Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0263

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw

    /* COM/2014/0263 final */

    52014DC0263

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw /* COM/2014/0263 final */


    1. Introduzzjoni 1.1. Ir-rwol tas-settur privat fit-trawwim tal-iżvilupp

    Huwa rikonoxxut b’mod wiesa' li xogħol deċenti huwa l-aħjar soluzzjoni biex wieħed jegħleb il-faqar. Is-settur privat jipprovdi madwar 90 fil-mija tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għalhekk huwa msieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar. Huwa meħtieġ ukoll bħala investitur fil-produzzjoni agrikola sostenibbli jekk id-dinja għandha tilqa’ l-isfida li titma' disa' biljun ruħ sal-2050. U permezz tal-innovazzjoni u l-investiment f’soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti, dan se jkollu rwol ewlieni fit-trasformazzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva. Minħabba l-potenzjal tas-settur privat biex jiġġenera tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-partijiet interessati privati inklużi n-negozji, l-intermedjarji finanzjarji, l-assoċjazzjonijiet u l-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem qed isiru dejjem aktar attivi fil-qasam tal-iżvilupp, kemm bħala sors ta’ finanzjament kif ukoll bħala sħab mal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u d-donaturi.

    1.2. L-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tas-settur privat: il-kisbiet u l-lezzjonijiet

    Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tgħinhom jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat. Hija tipprovdi finanzjament sostanzjali permezz ta’ għotjiet f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inklużi r-riformi regolatorji, il-bini tal-kapaċità u l-provvista ta’ servizzi ta’ żvilupp tan-negozju, b’enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-intrapriżi lokali mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Matul dawn l-aħħar 10 snin, l-appoġġ mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-settur privat kellu medja ta’ EUR 350 miljun fis-sena. Dan, flimkien mal-għajnuna għall-iżvilupp u l-investiment privat mill-Istati Membri, jagħmel lill-UE attur ewlieni fl-appoġġar tal-iżvilupp tas-settur privat lokali f’pajjiżi sħab. Mal-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ taħlit reġjonali, il-Kummissjoni bdiet ukoll tiżviluppa għodda ġodda għall-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp tas-settur privat. L-użu strateġiku ta’ għotjiet jippermetti lill-Kummissjoni tattira finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp għal investimenti fl-infrastruttura u tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. L-UE qed tibda tuża wkoll strumenti finanzjarji innovattivi, bħalma huma l-garanziji biex trawwem is-self lill-SMEs mill-banek kummerċjali, u l-kapital ta’ riskju biex tinvesti f’fondi li jsellfu lil proġetti għall-effiċjenza enerġetika tal-SMEs jew li jinvestu fihom. Iż-żieda fl-iskala ta’ taħlit fil-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ żvilupp tiffaċilita wkoll l-involviment tas-settur privat bħala sors ta’ finanzjament. Il-Komunikazzjoni turi eżempji ta’ suċċess tal-appoġġ tal-imgħoddi tal-UE għall-iżvilupp tas-settur privat li jistgħu jispiraw azzjonijiet futuri.

    Evalwazzjoni riċenti tal-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp tas-settur privat bejn l-2004 u l-2010[1] ikkonfermat il-kontribut importanti magħmul mill-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-settur privat fil-pajjiżi sħab, u identifikat modi kif jitjiebu l-programmi u l-istrateġiji futuri, li jinkludu: (i) issir enfasi ikbar fuq il-ħolqien tax-xogħol deċenti; (ii) jiġi integrat l-involviment tas-settur privat fil-portafoll ta' appoġġ tal-UE; (iii) jiġu promossi b'mod aktar effettiv kwistjonijiet trasversali bħall-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, l-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ, u d-drittijiet tal-bniedem, u (iv) jissaħħu l-effettività operattiva u l-impatt tal-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat billi jitjiebu d-dijanjostika u l-kejl tar-riżultati.

    2. Il-qafas strateġiku biex jissaħħaħ ir-rwol tas-settur privat bil-ħsieb li jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli

    Filwaqt li tibni fuq il-kisbiet u l-lezzjonijiet tal-passat, u b'kont meħud tar-rispons riċevut minn konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati[2] din il-Komunikazzjoni tipproponi qafas strateġiku biex jissaħħaħ ir-rwol tas-settur privat fil-kisba ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli. Dan jikkonsisti f’żewġ livelli li l-UE temmen li tista’ żżidilhom il-valur u tikkumplimenta b’mod effettiv azzjonijiet mill-Istati Membri tagħha, l-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp u sħab oħra tal-iżvilupp.

    F’termini ta’ appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, il-Kummissjoni trid li tibqa’ sieħeb importanti tal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-appoġġ tal-ħolqien ta' ambjent tan-negozju permissiv u l-iżvilupp ta’ intrapriżi lokali li huma mgħammra biex joħolqu impjiegi deċenti, jiġġeneraw dħul pubbliku, u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mis-swieq integrati globalment.[3] B’hekk, il-Kummissjoni se tfittex modi ġodda ta’ kif tisfrutta l-potenzjal tas-settur privat bħala msieħeb tal-finanzjament, aġent ta' implimentazzjoni, konsulent jew intermedjarju biex l-appoġġ tal-UE jitwassal b'mod aktar effettiv u effiċjenti, mhux biss fil-qasam tal-iżvilupp tas-settur privat lokali, iżda wkoll f’oqsma oħra tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE bħal mhuma l-enerġija sostenibbli, l-agrikoltura u n-negozju agrikolu sostenibbli, l-infrastruttura diġitali u fiżika, u s-setturi ekoloġiċi u soċjali.

    Il-qafas strateġiku propost imur lil hinn milli jqis is-settur privat bħala msieħeb fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u se jinkludi wkoll azzjonijiet u għodod biex jgħin lis-settur privat jilħaq riżultati tal-iżvilupp pożittivi bħala parti mill-istrateġiji kummerċjali ewlenin tiegħu. Dan ifisser li l-Kummissjoni beħsiebha jkollha rwol iktar b’saħħtu bħala faċilitatur tal-involviment tal-kumpaniji stess għall-iżvilupp, pereżempju billi tinkoraġġixxi l-investiment responsabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew il-katini tal-provvista u t-tendenzi ta’ produzzjoni sostenibbli.

    Dan il-qafas strateġiku huwa rifless fl-ipprogrammar tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE mill-2014 sal-2020 b’kunsiderazzjoni għall-istrateġiji ta’ żvilupp tas-settur privat nazzjonali u reġjonali bħall-ħidma konġunta tal-AKP-UE dwar qafas ġdid ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-settur privat fil-pajjiżi tal-AKP, fil-livell ta’ programmi tematiċi li jindirizzaw l-involviment tas-settur privat bħala kwistjoni trasversali, u f’interventi settorjali mfassla biex jintegraw l-involviment mas-settur privat fl-agrikoltura, l-enerġija sostenibbli, u l-infrastruttura, jew fis-setturi ekoloġiċi u soċjali.

    2.1. Il-prinċipji biex jissaħħaħ ir-rwol tas-settur privat fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE

    L-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp tas-settur privat u l-involviment tagħha kemm fis-settur privat lokali kif ukoll dak internazzjonali se jkunu ggwidati minn prinċipji ċari li jikkumplimentaw il-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna u huma maħsuba wkoll biex jispiraw sforzi mill-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet ta' finanzjament, u sħab oħra tal-iżvilupp tal-UE.  

