EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0330

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija

/* COM/2014/0330 final */

52014DC0330

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija /* COM/2014/0330 final */


Il-prosperità u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea jserrħu fuq provvista abbundanti ta’ enerġija. Il-fatt li ċ-ċittadini fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kellhom l-ebda esperjenza ta' tfixkil dejjiemi tal-provvista tal-enerġija tagħhom mindu seħħew il-kriżijiet taż-żejt tas-sebgħinijiet, huwa xhieda tas-suċċess tal-Istati Membri u tal-UE li jiggarantixxu dan. Għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini, l-enerġija hija disponibbli daqslikieku kemm wieħed jiftaħ il-vit u jsibha, tinsab kullimkien u mhix intrussiva. Dan għandu influwenza kbira fuq il-fatturi li jaffettwaw id-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-politika tal-enerġija, bis-sigurtà tal-provvista mhux fuq l-istess livell ta' kunsiderazzjonijiet oħra.

Madankollu, fix-xtiewi tal-2006 u tal-2009, qtugħ temporanju fil-provvista tal-gas laqat bil-qawwi lil ħafna ċittadini tal-UE f’xi Stati Membri tal-lvant. Dan serva ta' appell qawwi li indika li hemm bżonn ta’ politika komuni Ewropea dwar l-enerġija. Minn dak iż-żmien, sar ħafna sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE f’termini ta’ provvisti tal-gass u biex jitnaqqas l-għadd ta’ Stati Membri li huma esklussivament dipendenti fuq fornitur wieħed. Madankollu, minkejja l-kisbiet kollha fit-tisħiħ l-infrastruttura u fid-diversifikazzjoni tal-fornituri tagħha, l-UE baqgħet vulnerabbli għal xokkijiet esterni fil-qasam tal-enerġija, kif iċ-ċifri ta’ hawn taħt jixhdu b’mod ċar.  L-UE teħtieġ, għalhekk, strateġija soda għas-sigurtà tal-enerġija li fuq medda ta' żmien qasir tippromwovi r-reżiljenza għal dawn ix-xokkijiet u t-tfixkil fil-provvisti tal-enerġija u fuq medda ta' żmien fit-tul ittaffi d-dipendenza fuq ċerti fjuwils, fornituri u rotot tal-enerġija partikolari. Dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE għandhom jagħmluha ċara liċ-ċittadini x'jimplikaw l-għażliet li titnaqqas din id-dipendenza.

Fatti u ċifri ewlenin dwar is-sigurtà tal-enerġija tal-UE § Illum, l-UE timporta 53% tal-enerġija li tikkonsma. Id-dipendenza fuq l-enerġija hija relatata maż-żejt mhux raffinat (kważi 90%), il-gass naturali (66%), u sa ċertu punt il-fjuwils solidi (42%) kif ukoll il-fjuwils nukleari (40%). § It-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tolqot lil kull Stat Membru, anki jekk xi wħud huma aktar vulnerabbli minn oħrajn. Dan huwa validu b’mod partikolari għal reġjuni inqas integrati u konnessi bħall-Baltiku u l-Ewropa tal-Lvant. § L-iktar kwistjoni urġenti tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija id-dipendenza qawwija fuq fornitur estern wieħed. Dan huwa partikolarment minnu għall-gass, iżda japplika wkoll għall-elettriku: o Sitt Stati Membri jiddependu mir-Russja bħala fornitur estern waħdieni għall-importazzjonijiet kollha tal-gass tagħhom u tlieta minnhom jużaw il-gass naturali għal aktar minn kwart tal-ħtiġijiet totali tagħhom tal-enerġija. Fl-2013 il-provvisti tal-enerġija mir-Russja ammontaw għal 39% tal-importazzjonijiet tal-UE tal-gass naturali jew 27% tal-konsum tal-gass tal-UE; ir-Russja esportat 71% tal-gass tagħha lejn l-Ewropa bl-akbar volumi lejn il-Ġermanja u l-Italja (ara l-Anness 1); o Fil-każ tal-elettriku, tliet Stati Membri (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja) huma dipendenti minn operatur wieħed estern għall-operat u l-ibbilanċjar tan-netwerk tal-elettriku tagħhom; § Il-kont tal-enerġija esterna tal-UE jirrappreżenta aktar minn EUR 1 biljun kuljum (madwar EUR 400 biljun fl-2013) u aktar minn wieħed minn ħamsa tat-total tal-importazzjoniijiet tal-UE. L-UE timporta iktar minn EUR 300 biljun f'żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt, li minnhom terz jiġu mir-Russja. § Is-sigurtà tal-enerġija tal-UE għandha titqies ukoll fil-kuntest tad-domanda dejjem tikber għall-enerġija madwar id-dinja, li mistenni tiżdied b’27% sal-2030, b’tibdiliet importanti fil-provvista tal-enerġija u l-flussi kummerċjali.

L-istrateġija deskritta hawn taħt, tibni fuq numru ta’ punti tajbin u tagħlimiet mill-applikazzjoni tal-politiki attwali kif ukoll fuq l-effettività tar-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżijiet tal-provvista tal-enerġija preċedenti: L-Ewropa għamlet progress sinifikanti lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija b'żieda fl-interkonnessjonijiet; għandha fost l-aqwa esperjenzi passati madwar id-dinja f'dik li hija intensità tal-enerġija u għandha taħlita tal-enerġija aktar ibbilanċjata mill-imsieħba ewlenin tagħha.

Madankollu, spiss jiġri li l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija jiġu indirizzati biss fil-livell nazzjonali mingħajr ma titqies sewwa l-interdipendenza tal-Istati Membri. Is-soluzzjoni biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tinsab qabelxejn f’approċċ aktar kollettiv permezz ta’ suq intern li jiffunzjona u permezz ta' kooperazzjoni akbar fil-livell reġjonali u Ewropew, b’mod partikolari għall-koordinazzjoni u l-iżviluppi tan-netwerks u sabiex jinfetħu s-swieq, u mbagħad, f’azzjoni esterna aktar koerenti. Dan jinkludi li jiġi żgurat, permezz ta’ strumenti ta’ tkabbir, li dawn il-prinċipji ta’ gwida jiġu segwiti mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali.

Illum, l-UE hija l-uniku attur ekonomiku ewlieni li jipproduċi 50% tal-elettriku tiegħu mingħajr emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra[1]. Jeħtieġ li din ix-xejra tkompli. Fuq meda ta' żmien fit-tul, is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni hija kemm inseparabbli kif ukoll stimulata b’mod sinifikanti mill-ħtieġa li ngħaddu għal ekonomija kompetittiva b’livelli baxxi ta’ karbonju li tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili importati. Din l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija hija, għalhekk, parti integrali mill-qafas ta’ politika għall-2030 dwar il-klima u l-enerġija[2] u hija wkoll konsistenti b’mod sħiħ mal-għanijiet tal-politika tal-kompetittività u dik industrijali[3] tagħna. Huwa importanti, għalhekk, li jittieħdu deċiżjonijiet dwar dan il-qafas mill-aktar fis, kif indikat mill-Kunsill Ewropew, u li l-Istati Membri jħejju rwieħhom kollettivament biex jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet fit-tul għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. L-indirizzar tas-sigurtà tal-enerġija f’ambjent li qed jinbidel malajr ikun jeħtieġ flessibbiltà, kapaċità ta’ adattament u bidla. Għalhekk, din l-istrateġija tista’ teħtieġ li tevolvi minħabba ċirkustanzi li qed jinbidlu.

L-istrateġija tistipula oqsma fejn iridu jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet konkreti implimentati fuq medda ta' żmien qasir, medju u fit-tul biex jirrispondu għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija. Din hija bbażata fuq tmien pilastri ewlenin li flimkien jippromwovu kooperazzjoni eqreb ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha filwaqt li jiġu rispettati l-għażliet nazzjonali dwar l-enerġija, u huma msejsa fuq il-prinċipju tas-solidarjetà:

1. Azzjonijiet immedjati bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-UE biex tingħeleb interruzzjoni maġġuri matul ix-xitwa 2014/2015;

2. It-tisħiħ ta’ mekkaniżmi ta' emerġenza u ta' solidarjetà inkluża l-koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskji u pjanijiet ta’ kontinġenza; u l-protezzjoni tal-infrastrutturi strateġiċi;

3. Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija;

4. It-tiswir ta’ suq intern integrat bis-sħiħ u li jiffunzjona tajjeb;

5. Żieda fil-produzzjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea;

6. Aktar żvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija;

7. Id-diversifikazzjoni tal-provvisti esterni u l-infrastruttura relatata;

8. It-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali tal-enerġija u vuċi waħda fil-politika enerġetika esterna.

1. Azzjonijiet immedjati biex tiżdied il-kapaċità tal-UE biex tingħeleb interruzzjoni maġġuri matul ix-xitwa 2014/2015

Fid-dawl tal-avvenimenti attwali fl-Ukraina u l-potenzjal ta' interruzzjoni tal-provvisti tal-enerġija, fil-medda ta' żmien qasir l-azzjoni trid tiffoka fuq dawk il-pajjiżi li huma dipendenti fuq fornitur wieħed tal-gass.

Fix-xitwa li ġejja, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri, ir-regolaturi, l-Operaturi ta’ Sistemi ta’ Trażmissjoni u l-operaturi biex itejbu t-tħejjija immedjata tal-Unjoni fir-rigward ta’ interruzzjoni possibbli. Se tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni vulnerabbli biex titjieb il-kapaċità ta’ ħażna (eż. billi tintuża bis-sħiħ il-kapaċità Latvjana ta' ħażna fir-reġjun Baltiku), l-iżvilupp ta' flussi fid-direzzjoni opposta (wara l-eżempju ta’ suċċess tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn is-Slovakkja u l-Ukraina), l-iżvilupp ta' pjanijiet ta’ sigurtà ta’ provvista fuq livell reġjonali u l-isfruttament akbar tal-potenzjal tal-Gass Naturali Likwifikat.

Tabella tal-azzjonijiet ewlenin Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom: · Jintensifikaw il-kooperazzjoni fi ħdan il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass[4] u notevolment ikomplu jimmonitorjaw il-flussi tal-gass naturali u l-livell ta’ ħażna tal-gass u jikkoordinaw fil-livell tal-UE u/jew fil-livell reġjonali il-valutazzjonijiet ta’ riskju nazzjonali u l-pjanijiet ta’ kontinġenza; · Jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskji u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva u l-Pjanijiet ta’ Emerġenza, kif previst fir-Regolament 994/2010. · Iniedu testijiet tal-istress dwar is-sigurtà tal-enerġija fid-dawl tar-riskji ta' interruzzjoni fil-provvista tax-xitwa li jmiss, u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ appoġġ ulterjuri jekk ikun meħtieġ; bħaż-żieda fil-ħażniet tal-gass, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ta’ emerġenza u flussi fid-direzzjoni opposta u t-tnaqqis fid-domanda tal-enerġija jew il-bidla għal fjuwils alternattivi f'medda ta' żmien qasir ħafna; · Jikkooperaw aktar mal-fornituri tal-gass u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jiġu identifikati sorsi possibbli għal provvisti addizzjonali fuq medda ta’ żmien qasir, notevolment tal-LNG.

