Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XG0614(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

    ĠU C 168, 14.6.2013, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 168/5


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

    2013/C 168/03

    IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:

    WAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI, B'MOD PARTIKOLARI:

    1.

    Il-kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ (1) li tidentifika l-benesseri u l-inklużjoni soċjali bħala tnejn mit-tmien oqsma ta' azzjoni tagħha u tenfasizza l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala rispons transsettorjali biex jintlaħqu l-objettivi ġeneali tal-Qafas; u li tirrakkomanda fokus miżjud fuq l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ.

    2.

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020” kif approvata mill-Kunsill Ewropew li jirrikonoxxi r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala fornitur ta' opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali liż-żgħażagħ kollha.

    3.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2).

    4.

    Il-Konklużjonijiet Konġunti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ organizzata mill-Presidenza Irlandiża, 11-13 ta' Marzu, 2013 (3).

    WAQT LI JIBNU FUQ:

    5.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fil-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010, dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ li tappella għal fehim aħjar tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u rwol imsaħħaħ, speċifikament fir-rigward tal-promozzjoni, l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fuq firxa ta' livelli.

    JIRRIKONOXXU LI:

    6.

    Iż-żgħażagħ jikkontribbwixxu b'mod attiv għall-infrastruttura soċjali u għall-vitalità tal-komunitajiet, kemm dawk ġeografiċi kif ukoll komunitajiet ta' interess. Iż-żgħażagħ jinkludu popolazzjoni diversa u dinamika b'realtajiet, ħtiġijiet, talbiet u aspirazzjonijiet differenti. Id-demografija, il-bijografija, id-diversità, it-transizzjonijiet u l-opportunitajiet huma kwistjonijiet li jkollhom impatt dirett fuq iż-żgħażagħ, u xi drabi jiddefinixxuhom. Għalhekk, il-politika dwar iż-żgħażagħ għandha tkun waħda li tirrifletti u twieġeb għal dawn il-kwistjonijiet, tkun waħda li tagħti kemm possibilitajiet kif ukoll l-abbiltà u tippromwovi opportunitajiet indaqs liż-żgħażagħ kollha.

    7.

    Il-“ħidma fost iż-żgħażagħ” huwa terminu wiesa' li jkopri ambitu wiesa' ta' attivitajiet ta' natura soċjali, kulturali, edukattiva jew politika minn, ma', u għaż-żgħażagħ. Aktar ma jmur, attivitajiet bħal dawn qed jinkludu wkoll l-isport u servizzi għaż-żgħażagħ. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tappartjeni għall-qasam tal-edukazzjoni “barra mill-iskola”, kif ukoll għal attivitajiet speċifiċi tal-ħin liberu ġestiti minn mexxejja taż-żgħażagħ u ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, professjonali jew volontarji. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija organizzata b'modi differenti (minn organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, gruppi informali jew permezz ta' servizzi taż-żgħażagħ u awtoritajiet pubbliċi). Din issir f'diversi forom u modi (pereżempju aċċess miftuħ, abbażi ta' gruppi, abbażi ta' programmi, ta' sensibilizzazzjoni u b'mod separat) u hija mogħtija forma fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

    8.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tiffoka fuq l-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ u għandha portata estiża li tilħaq u tinvolvi liż-żgħażagħ abbażi tal-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom u tieħu kont tal-ambjent tagħhom. Tali kopertura u portata tikkumplimenta reazzjonijiet politiċi oħra għaż-żgħażagħ u għalhekk il-ħidma fost iż-żgħażagħ tista' toffri liż-żgħażagħ punti ta' kuntatt, assoċjazzjoni u progress.

    9.

    L-inklużjoni soċjali tirrikjedi appoċċ komprensiv u trans-settorjali biex tiġi indirizzata n-natura multidimensjonali tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni fis-soċjetà.

    10.

