EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XG0305(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar- Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l- Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013

ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013

2013/C 64/06

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FIL-KUNTEST TA':

1.

L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.

L-istrateġija Ewropa 2020, u b'mod partikolari l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 u tal-2013 u r-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għall-pajjiżi.

3.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (“ET2020”) (1), li l-għan primarju tiegħu huwa l-appoġġ għal aktar żvilupp tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri bl-għan li jiġi żgurat is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini kollha, kif ukoll il-prosperità ekonomika sostenibbli u l-impjegabbiltà, filwaqt li jiġu promossi l-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, il-kreattività u l-innovazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva, u d-djalogu interkulturali.

4.

Ir-Rapport Konġunt ta' Frar 2012 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku “ET2020” (2), li stabbilixxa passi għall-mobilizzazzjoni tal-proċess “ET2020” f'appoġġ għall-objettivi ta' Ewropa 2020 dwar it-tkabbir u l-impjiegi, u identifika għadd ta' oqsma ta' prijorità għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu 2012-2014.

5.

Kriżi ekonomika sostnuta ssottolinjata mill-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni, li jipprevedu rkupru ekonomiku aktar bil-mod milli mistenni u qgħad massimu ta' kważi 11 % fl-2013 (3), b'livelli ta' 60 % ta' qgħad ogħla għal ħaddiema b'ħiliet limitati (4).

6.

Il-ħtieġa li titwaqqaf iż-żieda fil-qgħad taż-żgħażagħ fl-Ewropa, issa f'rata medja ta' kważi 23 % u b'żieda ta' aktar minn 50 % f'diversi Stati Membri (5).

7.

Evidenza dejjem tikber li l-provvista tal-ħiliet mhix qed tilħaq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'aktar minn żewġ miljuni postijiet tax-xogħol vakanti attwalment madwar l-Ewropa (6).

8.

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-pedamenti għal tkabbir u kompetittivita futuri f'kuntest ta' finanzi pubbliċi stretti permezz ta' investimenti aktar effiċjenti f'sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u r-rendimenti soċjali u ekonomiċi innegabbli ta' dawn l-investimenti.

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar l-Edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 – il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi (7), li qablu li s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-livell ministerjali, għandu jkollu rwol aktar prominenti kemm fid-definizzjoni tal-approċċi u l-objettivi komuni relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tas-Semestru Ewropew ta' Ewropa 2020.

10.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012 (8), li:

appellaw lill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżguraw segwitu rapidu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Edukazzjoni  (9),

laqgħu l-progress li sar lejn approċċ komprensiv tal-UE għall-impjiegi taż-żgħażagħ u appellaw lill-Kunsill biex jikkunsidra l-proposti tal-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ,

enfasizzaw l-importanza li jiġu segwiti politiki fiskali differenzjati, favorevoli għat-tkabbir u sodi u li l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati b'objettivi ta' dixxiplina fiskali.

11.

L-istabbiliment, soġġett għal negozjati li għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, ta' rabta bejn l-għażla tal-prijoritajiet tal-investiment u l-interventi għall-ipprogrammar futur tal-Fondi Strutturali 2014-2020 u l-isfidi ta' politika ssottolinjati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tal-Istati Membri.

JILQA':

1.

Ir-rwol ċentrali assenjat lill-edukazzjoni u t-taħriġ bħala xprun fundamentali għat-tkabbir u l-kompetittività fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013, inkluża r-referenza għar-rwol fundamentali tal-investimenti fil-kapital uman għat-trattament u l-prevenzjoni tal-qgħad u t-tħejjija ta' rkupru mogħni bl-impjiegi.

2.

Il-pożizzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 dwar il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata, li tappella lill-Istati Membri biex jippreservaw il-potenzjal tat-tkabbir futur billi jagħtu prijorità lil, u fejn possibbli, it-tisħiħ tal-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.

L-appell tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 għar-riformi biex titjieb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-livelli ġenerali ta' ħiliet, b'rabta eqreb tad-dinjiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni, filwaqt li jiġi rikonoxxut li m'hemmx aġenda “daqs wieħed jgħodd għal kulħadd” u li xi riformi jistgħu jieħdu ammont ta' żmien sinifikanti biex iħallu l-effetti.

4.

L-importanza li tingħata lill-ħiliet, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja fit-titjib tal-impjegabbiltà u, b'mod partikolari, it-trattament u l-prevenzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tiegħu, li ħafna minnhom huma eżaminati fil-komunikazzjoni reċenti tal-20 ta' Novembru 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

1.