2. It-tisħiħ ta’ mekkaniżmi ta' emerġenza u ta' solidarjetà inkluża l-koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskji u pjanijiet ta’ kontinġenza; u l-protezzjoni tal-infrastrutturi strateġiċi

L-UE għandha priorità maġġuri: li tiżgura l-aqwa tħejjija possibbli u tippjana flessibbiltà mtejba f'każijiet ta' interruzzjoni f'salt fil-provvisti tal-enerġija, li jiġu protetti l-infrastrutturi strateġiċi u li l-aktar Stati Membri vulnerabbli jiġu sostnuti b'mod kollettiv.

2.1. Il-ħażniet taż-żejt

L-Istati Membri huma obbligati li jibnu u jżommu riżervi minimi ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi u dan se jnaqqas r-riskji ta’ interruzzjoni tal-provista[5]. L-istokkijiet attwali jirrappreżentaw madwar 120 jum ta’ konsum, li huwa ferm ogħla mir-rekwiżit minimu ta’ provvista għal 90 jum. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ ħżin tal-UE ikun konsistenti u marbut mal-obbligu ta’ ħżin taż-żejt imsawwar taħt l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA).  Dawn l-istrumenti wrew ir-rilevanza u l-effiċjenza tagħhom. Il-garanzija li aktarx ma sseħħ l-ebda skarsezza fiżika fil-provvista hija element fundamentali li jevita ċaqliq fil-prezzijiet tas-suq f’każ ta’ kriżi. Għalhekk l-UE għandha tippromwovi aktar il-kooperazzjoni u t-trasparenza internazzjonali dwar il-ħażniet taż-żejt u s-swieq taż-żejt, li jinvolvu b’mod partikolari l-konsumaturi ġodda ewlenin bħaċ-Ċina u l-Indja.

2.2. Il-prevenzjoni u t-taffija tar-riskji ta' interruzzjoni fil-provvista tal-gass

Mill-kriżijiet tal-provvista tal-gass tal-2006 u l-2009 'l hawn, l-UE saħħet il-kapaċitajiet tagħha ta’ koordinament sabiex tipprevjeni u ttaffi interruzzjonijiet possibbli fil-provvista tal-gass[6]. L-investimenti fl-infrastruttura ta' appoġġ ulterjuri issa saru obbligatorji: sat-3 ta' Diċembru 2014 l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jilħqu l-ogħla domanda possibbli anke jekk ikun hemm interruzzjoni tal-akbar ass infrastrutturali waħdieni. Barra minn hekk, il-flussi fid-direzzjoni opposta għandhom jiffunzjonaw fuq l-interkonnessjonijiet transkonfinali kollha bejn l-Istati Membri.

L-UE hija wkoll ippreparata aħjar għal interruzzjoni fil-provvista tal-gass. Jeżistu regoli Ewropej li jiżguraw provvisti lill-konsumaturi protetti (eż. konsumaturi li jużaw il-gass għat-tisħin) f’kundizzjonijiet ħorox, inkluż fil-każ ta’ interruzzjoni tal-infrastruttura f'kundizzjonijiet normali tax-xitwa, u l-Istati Membri jeħtieġ li jfasslu Pjanijiet tal-Grad ta’ Preparazzjoni f'każ ta’ Emerġenza u Pjanijiet ta’ Rispons f’każ ta’ Emerġenza. Il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass, li jinvolvi l-Istati Membri, ir-regolaturi u l-partijiet interessati kollha, wera li huwa pjattaforma effettiva mal-UE kollha għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-esperti u biex jikkoordina l-azzjoni. Dawn ir-regoli jipprovdu qafas Ewropew li jsawwar il-fiduċja u jiżgura s-solidarjetà billi jiggarantixxi li l-Istati Membri jaġixxu fir-rigward tar-responsabilitajiet nazzjonali tagħhom u sabiex jaħdmu flimkien biex itejbu s-sigurtà tal-provvista.

L-esperjenza sal-lum fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass uriet li hemm sinerġiji f’aktar kooperazzjoni bejn il-fruntieri, pereżempju billi jissawru valutazzjonijiet tar-riskju (testijiet tal-istress) u pjanijiet tas-sigurtà tal-provvista fuq il-livell reġjonali u tal-UE, billi jissawwar qafas regolatorju għall-ħażniet tal-gass li jirrikonoxxi l-importanza strateġika tagħhom għas-sigurtà tal-provvista, jew permezz ta’ definizzjoni aktar preċiża ta’ “konsumaturi protetti” madwar l-UE. Dan se jkun parti mir-reviżjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass li l-Kummissjoni ser tiffinalizza qabel tmiem l-2014.

Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, jistgħu jiġu previsti strumenti ġodda għas-sigurtà tal-provvista ma’ msieħba strateġiċi ewlenin. Il-ġabra flimkien ta' parti minima mill-ħażniet ta' sigurtà eżistenti f'riżerva ta' kapaċità komuni virtwali – pereżempju taħt l-awspiċi tal-IEA – tista' tippermetti rispons bil-ħeffa fil-każ ta' interruzzjoni limitata[7].

2.3. Protezzjoni tal-infrastruttura kritika

L-UE bdiet tiżviluppa politika li tindirizza l-protezzjoni fiżika tal-infrastruttura kritika (kontra t-theddid, perikli...) li tinkludi l-infrastruttura tal-enerġija[8]. Għandha tingħata attenzjoni akbar lis-sigurtà tal-IT. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jitniehed dibattitu usa’ dwar il-protezzjoni ta’ infrastrutturi strateġiċi tal-enerġija bħal sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass u tal-elettriku li qed jipprovdu servizz kruċjali għall-konsumaturi kollha. Dan id-dibattitu għandu jindirizza l-kontroll ta’ infrastrutturi strateġiċi minn entitajiet li mhumiex tal-UE, notevolment il-kumpaniji statali, il-banek nazzjonali jew il-fondi sovrani minn pajjiżi fornituri ewlenin, li jimmiraw li jippenetraw is-suq tal-enerġija tal-UE jew li jfixxklu d-diversifikazzjoni aktar mill-iżvilupp tan-netwerk u l-infrastruttura tal-UE. Ir-rispett tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għandu jkun garantit għal kull akkwist minn xerrejja mhux tal-UE ta’ infrastruttura strateġika. Għandhom jiġu vvalutati wkoll il-vantaġġi ta’ sistema globali ta' enerġija li tibbilanċja b’mod xieraq il-produzzjoni tal-enerġija ċentralizzata u deċentralizzata, bil-għan li tissawwar sistema li tkun kemm ekonomikament effiċjenti u anki tiflaħ għal interruzzjonijiet ta’ assi maġġuri individwali.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-separazzjoni tal-attivitajiet tat-trażmissjoni tal-gass diġà jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kkontrollata minn entitajiet li mhumiex tal-UE jikkonformaw mal-istess obbligi bħal dawk ikkontrollati minn entitajiet tal-UE. Madankollu, l-esperjenza reċenti ta’ ċerti operaturi mhux tal-UE li jfittxu li jevitaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fit-territorju tal-UE jistgħu jeħtieġu applikazzjoni iktar stretta u l-possibilità ta' rinfurzar tar-regoli applikabbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, ir-rispett lejn ir-regoli tas-suq intern tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku, wkoll jeħtieġ li jkun garantit.

2.4. Mekkaniżmi ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri

Is-solidarjetà li minnha hija kkaratterizzata l-UE tirrikjedi assistenza prattika għal dawk l-Istati Membri l-aktar vulnerabbli għal interruzzjonijiet serji fil-provvista tal-enerġija. L-ippjanar xieraq ta’ kontinġenza, ibbażat fuq testijiet tal-istress tas-sistemi tal-enerġija u diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u l-industrija, għandu għalhekk ikun organizzat u rivedut regolarment, bl-għan li jiggarantixxi livelli minimi ta’ kunsinni intrakomunitarji ta’ provvisti ta’ fjuwils alternattivi li jikkomplementaw il-ħażniet ta’ emerġenza. Fid-dawl tal-avvenimenti attwali, l-attenzjoni immedjata għandha tkun fuq l-Istati Membri fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE; Fejn xieraq, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali jistgħu jkunu assoċjati ma’ tali mekkaniżmi.

Azzjonijiet ewlenin Il-Kummissjoni sejra: Tirrevedi l-mekkaniżmi eżistenti biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tipproponi t-tisħiħ tagħhom, fejn meħtieġ, flimkien ma’ miżuri għall-protezzjoni ta’ infrastrutturi strateġiċi tal-enerġija u bilanċ xieraq bejn l-assi ċentralizzati u deċentralizzati. Tipproponi lill-Istati Membri u lill-industrija ġdida mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u pjanijiet ta’ kontinġenza li jfornu l-enerġija lill-pajjiżi fi żminijiet ta’ bżonn, abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju (it-testijiet tal-istress tas-sigurtà tal-enerġija). L-attenzjoni immedjata għandha tkun fuq l-Istati Membri kollha fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE.

3. Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

Il-moderazzjoni tad-domanda tal-enerġija hija waħda mill-għodod l-aktar effettivi biex jitnaqqsu d-dipendenza tal-enerġija esterna tal-UE u l-esponiment għal żidiet qawwija fil-prezzijiet. Is-sitwazzjoni attwali tkompli żżid l-urġenza tal-UE tal-mira miftiehma preċedentement ta' effiċjenza tal-enerġija ta’ 20% li se tirriżulta f’iffrankar ta’ enerġija primarja ta’ 371 Mtoe fl-2020 meta mqabbla mat-tbassir. Dan l-iffrankar jista’ jinkiseb jekk il-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti jiġu implimentati b’mod rigoruż u mingħajr dewmien. B’mod partikolari, dan japplika għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (“EED”) u d-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini (“EPBD”).

