EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0122

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2013

/* COM/2014/0122 final */

52014DC0122

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2013 /* COM/2014/0122 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrappurtata mill-Istati Membri fl-2013

WERREJ

1............ Sfond. 4

2............ Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rappurtar tal-2013 dwar il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet 4

2.1......... Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza. 4

2.1.1...... Puntwalità. 4

2.1.2...... Affidabbiltà. 5

2.1.3...... Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn. 5

2.1.4...... Tabelli supplimentari relatati mal-kriżi finanzjarja. 6

2.1.5...... Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv. 7

2.2......... Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika. 7

2.2.1...... Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki 7

2.2.2...... Żjarat ta' djalogu u metodoloġija. 8

2.2.3...... Parir speċifiku minn Eurostat 9

2.2.4...... Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti 9

2.2.5...... Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern. 10

2.3......... Pubblikazzjoni 11

2.3.1...... Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rappurtar 11

2.3.2...... Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta. 11

2.3.3...... Emendi fid-dejta rrappurtata. 12

2.3.4...... Il-pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji) 12

3............ Konklużjonijiet 12

1.           Sfond

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 679/2010), dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv (EDP) anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[1] jirrikjedi lill-Kummissjoni (Eurostat) (minn hawn 'il quddiem "Eurostat") li tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri. Dan ir-rapport annwali jipprovdi valutazzjoni kumplessiva tal-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà u l-konsistenza tad-dejta. Ir-rapport preċedenti (dwar in-notifiki tal-2012) ġie adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2013[2].

Eurostat jevalwa regolarment il-kwalità tad-dejta reali rrappurtata mill-Istati Membri u tal-kontijiet sottostanti tas-setturi tal-amministrazzjoni pubblika miġbura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ESA95)[3]. Dan ix-xogħol jikkonċentra fuq il-fatturi li jispjegaw id-defiċit/il-bilanċ pożittiv tal-amministrazzjoni pubblika u l-bidla fid-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri jibagħtu din l-informazzjoni lil Eurostat darbtejn fis-sena. Din tinkludi wkoll informazzjoni supplimentari bħall-"Kwestjonarju relatat mat-tabelli tan-notifika tal-EDP”, “It-Tabella supplimentari għall-kriżi finanzjarja” u kjarifiki bilaterali mill-Istati Membri. Eurostat iżomm ukoll djalogu permanenti mal-Istati Membri billi jwettaq żjarat ta’ djalogu regolari dwar il-EDP.

Dan ir-rapport jissejjes fuq is-sejbiet u r-riżultati ewlenin tar-rappurtar tal-EDP fl-2013, b'konċentrazzjoni fuq l-aktar eżerċizzju riċenti ta' Ottubru 2013. Fejn jixraq, isir tqabbil mar-rappurtar ta’ April 2013, u anki mar-rappurtar tal-2012.

2.           Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rappurtar tal-2013 dwar il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet

2.1.        Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza

2.1.1.     Puntwalità

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-dejta reali u ppjanata tal-EDP lil Eurostat darbtejn fis-sena, qabel l-1 ta’ April u l-1 ta’ Ottubru[4]. Matul l-2013, ir-rappurtar tal-EDP kopra s-snin mill-2009 sal-2013. Iċ-ċifri għall-2013 huma dawk ippjanati mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ċ-ċifri mill-2009 sal-2012 huma dejta reali (din tfisser ċifri finali, semi finalizzati, proviżorji jew stmati). Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, Eurostat jevalwa d-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri, iżda mhux id-dejta ppjanata. .

Il-konformità mad-dati tal-iskadenza tar-rappurtar normalment tkun tajba ħafna. Fl-2013, l-Istati Membri kollha rrappurtaw id-dejta reali tagħhom qabel l-iskadenza legali fiż-żewġ nofitiki tal-EDP. Il-Kroazja rrappurtat għall-ewwel darba f’Ottubru 2013.  Fir-rigward tad-dejta ppjanata, fl-eżerċizzju ta’ rappurtar ta’ Ottubru 2013, xi pajjiżi taw id-dejta ppjanata għas-sena 2013 aktar tard.

2.1.2.     Affidabbiltà

Ir-reviżjonijiet bejn in-notifiki ta' April 2013 u Ottubru 2013 kienu prinċipalment minħabba aġġornamenti tad-dejta tas-sors u bidliet metodoloġiċi, bħall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ xi tranżazzjonijiet. Bħas-soltu, id-dejn ġie rivedut anqas mid-defiċit bejn April u Ottubru.

