Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0059

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (2014/2143(INI))

    ĠU C 289, 9.8.2016, p. 5–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 289/5


    P8_TA(2014)0059

    L-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (2014/2143(INI))

    (2016/C 289/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

    wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

    wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,

    wara li kkunsidra “ir-Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014” tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-GPEDC ta' April 2014,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, approvati fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Settembru 1995, u d-dokumenti finali sussegwenti,

    wara li kkunsidra l-Programm għal Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li ġie adottat fil-Kajr fl-1994, kif ukoll ir-rieżami + 20 sussegwenti,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta’ Diċembru 1979,

    wara li kkunsidra t-Tabella dwar il-Ġeneru tal-2012 tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),

    wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

    wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2014 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bit-titolu, “Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience” (Ngħinu l-Progress tal-Bniedem: Innaqqsu l-Vulnerabbiltajiet u Nibnu r-Reżiljenza),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Panel ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro l-Brażil mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

    wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015 lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, “Realising the future we want for all” (Inwettqu l-futur li rridu għal kulħadd),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni bit-titolu “Keeping the promise: united to achieve the Millennium Development Goals” (Inżommu l-wegħda: magħqudin biex nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tagħha dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju fil-65 sessjoni tagħha fl-2010,

    wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO dwar in-Nuqqas ta' Sigurtà tal-Ikel,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan f'Diċembru 2011,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP bit-titolu “Beyond the Midpoint: Achieving the Millennium Development Goals” (Iktar minn Nofs Triq: l-Ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju), li kien ippubblikat f'Jannar 2010,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas legali tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-ħidma tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU wara l-2015, immexxija b'mod konġunt mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU (UN DESA) u l-UNDP, b'appoġġ mill-aġenziji kollha tan-NU u b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali tad-WHO tal-24 ta' Mejju 2008,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE “għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha”,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li “l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, “Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva” (COM(2014)0335),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu “Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklussiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw” (COM(2014)0263),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, “A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation” (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2013 bit-titolu, “Ħajja Diċenti Għal Kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” (COM(2013)0092),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, “L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni” (COM(2012)0492),

    wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015, li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu 'Il-Kunsens Ewropew' (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, “Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp” (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (3),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (4),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015) (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – definizzjoni tal-qafas wara l-2015 (6),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli lil hinn mill-2015,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-25 ta' Ġunju 2013 dwar l-Aġenda Ġenerali wara l-2015,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0037/2014),

    A.

    billi fis-sena 2000 il-partijiet interessati rilevanti kollha ngħaqdu sabiex jistabbilixxu Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bil-għan li sal-2015 jintlaħqu miri konkreti għall-iżvilupp u l-qerda tal-faqar;

    B.

    billi l-MDGs ikkontribwixxew għas-sensibilizzazzjoni sabiex il-qerda tal-faqar fil-livell globali ssir sfida urġenti u prijorità għal azzjoni globali; billi l-livell ta' lħuq tal-MDGs huwa varjat, b'effetti pożittivi li jidhru fit-tnaqqis tal-faqar estrem, il-ġlieda kontra l-malarja u t-tuberkolożi, it-titjib fl-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u t-tnaqqis fid-differenzi fir-reġistrazzjoni għall-iskejjel primarji; billi jeħtieġ li ċerti nuqqasijiet tal-MDGs jiġu indirizzati bis-sħiħ fid-definizzjoni tal-qafas wara l-2015;

    C.

    billi l-valutazzjonijiet tal-progress li sar fl-ilħuq tal-MDGs attwali juru li huwa fundamentali li fil-qafas il-ġdid ikun hemm rabta qawwija bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll sett uniku u universali ta' għanijiet b'approċċi divrenzjati;

    D.

    billi l-popolazzjoni urbana mistennija tiżdied min-numru attwali ta' 3,6 biljun għal aktar minn 6 biljuni, u li l-akbar bliet mistennija jsiru bliet enormi b'aktar minn 100 miljun abitant; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

    E.

    billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttivi u sesswali, inkluż l-ippjanar tal-familja; ifakkar f'dan ir-rigward li fl-2013, mietu 289 000 mara matul it-tqala u l-ħlas; ifakkar fl-MDG 5 u fil-ħtieġa li n-nisa jkollhom aċċess għal metodu effikaċi ta' kontraċezzjoni u ppjanar tal-familja bil-ħsieb li l-għadd ta' mwiet materni jonqsu bi kważi terz;

    F.

    billi t-tnaqqis fil-faqar huwa irregolari u l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida ewlenija għall-iżvilupp, speċjalment fil-Pajjiżi b'Introjtu Baxx u l-Pajjiżi b'Introjtu Medju; billi 1,5 biljun persuna qegħdin jgħixu fil-faqar filwaqt li għandhom nuqqasijiet fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien, partikolarment fi stati fraġli u affettwati minn kunflitt;

    G.

    billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji qed ikomplu jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi n-nisa huma dawk l-agħar milquta minn kunflitti u kriżijiet militari;

    H.

    billi għad hemm il-ħtieġa ta' aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, hekk kif 162 miljun tifel u tifla huma esposti għal nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irriversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;

    I.