    – Enfasi fuq il-ħolqien tal-impjiegi, l-inklużjoni u t-tnaqqis tal-faqar. Il-programmi u s-sħubijiet għandhom jitfasslu b’modi li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tranżizzjoni progressiva mill-ekonomija formali għal dik informali u l-awtonomità ekonomika tan-nisa u l-bniet, iż-żgħażagħ, u l-gruppi vulnerabbli.

    – Approċċ differenzjat lejn is-settur privat. L-attività tas-settur privat tista’ tieħu bosta għamliet u jkollha impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku f’diversi modi. Is-settur privat huwa differenti ħafna, li jvarja minn persuni intraprendenti għal korporazzjonijiet multinazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji kbar; minn intrapriżi li joħolqu l-valur għall-azzjonisti għal negozji soċjali li jiffokaw fuq in-nies, kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Dawn jistgħu joperaw fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, f’żoni rurali jew urbani, fis-settur formali jew informali u f’ħafna kuntesti ta’ pajjiżi differenti. Kull wieħed minn dawn l-atturi tas-settur privat jeħtieġ kundizzjonijiet u inċentivi differenti biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp, li jinvolvi approċċi differenti għall-appoġġ u l-impenn tagħhom għall-iżvilupp.

    – Il-ħolqien ta' opportunitajiet permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq. Filwaqt li l-interventi tad-donaturi ma għandhomx jgħawġu s-swieq, aktar enfasi għandha ssir fuq li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-għajnuna għall-iżvilupp biex jiġi katalizzat l-iżvilupp tas-suq fil-pajjiżi sħab. Għad hemm potenzjal li ma ġiex sfruttat biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju għall-intraprendituri lokali permezz ta’ programmi li jadottaw approċċi bbażati fuq is-suq għat-twassil tal-appoġġ tagħhom, pereżempju permezz tal-ħidma ma’ intrapriżi lokali bħala sħab ta’ implimentazzjoni jew fornituri ta’ xogħlijiet u servizzi, jew fi programmi soċjali billi jagħżlu trasferimenti ta’ flus kontanti minflok l-appoġġ in natura, peress li l-flus kontanti għandhom il-benefiċċju addizzjonali li jistimolaw il-poter tal-akkwist u għaldaqstant id-domanda fost il-popolazzjonijiet b'introjtu baxx.

    – Jiġu segwiti kriterji ċari fl-għoti ta’ appoġġ dirett lill-atturi tas-settur privat. Filwaqt li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp hija ġġustifikata b’mod ċar għal intervent fuq livelli makro u meso, tista’ wkoll tkun effettiva fil-livell mikro biex tħaffef l-iżvilupp tal-intrapriżi lokali jew biex tegħleb in-nuqqasijiet tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Madankollu, sabiex ikunu garantiti l-impatt tal-iżvilupp u s-sostenibbiltà, jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq, u jittaffew ir-riskji fiduċjarji u ta’ reputazzjoni, għandhom jiġu applikati kriterji ċari f’deċiżjonijiet dwar l-appoġġ għall-intrapriżi jew intermedjarji finanzjarji permezz ta’ għotjiet diretti jew servizzi ta’ żvilupp kummerċjali sussidjati, jew fil-forma ta’ garanziji, assigurazzjoni jew finanzjament konċessjonali. Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat sett ta’ kriterji biex jiggwidaw deċiżjonijiet bħal dawn. Dawn jikkumplimentaw ir-regoli stabbiliti fir-regolamenti finanzjarji tal-Kummissjoni[4] u huma ġeneralment allinjati mal-istandards applikati minn sħab oħrajn tal-iżvilupp (ara l-Kaxxa 1).

    – Jittieħed kont tal kuntesti lokali differenti u s-sitwazzjonijiet fraġli. Huwa essenzjali li ssir distinzjoni bejn il-kuntesti tal-pajjiżi fit-tfassil tal-appoġġ tal-iżvilupp għas-settur privat u li jiġu stabbiliti prijoritajiet skont il-ħtiġijiet u l-istadju tal-iżvilupp u l-grad ta’ vulnerabilità ta’ pajjiżi sħab sabiex jiġi żgurat l-ikbar impatt u l-aħjar valur għall-flus tal-appoġġ tal-UE. Huma meħtieġa approċċi speċifiċi b’mod partikulari għal pajjiżi fraġli u affettwati minn kunflitti li għandhom bżonn urġenti ta’ impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi biex jerġgħu jiksbu l-koeżjoni soċjali, il-paċi u l-istabbiltà politika.

    – Titpoġġa enfasi qawwija fuq ir-riżultati. L-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u s-sħubijiet iridu jkunu akkumpanjati f’kull livell minn sforzi biex jissaħħu r-riżultati tal-kejl u l-valutazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-interventi.

    – Rispett għall-koerenza tal-politika f’oqsma li jaffettwaw is-settur privat f’pajjiżi sħab. Barra milli jiġi żgurat li l-azzjoni tal-politika tal-UE ma taffettwax b’mod negattiv il-prospetti ta’ żvilupp ta’ pajjiżi sħab, il-koordinazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi relevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll mal-Istati Membri tal-UE, se tibqa' prijorità biex jiġi żgurat approċċ komprensiv tal-UE u biex l-iżvilupp u l-politiki rilevanti oħra tal-UE jsiru koerenti u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Investiment[5] tiddeskrivi approċċi li juru kif dan qed jiġi implimentat fir-rigward tal-politiki tal-kummerċ u l-investiment.

    Kaxxa 1: Kriterji għall-appoġġ ta’ atturi tas-settur privat

    (1) L-impatt li jista' jitkejjel tal-iżvilupp: L-appoġġ mogħti lil xi intrapriża privata jew intermedjarju finanzjarju għandu jikkontribwixxi b’mod kosteffettiv għall-kisba tal-għanijiet għall-iżvilupp bħalma huma l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekoloġiku u inklużiv jew iktar tnaqqis tal-faqar. Dan jirrikjedi trasparenza rigward l-għanijiet u r-riżultati, flimkien ma’ monitoraġġ, evalwazzjoni u arranġamenti tal-kejl tar-riżultati xierqa.

    (2) Addizzjonalità: Mingħajr appoġġ pubbliku intrapriża privata ma twettaqx l-azzjoni jew l-investiment, jew ma tagħmilx dan fuq l-istess skala, fl-istess ħin, fl-istess post jew skont l-istess standard. L-azzjoni appoġġata ma għandhiex teskludi s-settur privat jew tissostitwixxi l-finanzjament privat.

    (3) Newtralità: L-appoġġ mogħti ma għandux jgħawweġ is-suq u għandu jingħata permezz ta’ sistema miftuħa, trasparenti u ġusta. Għandu jkun ta’ natura temporanja bi strateġija ta’ ħruġ stabbilita b’mod ċar. L-appoġġ ġustifikat minn fallimenti tas-suq u r-riskji konsegwenti ma għandhomx ikollhom l-effett li jiskoraġġixxu l-isforzi ta’ riforma regolatorja li jindirizzaw il-kawżi tal-falliment tas-suq.

    (4) Interess komuni u kofinanzjament: Is-sħubijiet mas-settur privat għandhom ikunu bbażati fuq il-kosteffettività, interessi komuni u r-responsabbiltà reċiproka għar-riżultati. Ir-riskji, il-kosti u l-benefiċċji ta’ proġett konġunt għandhom jinqasmu b’mod ġust.

