Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0718

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù

/* COM/2014/0718 final */

52014DC0718

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù /* COM/2014/0718 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù

1. Introduzzjoni

Fis-26 ta’ Ġunju 2012, l-UE ffirmat Ftehim Kummerċjali (minn issa 'l quddiem il-Ftehim) mal-Kolombja u l-Perù. Il-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Marzu 2013 għall-Perù u mill-1 ta’ Awwissu 2013 għall-Kolombja[1].

Mill-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament u lill-Kunsill tagħrif dwar l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari matul il-laqgħat tal-grupp ta’ monitoraġġ dedikat imwaqqaf permezz lill-Kumitat Kummerċjali Internazzjonali tal-Parlament Ewropew. Skont ir-Regolament (UE) Nru 19/2013[2] il-Kummissjoni impenjat ruħha li tissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi tal-Ftehim u tar-Regolament.

Dan huwa l-ewwel Rapport tax-xorta tiegħu. F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament, huwa mqassam fi tliet partijiet:

valutazzjoni ġenerali ta’ flussi kummerċjali; informazzjoni dwar attivitajiet ta’ diversi entitajiet li jimplimentaw il-Ftehim; informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fir-Regolament.

2. L-ISTIMA KOMPLESSIVA: L-EVOLUZZJONI TAL-KUMMERĊ

2.1.        Metodoloġija

L-analiżi ta’ flussi kummerċjali bilaterali hija bbażata fuq dejta għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim. Fil-każ tal-Perù, id-dejta użata kienet għas-sena kalendarja 2013, filwaqt li għal il-Kolombja d-dejta tirrigwarda l-ewwel ħames xhur ta’ implimentazzjoni proviżorja tal-Ftehim (Awwissu 2013 sa Diċembru 2013). Fi kwalunkwe każ, il-perjodu ġie mqabbel mal-istess wieħed tas-sena ta’ qabel.

Il-fatt li l-implimentazzjoni tal-ftehim għadha fl-istadji bikrin tagħha u li ċerta dejta u ċifri huma nieqsa, jillimita l-possibbiltà li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-impatt tal-Ftehim. Fil-fatt jista’ jieħu xi żmien qabel ma l-operaturi ekonomiċi jadattaw sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ minn opportunitajiet kummerċjali addizzjonali offruti mill-ftehim ta’ kummerċ. Barra minn hekk, huwa diffiċli li wieħed jattribwixxi tibdiliet fil-flussi tal-kummerċ biss għall-Ftehim billi hemm fatturi oħra li jinfluwenzaw dawn iċ-ċifri, bħalma huma l-varjazzjonijiet fid-domanda u l-prezzijiet globali għal materja prima, li jikkostitwixxu parti importanti tal-esportazzjonijiet Peruvjani u Kolombjani.

B’mod ġenerali, kien hemm tendenza ta’ żieda fil-kummerċ ta’ merkanzija speċifika. Dan serva ta’ kontrobilanċ ħafif għal tnaqqis ġenerali fil-flussi tal-kummerċ xprunati minn xejriet negattivi globali fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u d-domanda tal-UE. Filwaqt li huwa prematur biex jiġu estrapolati bis-sħiħ il-konklużjonijiet, il-figuri jissuġġerixxu li n-negozji f’setturi speċifiċi qed jagħmlu dejjem aktar użu tal-Ftehim.

2.2.        L-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali mal-Perù

Meta mqabbla mas-sena ta’ qabel il-ftehim, il-valur tal-importazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti mill-Peru fl-2013, naqas b’15.9 % (EUR 995 miljun), l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet internazzjonali għal prodotti bażiċi.

Fl-2012, il-valur tal-importazzjonijiet tal-UE mill-Perù kien ta’ EUR 6.3 biljun (17.5 % tal-esportazzjonijiet Peruvjani). Fl-2013, iċ-ċifra kienet ta’ EUR 5.3 biljun (16.5 % tal-esportazzjonijiet Peruvjani), li tirrifletti l-iżvilupp imsemmi hawn fuq.

L-importazzjonijiet ewlenin tal-UE kienu materja prima (ram u żingu jirrappreżentaw 29.9 % tal-importazzjonijiet kollha) li l-valur tagħhom ġarrab kontrazzjoni sinifikanti meta mqabbel mal-2012 (-15.7 %). It-tieni grupp ta’ prodotti (ikel u annimali ħajjin, li jammontaw għal 36.8 % tat-total ta’ importazzjonijiet mill-Perù) ra tnaqqis ta’ 10.4 % fil-valur meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Madankollu, xi wħud mill-esportazzjonijiet mhux tradizzjonali mill-Perù (prinċipalment fis-settur agroalimentari u b’valur miżjud ogħla) żdiedu bi kważi 6 %. Is-sustanzi kimiċi u s-sajd ukoll esperjenzaw żidiet notevoli (24.9 % u 4 % rispettivament).