    wara li kkunsidra li l-2014 hija s-Sena Internazzjonali tal-Biedja Familjari;

    J.

    billi d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986 tafferma l-iżvilupp bħala dritt fundamentali tal-bniedem; billi d-Dikjarazzjoni tintrabat għal approċċ “ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem”, karatterizzat mill-konkretizzazzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem (ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u politiċi); billi d-Dikjarazzjoni tintrabat ugwalment li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;

    K.

    billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma ta' theddida għat-tnaqqis fil-faqar billi dawn ikabbru l-vulnerabbiltajiet eżistenti, hekk kif bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom jiddependu fuq l-agrikoltura u riżorsi naturali sensittivi għal klima u m'għandhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji klimatiċi; billi teżisti ħtieġa urġenti li jonqsu l-emissjonijiet globali tal-gass serra u li jintlaħqu ġestjoni aktar ekwa u sostenibbli u governanza tar-riżorsi naturali;

    L.

    billi l-kisbiet li kien hemm fl-MDGs marbuta mas-saħħa kienu bbażati fil-maġġorparti fuq l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp li saru fis-snin ta' qabel; billi d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali m'għandhomx ixekklu l-aċċess għal mediċini bi prezz raġonevoli;

    M.

    billi l-aċċess għall-iżvilupp fil-bidu tat-tfulija u għal edukazzjoni u taħriġ tal-ogħla kwalità possibbli għal kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa u adult huwa prerekwiżit essenzjali biex jinkisru ċ-ċikli tal-faqar u l-inugwaljanza interġenerazzjonali;

    N.

    billi ma tantx kien hemm progress fir-rigward tal-ugwaljanza tal-ġeneru u l-għoti tas-setgħa lin-nisa; billi n-nisa spiss jesperjenzaw diskriminazzjoni u vjolenza;

    O.

    billi fil-livell globali, in-nisa u l-bniet jikkostitwixxu l-maġġoranza ta' dawk li qed jgħixu f'faqar estrem u billi l-inugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa huma kundizzjoni neċessarja għas-suċċess tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; billi stimi juru li ta' kuljum imutu 800 mara fid-dinja minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jew il-ħlas; billi l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr fl-1994 appellat għal aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, li jistgħu isalvaw il-ħajja;

    P.

    billi n-nisa jikkostitwixxu aktar min-nofs l-għadd ta' migranti;

    Q.

    billi meta mqabbel ma' dak li tirċievi mil-lat ta' għajnuna internazzjonali u rimessi, l-Afrika tesporta b'mod sostanzjali aktar kapital fid-dinja permezz ta' flussi finanzjarji illegali;

    R.

    billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

    S.

    billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u deċenti sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fil-livell globali; billi s-settur privat huwa dak li fundamentalment jiġġenera l-impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar meta jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà ċari u jiġu rispettati r-regolamenti internazzjonali dwar il-ħarsien soċjali;

    T.

    billi l-għajnuna għad għandha rwol uniku fit-tnaqqis fil-faqar u hija dik li twettaq tibdil sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    U.

    billi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni hija element importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza;

    V.

    billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp u għalhekk għandhom jibqgħu l-ixprun matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-NU, u jippromwovu b'mod partikolari approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem imsejjes fuq l-ugwaljanza, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas;

    W.

    billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2014 se jistabbilixxu sett koerenti ta' prinċipji u l-linji ewlenin tal-istrateġija ta' negozjati;

    X.

    billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;

    I.    L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju: valutazzjoni u sfidi ġodda

    1.

    Jenfasizza li l-isfera globali inbidlet f'dawn l-aħħar snin, fejn kien hemm ukoll bidliet fil-bilanċ ekonomiku u politiku globali, u li għalkemm xi ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti esperjenzaw tkabbir ekonomiku rilevanti, għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli għoljin u li qed jiżdiedu ta' inugwaljanza; iqis li jeħtieġ approċċ ġdid li jinkludi governanza tajba, b'enfasi qawwija fuq il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-forniment ta' beni pubbliċi globali;

    2.

    Ifakkar li għalkemm hemm il-vantaġġ li mhumiex komplikati, l-MDGs ma indirizzawx il-fatturi strutturali sottostanti li jwasslu għall-faqar u l-inugwaljanza; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali wara l-2015 għandu jkun trasformattiv billi jindirizza l-kawżi fil-qalba tal-faqar u l-inugwaljanza u b'hekk jikkontribwixxi għal dak li għadhom ma wettqux l-MDGs attwali;

    3.

    Jenfasizza li l-MDGs definiti fis-sena 2000 kellhom bosta suċċessi f'pajjiżi b'introjtu medju u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda li l-progress ma kienx ugwali kemm fi ħdan il-pajjiżi u kemm bejniethom, u għalhekk matul it-tfassil tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandhom jiġu analizzati tajjeb ir-riżultati u jinsiltu lezzjonijiet;

    4.