Il-kisba ta’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija hija possibbli biss jekk ikun hemm identifikazzjoni ċara ta’ setturi prijoritarji kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta’ kapital ta’ investiment li jista’ jkun hemm aċċess għalih faċilment. Id-domanda tal-enerġija fis-settur tal-bini, responsabbli għal madwar 40% tal-konsum tal-enerġija fl-UE u terz tal-użu tal-gass[9] naturali tista' titnaqqas sa tliet kwarti jekk ir-rinnovazzjoni tal-bini titħaffef. It-titjib fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jistgħu jagħmlu kontribut importanti. Bl-istess mod, l-industrija tikkonsma madwar kwart tat-total tal-gass użat fl-UE u għad hemm potenzjal sinifikanti għal żieda fl-effiċjenza tal-enerġija mmexxija minn sistema msaħħa ta’ skambju ta’ emissjonijiet, kif propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-qafas dwar il-klima u l-enerġija tal-2030.[10] 

Sabiex jitħeġġeġ aktar investiment mis-settur privat, li għandu rwol ewlieni x’jaqdi, il-Fondi Ewropej Strutturali u għall-Innovazzjoni (ESI) jiggarantixxu[11] minimu ta’ EUR 27 biljun f'investimenti speċifikament dedikati għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija. L-analiżi attwali tal-programmazzjoni ta’ dawn il-fondi mill-Istati Membri tindika li l-ammont reali ta’ dawn l-investimenti se jiżdied għal aktar minn EUR 36 biljun. L-istrumenti finanzjarji stabbiliti mill-kontribut[12] tal-Fondi tal-ESI jistgħu jwasslu għal sehem ta' investiment kapitali privat addizzjonli, filwaqt li mudelli ġodda ta’ negozju mill-kumpaniji ta’ prestazzjoni tal-enerġija (ESCOs) jistgħu jiffrankaw il-flus tul is-sistema kollha tal-enerġija.

Azzjonijiet ewlenin L-Istati Membri għandhom: Iħaffu l-miżuri biex tinkiseb il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija tal-2020, jiffokaw fuq it-tisħin u l-insulazzjoni b’mod partikolari fil-bini u fl-industrija, b’mod partikolari permezz ta’: o implimentazzjoni ambizzjuża tal-EED u l-EPBD, o appoġġ finanzjarju pubbliku u regolatorju msaħħaħ biex titħaffef ir-rata ta’ rinnovazzjoni tal-bini u t-titjib/l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ tisħin distrettwali, o promozzjoni ta’ servizzi tal-enerġija u rispons għad-domanda b'teknoloġiji ġodda, li għalihom l-appoġġ finanzjarju tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi tal-ESI, jista’ jikkumplimenta l-iskemi ta’ finanzjament nazzjonali;  o implimentazzjoni mħaffa tal-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli sottomessi mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fil-Patt tas-Sindki, o trawwim tal-effiċjenza tal-enerġija fl-industrija permezz ta' ETS tal-UE msaħħa. Il-Kummissjoni sejra: Tirrevedi l-EED dan is-sajf biex jiġi vvalutat il-progress lejn il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija tal-2020 u tindika kif l-effiċjenza tal-enerġija tista’ tikkontribwixxi lejn il-qafas ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija tal-2030; Tidentifika setturi ċari ta’ prijorità (fid-djar, it-trasport u l-industrija) li fihom jistgħu jinkisbu gwadanji fl-effiċjenza tal-enerġija fi żmien medju jew twil, inklużi fl-Istati Membri l-aktar vulnerabbli għal interruzzjonijiet fil-provvista; Tidentifika l-ostakli li fadal għall-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ suq ġenwin ta' servizzi effiċjenti tal-enerġija u tipproponi modi biex dawn jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri mhux leġiżlattivi; Tirrevedi id-Direttivi dwar l-Ekodisinn u dwar it-Tikkettar Enerġetiku fuq is-sies tal-esperjenza akkwistata biex jiġi żgurat tnaqqis aktar effettiv tal-konsum tal-enerġija u impatti ambjentali oħra tal-prodotti.

4. It-tiswir ta’ suq intern integrat bis-sħiħ u li jiffunzjona tajjeb

Suq intern Ewropew għall-enerġija huwa fattur essenzjali għas-sigurtà tal-enerġija u huwa mekkaniżmu ta’ forniment li jinkiseb b’mod kosteffikaċi. L-interventi tal-gvern li jaffettwaw il-qafas ta' dan is-suq, bħal deċiżjonijiet nazzjonali jew miri ta’ effiċjenza dwar l-enerġija rinnovabbli, deċiżjonijiet li jappoġġjaw l-investiment fil-ġenerazzjoni nukleari (jew id-dekummissjoni tagħha), jew deċiżjonijiet ta’ appoġġ għal proġetti ewlenin tal-infrastruttura (bħan-Nordstream, Southstream, TAP jew it-terminal Baltiku tal-LNG) jeħtieġ li jiġu diskussi fil-livell Ewropew u/jew dak reġjonali sabiex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru wieħed ma jdgħajfux is-sigurtà tal-provvista fi Stat Membru ieħor. Jeżistu diversi għodod fil-livell tal-UE li jimplimentaw proġetti bħal dawn fir-rigward tal-acquis u b’mod koordinat (il-leġiżlazzjoni tas-suq intern, il-Linji ta’ Gwida tat-TEN-E, il-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat). Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija reali tkun teħtieġ li l-għodod ta’ infurzar ikunu preċeduti minn diskussjoni strateġika fil-livell tal-UE, u mhux biss fil-livell nazzjonali.

4.1. Biex is-suq intern għall-elettriku u l-gass jaħdmu aħjar

It-3et pakkett tas-suq intern tal-enerġija jistabbilixxi l-qafas li fih is-suq intern Ewropew jeħtieġ li jiżviluppa. Il-Kapijiet tal-Istati qablu li s-suq intern għandu jitwettaq sal-2014. Hemm xi żviluppi pożittivi iżda għad fadal ħafna xi jsir.

Inkisbu passi pożittivi fl-integrazzjoni tas-suq reġjonali. Swieq kompetittivi u likwidi jipprovdi hedge effettiv kontra abbużi tas-suq jew il-poter politiku minn fornituri individwali. Mekkaniżmi ta’ negozjar żviluppati sew u s-swieq hekk imsejħa liquid spot markets jistgħu joffru soluzzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien fil-każ ta' interruzzjonijiet, kif diġà huwa l-każ għaż-żejt jew il-faħam. L-istess livell ta’ sigurtà jista’ jinkiseb għall-gass u l-elettriku, sakemm il-kapaċità tal-pajplajns u l-grilji huma disponibbli għal trasferiment tal-ħażniet minn post għal ieħor.

Approċċ reġjonali kien u se jkompli jkun deċiżiv għall-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-enerġija f’termini ta’ skambji transkonfinali kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista (inklużi mekkaniżmi ta’ kapaċità[13] jekk meħtieġa). Il-pajjiżi Nordiċi (il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u n-Norveġja) jgħallmu bl-eżempju fis-settur tal-elettriku bl-integrazzjoni bikrija tas-swieq tagħhom fin-NordPool. Bl-istess mod, il-Forum Pentalaterali fil-Majjistral (li jinkludi lil Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu u l-Awstrija) beda proġetti ta’ integrazzjoni pijunieri kemm fis-settur tal-elettriku kif ukoll f'dak tal-gass. L-operaturi u r-regolaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni wkoll ħadu passi deċiżivi lejn l-akkoppjar tas-swieq tal-elettriku f’diversi oqsma[14]. Fil-gass, il-kisba ta’ impatt simili hija l-istabbiliment ta’ PRISMA-platform fl-2013, fejn il-kapaċità ta’ interkonnessjoni għan-netwerks ta’ 28 TSO responsabbli mit-trasport ta’ 70% tal-gass Ewropew tiġi rkantata f’mod trasparenti u uniformi.

Madankollu, l-iżvilupp ta’ swieq kompetittivi u integrati tajjeb fl-Istati Baltiċi u fix-Xlokk tal-Ewropa għadu lura, u jċaħħad lil dawk ir-reġjuni il-vantaġġi relatati mas-sigurtà tal-provvista. L-approċċi mmirati li jħaffu l-iżvilupp ta’ infrastruttura kritika (ara l-punt 4.2) kif ukoll l-istabbiliment ta’ ċentri reġjonali tal-gass f’dawn ir-reġjuni huma meħtieġa.

L-implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċijiet tan-Netwerk tas-settur tal-gass se ttejjeb b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-enerġija, billi ssaħħaħ l-aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għal sistemi ta’ trażmissjoni sabiex il-gass ikun jista’ jiċċaqlaq liberament u b’mod flessibbli madwar l-UE.  

Barra minn hekk, ir-regoli tal-kontroll tal-antitrust u tal-amalgamazzjonijiet jridu jkomplu jiġu infurzati bis-saħħa peress li dawn jiżguraw li s-sigurtà tal-provvista tal-UE ma tiġix imdgħajfa permezz ta' mġiba antikompetittiva jew minn konsolidazzjoni antikompetittiva jew integrazzjoni vertikali tal-kumpaniji tal-enerġija.

4.2. Jitħaffef il-bini ta’ interkonnetturi ewlenin

Suq intern tal-enerġija verament integrat u kompetittiv mhux biss għandu bżonn ta’ qafas regolatorju komuni iżda wkoll l-iżvilupp sinifikanti ta’ infrastruttura tat-trasportazzjoni tal-enerġija, partikolarment l-interkonnessjonijiet transkonfinali bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tistma li madwar EUR 200 biljun huma meħtieġa sal-2020 f’dan ir-rigward, iżda li s-suq attwalment jista’ biss iwassal bejn wieħed u ieħor nofs din is-somma.

Ir-Regolament dwar il-Linji Gwida għal networks tal-enerġija trans-Ewropej flimkien mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tfasslu biex tiġi identifikata u żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti ewlenin li l-Ewropa teħtieġ tul it-12-il kuritur u qasam ta’ prijorità. L-ewwel lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni (PCI) ġiet adottata fl-2013. L-għan ewlieni tal-politika ta’ infrastruttura tal-UE huwa li tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha ta’ proġetti ta’ interess komuni. Flimkien mal-proċeduri razzjonalizzati għall-għoti tal-permessi, EUR 5.8 biljun tas-CEF se jgħinu biex jinkiseb dan. Is-CEF jirrappreżenta madwar 3% biss tal-EUR 200 biljun ta’ investiment meħtieġa sal-2020 iżda jista’ jħeġġeġ fondi oħra permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji. Biex is-CEF jagħmel differenza, dan għandu jiġi mmirat lejn ftit proġetti kritiċi u għandu wkoll jingħaqad mal-isforzi tar-Regolaturi biex jiffinanzja parti mill-infrastruttura permezz ta’ tariffi tan-netwerks filwaqt li l-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn rilevanti. Kemm waqt il-ħruġ tal-permessi kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti, għandhom jitqiesu l-leġiżlazzjoni u l-gwida[15] ambjentali eżistenti tal-UE li jiżguraw is-sostenibbiltà ambjentali u jassikuraw l-appoġġ pubbliku u l-aċċettazzjoni għall-proġett.

