Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0709

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni fl-2011-2012 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

    /* COM/2014/0709 final */

    52014DC0709

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni fl-2011-2012 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq /* COM/2014/0709 final */


    I. Introduzzjoni

    Dan ir-rapport janalizza l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-erba' atti leġiżlattivi interrelatati li jistabilixxu regoli soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq u s-sistema ta' infurzar tagħhom. Dawn l-atti leġiżlattivi huma: Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006[1], li jistabbilixxi regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ għal xufiera professjonali; Id-Direttiva 2006/22/KE[2], li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-infurzar ta’ dawk ir-regoli; Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85[3] dwar apparat ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri l-għodda prinċipali għall-kontroll tal-konformità tax-xufiera mar-regoli soċjali u d-Direttiva 2002/15/KE[4], li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komplementari dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq").

    L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistipula li kull sentejn l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar l-iżviluppi li jkunu saru fl-oqsma inkwistjoni. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE jistipula li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jindikaw ukoll l-opinjonijiet taż-żewġ naħat tal-industrija. Ir-rapporti dwar id-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistgħu jiġu ppreżentati f’dokument wieħed, peress li ż-żewġ atti leġiżlattivi jkopru l-istess perjodu ta’ rappurtar ta’ sentejn u jistabbilixxu regoli komplementari għax-xufiera professjonali.

    Dan ir-rapport ikopri l-perjodu 2011-2012. Dan huwa bbażat prinċipalment fuq ir-rapporti nazzjonali, li l-iskadenza għas-sottomissjoni tagħhom għalqet fit-30 ta’ Settembru 2013. L-għan tiegħu hu li jagħti ħarsa ġenerali lejn kif l-Istati Membri implimentaw is-sensiela ta’ atti leġiżlattivi msemmija hawn fuq, u li jenfasizza l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-infurzar u l-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ. Ir-rapport jinkludi dejta kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva dwar il-kontrolli mwettqa mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju, dwar il-kontravvenzjonijiet identifikati, kif ukoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq. Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa kkumplimentat b'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi informazzjoni supplimentari dwar il-penali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kummenti mingħand l-awtoritajiet tal-infurzar u statistika dettaljata.

    Ir-rapport huwa maqsum f'erba’ taqsimiet li jkopru diversi aspetti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali. It-Taqsima I tipprovdi sommarju dwar il-kwalità u l-puntwalità tas-sottomissjoni ta' dejta nazzjonali. It-Taqsima II tipprevedi analiżi sħiħa tad-dejta kwantitattiva nazzjonali pprovduta fir-rigward tal-kontrolli u l-infrazzjonijiet, filwaqt li t-Taqsima III tagħti deskrizzjoni fil-qosor dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tad-Direttiva 2002/15/KE. Fit-Taqsima IV jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet ewlenin li ntlaħqu.

    L-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq, kif ukoll aspetti oħra u l-istatistika dettaljata dwar ir-riżultati tal-kontrolli li twettqu, huma deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.  

    Preżentazzjoni tad-dejta

    Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandhom jitressqu permezz tal-formola standard stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE[5]. Din il-formola standard tgħaqqad flimkien ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi u, permezz ta’ format ta' rappurtar interattiv, tiġbor dejta kwantitattiva u kwalitattiva li tikkostitwixxi fatturi li huma kruċjali għal dan ir-rapport.

    Il-Kummissjoni tinnota li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew rapporti nazzjonali ta’ kwalità aħjar u b'mod aktar puntwali minn dawk tas-snin preċedenti, u tħeġġiġhom biex ikomplu f’din it-triq. Dan japplika b’mod partikolari għad-dejta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2005. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “id-dokument ta' akkumpanjament”) fih deskrizzjoni aktar dettaljata dwar it-tressiq tad-dejta.

    II. Analiżi tad-dejta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006

    1. Kontrolli

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-għadd minimu ta’ verifiki fl-2011 u l-2012 għandu jkopri mill-inqas 3 % tal-ġranet li jkunu nħadmu mis-sewwieqa tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (KEE) Nru 3821/85[6].

    Grafika 1 - Għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati, għal kull Stat Membru

    Il-Grafika 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol li ġew ikkontrollati f’kull Stat Membru, fil-perjodi ta' rappurtar attwali u f'dawk preċedenti. Bħala medja, fl-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati fl-UE ġiet irreġistrata żieda ta’ 8.7 %, minn kważi 146 miljun għal madwar 158.6 miljun jiem ta' xogħol ikkontrollati. Din iż-żieda tikkonferma l-impenn ġenerali fost l-Istati Membri favur it-titjib tal-kontrolli ta’ konformità mar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq. Ta’ min jinnota li l-kontrolli kollha twettqu minn għadd iżgħar, b’mod sinifikanti, ta’ uffiċjali ta’ infurzar għall-Istati Membri kollha.

