Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0067

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE (2013/2043(INI))

ĠU C 93, 24.3.2017, pp. 47–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/47


P7_TA(2014)0067

Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE (2013/2043(INI))

(2017/C 093/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib fil-kwalità tal-ambjent”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 TFUE, li jistabbilixxi li “[f]id-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ, u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TFUE, li jistipula li “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 12 TFUE, li jistipula li “[f]id-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 26 TFUE, li jistipula li “[i]s-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”;

wara li kkunsidra l-Artikoli 49 u 56 TFUE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni,

wara li kunsidra l-Artikoli 101 u 102 TFUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għal impriżi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 169 TFUE dwar il-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur,

wara li kkunsidra d-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata mid-Direttivi 2002/39/KE u 2008/6/KE dwar is-servizzi postali,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar “Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” (COM(2012)0698),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar 'Pjan direzzjonali dwar l-ikkompletar tas-suq uniku għall-konsenja tal-pakketti. It-tiswir tal-fiduċja fis-servizzi ta' konsenja u l-għoti ta' spinta lill-bejgħ onlajn' (COM(2013)0886)

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2013 bit-titolu “E-commerce Action plan 20122015 – State of play 2013” (Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kummerċ Elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali” COM(2012)0784),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “Consumer Markets Scoreboard – Making markets work for consumers – Eighth edition” (It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur – Inġibu l-funzjonament tas-suq favur il-konsumaturi – It-Tmien Edizzjoni) (SWD(2012)0432),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir” (COM(2012)0225),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2011 bit-titolu “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” (COM(2011)0078),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2013 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” (COM(2012)0795),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 bit-titolu “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (COM(2011)0702),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu “Stħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2013” (COM(2012)0750),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (COM(2011)0144),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2007 bit-titolu “L-Aġenda tal-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa” (COM(2007)0606),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar id-“Digital Single Market and Governance of the Single Market” (Suq Uniku Diġitali u Governanza tas-Suq Uniku),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar “Suq Uniku għall-Ewropej” (4), dwar “Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir” (5) u dwar “Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur (7)

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Harsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat ghall-Impjiegi u l-Affarijiet Socjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0024/2014),

A.

billi l-kummerċ elettroniku huwa mezz b’potenzjal enormi għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tisħiħ tas-suq uniku, u għall-ħolqien ta’ tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea; billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi online ta’ Jannar 2012 tidentifika l-konsenja ta’ oġġetti mixtrija online bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin sabiex tingħata spinta lill-kummerċ elettroniku sal-2015, u l-importanza tagħha kienet imtennija mill-Kunsill u l-Parlament;

B.

billi fl-2012 is-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE kiber b’iżjed minn 20 %; billi b’mod partikolari huwa previst li l-kummerċ elettroniku transkonfinali se jimmultiplika b’fattur ta’ erbgħa; billi s-suq tal-konsenja tal-pakketti għaddej minn trasformazzjoni radikali, bid-dħul fis-suq ta’ fornituri ġodda, b’investiment orjentat lejn l-innovazzjoni, u bl-emerġenza ta’ servizzi ġodda;

C.

billi s-servizzi tal-konsenja effiċjenti u affidabbli huma kolonna kruċjali għal suq uniku diġitali reali u effettiv, li qed iħalli impatt sostanzjali f’termini ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ elettroniku u l-bini ta’ fiduċja bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja;

D.

billi l-konsenja transkonfinali hija meqjusa bħala ostaklu minn 57 % tal-bejjiegħa, filwaqt li wieħed minn kull żewġ konsumaturi jiddikjara li jinsab imħasseb dwar il-konsenja fi tranżazzjonijiet transkonfinali; billi t-tħassib dwar il-konsenja (inkluż ir-ritorn tal-prodotti) u l-ispejjeż għolja tal-konsenja jikkostitwixxu l-ogħla żewġ fatturi ta’ tħassib tal-konsumaturi rigward ix-xiri online, u qed jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku transkonfinali;

E.

