EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP0057

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD, ippreżentata minn Franza) (COM(2014)0662 – C8-0226/2014 – 2014/2166(BUD))

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 83–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/83


P8_TA(2014)0057

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD – Franza

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD, ippreżentata minn Franza) (COM(2014)0662 – C8-0226/2014 – 2014/2166(BUD))

(2016/C 289/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0662 – C8-0226/2014),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), (Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0044/2014),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji,

D.

billi l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GAD fis-6 ta' Ġunju 2014 wara t-tkeċċija ta' 744 ħaddiem f'GAD société anonyme simplifiée, impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 10 (“Manifattura ta' prodotti tal-ikel”),

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

F.

billi l-awtoritajiet lokali fir-reġjun ta' Bretagne ma kienux involuti fit-twaqqif tas-servizzi personalizzati (Cellule de reclassement) lill-ħaddiema milqutin, avolja huma responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali; billi r-rappreżentanti trejdunjonistiċi lokali tas-siti ewlenin ikkonċernati ma kienux assoċjati man-negozjar tal-miżuri;

1.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni;

2.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

3.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2014; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza stretta ta' 12-il ġimgħa imponuta mir-Regolament dwar il-FEG;

4.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li GAD, bħala biċċerija u impriża tal-ipproċessar tal-laħam, inqabdet bejn żewġ settijiet ta' pressjonijiet tal-prezz, dik tal-bdiewa li bdew jitħabtu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf u dik tal-konsumaturi li bdew jitħabtu biex ilaħħqu ma' dħul imnaqqas;

5.

Jaqbel li t-tnaqqis fil-konsum tal-laħam tal-majjal b'riżultat ta' żieda fil-prezzijiet u tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi huwa marbut mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 (4);

6.

Huwa tal-fehma li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież tal-ħnieżer, li fil-biċċa l-kbira l-Unjoni timporta minn kontinenti oħrajn li dan l-aħħar intlaqtu ħażin ferm min-nixfa, tista' tiġi attribwita għall-globalizzazzjoni;

7.

Jemmen li fatturi oħrajn żvolġew rwol importanti fid-diffikultajiet tal-kumpanija, bħall-kompetizzjoni inġusta fis-suq intern minn kompetituri li abbużaw mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema (5) u n-nuqqas ta’ paga minima diċenti fl-Istati Membri kollha;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti tagħha;

9.

Jikkonkludi li l-fatturi li jispjegaw id-diffikultajiet finanzjarji ta' GAD huma diversi, iżda madankollu jaqbel li Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

10.

Jinnota li sal-lum, is-settur tal-“Manifattura ta' prodotti tal-ikel” kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG (6), ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

11.

Jinnota li dawn is-sensji se jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fi Bretagne, billi l-impjiegi f'dan ir-reġjun huma aktar dipendenti fuq is-settur agro-agrikolu milli huma, bħala medja, fil-kumplament ta' Franza (11 % fi Bretagne meta mqabbel ma' 5 % bħala medja fi Franza);

12.

Jinnota li minbarra s-744 sensja matul il-perjodu ta' referenza, in-numru ta’ benefiċjarji eliġibbli jinkludi 16-il ħaddiem imkeċċi wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali jammonta għal 760 ruħ, filwaqt li l-għadd ta' benefiċjarji fil-mira tal-miżuri tal-FEG huwa wkoll ta' 760;

13.

Jinnota li l-ispejjeż totali huma stmati li jammontaw għal EUR 1 530 000, li minnhom EUR 30 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 918 000, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

14.

Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-3 ta' Jannar 2014, qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett ikkoordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

15.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal wara li l-Kumitat Ċentrali tal-Impriżi ta' GAD ġie infurmat fit-28 ta' Ġunju 2013 li kien ippjanat tnaqqis ta' 889 impjieg fl-impriża;

16.

Jiddispjaċih, madankollu, tal-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali; jissuġġerixxi, fil-qafas ta' rieżami tar-Regolament FEG fil-ġejjieni, l-inklużjoni ta' konsultazzjoni formali mal-awtoritajiet politiċi u t-trade unions lokali fil-fajl li jkun fih l-applikazzjoni għal mobilizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni; iqis li hemm bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-FEG fil-programmi u l-proċessi ta' rikonverżjoni tat-tessuti ekonomiċi lokali;

17.

Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-ħaddiema diġà qed jiġu appoġġati bil-miżuri varji li qed jgħinuhom isibu impjiegi ġodda, u li sal-20 ta’ Mejju 2014, 108 minnhom kienu diġà sabu kuntratti ta’ aktar minn sitt xhur u 66 oħra ta' anqas minn sitt xhur, filwaqt li tlieta bdew in-negozju tagħhom stess u kważi kollha kienu għażlu li jibqgħu fir-reġjun;

18.

Jiddispjaċih li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti jikkonsistu f'azzjoni waħda biss, li trid tiġi implimentata minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn żewġ aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza titlob biss il-finanzjament ta’ dan il-punt uniku ta’ servizz mill-FEG; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ammont baxx ta' fondi għal kull ħaddiem (EUR 1 200 bejn wieħed u ieħor); jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi jipproponu programm aktar ambizzjuż inkluż firxa usa' ta' miżuri, bħal ċentru ta' akkoljenza u għajnuna individwali, gwida minn esperti esterni, sessjonijiet ta' ħidma tematiċi, taħriġ, allowances għal taħriġ u għotjiet għall-ħolqien ta' negozju, fl-applikazzjoni tal-FEG ipprogrammata tiegħu għall-kumplament tal-għeluq tas-siti tal-GAD;

19.

Jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jsiru permezz ta’ ħlas parzjali u abbażi tar-riżultati miksuba;

20.

Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti bil-miktub regolari jiżgura l-użu xieraq tal-fondi biex il-parteċipanti jiġu pprovduti karriera personalizzata, għadd suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta’ negozju fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ punt uniku ta' servizz;

21.

Ifakkar li l-fondi jridu jgħinu lill-ħaddiema u m’għandhomx fi kwalunkwe każ jappoġġaw lill-aġenziji;

22.

Jilqa’ l-fatt li l-aġenziji kkummissjonati jitħallsu skont skala definita abbażi tar-riżultati miksuba;

23.

Jinnota li 17,50 % tal-ħaddiema ssensjati għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jinnota barra minn hekk li dan il-grupp ta’ età qiegħed f’riskju ogħla ta’ qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; jikkunsidra, għaldaqstant, li dawn il-ħaddiema jista’ jkun li jkollhom bżonnijiet speċifiċi meta jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati;

24.

Jilqa' l-fatt li l-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

25.

Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, id-disinn tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

26.

Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma għamlux applikazzjoni għal finanzjament ta’ attivitajiet preparatorji, immaniġġjar u informazzjoni u pubbliċità.

27.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

(5)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(6)  FEG/2014/001 EL/Nutriart, li tikkonċerna prodotti moħmijin.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/005 FR/GDA, ippreżentata minn Franza)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/876/UE.)


Top