Il-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE baqa’ kostanti (b’żieda ta’ 0.16 % jew EUR 5.7 miljun). L-UE hija t-tielet l-akbar oriġini tal-importazzjonijiet tal-Perù (li tirrappreżenta madwar 13 % tal-importazzjonijiet kollha fl-2013).

Il-prodotti prinċipali esportati mill-UE kienu ta’ makkinarju u tagħmir tat-trasport (55.5 % tat-total). L-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti baqgħet relattivament stabbli (żieda ta’ 0.16 %).

Fl-2013, il-bilanċ kummerċjali tal-UE mal-Perù laħaq defiċit ta’ EUR 1.778 m (fl-2012 id-defiċit kien ta’ EUR 2.779 miljun). It-tnaqqis hu konsistenti max-xejra mill-2009 sal-2013, minħabba li r-rata medja ta’ tkabbir annwali kienet ta’ 13.5 % għal importazzjonijiet tal-UE u 23.7 % għall-esportazzjonijiet tal-UE.

2.3.        L-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali mal-Kolombja

L-analiżi tal-flussi kummerċjali mal-Kolombja huwa affettwat mill-fatt li l-Ftehim ġie applikat biss mill-1 ta’ Awwissu 2013. F’paragun mal-perjodu ta' qabel ma l-Ftehim ġie applikat proviżorjament (Awwissu — Diċembru 2012), il-valur globali tal-flussi kummerċjali baqa' f’livelli simili.

F’termini tal-valur tal-kummerċ, il-Kolombja tibqa’ l-ewwel sieħeb tal-UE fil-Komunità tal-Andes u l-ħames fl-Amerika Latina.

Il-valur tal-importazzjonijiet tal-UE żdied b’4.2 % meta mqabbel mal-perjodu preċedenti, li jammontaw għal EUR 3.596 miljun. Fl-2012, il-valur totali ta’ oġġetti Kolombjani esportati lejn l-UE kien jirrappreżenta 15.2 % tal-esportazzjonijiet mill-Kolombja (UE 7 098.8 miljun minn EUR 46 720.1 miljun). Fl-2013 din iċ-ċifra laħqet EUR 7 223.2 m (15.8 % tal-esportazzjonijiet totali Kolombjani).

L-esportazzjonijiet Kolombjani jibqgħu kkonċentrati fi prodotti bażiċi u prodotti agrikoli. Erba’ tipi ta’ prodotti jammontaw għal 87.2 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-UE (żjut mhux maħduma, faħam, banana u kafè).

Il-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE naqas b’4 % meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, li jammonta għal EUR 2.328 miljun.

Fl-2012, l-UE kienet it-tielet l-ikbar imsieħba tal-Kolombja f’termini ta’ importazzjoni (bi 12.6 % tal-oġġetti importati fl-2012, jew EUR 5 657.9 miljun minn EUR 45 025.8 miljun). Fl-2013 din iċ-ċifra żdiedet għal EUR 6,171.8 miljun (13.4 % tal-importazzjonijiet totali Kolombjani).

L-esportazzjonijiet tal-UE huma karatterizzati minn diversifikazzjoni ta’ oġġetti manifatturati, li jikkonsistu prinċipalment f’makkinarju u tagħmir mekkaniku (19 % tal-esportazzjonijiet kollha, bi tnaqqis ta’ 4.1 %), prodotti farmaċewtiċi (11.5 %, żieda ta’ 8.5 %), inġenji tal-ajru u partijiet (11.8 %, żieda ta’ 33.2 %), makkinarju u tagħmir elettroniku (7.4 %, żieda ta’ 9.8 %), vetturi (7.6 %, żieda ta’ 9.8 %), u apparat ottiku, fotografiku, tekniku u mediku (5.8 %, żieda ta’ 10.6 %).

Fl-2013, il-bilanċ kummerċjali mal-Kolombja laħaq defiċit ta’ EUR 1.782m (fl-2012 id-defiċit kien EUR 3.064 m). Dan jeħtieġ li jkun peżat kontra l-fatt li r-rata medja ta’ tkabbir annwali bejn l-2009-2013 kienet ta’ 17.8 % għal importazzjonijiet tal-UE u 15.4 % għall-esportazzjonijiet tal-UE. Min-naħa l-oħra, fl-2013, meta mqabbla mal-2012, l-importazzjonijiet tal-UE naqsu bi 11.2 %, billi l-esportazzjonjiet tal-UE żdiedu b’5.7 %.

2.4.        L-evoluzzjoni tal-kummerċ ta’ oġġetti speċifiċi

Ħarsa aktar mill-qrib lejn l-evoluzzjoni tal-flussi tal-kummerċ f’oġġetti speċifiċi bejn l-UE u ż-żewġ pajjiżi Andini tissuġġerixxi li xi setturi bdew jibbenefikaw minn dan il-Ftehim.

