kompetittività; Jinnota li l-Kummissjoni dwar is-SAT 2014 tenfasizza li l-pajjiżi ewlenin bl-ispazju meħtieġ għall-manuvrar jistgħu jżidu l-pagi bħala mod kif iżidu l-infiq, jitlob ambizzjoni f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet sabiex jiġu promossi tkabbir ibbilanċjat u ħolqien tal-impjiegi fiż-żona tal-Euro;

Salarji u Paga Diċenti

Il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanza u jiggarantixxu paga diċenti; Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu billi jsegwi politiki tas-suq tax-xogħol li jimmiraw li jiżguraw pagi li jiggarantixxu l-għajxien għal dawk li jaħdmu, li mhuwiex importanti biss għall-koeżjoni soċjali u l-ġustizzja fis-soċjetà iżda hu importanti wkoll biex iżomm l-ekonomija b'saħħitha.

Il-Kwalità tal-Impjiegi

Jirrakkomanda li tingħata aktar enfasi lis-CSR 2014 tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-impjiegi li hija essenzjali f'ekonomija b'għarfien intensiv sabiex tippromwovi produttività għolja tax-xogħol u innovazzjoni rapida abbażi ta' forza tax-xogħol bi standards diċenti tas-saħħa u s-sikurezza, sens ta' sigurtà u ħinijiet tax-xogħol raġonevoli; Il-gwida tal-politika għandha tiffoka partikolarment fir-rigward tal-aċċess tal-ħaddiema għal sett ewlieni ta' drittijiet tax-xogħol, kif stabbiliti fit-Trattati u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri;

Jiġġieled kontra l-eżistenza u l-proliferazzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u impjieg indipendenti falz u biex jiġi żgurat li persuni b'kuntratti temporanji jew part-time jew li jaħdmu għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali adegwata u aċċess għal taħriġ;

Jiżgura l-infurzar effettiv tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol;

Rakkomandazzjoni 5: Riformi biex itejbu l-parteċipazzjoni f'xogħol ta' kwalità

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Il-pjanijiet nazzjonali ġenerali u għall-impjieg taż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-preżentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ġenerali u tal-impjieg taż-żgħażagħ fis-CSR 2014;

Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-kwalità tal-impjiegi, it-taħriġ u l-aċċess għal taħriġ tul il-ħajja, id-drittijiet ċentrali tal-ħaddiema, u l-appoġġ għall-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-impjieg indipendenti billi żżid is-sigurtà għall-ħaddiema fir-rakkomandazjzonijiet speċifiċi għall-pajjiż fuq il-bażi tas-SAT 2014;

Ir-riformi fis-Suq tax-Xogħol u l-Politiki Attivi tax-Xogħol

Ir-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jiffokaw fuq iż-żieda tal-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex itejbu l-kompetittività ekonomika tal-UE u jiffaċilitaw it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli filwaqt li jiġu rispettati b’mod strett kemm il-forma u kemm is-sustanza tal-Aquis Soċjali Ewropew u l-prinċipji tiegħu; Ir-riformi fis-swieq tax-xogħol għandhom jiġu implimentati b’mod li jippromwovu l-kwalità tal-impjiegi;

Ir-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu flessibiltà interna sabiex imantnu l-impjieg fi żminijiet ta' disturb ekonomiku, u għandhom jiżguraw il-kwalità tal-impjieg, is-sikurezza fi tranżizzjonijiet ta' impjieg, il-provvista ta' skemi ta' benefiċċju għall-qgħad li huma bbażati fuq rekwiżiti ta' attivazzjoni u konnessi ma' politiki ta' riintegrazzjoni li jmantnu l-inċentivi tax-xogħol filwaqt li jiżguraw introjtu diċenti u t-twaqqif ta' arranġamenti kuntrattwali li jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, jantiċipaw ir-ristrutturar ekonomiku u jiżguraw aċċess għal tagħlim tul il-ħajja;

L-indirizzar ta' nuqqas ta' qbil tal-ħiliet

Monitoraġġ aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet f'setturi speċifiċi u/jew reġjuni u rimedju malajr għan-nuqqas ta' qbil ta' dawn il-ħiliet.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-elaborazzjoni tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE sabiex jipprovdu stampa komprensiva tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE.