    (5) L-effett ta’ dimostrazzjoni: Azzjoni appoġġata għandu jkollha l-għan li jkollha effett ta’ dimostrazzjoni li jikkatalizza l-iżvilupp tas-suq billi jinkludi atturi oħra tas-settur privat għar-replikazzjoni u t-tkabbir tar-riżultati tal-iżvilupp.

    (6) L-aderenza ma’ standards soċjali, ambjentali u fiskali: L-intrapriżi privati li jirċievu appoġġ għandhom juru li l-operazzjonijiet tagħhom huma konformi ma’ standards ambjentali, soċjali u fiskali, inklużi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-popli indiġeni, ix-xogħol deċenti, governanza korporattiva tajba u normi speċifiċi għas-settur.

    2.2. L-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat fil-kooperazzjoni futura tal-UE għall-iżvilupp 2.2.1. Il-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju li jiffavorixxi l-inizjattiva tas-settur privat

    L-għoti ta’ appoġġ biex jitjieb l-ambjent tan-negozju u investiment, speċjalment għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u t-tisħiħ ta’ organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju u ta’ appoġġ, se jibqgħu pilastri essenzjali tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tas-settur privat. Dan l-approċċ jista’ jsir aktar effettiv billi titjieb il-kwalità tad-dijanjostiċi tal-pajjiż u s-settur għall-prijoritizzazzjoni tar-riformi, u permezz tal-involviment tas-settur privat fid-djalogu pubbliku-privat orjentat lejn l-azzjoni fil-livell tat-tfassil tal-politika. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tikkontribwixxi għat-titjib tal-għodod ta’ politika disponibbli għall-kejl u t-tqabbil tal-kwalità tal-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi.

    Bil-ħsieb li jiġu kkombinati b’mod effettiv ir-riformi fl-ambjent tan-negozju mal-appoġġ għal aspetti oħra tal-klima ta’ investiment bħall-iżvilupp tas-suq finanzjarju, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u t-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet legali u ġuridiċi, il-Kummissjoni se tfittex sinerġiji bejn l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat tagħha, l-għajnuna għall-aġenda tal-kummerċ, l-appoġġ baġitarju u d-djalogu politiku assoċjati mal-pajjiżi sħab. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-bini tal-istituzzjonijiet domestiċi u l-oqfsa legali li jippermettu li s-swieq isiru aktar effiċjenti u aktar ġusti jeħtieġ governanza u sjieda tajba mill-gvernijiet sħab. Din tinsab lesta li tipprovdi appoġġ fejn ikun hemm ir-rieda politika għal riforma, flimkien ma’ sforzi biex jiġu implimentati r-regoli u l-linji gwida miftehma internazzjonalment bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni. Din ukoll se tagħmel użu aħjar tal-analiżi tal-ekonomija politika fit-tfassil ta’ programmi għall-iżvilupp tas-settur privat.

    Fil-Paragwaj, Programm ta’ Integrazzjoni Ekonomika ffinanzjat mill-UE, appoġġa l-ħolqien ta’ Opportunità Unika għall-Esportazzjonijiet, li naqqas il-ħin totali għall-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jiġi esportat il-laħam minn 40 jum għal 50 minuta u ta spinta lin-numru ta’ intrapriżi fil-Paragwaj orjentati lejn l-esportazzjonijiet b’500 % mill-2004, li rriżulta f’żieda sinifikanti fl-esportazzjoni.

    Fit-Tuneżija, l-industrija tal-mikrofinanza kienet sottożviluppata­, b'biss żewġ Fornituri tas-Servizzi Finanzjarji jaqdu madwar 300 000 klijent. Grazzi għad-djalogu politiku mal-UE, u fil-qafas ta' operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju b'donaturi konġunti li tnedew qabel ir-rivoluzzjoni, il-gvern fl-2011 irriforma l-qafas legali u regolatorju għall-industrija nazzjonali tal-mikrofinanza skont l-aħjar prattika internazzjonali biex l-operaturi ġodda jitħallew jaqdu d-domanda li ma kinitx qed tiġi sodisfatta (stmata għal 700 000 klijent) għal mikrofinanza minn gruppi vulnerabbli.

    Restrizzjonijiet fuq it-tkabbir tas-settur privat jistgħu jirriżultaw mhux biss mill-ambjent tan-negozju ġenerali, iżda wkoll minn nuqqasijiet fl-industrija jew oħrajn speċifiċi għas-settur fl-infrastruttura tal-appoġġ. Mhux kull settur jew industrija f’ekonomija għandu l-istess potenzjal għaż-żieda fil-produttività u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti. L-appoġġ lill-gvernijiet sħab m’għandhux biss jitlaqqat minn domanda politika iżda għandu jwieġeb ukoll għal analiżi xierqa tal-vantaġġ komparattiv latenti ta’ pajjiż. Għandha tingħata prijorità lit-tneħħija tal-limitazzjonijiet f’dawk is-setturi li għandhom l-akbar potenzjal biex jikkontribwixxu għat-tkabbir immexxi mis-settur privat u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti f’pajjiż partikolari.

    Ir-raggruppamenti industrijali jistgħu jkunu soluzzjoni promettenti kif jinbnew alleanzi strateġiċi għall-provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ speċifiċi għas-settur u aċċess għall-ktajjen globali ta’ valur. Huma meħtieġa wkoll oqfsa regolatorji speċifiċi għall-industrija xierqa u prevedibbli biex jippermettu li jinstabu soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq effettivi u sostenibbli għall-elettrifikazzjoni rurali, l-enerġija urbana sostenibbli, jew l-aċċess għall-finanzi u s-servizzi infrastrutturali bħat-telekomunikazzjonijiet mobbli, l-ilma, it-trasport, l-enerġija u d-djar.

    Azzjoni 1:  Servizzi finanzjarji konsultattivi u għodod dijanjostiċi avvanzati għall-formulazzjoni tal-politika biex jgħinu lill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju jtejbu r-regolamenti kummerċjali domestiċi u l-infurzar tagħhom biex tiżdied iċ-ċertezza legali, titjieb il-klima tan-negozju u titnaqqas l-ispiża tal-kummerċ.

    2.2.2. Żieda fl-appoġġ għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fis-settur formali u informali

    Interventi fuq livell makro u settorjali biex jissaħħaħ l-ambjent tal-kummerċ jeħtieġu dispożizzjoni komplementari ta’ servizzi ta’ appoġġ fil-livelli meso u mikro biex tiżdied il-produttività u jiġu aċċellerati l-investiment u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti. Se ssir enfasi fuq l-appoġġ lejn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, li għandhom rwol partikolarment importanti fil-ħolqien tal-impjiegi, u fiż-żieda tal-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija informali. Fl-għoti ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-intrapriżi, il-Kummissjoni se taħdem kemm jista’ jkun permezz ta’ intermedjarji kummerċjali u fornituri tas-servizz eżistenti, biex b’hekk jitqiesu l-lezzjonijiet meħuda mill-ħolqien tal-istrutturi ta’ appoġġ tagħha stess li għandhom kost amministrattiv kbir. Se tippromwovi approċċi bbażati fuq is-suq li jeħtieġu li l-benefiċjarji tas-settur privat jaqsmu l-kost tas-servizz li jirċievu.