Fir-rigward tal-Perù, varjazzjonijiet notevoli kienu rreġistrati mill-2012 sal-2013 għal:

· Banana friska: l-importazzjonijiet totali żdiedu minn EUR 61 miljun għal EUR 85 miljun (+ 39.3 %);

· Frott u ġewż li jittiekel: EUR 408 miljun għal EUR 527 miljun (+ 29.2 %)

· Iz-zokkor u l-ħelu taz-zokkor: EUR 0.8 miljun għal EUR 2.3 miljun (+ +187.5 %)

· Xorb u spirti: EUR 44 miljun għal EUR 71 miljun (+ +61.4 %)

Min-naħa l-oħra, varjazzjonijiet notevoli fl-esportazzjonijiet tal-UE ġew irreġistrati għal:

· Ċereali: EUR 0.1 miljun għal EUR 12.6 miljun

· Vetturi għat-trasport ta’ persuni u ta' oġġetti: EUR 308 miljun għal EUR 351 miljun (+14 %)

· Prodotti farmaċewtiċi: EUR 104 miljun għal EUR 140 miljun (+ +34.6 %)

Minħabba li l-Ftehim mal-Kolombja ma ġiex applikat fit-tul daqs dak mal-Perù, hemm inqas dejta disponibbli. L-analiżi li ġejja tibni fuq id-dejta minn Awwissu sa Diċembru 2013 (meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2012).

F’termini ta’ importazzjonijiet tal-UE, ġew irreġistrati varjazzjonijiet notevoli fl-2013 għal:

· Zokkor tal-kannamieli: l-importazzjonijiet żdiedu minn EUR 1.4 miljun għal EUR 3.4 miljun (+147.5 %);

· Tabakk: EUR 4.6 miljun għal EUR 15.4 miljun (+ +247.6 %)

· Tonn preparat jew preservat EUR 2.5 miljun għal EUR 2.8 miljun (+ +9.2 %)

· Fjuri maqtugħin: EUR 5.1 miljun għal EUR 5.4 miljun (+ +4.4 %).

Min-naħa l-oħra, varjazzjonijiet notevoli fl-esportazzjonijiet tal-UE ġew irreġistrati għal:

· Prodotti tal-ħalib: l-esportazzjonijiet żdiedu minn EUR 0.7 miljun għal EUR 1.7 miljun (+136.5 %);

· Xażijiet armati bil-magni, għall-vetturi: EUR 0.8 miljun għal EUR 4.5 miljun (+467.4%);

· Vetturi, b'magna tal-pistuni għall-kombustjoni interna tat-tqabbid bil-kompressjoni (diżil jew semi-diżil) ta' kapaċità ċilindrika ta' iktar minn 1,500 cm3 imma mhux iktar minn 2,500 cm3: EUR 2.6 miljun għal EUR 4.3 miljun (+ +64.7 %).

2.5.        L-użu tal-kwoti tar-rata tariffarja (KRT)

Il-Ftehim jipprovdi għal diversi KRT fuq iż-żewġ naħat. L-analiżi preliminari tal-utilizzazzjoni tal-kwota tissuġġerixxi li għad hemm ammont sinifikanti ta’ żieda tal-esportazzjonijiet tal-UE taħt dawn il-KRT vantaġġużi.

Id-dejta doganali miġbura permezz tal-awtoritajiet Peruvjani tindika li fl-2013, kienu biss żewġ klassijiet ta’ prodotti suġġetti aktar għall-KRT irreġistraw flussi kummerċjali sinifikanti (prodotti tal-ġelat u prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor), għalkemm jibqgħu b’mod sinifikanti 'l isfel mill-KRT.

Tali tnaqqis jista’ jsir għall-Kolombja, fejn, skont id-dejta li tirreferi għal Jannar sa Ġunju 2014, żewġ gruppi biss ta’ prodotti rreġistraw xi esportazzjonijiet sinifikanti mill-UE (ħaxix u frott, u estratti tax-xgħir). F’dan il-każ ukoll, l-użu ta’ KRT kien b’mod sinifikanti taħt it-tunnellaġġ allokat. Gruppi ta’ prodotti bħal xorrox u prodotti tal-ħalib, u preparazzjonijiet taz-zokkor irreġistraw flussi kummerċjali minimi, filwaqt li oħrajn (pereżempju z-zokkor, il-ħalib u l-krema, ix-xorrox tal-butir, u l-preparazzjonijiet tal-ġelati) irreġistraw użu negliġibbli jew ineżistenti tal-KRT disponibbli.

Min-naħa l-oħra, l-UE bdiet għadd ta’ riformi importanti tal-KRT għall-Perù u l-Kolombja. Fil-każ tal-Perù, il-KRT prinċipali huma mifruxa bejn il-gruppi ta’ prodotti li ġejjin: il-qamħirrum ħelu, il-qamħirrum, iz-zokkor tal-kannamieli, il-prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor, it-trab tal-kawkaw, ir-rum, ir-ross, u l-laħam ta’ annimali bovini, fost oħrajn.