Sebgħa u għoxrin (27) proġett tal-gass u sitta (6) fil-qasam tal-elettriku ġew identifikati bħala kritiċi għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE fil-medda ta' żmien qasir u medju (lista indikattiva fl-Anness 2) minħabba li l-implimentazzjoni tagħhom hija mistennija li tqawwi d-diversifikazzjoni tal-provvista u solidarjetà fil-partijiet l-iktar vulnerabbli tal-Ewropa. Madwar nofs dawn il-proġetti għandhom jitlestew sal-2017 filwaqt li l-bqija tal-proġetti għandhom data ppjanata għall-kummissjonar sal-2020. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-proġetti kritiċi jinsabu fl-Ewropa tal-Lvant u tal-Lbiċ. L-ispiża ta’ dawn il-proġetti hija stmata għal madwar EUR 17-il biljun. Il-PCIs kritiċi huma prinċipalment proġetti fuq skala kbira, ħlief ftit proġetti ta’ ħżin u terminali tal-LNG, u huma kumplessi fihom infushom u suxxettibbli għal dewmien. Għalhekk, il-possibilitajiet biex titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom teħtieġ aktar minn sempliċiment sostenn bikri mis-CEF. Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha tintensifika l-appoġġ tagħha għal proġetti kritiċi billi tlaqqa' flimkien lill-promoturi tal-proġetti sabiex dawn jiddiskutu l-possibbiltajiet tekniċi biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRA) li jaqblu dwar l-allokazzjoni u l-finanzjament tal-ispejjeż transkonfinali kif ukoll il-ministeri rilevanti biex jiġi żgurat appoġġ politiku qawwi kemm fid-dawl tal-ewwel sejħiet u wkoll dawk li jidħlu aktar tard.

F’Marzu 2014, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew appellaw għal: “Implimentazzjoni rapida tal-miżuri kollha biex tintlaħaq il-mira li tinkiseb interkonnessjoni ta’ mill-inqas 10% tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku installata tagħhom għall-Istati Membri kollha”.  Bħalissa, il-medja tal-livell ta’ interkonnessjonijiet hija ta’ madwar 8%. Filwaqt li titqies l-importanza tal-interkonnetturi għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista u l-ħtieġa li jkun iffaċilitat il-kummerċ transkonfinali, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li testendi l-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10% attwali għal 15% sal-2030 filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspetti tal-ispejjeż u l-potenzjal ta’ skambji kummerċjali fir-reġjuni rilevanti.

4.3. Is-suq taż-żejt Ewropew

Ir-Russja llum hija waħda tal-fornituri ewlenin tal-UE ta’ żejt mhux raffinat li jiġi raffinat fl-UE u xi raffineriji huma ottimizzati għal dawn iż-żjut mhux raffinati. Filwaqt li hemm biżżejjed kapaċità ta’ raffinar biex tissodisfa d-domanda ġenerali għall-prodotti taż-żejt, l-UE hija esportatur nett tal-petrol u importatur nett tad-diżil prinċipalment mir-Russja u l-Istati Uniti tal Amerika. L-interdipendenza bejn l-UE, l-Istati Uniti u r-Russja fir-rigward taż-żejt, id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt, u l-kapaċità għall-kummerċ u t-trasport taż-żejt globalment, tfisser li ma hemm l-ebda theddida immedjata għall-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti taż-żejt. Madankollu, hemm kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib u li jeħtieġu aktar koordinazzjoni strateġika tal-politika tal-UE dwar iż-żejt:

- Id-dipendenza tal-UE fuq l-industrija tar-raffinar taż-żejt mhux maħdum mir-Russja;

- Konċentrazzjoni akbar fl-industrija taż-żejt Russa, u żieda fis-sjieda tar-raffineriji taż-żejt tal-UE minn kumpaniji Russi;

- Prodotti raffinati kkunsmati fit-trasport.

Is-settur tar-raffinar tal-UE qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi sinifikanti biex jibqa' kompetittiv kif jidher mit-tnaqqis tal-kapaċità tar-raffinar u l-investiment barrani, b’mod partikolari minn kumpaniji Russi li jżidu d-dipendenza fuq iż-żejt mhux raffinat mir-Russja. Huwa importanti li jinżammu kapaċitajiet ta’ raffinar kompetittivi fl-Ewropa biex tiġi evitata d-dipendenza żejda fuq l-importazzjoni ta’ prodotti taż-żejt raffinat u sabiex ikunu jistgħu jiġu pproċessati l-ħażniet taż-żejt mhux raffinat bi flessibilità suffiċjenti[16].

Fuq medda twila ta’ żmien, jeħtieġ li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt, b’mod partikolari fit-trasport.  Il-Kummissjoni stabbiliet sensiela ta' miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u l-konsum tal-fjuwils fit-trasport inkluża strateġija dwar il-fjuwils alternattivi[17],[18].

Azzjonijiet ewlenin L-Istati Membri għandhom:  Isaħħu l-koperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri fejn l-interkonnetturi, l-ibbilanċjar tal-arranġamenti, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità u l-integrazzjoni tas-suq jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija; Ilestu t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija kif previst sal-aħħar tal-2014, b’mod partikolari rigward ir-regoli ta’ separazzjoni, il-flussi fid-direzzjoni opposta u l-aċċess għal faċilitajiet tal-ħażna tal-gass. Jintensifikaw id-diskussjonijiet dwar id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija biex jitnaqqsu l-inċentivi tat-taxxa għad-diżil u biex jerġa’ jinstab bilanċ bejn il-kapaċità u l-konsum ta’ prodott tar-raffineriji taż-żejt fl-UE; Għandha titqies ukoll tassazzjoni favorevoli għal fjuwils alternattivi, b’mod partikolari għal fjuwils rinnovabbli. Jintensifikaw l-isforzi biex jimplimentaw id-direttiva approvata dan l-aħħar dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. L-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni għandhom: Iħaffu l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network tal-gass u tal-elettriku. Il-Kummissjoni sejra: Tħaffef il-proċeduri ta’ ksur marbuta mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern, fejn meħtieġ; Taħdem mal-Istati Membri biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida tal-proġetti kollha ta’ interess komuni u miżuri oħra biex tintlaħaq il-mira li tinkiseb interkonnessjoni ta’ mill-inqas 10% tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku installata tagħhom għall-Istati Membri kollha sal-2020 u mira ta’ 15% sal-2030. Tikkoordina l-fondi Komunitarji kollha disponibbli, inkluż is-CEF, il-fondi tal-ESI u l-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jgħinu fl-aċċellerazzjoni u l-kostruzzjoni ta’ interkonnetturi ewlenin tal-infrastruttura nazzjonali u reġjonali relatata; Tqis, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali tagħhom liema miżuri jistgħu jittieħdu biex titħaffef is-CBCA[19] xierqa għall-proġetti kritiċi identifikati fl-Anness 2 u l-miżuri kollha li jistgħu jwasslu biex dawn jitlestew fis-sentejn sat-tliet snin li ġejjin; Tiddiskuti mal-industrija u mal-Istati Membri kif tista' tiġi ddiversifikata l-provvista taż-żejt mhux raffinat tar-raffineriji tal-UE biex titnaqqas id-dipendenza fuq ir-Russja; Issegwi aġenda tal-kummerċ attiva li tiżgura aċċess għas-swieq tal-esportazzjoni taż-żejt u tillimita prattiki distortivi għall-kummerċ permezz tal-promozzjoni qawwija ta' dixxiplini tal-kummerċ relatati mal-enerġija u tiżgura l-infurzar xieraq ta’ dixxiplini kummerċjali fejn xieraq. Tidentifika assi strateġiċi għall-UE kollha fil-katina tal-valur taż-żejt u azzjoni koordinata biex tiżgura li l-konsolidazzjoni tal-kapaċità tar-raffineriji tal-UE sseħħ b’mod li ttejjeb id-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-UE; Tikkoopera mal-IEA biex tissorvelja l-katina tal-valur taż-żejt u tiżgura li t-trasparenza tad-dejta dwar il-flussi, l-investimenti, u s-sjieda tiġi promossa.

5. Żieda fil-produzzjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea

L-Unjoni tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fornituri u fjuwils partikolari billi timmassimizza l-użu ta’ sorsi indiġeni ta’ enerġija.

5.1. Żieda fil-produzzjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea

F’dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-produzzjoni tal-enerġija indiġena fl-Unjoni Ewropea naqset[20] b’mod stabbli, minkejja ż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu huwa possibbli li nnaqsu r-ritmu ta' din ix-xejra fuq medda ta’ żmien medju billi nkomplu nżidu l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-enerġija nukleari, kif ukoll il-produzzjoni ta’ fjuwils fossili sostenibbli kompetittivi fejn jintgħażlu dawn l-għażliet.

Enerġija rinnovabbli

L-ispejjeż evitati fuq il-fjuwil importat minħabba ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli jammontaw għal mill-inqas madwar EUR 30 biljun fis-sena. Fl-2012, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli kien stmat li kkontribwiet 14.1% tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE u għandu jintlaħaq l-objettiv ta’ 20% fl-2020. B’ħarsa lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni pproponiet li żżid is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għal mill-inqas 27% sal-2030.

Hemm potenzjal sinifikanti kosteffettiv għall-elettriku rinnovabbli u t-tisħin b’enerġija rinovabbli biex ikompli jitnaqqas l-użu tal-gass naturali f’numru ta’ setturi sal-aħħar ta’ dan id-deċennju. B’mod partikolari, l-iskambju bejn il-fjuwils rinnovabbli għat-tisħin minn sorsi indiġeni jista' jieħu post ammonti sinifikanti ta’ fjuwils importati.  Skont il-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri diġà qed jippjanaw li jżidu 29 miljun tunnellata oħra ta’ ekwivalenti ta’ żejt (Mtoe) f'enerġija rinnovabbli għat-tisħin u żieda ulterjuri ta’ 39 Mtoe ta’ enerġija rinovabbli bejn l-2012 u l-2020. Dawn il-pjanijiet jistgħu jiġu “front-loaded” bl-użu nazzjonali kif ukoll bil-Fondi tal-ESI, f’koordinazzjoni ma’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali u appoġġ tal-BEI. Bħal fil-każ tal-infrastruttura, il-biċċa l-kbira tal-investiment f’dan il-qasam għandha ssir mis-settur privat.