Jiżguraw li l-aspetti soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu sostnuti u li jingħataw opportunitajiet ugwali ta' aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, sabiex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu għat-trawwim ta' koeżjoni soċjali, żvilupp sostenibbli, ċittadinanza attiva u sodisfazzjon personali fis-soċjetajiet Ewropej.

2.

Isaħħu r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istrateġija Ewropa 2020, b'kont meħud tal-komunikazzjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Edukazzjoni kif ukoll l-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), u filwaqt li jiffokaw – f'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali u dawk ta' “ET2020” u abbażi tar-riżorsi disponibbli – fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)

titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u tal-livelli ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenza, pereżempju billi jorbtu d-dinja tax-xogħol u d-dinja tal-edukazzjoni b'mod aktar mill-qrib, u billi jiżguraw komunikazzjoni effettiva u sħubiji b'saħħithom bejn l-oqsma ta' politika rilevanti, is-sottosetturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, u l-livelli differenti ta' governanza;

(b)

promozzjoni ta' eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, pereżempju billi jiġu żviluppati sistemi tal-ETV b'assigurazzjoni ta' kwalità b'komponent qawwi ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, billi jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta' kwalifiki postsekondarji u terzjarji b'ċiklu qasir, f'konformità mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jew b'rabta mal-ewwel ċiklu fil-kuntest tal-Proċess ta' Bolonja, u b'iffokar fuq oqsma ta' tkabbir potenzjali jew oqsma b'nuqqasijiet ta' ħiliet, u billi l-politiki tal-ETV jiġu allinjati ma' strateġiji nazzjonali, reġjonali jew lokali dwar l-iżvilupp ekonomiku;

(c)

titjib tal-prestazzjoni ta' żgħażagħ f'riskju għoli ta' tluq bikri mill-iskola u b'ħiliet bażiċi baxxi f'konformità mal-qafas stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2011 (10), pereżempju permezz ta' identifikazzjoni bikrija ta' individwi li jiksbu riżultati baxxi f'ħiliet bażiċi fil-fażijiet kollha tal-edukazzjoni, billi jiġi pprovdut appoġġ individwalizzat – filwaqt li jiġu vvalidati l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksubin f'arranġamenti mhux formali u informali – u billi jiġu miġġielda l-kawżi tar-riżultati baxxi bl-għajnuna ta' edukazzjoni u kura ta' kwalità għolja u aċċessibbli fit-tfulija bikrija;

(d)

tnaqqis tal-għadd ta' adulti b'ħiliet baxxi, pereżempju billi jiżdiedu l-inċentivi għat-taħriġ tal-adulti, billi tiġi pprovduta informazzjoni dwar aċċess għal servizzi ta' tagħlim tul il-ħajja, bħal informazzjoni dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali (11) u gwida dwar il-karrieri, u billi jiġu offruti opportunitajiet ta' tagħlim imfasslin apposta għal individwi li qed jitgħallmu;

(e)

introduzzjoni ta' miżuri biex jiġu żviluppati ħiliet u kompetenzi trasversali kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (12), minn stadji bikrija tal-edukazzjoni sal-edukazzjoni għolja, bl-użu ta' approċċi pedagoġiċi innovattivi u ffokati fuq l-istudent;

(f)

reviżjoni u tisħiħ tal-profil professjonali tal-professjoni tat-tagħlim (inklużi l-għalliema, il-mexxejja tal-iskejjel u l-edukaturi tal-għalliema), f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, pereżempju billi tiġi żgurata edukazzjoni inizjali effettiva għall-għalliema u billi jiġu pprovduti sistemi koerenti u b'riżorsi adegwati għar-reklutaġġ, l-għażla, l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, appoġġ fil-bidu tal-karriera u żvilupp professjonali kontinwu bbażat fuq il-kompetenzi għall-persunal tat-tagħlim;

(g)

ottimizzazzjoni ta' tagħlim appoġġat mill-ICT u aċċess għal kwalità għolja ta' Riżorsi Edukattivi Miftuħin (OERs), pereżempju billi jiġu appoġġati t-tagħlim ibbażat fuq l-ICT u l-prattika tal-valutazzjoni, tiġi promossa t-trasparenza tad-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u l-produtturi ta' kontenut diġitalizzat, u billi jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ meta jadottaw għall-emerġenza tal-OERs, b'mod partikolari fir-rigwar tal-assigurazzjoni u l-monitoraġġ tal-kwalità;

(h)

prijoritizzazzjoni, u fejn possibbli tisħiħ, ta' investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt li ssir ħidma għat-titjib tal-effiċjenza ta' nfiq bħal dan u filwaqt li jiġu stimolati dibattiti nazzjonali dwar mekkaniżmi ta' finanzjament sostenibbli u bbilanċjati, bl-involviment ta' firxa wiesa' ta' partijiet interessati.

