This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014IP0002
European Parliament resolution of 14 January 2014 on smart specialisation: networking excellence for a sound Cohesion Policy (2013/2094(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar “Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda” (2013/2094(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar “Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda” (2013/2094(INI))
ĠU C 482, 23.12.2016, pp. 2–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 482/2 |
P7_TA(2014)0002
Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar “Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta’ Koeżjoni soda” (2013/2094(INI))
(2016/C 482/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-Titoli XVII, XVIII u XIX tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2006/702/KE tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE 2020 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011)0615), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (COM(2011)0614), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 bit-titolu “Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” (COM(2010)0642), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (COM(2010)0553), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2012 “Linji gwida għal strateġiji ta' riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS 3)”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-“Report on innovation driven-growth in regions: the role of smart specialisation” (Rapport dwar tkabbir immexxi mill-innovazzjoni fir-reġjuni: ir-rwol tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti) tal-OECD ta’ Diċembru 2012, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bl-isem “Kondizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta’ koeżjoni” ta' Diċembru 2012, ikkommissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2013, bit-titolu l-“L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012– Aċċellerazzjoni tal-bidla” (COM(2013)0149), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2013 bit-titolu “Kejl tar-riżultati tal-innovazzjoni fl-Ewropa: lejn indikatur ġdid” (COM(2013)0624), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0462/2013), |
|
A. |
billi l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tikkompleta l-Unjoni tal-Innovazzjoni u toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali u billi l-fondi disponibbli huma limitati minħabba l-limitazzjoni baġitarja f'ħafna Stati Membri u reġjuni, kif ukoll fil-livell tal-UE, u għaldaqstant għandhom jintużaw partikolarment b’mod effiċjenti; |
|
B. |
billi “Strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” tfisser l-istrateġiji ta’ innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali li jistabbilixxu prijoritajiet b’mod il jinbena vantaġġ kompetittiv billi jiġu żviluppati u mqabbla l-vantaġġi proprji tar-riċerka u innovazzjoni (R&I) mal-ħtiġijiet tan-negozju biex jiġu indirizzati l-opportunitajiet emerġenti u l-iżviluppi fis-suq b’mod koerenti, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u li jistgħu jieħdu l-forma tal-qafas ta’ politika strateġika ta’ R&I nazzjonali jew reġjonali jew jiġu inklużi fiha (8); |
|
C. |
billi l-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) huwa wieħed mill-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni li huwa suġġett għall-konċentrazzjoni tematika obbligatorja taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-2020-2020; |
|
D. |
billi fir-rigward tal-perjodu tal-ippjanar tal-programm 2014–2020 ir-reġjuni huma obbligati għall-ewwel darba, li jfasslu strateġija ta' R&I, li bl-għajnuna tagħha għandha tissaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni reġjonali u li l-ispejjeż fil-qasam tar-RŻI għandhom jiġu kkoordinati b’mod aktar effettiv (9); |
|
E. |
billi, f'dan il-proċess, ir-reġjuni għandhom jiffokaw fuq numru żgħir ta' oqsma prijoritarji li jikkunsidraw il-punti b'saħħtihom u l-punti dgħajfa rispettivi tagħhom, u għandhom jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jġeddu l-eknomiji reġjonali b'mod sostenibbli; |
|
F. |
billi r-reġjuni għandhom jiżviluppaw strateġija bħal din ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz ta' proċess ta' awtoanaliżi kritika u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati li jinkludu ċ-ċentri tar-riċerka, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri u n-negozji (10); |
|
G. |