Skont dejta doganali tal-2013 tal-UE, huma biss il-KRT għaz-zokkor tal-kannamieli (eżawriment sħiħ tal-kwota, 18,334 tunnellata[3]), prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor (2 minn 10,000 tunnellata disponibbli) u għall-qamħirrum (58 minn 8,334 tunnellata disponibbli) li ttieħed vantaġġ minnhom bejn Marzu 2013 u Frar 2014. Id-dejta għal Marzu sa Mejju 2014 tindika li l-KRT kienu użati għal erba’ gruppi (il-qamħirrum, il-qamħirrum ħelu, iz-zokkor tal-kannamieli, iz-zokkor u l-prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor). Minn dawn, il-kwota ta’ zokkor tal-kannamieli (22,660 tunnellata) kienet diġà mnaqqsa mill-Perù sas-6 ta’ Mejju 2014. Madankollu, il-prodotti kollha li fadal irreġistraw flussi minimi ta’ kummerċ (1 tunnellata għall-KRT għal prodotti b’kontenut għoli ta’ zokkor).

Fir-rigward tal-Kolombja, l-UE fetħet għadd ta’ KRT għal prodotti bħal qamħirrum ħelu, il-qamħirrum, iz-zokkor tal-kannamieli, il-jogurt, ir-rum, il-ħalib u l-krema, u l-prodotti li fihom kontenut għoli ta’ zokkor.

Skont dejta doganali tal-UE, ma sar ebda użu ta’ KRT fl-2013. Id-dejta għall-2014 tindika li l-KRT kienu użati għal żewġ kategoriji wiesgħa (iz-zokkor tal-kannamieli  u l-ħelu taz-zokkor). Mis-63,860 tunnellata ta’ prodotti taz-zokkor tal-kannamieli allokati, 23,383 tunnellati kienu ġew importati sat-8 ta’ Lulju 2014. Għal prodotti tal-ħelu taz-zokkor, minn 20,600 tunnellata 105 tunnellata biss kienu importati sat-8 ta’ Lulju 2014.

B’mod ġenerali, l-użu modest ta’ KRT jindika li mhux probabbli li kien hemm xi tfixkil tas-swieq interni rispettivi għal dawn il-prodotti sensittivi bħala konsegwenza tal-Ftehim.

2.6.        Is-Servizzi

Id-dejta kummerċjali marbuta mas-servizzi tiġi fornuta ferm tard u ppreżentata f’termini aggregati, li jfisser li mhuwiex realistiku li ssir l-istess analiżi parzjali bħal fil-każ ta’ kummerċ ta’ prodotti. Dan l-aspett se jiġi kopert mir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni ladarba jkun hemm biżżejjed dejta disponibbli.

3.           L-attivitajiet tal-korpi ta’ implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-Ftehim jipprevedu l-istabbiliment ta’ Kumitat tal-Kummerċ u tmien korpi speċjalizzati. Il-Kumitat tal-Kummerċ annwali fil-livell ministerjali bejn l-UE u l-Kolombja/Perù għandu rwol ta’ sorveljanza u jiżgura li l-Ftehim jaħdem kif suppost. L-ewwel laqgħat ta’ dawn il-korpi saru fl-2014 f’Lima, il-Peru (ara hawn taħt).

Is-Sottokumitat dwar l-Agrikoltura – 5 ta’ Frar

Il-parteċipanti ddiskutew l-evoluzzjoni tal-kummerċ u l-użu ta’ KRT, (jiġifieri aspetti li jirrigwardaw il-proċeduri interni). Il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana ġie diskuss ukoll minħabba ż-żieda tal-esportazzjonijiet Peruvjani. Suġġetti oħra kienu jinkludu tassazzjoni ta’ spirti (il-Perù u l-Kolombja), u ftehim ta’ kooperazzjoni għal prodotti tal-ħalib (il-Kolombja).

Is-Sottokumitat dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ – 5 ta’ Frar

Il-Partijiet skambjaw informazzjoni dwar sistemi ta’ infrastruttura ta’ kwalità tagħhom. L-UE ppreżentat għadd ta’ punti ta’ tħassib lill-Kolombja (regolamenti tekniċi għas-settur tal-karozzi, proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità, tikkettjar tat-tessuti, regolamenti tekniċi dwar xorb alkoħoliku, u l-politika dwar il-bijokarburanti) u l-Perù (liġi għall-promozzjoni tal-ikel tajjeb għas-saħħa, id-dewmien fir-reġistrazzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi u supplimenti tad-dieta). Il-Kolombja u l-Perù esprimew it-tħassib dwar ir-rekwiżit tal-UE għal ċertifikati tal-oriġini għall-esportazzjonijiet tal-ħut u r-restrizzjoni tal-użu taż-żejt tal-palm f’xi Stati Membri.

