EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0313(03)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Diċembru 2012 li tirrigwarda proċediment skont l-artikolu 101 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.847 – E-BOOKS) (notifikata bid-dokument C(2012) 9288)

ĠU C 73, 13.3.2013, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/17


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta' Diċembru 2012

li tirrigwarda proċediment skont l-artikolu 101 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Każ COMP/39.847 – E-BOOKS)

(notifikata bid-dokument C(2012) 9288)

(It-test bl-ingliż biss huwa awtentiku)

2013/C 73/07

Fit-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni b'dan qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penali imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-ħarsien tal-interessi kummerċjali tagħhom.

1.   DAĦLA

(1)

Id-deċiżjoni hija indirizzata lil Apple Inc (“Apple”), Hachette Livre SA (“Hachette”), HarperCollins Publishers Limited u HarperCollins Publishers L.L.C. (kollettivament “Harper Collins”), Georg von Holtzbrinck GmbH & Co. KG u Verlagsgruppe Georg von Holtzbrinck GmbH (kollettivament “Holtzbrinck/Macmillan”), Simon & Schuster, Inc., Simon & Schuster (UK) Ltd, u Simon & Schuster Digital Sales, Inc. (kollettivament “Simon & Schuster”) kollettivament magħrufa bħala “l-Erba’ Pubblikaturi”. Id-deċiżjoni tikkonċerna l-imġiba ta’ dawn il-partijiet b’rabta mal-prezzijiet bl-imnuti tal-kotba elettroniċi.

2.   IL-PROĊEDURA

(2)

Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti kontra l-Apple, l-Erba' Pubblikaturi u pubblikatur internazzjonali kbir ieħor magħruf bħala Pearson/Penguin, wara tħassib preliminari rigward prattika konċertata possibbli bejn dawn l-impriżi bil-għan li jgħollu l-prezzijiet bl-imnuti fiż-ŻEE. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-imġiba ta' Pearson/Penguin għadha għaddejja. Fit-13 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni adottat Valutazzjoni Preliminari indirizzata lill-Erba’ Pubblikaturi u lill-Apple.

(3)

Bejn it-12 u t-18 ta’ Settembru 2012, l-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple issottomettew abbozz ta’ impenji inizjali biex jindirizzaw it-tħassib stabbilit fil-Valutazzjoni Preliminari (“Impenji Inizjali”).

(4)

Fid-19 ta’ Settembru 2012, ġie ppubblikat f'il-Ġurnal Uffiċjali Avviż taħt tal-Artikolu 27(4) li stieden lill-partijiet terzi biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ impenji fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni (it-“Test tas-Suq”).

(5)

Fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Erba’ Pubblikaturi dwar l-osservazzjonijiet li rċeviet mill-partijiet terzi interessati wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fl-24 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni offriet li tinforma lill-Apple dwar dawn l-osservazzjonijiet.

(6)

Fl-isfond tal-osservazzjonijiet li waslu, l-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple, bejn il-31 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Novembru 2012, ippreżentaw impenji emendati, bl-intenzjoni li jsiru finali (“Impenji Finali”).

(7)

Fis-27 ta' Novembru 2012, il-Kumitat Konsultattiv approva l-abbozz tad-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Fis-27 ta' Novembru 2012, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

3.   TĦASSIB MURI FIL-VALUTAZZJONI PRELIMINARI

Ftehimiet ta' Aġenzija ffirmati bejn tal-anqas kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple fl-Istati Uniti u ż-ŻEE

(8)