L-akbar reviżjonijiet fid-defiċit seħħew fil-Greċja u l-Irlanda. Fil-Greċja, id-defiċit ġie rivedut ‘l isfel bejn in-notifiki tal-EDP ta’ April u Ottubru 2013 għas-sena 2012 minħabba d-disponibilità tad-dejta awditjata dwar l-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mill-Fond Elleniku ta’ Stabilità Finanzjarja (HFSF) f’każijiet ta’ riżoluzzjoni bankarja. Fl-Irlanda, it-tnaqqis fid-defiċit għas-sena 2009 kien prinċipalment minħabba l-inklużjoni ta’ dejta aktar dettaljata tal-karta tal-bilanċ dwar id-dħul/l-infiq tad-dipartimenti tal-gvern. Iż-żieda fid-defiċit Irlandiż għas-sena 2012 kienet minħabba l-ħin tar-reġistrazzjoni mibdul ta’ bejgħ ta' liċenzja tal-UMTS u minħabba aġġornamenti tad-dejta tas-sors għal taxxi, dħul/infiq tad-dipartimenti tal-gvern u l-fornitur tal-kura tas-saħħa nazzjonali.

Fil-każ tad-dejn, l-akbar reviżjonijiet bejn April u Ottubru ġew osservati fir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u l-Portugall. Fir-Repubblika Ċeka, id-dejn irrappurtat għas-snin 2009-2012 żdied minħabba korrezzjoni fil-valwazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn iħħeġġjat denominat f’valuta barranija. Fid-Danimarka, id-dejn ġie rivedut ‘l isfel għall-2012 minħabba dejta tas-sors aġġornata għall-unitajiet tal-gvern ċentrali u lokali u l-fondi tas-sigurtà soċjali. Fil-Portugall, iż-żieda fid-dejn kienet dovuta għar-riklassifikazzjoni ta’ unità waħda fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika fir-reġjun ta’ Madeira u minħabba r-riklassifikazzjoni bħala self ta’ xi ħlasijiet bil-quddiem magħmula minn korporazzjoni pubblika lill-Istat.

Bejn April u Ottubru, kien hemm reviżjonijiet evidenti fil-PDG tal-Estonja għas-snin 2009, 2011 u 2012 u tal-Lussemburgu għas-snin 2009-2012.

Fir-rigward tar-reviżjonijiet li seħħew fi żmien il-perjodu ta’ notifika, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrevedew ir-rappurtar tagħhom wara l-ewwel sottomissjoni f'Ottubru 2013. Intbagħtu 30 reviżjoni minn 18-il pajjiż, filwaqt li f'April 2013, intbagħtu 46 sottomissjoni riveduta minn 24 pajjiż. L-Istati Membri bagħtu l-biċċa l-kbira tas-sottomissjonijiet riveduti b’rispons għall-kummenti, il-mistoqsijiet tekniċi jew ir-rimarki ta' Eurostat, u dawn ikkonċernaw il-kompletezza ta’ xi dejta nieqsa, korrezzjonijiet ta’ żbalji tekniċi, inkonsistenzi interni, aġġustamenti pprovduti fit-tabelli ta’ nofitika jew fil-kwestjonarju relatat jew dokumentazzjoni mhux xierqa fit-tabelli.

Fl-2013, is-sottomissjonijiet riveduti fil-perjodu tan-notifika ma biddlux sostanzjalment il-livelli tad-defiċit u d-dejn li kienu ġew oriġinarjament irrapportati mill-Istati Membri, għajr għar-rappurtar ta' Ottubru, fejn iċ-ċifri tad-defiċit ġew riveduti b'+0,2 punti perċentwali (pp) tal-PDG matul il-perjodu tan-notifika fil-każ tal-Kroazja u l-Irlanda.

2.1.3.     Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn

Il-kompletezza tat-tabelli tar-rappurtar hija obbligu legali u hija essenzjali għall-valutazzjoni xierqa tal-kwalità tad-dejta minn Eurostat. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 kif emendat, jispeċifika li l-Istati Memrbi għandhom jipprovdu lil Eurostat bl-informazzjoni statistika rilevanti, li "(...) b'mod partikolari (...) tfisser:

(a)     dejta minn kontijiet nazzjonali

(b)     inventarji;

(c)      tabelli ta' notifika tal-EDP

(d)     kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki."

Hemm erba’ tabelli ewlenin tan-notifika tal-EDP. It-tlestija tat-Tabelli 1 sa 3 tal-EDP hija obbligu legali, filwaqt li r-rappurtar tat-Tabella 4 tal-EDP nqabel bejn l-Istati Membri[5]. It-Tabelli 1 u 2A (gvern ċentrali) ikopru s-snin mill-2009 sal-2013, filwaqt li t-tabelli l-oħrajn ikopru s-snin mill-2009 sal-2012[6].