    Ħarsa mill-qrib lejn l-għadd ta’ jiem ta' xogħol li ġew ikkontrollati b’mod effettiv fir-rigward tal-għadd minimu ta’ jiem ta' xogħol li għandhom jiġu kkontrollati (Grafika 2) turi li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wettqu aktar kontrolli minn kemm meħtieġ mid-Direttiva 2006/22/KE.  Stati Membri li ma laħqux il-livell limitu, bħall-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, l-Italja u l-Latvja, intalbu jieħdu azzjoni korrettiva xierqa biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2006/22/KE tiġi applikata b'mod korrett.

    Id-dokument ta’ akkumpanjament jinkludi deskrizzjoni dettaljata dwar il-konformità mal-livell limitu.

    Grafika 2: Perċentwal ta’ jiem ta' xogħol li ġew ikkontrollati għal kull Stat Membru

    Rigward it-tip ta’ kontrolli, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi l-proporzjon bejn l-għadd ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq (f’termini ta’ jiem ta' xogħol li għandhom jiġu kkontrollati) u l-kontrolli li jsiru fil-post tan-negozju, li għandhom jammontaw għal mill-inqas 30 % u 50 % rispettivament. Għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, il-kalkolu ta’ dan il-proporzjon huwa bbażat fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa b'mod effettiv minn kull Stat Membru u mhux fuq in-numru minimu ta’ jiem ta' xogħol li għandhom jiġu kkontrollati. Madankollu, għall-perjodu ta’ rapportar attwali, il-biċċa l-kbira tal-kontrolli jitwettqu mal-ġenb tat-triq. Bħala medja, 80 % tal-kontrolli kollha saru mal-ġenb tat-triq, u dan juri titjib żgħir mit-82 % li ġie rreġistrat għall-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. L-Irlanda biss kienet taħt il-livell limitu għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

    1.1 Kontrolli mal-ġenb tat-triq

    B’kollox, matul il-perjodu ta’ bejn l-2011 u l-2012, iktar minn 8.6[7] miljun vettura u madwar 8.7 miljun xufiera ġew ikkontrollati waqt kontrolli mal-ġenb tat-triq. Dawn il-valuri juru tnaqqis ta’ 11.3 % u 19.4 % rispettivament meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, u jirriżultaw minn żidiet korrispondenti fil-kontrolli fil-post tan-negozju. Ir-raġuni għall-għadd akbar ta’ sewwieqa mill-għadd ta’ vetturi għandha żewġ aspetti prinċipali: ekwipaġġi doppji tas-sewqan, kif ukoll informazzjoni nieqsa dwar din il-kwistjoni min-naħa tad-Danimarka rigward l-għadd ta’ vetturi li jsirulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

    Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kontrolli fl-Istati Membri ikkonċernaw vetturi nazzjonali u sewwieqa nazzjonali, li jirrappreżentaw 69 % u 68 % rispettivament tal-vetturi jew tas-sewwieqa kollha li sarulhom kontrolli mal-ġenb tat-triq. Kien biss fi tmien Stati Membri, jiġifieri fl-Awstrija, Franza, l-Ungerija, il-Belġju, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja, li x-xejra kienet differenti u aktar vetturi jew sewwieqa mhux nazzjonali ġew soġġetti għal kontroll. F’ċerti każijiet, dan jista' jiġi spjegat mid-daqs jew mill-pożizzjoni ġeografika ta’ dawn l-Istati Membri. Ir-rati dettaljati ġew inkorporati fid-dokument ta' akkumpanjament. Billi n-nondiskriminazzjoni hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattati tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trattament ugwali ta’ xufiera u operaturi fl-Istati Membri fejn il-kontrolli jsiru b’mod aktar frekwenti fir-rigward ta’ sewwieqa u operaturi mhux residenti.