JAQBEL LI:

Bil-ħsieb li jkollhom rwol aktar prominenti fl-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew, il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport – u/jew fejn adatt, il-korpi preparatorji rilevanti – għandhom jikkunsidraw, bil-qbil tal-Istati Membri kkonċernati, il-progress li sar mill-Istati Membri fir-reazzjoni tagħhom għall-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (13). Barra minn hekk, u f'konformità mal-“pjan direzzjonali” għas-Semestru Ewropew imħejji mill-Presidenza, Kumitati rilevanti bħall-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) jistgħu jiġu appoġġati kif adatt mill-Kumitat tal-Edukazzjoni fir-rigward tal-eżami tal-abbozz ta' CSRs fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

JINNOTA L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

1.

Filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltà nazzjonali għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-awtonomija istituzzjonali tal-fornituri tal-edukazzjoni, tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi tagħmel użu sħiħ mill-programmi u l-fondi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u permezz ta' bażi ta' evidenza mtejba, analiżi dettaljata tal-ispejjeż vis-a-vis il-benefiċċji u aktar trasparenza, inkluż billi:

(a)

ittejjeb il-kompetenza esperta tagħha speċifika għall-pajjiżi, il-kompetenza tagħha li tappoġġa lill-pajjiżi u l-kapaċità analitika tagħha;

(b)

ikollha kuntatti strutturati mal-Istati Membri, inklużi laqgħat bilaterali f'mumenti ewlenin fil-fażi preparatorja li twassal għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz ta' CSRs;

(c)

tiżgura koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-attivitajiet imwettqin mill-gruppi ta' ħidma dwar il-MMK (14) stabbiliti taħt il-qafas “ET2020” u li t-tali gruppi kollha jiffokaw fuq l-isfidi ta' politika ewlenin identifikati permezz tal-proċessi ta' “ET 2020”, Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew;

(d)

teżamina l-vijabbiltà tal-appoġġ għall-Istati Membri, meta tintalab, billi tistieden esperti għal diskussjoni fil-fond ta' kwistjonijiet speċifiċi f'pajjiżhom, bl-użu ta' strumenti finanzjarji rilevanti, inkluż billi tappoġġa l-parteċipazzjoni ta' esperti magħrufin internazzjonalment;

(e)

f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, teżamina l-feedback dwar l-operazzjoni tal-ewwel iterazzjoni tal-Monitoraġġ ġdid tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u tal-Forum tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u tagħmel proposti biex jiġi żgurat valur miżjud mill-applikazzjoni ta' dawn l-għodod ġodda fis-Semestru Ewropew;

(f)

f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tikkunsidra ħidma metodoloġika ulterjuri fir-rigward tal-ġbir ta' data rilevanti sabiex tiġi appoġġata l-proposta li saret (15) għal punt ta' riferiment possibbli li għandu jiġi adottat mill-Kunsill fil-qasam tal-kompetenzi tal-lingwa.

2.

Tappoġġa inizjattivi – bħall-Alleanza proposta fil-livell tal-UE għall-Apprendistati – bl-għan li jittejjeb it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u jiġu involuti sħubiji sodi bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi, b'mod partikolari sħab soċjali, negozji u fornituri tal-EVT, f'konformità mal-Proċess ta' Kopenħagen.

3.

Tesplora ma' sħab soċjali fil-livell tal-UE għażliet għaż-żieda tal-livell u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ mogħtija lill-adulti bil-ħsieb li l-forza tax-xogħol tingħata taħriġ mill-ġdid u mtejjeb.

4.

F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u partijiet interessati rilevanti, tivvaluta l-impatt tal-ħolqien potenzjali ta' Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki biex tiġi promossa konverġenza aktar b'saħħitha bejn għodod differenti tal-UE u nazzjonali għat-trasparenza u r-rikonoxximent, sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti faċilment transkonfinalment.

5.