L-enerġija rinnovabbli hija għażla li wieħed ma jiddispjaċihx minnha iżda kien hemm tħassib dwar l-ispejjeż u l-impatti fuq il-funzjonament tas-suq intern. Bit-tnaqqis fl-ispejjeż permezz tat-teknoloġija, ħafna sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qed ikunu dejjem aktar kompetittivi u lesti li jingħaqdu fis-suq (eż. l-enerġija mir-riħ fuq l-art). L-integrazzjoni tagħhom se titlob grilji tal-enerġija aktar intelliġenti fuq skala kbira u soluzzjonijiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija. Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità fil-livell reġjonali jaf jeħtieġu li jitqiesu wkoll[21]. Il-Linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 se jippromwovu wkoll kisba aktar kosteffikaċi tal-miri nazzjonali tal-2020 għall-enerġija rinnovabbli.

L-idrokarburi u l-faħam nadif

L-isfruttament ta’ riżorsi taż-żejt u gass konvenzjonali fl-Ewropa, kemm f’żoni tradizzjonali ta’ produzzjoni (eż. fil-Baħar tat-Tramuntana) u f’żoni ġodda misjuba (pereżempju l-Lvant tal-Mediterran, il-Baħar l-Iswed), għandu jissawwar b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-enerġija u ambjentali eżistenti, inkluża d-Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore[22]. Il-produzzjoni taż-żejt u l-gass minn sorsi mhux konvenzjonali fl-Ewropa, u speċjalment tal-gass tax-shale, jistgħu jikkumpensaw parzjalment għat-tnaqqis tal-produzzjoni tal-gass[23] konvenzjonali sakemm il-kwistjonijiet ta’ aċċettazzjoni pubblika u tal-impatt ambjentali jkunu indirizzati b’mod adegwat[24]. Sal-lum, l-ewwel attivitajiet ta’ esplorazzjoni jinsabu għaddejjin f’xi Stati Membri. Ħarsa ġenerali aktar preċiża tar-riżervi mhux konvenzjonali tal-UE (riżorsi li jistgħu jiġu rkuprati ekonomikament) hija meħtieġa sabiex tkun possibbli l-produzzjoni fuq skala kummerċjali.

Fl-aħħar żewġ deċennji kemm il-produzzjoni domestika kif ukoll il-konsum tal-faħam naqsu fl-UE. Madankollu, il-faħam u l-linjite jirrappreżentaw sehem sinifikanti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku f’diversi Stati Membri u madwar 27% fil-livell tal-UE. Għalkemm l-UE attwalment timporta madwar 40% tal-ħtiġijiet tagħha ta' fjuwils solidi, dan huwa akkwistat minn suq globali diversifikat li jiffunzjona tajjeb u li jipprovdi lill-Unjoni b'bażi sikura ta' importazzjoni. L-emissjonijiet tal-CO2 mill-faħam u l-linjite jfissru li dawn għandhom biss futur fit-tul fl-UE jekk tintuża s-sistem tal-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS). Is-CCS toffri wkoll il-potenzjal għal aktar titjib fl-irkupru tal-gass u taż-żejt li altrimenti jibqgħu mhux sfruttati.  Għalhekk, waqt li wieħed iżomm f’moħħu l-adozzjoni sal-lum pjuttost limitata tas-CCS, għandhom isiru aktar sforzi fir-riċerka, l-iżvilupp u l-iskjerament sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ minn din it-teknoloġija.

Azzjonijiet ewlenin L-Istati Membri għandhom: Ikomplu l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sabiex tintlaħaq il-mira tal-2020 fil-kuntest ta’ approċċ ibbażat fuq is-suq: Jibdew l-Ewropejizzazzjoni tas-sistemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tal-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali; Iħaffu l-bdil tal-fjuwil fis-settur tat-tisħin lejn teknoloġiji tat-tisħin b’enerġija rinnovabbli; Jiżguraw l-istabbiltà tal-oqfsa regolatorji nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u jindirizzaw l-ostakoli amministrattivi; Jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għal proġetti rinnovabbli fil-livelli kollha (fuq skala kbira u żgħira) permezz ta’ inizjattiva kkoordinata mill-Bank Ewropew tal-Investiment u banek nazzjonali tal-investiment, u fejn rilevanti jużaw l-appoġġ provdut mill-Fondi tal-ESI. Jisfruttaw, fejn tintgħażel din l-għażla, idrokarburi u faħam nadif filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet ta’ dekarbonizzazzjoni; Jirrazzjonalizzaw il-proċeduri amministrattivi nazzjonali għall-proġetti tal-idrokarburi, inkluż billi jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt strateġiku u jwaqqfu punt uniku ta’ servizz għall-proċeduri dwar l-għoti tal-permessi, skont id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar is-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali għall-infrastruttura tal-enerġija u proġetti ta’ interess komuni u dwar l-EIAs għal proġetti transkonfinali fuq skala kbira[25]; Jivvalutaw il-potenzjal ta’ idrokarburi mhux konvenzjonali billi jqisu bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE sabiex jiġi żgurat li jiġu implimentati l-ogħla standards ambjentali; Jappoġġjaw proġetti ta’ wiri tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju, b’mod partikolari dawk li huma kofinanzjati mill-Programm NER 300 u l-Programm Ewropew għall-Irkupru tal-Enerġija, bħalma huwa l-proġett ROAD. Il-Kummissjoni sejra: Tniedi netwerk Ewropew dwar ix-xjenza u t-teknoloġija tal-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali; Torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovi l-protezzjoni ambjentali sabiex jitfasslu dokumenti ta' referenza tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi (BREF); Tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-CCS u tieħu deċiżjoni dwar it-tieni rawnd ta’ għotjiet taħt il-Programm NER 300  Tippromwovi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u kummerċ fin-negozjati multilaterali u bilaterali.

6. Aktar żvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija

Dan il-pjan għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fir-rigward tal-enerġija jirrikjedi bidliet sostanzjali fis-sistema tal-enerġija f'medda ta' żmien medju sa twil, li mhumiex se jsiru mingħajr spinta qawwija għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija. Dawn it-teknoloġiji ġodda huma meħtieġa biex ikomplu jnaqqsu d-domanda għall-enerġija primarja, jiddiversifikaw u jikkonsolidaw l-għażliet tal-provvista (kemm esterna u indiġena) tal-enerġija, u tiġi ottimizzata l-infrastruttura tan-netwerk biex ingawdu bis-sħiħ minn din id-diversifikazzjoni.

It-teknoloġiji ġodda jistgħu joffru soluzzjonijiet effiċjenti u effettivi f’termini ta’ nfiq sabiex titjieb l-effiċjenza tal-bini u s-sistemi tat-tisħin lokali, sabiex jipprovdu soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija u jottimizzaw il-ġestjoni ta’ grilji.

Biex jinkiseb dan, huma meħtieġa investimenti sinifikanti mill-UE u l-Istati Membri fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija. L-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija se jkun kruċjali, sabiex jiġi żgurat li numru suffiċjenti minnhom effettivament jilħqu s-suq, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri li jilħqu diversi għażliet fit-taħlita tal-enerġija tagħhom.

Dawn l-investimenti għandhom jinkludu t-teknoloġija kollha fil-katina tal-provvista, mill-materjali (inkluż il-materja prima kritika) sal-manifattura, billi jiżguraw li, filwaqt li titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija tal-UE, l-UE tiżgura wkoll li titrażżan id-dipendenza tagħha fuq it-teknoloġiji barranin. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-istrateġija tista’ tiġi implimentata biss jekk tkun parti integrali mill-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-enerġija tal-Unjoni. 

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt ta’ dawn l-investimenti, għandha sseħħ aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri nnifishom kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, u b’mod partikolari għall-użu ta’ dimostraturi fuq skala kbira, se jkunu essenzjali l-istrumenti finanzjarji sabiex jitħeġġeġ l-investiment mill-industrija, pereżempju permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Azzjoni Ewlenija Il-Kummissjoni sejra: Tagħti importanza ċentrali lis-sigurtà tal-enerġija fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-programm ta' qafas Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u se tiżgura li l-Pjan Direzzjonali Integrat tal-Pjan dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija Strateġika jkun konformi mal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija.

7. Id-diversifikazzjoni tal-provvisti esterni u l-infrastruttura relatata 7.1. Il-gass

L-importazzjonijiet jirrappreżentaw madwar 70% tal-gass ikkunsmat fl-UE iżda huma mistennija[26] li jibqgħu stabbli sal-2020, u mbagħad jiżdiedu xi ftit biex jilħqu madwar 340-350 bcm sal-2025-2030. Fl-2013, 39% tal-importazzjoni tal-gass bil-volum ġew mir-Russja, 33% min-Norveġja u 22% mill-Afrika ta’ Fuq (l-Alġerija u l-Libja). Sorsi oħra huma żgħar u jirrappreżentaw madwar 4%. L-importazzjonijiet tal-LNG minn dawn il-pajjiżi u minn pajjiżi oħra (eż. il-Qatar, in-Niġerja) żdiedu u laħqu l-quċċata ta’ madwar 20% iżda issa naqsu għal madwar 15% minħabba prezzijiet ogħla fl-Asja.

L-aċċess aktar diversifikat għar-riżorsi tal-gass naturali huwa prijorità hekk kif fl-istess waqt jinżammu volumi ta’ importazzjoni sinifikanti minn fornituri affidabbli.  L-LNG se jibqa' jikber bħala sors potenzjali kbir ta’ diversifikazzjoni fis-snin li ġejjin. Provvisti ġodda tal-LNG mill-Amerika ta' Fuq, l-Awstralja, il-Qatar u skoperti oħra fl-Afrika tal-Lvant aktarx li se jżidu d-daqs u l-likwidità tas-swieq globali tal-LNG. Fl-Istati Uniti, l-ewwel impjant tal-likwifazzjoni fuq ix-xaqliba Atlantika mistenni li jibda jitħaddem sal-2015-2017 b'kapaċità ta' madwar 24 bcm/sena. Bosta proġetti oħra jinsabu fi stadju ta' żvilupp. Huwa mistenni li l-parti l-kbira tal-volumi ikunu diretti lejn is-swieq Ażjatiċi, iżda xi kumpaniji Ewropej diġà qed jinnegozjaw kuntratti ta’ forniment tal-LNG mal-produtturi tal-LNG Amerikani. Dawn l-evoluzzjonijiet għandhom jiġu ffaċilitati permezz ta’ prijoritajiet li jirriflettu b’mod adegwat il-politiki esterni tal-UE, b’mod partikolari fin-negozjati li għaddejjin dwar is-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP). Kemm il-produzzjoni Norveġiża (sa 116bcm/sena fl-2018 mil-livell attwali ta’ 106 bcm/sena) u dik tal-Afrika ta’ Fuq (potenzjalment riżorsi enormi ta' idrokarburi mhux sfruttati li għadhom ma ġewx esplorati bil-vantaġġ tal-prossimità ġeografika) għandhom il-potenzjal li jikbru. L-Unjoni għandha ttejjeb l-interkonnessjonijiet interni biex tiżgura li l-gass mingħand dawn il-fornituri jilħaq is-swieq reġjonali kollha eżistenti b’konformità mal-miri dwar l-interkonnessjoni.