    1.2 Kontrolli fil-post tan-negozju

    Kien hemm progress ċar fl-għadd ta’ impriżi li sarulhom kontrolli mill-Istati Membri. Dan il-proġress ġie rreġistrat f'livelli li jaqbżu d-doppju tal-livelli li ġew irrappurtati fil-perijodu ta’ rappurtar 2007-2008. Fis-snin 2011-2012, dawn il-livelli kienu ammontaw għal 146 000[8], u żdiedu b’42 % meta mqabbel maċ-ċifra ta' 103 000 li ġiet irrappurtata għall-perjodu ta' rappurtar preċedenti. Aktar minn 31.7 miljun jum ta’ xogħol ġew ikkontrollati fil-post tan-negozju, li jfisser li r-rata ta’ tkabbir naqset minħabba li ż-żieda bejn il-perjodu ta’ rappurtar tal-2007-2008 u dak tal-2009-2010 kienet ta’ 79 %, filwaqt li żdiedet b’20 % bejn il-perjodu kurrenti u l-perjodu preċedenti. Id-dinamika ta’ dawn l-iżviluppi għandha titqies f’korrelazzjoni ma’ żidiet fil-livelli limitu minimi li seħħew matul il-perjodi ta’ rappurtar preċedenti[9]. Għalhekk iż-żieda ġenerali b’8.7 % fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol li ġew ikkontrollati kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju, u t-tnaqqis fl-għadd ta' vetturi u xufiera li ġew ikkontrollati mal-ġenb tat-triq, ikkontribwixxew flimkien lejn l-attivitajiet li twettqu b'mod aktar intensiv fil-post tan-negozju.

    2. Kontravvenzjonijiet

    L-Istati Membri kollha pprovdew dejta dwar il-kontravvenzjonijiet li ġew identifikati, minkejja li dan għamluh b'livell diverġenti ta’ dettalji. Wara żieda sinifikanti u kostanti fl-għadd ta' konravvenzjonijiet li ġew irrappurtati tul l-aħħar 6 snin fil-livell Ewropew, li hija marbuta ma’ żidiet fl-għadd minimu ta’ jiem ta' xogħol li għandhom jiġu kkontrollati, hemm inverżjoni fix-xejra għall-perjodu ta’ rappurtar attwali li wasslet għal tnaqqis ta’ 14 % meta mqabbel mal-aħħar perjodu fir-rigward tal-għadd ta' kontravvenzjonijiet li ġew individwati. Dan in-numru għandu jitqies flimkien maż-żieda ta’ 8.7 % fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati. F’valuri reali dan juri tnaqqis minn 4.5 miljun kontravvenzjoni rrappurtati fl-2009-2010 għal madwar 3.9 miljun kontravvenzjoni rrappurtati fil-perjodu ta’ rappurtar attwali. Din il-bidla tista’ tiġi interpretata bħala konformità aħjar mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali grazzi għal prattiki ta’ infurzar stabbiliti sew u għarfien akbar dwar ir-regoli soċjali fost ix-xufiera. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-prattiki ta’ manipulazzjoni tat-takografi ma fixklux b’mod sinifikanti is-sejbiet li rriżultaw mill-kontrolli.

    It-tabella ta' hawn taħt turi li l-proporzjonijiet bejn il-kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet għandhom livelli simili meta mqabbla mal-perjodi preċedenti ta’ rappurtar. It-tnaqqis żgħir li ġie osservat fir-rigward tal-kontravvenzjonijiet relatati ma' pawżi fil-ħin tas-sewqan u n-nuqqas ta' reġistri għal xogħol ieħor huma kontrobilanċjati minn żidiet fir-reġistri dwar il-ħin tas-sewqan u minn żidiet f'kontravvenzjonijiet relatati mal-apparat ta' reġistrazzjoni.

    Perjodu || Pawżi || Perjodi ta' mistrieħ || Ħin ta' sewqan || Reġistri tal-ħinijiet ta' sewqan || Apparat ta' reġistrazzjoni || Nuqqas/disponibbiltà ta’ reġistri għal xogħol ieħor

    2011-2012 || 26% || 24% || 19% || 17% || 8% || 6%

    2009-2010 || 29% || 23% || 18% || 15% || 5% || 8%

    2007-2008 || 30% || 25% || 20% || 14% || 10% || 1%

    Tabella 1 - Kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet osservati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju

    Grafika 3 - Kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet osservati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju

    Il-kategoriji ta’ kontravvenzjonijiet osservati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju huma deskritti b’mod separat fid-dokument ta’ akkumpanjament.

    Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, bejn l-2011 u l-2012 ir-rata medja ta’ kontravvenzjonijiet identifikati naqset b’mod sinifikanti bi 22 %, u rriżultat fi 2.43 kontravvenzjonijiet għal kull 100 ġurnata ta' xogħol li sarulhom il-kontrolli. Jidher li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma aktar effikaċi mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq minħabba li r-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju hija 3 darbiet ogħla minn dik għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq. Madankollu, għandu jiġi nnutat li fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti r-rata ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju kienet 5 darbiet ogħla minn dik ta' mal-ġenb tat-triq. Din il-bidla hija dovuta b'mod prinċipali għal tnaqqis konsiderevoli fir-rati ta’ detezzjoni fil-post tan-negozju minn 8.65 fis-snin 2009-2010 għal 5.29 f’dan il-perjodu ta’ rappurtar. Hemm inugwaljanzi kbar fid-detezzjoni tal-kontravvenzjonijiet fil-post tan-negozju għal kull 100 jum li għalilhom saru l-kontrolli bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 0.01 fil-Bulgarija sa 22.38 fil-Ġermanja. Jidher li l-bidla fil-medja tar-rata ta' detezzjoni tal-kontravvenzjonijiet tal-UE hija affettwata minn tnaqqis sinifikanti (ta' 27 %) fl-għadd ta’ kontravvenzjonijiet irrappurtati fil-post tan-negozju fil-Ġermanja, li f’dan il-perjodu ta’ rappurtar xorta waħda kellha l-akbar sehem ta' kontravvenzjonijiet identifikati fl-Ewropa (53.9 %).

    Grafika 4 - Għadd ta’ kontravvenzjonijiet individwati għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollati fl-2007-2008, l-2009-2010 u l-2011-2012

    Minkejja l-fluttwazzjonijiet diverġenti fi Stati Membri differenti fir-rigward tan-numru ta’ kontravvenzjonijiet individwati għal kull perjodu ta’ rappurtar[10], bħala medja hemm tnaqqis ċar fl-għadd ta' kontravvenzjonijiet irrappurtati, li saħansitra jidher b'mod aktar ċar meta titqies iż-żieda fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati. Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi deskrizzjoni dettaljata tar-rati ta’ detezzjoni fl-Istati Membri. Dawn id-differenzi fir-rati ta’ detezzjoni juru li l-Unjoni Ewropea għadha ‘l bogħod milli twaqqaf żona armonizzata ta' infurzar minħabba riżorsi u prattiki ta’ infurzar diverġenti fil-kontroll tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq, u minħabba sistemi ta’ penalizzazzjoni diverġenti.

    2.1 Kontravvenzjonijiet identifikati mal-ġenb tat-triq

    Fil-perjodu 2011-2012 ġew individwati 2.2 miljun kontravvenzjoni mal-ġenb tat-triq fil-livell Ewropew, li kienu jikkostitwixxu 58 % tal-kontravvenzjonijiet kollha li ġew individwati kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju. Dan jindika tnaqqis f’termini kwantitattivi ta' kważi 50 000, li jfisser tnaqqis ta' 2 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat ġew individwati 1.74 kontravvenzjoni meta mqabbel mal-1.9 li ġew individwati fil-perjodu ta' rappurtar preċedenti.

    Bħala medja, 64 % tal-kontravvenzjonijiet ġew individwati fuq vetturi ta’ persuni nazzjonali[11], u dan jikkorrelata mar-rata ta’ 69 % tal-vetturi ta’ persuni nazzjonali li sarulhom il-kontrolli fl-Ewropa. Madankollu, hemm Stati Membri fejn l-għadd ta’ offiżi li ġew individwati kienu relatati ma’ persuni mhux nazzjonali, jiġifieri l-Lussemburgu (75 %), il-Belġju (72 %), il-Litwanja (59 %), l-Isvezja (57 %), il-Bulgarija (56 %), is-Slovenja (55 %), l-Awstrija (55 %), Franza (54 %) u r-Renju Unit (53 %). Din ix-xejra tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-Istati Membri msemmija hawn fuq wettqu aktar kontrolli fuq vetturi ta’ persuni mhux nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija, l-Isvezja u r-Renju Unit. Fil-każ ta’ dawn it-tliet Stati Membri, il-kontravvenzjonijiet minn persuni mhux residenti li ġew individwati huma ħafna iktar frekwenti, saħansitra b'mod mhux proporzjonat. Dan b’mod partikolari fil-każ tal-Bulgarija, fejn 25 % tal-vetturi ta’ persuni mhux nazzjonali wassal għal 56 % tal-kontravvenzjonijiet li saru, u fil każ tal-Isvezja, li wettqet 34 % tal-kontrolli fuq vetturi ta' persuni mhux nazzjonali, li wassal għad-detezzjoni ta' 57 % tal-kontravvenzjonijiet individwati. Iż-żieda fil-kontravvenzjonijiet imwettqa minn persuni mhux residenti tista' tkun allarmanti fl-Isvezja meta jitqies li, meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, ir-rata żdiedet minn 31 % għal 57 %. Ta’ min isemmi wkoll li din ix-xejra għadha għaddejja mill-perjodu ta’ rappurtar preċedenti fl-Istati Membri tal-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Lussemburgu, is-Slovenja u r-Renju Unit.