billi sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni huwa vitali li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fl-operaturi u s-servizzi tal-konsenja, kif ukoll il-fiduċja fis-suq u l-għarfien tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati iżjed informazzjoni, b'faċilità akbar ta’ fehim, u iktar trasparenza dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja;

F.

billi l-SMEs li jfittxu opportunitajiet ta’ negozju fl-UE qed jiffaċċjaw kostijiet ogħla, iżjed kumplessità u nuqqas ta’ trasparenza rigward il-konsenja transkonfinali; billi l-prezzijiet għall-konsenja transkonfinali huma bejn tlieta u ħames darbiet ogħla mill-prezzijiet domestiċi; billi sistemi ta’ konsenja effettivi, sempliċi u bi prezz raġonevoli huma fattur mexxej ewlieni tas-sostenibbiltà tal-mudelli ta’ negozju tal-SMEs u tal-ħila tagħhom li jipprovdu prodotti lill-konsumaturi;

Servizzi ta’ konsenja integrati fl-Ewropa: kolonna għas-Suq Uniku Diġitali

1.

Jenfasizza li servizzi ta’ konsenja aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, effiċjenti, u ta’ kwalità għolja huma element essenzjali fix-xiri online ta’ oġġetti, u għandhom jiġu promossi billi tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta; jinnota, madankollu, li bosta konsumaturi jeżitaw li jixtru online, speċjalment xiri transkonfinali, minħabba l-inċertezzi b’rabta mal-għażliet ta’ konsenja disponibbli, mal-konsenja aħħarija, l-ispejjeż jew l-affidabilità tal-konsenja;

2.

Jilqa’ l-Green Paper imnedija mill-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet possibbli fis-suq tal-konsenja Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa ħalli tindirizza dawn in-nuqqasijiet b’mod li kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku diġitali; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni proposta għandha tikkunsidra s-sostenibbiltà tal-proċess tal-konsenja u tfittex li timminimizza l-impronta ambjentali tagħha;

3.

Jinnota li fi wħud mill-Istati Membri jeżistu dgħufijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni transkonfinali fost l-operaturi tal-konsenja, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u l-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati; iqis, b'mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti għodod biex tingħata informazzjoni dwar l-offerti tal-operaturi kollha tal-konsenja fil-livell Ewropew;

L-interessi tal-konsumatur jitqiegħdu fil-qalba tal-proċess tal-konsenja

4.

Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fil-proċess tal-konsenja; iqis li iżjed trasparenza u informazzjoni aħjar u komparabbli b’mod iktar faċli dwar għażliet ta’ konsenja disponibbli, ta' prezzijiet u ta' kundizzjonijiet huma ta’ importanza kruċjali għall-konsumaturi, b’mod speċifiku fir-rigward tal-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-ordnijiet tal-konsumatur jiġu ttrasportati kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li l-oġġetti jġarrbu ħsara jew jintilfu jew ikun hemm dewmien fil-konsenja jew ir-ritorn tagħhom;

5.

Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiġu promossi miżuri mmirati sabiex jiżguraw l-għażla tal-konsumatur waqt ix-xiri; jinnota l-vojt sinifikanti bejn l-aspettattivi tal-konsumatur u d-disponibbiltà ta’ servizzi konvenjenti u innovattivi bħal punti ta’ konsenja jew kjoskijiet jew terminals tal-pakketti, servizzi disponibbli l-ħin kollu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, soluzzjonijiet ta’ traċċar, postijiet u ħinijiet tal-konsenja faċli għall-konsumatur, jew politiki ta’ ritorn faċli;

6.

Jenfasizza li l-affidabilità tas-servizzi ta’ konsenja hija kruċjali u li huwa essenzjali li jiġu offruti sistemi effiċjenti li jiżguraw li l-pakketti jilħqu effettivament id-destinazzjoni mitluba f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

7.

