Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0071

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))

    ĠU C 289, 9.8.2016, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 289/65


    P8_TA(2014)0071

    Suq uniku diġitali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))

    (2016/C 289/11)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 26, 36, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 21, 38 u 52 tagħha,

    wara li kkunsidra l-proċedura ta' kodeċiżjoni 2013/0309 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness (COM(2013)0627),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem “E–commerce Action Plan 2012-2015 – State of play 2013” (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

    wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 26 tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2013,

    wara li kkunsidra r-rapporti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni tal-2014,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-politika Ewropea tal-konsumatur (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata “Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun” (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur (8),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar “Kif wieħed jista' jibni soċjetà diġitali tal-UE li tkun dejjem aktar preżenti kullimkien”,

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu bl-isem “Entertainment x.0 to boost broadband deployment” (Divertiment x.0 bħala spinta għat-tifrix tal-broadband),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern (10),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar id-diskriminazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali,

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014 fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, fejn id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data ġiet dikjarata invalida,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mill-oqsma ta' progress li, għalkemm jinvolvu sfidi, joffru potenzjal għal gwadanji effiċjenti ħafna li jistgħu jammontaw għal EUR 260 biljun fis-sena, u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi;

    B.

    billi l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali joħloq miljuni ta' impjiegi u għandu l-potenzjal li jippermetti lill-Ewropa tiggwadanja 4 % fi PDG sal-2020;

    C.

    billi l-ekonomija tal-app waħidha mistennija li tittriplika l-fatturat mill-2013 sal-2018, bil-ħolqien ta' 3 miljun impjieg fl-istess perjodu;

    D.

    billi l-Parlament ikkummissjona studju ta' analiżi dwar il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku Diġitali, li jsaħħaħ l-importanza li s-soluzzjonijiet diġitali jitqiesu bħala opportunità u mhux bħala theddida għall-konsumaturi, ċittadini u intrapriżi;

    E.

    billi l-Unjoni teħtieġ li tindokra l-adozzjoni tal-massa tal-cloud computing fl-Ewropa, peress li dan jikkostitwixxi mutur b'saħħtu għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea; billi dan l-istudju jixhed gwadannji sinifikanti previsti marbutin mal-iżvilupp mgħaġġel tiegħu;

    F.

    billi l-ostakoli li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali marbuta ma' prattiki diskriminatorji bħar-restrizzjoni ta' fornituri tas-servizzi għal ċerti pajjiżi jew territorji, is-sempliċi rifjut ta' bejgħ, rotti alternattivi awtomatiċi u d-diversifikazzjoni mhux ġustifikata tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ;

    G.

    billi l-pagamenti bil-mowbajl u l-pagamenti elettroniċi siguri, effiċjenti, kompetittivi u innovativi huma kruċjali jekk il-konsumaturi għandhom igawdu mill-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;

    H.

    billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, kif ukoll iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u għall-ksib tal-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

    I.

    billi d-disponibilità transEwropea ta' aċċess mifrux, ta' veloċità għolja u sigur għal internet ta' veloċità għolja u ta' servizzi diġitali fl-interess pubbliku hi essenzjali għat-tkabbir soċjali u ekonomiku, il-kompetittività, l-inklużjoni soċjali u s-suq uniku;

    J.

    billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali, għandhom jgħinu biex ikun żgurat li l-Ewropa tibqa' kompetittiva fit-terminu medju u dak twil;

    K.

    billi l-iskjerament rapidu ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja hu kruċjali għall-iżvilupp tal-produttività Ewropea u għall-iżvilupp ta' intrapriżi ġodda u żgħar li jistgħu jkunu mexxejja f'setturi differenti, pereżempju, l-industriji għall-kura tas-saħħa, l-immanifatturar u tas-servizzi;

    L.

    billi s-settur privat għandu jwettaq rwol ewlieni fid-distribuzzjoni u l-immodernizzar ta' netwerks tal-broadband, bis-sostenn ta' qafas regolatorju kompetittiv u qrib tal-investiment;

    M.

    billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi tal-ekonomija u għalhekk qed ikollu rwol ewlieni fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiffaċilita wkoll l-ottemperanza amministrattiva u finanzjarja tan-negozji u joffri lill-konsumaturi għażla usa' ta' prodotti u servizzi;

    N.