    2.2 Kontravvenzjonijiet identifikati fil-post tan-negozju

    Matul il-perijodu ta’ rappurtar attwali, b’kollox l-Istati Membri rrappurtaw id-detezzjoni ta' madwar 1.6 miljun kontravvenzjoni fil-post tan-negozju fuq il-proprjetà ta' impriżi, li jikkostitwixxu 42 % tal-għadd globali tal-kontravvenzjonijiet. Dan jindika tnaqqis ta’ 26 % meta mqabbel mal-perjodu biennali preċedenti. Dawn iċ-ċifri għandhom jitqiesu b’korrelazzjoni mal-għadd ta’ impriżi li sarulhom il-kontrolli, u li żdied bi 42 %[12]. Meta jiġu kkunsidrati dawn iż-żewġ aspetti, jista' jiġi nnutat it-titjib proprju li seħħ b'konformità mar-regoli soċjali.

    F’termini ta’ frekwenza ta’ kontravvenzjonijiet irrappurtati għal kull 100 jum ta’ xogħol ikkontrollat, il-medja Ewropea wriet xejra pożittiva u naqset minn 8.65 għal 5.29. Meta jiġu analizzati b’mod parallel mat-tnaqqis żgħir f’termini ta’ frekwenza tal-kontravvenzjonijiet identifikati mal-ġenb tat-triq, jista’ jiġi konkluż li l-attivitajiet kollha mmirati lejn konformità aqwa mal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq bdew jipproduċu r-riżultati.

    III. Analiżi tad-dejta dwar l-implimentazzjoni ta’ Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq (Direttiva 2002/15/KE)

    1. Introduzzjoni

    Dan il-kapitolu jittratta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, imsejħa wkoll id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għat-Trasport fit-Toroq”, mill-Istati Membri fil-perjodu 2011-2012. Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jippreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni kull sentejn, filwaqt li jindikaw l-opinjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati fil-livell nazzjonali. Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi partijiet deskrittivi dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, l-arranġamenti għal-kontrolli fl-Istati Membri u l-kwistjonijiet relatati mal-infurzar.

    2. Id-Direttiva 2002/15/KE

    Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-medja ta’ sigħat massimi f’ġimgħa ta’ xogħol u l-medja ta’ sigħat massimi ta' xogħol ta’ bil-lejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006.

    Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat ta’ xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din hija meqjusa bħala lex specialis għad-Direttiva 2003/88/KE[13] dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha. Madankollu, fl-Artikolu 31 tagħha l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li għandhom jiġu rispettati meta jiġu implimentati l-liġijiet tal-UE. Għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni bażika tad-direttiva ġenerali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, inklużi regoli dwar il-liv annwali u l-eżami mediku bla ħlas għall-ħaddiema ta’ bil-lejl, huma applikabbli wkoll għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq.

    3. Il-preżentazzjoni u l-kwalità ta' rapporti nazzjonali

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet format komuni ta’ rappurtar sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi tar-rappurtar tal-Istati Membri, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u sabiex jiġi evitat kull dewmien eċċessiv fil-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Istati Membri. Madankollu, il-kwalità tas-sottomissjonijiet tvarja b’mod sinifikanti. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovdew ebda tagħrif, filwaqt li indikaw li ma kien hemm ebda bidliet meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. Ħafna mis-sottomissjonijiet tal-Istati Membri[14] ma kinux kompluti. Il-biċċa l-kbira tar-rapporti nazzjonali inkludew informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, u informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effikaċja tagħha. Madankollu, minħabba s-sottomissjonijiet mhux kompluti, ir-riżultati ta’ din l-analiżi ma jistgħux jitqiesu rappreżentattivi għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

    4. Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri

    Il-ħarsa ġenerali lejn l-atti leġiżlattivi li jittrasponu d-Direttiva 2002/15/KE fil-livell nazzjonali hija inkluża fid-dokument ta' akkumpanjament. Matul dan il-perjodu ta’ rappurtar, bosta Stati Membri infurmaw dwar emendi għall-qafas leġiżlattiv tagħhom sabiex dan jinkludi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu; jiġifieri l-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta (għaddejjin), il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja, ir-Renju Unit.  