Lil hinn milli nsaħħu r-relazzjoni tagħna mal-fornituri eżistenti, l-għan tal-politika tal-UE għandu jkun ukoll li tinfetaħ it-triq għal sorsi ġodda. It-twaqqif tal-Kuritur tan-Nofsinhar u tal-proġetti ta’ interess komuni identifikati huwa element importanti f’dan ir-rigward, peress li jħejji t-triq għal provvisti mir-reġjun tal-Kaspju u lil hinn minnu. Is-segwiment ta' aġenda tal-kummerċ attiva f’dan ir-reġjun huwa kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq, imma wkoll għall-iżvilupp ta’ infrastruttura kritika, li l-vijabbiltà tagħha tiddependi fuq l-aċċess għal biżżejjed volumi ta’ esportazzjoni. Fl-ewwel fażi huwa mistenni li sal-2020, 10 bcm/sena ta’ gass naturali prodott fl-Azerbajġan se jaslu sas-suq Ewropew permezz tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Barra minn dan, din il-konnesjoni ġdida bil-pajplajn hija vitali biex tipprovdi konnessjoni mal-Lvant Nofsani. L-infrastruttura prevista attwalment fit-Turkija tista’ takkomoda sa 25 bcm/sena għas-suq Ewropew. F’perspettiva aktar fit-tul, pajjiżi oħra bħat-Turkmenistan, l-Iraq u l-Iran, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex jitneħħa r-reġim ta’ sanzjonijiet, jistgħu jikkontribwixxu wkoll b’mod sinifikanti lejn it-tkabbir tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Politika barranija koerenti u mmirata fil-konfront ta’ dawn il-pajjiżi se tkun kruċjali. Barra minn hekk, l-UE għandha tinvolvi ruħha fi djalogu politiku intensifikat u kummerċjali mal-imsieħba fl-Afrika tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-Mediterran, b’mod partikolari bil-ħsieb li jinħoloq hub tal-gass tal-Mediterran fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

Dan kollu se jkun possibbli biss jekk il-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-importazzjoni jkunu disponibbli u jekk il-volumi ta’ gass ikunu għall-bejgħ bi prezz affordabbli. Se tkun meħtieġa kooperazzjoni xierqa bejn l-UE u l-Istati Membri (ara t-Taqsima 4).

7.2. L-uranju u l-fjuwil nukleari

L-elettriku prodott minn impjanti tal-enerġija nukleari jikkostitwixxi provvista affidabbli ta’ elettriċità ta’ tagħbija bażi, bla ebda emissjonijiet u bi rwol importanti għas-sigurtà tal-enerġija. Il-valur relattiv tal-fjuwil nukleari huwa marġinali fl-ispiża tal-produzzjoni totali tal-elettriku meta mqabbla ma’ impjanti li jaħdmu bil-gass jew bil-faħam, u l-uranju hu biss parti żgħira mill-ispiża totali tal-fjuwil nukleari. Il-provvista tal-uranju fis-suq dinji hija stabbli u diversifikata sew iżda l-UE xorta waħda hija kompletament dipendenti fuq il-provvisti esterni. Hemm biss ftit entitajiet fid-dinja li huma kapaċi jittrasformaw l-urnanju fi fjuwil għar-reatturi nukleari, iżda l-industrija tal-UE hija protagonista teknoloġika tul il-katina kollha, inkluż l-arrikkiment u r-riproċessar.

Is-sikurezza nukleari hija prijorità assoluta għall-UE. L-UE għandha tibqa’ minn ta’ quddiem u b'rwol pijunier għas-sikurezza nukleari fil-livell internazzjonali. Huwa għalhekk importanti li titħaffef l-adozzjoni tad-Direttiva emendata dwar is-sikurezza nukleari, it-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nukleari, il-provvista ta’ informazzjoni lill-pubbliku u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari regolari.

Madankollu, ir-Russja hija kompetitur ewlieni fil-produzzjoni tal-fjuwil nukleari, u toffri pakketti integrati għal investimenti fil-katina nukleari kollha. Għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil investimenti f'impjanti tal-qawwa nukleari ġodda li jinbnew fl-UE bl-użu ta' teknoloġija mhux tal-UE, biex jiġi żgurat li dawn l-impjanti ma jkunux dipendenti biss fuq ir-Russja għall-forniment tal-fjuwil nukleari: il-possibbiltà tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-fjuwil jeħtieġ li tkun kundizzjoni għal kull investiment ġdid, li għandha tkun żgurata mill-Aġenzji tal-Provvista tal-Euratom. Barra minn hekk, huwa meħtieġ total ta’ portafoll diversifikat tal-provvista tal-fjuwil għall-operaturi tal-impjanti kollha.

Azzjonijiet ewlenin Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom flimkien: Iżidu t-trasparenza fil-livell tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass u jesploraw kif l-informazzjoni dwar il-prezzijiet skont il-mekkaniżmi eżistenti tar-rappurtar, bħad-dejta tal-Eurostat u tal-monitoraġġ tas-suq min-naħa tal-Kummissjoni tkun tista’ tiġi żviluppata aktar; Jappoġġaw l-iżvilupp u l-espansjoni ulterjuri tal-infrastruttura tal-provvista tal-gass min-Norveġja, il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar kif ukoll ill-hub tal-gass tal-Mediterran. Jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bbażata fuq ir-rapporti annwali mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew. Iħaffu l-adozzjoni tad-Direttiva emendata dwar is-Sikurezza Nukleari; Jikkooperaw biex jiddiversifikaw il-forniment tal-fjuwil nukleari meta jkun meħtieġ. Il-Kummissjoni sejra: Issegwi aġenda tal-kummerċ attiva li tiżgura aċċess għall-esportazzjoni tal-gass naturali/LNG u tillimita prattiki distortivi għall-kummerċ permezz tal-promozzjoni qawwija ta' dixxiplini tal-kummerċ relatati mal-enerġija u tiżgura l-infurzar xieraq ta’ dixxiplini kummerċjali fejn xieraq; Tfittex li tneħħi l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni taż-żejt eżistenti f’pajjiżi terzi; Sistematikament tqis id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-fjuwil nukleari ġodda fl-evalwazzjoni tagħha ta’ proġetti ta’ investiment u abbozzi ta’ ftehimiet jew kuntratti ġodda ma’ pajjiżi terzi.

8. It-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali tal-enerġija u vuċi waħda fil-politika enerġetika esterna

Bosta mill-miżuri mfissra hawn fuq huma mmirati lejn l-istess prijorità bażika: il-ħtieġa li l-Istati Membri jikkoordinaw aħjar id-deċiżjonijiet importanti dwar il-politika tal-enerġija. Huwa ċar li d-deċiżjonijiet dwar it-taħlita tal-enerġija huma prerogattiva nazzjonali, iżda l-integrazzjoni progressiva tal-infrastruttura tal-enerġija u s-swieq, id-dipendenza komuni fuq fornituri esterni, il-ħtieġa li tiġi żgurata s-solidarjetà fi żminijiet ta’ kriżi, ilkoll jimplikaw li d-deċiżjonijiet politiċi fundamentali dwar l-enerġija għandhom jiġu diskussi mal-pajjiżi ġirien.  L-istess jgħodd għad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija[27], [28].

Il-Kummissjoni tilqa’ l-appelli magħmula minn ċerti Stati Membri favur Unjoni tal-Enerġija. Hi tappoġġa l-ħolqien ta’ mekkaniżmu li jippermetti lill-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar deċiżjonijiet importanti relatati mat-taħlita tal-enerġija tagħhom qabel l-adozzjoni u d-deliberazzjoni dettaljata tagħhom, sabiex jitqiesu l-kummenti rilevanti fil-proċess ta’ deċiżjoni nazzjonali.

L-Unjoni Ewropea għandha interess ġenerali fi swieq internazzjonali tal-enerġija stabbli, trasparenti, likwidi u msejsa fuq ir-regoli. L-UE għandha tiżviluppa messaġġi konsistenti u kkoordinati f’organizzazzjonijiet u fora internazzjonali. Azzjoni ta’ politika relatata hija l-promozzjoni koordinata tat-teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli madwar id-dinja, iżda b’mod partikolari fost l-ekonomiji emerġenti, li huma mistennija li jagħtu l-akbar kontribut lejn it-tkabbir fid-domanda tal-enerġija fid-deċennji li ġejjin. Din l-inizjattiva mhux biss hi konformi mal-miri wiesgħa tal-UE dwar l-ambjent u l-klima, iżda jista’ jkollha wkoll impatt fuq is-swieq tal-fjuwils fossili tradizzjonali, ittaffi d-domanda u ttejjeb il-likwidità.

Fi ħdan il-viċinat aktar qarib tagħna, l-għan tagħna għandu jibqa' li ninvolvu l-imsieħba kollha fil-livelli kollha sabiex nippermettu l-integrazzjoni mill-qrib tagħhom fis-suq tal-enerġija tal-UE. Il-Komunità tal-Enerġija li għandha l-għan li tespandi l-acquis tal-enerġija tal-UE għall-pajjiżi li għad jissieħbu u dawk tal-viċinat għandha tissaħħaħ ulterjorment fid-dawl ta’ dan it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-UE. Dan għandu jintlaħaq billi tippromwovi r-riformi tas-settur tal-enerġija fil-pajjiżi parteċipanti, filwaqt li wkoll tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħhom u l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-qafas regolatorju tal-UE dwar l-enerġija. Barra minn hekk, il-kuntest istituzzjonali tal-Komunità tal-Enerġija għandu jittejjeb fuq medda ta’ żmien qasir sa medju bil-ħsieb li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-infurzar.

Hemm ħtieġa għall-użu sistematiku ta’ strumenti ta’ politika barranija, bħal pereżempju l-inklużjoni b’mod konsistenti tal-kwistjonijiet dwar l-enerġija fi djalogi politiċi, partikolarment is-samits mal-imsieħba strateġiċi. Se ssir reviżjoni tad-djalogi fil-livell tal-UE dwar l-enerġija mal-pajjiżi fornituri ewlenin. Id-Dikjarazzjoni Konġunta reċenti tal-G7 Ministerjali dwar l-Enerġija ta' Ruma huwa mudell tajjeb tal-kooperazzjoni msaħħa tagħna mal-imsieħba ewlenin. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza ma’ aspetti esterni ta’ politiki settorjali oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipprogrammar strateġiku tal-istrumenti ta’ għajnuna esterna tal-UE. Is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna għandu rwol importanti fl-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet tal-enerġija fil-politika barranija tal-UE u l-koordinazzjoni ma’ ministeri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-ftehimiet ta' xi Stat Membru ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-politika tas-sigurtà tal-provvista tal-UE. Għall-finijiet ta' dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mid-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Dan partikolarment jirrigwardja l-possibbiltà li jiġu żviluppati dispożizzjonijiet standard u li tintalab l-għajnuna tal-Kummissjoni matul in-negozjati. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ esperjenzi reċenti, l-Istati Membri u l-kumpaniji rilevanti għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli qabel jikkonkludu ftehimiet intergovernattivi li jkollhom impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u l-għażliet għad-diversifikazzjoni u jieħdu pariri mingħand il-Kummissjoni matul in-negozjati. Dan jeħtieġ reviżjoni tad-Deċiżjoni 994/2012/UE.