    Ifakkar li għalkemm l-MDGs għamlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies, l-isfidi ewlenin bħall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanzi inkluża l-inugwaljanza tal-ġeneru, il-kunflitti armati u t-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, in-nuqqas ta' drittijiet tal-proprjetà, in-nuqqas ta' drittijiet tal-art, il-migrazzjoni, l-aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni, it-tibdil demografiku, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi, it-telf tal-bijodiversità, il-korruzzjoni, il-frodi u l-evitar tat-taxxa, it-tkabbir mhux sostenibbli, il-qgħad u l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi għadhom jippreżentaw sfidi estremament kumplessi u interrelatati għad-deċennji li jmiss, u li għalhekk iqanqlu l-ħtieġa li jinstabu modi ġodda għall-iżvilupp li jistgħu jwasslu għal żvilupp inklużiv u sostenibbli għal kulħadd;

    5.

    Jenfasizza li s-sostenibbiltà ambjentali hija sfida prinċipali, fejn in-nuqqas tagħha x'aktarx li jhedded id-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem; ifakkar b'mod partikolari li d-degradazzjoni ambjentali hija ta' tfixkil kbir għall-ilħuq tal-objettiv li jinqerdu l-faqar estrem u l-ġuħ; ifakkar pereżempju li l-inugwaljanzi u l-ġlied persistenti fuq riżorsi skarsi huma fost il-katalizzaturi ewlenin tal-kunflitti, il-ġuħ, in-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, li min-naħa tagħhom huma fatturi ewlenin li jżommu lura l-iżvilupp tal-bniedem u l-isforzi sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli;

    6.

    Jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jirrispondi b'mod effikaċi għal dawn l-isfidi u jindirizza kwistjonijiet importanti bħar-rispett għad-dinjità ta' kull bniedem, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u l-bini tar-reżiljenza, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, it-tkabbir inklużiv u sostenibbli, id-drittijiet tal-proprjetà, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ u l-minoranzi;

    7.

    Jenfasizza l-fatt li l-qafas il-ġdid tal-iżvilupp għandu jkun universali fin-natura tiegħu u applikabbli fil-pajjiżi kollha, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, u għaldaqstant jeħtieġ li jkun rilevanti u ġust għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi, kapaċitajiet, politiki u prijoritajiet nazzjonali differenti; jenfasizza li r-responsabbiltajiet u l-piżijiet il-ġodda li jirriżultaw jeħtieġ li jinqasmu b’mod ugwali iżda wkoll ġust bejn il-pajjiżi kollha; jitlob lill-UE tindika x'azzjonijiet u impenji konkreti tista' tissuġġerixxi sabiex tindirizza l-prinċipju tal-universalità fil-livell intern u internazzjonali;

    8.

    Jenfasizza li l-għoti ta' rendikont u t-trasparenza reċiproċi fil-livelli kollha għandhom jikkostitwixxu l-assi għall-qafas il-ġdid tal-iżvilupp, u li huwa importanti li l-gvernijiet nazzjonali u atturi oħra, inkluż is-settur privat, jinżammu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-qafas;

    9.

    Jappella lill-UE tmexxi b'mod attiv il-proċess lejn id-definizzjoni ta' qafas tal-iżvilupp globali uniku, komprensiv u integrat wara l-2015 u jilqa' l-kunsens dwar il-fatt li l-aġenda tal-iżvilupp globali l-ġdida jeħtieġ li ssaħħaħ il-mezz ta' implimentazzjoni u ġġedded is-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli;

    II.    Il-ħtieġa ta' sħubija globali mġedda u ta' pożizzjoni b'saħħitha u koeżiva tal-UE

    10.

    Jappella lill-UE sabiex ikollha rwol attiv fil-formazzjoni ta' sħubija globali ġdida li se timmobilizza l-azzjoni min-naħa tal-pajjiżi kollha, inklużi l-ekonomiji emerġenti u mill-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali;

    11.

    Jappella lill-UE tadotta pożizzjoni b'saħħitha, koeżiva u magħquda fin-negozjati intergovernattivi li jmiss, filwaqt li tqis il-prijoritajiet enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni;

    12.

    Japprova l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU; iqis madankollu li l-qafas identifikat fil-konklużjonijiet tiegħu jista' eventwalment jiġi ggruppat, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, u li dan la jsir askapitu tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u lanqas askapitu ta' għanijiet aktar ambizzjużi u innovattivi;

    13.

    Jenfasizza li l-qafas globali l-ġdid għandu jinkludi l-arkitettura istituzzjonali adegwata li tindirizza l-għanijiet ewlenin tal-qerda tal-faqar, tiġġieled l-inugwaljanzi u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, b'linji gwida ċari għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tagħha, u li din l-arkitettura għandha tindirizza wkoll il-kumplessitajiet u r-rabtiet bejn il-partijiet differenti tal-qafas futur;

    14.

    Jemmen li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli (PCD) hija għodda ewlenija għall-implimentazzjoni tal-qafas wara l-2015; jitlob lill-UE għaldaqstant, tiżgura li l-linji gwida neċessarji, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar jagħmlu lill-PCD realtà fil-qafas;

    15.

    Jenfasizza li l-universalità tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015 timplika aktar impenji impenjattivi għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli l-ġodda (SDG) fl-ambitu tal-qafas globali se jkollhom jiġu riflessi fil-politiki esterni kif ukoll dawk interni tal-UE;

    III.    Oqsma prijoritarji

    16.