Is-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli – 6 ta’ Frar

Il-Partijiet qablu dwar lista ta’ esperti li jistgħu jitlaqqgħu sabiex jeżaminaw kwistjonijiet li ma jkunux ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti permezz ta’ konsultazzjonijiet governattivi, u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar mekkaniżmi domestiċi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u gruppi impenjati biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim (ara wkoll il-punt 4 hawn taħt).

Is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali – 11 ta’ Frar

Il-laqgħa ddiskutiet l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ), fejn l-UE tesprimi l-interess tagħha għal proċeduri simplifikati ta’ rikonoxximent. Il-Kolombja ppreżentat sett sħiħ ta’ ċertifikati ta’ protezzjoni tal-IĠ tal-UE skont il-Ftehim u ppreżentat lista ta’ 18-il IĠ ġodda, disgħa minnhom jirreferu għal prodotti agrikoli, li l-UE se tivvaluta skont il-Ftehim. Għall-bqija tal-IĠ li mhumiex agrikoli, l-UE ċċarat kif tista' tinkiseb il-protezzjoni tagħhom.

Il-Perù ppreżenta lista ta’ erba’ IĠ għall-prodotti agrikoli. Suġġetti oħra kienu jinkludu sistemi ta’ infurzar rispettivi tal-Partijiet, ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji, is-Sistema ta' Paragrafu 6[4] tal-Ftehim TRIPS, l-adeżjoni tal-Perù u l-Kolombja mal-Protokoll ta’ Madrid[5], protezzjoni għal artisti, u privattivi fis-settur farmaċewtiku (il-Kolombja).

Is-Sottokumitat dwar l-Akkwist Pubbliku – 31 ta’ Marzu

Il-Partijiet iddiskutew il-kwistjonijiet bilaterali, bil-Perù u l-Kolombja jaġġornaw lill-UE dwar il-lista ta’ entitajiet tal-gvern. Il-Partijiet qablu li jiskambjaw informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-SMEs fi swieq barranin tal-akkwisti.

Is-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji – 1 ta’ April

Is-suġġetti diskussi inkludew ir-rekwiżiti tal-importazzjoni, il-verifiki, il-miżuri marbuta mas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, l-ekwivalenza, u l-assistenza teknika.

Is-Sottokumitat dwar il-Proċeduri tad-Dwana, l-Iffaċilitar tal-Kummerċ, u r-Regoli tal-Oriġini — 28-29 ta’ April

Il-partijiet ippreżentaw żviluppi reċenti fil-leġislazzjoni doganali tagħhom. L-UE enfasizzat l-importanza li jinħoloq ambjent doganali mingħajr karti. Il-Partijiet skambjaw l-esperjenza tagħhom dwar Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati[6] u Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku. Dwar ir-regoli tal-oriġini, il-Partijiet indirizzaw iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini preferenzjali, u l-kwistjoni ta’ trasport dirett.

Is-Sottokumitat dwar l-Aċċess għas-Suq – 15 ta’ Mejju

Il-Partijiet skambjaw informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali, filwaqt li nnotaw in-nuqqas ta’ statistika affidabbli fuq perjodu twil ta’ żmien. Il-Partijiet iddiskutew kwistjonijiet bilaterali bħall-GSP+ (il-Perù), u l-politiki domestiċi dwar il-bijofjuwils u l-iskrappjar tat-trakkijiet (kemm il-Perù u l-Kolombja).

Il-Kumitat tal-Kummerċ — 16 ta’ Mejju

Il-Kumitat irreveda l-attivitajiet tal-korpi speċjalizzati u ddiskuta temi relatati mal-kummerċ fis-servizzi. L-UE esprimiet tħassib dwar l-iskadenzi għall-ħruġ ta’ viżi tax-xogħol fil-Perù li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-impenji tal-Perù taħt il-parti mill-Ftehim dwar il-kummerċ fis-servizzi. Il-partijiet ddiskutew ukoll temi marbuta mad-WTO u mal-Ftehim dwar l-Iffaċilitar tal-Kummerċ, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar in-negozjati kurrenti rispettivi tagħhom ma’ pajjiżi jew reġjuni oħra.

4.            L-issodisfar tal-obbligi dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

Is-sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

L-ewwel laqgħa tas-Sottokumitat kienet saret eżatt wara sessjoni miftuħa mas-soċjetà ċivili fis-7 ta’ Frar li għaliha attendew prinċipalment membri tas-soċjetà ċivili Peruvjana u l-grupp konsultattiv domestiku tal-UE. Diskussjonijiet inkludew temi marbuta max-xogħol u l-ambjent ta’ importanza għall-implimentazzjoni tat-Titolu IX tal-Ftehim, fejn ġew diskussi oqsma potenzjali għal segwitu.