Fil-Valutazzjoni Preliminari, l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li qabel l-2009, tal-anqas l-Erba’ Pubblikaturi esprimew lil xulxin tħassib fir- rigward tal-prezzijiet bl-imnut tal-kotba elettroniċi li kienu qed jiġu stabbiliti mil-Amazon, bejjiegħ kbir onlajn, bil-prezz bl-ingrossa jew orħos. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni preliminari li mhux aktar tard minn Diċembru 2009, kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi impenja ruħu f’kuntatti diretti jew indiretti (permezz tal-Apple) bl-għan jew li jgħolli l-prezzijiet għall-konsumaturi tal-kotba elettroniċi iktar minn dawk tal-Amazon (kif kien il-każ fir-Renju Unit) jew bl-għan li jevita li jaslu dawn il-prezzijiet (kif kien il-każ fi Franza u l-Ġermanja) fiż-ŻEE. Sabiex jinkiseb dan l-għan, l-Erba’ Pubblikaturi flimkien mal-Apple kellhom l-intenzjoni li flimkien jittrasferixxu l-bejgħ ta’ kotba elettroniċi mill-mudell ta’ bejgħ bl-ingrossa (fejn il-bejjiegħ jiddetermina l-prezzijiet għall-konsumaturi) għall-mudell ta' aġenzija (fejn il-pubblikatur jiddetermina l-prezzijiet għall-konsumaturi) fuq bażi globali u skont l-istess termini ewlenin tal-ipprezzar, l-ewwel mal-Apple u imbagħad ma’ bejjiegħa oħra (inkluż l-Amazon).

(9)

Fil-Valutazzjoni Preliminari, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni preliminari li sabiex jitwettaq dan it-trasferiment konġunt, kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi kellu jiżvela lil, u/jew jirċievi informazzjoni mill-Erba' Pubblikaturi l-oħra u/jew mill-Apple, rigward l-intenzjonijiet futuri tal-Erba' Pubblikaturi fir-rigward ta': (i) jekk jidħolx jew le fi ftehim ta' aġenzija mal-Apple fl-Istati Uniti; u (ii) it-termini ewlenin li taħthom kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi jidħol fit-tali ftehim ta' aġenzija mal-Apple fl-Istati Uniti, inkluża klawsola tal-pajjiż l-aktar favorit (Most Favourite Nation (MFN)) dwar il-prezz għall-konsumaturi, netwerks tal-prezz massimu tal-konsumatur u l-livell ta’ kummissjoni li jrid jitħallas lill-Apple. Il-klawsola MFN dwar il-prezz għall-konsumaturi prevediet li kull wieħed mill-pubblikaturi jkollu jqabbel fuq l-iBookstore tal-Apple kwalunkwe prezz irħas disponibbli għall-istess kotba elettroniċi minn bejjiegħa onlajn oħra. Flimkien ma’ termini ewlenin oħra ta’ prezzar, il-klawsola MFN setgħet irriżultat f’introjti iktar baxxi għall-pubblikaturi jekk xi bejjiegħa komplew joffru kotba elettroniċi bi prezzijiet li dakinhar kienu prevalenti fis-suq. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni preliminari li l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-pubblikaturi tal-klawsola MFN dwar il-prezzijiet bl-imnut kienu tali li din il-klawsola serviet bħala “mezz ta' impenn” konġunt. Kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi kien f’pożizzjoni li jisforza lill-Amazon jaċċetta bidla għall-mudell ta' aġenzija jew inkella jiffaċċja r-riskju li jkun imċaħħad l-aċċess għall-kotba elettroniċi ta’ kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi, jekk wieħed jassumi li tal-anqas l-Erba’ Pubblikaturi kollha kellhom l-istess inċentiv matul l-istess perjodu ta’ żmien, u li l-Amazon ma setax fl-istess ħin ikompli jkun miċħud aċċess anke għal parti biss tal-katalgu tal-kotba elettroniċi ta’ tal-anqas kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi.

(10)

Fil-Valutazzjoni Preliminari, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li l-għan tal-Apple kien li ssib mod kif il-prezzijiet għall-konsumaturi jkunu fl-istess livell bħal tal-Amazon filwaqt li fl-istess ħin xorta jagħmel il-qligħ mixtieq. L-Apple kienet tkun taf li dan l-għan u l-għan ta’ kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi li jgħollu l-prezzijiet bl-imnut ’il fuq mil-livell stabbilit mill-Amazon (jew li jevita l-introduzzjoni ta’ prezzijiet irħas mill-Amazon) jista’ jinkiseb jekk l-Apple: (i) issegwi s-suġġeriment ta’ għall-inqas xi wħud mill-Erba’ Pubblikaturi li tidħol fis-suq għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi taħt il-mudell ta' aġenzija flok taħt il-mudell ta’ bejgħ bl-ingrossa u (ii) infurmat lil kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi jekk kwalunkwe wieħed minn tal-anqas l-Erba' Pubblikaturi l-oħra kienu se jidħlu fi ftehim ta' aġenzija mal-Apple fl-Istati Uniti bl-istess termini ewlenin.