    Il-ħidma fost iż-żagħżagħ għandha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u fit-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali. Il-ħidma fost iż-żagħżagħ toffri spazji u opportunitajiet ta' żvilupp għaż-żgħażagħ kollha u “hija bbażata fuq proċess ta' tagħlim mhux formali u informali (4) u fuq parteċipazzjoni volontarja” (5).

    11.

    Il-ħidma fost iż-żagħżagħ u inizjattivi taż-żagħżagħ effettivi jfittxu li jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ u jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà. Hija tipprovdihom b'ħiliet, kompetenzi u esperjenzi għall-ħajja, u b'hekk timmassimizza l-fatturi protettivi li jsaħħu l-iżvilupp, il-benesseri, l-awtonomija u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, inklużi dawk b'anqas opportunitajiet.

    12.

    Il-ħidma ta' kwalità fost iż-żagħżagħ hija impenn biex kontinwament jiġi żgurat u mtejjeb l-aqwa provvediment u prattika għaż-żagħżagħ. Huma l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-servizzi taż-żgħażagħ u l-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ li qed jaħdmu mal-partijiet interessati rilevanti li għandhom jippjanaw u jwettqu l-attivitajiet u l-programmi li huma rilevanti u jwieġbu għall-interessi, il-ħtiġijiet u l-esperjenzi taż-żgħażagħ, u li huma bbażati fuq l-evidenza u li jikkonċentraw fuq l-eżiti. Ir-riżultat ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ għandu jkun li ż-żgħażagħ jieħdu l-akbar benefiċċju mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    JIKKUNSIDRAW LI:

    13.

    L-Inklużjoni Soċjali għandha takkomoda u tinkludi liż-żgħażagħ kollha u l-kwistjonijiet li huma jiffaċċjaw, b'enfasi speċjali fuq dawk b'anqas opportunitajiet.

    Il-potenzjal tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li tikkontribwixxi għall-objettivi politiċi inkluża l-inklużjoni soċjali jista' jiġi aktar ottimizzat permezz ta' approċċ ikkonċentrat fuq il-kwalità u bbażat fuq l-evidenza li jpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-ippjanar u t-twettiq tal-forniment tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dan l-approċċ jappoġġa l-parteċipazzjoni, l-iżvilupp u l-progressjoni taż-żgħażagħ b'mod li jafferma l-qawwiet tagħhom, iżid ir-reżlijenza u l-kompetenzi u jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom biex jibnu kapital individwali, komunali u soċjali. Il-ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ hija tema universali li hija ta' ġid għaż-żgħażagħ, ittejjeb il-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika usa'.

    (a)

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tinvolvi liż-żgħażagħ matul perijodu ta' żvilupp sinifikanti fil-ħajja tagħhom, u għalhekk hija idealment pożizzjonata biex ittejjeb l-iżvilupp (personali, soċjali, edukattiv, vokazzjonali u okkupazzjonali), il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

    (b)

    Il-ħidma fost iż-żagħżagħ toffri esperjenzi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ kollha u topera kemm bħala attività ta' aċċess miftuħ kif ukoll bħala appoġġ maħsub li jista' jtejjeb il-kompetenzi taż-żgħażagħ filwaqt li jindirizza l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom, u jista' jkollha rwol partikolari għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u dawk iż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, fl-edukazzjoni jew f’taħriġ (NEETs).

    (c)

    L-organizzazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ hija diversa. Din ir-rikkezza u d-divesità (settorjali, organizzazzjonali u tematika) għandha tiġi rikonoxxuta.

    (d)

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ għandu jkollha pożizzjoni definita ċara dwar il-kontinwazzjoni tal-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja u għandha tkopri l-oqsma ta' tagħlim mhux formali u informali. Din il-pożizzjoni għandha tagħraf il-potenzjal li għandha l-ħidma fost iż-żgħażagħ biex il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ jintlaħqu saħansitra aktar minn kemm jintaħqu attwalment, u tagħti valur lir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex tinbena soċjetà inklużiva.