    Fir-rigward tal-ftehimiet kollettivi, ġew osservati sistemi diverġenti fl-Unjoni Ewropea. Dawn ivarjaw minn nuqqas ta' konklużjoni ta' ftehimiet kollettivi (bħal fil-każ ta' Malta) għall-ħolqien ta' ftehimiet kollettivi li jistgħu jipprevedu deroga fuq il-limitu tal-ħinijiet tax-xogħol (bħal fil-każ tal-Italja). Fi Spanja ġie nnegozjat qafas ta' ftehim kollettiv dwar it-trasport bit-triq f'livell governattiv, u ġew konklużi 26 ftehim kollettiv f'livell ta' komunità awtonoma jew ta' provinċja. Fil-Lussemburgu ġew konklużi ftehimiet kollettivi għax-xufiera tal-karozzi tal-linja u għall-impjegati addizzjonali ta’ intrapriżi privati tal-karozzi tal-linja, kif ukoll għas-settur tat-trasport u tal-loġistika.

    Il-Portugall semma l-aspetti pożittivi tat-traspożizzjoni bis-saħħa ta' kjarifika ta’ perjodi ta’ disponibbiltà u permezz tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli. Il-Litwanja u l-Estonja żguraw li ma ltaqgħu ma' ebda diffikultajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, billi l-Litwanja pprovdiet taħriġ u konsultazzjoni għal min iħaddem u għar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom.

    Id-Direttiva 2002/15/KE ġiet meqjusa bħala sett tajjeb ta’ akkordji li għenu biex tiġi ttrattata d-definizzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-limiti tagħhom. Madankollu, il-Greċja indikat li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jirkbu fuq dawk tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, u dan qed joħloq il-problemi għan-negozji u l-ħaddiema. Spanja identifikat għadd ta' kwistjonijiet waqt l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-ikkalkular tal-perjodi ta’ disponibbiltà tax-xufiera. Ir-Repubblika Ċeka semmiet l-istess kwistjoni. Hemm konfużjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-ħinijiet tax-xogħol, b’mod partikolari meta x-xufiera jridu jqattgħu ċertu ħin jistennew bejn żewġ vjaġġi u l-ħinijiet ikunu magħrufa minn qabel[15].

    B’mod ġenerali, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Irlanda u l-Isvezja żviluppaw u qassmu materjal ta’ gwida għall-operaturi dwar kif għandha tintlaħaq konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    4.1 Ksur tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol

    Kienu biss ftit l-Istati Membri[16] li pprovdew statistika dwar il-każijiet ta' ksur li ġew identifikati, u dan mhuwiex biżżejjed biex wieħed jasal għal konklużjonijiet globali. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-istess numru ta’ Stati Membri pprovdew dejta dwar każijiet ta' ksur. L-Istati Membri kollha huma mistiedna jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti li jmiss.

    5. L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE

    Sittax-il Stat Membru[17] kkonfermaw li l-partijiet ikkonċernati kienu ġew ikkonsultati, kif stipulat mid-Direttiva 2002/15/KE, u dan juri titjib meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar 2007-2008, meta kienu biss disa’ Stati Membri li indikaw li osservaw dan l-obbligu.

    B’mod ġenerali, kien hemm kunsens fost min iħaddem u fost l-impjegati dwar il-fatt li d-Direttiva 2002/15/KE ikkontribwixxiet lejn il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera. Fl-Irlanda, l-impjegaturi esprimew l-opinjoni li l-limitazzjonijiet fuq il-ħinijiet tax-xogħol iżidu l-attrattività tal-professjoni tas-sewqan. Għadd ta' msieħba soċjali nazzjonali wrew it-tħassib tagħhom rigward in-nuqqas ta’ konsistenza fl-infurzar u l-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ, u esprimew il-ħtieġa għal kjarifika ta’ ċerti aspetti speċifiċi, bħal pereżempju kumpens għal xogħol ta' bil-lejl. Opinjonijiet aktar dettaljati tal-partijiet ikkonsultati huma inklużi fid-dokument ta' akkumpanjament.

    IV. Konklużjonijiet

    Dan ir-rapport janalizza l-iżviluppi fl-implimentazzjoni u l-infurzar tul il-perjodu 2011-2012 fl-Istati Membri kollha, fid-dawl tal-osservanza tar-regoli soċjali tal-UE.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dokument huwa stabbilit bid-Direttiva 2006/22/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE, li jiddefinixxu dejta standard dwar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 u d-Direttiva 2002/15/KE li għandha tiġi ppreżentata; prinċipalment l-għadd u t-tip tal-kontrolli mwettqa, u l-għadd u t-tip ta’ offiżi li ġew individwati. F’dan il-perjodu ta’ rappurtar, il-kwalità u l-prontezza tas-sottomissjonijiet tjiebu, u dan ippermetta lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet aktar affidabbli fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ regoli soċjali fil-livell Ewropew.