Jirrimarka li l-prezz għoli tal-konsenja transkonfinali jew konsenja għal żoni remoti jew għar-reġjuni l-iktar imbiegħda huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumaturi; jenfasizza li huma assolutament meħtieġa għażliet ta’ konsenja bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi u l-bejjiegħa, inklużi l-SMEs biex jiżdiedu l-bejgħ u x-xiri fuq distanza twila u biex nistgħu nitkellmu dwar suq uniku ġenwin;

8.

Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-firxa ġeografika u l-aċċessibilità għas-servizz universali tal-konsenja ta’ pakketti f’żoni rurali u remoti;

9.

Iqis li sabiex jiġi stabbilit Suq Uniku Integrat għall-konsenja tal-pakketti, huwa vitali li jkun hemm dimensjoni soċjali stabbli u koerenti, fejn is-servizzi ta' konsenja jkunu suġġetti għall-konformità mad-drittijiet tal-ħaddiema, it-termini tal-impjieg u tar-remunerazzjoni u l-istandards soċjali u ambjentali; jinnota f'dan ir-rigward li impjiegi mhux dikjarati kif ukoll l-abbużi huma ta' riskju għas-settur u li hu importanti li jkun hemm impjiegi responsabbli u ta' kwalità għolja kif ukoll taħriġ kontinwu u adegwat tal-persunal biex ikun hemm servizzi ta' konsenja ta' kwalità għolja; jenfasizza li ż-żamma tad-dimensjoni soċjali u ta' flessibbiltà adegwata li tippermetti lis-suq tal-konsenja li jiżviluppa u jadatta għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi huma fundamentali biex jiġu ssodisfati sew it-talbiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi filwaqt li l-intrapriżi jkunu jistgħu joffrulhom prodotti aħjar li jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-esiġenzi tagħhom;

10.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza taċ-ċertezza legali li tiżgura l-fiduċja tal-konsumatur; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li l-konsumaturi jkunu informati kif suppost dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli;

11.

Jemmen li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jiddependi wkoll fuq il-fiduċja tal-klijenti u li l-ħolqien ta’ netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ problemi bħas-Solvit għandu jservi sabiex jassigura lill-konsumaturi, l-istess bħas-sistema ta' twissija RAPEX li tista' twissi dwar siti li jużaw prattiki frodulenti;

12.

Jinnota li numru dejjem akbar ta' konsumaturi qed jużaw websajts ta’ paragun biex iqabblu l-prezzijiet, il-karatteristiċi jew it-termini ta’ konsenja ta’ prodotti jew servizzi offruti minn ditti ta' konsenja, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida tal-UE dwar standards minimi għal websajts ta' paragrun, strutturati madwar il-prinċipji ewlenin ta' trasparenza, imparzjalità, kwalità, informazzjoni u faċli jintużaw mill-utenti;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex flimkien mal-industrija u ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur tiżviluppa indikaturi komuni għall-kwalità ta’ operaturi tal-konsenja, li jagħmluha possibbli għall-konsumatur iqabbel b'mod aktar preċiż l-offerti differenti;

Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs

14.

Jenfasizza r-rwol vitali tal-SMEs fil-ħolqien ta’ tkabbir, innovazzjoni u impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ; jenfasizza li s-servizzi tal-konsenja huma ta’ importanza kbira għall-SMEs Ewropej, u li suq tal-konsenja kompetittiv integrat li jiżgura għażliet ta’ konsenja u sostenn loġistiku differenti bi prezzijiet raġonevoli jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-aċċessibbiltà ta’ swieq ġodda u jilħaq iżjed konsumaturi fl-UE; jenfasizza l-importanza li jitjieb il-fluss ta’ informazzjoni lill-SMEs f’dak li jikkonċerna l-possibilitajiet li jikkonsolidaw il-volumi ta’ pakketti tagħhom u dwar is-soluzzjonijiet ta’ konsenja u ta’ ġbir innovattivi li jnaqqsu l-ispejjeż fl-aħħar stadju tal-konsenja;

15.