Il-Partijiet esprimew l-impenn tagħhom biex effettivament jimplimentaw it-Titolu IX tal-Ftehim. Il-Kolombja u l-Perù rrappurtaw dwar l-aspetti applikabbli organizzattivi tal-ministeri tal-ambjent tax-xogħol tagħhom, kif ukoll il-progress li sar fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ negozjar kollettiv, u l-eliminazzjoni ta’ xogħol furzat, li kienet ukoll rilevanti fil-kuntest ta’ miżuri varji inklużi mill-Kolombja u l-Perù fil-pjanijiet ta’ direzzjoni ppreżentati lill-Parlament Ewropew fl-2012.

Il-partijiet ddiskutew il-kwistjonijiet li ġejjin.

4.1.        L-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati max-xogħol

L-UE rrappurtat dwar il-politika u l-miżuri meħuda fil-livell tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ negozjar kollettiv, u t-tħaris tad-drittijiet tat-tfal (inklużi l-prevenzjoni tax-xogħol tat-tfal). L-UE tat informazzjoni wkoll dwar il-progress li sar mill-Istati Membri biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu. Tat informazzjoni wkoll dwar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-28 ta’ Jannar 2014 li jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar il-Kimiċi u l-Ħaddiema Domestiċi.

Il-Perù rrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu skont it-Titolu IX tal-Ftehim u pprovda aġġornament dwar l-oqsma li ġejjin:

i. It-tisħiħ tas-Sistema ta' Relazzjoni Kollettiva, inkluż it-tisħiħ tas-sistema ta’ spezzjoni, il-ħolqien ta' Sopraintendenza Nazzjonali għall-Ispezzjoni tax-Xogħol; u ż-żieda tal-iskala ta’ multi applikati;

Il-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti mill-ILO, permezz ta’ regolamenti speċjali għar-reġistru tal-unions tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni, ir-regolamentazzjoni ta’ arbitraġġ opzjonali, pjanijiet ta’ azzjoni u l-istrateġiji kontra x-xogħol furzat u x-xogħol li jsir mit-tfal, u l-approvazzjoni ta’ regolamenti għall-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità; L-azzjonijiet u l-ispezzjonijiet miżjuda għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol; u r-Ratifika tal-konvenzjonijiet tal-ILO.

 

Il-Kolombja pprovdiet informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu IX tal-Ftehim, b’enfasi fuq l-oqsma li ġejjin:

i. L-istruttura l-ġdida tal-Ministeru tax-Xogħol u l-kisbiet tiegħu;

Il-mezzi u l-mekkaniżmi eżistenti għad-djalogu soċjali; L-implimentazzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni; Il-vantaġġi ta’ sistemi eżistenti ta’ sorveljanza; Leġislazzjoni adottata fil-ġlieda kontra l-intermedjazzjoni illegali; Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO.

Il-Partijiet qablu li jkomplu l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ xogħol ta’ Titolu IX, inklużi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO (jiġifieri, il-Konvenzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi tal-2011, li aktar tard ġiet ratifikata mill-Kolombja fid-9 ta’ Mejju 2014). Il-Partijiet qablu li jkomplu l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri kontra x-xogħol furzat u x-xogħol li jsir mit-tfal, u l-promozzjoni ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv.

Il-laqgħa tat opportunità li jsiru laqgħat ma’ rappreżentanti tal-uffiċċju reġjonali tal-ILO u biex jiġu diskussi materji bħalma huma n-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ tal-UE b’mod ġenerali.

4.2.        L-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-ambjent

Il-Partijiet irrappurtaw dwar il-progress tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ambjentali fit-Titlu IX. Il-Perù rrapporta dwar il-Qafas Ġuridiku u Politiku dwar il-Kwistjonijiet Ambjentali, l-Assi Strateġiku tal-Ġestjoni Ambjentali fil-Perù, l-Aġenda Nazzjonali, u s-Sistema Nazzjonali għall-Azzjoni Ambjentali. Il-Perù rrapporta wkoll dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali u s-Servizz Nazzjonali ta’ Ċertifikazzjoni Ambjentali għal Investimenti Sostenibbli (SENACE).

Il-Kolombja rrappurtat dwar is-Sistema Nazzjonali tal-Ambjent, il-kisbiet ewlenin u l-politiki mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli, u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Konvenzjoni ta’ Basel, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet Ipperikolati (CITES), il-Protokoll ta’ Montreal, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Protokoll ta’ Kartaġena, u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).

L-UE indirizzat il-liberalizzazzjoni ta’ prodotti ambjentali, b’enfasi fuq l-inizjattiva ta’ prodotti ekoloġiċi li permezz tagħhom l-UE u 13-il membru ieħor tad-WTO wiegħdu li jaħdmu favur il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti ambjentali. L-UE ħeġġet il-Kolombja u l-Perù biex jissieħbu fl-inizjattiva, b’mod partikolari fil-kuntest li l-Perù se jospita l-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC li jmiss f’Lima f’Novembru 2014, filwaqt li tinnota li dan jista’ jkollu l-potenzjal għal aċċess aħjar u orħos għal prodotti u teknoloġiji li jħarsu l-ambjent.