    Ir-rapport juri li ġie osservat ċertu titjib fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli soċjali. Bħala medja, l-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati fl-UE żdied bi 8.7 %, minn kważi 146 miljun għal madwar 158.6 miljun jum ta' xogħol ikkontrollati, filwaqt li l-livell limitu minimu ta' kontrolli ta' 3 % baqa' l-istess. Ta’ min jinnota li l-kontrolli kollha twettqu minn għadd iżgħar, b’mod sinifikanti, ta’ uffiċjali ta’ infurzar għall-Istati Membri kollha. Din iż-żieda tikkonferma l-impenn ġenerali fost l-Istati Membri favur it-titjib tal-kontrolli ta’ konformità mar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq. Madankollu, bħal fl-aħħar żewġ rapporti, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jilħqu l-livell limitu minimu ta’ mill-inqas 50 % tal-ammont totali ta’ jiem ta’ xogħol ikkontrollati fil-post tan-negozju, u l-biċċa l-kbira tal-kontrolli saru mal-ġenb tat-triq. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi li jsiru f’dan il-qasam. Jekk fil-perjodu ta' rappurtar 2013-2014 li jmiss ma jiġi osservat ebda titjib fl-Istati Membri rispettivi, il-Kummissjoni se tniedi inkjesta uffiċjali ma’ dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit għal kontrolli fil-post tan-negozju.

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE, il-livell limitu minimu tal-kontrolli minimi tal-għadd ta’ jiem maħduma mix-xufiera tal-vetturi se jiżdied għal 4 % ladarba 90 % tal-vetturi kollha li jsirulhom il-kontrolli jkunu mgħammra b’takografu diġitali. F’dan il-perjodu ta’ rappurtar, 56 % tal-vetturi li sarulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq kienu mgħammra bit-takografu diġitali. Għalhekk, ma hemm l-ebda bażi biex il-livell limitu minimu tal-kontrolli jiżdied għal 4 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa.

    Huwa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jiggarantixxu li l-kontrolli jitwettqu mingħajr diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza tax-xufiera/tal-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vetturi. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw id-dejta tagħhom bir-reqqa, u għandhom jagħtu struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta’ kontroll b'mod xieraq sabiex jiġi evitat it-trattament mhux ugwali ta’ persuni mhux nazzjonali.

    Wara żieda sinifikanti u kostanti fl-għadd ta' konravvenzjonijiet li ġew irrappurtati tul l-aħħar 6 snin fil-livell Ewropew, li hija marbuta ma’ żidiet fl-għadd minimu ta’ jiem ta' xogħol li għandhom jiġu kkontrollati, hemm inverżjoni fix-xejra għall-perjodu ta’ rappurtar attwali li wasslet għal tnaqqis meta mqabbel mal-aħħar perjodu fir-rigward tal-għadd ta' kontravvenzjonijiet li ġew individwati. Meta tiġi meqjusa flimkien maż-żieda fl-għadd ta' jiem ta' xogħol li ġew ikkontrollati, din il-bidla tista’ tiġi interpretata bħala konformità aħjar mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali grazzi għal prattiki ta’ infurzar stabbiliti sew u għarfien akbar dwar ir-regoli soċjali fost ix-xufiera. Għal dan l-għan, l-isforzi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, bħal pereżempju noti ta’ gwida, taħriġ għal min jinforza, eċċ. bdew jipproduċu r-riżultati tagħhom.

    L-analiżi tar-rati ta’ detezzjoni mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tindika li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma u għadhom aktar effiċjenti mill-kontrolli li jsiru mal-ġenb tat-triq. Id-differenzi fir-rati ta’ detezzjoni juru li l-Unjoni Ewropea għadha ‘l bogħod milli twaqqaf żona armonizzata ta' infurzar minħabba riżorsi u prattiki ta’ infurzar diverġenti fil-kontroll tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq, u minħabba sistemi ta’ penalizzazzjoni diverġenti.

    Kważi l-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni dwar il-kontrolli miftiehma, u dan juri titjib meta mqabbel mal-perjodu ta' qabel mhux biss f’termini ta’ kwalità ta' rappurtar, iżda wkoll fl-għadd ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni mwettqa. Il-kooperazzjoni sseħħ l-aktar bejn Stati Membri ġirien, u hija kumplimentata minn azzjonijiet fi ħdan il-qafas tal-Euro Contrôle Route (ECR), li tqiegħed fis-seħħ il-kollaborazzjoni fuq skala akbar.