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew it-tabelli ta' notifika kollha tal-EDP[7]. Fir-rappurtar ta’ Ottubru 2013, għat-Tabella 2 tal-EDP, l-Istati Membri kollha pprovdew dettalji dwar ir-rabta bejn il-bilanċ ta' ħidma u l-bilanċ pożittiv/id-defiċit tal-EDP għas-sottosetturi kollha. Fir-Renju Unit, il-bilanċ ta’ ħidma huwa meqjus li huwa fuq bażi tal-ESA95. Għaldaqstant, ġew irrappurtati ftit aġġustamenti biex jittrasformaw il-bilanċ ta' ħidma fid-defiċit/il-bilanċ pożittiv skont l-ESA. Xi pajjiżi oħra wkoll irrapportaw biss għadd limitat ta’ partiti ta’ tranżizzjoni.

Għat-Tabella 3 tal-EDP, mhux l-Istati Membri kollha pprovdew id-dettalji kollha. B'mod partikolari, id-dettalji għat-temi "self" u "ekwità" mhux dejjem ġew irrappurtati. Barra minn hekk, xi ftit pajjiżi jużaw il-prassi li jirraportaw diskrepanza statistika ta' żero, li normalment tkun tfisser li d-diskrepanza hija inkluża skorrettement taħt “kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli”.

Minkejja t-titjib miksub f’xi Stati Membri, il-kopertura ġenerali tat-Tabella 4 tal-EDP baqgħet inadegwata f’bosta każijiet. B’mod partikolari, għadd ta' pajjiżi mhux qed jipprovdu dejta kompluta għall-istokk ta' obbligazzjonijiet ta' krediti u avvanzi kummerċjali.

Il-kompletezza tat-tabelli tal-EDP għad tista’ tittejjeb. Mandankollu, il-kwistjonijiet li fadal mistennija jkollhom impatt minimu fuq il-kwalità tad-dejta.

L-Istati Membri kollha ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għall-"Kwestjonarju relatat mat-tabelli ta' notifika"[8]. Minkejja li l-kopertura u l-kwalità tat-tweġibiet baqgħu jitjiebu meta mqabbla mas-snin l-imgħoddija, għad hemm il-ħtieġa ta’ progress, peress li xi pajjiżi ma rrapportawx id-dettalji kollha mitluba fil-kwestjonarju. Dan japplika b'mod notevoli għad-dejta dwar il-pretensjonijiet tal-gvern ċentrali u l-kanċellazzjonijiet tad-dejn, id-dettalji ta' kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli, id-dokumentazzjoni ta' garanziji tal-gvern (l-aktar il-kopertura tas-sottosettur tal-gvern lokali) u d-dejta dwar l-injezzjonijiet kapitali.

2.1.4.     Tabelli supplimentari relatati mal-kriżi finanzjarja

Eurostat ilu jiġbor sett ta' dejta dwar il-kriżi finanzjarja f’tabella supplimentari mill-15 ta' Lulju 2009. Id-dejta fil-Parti 1 tat-tabella supplimentari hija dik dwar it-tranżazzjonijiet li jitniżżlu fil-kont tad-dħul/infiq tal-gvern u li jkollhom impatt reali fuq id-defiċit/il-bilanċ pożittiv tal-EDP. Id-dejta fil-Parti 2 tat-tabella supplimentari hija marbuta mal-istokks ta’ assi finanzjarji u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-appoġġ lill-istituzzjonijiet finanzjarji. Din tiddistingwi bejn l-attivitajiet li jkunu effettivament ikkontribwew għall-obbligazzjonijiet tal-gvern (inklużi fid-dejn tal-gvern) u l-attivitajiet li jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għall-obbligazzjonijiet tal-gvern fil-ġejjieni, iżda li għalissa jitqiesu li jiddependu minn avvenimenti fil-ġejjieni (mhux inklużi fid-dejn tal-gvern). Dawn it-tabelli juru interventi tal-gvern marbuta direttament mal-appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-miżuri ta' sostenn għal istituzzjonijiet mhux finanzjarji jew miżuri ta' sostenn ekonomiku ġenerali mhumiex inklużi.

Id-dejta miġbura fl-2013 imsemmija fil-perjodu 2007-2012. Il-Membri Kollha għajr tmienja (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) irrappurtaw għadd ta’ interventi meħuda mill-gvern fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja matul il-perjodu 2007-2012. Eurostat ippubblika nota flimkien mal-Istqarrija għall-Istampa dwar il-EDP li tanalizza din id-dejta[9].