    L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-appoġġ tal-SMEs Ewropej tista’ tipprovdi lezzjonijiet utli wkoll għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Pereżempju, l-appoġġ pubbliku pprovdut min-Netwerk Enterprise Europe jista’ jservi ta' mudell ukoll biex jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni tal-SMEs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kumpaniji Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-intrapriżi lokali f’pajjiżi sħab permezz tal-integrazzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fil-ktajjen ta’ provvista tagħhom, speċjalment fis-setturi tal-agrikoltura u agroalimentari, kif ukoll permezz tat-trasferiment tat-teknoloġija inklużi l-ekoinnovazzjonijiet jew is-soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll ma’ istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi dwar programmi bħall-Inizjattiva għan-Negozji Żgħar tal-BERŻ li fiha l-fondi tal-UE jintużaw għal servizzi konsultattivi, magħmula apposta għal setturi u pajjiżi speċifiċi. Huwa neċessarju wkoll li titħeġġeġ kollaborazzjoni akbar bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar bejn il-kumpaniji, pereżempju fil-forma ta’ arranġamenti ta’ ġemellaġġ dwar il-coaching u t-taħriġ fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tuża l-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab biex isaħħaħ l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali nazzjonali skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa mill-intrapriżi formali u informali.

    Il-Programm ta’ Tkabbir għall-Intrapriżi u s-Servizzi Konsultattivi dwar in-Negozju (Enterprise Growth Programme and Business Advisory Services, EGP-BAS) jipprovdi servizzi ta’ konsulenza lill-SMEs mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u jgħinhom biex jiżviluppaw u jtejbu n-negozji tagħhom. Sal-lum, aktar minn 600 SME bbenefikaw minn dan l-appoġġ, bir-riżultat pendenti li 90 % minnhom żiedu l-fatturat tagħhom b'medja ta' 43 % wara sena.

    Fit-Tanzanija, il-Programm ta' Appoġġ għall-Kummerċ u l-Agrikoltura kkontribwixxa sabiex itejjeb l-istandards tal-kwalità u jżid il-produttività fil-katini ta’ valur tat-tè u l-kafè b’50 %. Barra miż-żieda fl-aċċess għas-swieq internazzjonali, l-introjtu nett tal-bdiewa żgħar żied b’mill-inqas 20 % b’impatt dirett fuq l-assi tal-familji, l-awtonomità tan-nisa, l-edukazzjoni aħjar tat-tfal u s-sigurtà mtejba tal-ikel.

    Stima ta’ 60 sa 80 fil-mija tal-intrapriżi fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw huma kumpaniji informali. Dawn jirrappreżentaw potenzjal enormi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u l-fatt li huma joperaw barra mill-liġi formali ma għandux jeskludihom mill-appoġġ permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp. Hija meħtieġa kombinazzjoni ta’ miżuri, minn naħa, biex iżżid l-inċentivi għall-formalizzazzjoni mmexxija minn istituzzjonijiet effettivi, sistemi legali, u drittijiet sikuri tal-proprjetà, speċjalment għall-art, li tista' tintuża bħala kollateral għal self. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jitjiebu l-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur informali permezz ta’ ambjent tax-xogħol aktar sikur u aċċess aktar faċli għas-swieq, il-finanzi, l-infrastruttura u s-servizzi soċjali. Metodu utli biex jitwassal l-appoġġ huwa permezz tat-taħriġ u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet ta’ appoġġ informali, bħall-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet ta’ awtoassistenza li huma propjetà tal-membri. Il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali u forom oħra ta’ negozji li jiffokaw fuq in-nies ta’ spiss ikunu minn ta’ quddiem biex jipprovdu impjiegi deċenti, għajxien sostenibbli u soluzzjonijiet inklużivi għall-problemi soċjali.

    Azzjoni 2:        Skemi ta' kofinanzjament ibbażati fuq is-suq għal intrapiriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex jaċċessaw servizzi ta’ appoġġ għan-negozju mill-fornituri lokali inklużi l-organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju, l-inkubaturi, l-organizzazzjonijiet informali ta’ awtoassistenza u l-kooperattivi biex iżidu l-ħiliet ta’ ġestjoni, l-għarfien teknoloġiku u l-konnessjonijiet mas-suq għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-settur formali u dak informali.

    Azzjoni 3:        Appoġġ għall-alleanzi bejn kumpaniji u fornituri ta’ taħriġ relevanti biex jiżviluppaw u jimplimentaw edukazzjoni teknika u vokazzjonali u programmi ta’ taħriġ li jiddependu fuq id-domanda.

    2.2.3. L-awtonomità tan-nisa bħala intraprendituri u ħaddiema

    Bħala parti mill-appoġġ tagħha għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp tagħhom, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-intraprenditorija femminili u l-impjiegi għan-nisa. Tipikament, in-nisa huma sottorappreżentati fil-komunitajiet tan-negozju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan spiss huwa riżultat ta’ differenzi legali f'kif jiġu trattati l-irġiel u n-nisa li jxekklu l-opportunitajiet tan-nisa biex jiftħu negozji ġodda, biex ikunu sidien ta’ proprjetà u art, jew biex jiksbu aċċess għall-kreditu, u b’hekk huma ostakolu kbir għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kummissjoni se tinsisti għal regolamentazzjoni dwar in-negozju sensittiva għall-ġeneru, u se tindirizza t-taħriġ u l-ħtiġijiet ta’ appoġġ speċifiċi tan-nisa bħala intraprendituri u ħaddiema biex tiżgura li l-aħħar titjib fl-edukazzjoni tal-bniet verament jissarraf f’opportunitajiet ekonomiċi reali għan-nisa.

    2.2.4. Żieda fl-aċċess għall-finanzi u l-approfondiment tal-inklużjoni finanzjarja

    In-nuqqas ta’ aċċess għall-kapital u servizzi finanzjarji xierqa jikkostitwixxi limitu kbir b’mod partikolari fuq l-iżvilupp ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kummissjoni tappoġġa aċċess usa’ għal sensiela diversifikata ta’ servizzi finanzjarji kemm għall-familji kif ukoll għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, b’interventi li jvarjaw mit-tisħiħ tal-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji għall-għoti ta’ kapital lill-banek lokali għall-finanzjament ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, il-programmi futuri se jiffokaw fuq l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (information and communication technologies, ICTs) bħala għodda biex tinkiseb l-inklużjoni finanzjarja tal-foqra, speċjalment fl-Afrika, fejn diġà qed jibdlu drammatikament il-pajsaġġ finanzjarju. Se titpoġġa wkoll enfasi partikolari fuq mudelli ċċentrati fuq il-konsumatur biex jiġu promossi servizzi inklużivi, ta' kreditu, ta' tfaddil, ta' assigurazzjoni u ta' ħlas, kif ukoll fuq kif it-trasferiment tar-rimessi jistgħu jorħsu, jsiru aktar malajr u jkunu aktar sikuri filwaqt li jiġi ffaċilitat l-investiment produttiv tagħhom. Dawn l-attivitajiet se jkunu kkumplimentati mill-appoġġ għall-ħolqien ta’ infrastruttura finanzjarji xierqa u qafas regolatorju għas-settur finanzjarju sabiex ikunu żgurati l-ħarsien tal-konsumatur, finanzi responsabbli u l-istabilità fit-tul tas-sistema finanzjarja.