    (e)

    Approċċ ta' kwalità bbażat fuq l-evidenza jista' jkun għodda importanti biex tisaħħaħ l-aċċessibbiltà, il-viżibbiltà, l-impatt u l-effettività tal-politika u l-provvediment tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    (f)

    Il-ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ tista' tinkludi sistemi ta' evalwazzjoni adatti, ibbażati fuq awto-evalwazzjoni jew evalwazzjoni bejn il-pari, u fejn fattibbli, validati b'evalwazzjoni esterna. Tali sistemi jgħinu organizzazzjonijiet, programmi u attivitajiet ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, u jistgħu jtejbu l-kapaċità u l-effettività organizzazzjonali, u jipprovdu ċarezza lill-pubbliku rigward l-offerta u l-impatt tal-ħidma fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    (g)

    Sistemi ta' kwalità jiżguraw li l-vuċi taż-żgħażagħ hija ċentrali fit-tfassil u t-twettiq tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li l-organizzazzjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet jwieġbu u huma rilevanti għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ.

    (h)

    Sistemi ta' kwalità jgħinu lill-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ itejbu l-iżvilupp tal-prattika u l-ħiliet tagħhom billi joħolqu struttura u spazju għar-riflessjoni, id-djalogu u l-azzjoni.

    (i)

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ, permezz tal-enfasi tagħha fuq l-iżvilupp personali u dak soċjali, tikkontribwixxi għal firxa ta' eżiti politiċi għaż-żgħażagħ, l-aktar notevoli fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, l-impjiegi, u l-parteċipazzjoni fil-kultura u l-isport. Waqt li jiġu rikonoxxuti l-funzjonijiet distintivi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, tista' ssir enfasi akbar fuq l-identifikazzjoni tal-kontribut li tista' tagħti l-ħidma fost iż-żgħażagħ f'dawn l-oqsma usa' ta' politika.

    JIDENTIFIKAW Il-PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN BIEX TIĠI ŻGURATA U MTEJBA ĦIDMA TA' KWALITÀ FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦALL-IŻVILUPP, IL-BENESSERI U L-INKLUŻJONI SOĊJALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ:

    14.

    Bil-għan li jiġi żgurat li l-ħidma fost iż-żgħażagħ tkun rilevanti u twieġeb kemm għall-interessi kif ukoll għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u biex jiġi ottimizzat ir-rwol tagħha fil-kontribut għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali tagħhom, ġew identifikati l-prijoritajiet li ġejjin:

    (a)

    Il-promozzjoni tal-pożizzjoni kumplementari tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-ispettru tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja bil-għan li jkabbar l-esperjenza taż-żgħażagħ u jagħtihom l-għodda għall-ħajja.

    (b)

    L-appoġġ ta' allinjament akbar tal-politika taż-żgħażagħ (kif jiġu stabbiliti l-prijoritajiet), il-provvediment (kif jiġu organizzati l-organizzazzjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet), u l-prattika (kif jitwettqu l-organizzazzjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet) billi jiġu enfasizzati kollaborazzjoni aktar mill-qrib u skambju ta' għarfien bejn il-politika, ir-riċerika, il-prattika u l-komunitajiet taż-żgħażagħ biex jiġi żgurat rispons tal-ħidma fost iż-żgħażagħ aktar ikkordinat u bbażat fuq l-evidenza.

    (c)

    Il-promozzjoni ta' mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-ħidma fost iż-żgħażagħ tkun ibbażata fuq il-kwalità, ikkonċentrata fuq ir-riżultati u bbażata fuq l-evidenza.

    (d)

    L-iżvilupp ta' oqfsa ta' appoġġ ta' kwalità, inkluż għodod ta' valutazzjoni, għall-użu tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala mezz li jimmassimizza l-impatt tal-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ. Oqfsa bħal dawn għandhom jiġu implimentati, appoġġati u kkomunikati kif adatt u jinvolvu lill-partijiet interessati kollha inkluż iż-żgħażagħ.