billi l-għan tal-istrateġija huwa li jiġu massimizzati l-effetti ta’ sinerġija possibbli tal-istrumenti u l-investimenti kollha fil-qasam tar-RŻI – u li jissaħħu l-effetti ta’ sinerġija bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali – sabiex jintaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni; |
|
H. |
billi r-reġjuni għandhom ukoll ifasslu pjanijiet ta’ investiment għall-użu tal-finanzjament disponibbli reġjonali, nazzjonali u tal-UE kollu għar-RŻI, filwaqt li jindikaw ukoll kif bi ħsiebhom jistimolaw l-investiment privat u kif dan għandu jintuża fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ RŻI tal-Unjoni fis-snin li ġejjin; |
|
I. |
billi s-sommarji ta’ tali strateġiji, jew tal-inqas il-pjanijiet għall-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu inklużi fil-ftehimiet ta’ sħubija u fil-programmi operazzjonali; |
|
J. |
billi l-Kummissjoni tista’ ma toħroġx il-pagamenti interim tal-finanzjament tal-FEŻR għall-objettiv tematiku tat-tisħiħ tar-RŻI jekk dawn il-prekondizzjonijiet ma jiġux issodisfati; |
|
K. |
billi, minħabba n-natura ta' governanza f'diversi livelli tal-politika reġjonali, ir-reġjuni għandhom jiġu permessi l-flessibilità biex jidentifikaw il-modalitajiet għas-sodisfazzjon tal-kondizzjonalitajiet ex-ante; |
|
L. |
billi r-reġjuni ma għandhomx jimiraw biss lejn integrazzjoni interna aktar b'saħħitha, iżda għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom anke bejniethom sabiex isiru aktar kompetittivi fuq livell globali; |
Kummenti ġenerali
|
1. |
Jirrikonoxxi li l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti hija proċess dinamiku u fit-tul li fih il-parteċipanti jitgħallmu kontinwament, u li dan il-proċess għandu jitkompla wkoll matul il-perjodu tal-ippjanar tal-programm li jmiss u lil hinn minnu; |
|
2. |
Jikkunsidra li, minbarra l-ħtieġa li din il-kondizzjonalità ex-ante tiġi ssodisfata, l-iżvilupp ta' tali strateġija jista' joffri lir-reġjuni vantaġġi sinifikanti għal żmien medju u fit-tul f’dik li hi effikaċja tar-RŻI tagħhom għax jinvolvi approċċ ikkoordinat u ħarsa mill-qrib lejn il-potenzjal tagħhom ta' innovazzjoni; |
|
3. |
Jistieden lil kull reġjun jara tali strateġija mhux biss bħala obbligu statutorju iżda wkoll bħala sors ta' opportunitajiet; jistieden, għalhekk, lir-reġjuni u lill-Istati Membri kollha biex ikomplu b'mod attiv l-iżvilupp tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom, jekk dawn għadhom ma għamlux hekk, sabiex ma jirriskjawx dewmien fir-riċeviment tal-finanzjament tal-UE għall-programmi operazzjonali rilevanti minħabba li ma jkunx hemm tali strateġija; |
|
4. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' informazzjoni fir-reġjuni u jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-konsulenza u l-appoġġ ipprovduti minn DĠ REGIO, DĠ RTD u direttorati ġenerali oħra rilevanti, kif ukoll mill-pjattaforma f'Sivilja (11), u jistidinhom ikomplu jżidu l-attivitajiet tagħhom; jappella lir-reġjuni kollha sabiex jagħmlu użu ikbar mill-kontenut tal-pjattaforma; jagħti l-appoġġ tiegħu biex jiġu żviluppati kampanji lokali fuq skala wiesgħa biex ixerrdu informazzjoni dwar l-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti sabiex il-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jieħdu sehem; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-reġjuni fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ prevista b'mod effettiv, bl-użu ta’ indikaturi sinifikanti, u biex b'hekk, b'mod partikolari, tiġi pprovduta dejta li fuqha jkunu jistgħu jiġu bbażati paraguni tal-UE kollha u dawk internazzjonali; |
Il-prijoritajiet “korretti”
|
6. |
Jenfasizza li r-reġjuni huma differenti minn xulxin b’mod sinifikanti fir-rigward tal-livell ta’ żvilupp tagħhom u għandhom punti pożittivi u negattivi ferm differenti; jitlob, għalhekk, lir-reġjuni jagħmlu l-għażla adegwata tagħhom ta' azzjonijiet billi jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-karatteristiċi fuq bażi reġjonali, il-potenzjali u l-vantaġġi kompetittivi tagħhom, minflok sempliċement jikkupjaw strateġiji b'suċċess ta' reġjuni oħra; |
|
7. |
Jenfasizza li biex jiġu sfruttati swieq ġodda, ir-reġjuni jistgħu jagħmlu ħilithom biex ikunu pijunieri fl-invenzjoni ta' teknoloġiji ġodda, imma jistgħu wkoll diġà jinvestu fl-attivitajiet relatati mal-għarfien, il-ħiliet u l-abbiltajiet eżistenti, jekk it-trasferiment tal-għarfien ikun l-akbar hawnhekk (“related diversity”); |
|
8. |