    Fl-Afrika t’Isfel, il-Faċilità tal-Kapital tar-Riskju stabbilita mill-gvern b’finanzjament mill-UE biex tippromwovi l-parteċipazzjoni ta’ persuni żvantaġġati fl-ekonomija, b’enfasi speċifika fuq in-nisa, ipprovdiet ekwità jew kważi-ekwità lill-60 intrapriża, u wasslet għall-ħolqien ta’ 7 000 impjieg ġdid. MX Metal Shoppe, pereżempju, irċeviet self subordinat ta' EUR 200 000 li ppermetta lill-kumpanija li tattira finanzjament addizzjonali għax-xiri ta’ tagħmir ġdid, u tkopri r-rekwiżiti tal-kapital tax-xogħol u l-kostijiet inizjali ta' twaqqif. Wara 18-il xahar ta’ operazzjoni, 52 persuna bla sengħa ġew impjegati u n-negozju qed jagħmel profitt u qed jikber b’rata mgħaġġla.

    Permezz tal-programm ta’ Mikrofinanzjament AKP-UE, l-UE ffinanzjat proġett li jipprovdi bini ta’ kapaċità lil 12-il istituzzjoni ta’ mikrofinanzjament f’żoni mbiegћda fi 12-il pajjiż tal-Afrika sub-Saħarjana u f’Haiti. L-UE appoġġat ukoll il-ħolqien ta’ 14-il prodott finanzjarju ġdid bħal krediti għal tankijiet tal-ilma u miżati tal-iskola, depożiti fissi u servizzi ta' trasferiment. Aktar minn 750 membru tal-persunal ta’ istituzzjonijiet mikrofinanzjarji bbenefikaw mit-taħriġ, filwaqt li 120 000 klijent ġdid f’żoni rurali bbenefikaw minn aċċess aħjar għal servizzi finanzjarji innovattivi.

    It-taħlit ta' għotjiet tal-UE ma’ sorsi oħra ta’ finanzi għall-iżvilupp diġà wera li hu metodu ta’ suċċess biex jiżdied l-aċċess għall-finanzi, pereżempju permezz ta’ faċilitajiet ta’ garanzija u fondi mikrofinanzjarji. Se tingħata aktar attenzjoni lill-finanzjament ta’ intraprendituri nisa, lill-finanzjament ta' impatt għall-intrapriżi soċjali u investimenti b’impatt qawwi[6], kif ukoll lit-titjib tal-aċċess għal finanzjament ta’ self u ekwità għall-SMEs imsemmija bħala “n-nofs nieqes”, billi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom tipikament ma jintlaħqux mill-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji jew mill-banek tradizzjonali.

    Azzjoni4:   Isir użu strateġiku tal-għotjiet tal-UE, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ taħlit, biex jitjieb l-aċċess għas-self, il-finanzjament għall-ekwità, il-garanziji u "patient capital" għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju wkoll f’pajjiżi b’riskju għoli u permezz tal-finanzjament tal-impatt ta’ intrapriżi soċjali.

    Azzjoni5:   Jiżdied l-appoġġ għal finanzjament inklużiv, b’enfasi partikolari fuq l-inklużjoni finanzjarja tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-popolazzjonijiet rurali.

    2.3. L-integrazzjoni tal-iżvilupp tas-settur privat u l-involviment fil-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp

    Jeżistu opportunitajiet biex jissaħħaħ ir-rwol tas-settur privat bil-ħsieb li jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-maġġoranza tal-oqsma ta’ appoġġ tal-UE. Is-settur privat għandu rwol b'saħħtu fl-agrikoltura u l-kummerċ agrikolu, l-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura u s-setturi soċjali, u huwa wkoll prominenti fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-ġestjoni tar-riskju[7], il-materja prima[8], ir-riżorsi naturali, il-kura tas-saħħa u l-farmaċewtiċi, it-turiżmu sostenibbli, u n-nutrizzjoni. Il-Kummissjoni, skont il-politiki tal-gvernijiet sħab, se tiżviluppa mezzi biex tintegra b'mod aħjar l-għanijiet tal-iżvilupp tas-settur privat fl-istrateġiji ta’ appoġġ, u se tidentifika modi kif jintuża s-settur privat bħala sieħeb ta’ implimentazzjoni u finanzjament f’dawn l-oqsma.

    F’dan il-kuntest, sehem akbar ta’ faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE jista' jiġi allokat għal strumenti finanzjarji bħal self, garanziji, strumenti ta’ qsim tar-riskju, u strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità. Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dawn l-istrumenti huwa li jiġi kkatalizzat l-investiment privat li wera li huwa finanzjarjament vijabbli iżda li ma jagħtix lok għal finanzjament suffiċjenti mis-sorsi tas-suq. L-aċċess għall-finanzi u l-istrumenti ta’ qsim tar-riskju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa wkoll prerekwiżit importanti għall-investituri tal-UE li jixtiequ jidħlu f’dawn is-swieq. Dan huwa partikolarment minnu għal oqsma bħall-kostruzzjoni, inkluż it-trasport, l-utilitajiet u l-bini, karatterizzati minn kontenut għoli ta’ investimenti bil-quddiem, espożizzjoni għolja għar-riskju, u ta’ sikwit kompetizzjoni internazzjonali inġusta li jeħtieġu azzjoni li tiżgura kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd.

    2.3.1. L-involviment tas-settur privat fl-enerġija sostenibbli

    Azzjoni6:   Tiżdied il-provvista ta’ kapital ta’ riskju permezz tal-investiment privat għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli u l-proġetti ta' elettrifikazzjoni rurali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, wara l-eżempju ta’ suċċess tal-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF).

                          Jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-qsim tar-riskju ma’ Istituzzjonijiet Ewropej ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp biex jiżdied l-investiment privat fi proġetti relatati mal-enerġija.

    2.3.2. L-involviment tas-settur privat fl-agrikoltura sostenibbli u fl-agronegozju

    Azzjoni 7:        Issir rabta bejn il-bdiewa u s-swieq permezz ta’ mudelli mmexxija mis-suq bħall-inizjattivi żviluppati fil-qafas tal-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura tal-Afrika.

                          Tinbena l-kapaċità tal-SMEs fl-agronegozju u l-bdiewa ż-żgħar u jitjieb l-aċċess tagħhom għall-finanzi, l-informazzjoni dwar is-suq u t-teknoloġiji.

                          Jitħaffef il-kummerċ sostenibbli lokali u dinji fil-prodotti agrikoli permezz tal-appoġġ għall-koalizzjonijiet ta’ kumpaniji, l-NGOs, il-produtturi, il-gvernijiet u l-partijiet interessati l-oħra.

                          Jiġu żviluppati u ffinanzjati strumenti tal-ġestjoni tar-riskju bħall-assigurazzjoni tal-prezz, it-temp u kontra d-diżastri.

                          Jingħata appoġġ lil PPPs u mudelli tan-negozju inklużivi b’rikonoxximent xieraq ta’ proċessi bħalma huma l-linji gwida volontarji dwar il-governanza responsabbli tal-pussess tal-art, iż-żoni ta' sajd u l-foresti, l-investiment agrikolu responsabbli u l-Inizjattiva dwar il-Politika tal-Art Afrikana.

    2.3.3. L-involviment tas-settur privat fis-setturi tal-infrastruttura

    Azzjoni 8:        Tingħata spinta lill-għarfien u l-kapital tas-settur privat għal investimenti tal-infrastruttura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ faċilitajiet ta’ taħlit reġjonali tal-UE bħall-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura bejn l-UE u l-Afrika.

                         Tintlaħaq il-mira li jiddaħħlu kuntratti ta' disinn, bini u tħaddim, kif ukoll kunċetti ta’ sostenibbiltà u spejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja fil-proċeduri ta’ akkwist tal-UE.