Qasam ta' interess partikolari huwa l-gass, fejn impenn akbar tal-UE ma’ pajjiżi fornituri prospettivi fil-livell politiku jwitti t-triq għal ftehimiet kummerċjali mingħajr ma jipperikola l-iżvilupp ulterjuri ta’ suq intern kompetittiv tal-UE. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, l-aggregazzjoni tad-domanda tista' żżid is-setgħa tan-negozjar tal-UE.

Fir-rigward tal-akkwist konġunt tal-gass naturali, saret referenza għall-“mekkaniżmu ta’ xiri kollettiv” tal-Aġenzija tal-Provvista tal-Euratom. Fil-kuntest attwali fejn ma hemm ebda riskju ta’ sigurtà tal-provvista fis-suq tal-uranju, dan il-mekkaniżmu jħalli libertà sħiħa lill-imsieħba kummerċjali li jinnegozjaw it-transazzjonijiet tagħhom. Il-firma konġunta tal-kuntratti mill-Aġenzija tal-Provvista tal-Euratom tikkonferma biss li ma hemm ebda riskju ta’ sigurtà tal-provvista. Jekk kuntratt jipperikola s-sigurtà tal-provvista l-Aġenzija għandha d-dritt li toġġezzjona għal dan. Fuq il-bażi tan-notifiki u informazzjoni oħra li tirċievi, l-Aġenzija tal-Provvista tal-Euratom iżżid ukoll it-trasparenza tas-suq tal-fjuwil nukleari billi toħroġ rapporti perjodiċi.

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se teżamina jekk tistax tiġi żviluppata proċedura għall-gass li tkun tikkontribwixxi għal aktar trasparenza tas-suq filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-enerġija. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi volontarji ta’ aggregazzjoni tad-domanda li jistgħu jżidu s-setgħa tan-negozjar tax-xerrejja Ewropej se jkunu jistgħu jiġu vvalutati. Dawn l-għażliet jeħtieġ li jiġu ddisinjati u esegwiti b’attenzjoni sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-liġi kummerċjali u dik tal-UE. Fejn xieraq, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali jistgħu jkunu assoċjati ma’ tali proċedura.

Azzjonijiet ewlenin Il-Kummissjoni sejra: Tiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-politika esterna dwar l-enerġija ta’ Settembru 2011; Tevalwa l-għażliet għal mekkaniżmi volontarji ta' aggregazzjoni tad-domanda li jistgħu jżidu s-setgħa tan-negozjar tax-xerrejja Ewropej skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-liġi kummerċjali; Tippromwovi, flimkien mal-EEAS, l-użu aktar sistematiku tal-għodod tal-politika barranija li jappoġġjaw l-għanijiet tal-politika esterna tal-enerġija u ssaħħaħ il-koerenza bejn l-għanijiet tal-politika tal-enerġija u dawk tal-politika barranija. Tirrevedi d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija L-Istati Membri għandhom: Jinfurmaw lil xulxin dwar deċiżjonijiet importanti tal-politika tal-enerġija nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom filwaqt li jagħmlu użu sħiħ minn fora eżistenti ppreseduti mill-Kummissjoni; Jiżguraw li jinformaw fi stadju bikri lill-Kummissjoni qabel ma jinbdew negozjati dwar ftehimiet intergovernattivi li jkollhom impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija u jinvolvu lill-Kummissjoni fin-negozjati. Dan se jiżgura li l-ftehimiet ikunu konklużi b'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni.

Konklużjonijiet

F’dawn l-aħħar ftit snin sar progress kbir biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Minkejja dawn il-kisbiet, l-Ewropa baqgħet vulnerabbli għal xokkijiet tal-enerġija. L-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija għalhekk tistipula serje ta’ miżuri konkreti li jsaħħu r-reżiljenza tal-Ewropa u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija.

Is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni hija inseparabbli mill-qafas tal-2030 għall-klima u l-enerġija u għandha tiġi miftiehma flimkien mill-Kunsill Ewropew. It-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b’livelli baxxi ta’ karbonju se tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili importati billi timmodera d-domanda u l-isfruttar tal-enerġija rinnovabbli u sorsi ta’ enerġija indiġeni oħra.

Fuq medda ta' żmien qasir

1. Għax-xitwa li ġejja l-Unjoni għandha ttejjeb it-tħejjija tagħha għal interruzzjonijiet fil-provvisti tal-enerġija. Il-mekkaniżmi eżistenti Ewropej ta' emerġenza u solidarjetà għandhom jissaħħu fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju (testijiet tal-istress tas-sigurtà tal-enerġija) ikkoordinati mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, ir-regolaturi, it-TSOs u l-operaturi sabiex tiżdied ir-reżiljenza. L-Unjoni għandha wkoll tidħol f’kuntatt ma’ msieħba internazzjonali biex tiżviluppa mekkaniżmi ġodda ta’ solidarjetà għall-gass naturali u l-użu ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-gass;

2. L-investimenti ġodda ta’ infrastruttura promossi mill-fornituri dominanti kollha għandhom jirrispettaw is-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-proġett Southstream għandu jkun sospiż sakemm tiġi żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE u jiġi evalwat mill-ġdid fid-dawl tal-prijoritajiet tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

3. L-Unjoni għandha taħdem mill-qrib mal-ġirien tagħha u l-imsieħba fil-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari l-Ukraina u l-Moldova, sabiex ittejjeb is-sikurezza tal-enerġija. Il-ftehim reċenti dwar flussi fid-direzzjoni opposta bejn ir-Repubblika Slovakka u l-Ukraina għandu jiġi milqugħ tajjeb f’dan ir-rigward.

Fil-medda ta' żmien medju u fit-tul

4. L-Ewropa jeħtieġ li tikseb suq tal-enerġija aktar integrat u b'funzjonament aħjar. Il-proġetti prijoritarji għandhom jiġu aċċellerati biex jiġu konnessi l-gżejjer tal-enerġija eżistenti u jiġi żgurat it-twettiq tal-mira eżistenti ta' interkonnessjoni ta' mill-inqas 10% tal-kapaċità tal-produzzjoni installata tal-elettriku sal-2020. Sal-2030, l-Istati Membri għandhom ikunu fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 15%;

5. L-Unjoni għandha tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fornituri esterni partikolari billi tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, il-fornituri u r-rotot. B'mod partikolari, sħubija msaħħa man-Norveġja, aċċelerazzjoni tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u l-promozzjoni ta’ ċentru tal-gass ġdid fin-nofsinhar tal-Ewropa lkoll għandhom jiġu segwiti;

6. Is-sigurtà tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju għandha tingħata prijorità fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-UE fil-perjodu 2014-2020, b’mod partikolari bl-użu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020 u l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dawn għandhom iservu wkoll ta' gwida għall-interventi tal-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE bħall-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat u l-Faċilità ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp;

7. Iktar koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-enerġija hija meħtieġa biex tirrispondi b’mod kredibbli għall-isfida tas-sigurtà tal-enerġija. L-għażliet nazzjonali dwar it-taħlita tal-enerġija jew l-infrastruttura tal-enerġija jaffettwaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Unjoni kollha kemm hi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni meta jiġu biex jiddefinixxu strateġiji ta’ politika tal-enerġija fit-tul u meta jħejju ftehimiet intergovernattivi ma’ pajjiżi terzi. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu żgurati sinerġiji aħjar bejn l-għanijiet tal-enerġija u l-politika barranija u biex nitkellmu b'vuċi waħda mal-imsieħba tagħna.

__________________

Anness 1: Id-dipendenza fuq provvisti ta’ gass naturali mir-Russja

L-assi orizzontali: % tal-gass naturali fit-taħlita tal-enerġija – Assi vertikali: % ta' gass naturali mir-Russja fil-konsum tal-gass naturali nazzjonali - Daqs taċ-ċrieki: volum tal-gass naturali importat mir-Russja. Stimi bbażati fuq dejta tal-industrija preliminari għall-2013 u li jinkludu l-volumi tal-gass naturali nnegozjati minn kumpaniji Russi mhux neċessarjament prodotti fir-Russja.

Anness 2: Status tas-sigurtà ewleninja tal-proġetti ta’ infrastruttura tal-provvista

Proġetti tal-gass naturali

A || Proġetti għal medda ta' żmien qasira || (2014 – 2016) ||

# || Isem il-proġett || Dettalji || Konkluż sa

Is-suq tal-gass Baltiku

1 || LT: Bastiment tal-LNG || Bastiment (mhux PCI). Status: taħt kostruzzjoni || Tmiem l-2014

2 || Titjib tal-pajplajn Klaipėda-Kiemėna || Il-kapaċità għat-titjib tal-konnessjoni minn Klaipėda sal-interkonnettur LT-LV. Status: EIA u disinn tal-inġinerija || 2017

Għażla tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa

1 || PL: Terminal tal-LNG || Terminal f’Swinoujscie u pajplajn ta' konnessjoni (mhux PCI minħabba maturità). Status: taħt kostruzzjoni || Tmiem l-2014

2 || Interkonnettur EL-BG || Interkonnettur ġdid għas-sostenn tad-diversifikazzjoni u biex iwassal il-gass ta' Shah Deniz fil-Bulgarija. Status: permessi, EIA (dewmien ta' sentejn) || 2016

3 || Fluss fid-direzzjoni opposta EL-BG || Fluss fid-direzzjoin opposta permanenti fuq l-interkonnettur eżistenti (alternattiv/kumplimentari għall-IGB). Status: prefattibbiltà || 2014

4 || BG: titjib tal-ħżin || Żieda tal-kapaċità tal-ħżin f’Chiren; Status: prefattibbiltà || 2017

5 || Fluss fid-direzzjoni opposta HU-HR || Fluss fid-direzzjon opposta li jippermetti l-flussi tal-gass mill-Kroazja lejn l-Ungerija. Status: studji ta’ fattibbiltà. || 2015