Jenfasizza kemm hu importanti, f’dak li hu tisħiħ tal-ekonomiji reġjonali, li l-fokus ma jkunx esklussivament fuq oqsma individwali ta' vantaġġ kompetittiv, iżda li tinħoloq ukoll katina ta’ valuri li tgħaqqad l-istadji kollha tal-iżvilupp u l-manifattura, mir-riċerka bażika, għar-riċerka orjentata lejn l-applikazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġiji, għal prodotti utilizzabbli speċifiċi u bidu ta’ negozji; |
|
9. |
Jinkoraġġixxi r-reġjuni jinvestu f'attivitajiet transsettorjali u ta' teknoloġiji trażversali fl-ekonomija reġjonali kollha sabiex varjetà ta' negozji, li tkun kemm jista' jkun wiesgħa, tista' tikkontribwixxi għall-ġenerazzjoni ta' aktar tkabbir u impjiegi, kif ukoll tibbenefika minnha; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, ir-reġjuni b'mod partikolari biex jinkiseb u jitrawwem il-potenzjal tat-tipi kollha ta' SMEs – li skont id-definizzjoni huma mikroimpriżi, impriżi żgħar u impriżi ta' daqs medju (12) – peress li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u huma, għalhekk, ta' importanza fundamentali għall-ekonomija f'kull reġjun. |
|
10. |
Huwa tal-fehma li r-reġjuni, meta jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom għandhom, minbarra li jsaħħu s-sistemi ta' innovazzjoni tagħhom bil-għan li jiksbu aktar kompetittività u valur miżjud, jieħdu azzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi strutturali u soċjetali fi ħdan is-soċjetà bħall-qgħad, il-faqar, is-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil demografiku; |
|
11. |
Jistieden lir-reġjuni ma jiffukawx biss fuq l-innovazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija, iżda li l-istrateġiji jkunu bbażati fuq l-aktar kunċett ta’ innovazzjoni wiesgħa possibbli; jittama li tiġi kkunsidrata mhux sempliċement l-innovazzjoni teknoloġika ta’ grad għoli iżda wkoll dik ta' grad baxx u, saħansitra, l-innovazzjoni li mhix teknoloġika, bħalma huma l-ottimizzazzjoni tal-proċessi u t-trasformazzjoni organizzazzjonali; jiġbed l-attenzjoni speċifikament għall-innovazzjoni soċjali u ambjentali f’dan il-kuntest; jenfasizza li l-għan tal-istrateġiji tal-innovazzjoni għandhom ikunu jistgħu jistimolaw il-prattiki innovattivi; |
|
12. |
Jinsab konxju li t-twaqqif tal-prijoritajiet huwa proċedura sensittiva u riskjuża li jieħdu r-reġjuni; jemmen, għalhekk, li l-introduzzjoni ta' sistema ta' rieżami tista' toffri r-reġjuni l-opportunità li jikkunsidraw mill-ġdid l-istrateġji tagħhom; huwa tal-fehma li l-għażla inizjali ta’ indikaturi sinifikanti li jkunu orjentati lejn ir-riżultati u l-kwalità tal-kontribut mill-atturi involuti huma fatturi ewlenin għas-suċċess tal-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, li jnaqqsu r-riskju li jsiru l-iżbalji fit-twaqqif tal-prijoritajiet; |
Involviment eqreb ta’ atturi fi ħdan ir-reġjuni
|
13. |
Huwa tal-fehma li l-kwalità tal-kooperazzjoni amministrattiva mal-partijiet interessati rilevanti fir-reġjun għandha influwenza sinifikanti fuq is-suċċess tal-istrateġija RIS 3 u se tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju li jiġu meħuda għażliet ħżiena fl-iffissar tal-prijoritajiet; |
|
14. |
Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-konsultazzjoni tan-negozji, partikolarment l-SMEs, peress li l-“viżjoni ta' innovazzjoni” se jkollha suċċess biss jekk in-negozji jkollhom ukoll il-potenzjal korrispondenti li jimplimentawha; |
|
15. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta’ konsultazzjoni u l-gruppi fil-mira kollha jiġu kkunsidrati mill-ġdid u fejn ikun meħtieġ jitwessgħu sabiex jiġi evitat li jintilfu promoturi futuri tal-innovazzjoni; iqis li huwa partikolarment importanti li jiġu involuti l-intraprendituri futuri; |
|
16. |
Jiċċara l-fatt li, fil-proċess tal-iżvilupp ta' viżjoni kondiviża, għal raġunijiet ta' sjieda u sensibilizzazzjoni, huwa fundamentali li dawk li jfasslu politika lokali u reġjonali, l-universitajiet, iċ-ċentri u n-negozji ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll is-soċjetà ċivili u l-atturi soċjali, jiġu involuti mill-qrib kemm jista' jkun; |
|
17. |
Jenfasizza r-rwol importanti li twettaq il-kooperazzjoni mill-qrib ġewwa t-trijangolu tal-għarfien, pereżempju fil-qafas tal-Istitut Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jew ir-raggruppamenti u taċ-ċentri reġjonali tal-innovazzjoni; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ “investiment fin-nies”; |
|
18. |