Jenfasizza li n-negozji u b’mod partikolari l-SMEs jeħtieġ li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi b’servizzi ta’ trasportazzjoni iżjed sempliċi, iżjed veloċi, bi prezz iżjed raġonevoli, trasparenti, affidabbli, u effiċjenti fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku transkonfinali; jenfasizza li s-soluzzjonijiet ta’ konsenja li ma jilħqux l-aspettattivi tal-konsumaturi jkollhom impatt dirett fuq l-isem, id-dehra u l-kompetittività tad-ditta tan-negozju;

16.

Jinnota l-iżvilupp limitat tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-kummerċ elettroniku fuq skala transkonfinali; jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju kif ukoll permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom biex jinnegozjaw prezzijiet ta’ konsenja iktar vantaġġużi, notevolment permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaformi online kondiviżi, u li jtejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom;

17.

Jinsab imħasseb dwar l-iżvantaġġi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs minħabba ċ-ċokon tagħhom; jenfasizza li attwalment l-SMEs qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet ogħla, kumplessità kbira minħabba s-suq Ewropew frammentat, u nuqqas ta’ informazzjoni dwar għażliet disponibbli ta’ konsenja u prezzijiet;

Lejn soluzzjonijiet innovattivi u interoperabbli għal suq tal-konsenja verament Ewropew

18.

Jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni tas-settur postali Ewropew fin-netwerks nazzjonali b'interoperabbiltà baxxa, kif ukoll in-nuqqas ta’ integrazzjoni tat-trasport bit-triq, ferrovjarju u fuq l-ilma; jilqa’ l-passi diġà meħuda mill-operaturi tas-suq tal-konsenji sabiex jintroduċu arranġamenti mmirati iktar mill-qrib lejn il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi online, bħal għażliet ta’ konsenja u ritorn iktar flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipproponi l-miżuri meħtieġa biex tinkoraġġixxi lill-industrija ħalli ttejjeb l-interoperabbiltà u tħaffef it-tixrid ta’ proċessi ssimplifikati mmirati għall-konsenja u l-ġbir tal-pakketti bl-għan li jonqsu l-kostijiet, tiżdied l-ekonomiji ta’ skala għal operaturi tal-konsenja, tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ diversi konsenji żgħar f’termini ta' skontijiet tal-volum għal negozjanti iżgħar, tiżdied id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi tal-konsenja, u jiġu offruti rati ta’ trasportazzjoni flessibbli bi prezz raġonevoli lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji;

19.

Jemmen li f’dan ir-rigward il-kollaborazzjoni fl-industrija dwar sistemi ta’ traċċar transkonfinali interoperabbli hija ta’ importanza partikolari; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tesplora iżjed il-potenzjal tal-iżvilupp ta’ standards Ewropej biex ittejjeb is-sistemi integrati ta’ traċċar u tippromwovi l-kwalità, l-affidabilità u s-sostenibbiltà tas-servizzi loġistiċi integrati applikati għall-kummerċ elettroniku;

20.

Jenfasizza li soluzzjonijiet iżjed faċli ta’ ġbir u ritorn diġà għandhom rwol sinifikanti fit-tkabbir tal-ekonomija elettronika u fil-futur jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet u żieda fis-sodisfazzjon tal-konsumaturi, b’mod speċjali fit-tranżazzjonijiet transkonfinali; jinkoraġġixxi li tiżdied il-kollaborazzjoni għat-titjib tal-interoperabbiltà taċ-ċentri telefoniċi ddedikati għall-ilmenti tal-konsumaturi;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaformi ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi tal-konsenja sabiex jiġi indirizzat fil-pront il-vojt eżistenti fis-suq tal-konsenja tal-UE f’termini ta’ innovazzjoni, il-flessibbiltà, il-ġestjoni tal-istokk, it-trasportazzjoni, il-ġbir u r-ritorn ta’ pakketti, filwaqt li tiġi rrispettata l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE, kif ukoll tiġi diskussa l-possibbiltà tal-kondiviżjoni tal-infrastruttura permezz ta' kumpanija b’servizz tal-kurrier express u servizzi tal-posta għall-benefiċċju reċiproku;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien man-negozji lejn l-adozzjoni ta’ standards Ewropej dwar l-indirizzi u t-tikkettar, kif ukoll standards tal-kaxxi tal-ittri li jkunu adattati għall-kummerċ elettroniku;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltajiet li tinħoloq Marka tal-Fiduċja pan-Ewropea għall-Kummerċ elettroniku, u jekk tali Marka tal-Fiduċja tistax ukoll tikkontribwixxi biex tiżgura kwalità u affidabilità għal servizzi ta' konsenja integrati b'hekk tiżgura l-fiduċja tal-konsumaturi f'kummerċ elettroniku transkonfinali, tistimula l-bejjiegħa bl-imnut online u l-intrapriżi tal-konsenja iżidu t-trasparenza kif ukoll iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u tista' tkabbar il-vantaġġ kompetittiv tan-negozji, speċjalment tal-SMEs, b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku b'saħħtu u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li sabiex tali Marka tal-Fiduċja tkun effikaċi din għandha tkun ibbażata fuq sett ta' karatteristiċi minimi standard u dispożizzjonijiet trasparenti għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-informazzjoni, kif ukoll ta' rekwiżiti għall-ġestjoni tal-ilmenti u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