6 || Fluss fid-direzzjoni opposta HU-RO || Fluss fid-direzzjon opposta li jippermetti l-flussi tal-gass mir-Rumanija lejn l-Ungerija. Status: studji ta’ fattibbiltà || 2016

7 || Interkonnettur BG-RS || Interkonnettur ġdid ta' sostenn għall-SoS fil-Bulgarija u s-Serbja. Status: EIA, rottar, finanzjament (maħruġa b’separazzjoni Srbijagas għal aċċess għall-finanzi) || 2016

8 || Interkonnettur SK–HU || Pajplajns ġodda b’żewġ direzzjonijiet. Status: taħt kostruzzjoni || 2015

B || Proġetti għal medda ta' żmien medju || (2017 – 2020) ||

# || Isem il-proġett || Dettalji || Konkluż sa

Is-suq tal-gass Baltiku

1 || Interkonnettur PL-LT || Pajpijiet ġodda b’żewġ direzzjonijiet (GIPL) li jtemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi. Status: fattibbiltà/FEED || 2019

2 || Interkonnettur FI-EE || Pajpijiet ġodda b’żewġ direzzjonijiet fil-baħar ("Balticconnector”). Status: prefattibbiltà/permessi || 2019

3 || Terminal tal-LNG Baltiku || Terminal tal-LNG ġdid b’lok li għad irid jiġi deċiż (EE/FI). Status: prefattibbiltà/permessi || 2017

4 || Interkonnettur LV-LT || Titjib tal-interkonnettur eżistenti (inkluż stazzjon tal-kompressur). Status: prefattibbiltà || 2020

Li jippermetti l-fluss tal-gass minn Spanja lejn it-Tramuntana

1 || Interkonnettur "Midcat" ES-FR || Interkonnessjoni ġdida (inkluż kompressur) li tkun tippermetti flussi bidirezzjonali[29] bejn Franza u Spanja. Status: studju ta’ fattibbiltà || tbd

Għażla tal-Clusters tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa

1 || Interkonnettur PL-CZ || Pajpajns ġodda bidirezzjonali bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja. Status: fattibbiltà/FEED, permessi (CZ) || 2019

2 || Interkonnettur[30] PL-SK || Pajpajns ġodda b’żewġ direzzjonijiet bejn is-Slovakkja u l-Polonja. Status: deċiżjoni finali dwar l-investiment fl-2014 || 2019

3 || PL: 3 pajplajns interni u stazzjon tal-kompressur || Rinforzi interni huma meħtieġa biex jgħaqqdu punti fuq il-kosta tal-Baltiku mal-interkonnetturi PL-CZ, PL-SK.. Status: prefattibbiltà || 2016-18

4 || TANAP (TR-EL) || Il-Pajp tal-Gass Naturali Trans-Anatolian li jwassal il-gass tal-Kaspju lill-UE li jgħaddi mit-Turkija u li jiftaħ il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Status: fattibbiltà/deċiżjoni finali dwar l-investiment || 2019

5 || TAP (EL-AL-IT) || Taqsima intra-UE tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Konnessjoni diretta mat-TANAP. Status: permessi || 2019

6 || IAP (AL-ME-HR) || Interkonnettur ġdid li jifforma parti miċ-Ċirkwit tal-Gass tal-Balkani u li hu konness mat-TAP. Status: fattibbiltà/FEED || 2020

7 || Terminal tal-LNG – HR || Terminal ġdid tal-LNG f’Krk li jsostni l-SoS u d-diversifikazzjoni fir-Reġjun. Status: fattibbiltà/FEED (kwistjonijiet ta' finanzjament) || 2019

8 || BG: sistema interna || Rijabilitazzjoni u espansjoni tas-sistema tat-trasport meħtieġa għal integrazzjoni reġjonali. Status: fattibbiltà/FEED || 2017 (tbc)

9 || RO: sistema interna u fluss fid-direzzjoni opposta lejn UA || Iintegrazzjoni tat-tranżitu Rumen u sistema ta’ trażmissjoni u fluss fid-direzzjoni opposta lejn l-Ukraina. Status: studju ta' fattibbiltà (kwistjonijiet regolatorji rigward il-fluss fid-direzzjoni opposta) || Tbd

10 || EL: stazzjon ta' kompressur || Stazzjon tal-kompressur f’Kipi li jippermetti konnessjoni mat-TANAP u t-TAP. Status: permessi || 2019

11 || EL: Terminal tal-LNG ta' Alexandroupolis || Terminal ġdid tal-LNG fit-tramuntana tal-Greċja. Status: permessi || 2016[31]

12 || EL: Terminal tal-LNG tal-Eġew || Terminal ġdid tal-LNG li jżomm f’wiċċ l-ilma fil-Bajja ta’ Kavala. Status: fattibbiltà/FEED, permessi || 2016[32]

Proġetti tal-elettriku

A || Proġetti għal medda ta' żmien qasira || (2014 – 2016) ||

# || Isem il-proġett || Dettalji || Konkluż sa

Li jtemm l-iżolament Baltiku

1 || Nordbalt 1&2 || Interkonnessjonijiet Svezja-Litwanja (mhux PCI) Status: taħt kostruzzjoni || 2015

2 || Interkonnessjoni LT-PL || Interkonnessjoni ġdida u stazzjonijiet tal-konverżjoni tat-tip back-to-back; stadju sussegwenti ppjanat għall-2020; rinforzi relatati huma meħtieġa fil-PL. Status: taħt kostruzzjoni || 2015 (l-ewwel stadju)

B || Proġetti għal medda ta' żmien medju || (2017 – 2020) ||

# || Isem il-proġett || Dettalji || Konkluż sa

Li jtemm l-iżolament Baltiku

1 || Linji interni fil-LV u SE || Żieda fil-kapaċità tal-interkonnessjoni LV-SE (Nordbalt). Status: fattibbiltà/FEED || 2019

2 || Interkonnessjoni EE-LV || Interkonnessjoni u rinforzi relatati fl-EE. Status: fattibbiltà/FEED || 2020

3 || Is-sinkronizzazzjoni tal-EE, LV, LT man-netwerks Kontinentali Ewropej || Sinkronizzazzjoni tal-Istati Baltiċi. Status: studji ta’ fattibbiltà || 2020 (tbc)

Li jtemm l-iżolament Iberiku

1 || Interkonnessjoni Franza - Spanja || Interkonnessjoni bil-cable taħt il-baħar HVDC bejn Aquitaine (FR) u l-Pajjiż Bask (ES) || 2020 (tbc)

[1]     23% enerġija li tiġġedded u 27% enerġija nukleari.

[2]     COM(2014) 15.

[3]     Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”, COM(2014)014

[4]     Stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 994/2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass

[5]     Id-Direttiva 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u/jew ta' prodotti petroliferi

[6]     Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE.

[7]     Din il-possibbiltà kienet enfasizzata fid-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-6 ta’ Mejju 2014 matul il-laqgħa Ministerjali tal-G7 dwar l-Enerġija li saret f'Ruma.

[8]     Id-Direttiva Nru 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom

[9]     Prinċipalment għat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma sħun domestiku.

[10]    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa”, paġna 11.

[11]    Minimu ta’ 12%, 15% jew 20% tal-allokazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għandu jkun investit biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha f’reġjuni anqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati tal-UE, rispettivament. Jekk il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) huwa użat għal investimenti bħal dawn, is-sehem jiżdied għal 15 % għal reġjuni inqas żviluppati.

[12]    Pereżempju, is-“self għar-rinnovazzjoni" huwa strument kummerċjalment disponibbli standardizzat abbażi ta’ mudell ta’ self bi qsim tar-riskji.

[13] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “It-twettiq tas-suq intern tal-elettriku u li jsir l-aħjar użu tal-intervent pubbliku”, C(2013)7243

[14]Eżempju prim ta’ din il-koperazzjoni reġjonali kien it-twaqqif bikri fl-2014, mill-operaturi tal-grilji u l-iskambi tal-enerġija minn sittax-il Stat Membru, tal-hekk imsejjaħ "akoppjar tas-swieq ta' jum minn qabel". 

[15] Id-dokument ta' gwida tal-Kummissjoni dwar “Ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali għall-infrastruttura tal-enerġija u Proġetti ta’ Interess Komuni” u dwar l-EIAs għal proġetti transkonfinali fuq skala kbira.

[16] Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lir-riżultati tal-"kontroll tas-saħħa" tas-settur li jinsab għaddej bħalissa.

[17] Il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”; COM(2011) 144 finali

[18] COM (2013) 17 finali

[19] Allokazzjoni transkonfinali tal-kost

[20] Bejn l-2001 u l-2012, il-produzzjoni tal-enerġija globali tal-UE naqset bi 15%

[21] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “It-twettiq tas-suq intern tal-elettriku u

li jsir l-aħjar użu ta’ intervent pubbliku, C(2013)7243

[22] 2013/30/UE

[23] L-istudju tal-JRC dwar il-gass mhux konvenzjonali u l-impatti potenzjali tiegħu fuq is-suq tal-enerġija fl-UE (EUR25305 EN)

[24] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjoni dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta’ tkissir idrawliku ta’ volum għoli fl-UE (COM(2014)23 finali u r-Rakkomandazzjoni 2014/70/UE tat-22 ta’ Jannar 2014).

[25]  http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/PCI_guidance.pdf  and http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/Transboundry%20EIA%20Guide.pdf

[26]    EU Energy, transport and GHG emissions trends to 2050 – Reference scenario 2013- European Commission (Ix-xejriet tal-emissjonijiet mill-GHG, mill-enerġija u mit-trasport tal-UE sal- 2050 - Xenarju ta’ referenza 2013- Il-Kummissjoni Ewropea)

[27]    Rapport mill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta’ Novembru 2011 [COM(2013) 638]

[28]    Ir-Rapport tal-Kunsill "Segwiment tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013: analiżi tal-iżviluppi dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE" adottat fit-12 ta' Diċembru 2013.

[29]    Fluss minn Spanja għal Franza f’każ ta’ kriżi tal-provvista fl-Ewropa tal-Punent/Ċentrali. Fluss minn Franza lejn Spanja għal arbitraġġ ta' prezzijiet għolja tal-gass fi Spanja. L“Artère du Rhône” jeħtieġ ukoll li tiġi msaħħa

[30]    Dawn iż-żewġ interkonnetturi (PL-CZ u PL-SK) se jippermettu l-flussi tal-gass bejn il-Baltiku u l-Adrijatiku, iżda il-gass minn DE-NL-NO jista' b’hekk jiġi trasportat ukoll biex tiżdied b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa kollha tal-Lvant (u tax-Xlokk)

[31]    Informazzjoni mogħtija mill-promoturi tal-proġett iżda l-bidu tal-proġett aktar raġonevolment mistenni wara l-2017.

[32]    Idem.

Top