    Ifakkar li l-qerda tal-faqar għandha tibqa' l-prijorità ewlenija tal-aġenda tal-iżvilupp globali wara l-2015, flimkien mal-indirizzar tal-pilastri ekonomiċi, ekoloġiċi u ta' sostenibbiltà soċjali, li huma marbutin ma' xulxin, u sħubija globali msaħħa;

    Il-qerda tal-faqar, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-iżvilupp sostenibbli

    17.

    Jenfasizza li l-qerda tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, flimkien mal-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu t-tema sottostanti tal-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015; jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas ikun jikkonċentra fuq il-persuni u li jindirizza n-nuqqas ta' ġustizzja billi japplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom, bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qafas il-ġdid;

    18.

    Iqis li l-inugwaljanza xxekkel l-iżvilupp u l-isforzi għat-tnaqqis tal-faqar; itenni li l-qerda tal-faqar, l-ugwaljanza u l-iżvilupp sostenibbli huma possibbli biss jekk jitqiesu l-gruppi vulnerabbli kollha u jekk ikun promoss l-aċċess ekwu, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-governanza tajba; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw SDG 10, kif propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

    19.

    Jenfasizza l-ħtieġa li biex il-qafas ikun tassew trasformattiv, jeħtieġ li jkun hemm għan dwar il-qerda tal-faqar estrem fil-livell ta' USD 2 kuljum;

    20.

    Jenfasizza l-fatt li l-qafas futur għandu jindirizza l-aspetti multidimensjonali tal-faqar u l-inugwaljanza, li jmorru lil hinn min-nuqqas ta' dħul iżda li jinvolvu lill-bnedmin fid-dinjità tagħhom u fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inklużi d-dimensjonijiet soċjali; jenfasizza li l-faqar m'għandux jiġi vvalutat skont id-dħul biss, iżda wkoll fir-rigward ta' indikaturi tal-benessri u mhux biss il-PDG;

    21.

    Jirrakkomanda li jingħata appoġġ lill-bini tal-istat permezz ta' aktar għajnuna ġenerali u/jew speċifika skont is-settur li tiddependi fuq kriterji ta' governanza tajba;

    22.

    Jenfasizza li f'ekonomija globalizzata fil-maġġorparti tagħha, il-liberalizzazzjoni naqqset is-setgħa ta' negozjar tal-ħaddiema, u li dan min-naħa tiegħu jipperikola l-kisba tad-drittijiet elenkati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti; iħeġġeġ bl-istess mod lill-UE tiżviluppa l-istrateġija tal-politika kummerċjali b'mod li żżomm u tipproteġi l-istandards soċjali u ambjentali għoljin, filwaqt li tiskoraġġixxi kwalunkwe forma ta' dumping soċjali u ambjentali;

    23.

    Jenfasizza li hemm interkonnessjoni importanti bejn il-governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi opportunitajiet u drittijiet ugwali kif ukoll id-djalogu soċjali; jappella għal definizzjoni usa' tal-faqar minn dik ibbażata biss fuq il-PDG, li tkun tinkludi miżuri usa' ta' progress u benessri;

    24.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali mil-lat ekonomiku u soċjali ta' klassi tan-nofs b'saħħitha u stabbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-klassi tan-nofs tkun involuta aktar mill-qrib fil-proċess politiku, u b'hekk ikun promoss it-tkabbir inklużiv;

    25.

    Jappella għall-promozzjoni ta' żvilupp ekoloġikament sostenibbli fil-pajjiżi kollha, kemm dawk żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw, permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali rinnovabbli u l-ħarsien tal-ambjent;

    26.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli billi jintlaħaq bilanċ fl-iżvilupp reġjonali, jiġi promoss l-iżvilupp ta' bliet iżgħar u jiġi evitat it-tkabbir eċċessiv ta' bliet kbar;

    Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem

    27.

    Jilqa' l-inklużjoni fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli proposti mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, tal-promozzjoni ta' approċċ kkonċentrat fuq il-persuni u li huwa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi tħassib madankollu dwar il-fatt li għadu ma tteħidx approċċ aktar ambizzjuż, u jisħaq li tali approċċ huwa essenzjali biex jindirizza l-għeruq tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza;

    28.

    Jenfasizza l-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet kollha tal-bniedem tal-persuni kollha, mingħajr diskriminazzjoni dwar kwalunkwe raġuni, fejn fuq quddiem insibu d-dritt fundamentali tad-dinjità tal-bnedmin kollha, b'attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, inkluża l-promozzjoni tal-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll il-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-migranti u l-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI u l-persuni li qed jgħixu bl-HIV; jenfasizza l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu rispettati u promossi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità;

    29.

    Jappella lill-UE tenfasizza l-importanza li fi ħdan l-aġenda wara l-2015 tingħata prijorità lill-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas ġuridiku adegwat u lill-fatt li l-politiki nazzjonali u lokali għandhom jiġġieldu l-korruzzjoni u l-impunità, filwaqt li jkun żgurat aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi imparzjali u indipendenti kif ukoll rimedji effikaċi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-gruppi marġinalizzati kif ukoll il-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 jeħtieġlu jiżgura l-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

    30.