                         Jiġu promossi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija spazjali għall-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ programmi ta’ riċerka, it-trasferiment tat-teknoloġija, il-bini tal-kapaċità, u inizjattivi konġunti tan-negozju, inkluż l-iżvilupp ta’ infrastruttura għan-navigazzjoni bis-satellita u servizzi ta’ Osservazzjoni tad-Dinja.

    2.3.4. L-involviment tas-settur privat fis-setturi ekoloġiċi

    Azzjoni 9:        Jiġu promossi l-intraprenditorjat ekoloġiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi permezz tal-programm emblematiku SWITCH TO GREEN li jibni fuq l-esperjenza pożittiva tal-Programm SWITCH-Asia u jgħaqqad id-djalogu politiku dwar il-kundizzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp tan-negozju ekoloġiku mal-kofinanzjament ta’ proġetti innovattivi li jappoġġaw mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli u l-prattiki f’pajjiżi sħab.

                          Jingħata appoġġ lill-ġestjoni ta’ żoni protetti u ta' bijodiversità sensittiva oħra, fost l-oħrajn, permezz tal-programm emblematiku tematiku “Bijodiversità għall-Ħajja” li jinvolvi s-settur privat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Ħlasijiet għall-iskemi tas-Servizzi tal-Ekosistemi, il-ġestjoni bbażata fuq il-komunità tar-riżorsi naturali, u sħubiji pubbliċi-privati.

    2.4. L-ispinta għall-involviment tas-settur privat għall-iżvilupp 2.4.1. Il-promozzjoni ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli permezz tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

    L-investiment privat f’pajjiżi bi dħul baxx u medju, kemm domestiku kif ukoll internazzjonali, kiber b'aktar minn tliet darbiet matul l-aħħar għaxar snin, u issa jammonta għal aktar minn nofs ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jaqbeż bil-qabda l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.[9] Anki bidla żgħira fl-istrateġiji ta’ investiment privat tista’ tbiddel b’mod sinifikanti l-impatt ta’ dawn l-investimenti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    L-istrateġija tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-UE (Corporate Social Responsibility, CSR)[10] tipprovdi bażi tajba għall-involviment responsabbli ta’ kumpaniji Ewropej fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jirrispettaw il-linji gwida u l-prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment, inklużi l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji Rigward Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali u l-Linji Gwida għal Intrapriżi Multinazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD). Il-Kummissjoni miexja lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, inkluż l-appoġġ tal-żvilupp għas-settur privat. Tistenna wkoll li l-kumpaniji kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. Il-kumpaniji li jinvestu jew li joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ politiki biex jipprevjenu t-tixħim u l-evażjoni tat-taxxa, u sistemi biex jivvalutaw ir-riskji u jtaffu l-impatti potenzjali bil-kontra relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-aspetti relatati mad-diżastri tal-operazzjonijiet u l-ktajjen ta’ valur tagħhom, inkluż permezz ta’ involviment sinifikattiv mal-gvernijiet, is-sħab tad-djalogu soċjali u l-NGOs. L-aderenza ma’ standards soċjali, ambjentali u fiskali hija wkoll meqjusa bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe involviment tal-UE mas-settur privat jew appoġġ pubbliku għalih. Il-prattiki ta’ negozju responsabbli mill-kumpaniji għandhom jissaħħu permezz tal-promozzjoni tal-għarfien tal-konsumatur dwar mudelli u prattiki ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, u l-promozzjoni tal-kummerċ etiku u ekwu.

    L-isforzi volontarji minn kumpaniji biex jadottaw prattiki ta’ negozju  aktar responsabbli u sostenibbli għandhom isiru flimkien mat-titjib fit-trasparenza tan-negozju u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll sforzi biex jiġu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u ambjentali fid-djalogu politiku tal-UE mal-pajjiżi sħab u permezz tal-politika tal-kummerċ tal-UE. Id-dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli huma wkoll inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE reċenti[11], u xi skemi ta' preferenza ta' kummerċ awtonomu tal-UE[12] jinvolvu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol internazzjonali, kif ukoll konvenzjonijiet ambjentali u ta' governanza tajba. Se jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati prattiki ġusti u trasparenti fl-impjieg u t-trattament ta’ ħaddiema migranti.

    Il-prattiki ta’ negozju responsabbli jistħoqqilhom attenzjoni u azzjoni speċifika f’ċerti industriji bħat-tħaffir fil-minjieri u l-qtugħ tas-siġar fejn l-opportunitajiet u r-riskji għall-investiment privat għall-iżvilupp huma partikolarment għolja. Billi tibni fuq l-appoġġ kontinwu għal inizjattivi bħalma huma l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industrija tal-Estrazzjoni (Extractive Industry Transparency Initiative, EITI), il-Proċess Kimberly, u l-Infurzar tal-Liġi tal-UE dwar il-Foresti, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Governanza u l-Kummerċ (Forest Law Enforcement, Governance and Trade, FLEGT), il-Kummissjoni se żżid l-isforzi biex ittejjeb it-trasparenza fl-industriji tal-estrazzjoni (żejt, gass u minjieri) u s-settur tal-foresti billi tippermetti l-użu effettiv tal-informazzjoni ġġenerata mill-EITI u żvelata minn kumpaniji fuq il-pagamenti tagħhom lill-gvernijiet mill-isfruttament tar-riżorsi naturali bħala parti mir-rekwiżiti leġiżlattivi ġodda tal-UE dwar ir-rappurtar għal kull pajjiż. Barra minn hekk, ġew adottati dan l-aħħar Komunikazzjoni Konġunta dwar il-provenjenza responsabbli ta’ minerali minn żoni ta’ kunflitt u riskju għoli u l-proposta għal Regolament relatat.[13]JOIN(2014) 8, 28.2.2014 u COM(2014) 111, 5.3.2014

    Azzjoni10:       Jiġu promossi l-linji gwida u l-prinċipji internazzjonali tas-CSR permezz tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, u jitjieb il-premju tas-suq għas-CSR fl-akkwist pubbliku u permezz tal-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli.

    2.4.2. Żieda fin-negozju inklużiv u fis-soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq għall-iżvilupp

    Biex it-tkabbir ikun inklużiv, irid jagħti opportunitajiet ekonomiċi li jwasslu għal livelli ta' għajxien sostenibbli, speċjalment għall-fqar. Is-settur privat jista’ jikkontribwixxi direttament għat-tkabbir inklużiv billi jinvolvi ruħu f’attivitajiet ekonomiċi li għandhom impatt immedjat fuq il-foqra billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi tagħhom bħala klijenti fuq in-naħa tad-domanda, u bħala produtturi, distributuri jew ħaddiema fuq in-naħa tal-provvista. Ħafna Stati Membri tal-UE diġà qed jaħdmu ma’ kumpaniji permezz ta’ diversi programmi ta’ sħubija dwar l-ittestjar ta’ mudelli ta’ negozju inklużiv bħal dawn.[14] Il-Kummissjoni jista’ jkollha rwol komplementari billi tgħin biex tinbena ekosistema ta’ istituzzjonijiet lokali ta’ appoġġ għan-negozji inklużivi permezz tal-programmi tagħha għall-iżvilupp tas-settur privat. Barra minn hekk, din se tappoġġa r-replikazzjoni u t-tkabbir tal-mudelli ta’ negozju inklużiv ta’ suċċess billi ssaħħaħ in-netwerks u l-pjattaformi li jiffaċilitaw id-djalogu fis-settur privat u l-qsim tal-għarfien, jipprovdu trasparenza dwar is-servizzi ta’ appoġġ eżistenti u l-opportunitajiet ta’ finanzjament, u jiffaċilitaw sħubijiet bejn il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet tal-finanzjament, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, l-NGOs, id-donaturi u/jew il-gvernijiet.