It-trawwim ta’ kooperazzjoni u sinerġiji bejn is-settur edukattiv tat-taħriġ u l-impriżi biex ikunu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet u s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ jiġu adatti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bl-objettiv li l-forza tax-xogħol tkun ipprovduta bil-ħiliet meħtieġa u tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol, f'dan il-kuntest l-iskemi ta' tagħlim doppju għandu jkollhom rwol ewlieni;

Il-promozzjoni tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi ta' età kollha, mhux biss permezz ta' taħriġ formali iżda wkoll permezz tal-iżvilupp ta' taħriġ mhux formali u informali.

Tiġi stabbilita sistema ta' validazzjoni ta' taħriġ mhux formali u informali sal-2015 konness mal-Qafas ta' Kwalifikazzjoni Ewropew;

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ

Jappella sabiex jitwaqqaf Ftehim Ewropew għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri li ilu li kien hemm ftehim dwarhom u li jiġu impenjati riżorsi u mizuri ġodda biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), billi jiġi kkunsidrat l-aspett kwalitattiv ta’ xogħol deċenti bir-rispett sħiħ tal-istandards ewlenin tax-xogħol;

L-Istati Membri għandhom jimplementaw b'urġenza l-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ; u jużaw ir-riżorsi disponibbli b'mod effiċjenti filwaqt li jikkonċentraw l-attivitajiet fuq dawk fl-aktar sitwazzjoni diffiċli.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun prijorità biex iżżid il-baġit disponibbli fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP;

Il-Kummissjoni għandha tipproponi qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ, li jinkludi fost l-oħrajn il-kriterji għal miri edukattivi, xogħol xieraq; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali Ewropej jimplimentaw b’mod ambizzjuż l-Alleanza għall-Edukazzjoni;

L-anzjani u l-persuni li ilhom qegħda

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw opportunitajiet ta' impjieg għal ħaddiema akbar fl-età, jiggarantixxu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, jintroduċu politiki ta' benefiċċji fiskali li jagħtu inċentivi biex il-ħaddiema idumu jaħdmu aktar, u jappoġġaw it-tixjiħ attiv b'saħħtu;

Persuni li ilhom qiegħda fit-tul għandhom jiġu appoġġati permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u approċċi ta' inklużjoni attivi integrati, inkluż inċentivi ta' attivazzjoni pożittivi bħal gwida personalizzata u programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, sistemi ta' benefiċċji adegwati u aċċess għal servizzi ta' kwalità biex jappoġġawhom fl-ikkonnettjar mill-ġdid mas-suq tax-xogħol u fl-aċċess għal impjiegi ta' kwalità;

In-nisa

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed aktar enfasi fuq iż-żieda sinifikanti tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol li hija importanti għall-kisba tal-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 għar-rata ta' impjieg; Jitlob miżuri bħal kura affordabbli u kura tat-tfal affordabbli, skemi ta' live ta' maternità, paternità u parentali adegwati u flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol u l-post tax-xogħol;

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR);

Gruppi prijoritarji oħrajn

L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-Programi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom miżuri ewlenin dwar l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali adottati mill-Istrateġija Ewropea għal persuni b'diżabbiltà. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea li dawn il-miżuri huma parti mir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont il-pajjiż fl-2014.

Jappella għall-inklużjoni tal-integrazzjoni tal-minoranzi fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hija importanti biex tinkiseb il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 għar-rata ta' impjieg; Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw il-livell baxx ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi (e.ż. ir-Rom).

Rakkomandazzjoni 6: It-titjib tal-mobilità tax-xogħol volontarja

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jemmen li minħabba n-numru ta’ ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li qed jitilqu l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra bi tfittxija ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati. Sabiex tiġi garantita l-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni u l-kontinwazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg għal tal-anqas tliet xhur waqt li r-reċipjent ikun qed ifittex xogħol fi Stat Membru ieħor, il-leġiżlazzjoni tal-UE qed tiġi emendata fil-preżent. Intlaħaq ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-portabilità transkonfinali ta' drittijiet tal-pensjonijiet supplimentari;

Rakkomandazzjoni 7: Lejn sistemi ta' tassazzjoni aktar ġusti

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jinnota li reċentement il-Fond Monetarju Internazzjonali innota li hemm skop biex jiġi intaxxat aħjar u b'mod aktar progressiv, li jista' jgħin biex inaqqas l-inugwaljanzi fl-UE; jenfasizza li billi hemm il-ħtieġa li l-piż tat-taxxa jitneħħa minn fuq il-ħaddiema u jmur lejn forom oħra ta' taxxa sostenibbli sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u jkun hemm dħul addizzjonali fil-proċess, sabiex titjieb il-leġittimità tal-isforz ta' konsolidazzjoni;

Rakkomandazzjoni 8: Il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandhom jitnaqqsu