Jistieden lill-partijiet interessati pubbliċi u privati jużaw id-diversi opportunitajiet biex jiffinanzjaw dawn l-azzjonijiet taħt il-FEŻR għall-2014-2020, inkluż billi japoġġaw it-twaqqif ta' inkubaturi reġjonali ta' innovazzjoni u billi jiżviluppaw konnessjonijiet u sinerġiji bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet oħrajn ta' riċerka u edukazzjoni għolja, intraprendituri u negozji innovattivi u kreattivi, u fornituri ta' appoġġ tan-negozju u investituri, bħal e.ż. fil-każ ta' industriji kreattivi u kulturali; |
|
19. |
Huwa tal-fehma li għal dan il-proċess għandhom ikunu fis-seħħ strutturi adegwati u amministrazzjoni effiċjenti, u li l-awtoritajiet amministrattivi u l-ministeri għandhom jistabbilixxu kultura ta’ kooperazzjoni bejniethom kif ukoll fl-approċċ tagħhom man-negozji u l-atturi l-oħrajn; jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-awtoritajiet, kemm reġjonali kif ukoll nazzjonali, jimmodernizzaw il-proċeduri interni tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-“proċess ta’ skoperta intraprenditorjali” l-ġdid, u b’mod partikolari jidħlu fi djalogu fit-tul aktar intensiv mal-atturi rilevanti; jinkoraġġixxi lill-SMEs, speċjalment fir-reġjuni li għandhom sehem qawwi ta’ tali impriżi, jikkollaboraw permezz ta’ pjattaformi adegwati bil-għan li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-proċess ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jirrakkomanda li, jekk ikun meħtieġ, ir-riżorsi disponibbli għall-bini tal-kapaċitajiet għandhom jintużaw biex tkompli tingħata aktar setgħa lill-amministrazzjonijiet u lill-partijiet interessati; |
|
20. |
Iqis li l-awtoritajiet u l-atturi kollha kkonċernati fil-livell reġjonali għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu offruti taħriġ ta' kwalità għolja u seminars iffokati fuq kwistjonijiet relatati mat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; |
Il-kisba ta’ sinerġija bejn il-programmi ta' żvilupp
|
21. |
Jilqa’ l-progress miksub mill-Kummissjoni u l-awtorità leġiżlattiva tal-UE fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għal sinerġiji bejn il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) u programmi oħra tal-UE bħall-COSME u partikolarment l-Orizzont 2020, pereżempju, permezz ta' rati fissi armonizzati jew finanzjament ikkombinat (13); |
|
22. |
Iħeġġeġ lir-reġjuni jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament, kooperazzjoni u investiment, inklużi azzjonijiet 'il fuq (upstream) u 'l isfel (downstream) (14), sabiex jippromwovu sinerġiji bejn l-ESIFs u Orizzont 2020 u billi jagħmlu dan, inaqqsu d-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni; |
|
23. |
Jistieden f’dan ir-rigward lil dawk ir-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-kapaċità tar-riċerka, biex jippromwovu kooperazzjonijiet ma’ faċilitajiet ta' riċerka eċċellenti fis-sens ta’ “teaming/twinning for excellence” biex jibnu ċentri ta' eċċellenza huma stess, li fil-futur se tibbenefika minnhom l-ekonomija reġjonali kollha; |
|
24. |
Jistieden lir-reġjuni, fil-qafas tal-istrateġija, jikkunsidraw fil-fond il-kwistjoni ta' kif għandhom jattiraw l-investiment fis-settur privat, peress li għad hemm ambitu konsiderevoli għall-għoti ta' spinta lill-potenzjal tal-investiment fir-RŻI f’dan is-settur; |
|
25. |
Jistieden lill-atturi reġjonali u nazzjonali kollha, li huma fdati bit-tfassil kunċettwali u l-implimentazzjoni tal-istrateġija RIS 3, il-pjan direzzjonali tal-infrastruttura tar-riċerka ESFRI, l-ESIF u l-Orizzont 2020, għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-ippjanar u l-koordinazzjoni u fejn meħtieġ jiżviluppaw l-istrutturi korrispondenti (15) biex jgħaqqdu f’netwerk il-livelli differenti tal-attivitajiet governattivi; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar tali strutturi; |
|
26. |
Jistieden lid-DĠs REGIO u RTD jippersistu fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-programmi jkunu kompatibbli, sabiex ikunu jistgħu jinħolqu sinerġiji; jenfasizza li għandu jiġi pprovdut appoġġ konġunt lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jgħin fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji rispettivi tagħhom; jistenna lid-DĠs REGIO u RTD jżidu l-kooperazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward, partikolarment billi joħorġu dokumenti ta' gwida għall-atturi involuti; |
|
27. |
Jilqa' l-isforzi kollha biex jiġu estiżi s-servizzi konsultattivi; huwa tal-fehma li jkun ta' benefiċċju jekk il-benefiċjarji potenzjali tal-fondi tal-programm Orizzont 2020 u l-korpi konsultattivi rilevanti jiġu involuti b'mod xieraq f'dawn l-iskambji; |