2.1.5.     Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv

L-Istati Membri pprovdew ukoll dejta dwar is-self intergovernattiv bilaterali, normalment fil-kuntest tal-programmi. L-istqarrija għall-istampa dwar il-EDP tinkludi din l-informazzjoni kif ukoll informazzjoni dwar is-self intergovernattiv fil-kuntest tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), li tippermetti li ssir analiżi tas-self li l-Istati Membri jagħtu għal operazzjonijiet ta’ appoġġ lil Stati Membri oħra (fl-2012, primarjament lill-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall).

Dan is-self intergovernattiv bilaterali u s-self intergovernattiv fil-kuntest tal-EFSF żdied sostanzjalment fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. Jiġi mnaqqas fil-kalkolu tal-aggregati tal-UE 28 u taż-żona tal-ewro għad-dejn tal-gvern ta’ Maastricht[10], peress li t-tnejn jingħataw fuq bażi konsolidata. Minħabba din il-konsolidazzjoni, l-aggregati taż-żona euro u l-UE28 mhumiex ugwali għas-somma aritmetika tad-dejn tal-Istati Membri (jiġifieri s-self intergovernattiv imsemmi hawn fuq bejn il-gvernijiet mhux inkluż, biex jiġi evitat li jingħadd darbtejn).

Għalhekk, iċ-ċifri rrappurtati għas-snin 2011 u 2012 għall-Istati Membri jinkludu l-ammonti fir-rigward tal-EFSF.

2.2.        Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika

2.2.1.     Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki

Matul il-perjodu ta' notifika bejn l-iskadenza għar-rappurtar tal-1 ta' Ottubru u l-pubblikazzjoni tad-dejta fil-21 ta' Ottubru 2013, Eurostat ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika f'kull Stat Membru biex jitlob iktar informazzjoni u jiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabilità għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Dan il-proċess involva bosta sensiliet ta' korrispondenza bejn Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali. Intbagħtet l-ewwel sensiela ta’ talbiet għall-kjarifika lill-pajjiżi kollha qabel l-4 ta’ Ottubru. It-tieni sensiela ta’ talbiet intbagħtet lil 23 pajjiż u t-tielet sensiela lil ħdax-il pajjiż. Ir-raba’ sensiela ta’ kjarifiki ntbagħtet li erba’ Stati Membri. Eurostat talab lil xi pajjiżi biex jibagħtu tabelli ta' notifika riveduti[11].

2.2.2.     Żjarat ta' djalogu u metodoloġija

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, jipprevedi ż-żjarat ta' djalogu u ta' metodoloġija. Iż-żjarat ta’ djalogu, inklużi dawk l-hekk imsejħa “upstream dialogue visits”[12], fl-Istati Membri jitwettqu regolarment bil-għan li jirrevedu d-dejta rrapportata, jistħarrġu l-kwistjonijiet metodoloġiċi, jiddiskutu s-sorsi tal-istatistika u jivvalutaw il-konformità mar-regoli relevanti tal-kontabbiltà, pereżempju fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, iż-żmien tad-dokumentazzjoni u l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet u l-obbligazzjonijiet tal-gvern.

Fil-każ li titqajjem kwistjoni importanti speċifika mal-Istat Membru, li ma tistax tiġi riżolta ħlief b’laqgħa fiżika mal-awtoritajiet ikkonċernati, tiġi organizzata laqgħa ad hoc bi proċedura mqassra fl-Istat Membru.

Matul is-sena 2013, Eurostat wettaq dawn iż-żjarat ta’ djalogu dwar il-EDP li ġejjin: Spanja (mill-24 sal-25 ta’ Jannar), ir-Renju Unit (mill-24 sal-25 ta’ Jannar), l-Italja (mill-4 sal-5 ta’ Frar), l-Estonja (mis-27 sat-28 ta’ Frar), il-Polonja (mis-6 sat-8 ta’ Marzu, żjara ta' djalogu upstream), il-Greċja (mill-20 sal-21 ta’ Marzu), il-Lussemburgu (il-15 ta’ Mejju), l-Isvezja (mill-4 sal-5 ta’ Ġunju), il-Ġermanja (mit-18 sal-21 ta’ Ġunju u mit-22 sal-25 ta’ Ottubru, żjarat ta’ djalogu upstream), ir-Rumanija (mid-19 sal-20 ta’ Ġunju), il-Polonja (mit-8 sad-9 ta’ Lulju), ir-Rumanija (mit-28 sat-30 ta’ Awwissu, żjara ta' djalogu upstream — segwitu), is-Slovenja (mit-12 sat-13 ta’ Settembru), il-Greċja (mill-24 sal-25 ta’ Settembru), il-Finlandja (mit-18 sad-19 ta’ Novembru), il-Pajjiżi l-Baxxi (is-26 ta’ Novembru), is-Slovenja (mis-27 sad-29 ta’ Novembru, żjara ta' djalogu upstream) u s-Slovakkja (mit-28 sad-29 ta’ Novembru). Barra minn hekk, fl-2013 twettqu żjarat ad hoc fil-Kroazja mill-14 sal-15 ta’ Marzu u fi Spanja mill-20 sal-21 ta’ Marzu u mis-26 sas-27 ta’ Settembru. Fl-2013, Eurostat wettaq żjara ta’ qabel l-adeżjoni mal-euro fil-Latvja mit-8 sad-9 ta’ April u żjara ta’ qabel l-adeżjoni fil-Kroazja mis-26 sas-27 ta’ Ġunju.