    Jistieden lill-UE tirdoppja l-isforzi mmirati li jiżguraw, matul in-negozjati intergovernattivi li jmiss, li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-iżvilupp isiru l-kunċetti li jirfdu l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 u li għalhekk il-pilastri ewlenin tal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem – l-universalità u l-indiviżibilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-ugwaljanza, ir-responsabbiltà u l-istat tad-dritt, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni – jiġu inklużi fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas tal-iżvilupp wara l-2015; jenfasizza l-importanza li l-SDG 16, propost mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU, jinżamm bħala għan awtonomu fil-qafas il-ġdid;

    Il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-irkupru wara kunflitt, il-bini tal-paċi u l-promozzjoni tal-paċi dejjiema

    31.

    Iqis li l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 għandu jirrifletti kif xieraq il-ftehim il-ġdid għal impenn fi stati fraġli u l-għanijiet għall-bini tal-paċi u l-bini tal-istat li ntlaħaq qbil dwarhom f'Busan; jenfasizza li fil-qafas il-ġdid jeħtieġ attenzjoni speċjali fir-rigward tal-istati fraġli; jilqa' l-fatt li l-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE u li qed tevolvi bħala element importanti fil-qafas il-ġdid; iqis ukoll li huwa assolutament neċessarju li jkun hemm sħubijiet strutturali, intensivi u fit-tul li jagħtu prijorità lir-riforma tas-settur tas-sigurtà u lill-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet demokratiċi;

    32.

    Jenfasizza l-bżonn li l-qafas il-ġdid jindirizza l-ixpruni sottostanti tal-kunflitt u l-fraġilità; jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu proċeduri li jirreaġixxu aktar malajr f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt u li jadottaw strateġija li tippermetti l-għajnuna għall-iżvilupp biex tikkontribwixxi b'mod kemm jista' jkun effikaċi għall-objettivi tas-sigurtà;

    33.

    Jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta' prosekuzzjoni u kastig f'żoni milquta minn kunflitti, speċjalment għal dak li jirrigwarda l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet; jenfasizza l-importanza li jirduppjaw l-isforzi għall-ħarsien tal-persuni ċivili affettwati minn kunflitti armati, li jitjieb l-aċċess għall-appoġġ psikoloġiku partikolarment għan-nisa u t-tfal, u li jissaħħaħ il-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) fil-qafas globali l-ġdid;

    34.

    Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-nisa għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-isforzi tal-bini tal-paċi, u jappella għaldaqstant għall-promozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tad-demokrazija;

    It-taffija tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

    35.

    Iqis li hemm bżonn li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jiġi integrat b'mod effettiv fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 bħala kwistjoni trasversali, u dan b'mod viżibbli u ambizzjuż; jappoġġja l-firxa wiesgħa ta' miżuri sabiex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fil-klima u li jkun żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjoni l-ġdida, inkluża l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li huma ta' dannu għall-ambjent; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-enerġija sostenibbli billi din hija kruċjali għat-taffija tat-tibdil fil-klima;

    36.

    Jenfasizza li l-proċess ta' integrazzjoni m'għandux iwassal għad-devjazzjoni tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) lejn politiki klimatiċi li ma jiksbux it-taffija diretta tal-faqar;

    37.

    Iqis li bosta komunitajiet foqra diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għalkemm ftit huma responsabbli għalih; itenni l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet, b'enfasi fuq strateġiji ħielsa mill-karbonju; jenfasizza li l-mixja lejn ekonomija effiċjenti fl-enerġija u bbażata fuq l-enerġiji rinnovabbli tista' twassal għal kisbiet fit-tnaqqis fil-faqar; jemmen li l-UE għandha tappoġġja l-aċċess universali għal servizzi tal-enerġija rinnovabbli, ta' min jorbot fuqhom u bi prezz raġonevoli;

    38.

    Jilqa' l-fatt li t-taffija tat-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom preżenza b'saħħitha fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ u huma integrati sew fih, inklużi l-preservazzjoni tal-oċeani u l-ibħra u l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-foresti;

    39.

    Jisħaq fuq l-importanza li fil-qafas il-ġdid jiġu inklużi l-għajnuna umanitarja, il-bini tal-kapaċità, il-prevenzjoni u miżuri parteċipattivi minn isfel għal fuq biex jitnaqqas ir-riskju ta' diżastri b'mod effettiv u tissaħħaħ ir-reżiljenza; jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-għajnuna internazzjonali, il-koordinazzjoni u r-riżorsi għal rispons f'emerġenza, l-irkupru u l-kostruzzjoni mill-ġdid f'sitwazzjonijiet wara diżastru;

    40.

    Jirrikonoxxi r-rwol distint li għandhom in-nisa fil-kontribuzzjoni għas-sostenibbiltà, u jappella għalhekk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza tal-ġeneru fil-politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima bil-ħsieb li jkun żgurat it-tnaqqis fl-inugwaljanzi tal-ġeneru għal dak li jirrigwarda l-aċċess u l-kontroll tar-riżorsi għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

    Is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli, il-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art, l-ilma u s-sanità

    41.