L-Artikolu 101(1) u 101(3) tat-TFUE, Artikolu 53(1) u 53(3) tal-Ftehim ŻEE

(11)

L-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li t-trasferiment konġunt għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi mill-mudell ta’ bejgħ bl-ingrossa għall-mudell ta' aġenzija bl-istess termini ewlenin ta’ pprezzar fuq bażi globali, wassal għal prattika konċertata bl-għan li jew jogħlew il-prezzijiet bl-ingrossa tal-kotba elettroniċi fiż-ŻEE jew li jkun evitat li jitfaċċaw prezzijiet irħas tal-kotba elettroniċi fiż-ŻEE.

(12)

Il-prattika konċertata bejn u fost l-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple x'aktarx taffettwa ħafna l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

(13)

Barra minn hekk, l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-Artikolu 101(3) tat-TFUE u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE f’dan il-każ ma japplikawx peress li l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f'dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex sodisfatti.

(14)

It-tħassib tal-Kummissjoni identifikat fil-Valutazzjoni Preliminari mhux relatat mal-użu leġittimu tal-mudell ta' aġenzija għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi. Kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple jibqgħu liberi li jidħlu fi ftehimiet ta' aġenzija f’konformità mal-Impenji Finali sakemm dawk il-ftehimiet u d-dispożizzjonijiet tagħhom ma jiksrux il-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(15)

Barra minn hekk, il-Valutazzjoni Preliminari kienet bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali li jippermettu lill-pubblikaturi biex jistabbilixxu l-prezzijiet għall-konsumaturi tal-kotba elettroniċi skont id-diskrezzjoni tagħhom (“il-liġijiet RPM”).

4.   L-IMPENJI INIZJALI, IT-TEST TAS-SUQ U L-IMPENJI FINALI

(16)

L-Erba' Pubblikaturi u Apple ma qablux mal-Valutazzjoni Preliminari tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2012. Madankollu, sabiex ikun indirizzat it-tħassib tal-Kummissjoni kif stabbilit f'dik il-Valutazzjoni Prelimari, bejn it-12 u t-18 ta' Settembru 2012, offrew l-Impenji Inizjali tagħhom. Wara t-tmiem tat-Test tas-Suq, bejn il-31 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Novembru 2012, il-partijiet issottomettew l-Impenji Finali.

(17)

L-elementi ewlenin tal-Impenji Inizjali offruti minn kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple huma kif ġej:

(18)

Kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple se jwaqqfu il-ftehimiet ta' aġenzija għall-bejgħ ta' kotba elettroniċi fiż-ŻEE konklużi bejn kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi u l-Apple. L-Apple se tinnotifika wkoll pubblikatur kbir internazzjonali ieħor tal-kotba elettroniċi li t-tali pubblikatur se jwaqqaf immedjatament il-ftehim ta' aġenzija tiegħu, u fil-każ li dan il-pubblikatur ma jipprovdix lill-Apple bl-avviż tal-waqfien, l-Apple se twaqqaf il-ftehim f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti hawnhekk.

(19)

Kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi se joffri lil kull bejjiegħ minbarra l-Apple l-opportunità li jwaqqaf kull ftehim ta' aġenzija konkluż għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi li (i) jirristrinġi, jillimita jew jimpedixxi l-kapaċità tal-bejjiegħ li jistabbilixxi, jibdel jew iraħħas il-prezz bl-imnut, jew li joffri kwalunkwe forma oħra ta’ promozzjoni, jew (ii) jinkludi kalwsola MFN dwar l-ipprezzar kif definit fl-Impenji Inizjali tal-Erba’ Pubblikaturi. Fil-każ li bejjiegħ jiddeċiedi li ma jużax l-opportunità li jwaqqaf tali ftehim, kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi se jwaqqfu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

(20)