L-UE spjegat fil-qosor il-pjan direzzjonali tagħha dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-metodoliġi dwar l-impronta ambjentali, bi 17-il prodott magħżula għal testijiet pilota minn Novembru 2013. Xi partijiet interessati, inklużi n-negozji fil-Kolombja u l-Perù, jistgħu jinkitbu biex isegwu u jikkontribwixxu għal dawn l-istudji pilota. Il-kumpaniji li jesportaw lejn l-UE għandhom isibu utli l-parteċipazzjoni f’dan l-eżerċizzju.

4.3.        Il-konsultazzjoni domestika u s-sessjonijiet tas-Sottokumitat mas-soċjetà ċivili

Matul il-laqgħa tas-sottokumitat, il-partijiet iddiskutew l-Artikolu 281 (Mekkaniżmi Domestiċi) u l-implimentazzjoni tiegħu. L-UE qalet li l-mekkaniżmu tal-grupp konsultattiv domestiku tagħha jkun simili għal Ftehimiet oħra tal-UE u l-Perù u l-Kolombja qalu li kieku jużaw korpi konsultattivi domestiċi eżistenti. Il-partijiet qablu fuq linji gwida għas-sessjonijiet miftuħa li ser isiru mas-soċjetà ċivili.

Fis-sessjoni miftuħa mas-soċjetà ċivili, il-membri tal-grupp konsultattiv domestiku tal-UE, flimkien ma’ membri tas-soċjetà ċivili Peruvjana, enfasizzaw l-importanza ta’ strutturi tas-soċjetà ċivili istituzzjonalizzati skont il-Ftehim. Il-parteċipanti enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tkun tista’ taħdem mal-kontropartijiet tagħha bejn is-sessjonijiet sabiex ikunu possibbli aktar id-diskussjonijiet produttivi f’sessjonijiet miftuħa.

4.4.        L-oqsma potenzjali għal ħidma ta’ segwitu

Il-Partijiet qablu li jkomplu jinvolvu ruħhom fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati max-xogħol ta’ Titolu IX, inklużi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO. Il-Partijiet qablu wkoll li jkomplu bl-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dwar miżuri kontra x-xogħol furzat u x-xogħol li jsir mit-tfal, u l-promozzjoni ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv.

Fuq il-bijodiversità, is-Sottokumitat iddiskuta d-dispożizzjonijiet fit-Titolu IX u ħidma futura. Kien enfasizzat li l-inizjattivi għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat, bħar-Regolament reċenti tal-UE dwar l-Injam[7], jistgħu potenzjalment jirrappreżentaw opportunitajiet akbar ta’ kummerċ sostenibbli tal-injam u tal-prodotti tal-injam.

Il-Kolombja enfasizzat l-importanza soċjali u ambjentali meta wieħed jikkunsidra mekkaniżmi tas-suq tad-deheb, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra tħaffir illegali. Kwistjonijiet orizzontali bħal valutazzjonijiet tal-impatt, u r-responsabilità soċjali korporattiva ġew ukoll enfasizzati bħala oqsma potenzjali għal diskussjoni futura.

5.           L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 19/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL LI JIMPLIMENTA L-KLAWSOLA TA’ SALVAGWARDJA BILATERALI U L-MEKKANIŻMU TA’ STABBILIZZAZZJONI GĦALL-BANANA

Ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja jew li jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari, taħt ċerti kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament. Skont l-Artikoli 3 u 13 tar-Regolament, il-Kummissjoni ilha ssegwi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-banana mill-Kolombja u l-Perù. Matul l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni la tat bidu u lanqas ma rċeviet l-ebda talba sabiex tinbeda investigazzjoni ta’ salvagwardja, jew sabiex jiġu introdotti miżuri ta’ sorveljanza preliminari.

5.1.        L-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet tal-banana tal-Kolombja u tal-Perù

Ir-riżultati tal-monitoraġġ matul l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-Ftehim fil-qosor huma kif ġej:

Fl-2013, l-importazzjoni tal-banana mill-Perù żdiedet fil-valur b’39.3 % meta mqabbla mal-2012 (minn EUR 61 miljun għal EUR 85 miljun). Fil-kwantità, iż-żieda kienet ta’ 39.7 % (80,696 tunnellata fl-2012 għal 112,750 tunnellata fl-2013). Din iż-żieda kienet l-akbar f’Novembru u Diċembru tal-2013, u marret lura lejn il-livelli normali tal-kummerċ fix-xhur ta’ wara (minn Jannar sa April 2014).

 

Fl-2013, l-importazzjoni tal-banana mill-Kolombja żdiedet fil-valur b’0.6 % meta mqabbla mal-2012 (EUR 759 miljun fl-2012 għal EUR 754 miljun fl-2013). It-total tat-tunenllaġġ importat żdied bi 2.1% (1,134,567 tunnellata fl-2012 għal 1,158,755 tunnellata fl-2013). Il-livelli tal-kummerċ baqgħu relattivament kostanti (fil-valur u l-kwantità) fl-ewwel xhur tal-2014.