    billi s-suq uniku diġitali mhux biss joffri benefiċċji ekonomiċi iżda għandu wkoll impatt profond fuq il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' kuljum tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE;

    O.

    billi suq uniku diġitali kompetittiv ma jistax jeżisti mingħajr netwerks ta' broadband u ta' telekomunikazzjonijiet veloċi u ta' aktar kapaċità fir-reġjuni kollha tal-UE, inklużi ż-żoni remoti;

    P.

    billi d-distakk diġitali attwali li qed ikompli jikber qed ikollu impatt negattiv dirett fuq l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kemm fir-rigward tal-aċċess għall-internet kif ukoll għall-e-skills (ħiliet elettroniċi);

    Q.

    billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u għall-ksib tal-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

    R.

    billi s-swieq online, jekk iridu jikbru u jespandu, jeħtieġ li jkunu sew aktar flessibbli kif ukoll ta' użu faċli għall-konsumatur;

    S.

    billi l-kummerċ elettroniku jikkumplementa b'mod sinifikanti n-negozju offline u huwa mutur ewlieni għall-għażla tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, u b'hekk jikkontribwixxi għall-konverġenza tal-Unjoni Ewropea f'ekonomija tal-għarfien;

    T.

    billi kompetizzjoni mingħajr tfixkil u kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji, li se jsaħħu l-investiment, huma vitali għal dan is-settur tal-ekonomija peress li se jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul għall-benefiċċju tal-utenti finali; billi kompetizzjoni effettiva hija mutur tajjeb għal investiment effiċjenti u tista' tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità;

    U.

    billi f'xi oqsma tas-suq uniku diġitali hemm dgħufijiet li jiġu minn konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u operaturi dominanti;

    V.

    billi l-isfida tal-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' interoperabbiltà fl-Unjoni Ewropea huma ostaklu għall-iżvilupp rapidu tas-suq uniku diġitali;

    W.

    billi l-impjiegi li nħolqu permezz tas-suq uniku diġitali huma, bħala medja, impjiegi bi kwalifiki għolja u mħallsin tajjeb u huma kontribut importanti għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli;

    X.

    billi l-Kummissjoni għandha tgħasses li ma jkunx hemm imġiba monopolistika fir-rigward tal-pluralità tal-midja, f'termini kemm ta' provvediment ta' kontenut kif ukoll tas-sjieda tal-kontenut, għax l-aċċess għall-informazzjoni hu kruċjali għal demokrazija b'saħħitha;

    1.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, permezz ta' sforzi tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u l-infurzar ta' dawn ir-regoli, biex, bħala parti minn strateġija ġenerali, jindirizzaw l-ostakli eżistenti kollha li qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri jiġu vvalutati fir-rigward tal-impatt tagħhom, fuq kemm huma tajbin għall-futur u adegwati għall-era diġitali; jemmen li dawn l-isforzi jeħtieġ li jkunu fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tagħha fi ħdan l-ekonomija globali;

    2.

    Jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva relatata mas-suq diġitali uniku trid tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sabiex id-drittijiet minquxa fiha jkunu protetti bis-sħiħ fil-qasam diġitali;

    3.

    Jenfasizza partikolarment il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku, li huwa stmat li bih il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw aktar minn EUR 11,7 biljun fis-sena jekk ikunu f'pożizzjoni li jistgħu jagħżlu mill-firxa kollha ta' prodotti u servizzi tal-UE meta jixtru online;

    4.

    Filwaqt li jilqa' t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku, jinnota l-pożizzjoni dominanti f'xi Stati Membri ta' ftit atturi biss fil-bejgħ dirett ta' prodotti fiżiċi jew fil-pjattaforma bbażata fuq is-suq għal oħrajn biex ibigħu prodotti fiżiċi; jenfasizza l-ħtieġa fil-livell Ewropew biex jiġi sorveljat u evitat l-abbuż ta' tali pożizzjonijiet dominanti fir-rigward tad-disponibbiltà ta' prodotti għal konsumaturi u l-ħlasijiet rikjesti mill-SMEs għall-użu ta' tali pjattaformi bbażati fuq is-suq;

    5.

    Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk diġitali jiġi indirizzat u miġġieled għal apprezzament sħiħ tal-potenzjal tas-suq diġitali uniku, u jenfasizza l-ħtieġa li tkun possibbli l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-soċjetà fl-era diġitali, irrispettivament mill-introjtu, is-sitwazzjoni soċjali, il-lokazzjoni ġeografika, is-saħħa jew l-età tagħhom;

    6.

    Jinnota b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli li għad hemm għall-konsumaturi u għan-negozji rigward il-kummerċ elettroniku, inklużi s-servizzi online, l-aċċess għall-kontenut diġitali, il-prevenzjoni tal-frodi, ir-reġistrazzjonijiet tal-websajts, il-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-ittikkettar;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tas-suq uniku għas-servizzi u l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' regoli bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, soluzzjoni online għat-tilwim, filwaqt li tiżgurat li l-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu;

    8.

    Jitlob li jiġi adottat bil-ħeffa l-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data mmodernizzat ħalli jipprovdi bilanċ xieraq bejn, minn naħa, livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, sikurezza tal-utenti u kontroll fuq id-data personali tal-individwi u, min-naħa l-oħra, kwadru leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li fih in-negozji jkunu jistgħu jiffjorixxu fi ħdan suq uniku għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, kundizzjonijiet indaqs li jġibu 'l quddiem l-investiment, u ambjent li jikkontribwixxi għall-attrattività tal-UE kollha kemm hi bħala destinazzjoni għan-negozji; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika permezz ta' miżuri leġiżlattivi u kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet, sew fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

    9.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku diġitali jkollhom kundizzjonijiet indaqs, ħalli jkunu jistgħu jikkompetu; jitlob lil l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza sewwa r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex tipprevjeni konċentrazzjonijiet eċċessivi tas-suq u abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, kif ukoll tissorvelja l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kontenuti u s-servizzi miġbura f'daqqa;

    10.

    Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji fis-suq uniku diġitali biex niggarantixxu ekonomija diġitali ħajja fl-UE; jenfasizza li infurzar eżawrjenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali se jkun fattur determinanti għat-tkabbir tas-suq, l-aċċess tal-konsumaturi u s-setgħa tagħhom li jagħżlu, u l-kompetittività fit-tul; jenfasizza l-importanza li fil-livell online l-konsumaturi jingħataw l-istess protezzjoni li jgawdu minnha fis-swieq tradizzjonali tagħhom;

    11.

    Iqis li l-Kummissjoni għandha taġixxi biex toħloq u tiżgura ambjent leġiżlattiv u ġuridikament ċert li jiffavorixxi l-kreattività u l-innovazzjoni għan-negozji li jkunu għadhom qed jibdew, il-mikroimpriżi u l-SMEs;

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress rapidu u jiftaħ negozjati mal-Parlament dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, minħabba li dan ikollu l-effett konkret li jtemm il-ħlasijiet għar-roaming fi ħdan l-UE, joffri aktar ċertezza ġuridika rigward in-newtralità tal-internet, u jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan is-suq uniku; jemmen li dan ir-regolament jista' jikkostitwixxi pass kruċjali lejn it-twettiq ta' suq uniku Ewropew għas-servizzi ċellulari;

    13.

    Jitlob lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva għal intraprenditorija diġitali, peress li din hija kritika għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u ideat innovattivi, inklużi miżuri biex itejbu l-aċċess għall-finanzi għal intreprendituri diġitali ġodda (pereżempju permezz ta' crowdsourcing) u jinkoraġġixxu intraprendituri li fallew jieħdu ċans ieħor;

    14.

    Jenfasizza li jeħtieġ li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat, min jirċievi, it-tip, il-kontenut, l-apparat, is-servizz jew l-applikazzjoni;

    15.

    Jinnota li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali, fid-dawl tal-iżvilupp potenzjali tal-magni tat-tiftix fi gwardjani li jirregolaw l-aċċess, u l-possibbiltà li għandhom li jikkummerċjalizzaw l-isfruttament sekondarju tal-informazzjoni li tinkiseb; jitlob li l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b'mod deċiżiv, abbażi ta' kontributi mill-persuni interessati kollha u fil-qies tal-istruttura sħiħa tas-suq uniku diġitali, bil-għan li tiżgura li jkun hemm rimedji li jibbenefikaw minnhom tassew il-konsumaturi, l-utenti tal-internet u n-negozji online; jitlob li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra proposti intiżi biex jifirdu l-magni tat-tiftix minn servizzi kummerċjali oħra, bħala mezz potenzjali għall-ilħiq, fit-tul, tal-miri msemmija hawn fuq;

    16.