Il-kwistjonijiet rikorrenti diskussi fiż-żjarat inkludew il-klassifikazzjoni tal-unitajiet fi ħdan u lil hinn mis-settur tal-amministrazzjoni pubblika (eż. rigward it-trasport pubbliku, korporazzjonijiet pubbliċi, it-televiżjoni u r-radju, l-isptarijiet u l-universitajiet), l-injezzjonijiet kapitali, is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati, għotjiet mill-baġit tal-UE, id-dokumentazzjoni tal-garanziji, u l-kwalità ġenerali tal-ġestjoni tal-flussi upstream tad-dejta. Is-sejbiet finali f’kull żjara ta’ djalogu, inkluż deskrizzjoni tal-punti ta’ azzjoni maqbula, u s-sitwazzjoni attwali, jintbagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Eurostat. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-punti ta' azzjoni twassal għal titjib fil-kwalità tad-dejta maż-żmien.

Iż-żjarat ta' metodoloġija jsiru biss f'każijiet fejn Eurostat jidentifika riskji jew problemi sinifikanti fil-kwalità tad-dejta, speċjalment fejn din tirrigwarda l-metodi, il-kunċetti jew il-klassifkazzjonijiet użati. Ma saru l-ebda żjarat metoloġiċi bħal dawn matul l-2013.

2.2.3.     Parir speċifiku minn Eurostat

L-Istati Membri jikkonsultaw regolarment ma' Eurostat biex jiċċaraw diversi kwistjonijiet tal-kontabilità nazzjonali b’rabta ma' operazzjonijiet fil-futur jew fil-passat. Eurostat jagħti l-pariri skont il-linji gwida eżistenti. Biex jikkonforma mad-dispożizzjoni ta' trasparenza fir-Regolament (KE) 479/2009, kif emendat, Eurostat jippubblika l-pariri tiegħu[13], ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat iqajjem oġġezzjoni. Eurostat ippubblika dawn il-pariri fl-2013: it-trattament kontabbli tal-Bank of England Asset Purchase Facility Fund (BEAPPF) u l-flussi bejn il-Bank of England u HM Treasury fir-Renju Unit, it-trattament statistiku ta’ bejgħ ta' konċessjoni qabel il-privatizzazzjoni fil-Portugall, ir-rikapitalizzazzjoni tad-Dexia Group fil-Belġju, il-klassifikazzjoni ta' Sociedad de Activos de Restructuracion (SAREB) fi Spanja, ir-reġistrazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-fondi tal-UE skont ir-Regolament 1083/2006 Art. 100(1) fir-Rumanija, it-trattament statistiku tal-konċessjoni ta' 15-il sena lill-ispettru tal-mowbajl fowns fl-Ungerija, it-trattament tat-tranżazzjoni ta' proprjetà immobbli ta' LAK Invest fir-Reġjun Fjamming fil-Belġju, ir-reġistrazzjoni tal-miżata ta’ garanzija tal-IABF fl-Olanda, it-trattament tar-rifużjonijiet tat-taxxa, il-ħlasijiet ta’ penali u ħlasijiet interim fil-każ dwar it-taxxa ta’ Her Majesty’ s Revenue and Customs (HMRC) fir-Renju Unit, ir-reġistrazzjoni tal-kanċellazzjoni ta’ ammonti pagabbli relatati ma’ penali u multi li għandhom jitħallsu minn CFR Cai Ferate lil fornituri privati tal-enerġija fir-Rumanija u l-klassifikazzjoni tal-statistiska ta’ MyCSP Ltd. fir-Renju Unit.