    (e)

    Ħidma li tiżgura li inizjattivi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ (provvediment u prattika) jiġu infurmati bil-vuċi u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ stess, u b'hekk jipprovdu spazju inklużiv għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw u jingħataw is-setgħa.

    (f)

    Filwaqt li jiġu rispettati l-integrità u l-impatt distintivi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, jiġu determinati u rikonoxxuti l-ħiliet personali, soċjali u professjonali u l-kompetenzi li ġejjin mill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħidma fost iż-żgħażagħ biex ikun jidher l-impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ f'oqsma ta' politika relatati u jiġu prattikati d-dixxiplini.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ:

    15.

    Jippromwovu, permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, tisħiħ tar-relazzjonijiet, kemm fil-politika u l-prattika, ma' oqsma relatati maż-żgħażagħ bħas-Saħħa, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-Impjiegi, il-Kultura u l-Isport.

    16.

    Jippromwovu, fil-provvediment u l-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, enfasi fuq il-kwalità u l-kisba ta' riżultati tal-ħidma fost iż-żgħażagħ li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

    17.

    Jappoġġaw kollaborazzjoni akbar fost l-atturi interessati kollha tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (b'mod partikolari r-riċerkaturi, dawk li jfasslu l-politika, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, prattikanti u żgħażagħ) biex jiddeterminaw l-impatt ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, għaż-żgħażagħ innifishom, is-settur taż-żgħażagħ u oqsma ta' politika relatati pereżempju permezz tal-iżvilupp tal-evidenza tal-impatt tal-ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ u billi jiġu ffaċilitati u mtejba r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

    18.

    Jinkoraġġixxu u jappoġġaw liż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni, is-soċjetà ċivili u inizjattivi ta' kwalità għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-ħajja demokratika u jagħmlu użu minn għodod eżistenti u ġodda biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika, u b'hekk itejbu l-iżvilupp, il-benesseri u l-inklużjoni soċjali tagħhom.

    19.

    Permezz ta' opportunitajiet u programmi ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, jippromwovu t-tagħlim esperjenzali u l-iżvilupp tal-ħiliet, inkluż ħiliet trasferibbli għaż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' dawn il-ħiliet u l-kompetenzi.

    20.

    Jappoġġaw is-settur taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-istrutturi, il-metodi ta' ħidma u l-kanali ta' komunikazzjoni tiegħu sabiex isir kuntatt ma' aktar żgħażagħ, speċjalment dawk fir-riskju ta' esklużjoni soċjali.

    21.

    Jistimulaw u jappoġġaw involviment immexxi mill-voluntieri fil-provvediment taż-żgħażagħ għall-promozzjoni tad-diversità, l-inklużjoni soċjali u l-bini tal-kapital soċjali.

    22.

    Jippromwovu l-kontribut ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ billi jżidu l-opportunitajiet ta' fondi biex tiġi appoġġata ħidma effettiva fost iż-żgħażagħ.

    23.

    Iħeġġu, permezz tal-programmi rilevanti, pjattaformi u repożitorji tar-riżorsi, l-iskambju Ewropew u internazzjonali ta' prattiki tajbin, it-taħriġ, il-kisba ta' ħiliet u t-tagħlim mill-pari b'rabta ma' ħidma fost iż-żgħażagħ ikkonċentrata fuq il-ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ.

    24.

    Tistabbilixxi grupp tematiku ta' esperti biex jeżamina sistemi ta' kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE bil-ħsieb li jiġi esplorat kif jistgħu jiġu żviluppati indikaturi jew oqfsa komuni. Il-ħidma ta' dan il-grupp ser tkun infurmata mill-istudju li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ser jilħaq il-qofol tiegħu f'rapport li jiddeskrivi r-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati fil-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ. Abbozz ta' deskrizzjoni tat-termini ta' referenza ssuġġeriti u s-sħubija ta' dan il-grupp tematiku ta' esperti jinsab fl-Anness.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    25.