Fil-każ tal-Perù, l-importazzjonijiet tal-banana laħqu l-livell minimu ta’ 78,750 tunnellata f’Novembru 2013. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Mekkaniżmu ta’ Stabbilizzazzjoni għall-Banana (b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) u 15 (3) tar-Regolament), il-Kummissjoni eżaminat l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-banana fl-UE. L-importazzjonijiet mill-Perù rrappreżentaw 1.8 % biss tal-importazzjoni totali tal-banana friska lejn l-UE, u l-importazzjonijiet minn esportaturi ewlenin tal-banana fl-UE baqgħu konformi ma’ xejriet mistennija. Barra minn hekk, il-kummerċ medju bl-ingrossa tal-banana friska fis-suq tal-UE ma rreġistrax kambjament notevoli u ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-istabbiltà jew is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE ġew milquta minn din iż-żieda l-esportazzjonijiet Peruvjani. Fuq il-bażi ta' din l-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tad-dazji tad-dwana preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù ma kinetx xierqa.

6.           Konklużjoni

Fuq il-bażi ta’ madwar sena mill-implimentazzjoni, għadu kmieni wisq biex wieħed jagħmel valutazzjoni konklussiva tar-riżultati tal-ftehim fuq il-kummerċ u l-flussi tal-investiment. Filwaqt li l-livell ġenerali tal-kummerċ jidher li naqas, b’relazzjoni mal-Perù, kien hemm xi żidiet notevoli tal-kummerċ mhux tradizzjonali. It-tnaqqis tal-valur kummerċjali kien probabbilment minħabba raġunijiet li mhumiex direttament marbuta mal-ftehim innifsu imma pjuttost għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-komoditajiet globali fl-2013. Sadanittant, xi setturi speċifiċi bħall-inbid, il-vetturi, it-tabakk, u l-prodotti taz-zokkor tal-kannamieli raw żidiet importanti. Min-naħa l-oħra, il-ftit xhur ta’ dejta disponibbli għall-Kolombja jindikaw ftit tibdil fil-flussi tal-kummerċ b’xi eċċezzjonijiet pożittivi notevoli kif deskritt fir-rapport. Użu akbar tal-KRT disponibbli jirrappreżenta opportunità mhux użata importanti ta’ dan il-Ftehim.

Fir-rigward tal-banana, l-importazzjonijiet minn pajjiżi Andini baqgħu ġeneralment stabbli, u għalhekk ma kienx hemm għalfejn tibda kwalunkwe sospensjoni ta’ dazji tad-dwana preferenzjali.

L-enfasi għalhekk tibqa’ fuq l-iżgurar tal-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim sabiex in-negozji jkunu jistgħu jgawdu minn opportunitajiet tal-kummerċ li jirriżultaw minn dan. Għad hemm xi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u l-miżuri tal-iġjene (SPS). Diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet se jkomplu fil-kuntest u s-segwitu tal-laqgħat ta’ diversi Sottokumitati, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet reċiproċi aċċettabbli u fattibbli. Huwa f’dan kuntest li l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni ġenerali wasslet għal twaqqif u funzjonament sodisfaċenti tal-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

[1]               Il-Ftehim qed ikun applikat proviżorjament fl-UE sakemm jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha. L-istat tar-ratifikazzjoni huwa mtella' fuq il-websajt tal-Kunsill: http://www.consilium.europa.eu/policies/agreements/search-the-agreements-database?command=details&lang=en&aid=2011057&doclang=EN

[2]               Ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew (PE) u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra.

[3]               Kwota annwali totali aġġustata b’mod proporzjonali għall-10 xhur tal-applikazzjoni tat-TA fl-2013.

[4]               Ladarba jaċċettawh żewġ terzi tas-sħubija tad-WTO, dan il-paragrafu ser jemenda l-Ftehim TRIPS biex jippermetti lill-membri tad-WTO b’kapaċitajiet insuffiċjenti fis-settur farmaċewtiku għall-prodott in kwistjoni li jimpurtaw mediċini bi privattivi magħmula skont il-liċenzji obbligatorji. http://www.wto.org/english/tratop_e/trips_e/public_health_e.htm

[5]               Sistema internazzjonali ta’ reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali simultanjament f’bosta pajjiżi http://www.wipo.int/madrid/en/

[6]               L-operaturi Ekonomiċi Awtorizzati huma operaturi ekonomiċi li jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet doganali jew f'isimhom bħala li jikkonformaw ma’ sett ta’ rekwiżiti (eż. konformità, solvenza, sigurtà eċċ.) u għalhekk jibbenefikaw minn faċilitazzjonijiet u/jew diversi simplifikazzjonijiet provduti speċifikament taħt il-leġislazzjoni doganali rispettivi tal-UE, il-Perù u l-Kolombja.

[7]               Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010.

Top