2.2.4.     Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti

Bħas-soltu, Eurostat ivvaluta l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-ESA95, b’mod partikolari fid-dawl tal-aħħar deċiżjonijiet tagħha skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009. Dawn id-deċiżjonijiet kienu inklużi fil-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern (MGDD), li l-aħħar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikata fi Frar 2013[14]. Il-verżjoni l-ġdida tinkludi tliet kapitoli ġodda, li kienu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Statistika Monetarja, Finanzjarja u l-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB): L-entitajiet Ewropej relatati mal-kriżi tad-dejn sovran fiż-żona euro (l-EFSF u l-MES), self b’interessi baxxi u l-bejgħ ta’ self b’interessi baxxi tal-gvern lil partijiet terzi u l-permessi għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Ġew miżjuda wkoll kjarifiki żgħar f’kapitoli oħra tal-MGDD.

Wara l-aħħar (ir-raba’) laqgħa f’Lulju 2013 tat-Task Force iddedikat għall- “adattament” tal-MGDD attwali għall-ESA 2010 il-ġdid, ġie ffinalizzat abbozz tal-MGDD adattat għall-metodoloġija tal-ESA 2010, u dan ġie pprovdut lill-Istati Membri f’Awwissu 2013.

F’Jannar 2013, Eurostat ippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar “Ir-reġistrazzjoni statistika ta’ self b’rata tal-imgħax baxx”[15] u wkoll id-deċiżjoni dwar “Il-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà”[16], wara li ġew magħrufa l-karatteristiċi finali tal-MES.

F’Marzu 2013, Eurostat ippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar il-“Kjarifika tal-kriterji għar-reġistrazzjoni ta’ injezzjoni kapitali tal-gvern fil-banek”[17], wara ħtieġa ta’ iktar kjarifika dwar il-kriterji marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ injezzjoni kapitali fil-banek, notevolment fil-każ ta’ entitajiet li joħorġu mis-suq.

F’Lulju 2013, Eurostat ippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar l-introduzzjoni ta’ “Suppliment dwar obbligazzjonijiet kontinġenti u obbligazzjonijiet potenzjali għall-kwestjonarju marbut mal-EDP”[18]. Il-kwestjonarju l-ġdid jinkludi tabelli dwar garanziji, sħubiji pubbliċi privati (PPPs) li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ u self mhux produttiv u ġie introdott fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri[19]. L-ewwel dejta se tiġi rilaxxata minn Eurostat f’Jannar 2015, flimkien mad-dejta dwar l-obbligazzjonijiet totali ta’ unitajiet ikkontrollati tal-gvern ikklassifikati barra l-amministrazzjoni pubblika.

Wara konsultazzjoni CMFB inkonklussiva dwar il-kwistjoni, f’Novembru 2013, Eurostat ippubblika d-deċiżjoni tiegħu dwar ir-reġistrazzjoni ta’ “Trasferimenti żbilanċjati ta’ obbligi tal-pensjoni lill-gvern taħt ESA 2010”.

Minn Jannar 2013, Eurostat poġġa fuq il-websajt tiegħu “L-inventarju tal-proċessi taż-EDP”. L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jiddeskrivi l-proċeduri u l-prinċipji applikati fil-proċess ta’ verifika tad-dejta tal-EDP minn Eurostat.

2.2.5.     Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern

L-iskadenzi għan-notifika tal-1 ta' April u l-1 ta' Ottubru stipulati mir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, ġew introdotti sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-kontijiet korrispondenti annwali u ta' kull tliet xhur tas-setturi tal-gvern, kif irrappurtat f'bosta tabelli ta' trażmissjoni tal-ESA95. Eurostat sistematikament janalizza l-konsistenza tan-notifiki tal-EDP mal-kontijiet settorjali korrispondenti tal-gvern. Pereżempju, it-totali tal-infiq u d-dħul tal-gvern għandhom ikunu konsistenti maċ-ċifri tad-defiċit irrappurtati .

Il-konsistenza ġenerali tad-dejta tal-EDP mal-kontijiet tal-gvern tal-ESA95 irrappurtati marret għall-aħjar f’dawn l-aħħar snin, anki jekk għadha aħjar fil-każ tad-dejta mhux finanzjarja milli għal dik finanzjarja. Fir-rappurtar ta’ Ottubru 2013, il-konsistenza bejn iċ-ċifri tal-EDP u t-tabelli tal-ESA 2 u 25 (fil-livell annwali u dak ta' kull kwart) kienet kompluta fil-każ tad-dejta mhux finanzjarja u d-dejn tal-gvern ta' kull kwart (Tabella tal-ESA 28). Madankollu, għad jinħtieġu sforzi mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-EDP u t-tabelli tal-ESA fir-rigward tad-dejta finanzjarja. Feġġew inkonsistenzi ċari bejn id-dejta tal-EDP u l-kontijiet finanzjarji ta’ kull kwart fir-rappurtar ta’ Ottubru 2013 fil-każ ta’ sitt Stati Membri, u kien hemm inkonsistenzi bejn id-dejta tal-EDP u l-kontjiet finanzjarji annwali tal-ESA fl-istokk tal-obbligazzjonijiet tal-krediti u l-avvanzi kummerċjali f’iktar minn terz tal-Istati Membri.