F'koordinazzjoni ma' kwalunkwe inizjattiva mill-Istati Membri f'dan il-qasam, tniedi inizjattiva ġdida dwar “il-Ftuħ tal-Edukazzjoni”, filwaqt li tanalizza l-impatt tal-għoti ta' appoġġ tal-UE biex iżid l-aċċess u l-użu ta' Riżorsi Edukattivi Miftuħin u ICT b'assigurazzjoni ta' kwalità.

6.

Tintroduċi azzjonijiet li jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali, b'mod partikolari gwida politika, u qafas li jinkoraġġixxi l-edukazzjoni intraprenditorjali fil-livell istituzzjonali.

7.

Tanalizza l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u tagħti bidu għal dibattitu fil-livell tal-UE ma' partijiet interessati rilevanti dwar il-benefiċċji ta' investimenti fis-setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Jistabbilixxu rabta eqreb bejn l-isfidi prinċipali strateġiċi tal-politika identifikati permezz tas-Semestru Ewropew u l-attivitajiet tal-MMK, u jiżviluppaw, meta jintalbu, dimensjoni speċifika għall-pajjiż biex Stati Membri individwali jew gruppi tagħhom jiġu assistiti fis-segwiment ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs).

2.

Jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari kif stabbilit fil-MMK permezz ta' metodi ta' ħidma mtejba inkluż, kif adatt:

(a)

Komplementarjetà aktar b'saħħitha tal-attivitajiet u evitar ta' duplikazzjoni billi tiġi sfruttata b'mod aħjar il-preżenza li l-Istati Membri tal-UE għandhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-OECD (16), il-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa;

(b)

Strutturi u proċeduri li jżidu l-effiċjenza, l-effettività u s-sjieda tal-Istati Membri fil-proċess tal-MMK, pereżempju fil-livelli ta' Diretturi Ġeneral u ta' esperti ewlenin li jfasslu l-politika;

(c)

Proċess ta' rieżami bejn il-pari volontarju u strutturat li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u jibni fuq l-esperjenza miksuba fir-rieżami pilota ta' bejn il-pari ta' Settembru 2012;

(d)

Feedback regolari mill-gruppi ta' ħidma kollha lill-Kumitat tal-Edukazzjoni u/jew gruppi rilevanti oħra u l-preżentazzjoni tas-sejbiet prinċipali tal-politika tagħhom lill-Kunsill fil-forma ta' mudell standard;

(e)

Komunikazzjoni regolari bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni, b'mod partikolari, u l-gruppi ta' ħidma tematiċi kollha sabiex jiġi żgurat li l-gruppi ta' ħidma jiġu informati bis-sħiħ dwar il-kuntest li fih huma qed joperaw u dwar kwalunkwe żvilupp li jkun għaddej rilevanti għall-kompetenzi tagħhom;

(f)

Mandati ċari u proċeduri operattivi standard (jiġifieri termini ta' referenza, riżultati, rekwiżiti ta' sħubija u klawżoli sunset) għall-gruppi ta' ħidma tematiċi kollha, inkluż billi jiġi żgurat l-isfruttament tal-potenzjal tal-ICT permezz, pereżempju, tat-twettiq ta' laqgħat virtwali;

(g)

Arranġamenti strutturati ta' disseminazzjoni li jinkludu dimensjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, li għandhom jiġu stabbiliti qabel il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-gruppi ta' ħidma, inklużi pubblikazzjoni multilingwi tal-verżjonijiet fil-qosor tal-kontributi tal-gruppi ta' ħidma.

3.

Jistimulaw proċess kostruttiv ta' segwiment tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi permezz ta' kondiviżjoni, mal-kumitati ta' politika rilevanti (jiġifieri il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tal-Impjiegi) u fuq bażi regolari, ir-riżultati tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tal-MMK imsemmija qabel.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.

(3)  Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa mill-Kummissjoni Ewropea (Novembru 2012).

(4)  Statistika tal-Eurostat dwar il-Qgħad (Novembru 2012).

(5)  “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi” – COM(2012) 727 final, 5 ta' Diċembru 2012.

(6)  Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa, 7 ta' Diċembru 2012.

(7)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 5.

(8)  EUCO 205/12.

(9)  14871/12 + ADD 1-8.

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1).

(11)  f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).

(12)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(13)  Riżerva DE dwar it-tieni nofs ta' din is-sentenza (minn “– għandhom jikkunsidraw …”).

(14)  Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni.

(15)  Ara d-dokument 14871/12 ADD 2, p. 3.

(16)  Id-dritt għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-ħidma ta' din l-organizzazzjoni għandu jkun żgurat.


Top