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

L-Istati Membri għandhom jinfurzaw in-network tas-sikurezza u jiżguraw l-effikaċja tas-sistemi tal-benessri kif ukoll jinvestu f'miżuri ta' prevenzjoni;

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku fuq il-progress lejn il-miri ewlenin ta’ Ewropa 2020 f’dawk l-Istati Membri li jkollhom diffikultajiet finanzjarji u li tilħaq qbil dwar modifikazzjonijiet immirati biex iġibu l-programmi ta’ aġġustament konformi mal-objettivi ta’ Ewropa 2020;

Rakkomandazzjoni 9: Pensjonijiet sostenibbli

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu r-riformi meħtieġa biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, jemmen li sabiex l-etajiet effettivi tal-irtirar jiżdiedu b’suċċess, jeħtieġ li r-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jiġu akkumpanjati minn politiki li jillimitaw l-aċċess għall-iskemi tal-irtirar bikri u toroq oħra ta’ ħruġ bikri, li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-ħaddiema aktar kbar fl-età, jiggarantixxu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, jintroduċu politiki ta’ benefiċċji tat-taxxa li joffru inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ b’saħħtu attiv;

Jenfasizza l-aċċelerazzjoni tal-pressjoni maħluqa mill-iżviluppi demografiċi fuq il-baġits nazzjonali u s-sistemi tal-pensjonijiet issa li l-ewwel koortijiet “tal-ġenerazzjoni baby boom” qegħdin jirtiraw; jinnota l-progress inekwu u l-livelli irregolari ta' ambizzjoni madwar l-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali mmirati biex iżidu l-impjieg, ineħħu gradwalment l-skemi ta' rtirar bikri u jevalwaw, fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali, il-ħtieġa li l-età tal-irtirar kemm statutorju kif ukoll effettiv jitqiegħdu fuq livell sostenibbli ma' żidiet fl-istennija tal-għomor; jenfasizza li l-Istati Membri li jonqsu milli jimplimentaw riformi gradwali issa jistgħu fi stadju aktar tard isibu ruħhom f'xenarju fejn ikollhom jimplimentaw riformi mqanqla minn xokk u b'konsegwenzi soċjali sinifikanti.

Rakkomandazzjoni 10: Stabbilizzaturi soċjali Ewropej

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jinnota li l-politika tal-ħarsien soċjali, partikolarment il-benefiċċji għall-qgħad, appoġġ minimu tal-introjtu u tassazzjoni progressiva, inizjalment għenu biex inaqqsu l-profondità tar-riċessjoni u stabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum; jenfasizza, madankollu, li l-kapaċità ta’ dawn l-istabbilizzaturi ekonomiċi u soċjali ġiet imnaqqsa b'mod inkwetanti f’dawk l-Istati Membri fejn tali stabbilizzaturi huma l-aktar meħtieġa; jinnota li konsegwentement, l-introjti tal-familji u d-domanda domestika ġew imħarsa anqas;

Jenfasizza li f'xi każijiet, il-politiki soċjali u l-istandards soċjali ntużaw bħala fatturi ta' aġġustament minħabba r-rekwiżiti ta' konsolidazzjoni fiskali; Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsegwenzi li dawn il-proċessi għandhom għall-istati tal-benessri nazzjonali u għaċ-ċittadini tagħhom; Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali, u jiżguraw li dawn ikomplu jipproteġu lill-persuni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Rakkomandazzjoni 11: Il-leġittimità demokratika u d-djalogu soċjali għandhom jissaħħu

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li se tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew fuq il-bażi tas-SAT għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin.

Jenfasizza li r-riformi kollha tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu bbażati fuq koordinazzjoni rinforzata tad-djalogu soċjali;

l-infurzar ta' parteċipazzjoni ta' kwalità għolja tas-sħab soċjali u djalogu soċjali b'saħħtu, anki fil-livell nazzjonali, li hija essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe riforma u partikolarment fir-riformi tal-UEM, ir-rwol tas-sħab soċjali fil-Governanza Ekonomika l-ġdida, partikolarment fis-Semestru Ewropew

Jimplimenta l-proposta tal-Kummissjoni għal involviment aktar b'saħħtu tas-sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew, fost l-oħrajn fil-qafas tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali qabel l-adozzjoni annwali tas-SAT,

Il-Kunsill Ewropew u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda;

Il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jintegraw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-għanijiet tal-impjiegi, soċjali u edukattivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 b’mod aktar effikaċi fis-Semestru Ewropew 2014;


Top