2.3.        Pubblikazzjoni

2.3.1.     Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rappurtar

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, jgħid: "Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rappurtar […]. Dik il-fornitura ta’ dejta għandha titwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni.”

Id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern ġiet ippubblikata fit-22 ta' April[20] u l-21 ta' Ottubru[21] 2013 flimkien mat-tabelli ta' rappurtar, kif notifikat mill-Istati Membri. Minn Frar 2012 'l hawn, Eurostat qed jippubblika regolarment stqarrija għall-istampa fuq id-dejn ta’ Maastricht ta’ kull kwart, f’madwar T+115 jum. Minn Frar 2012 'l hawn, Eurostat qed jippubblika “Statistics in Focus” fuq id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ kull tliet xhur.

Eurostat ippubblika wkoll fil-websajt tiegħu l-istatistika finanzjarja governattiva annwali u ta’ kull tliet xhur li fuqha tissejjes id-dejta tal-EDP, flimkien ma’ nota dwar l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-fluss[22]. Barra minn hekk, Eurostat ippubblika l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-inverventi governattivi fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja[23] u d-dejta dwar is-self intergovernattiv. Eurostat ippubblika wkoll nota dwar l-istokk ta’ obbligazzjonijiet ta’ avvanzi u krediti kummerċjali[24].

Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblika d-dejta reali tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn. L-Istati Membri kollha jippubblikaw ċifri dwar id-defiċit u d-dejn fil-livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw lil Eurostat il-prassi li jippubblikaw it-tabelli kollha tar-rappurtar tagħhom. Ħames Stati Membri jippubblikaw biss xi tabelli tar-rapporti, u Stat Membru wieħed, Franza, ma jippubblikax it-tabelli tal-EDP fil-livell nazzjonali.

2.3.2.     Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta

Eurostat esprima riżerva dwar id-dejta rrapportata fin-notifika tal-EDP ta’ Ottubru 2013 għal Stat Membru wieħed.

L-Awstrija: Eurostat qed jesprimi riżerva dwar il-kwalità tad-dejta rrappurtata mill-Awstrija, minħabba xi inċertezzi dwar l-impatt statistiku tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Uffiċċju Federali tal-Verifika dwar il-Land ta' Salzburg, ippubblikat fid-9 ta’ Ottubru 2013. Ir-rapport żvela nuqqasijiet rigward il-ġestjoni finanzjarja u l-kompletezza tal-kontijiet pubbliċi tal-Land ta’ Salzburg. L-implikazzjonijiet statistiċi tal-verifika tad-dejta tal-EDP qed jiġu investigati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Awstrija b'kollaborazzjoni ma' Eurostat, sabiex jiġu ċċarati l-impatti preċiżi fuq l-2012 u wkoll fuq is-snin preċedenti. Jista' jkun li dan se jwassal għal reviżjoni ‘l fuq tad-dejn tal-gvern sa massimu ta’ nofs persentaġġ tal-PDG, b’aktar reviżjonijiet minuri lid-defiċit tal-gvern, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan il-punt.

2.3.3.     Emendi fid-dejta rrappurtata

Eurostat ma emendax id-dejta rappurtata mill-Istati Membri fin-notifiki tal-EDP ta’ April u Ottubru 2013.

2.3.4.     Il-pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji[25])

Ir-Regolament (KE) 479/2009, kif emendat, jispeċifika li l-inventarji tal-EDP huma fost l-informazzjoni tal-istatistika li għandha tingħata mill-Istati Membri biex tippermetti lil Eurostat jivverifika l-konformità mar-regoli tal-ESA95. Barra minn hekk, jistipula li l-pubblikazzjoni nazzjonali ta' dawn l-inventarji hija mandatorja. Eurostat ippubblika l-inventarji tal-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja li ssieħbet mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013. Minbarra l-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istati Membri kollha rrappurtaw li ppubblikaw l-inventarji tal-EDP tagħhom fuq livell nazzjonali.