    Minħabba li mhumiex kompluti, ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ma jippermettux li ssir analiżi fil-fond tal-impatti ta’ dan l-att leġiżlattiv fuq is-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera jew fuq is-sikurezza fit-toroq. Bosta Stati Membri inkludew ix-xufiera li jaħdmu għal rashom fil-kamp ta' applikazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi tagħhom, avolja dan ġieli jiġi pperċepit li joħloq kwistjonijiet relatati mal-infurzar.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw li saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. B’mod ġenerali, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li l-infurzar xieraq tad-Direttiva 2002/15/KE huwa prekondizzjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u kompetizzjoni mhux imxekkla.

    Sabiex tevalwa aspetti importanti oħra tal-implimentazzjoni tar-regoli soċjali tat-trasport bit-triq, inkluża l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-implimentazzjoni ta’ eċċezzjonijiet u ta' penali fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni komprensiva tal-funzjonament tal-leġiżlazzjoni soċjali tat-trasport fit-toroq. 

    [1] Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1)

    [2] Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 36)

    [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KeE) Nru 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8), li ġie mħassar bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1)

    [4] Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35)

    [5] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/810/KE tat-22 ta' Settembru 2008 li tfassal l-formola standard għar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 289, 5.11.2009, p. 9)

    [6] Ir-rata minima hija kkalkulat b'mod separat għal kull Stat Membru, fuq il-bażi tan-numru totali tal-ġranet li jkunu nħadmu minn kull sewwieq tul il-perjodu ta’ sentejn u l-għadd totali ta’ vetturi soġġetti għal dawn ir-Regolamenti. Dawn iż-żewġ elementi jiġu multiplikati, u dan huwa ekwivalenti għall-għadd totali ta’ ġranet li jkunu nħadmu mis-sewwieqa ta’ vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti. Minn dan l-ammont tiġi kkalkulata ċifra ta' 3 %, li tikkostitwixxi l-għadd minimu ta’ kontrolli li għandhom jitwettqu f’kull Stat Membru. 

    [7] Id-Danimarka naqset milli tipprovdi l-għadd ta’ vetturi li sarulhom il-kontrolli mal-ġenb tat-triq

    [8] Il-Finlandja ma pprovdietx dejta dwar l-għadd ta’ impriżi li sarulhom kontrolli fil-post tan-negozju għall-perjodu ta’ rappurtar 2011-2012. Għall-perjodu 2009-2010, il-Finlandja, il-Lussemburgu, Spanja u l-Isvezja ma pprovdewx dejta dwar in-numru ta’ impriżi li sarulhom kontrolli. 

    [9] Fl-2008 l-livell limitu żdied minn 1 % għal 2 %, u fl-2010 żdied għal 3 %, filwaqt li ma ġew introdotti ebda tibdiliet fil-livell limitu fil-perjodu ta’ rappurtar attwali.

    [10] Id-dokument ta' akkumpanjament jinkludi informazzjoni dettaljata dwar bidliet fi Stati Membri partikolari.

    [11] Fid-Danimarka, l-għadd ta' kontravvenzjonijiet identifikati li huma relatati ma’ persuni mhux nazzjonali ammonta għal 90 %. Madankollu dan ir-riżultat mhuwiex wieħed rappreżentattiv, u dan minħabba l-ammont sostanzjali ta’ dejta nieqsa li fuqha kien ibbażat dan il-kalkolu. Għal dan l-għan, in-numru ma ġiex magħdud fil-medja Ewropea.

    [12] Ara n-nota 12 ta' qiegħ il-paġna

    [13] Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9)

    [14] Il-Belġju, Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija u l-Isvezja

    [15] L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE tiddefinixxi l-“ħin tax-xogħol” bħala "il-ħin mill-bidu sat-tmiem tax-xogħol, li matulu l-ħaddiem mobbli jkun fil-post tax-xogħol tiegħu, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jeżerċita l-funzjonijiet jew l-attivitajiet tiegħu, jiġifieri: il-ħin iddedikat għall-attivitajiet kollha tat-trasport fit-toroq u l-ħinijiet li matulhom hu ma jkunx jista’ jiddisponi b’libertà mill-ħin tiegħu u jkun meħtieġ li jkun preżenti fil-post tax-xogħol tiegħu, lest biex jibda bix-xogħol normali, b’ċerti doveri assoċjati billi jkun fuq ix-xogħol, partikolarment matul perjodi ta’ stennija għat-tagħbija u l-ħatt meta t-tul ta’ żmien għal dawn ma jistgħax ikun previst bil-quddiem".

    [16] L-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Polonja, Spanja

    [17] Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Renju Unit

    Top