Kooperazzjoni mill-qrib tar-reġjuni: id-dimensjoni esterna
|
28. |
Jistieden lir-reġjuni mhux biss itejbu l-konnessjonijiet interni tagħhom bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u r-riċerka, in-negozji u l-amministrazzjoni imma wkoll jibnu alleanzi ma’ reġjuni oħra biex jissupplementaw il-katina tal-valuri tagħhom stess; |
|
29. |
Jenfasizza li l-opportunitajiet se jiġu mrawma jekk tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sħab tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) fir-reġjuni u l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet involuti fit-tfassil u t-twettiq tal-istrateġiji RIS3 kif deskritti fl-Anness IV f’COM(2011)0615, 2011/0276(COD), C7-0335/2011, inkluża sħubija mar-reġjuni li għandhom ċentri ta’ kollokazzjoni eżistenti u potenzjali, bħalma huma l-Komunitajiet Reġjonali ta’ Implimentazzjoni u Innovazzjoni (KRII); |
|
30. |
Iqis li huwa vitali li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali jgħinu biex jinħolqu netwerks ta’ eċċellenza Ewropej ġodda f’firxa ta’ setturi, u b’hekk jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-profil internazzjonali tal-Unjoni Ewropea; |
|
31. |
Huwa tal-fehma li fil-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti, permezz tat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija jistgħu jibbenefikaw bil-kbir kemm ir-reġjuni b’rabta mal-potenzjal ekonomiku tagħhom lokalment, kif ukoll l-UE bħala entità sħiħa; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għall-kollaborazzjonijiet ta’ suċċess kbir bħal pereżempju fil-qafas tal-inizjattiva “Reġjuni ta’ Għarfien”; |
|
32. |
Jinnota li ħafna reġjuni jippruvaw jevitaw l-isforzi kumplessi ta’ analiżi u ta’ koordinazzjoni li hemm bżonn; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jagħmlu użu tal-għażla pprovduta mil-leġiżlatur li biha sa 15 % tal-finanzjament tal-programm jista’ jiġi investit barra mill-qasam tal-programm (16); |
|
33. |
Jirrimarka li fiż-żoni ta’ mal-fruntieri, l-isfidi spiss huma l-istess fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, minħabba li dawn iż-żoni jkollhom l-istess karatteristiċi territorjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu strateġiji transkonfinali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u jistabbilixxu raggruppamenti transkonfinali, bl-użu tal-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali tal-UE; |
|
34. |
Jilqa’ l-għażliet previsti fil-qafas strateġiku komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali (17); jilqa' kull tip ieħor ta’ azzjoni ta' internazzjonalizzazzjoni fuq skala żgħira mir-reġjuni u l-atturi tagħhom; |
o
o o
|
35. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. |
(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
(3) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 21.
(4) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 27.
(5) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 39.
(6) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.
(7) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 104.
(8) Artikolu 2, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi Adottati, P7_TA(2013)0482.
(9) L-Anness V, it-Tabella 1, Kondizzjonalitajiet ex ante, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
(10) Ara d-definizzjoni ta' 'strateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti', l-Artikolu 2(2)(2b) (ġdid), il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
(11) http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/home
(12) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju (2003/361/KE).
Artikolu 55(8) u l-Art. 57, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482, Artikolu 17a, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0401(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0809, Testi adottati, P7_TA(2013)0499, u l-Artikolu 31, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0399(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0810, Testi adottati, P7_TA(2013)0500.
(14) Artikolu 2, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
(15) Anness I, punt 4.1.2 b, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA(2013)0482.
Artikolu 60(2), il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA-PROV(2013)0482.
(17) Anness I, punt 7.2, il-proċedura leġiżlattiva 2011/0276(COD), abbażi tal-proposta għal Regolament COM(2011)0615, Testi adottati, P7_TA-PROV(2013)0482.