Fl-2012, Eurostat daħħal format ġdid tal-inventarju tal-EDP, li involva bidliet strutturali u rrikjeda informazzjoni aktar dettaljata (pereżempju, fir-rigward tal-proċeduri tal-kompilazzjoni, id-deliminazzjoni tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika, tranżazzjonijiet speċifiċi, ġestjoni tal-kwalità, u sorsi tad-dejta upstream, eċċ.). L-inventarji l-ġodda tal-EDP se jiġu ppubblikati minn Eurostat sa tmiem l-2013.

3.           Konklużjonijiet

Eurostat jagħraf li kien hemm titjib ġenerali fil-konsistenza u l-kompletezza tad-dejta rrappurtata. Madankollu, għad baqa' xi kwistjonijiet, u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi akbar biex itejbu l-kopertura u l-kwalità tal-krediti kummerċjali rrapportati u l-kompletezza tad-dejta dwar il-livelli governattivi subnazzjonali. B’mod partikolari, dan hu l-każ għall-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u r-Renju Unit.

Fl-2013, Eurostat esprima riżerva dwar id-dejta rrapportata fin-notifika tal-EDP ta’ Ottubru 2013 għall-Awstrija.

Kollox ma’ kollox, Eurostat jikkonkludi li fl-2013 kompla jsir progress fil-kwalità tar-rappurtar tad-dejta fiskali. B'mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni aħjar, kemm fit-tabelli tan-notifika tal-EDP kif ukoll f'sottomissjonijiet ta' statistika relevanti oħrajn.

[1]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

[2]               COM(2013) 88 finali.

[3]               ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

[4]               L-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat.

[5]               Ara l-istqarrijiet mal-minuti tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 1993: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/gfs/images/e/e7/Statements_9817.en93.pdf 

[6]               L-għoti tad-dejta ppjanata fit-tabelli tal-EDP barra mit-tabelli 1 u 2A mhux espliċitament mitlub fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009, kif emendat.

[7]               It-tabelli ta' notifika tal-EDP irrapportati mill-Istati Membri jinsabu fil-websajt tal-Eurostat. Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/excessive_deficit/edp_notification_tables

[8]               Dan il-kwestjonarju jinkludi tlettax-il taqsima li jirrikjedu informazzjoni kwantitattiva u, kultant, kwalitattiva f'bosta oqsma bħalma huma t-tranżazzjonijiet fit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali u mal-UE, ix-xiri ta' tagħmir militari, il-garanziji tal-gvern, il-kanċellazzjonijiet tad-dejn, l-injezzjonijiet ta' kapital li jagħmel il-gvern f'korporazzjonijiet pubbliċi, Sħubijiet Pubbliċi Privati eċċ.

[9]               Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/Background_note_fin_crisis_Oct_2013_final.pdf

[10]             Skont il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat tal-KE, id-dejn tal-gvern huwa d-dejn gross konsolidat tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika sħiħ li jkun pendenti fi tmiem is-sena (f’valur nominali). Skont ir-Regolament 479/2009, kif emendat, dan jinkludi l-kategoriji li ġejjin: munita u depożiti (AF.2), titoli minbarra ishma (AF.3) eskluż id-derivattivi finanzjarji (AF.34), u self (AF.4).

[11]             Ara t-taqsima 2.1.

[12]             Filwaqt li ż-żjarat ta' djalogu standard huma maħsuba sabiex jirrevedu d-dejta reali u s-sorsi, sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi u sabiex tiġi vvalutata l-konformità mar-regoli tal-kontabilità, l-għan taż-żjarat "upstream" huwa li jirrevedu l-kwalità tas-sorsi tad-dejta primarji tal-kontabilità pubblika u l-proċessi ta’ rappurtar.

[13]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/methodology/advice_member_states

[14]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=KS-RA-13-001.

[15]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/ESTAT-decision-low_inter_rate_loans-annex_2013-01-16.pdf

[16]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/Eurostat_Decision_on_ESM.pdf

[17]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/ESTAT-decision-Criteria_for_classif_of_gov_capital_injec.pdf

[18]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/ESTAT_decision-Suppl_on_conting_liab_EDP_Q.pdf

[19]             ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

[20]             Ara:http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/2-22042013-AP/EN/2-22042013-AP-EN.PDF

[21]             Ara:http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/2-21102013-AP/EN/2-21102013-AP-EN.PDF

[22]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=STOCK_FLOW_2013_OCT  

[23]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/Background_note_fin_crisis_Oct_2013_final.pdf

[24]             Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/documents/Note_on_AF.71L-Oct_2013.pdf

[25]             L-inventarji tal-metodi, il-proċeduri u l-għejun użati għall-ġbir tad-dejta reali dwar id-defiċit u d-dejn u l-kontijiet korrispondenti tal-gvern.

Top