24.

Jenfasizza li l-protezzjoni tad-data personali ta’ individwu, u l-protezzjoni tad-data inġenerali, hi ta’ importanza kbira u li kull miżura ġdida li tittieħed għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE u b’mod partikolari għad-Direttiva 95/46/KE;

Il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq u t-titjib tas-sorveljanza regolatorja

25.

Jirrikonoxxi n-natura dinamika tas-suq tal-konsenja tal-pakketti, b’servizzi u operaturi ġodda li jfeġġu b’mod mgħaġġel; jinnota li s-soluzzjonijiet innovattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bejjiegħa bl-imnut elettroniċi u l-konsumaturi probabbilment se jsiru differenzjatur ewlieni għall-kompetizzjoni; jemmen li miżuri leġiżlattivi possibbli għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa minn qabel, sabiex ma tkunx affettwata b'mod negattiv in-natura dinamika tas-suq tal-konsenja tal-pakketti li ma għandux ikun imfixkel minn regolamentazzjoni żejda; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b’attenzjoni l-iżvilupp tas-suq, sabiex jiġi identifikat kwalunkwe qasam ta’ falliment potenzjali tas-suq fejn fil-ġejjieni tista’ tkun meħtieġa iżjed azzjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward, li s-sorveljanza tas-suq għandha tikkunsidra mhux biss lill-fornituri stabbiliti tal-posta, iżda wkoll tipi oħra ta' fornituri ta' servizz tal-konsenja;

26.

Jirrimarka li digà hemm qafas regolatorju xieraq, u jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-qafas regolatorju eżistenti jiġi traspost, implimentat u infurzat bis-sħiħ, b’attenzjoni partikolari għad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali, il-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE u d-Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti formali għal kuntratti mill-bogħod;

27.

Jenfasizza li l-infurzar effettiv tal-qafas legali jiddependi wkoll fuq is-sorveljanza mir-regolaturi nazzjonali tal-obbligi legali tal-operaturi tal-posta, b’mod partikulari dak li jirrigwarda l-obbligu tas-servizz universali skont id-Direttiva 97/67/KE;

28.

Jirrimarka li regolamentazzjoni kkomplikata tal-VAT tista’ tkun ostakolu sinifikanti għal intrapriżi żgħar, li jwettqu kummerċ transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis ir-rakkomandazzjoni mħabbra dwar l-introduzzjoni ta' dikjarazzjoni komuni tal-VAT;

29.

Jenfasizza li liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva għall-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi tista' twassal għal simplifikazzjoni li tinħass u tista' tħeġġeġ iktar SMEs joperaw fil-konsenja transkonfinali tal-pakketti; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b’mod kostruttiv in-negozjati li għaddejjin dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Bejgħ;

o

o o

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0327.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0468.

(3)  ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 59.

(5)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 70.

(6)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013)0239.


Top