    Jilqa' l-fatt li s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni dehret bħala qasam ta' prijorità għall-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid, u jilqa' wkoll l-inklużjoni ta' għan awtonomu għall-eliminazzjoni tal-ġuħ, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel u għal nutrizzjoni mtejba, u l-promozzjoni ta' agrikoltura sostenibbli fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ; jirrikonoxxi l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa bdiewa b'rabta mas-sigurtà tal-ikel li hemm bżonn li jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-qafas il-ġdid;

    42.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet mal-produttività mtejba tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli għat-tnaqqis fit-telf u l-ħela tal-ikel, il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

    43.

    Jindika li s-sigurtà tas-sjieda tal-art għall-produtturi fuq skala żgħira, li tqis id-drittijiet tradizzjonali tal-użu tal-art, tistimola kemm lill-ekonomiji lokali u żżid is-sigurtà tal-ikel;

    44.

    Jappella dwar il-bżonn li mmorru lil hinn mis-sigurtà tal-ikel u li l-ikel jitqies bħal dritt bażiku tal-bniedem, biex b'hekk ikun jista' jiġi stabbilit għan ċar ta' ''Xejn Ġuħ'' u jintemm l-iskandlu tal-ġuħ sal-2025; jenfasizza li l-isforzi għall-qerda tal-faqar u t-tmiem tan-nutrizzjoni ħażina, kif ukoll il-fenomenu tal-''ġuħ moħbi'', għandhom jiffukaw fuq it-tfal u n-nisa li jreddgħu;

    45.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-impenji ta' Rio+20 dwar id-degradazzjoni tal-art fil-pajjiżi kollha u l-linji gwida tal-FAO dwar id-dritt għall-ikel u dwar is-sjieda tal-art; jenfasizza l-importanza ta' governanza globali tajba sabiex jiġi evitat il-ħtif tal-art;

    46.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza tajba fis-settur tal-art u li l-art titħares mir-riskju dejjem jikber li tinħataf minn konsorzji ta' negozju;

    47.

    Jindika l-importanza li jitqies l-aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità u l-ġestjoni integrata tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas l-użu ta' kimiċi dannużi u l-prevenzjoni tat-tniġġis;

    Is-saħħa u l-edukazzjoni

    48.

    Huwa tal-fehma li s-settur tas-saħħa huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-soċjetajiet; jappella għaldaqstant lill-UE sabiex fil-qafas globali l-ġdid tiffoka fuq il-promozzjoni ta' ħarsien tas-saħħa ekwu, universali u sostenibbli, b'enfasi speċjali fuq saħħa u kura tat-tfal u materna bi prezz raġonevoli, inkluża mira ambizzjuża dwar il-qerda ta' mwiet materni, tat-trabi u tat-tfal li jistgħu jiġu evitati, u dwar il-qerda ta' epidemiji bħall-AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja u mard komunikabbli ieħor;

    49.

    Jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess universali għall-iġjene u għal kura u kopertura tas-saħħa ta' kwalità għolja, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi; jistieden lill-UE tenfasizza b'mod speċjali l-prevenzjoni tal-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli fir-rigward tas-sistemi tas-saħħa;

    50.

    Jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma sabiex jitjieb l-aċċess għall-ilma, is-sanità u l-iġjene bħala kwistjoni trasversali li taffettwa l-ilħuq ta' miri oħra fl-aġenda wara l-2015, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneru;

    51.

    Jenfasizza li l-edukazzjoni hija fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet li jistgħu jsostnu lilhom infushom; iħeġġeġ li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi rifless fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid u li l-qafas għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa ċ-ċittadinanza parteċipattiva permezz tal-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċiviċi u politiċi kif ukoll il-bini ta' soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u innovattivi;

    52.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-prijorità li jiġu eliminati l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-saħħa u l-edukazzjoni fil-qafas wara l-2015, u tinkludi miżuri speċifiċi sabiex tilħaq lill-individwi u l-gruppi żvantaġġati li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni;

    Ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015

    53.

    Jilqa' l-fatt fid-dokument finali tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet u l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru huma rikonoxxuti bħala prijoritajiet, filwaqt li jitqies ir-rwol ċentrali tan-nisa fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-appell tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ li jkun hemm għan awtonomu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru filwaqt li jkun żgurat li fil-miri kollha tiddaħħal l-integrazzjoni tal-ġeneru, u li jippromwovu l-inklużjoni ta' miri ambizzjużi dwar id-drittijiet tan-nisa u l-bniet u titjib fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miri;

    54.

    Itenni l-importanza li jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fil-qafas il-ġdid; jenfasizza l-importanza li jiġu eliminati l-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji kollha; iħeġġeġ lill-UE tpoġġi l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza, bħall-vjolenza domestika, it-traffikar, l-isfruttament u l-fastidju sesswali, u l-prattiki dannużi kollha inklużi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri jew sfurzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-qafas globali l-ġdid;

    55.

    Iqis li l-aġenda globali wara l-2015 għandha twassal messaġġ ċar b'rabta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

    56.

    Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess ugwali għax-xogħol kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, u ħlas ugwali kullimkien għal xogħol tal-istess valur; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat id-dritt tan-nisa li jkollhom it-tfal u li fl-istess waqt jibqgħu jaħdmu;

    57.