    Azzjoni 11:     Jiġu appoġġati r-replikazzjoni u t-tkabbir ta’ mudelli ta’ negozju inklużiv ta’ suċċess, soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq is-suq għal problemi ta’ żvilupp bit-tisħiħ tal-pjattaformi tas-settur privat orjentati lejn l-azzjoni u netwerks li jiffaċilitaw il-qsim tal-għarfien, is-sħubijiet u l-ġemellaġġ bejn negozji u atturi oħra.

    2.4.3. L-iffaċilitar tas-sħubijiet pubbliċi - privati (PPPs) u alleanzi b’diversi partijiet interessati

    Is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat bil-għan li jiġu magħmul proġetti jew jingħata servizz li tradizzjonalment jiġi pprovdut mis-settur pubbliku jistgħu jkunu mezz effettiv ta’ kif il-provvista ta’ prodotti u servizzi pubbliċi lill-persuni foqra issir aktar kredibbli u affordabbli, filwaqt li r-riżorsi tal-gvern jiġu kkumplimentati b’investiment mis-settur privat. Is-settur tal-kostruzzjoni u l-ekonomija b’livell baxx tal-karbonju u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti huma eżempji fejn l-għarfien espert Ewropew, permezz ta’ PPPs, jista' jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi f’oqsma bħalma huma dawk tal-enerġija rinnovabbli, il-bini ekoloġiku, jew servizzi oħra tal-infrastruttura bħalma huma l-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u t-trasport.

    F’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna teknika lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom, u twaqqaf oqfsa legali u regolatorji u linji gwida għall-PPPs, tippromwovi mekkaniżmi ta’ djalogu bejn is-settur pubbliku u dak privat biex jiġu esplorati opportunitajiet għal PPPs u tiffavorixxi riformi fil-qafas legali u regolatorju, u tuża l-istrumenti finanzjarji biex tattira finanzjament privat għal proġetti ta’ infrastruttura billi ssaħħaħ is-self mis-settur privat u operazzjonijiet ta' ekwità ta’ istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli permezz ta' faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE. Dawn l-attivitajiet se jkunu jridu jiġu kkumplementati minn sforzi mmirati lejn it-titjib tal-għarfien espert, it-trasparenza u l-governanza fis-settur pubbliku biex ikun żgurat li l-inċentivi tal-profitt ta’ atturi privati jikkoinċidu mal-interessi pubbliċi.

    Il-Kummissjoni tħares lil hinn mill-PPPs klassiċi fis-setturi tal-infrastruttura u se tappoġġa forom ġodda ta’ sħubijiet u alleanzi ta' diversi partijiet interessati bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-intrapriżi u l-NGOs għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-provvediment ta’ servizzi bażiċi, bħall-aċċess għal enerġija sostenibbli u affordabbli, l-ilma, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll fl-oqsma tal-agrikoltura u n-nutrizzjoni speċjalment f’żoni rurali, lin-nisa u gruppi esklużi oħra.

    2.4.4. Id-definizzjoni tar-rwol u r-responsabbiltà tas-settur privat fuq l-aġenda tal-iżvilupp globali

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Ħajja Deċenti għal Kulħadd”[15] tqis il-promozzjoni tal-muturi tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, inkluż l-għoti ta’ servizzi essenzjali għall-iżvilupp uman u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, bħala waħda mill-ħames oqsma ta’ prijorità li fuqhom għandha tinbena aġenda globali ta’ wara l-2015. Din l-aġenda se tirrispondi b’mod xieraq għall-isfida li jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli biss jekk is-settur privat ikollu sehem fit-tfassil tagħha. Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se timpenja ruħha b’mod sħiħ fid-definizzjoni ta' rwol ċar u attiv tas-settur privat f'kull qafas ta’ żvilupp ta' wara l-2015. Din taqbel ukoll mar-rikonoxximent fid-dokument finali ta’ Rio+20 li l-parteċipazzjoni attiva tas-settur privat tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta’ żvilupp sostenibbli u t-trasformazzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tintensifika l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-impenji li għamlet fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli ta’ Busan dwar l-Effiċjenza tal-Għajnuna rigward il-kollaborazzjoni pubblika-privata effettiva għall-iżvilupp.

    Azzjoni 12:     Tiġi mħaddna d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni pubblika-privata u jittieħed rwol attiv fis-Sħubija għall Prosperità li ħarġet mill-Element Kostitwenti tas-Settur Privat ta' Busan.

    3. It-triq 'il quddiem: l-għodod u l-modalitajiet biex is-settur privat isir sieħeb fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    Il-Kummissjoni se tuża taħlita ta’ interventi taħt il-programmi nazzjonali, reġjonali u tematiċi tagħha biex timplimenta u tintegra l-approċċ tagħha lejn l-iżvilupp tas-settur privat, u biex tuża l-potenzjal tas-settur privat bħala sieħeb fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-implimentazzjoni tal-approċċ u l-prijoritajiet deskritti hawn fuq ifisser li għandhom jiġu adattati metodi u għodod eżistenti, u jiżdiedu oħrajn ġodda mal-portafoll ta’ strumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

    3.1. Qafas għal djalogu strutturat u azzjoni konġunta mas-settur privat

    Huma meħtieġa spazji għall-interazzjoni u l-kollaborazzjoni pubblika-privata biex jinftiehmu aħjar il-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet ta’ settur privat lokali, u jiġi sfruttat il-potenzjal tas-settur privat Ewropew għal impenn għall-iżvilupp u ma' negozji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fil-livell lokali, il-Kummissjoni, permezz ta’ delegazzjonijiet tal-UE, se tħeġġeġ djalogu politiku pubbliku-privat inklużiv billi tappoġġa l-funzjonament ta' mekkaniżmi ta’ djalogu eżistenti jew ġodda bħall-impjieg nazzjonali, il-kunsilli tax-xogħol jew tal-esportazzjoni, u permezz tal-bini tal-kapaċità mmirat ta' rappreżentanti tas-settur privat, inklużi l-kmamar tal-kummerċ, l-isħab soċjali, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, l-intraprendituri nisa, u ditti u ħaddiema fis-settur informali, biex itejbu l-kontribut tagħhom għal tali mekkaniżmi ta’ djalogu. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, se tuża d-djalogu politiku tagħha ma’ pajjiżi sħab sabiex tipprova żżid ir-rieda fost il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali sabiex jimpenjaw ruħhom f’diskussjonijiet miftuħa mar-rappreżentanti tas-settur privat.

    Fil-livell Ewropew u globali, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ qafas għal djalogu u azzjoni konġunta effettiva mas-settur privat, preferibbilment permezz tat-tisħiħ ta’ inizjattivi eżistenti, inkluż il-Forum ta’ Politika dwar l-Iżvilupp (PFD)[16] li ġie stabbilit dan l-aħħar, u bil-ħsieb li titjieb il-koordinazzjoni bejn il-pjattaformi u l-programmi individwali Ewropej. Se titfittex ukoll aktar interazzjoni diretta ma’ kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet settorjali tagħhom permezz ta’ mekkaniżmi ta’ djalogu fil-livell settorjali biex jitħeġġu aktar involviment tas-settur privat u soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq fl-agrikoltura u l-agronegozju sostenibbli, l-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura u setturi soċjali.