Għal perjodu ta’ sentejn (il-“cooling-off period”), kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi jimpenja ruħu li ma jirristrinġix, ma jillimitax jew ma jimpedixxix il-kapaċità tal-bejjiegħa ta’ kotba elettroniċi, jibdel jew iraħħas il-prezzijiet tal-kotba elettroniċi u/jew jirristrinġi, jillimita jew jimpedixxi l-kapaċità ta’ bejjiegħ ta’ kotba elettroniċi li joffri skonti fuq il-prezz jew kwalunkwe forma oħra ta’ promozzjoni. Fil-każ li, wara li jitwaqqfu l-ftehimiet imsemmija hawn fuq, kwalunkwe wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi jidħol fi ftehim ta' aġenzija mal-bejjiegħ tal-kotba elettroniċi, dak il-bejjiegħ tal-kotba elettroniċi se jkun jista’, għal perjodu ta’ sentejn, inaqqas il-prezzijiet għall-konsumaturi tal-kotba elettroniċi b’ammont aggregat ekwivalenti għat-total tal-kummissjonijiet li dak il-pubblikatur iħallas lil dak il-bejjiegħ tal-kotba elettroniċi għal perjodu ta’ mill-inqas sena, b’konnessjoni mal-bejgħ tal-kotba elettroniċi tiegħu lill-konsumaturi; u/jew l-użu tat-tali ammont biex joffri kwalunkwe forma oħra ta’ promozzjoni.

(21)

Għal perjodu ta’ ħames snin: (i) l-Erba’ Pubblikaturi ma jidħlu f’ebda ftehim għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi fiż-ŻEE li jinkludi xi tip ta’ klawsola MFN speċifikata fl-Impenji Iniżjali tal-Erba’ Pubblikaturi (il-prezz għall-konsumaturi, il-prezz bl-ingrossa u klawsoli MFN dwar is-sehem tal-kummissjoni/introjtu kif ukoll klawsoli MFN dwar il-mudell tan-negozju), u (ii) l-Apple ma tidħol fl-ebda ftehim dwar il-bejgħ ta’ kotba elettroniċi fiż-ŻEE li jinkludi klawsola MFN dwar il-prezz għall-konsumaturi kif speċifikat fl-Impenji Inizjali tal-Apple u tinforma lil kull pubblikatur rilevanti li mhiex se tinforza l'ebda ftehim ta' aġenzija għall-bejgħ tal-kotba elettroniċi fiż-ŻEE.

(22)

Bħala reazzjoni għat-Test tas-Suq, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn 14-il parti terza interessata, inkluż minn pubblikaturi ta’ kotba elettroniċi, bejjiegħa ta’ kotba elettroniċi, assoċjazzjonijiet kummerċjali u ċittadin privat wieħed.

(23)

L-osservazzjonijiet li waslu prinċipalment kienu relatati mal-waqfien tal-ftehimiet eżistenti ta' aġenzija, il-cooling-off period, l-iskop tal-projbizzjoni tal-klawsoli MFN dwar il-prezzijiet kif stabbilit fl-Impenji Inizjali, kif ukoll it-termini ta’ non-evażjoni u konformità.

(24)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll osservazzjonijiet oħra relatati ma’ ċerti definizzjonijiet fl-Impenji Inizjali tal-Apple u tal-Erba’ Pubblikaturi, kif ukoll għal kunsiderazzjonijiet oħra mhux relatati direttament mat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fil-Valutazzjoni Preliminari tagħha. Dawk il-kunsiderazzjonijiet kienu jikkonċernaw il-pożizzjoni b’saħħitha tal-Amazon fiż-ŻEE, l-impatt tal-Impenji Inizjali fuq id-diversità kulturali u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jintuża l-mudell ta' aġenzija għall-bejgħ ta’ kotba elettroniċi.

(25)

L-Impenji Finali huma differenti mill-Impenji Inizjali proposti fl-aspetti li ġejjin:

l-Apple allinjat d-definizzjoni ta’ “ktieb elettroniku” ma’ dik użata minn kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u neħħiet l-karatterizzazzjoni tiegħa bħala “Fornitur Onlajn ta’ Ħanut tal-Kotba Elettroniċi”; u kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi neħħa l-projbizzjoni fuq il-klawsoli MFN dwar il-mudell tan-negozju.