    Jenfasizza l-importanza li jitjieb l-aċċess tal-bniet għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jitneħħew l-ostakoli relatati mal-ġeneru fil-qasam tat-tagħlim;

    58.

    Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat aċċess universali għal servizzi tas-saħħa bħall-ippjanar tal-familja, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

    59.

    Jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti arranġamenti effikaċi u speċifiċi ta' ħarsien għall-migranti nisa, u jirrikonoxxi l-importanza tad-dritt tan-nisa li jemigraw u jintegraw f'kultura ġdida;

    It-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti

    60.

    Jenfasizza li t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, flimkien mal-ħolqien ta' impjiegi deċenti u l-effiċjenza fir-riżorsi bil-għan li nersqu lejn mudell ta' konsum u ta' produzzjoni aktar sostenibbli u t-taffija tat-tibdil fil-klima, huma kruċjali għas-suċċess tal-qafas wara l-2015; iqis li d-definizzjoni tal-indikaturi kwalitattivi se tkun essenzjali biex jiġi mmonitorjat il-punt safejn il-progress għall-iżvilupp huwa inklużiv u sostenibbli, u kemm il-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet qed jiġu indirizzati;

    61.

    Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-punt safejn l-iżvilupp ekonomiku jinkludi l-gruppi l-aktar vulnerabbli u li għandhom nuqqasijiet, u kemm is-salarji huma konformi maż-żidiet fil-produttività; ifakkar li hija r-responsabbiltà tal-Istat li jipprovdi servizzi soċjali bażiċi liċ-ċittadini tiegħu, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar; iqis li huwa essenzjali li jkunu stabbiliti livelli minimi ta' ħarsien soċjali definiti fil-livell nazzjonali kif ukoll regolament dwar il-paga minima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    62.

    Jitlob lill-UE tippromwovi ambjent li jippermetti l-intraprenditorija, il-kummerċ, l-investiment u l-innovazzjoni, li se jwassal sabiex inaqqas l-inugwaljanzi u li huwa mmirat li jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali;

    63.

    Jenfasizza l-ħtieġa li fil-qafas tal-iżvilupp globali l-ġdid jiġi eliminat gradwalment it-tħaddim tat-tfal;

    64.

    Jappella għal qafas globali ġdid li joħloq skema ta' kummerċ ekwa u sostenibbli bbażata fuq id-djalogu, it-trasparenza u r-rispett li tfittex li jkun hemm aktar ugwaljanza fil-kummerċ internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta' sħubija ta' suċċess li tinvolvi ħafna partijiet interessati mid-dinja kollha u fi stadji differenti tal-katina tal-provvista, li tiżgura aċċess għas-suq għall-produtturi żvantaġġati, b'mod partikolari n-nisa, tiggarantixxi għajxien sostenibbli, tirrispetta l-istandards tax-xogħol, telimina t-tħaddim tat-tfal u tħeġġeġ il-biedja u l-prattiki ta' produzzjoni sostenibbli mil-lat ambjentali;

    65.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm qafas globali ġdid għall-promozzjoni ta' skema kummerċjali multilaterali universali, trasparenti, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwa fl-ambitu tad-WTO; jistieden lill-UE terġa' tikkunsidra l-istrateġija tagħha għall-politiki tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-kummerċ ġust;

    66.

    Jappella sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' inċentivi ekoloġiċi, bħall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

    67.

    Jenfasizza l-importanza li fil-qafas globali l-ġdid jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

    Is-settur privat

    68.

    Jenfasizza li s-settur privat jista' jkun xprun ewlieni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, meta jitqiesu prinċipji ewlenin tal-iżvilupp bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà korporattiva u l-mekkaniżmi ta' trasparenza, id-djalogu soċjali u l-impenji ambjentali; jistieden lill-UE tappoġġja l-bini ta' sistemi regolatorji li jnaqqsu l-piż eċċessiv tal-burokrazija, jippromwovu l-governanza tajba, jiġġieldu t-tixħim u l-korruzzjoni u jippromwovu l-ħolqien tal-imjiegi; jinsisti fuq il-bżonn li titjieb ir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta' intrapriżi multinazzjonali permezz ta' regoli legalment vinkolanti; iqis li f'dawn iċ-ċirkostanzi s-settur privat għandu jkun xprun ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli;

    69.

    Jappella għal regoli trasparenti u ġusti fl-aċċess għal swieq lokali u internazzjonali, li jagħtu opportunitajiet indaqs għall-partijiet interessati kollha involuti;

    70.

    Jindika li r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva għandha tkun element importanti tal-qafas il-ġdid;

    71.

    Jappella lill-UE tiżgura li l-flussi tal-għajnuna kollha għas-settur privat isegwu l-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp u jiżguraw li s-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu l-għan li joħroġ lill-persuni mill-faqar;

    72.

    Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jiġi enfasizzat aktar l-appoġġ għall-SMEs, billi jinħoloq ambjent favorevoli għas-sidien ta' negozji żgħar u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament u t-taħriġ;

    73.