    3.2. Il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi privati għall-iżvilupp permezz tat-taħlit

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi t-taħlit, li jgħaqqad l-għotjiet mill-UE mas-self jew l-ekwità minn finanzjaturi pubbliċi u privati oħra, bħala strument importanti għall-kisba ta’ riżorsi addizzjonali għall-iżvilupp u biex jiżdied l-impatt tal-għajnuna tal-UE. Permezz tal-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna, il-Kummissjoni qed taħdem flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji biex iżżid l-effett katalitiku tat-taħlit kollettiv ta' aktar finanzjament privat permezz ta’ użu akbar ta’ strumenti finanzjarji bħal garanziji, ekwità u strumenti oħrajn ta’ qsim tar-riskju għall-investimenti fl-infrastruttura. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tesplora wkoll l-alternattivi biex jitwessa’ l-ambitu tat-taħlit ta’ oqsma ġodda bħalma huma l-agrikoltura u s-setturi soċjali, u biex tiffaċilita aktar proġetti b’impatt qawwi fuq l-iżvilupp tas-settur privat lokali, bħall-aċċess tal-SMEs għall-finanzi, permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet iddedikati għas-settur privat fil-faċilitajiet ta’ taħlit reġjonali.

    3.3. L-użu tal-piż politiku tal-UE fl-appoġġ għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli

    Fehma komuni espressa matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fit-tħejjija ta’ din il-Komunikazzjoni hija li l-piż politiku tal-UE jirrappreżenta vantaġġ komparattiv li għandu jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ fl-appoġġ tal-għanijiet għall-iżvilupp tas-settur privat. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tfittex li tkompli żżid l-interazzjoni pożittiva u l-impatt fuq l-iżvilupp tas-settur privat tal-politiki u l-istrumenti tal-UE dwar il-kummerċ, l-intrapriżi, l-impjiegi u oqsma oħra rilevanti.

    Permezz ta’ djalogu politiku ma’ pajjiżi sħab u f’fora multilaterali, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, se tkompli timmira li tiżgura impenji mal-linji gwida u prinċipji miftehma internazzjonalment rigward il-prattiki ta’ negozju responsabbli fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-istandards ambjentali, kif ukoll fil-korruzzjoni u l-imġiba relatata mat-taxxa. Se tesplora wkoll kif, fil-kuntest tad-djalogu politiku tagħha, għandhom jiġu indirizzati b'-aħjar mod kwistjonijiet bħalma huma r-riformi tal-ambjent tan-negozju li huma kruċjali għall-investiment, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-settur privat, inkluż l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, ir-riforma fiskali u l-effettività u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tfittex sinerġiji bejn l-appoġġ baġitarju u l-interventi diretti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp tas-settur privat. L-appoġġ baġitarju, u d-djalogu politiku assoċjat, jistgħu jsostnu b’mod utli r-riformi fl-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi sħab permezz tal-promozzjoni tal-istabbiltà tal-oqfsa makroekonomiċi, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u l-monitoraġġ tal-baġit. Barra minn hekk, il-kuntratti ta’ riforma speċifiċi u l-indikaturi tar-riżultati li jiffukaw fuq l-iżvilupp tas-settur privat jistgħu jgħinu fil-kisba tar-riformi fl-ambjent tan-negozju.

    Il-piż politiku tal-UE jiddependi fuq il-ħila tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jimmobilizzaw is-setgħat u l-kapaċitajiet differenti tagħhom u jaħdmu flimkien b’viżjoni strateġika komuni. Permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tad-donaturi u programmazzjoni konġunta, l-UE se titkellem b’vuċi waħda, u tista’ tisfrutta b'mod aħjar il-fatt li hija, f’bosta pajjiżi sħab, waħda mill-akbar donaturi li tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli.

    Billi jżid l-investiment tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jieħu sehem aktar attiv fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, is-settur privat qed jibgħat messaġġ qawwi dwar l-irwol importanti li jista’ jkollu fil-kontribut għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-istrateġija stipulata f’din il-Komunikazzjoni se tippermetti lill-Kummissjoni tiffaċilita u tħaffef l-involviment kemm tan-negozji lokali kif ukoll dawk Ewropej u riżultati fl-iżvilupp reali li jkunu tanġibbli u pożittivi.

    [1] Ara http://ec.europa.eu/europeaid/how/evaluation/evaluation_reports/2013/1317_docs_en.htm.

    [2] Il-konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet rilevanti għal din il-Komunikazzjoni kienu saru bejn Novembru 2013 u Frar 2014 mal-Istati Membri tal-UE, il-gvernijiet sħab, l-awtoritajiet lokali, ir-rappreżentanti tas-settur privat lokali u Ewropej, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

    [3] Dawn l-interventi huma relatati mill-qrib ma’, u kkumplimentati minn, attivitajiet fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp li huma mniżżla fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Iżvilupp [COM(2012) 22 finali].

    [4] Ir-Regolament Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

    [5] COM(2012) 22 finali.

    [6] Pereżempju, il-Pakkett ta’ Finanzjament ta' Impatt tal-BEI għar-reġjun tal-AKP, stabbilit bħala opportunità speċjali ġdida ta’ EUR 500 miljun taħt il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP eżistenti, għandu l-għan li jiġġenera impatt ta’ żvilupp għoli bl-għan ewlieni tat-tnaqqis tal-faqar billi jindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-AKP, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, is-sostenibbiltà ta’ intrapriżi żgħar u rurali, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għar-riżorsi bażiċi bħall-ilma u l-enerġija, kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u ż-żgħażagħ.

    [7] Il-Green Paper dwar l-assigurazzjoni ta' diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem [COM(2013) 0213 finali] tenfasizza r-rwol tal-assigurazzjoni fl-għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw vulnerabbli għal diżastri biex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi ta’ kontinġenza.

    [8] F'konformità mal-Inizjattiva dwar il-Materja Prima tal-2008 [COM(2008) 699].

    [9] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lil hinn mill-2015 — lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli” [COM(2013) 531].

    [10] Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva [COM(2011) 681 finali].

    [11] Pereżempju l-Ftehim Qafas mar-Repubblika tal-Korea ffirmat fl-10 ta' Mejju 2010.

    [12] Pereżempju, il-GSP+, li jeħtieġ li l-pajjiżi l-inqas żviluppati li jibbenefikaw mill-iskema jirratifikaw u jirrispettaw 27 konvenzjoni internazzjonali, u b’hekk jinkorporaw standards minimi fuq ix-xogħol, l-ambjent u kontra l-korruzzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li n-negozji jkollhom jirrispettaw.

    [13] JOIN(2014) 8, 28.2.2014 u COM(2014) 111, 5.3.2014.

    [14] Pereżempju, il-programm Ġermaniż developpp, il-programm Awstrijaku dwar is-sħubijiet ekonomiċi, il-Programm ta’ Negozju għall-Iżvilupp tas-SIDA, jew fondi għall-isfidi stabbiliti, fost l-oħrajn, mid-DFID, u mill-Ministeru Olandiż tal-Affarijiet Barranin.

    [15]  COM(2013) 92 finali.

    [16] Il-PFD ġie stabbilit mill-Kummissjoni bħala spazju għal djalogu b'diversi partijiet interessati fejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u r-rappreżentanti tas-settur privat jikkontribwixxu għal politiki u programmi tal-iżvilupp tal-UE.

    Top