5.   VALUTAZZJONI U PROPORZJONALITÀ TAL-IMPENJI FINALI

(26)

Fil-Valutazzjoni Preliminari tagħha, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li l-prattika konċertata possibbli fost u bejn l-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple kellha l-għan li tipprevjeni, tirristrinġi u tgħawweġ il-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Sabiex telimina dan it-tħassib, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-kompetizjoni li eżistew fiż-ŻEE qabel il-prattika konċertata possibbli għandhom jiġu sostanzjalment ristabbiliti (“risettjar kompetittiv”).

(27)

Kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple pproponew li jwettqu r-risettjar kompetittiv billi jwaqqfu l-ftehimiet rilevanti ta' aġenzija u billi jaqblu dwar ċerti restrizzjonijiet meta jinnegozjaw mill-ġdid l-arranġamenti kummerċjali tagħhom għall-kotba elettroniċi, kif stabbilit fl-Impenji Finali. Dawk il-limitazzjonijiet jinkludu projbizzjoni MFN tal-prezz għall-konsumaturi u, fir-rigward tal-Erba’ Pubblikaturi, cooling-off period.

(28)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-Impenji Finali offruti minn kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi u l-Apple se jnaqqsu sostanzjalment il-possibbiltà li kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi u l-Apple jistgħu jerġgħu joħolqu l-effetti tal-klawsola MFN dwar il-prezz bl-imnut, li fl-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni, aġixxiet bħala mezz ta’ impenn u biex tippermetti il-konverżjoni konġunta għall-mudell ta' aġenzija mal-istess termini ewlenin. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-klawsola MFN dwar il-prezz għall-konsumaturi li kienet tinsab fil-ftehimiet bejn l-Apple u kwalunkwe pubblikatur ieħor tal-kotba elettroniċi, se telimina inċentiv finanzjarju sinifikanti għal pubblikaturi oħra biex ikollhom bejjiegħa oħra fil-mudell ta' aġenzija.

(29)

Il-Kummissjoni tqis li l-Impenji Finali offruti min kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple, jekk jitqiesu flimkien, se joħolqu, fuq perjodu suffiċjenti ta’ żmien, kundizzjonijiet għal risettjar kompetittiv fiż-ŻEE. B’mod partikolari, tirriżulta f’inċertezza suffiċjenti dwar l-intenzjonijiet futuri tal-pubblikaturi u l-bejjiegħa rigward l-għażla tal-mudelli tan-negozju (jiġifieri, mudell ta’ bejgħ bl-ingrossa, ta' aġenzija jew mudell ġdid) u t-termini tal-ipprezzar użati fihom. L-Impenji Finali offruti minn kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi u l-Apple se jnaqqsu wkoll l-inċentivi għal kull wieħed mill-Erba' Pubblikaturi biex jerġgħu jinnegozjaw ftehimiet dwar il-kotba elettroniċi bl-istess termini ewlenin.

(30)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Impenji Finali offruti minn kull wieħed mill-Erba’ Pubblikaturi u l-Apple huma adegwati (kemm rigward l-iskop tagħhom, kif ukoll rigward it-tul ta’ żmien tagħhom) biex ineħħu t-tħassib tal-Kummissjoni kif espress fil-Valutazzjoni Preliminari. Barra minn hekk, la l-Apple u l-ebda mill-Erba' Pubblikaturi ma offrew impenji inqas onerużi li indirizzaw ukoll b'mod adegwat dak it-tħassib.

(31)

Il-Kummissjoni kkunsidrat l-interessi ta’ partijiet terzi, inklużi dawk li wieġbu għat-Test tas-Suq.

6.   KONKLUŻJONI

(32)

Id-deċiżjoni torbot l-impenji għal Apple, Hachette, Harper Collins, Holtzbrinck/Macmillan u Simon & Schuster għal perjodu totali ta’ ħames snin mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni, minbarra l-cooling-off period, li jkun jorbot għal perjodu totali ta’ sentejn mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p.1.


Top