    Tfittex li tibni fuq is-sejbiet tal-istudju li jmiss tagħha dwar is-siwi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-identifikazzjoni ta' liema inizjattivi huma meħtieġa għall-promozzjoni ta' ħidma fost iż-żgħażagħ bbażata fuq il-kwalità u effettiva.

    26.

    Tqis studji ta' riċerka u inizjattivi oħrajn f'dan il-qasam. Ixxerred is-sejbiet u tiżviluppa tagħlim għall-politika, ir-riċerka, il-prattika u l-komunitajiet taż-żgħażagħ, kif ukoll għal oqsma ta' politika relatati.

    27.

    Tikkunsidra segwitu adatt għall-istudju li jmiss dwar il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-eżitu tal-grupp tematiku ta' esperti dwar ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ.


    (1)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1) u r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-2012 dwar l-implimentazzjoni u l-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2010-2018) (ĠU C 394, 20.12.2012, p. 5).

    (2)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

    (3)  7808/13.

    (4)  Tagħlim mhux formali u tagħlim informali kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012).

    (5)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010, dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, paġna 3.


    ANNESS

    Abbozz ta' termini ta' referenza u kriterji ta' sħubija ssuġġeriti għall-grupp tematiku ta' esperti li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri Ewropej u l-Kummissjoni

    Fini

    Li jiġu eżaminati s-sistemi ta' kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE u jiġi esplorat kif jistgħu jiġu żviluppati indikaturi jew oqfsa komuni. Dan ser jinkludi deskrizzjoni tal-prattika, il-proċess u l-prodott tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-involviment, l-iżvilupp u l-progress taż-żgħażagħ.

    Sħubija

    Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-grupp tematiku ta' esperti ser tkun volontarja. L-Istati Membri jistgħu jissieħbu f'kull ħin.

    L-Istati Membri għandhom jinnominaw, permezz tal-Kummissjoni, individwi b'esperjenza u għarfien espert fil-qasam tematiku. Dawk nominati ser jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali u atturi interessati oħrajn jiġu mgħarrfa bil-progress tal-grupp ta' esperti.

    Il-grupp tematiku ta' esperti jista' jistieden nominati addizzjonali għall-grupp jekk meħtieġ.

    Il-grupp tematiku ta' esperti jista' wkoll jistieden rappreżentanti ta' partijiet interessati u rappreżentanti żgħażagħ minn pajjiżi mhux tal-UE fil-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni jew programmi sussegwenti kif tikkunsidra adatt.

    Proċeduri ta' Ħidma

    Il-ħidma tal-grupp tematiku ta' esperti ser jikkonċentra fuq il-kompitu u jkun marbut biż-żmien (mhux aktar minn 18-il xahar). Termini ta' referenza dettaljati u programm ta' ħidma konċiż b'riżultati li jistgħu jitkejlu u jinkisbu ser jiġu żviluppati mill-grupp.

    Ser jiġu nominati president u kopresident mill-grupp fil-laqgħa inizjali tal-grupp tematiku ta' esperti.

    Il-laqgħat kollha ser isiru fi Brussell; madankollu l-Istati Membri jistgħu jospitaw laqgħat okkażjonali, jekk mixtieq.

    Il-Kummissjoni ser tagħti appoġġ loġistiku, segretarjali u ta' għarfien espert fl-istabbiliment u t-tmexxija tal-grupp ta' esperti.

    Il-grupp ser jagħti aġġornamenti regolari fil-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ rigward il-progress.

    Ser jiġi ppreżentat rapport finali tal-grupp espert lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ, inklużi rakkomandazzjonijiet, biex jinforma l-iżvilupp tal-politika u l-provvediment ta' ħidma fost iż-żgħażagħ.


    Top