    Jappoġġja b'mod partikolari l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva għal intraprenditorija soċjali fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jappella għall-ħolqien ta' għodod ġodda li jappoġġjaw il-kooperazzjoni mtejba bejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw;

    74.

    Iħeġġeġ lill-UE sabiex fl-aġenda wara l-2015 tagħti prijorità lill-ġustizzja fil-qasam tat-taxxa u lill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni, billi dawn għandu jkollhom rwol akbar f'soċjetà li qed tinbidel, fil-qerda tal-faqar u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi;

    Is-soċjetà ċivili

    75.

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm approċċ parteċipattiv fil-qafas il-ġdid, li għandu jimmira li jinvolvi lill-atturi fil-livelli kollha, jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-rigward tar-rwol ċentrali tan-nisa fl-iżvilupp globali, bħala dawk li jippermettu l-iżvilupp u li jippromwovu l-universalità, l-ugwaljanza, l-inklużjoni, ir-responsabbiltà u t-trasparenza; jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu mal-organizzazzjonijiet fuq il-post, u li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni diretta tal-persuni u l-komunitajiet;

    76.

    Jenfasizza r-rwol partikolari li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi speċjalment f'pajjiżi fejn il-bini tal-istat għadu fil-fażijiet bikrija tiegħu u l-kapaċitajiet tal-istat u tal-gvern huma limitati;

    L-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali

    77.

    Jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u l-parlamenti nazzjonali jiġu inklużi fl-ippjanar għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-flussi tal-għajnuna finanzjarja; jenfasizza li dan ikun jeħtieġ proċess ta' parteċipazzjoni vera, imwettaq fi stadju bikri tal-fażi tal-iżvilupp u li, b'kunsiderazzjoni għal dan, l-għajnuna pubblika deċentralizzata għandha tkun rikonoxxuta u msaħħa;

    IV.    Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji

    78.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jallokaw tal-anqas 0,7 % tal-ING għall-ODA, inkluż tal-anqas 0,2 % lill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u stati oħrajn b'vulnerabbiltà għolja; jappella lill-UE tieħu approċċ internazzjonali koerenti u komprensiv għall-finanzjament lil hinn mill-2015; itenni l-ħtieġa li jkompli jkun hemm ħidma mill-qrib ma' donaturi oħra għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi oħra, bħat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji;

    79.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sjieda fil-kuntest tal-iżvilupp; jenfasizza l-bżonn li jiżdied id-djalogu politiku bejn id-donaturi u l-pajjiżi sħab;

    80.

    Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-ODA għandha tibqa’ s-sinsla tal-politika Ewropea ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp li timmira li teqred il-faqar;

    81.

    Jappella lill-UE tevalwa l-mekkaniżmi ta' taħlit sabiex tiżgura li huma trasparenti u responsabbli u li għandhom impatt ta' żvilupp sostenibbli ċar; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida li huma bbażati fuq strateġiji armonizzati għat-tnaqqis fil-faqar;

    82.

    Itenni l-appell tiegħu li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali, il-flussi illegali ta' kapital u l-istrutturi dannużi tat-taxxa ssir prijorità prinċipali fil-finanzjament tal-iżvilupp; ifakkar li stimi juru li f'dan l-aħħar deċennju l-pajjiżi li qed jiżviluppaw tilfu kważi USD 6 triljun fi flussi finanzjarji illegali, ammont li jisboq bil-kbir il-flussi tal-ODA għal dak il-perjodu, u għalhekk jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza globali tajba;

    83.

    Jappella lill-UE tiffaċilita fejn possibbli s-sħubiji pubbliċi-privati u tagħti prijorità lill-utilizzazzjoni tal-esperjenza, l-għarfien espert u s-sistemi ta' ġestjoni tas-settur privat, bi sħubija ma' riżorsi pubbliċi;

    84.

    Jappella lill-UE tkompli tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex iżidu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u privati interni u tassistihom fl-istabbilment ta' sistemi ta' tassazzjoni ġusti, sostenibbli u ekwi li jwasslu sabiex jintlaħaq tnaqqis fil-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

    V.    L-indikaturi u r-responsabbiltà

    85.

    Jenfasizza li data affidabbli li tkun aċċessibbli u maqsuma f'partijiet hija kruċjali għat-tfassil ta' politiki xierqa dwar il-qafas il-ġdid u biex il-gvernijiet u l-komunità internazzjonali jitqiesu responsabbli;

    86.

    Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm mekkaniżmi ta' responsabbiltà b'saħħithom sabiex ikun żgurat li kemm il-pajjiżi żviluppati u kemm dawk li qed jiżviluppaw jissodisfaw l-impenji tagħhom u jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi b'rabta mal-faqar u s-sostenibbiltà li se jittratta l-qafas wara l-2015; jenfasizza li l-qafas jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-evidenza, u jinkludi miri finanzjarji u mekkaniżmi għal monitoraġġ u r-responsabbiltà b'saħħithom fil-livelli kollha; ifakkar li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għandhom jinkludu proċess ta' rieżami bbażat fuq id-disponibilità u t-trasparenza;

    o

    o o

    87.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.


    (1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.

    (2)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0259.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2014)0269.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2013)0283.


    Top