    Barra minn dan, jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fil-pront biex tikkunsidra soluzzjonijiet potenzjali li jersqu lejn struttura tat-tiftix tal-internet ibbilanċjata, ġusta u miftuħa;

    17.

    Jenfasizza li, fit-tħaddim tal-magni tat-tiftix għall-utenti, jeħtieġ li l-proċess u r-riżultati tat-tiftix ikunu imparzjali, b'tali mod li t-tiftix fuq l-internet jibqa' nondiskriminatorju, ikun żgurat li jkun hemm aktar kompetizzjoni u għażla għall-konsumaturi, u tinżamm id-diversità tas-sorsi ta' informazzjoni; jinnota, għaldaqstant, li l-indiċizzazzjoni, l-evalwazzjoni, il-preżentazzjoni u l-gradazzjoni min-naħa tal-magni tat-tiftix irid ikun imparzjali u trasparenti; jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe abbuż fil-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi interkonnessi min-naħa ta' operaturi tal-magni tat-tiftix;

    18.

    Jilqa' t-tħabbira ta' investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-magni tat-tiftix u dwar is-suq diġitali b'mod ġenerali;

    19.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas effiċjenti u bbilanċjat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali, maħsub għar-realtà tal-ekonomija diġitali;

    20.

    Jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni leġiżlattiva rapida ta' dispożizzjonijiet internazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess ta' utenti b'diżabbiltà għal kontenuti diġitali, kif ukoll għal xogħlijiet stampati, permezz tad-diġitizzazzjoni ta' dawn tal-aħħar;

    21.

    Jilqa' l-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakesh li jiffaċilita l-aċċess għall-kotba għal dawk neqsin mid-dawl, u jħeġġeġ lill-firmatarji kollha jirratifikaw it-Trattat; jemmen li t-Trattat ta' Marrakesh jirrappreżenta pass tajjeb 'il quddiem, iżda li għad fadal ħafna xi jsir sabiex l-aċċess għall-kontenut jinfetaħ għall-persuni b'diżabilità, apparti dawk li huma neqsin mid-dawl; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ulterjorment l-aċċess għal firxa wiesgħa ta' oqsma, mid-drittijiet tal-awtur u l-magni tat-tiftix għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment l-oqfsa regolatorji tal-UE u nazzjonali bil-għan li jippermettu suq integrat u sikur ta' pagamenti mobbli online, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tal-klijenti; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal regoli ċari u prevedibbli li jkunu stabbiliti bil-liġi;

    23.

    Ifakkar li l-cloud computing jista' jsir strument qawwi għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, u jista' joffri benefiċċji ekonomiċi, partikolarment għall-SMEs, billi jbaxxi l-kostijiet infrastrutturali u ta' xort' oħra tal-IT; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li jekk is-servizzi tal-cloud ikunu offruti biss minn għadd limitat ta' fornituri kbar, kwantità dejjem akbar ta' informazzjoni sejra tinġabar f'idejn dawk il-fornituri; ifakkar, barra minn hekk, li l-cloud computing iġib miegħu wkoll riskji għall-utenti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-data sensittiva; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni tajba tal-istrateġija Ewropea biex jiġi ggarantit cloud computing kompetittiv u sikur;

    24.

    Jitlob li l-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet internazzjonali għall-cloud computing, li jippermettu servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, aċċessibbli, interoperabbli fi grad għoli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta' politika industrijali tal-Unjoni tal-futur; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-kompetittività;

    25.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata s-sikurezza tal-internet online, b'mod partikolari għat-tfal, u biex jiġi evitat l-isfruttament tat-tfal billi jkun żgurat li huma stabbiliti l-mezzi li jidentifikaw u jeqirdu l-istampi illegali tal-abbuż tat-tfal fuq l-internet, u billi jkun hemm lok għal mezzi li jżommu lit-tfal u lill-adoloxxenti milli jaċċessaw kontenut b'restrizzjoni fuq l-età;

    26.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0239.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0063.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

    (6)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.

    (7)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.

    (8)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.

    (9)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 206.

    (10)  Testi adottati, P7_TA(2014)0230.


    Top