Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013TA1213(21)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 365, 13.12.2013, p. 150–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/150


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    2013/C 365/21

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenzija", magħrufa wkoll bħala l-“EMA”), li tinsab f'Londra, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93, li ġie sostitwit mir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). L-Aġenzija topera permezz ta' netwerk u tikkoordina r-riżorsi xjentifiċi magħmula disponibbli mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiżgura l-valutazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew użu veterinarju (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Skont l-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (5), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi:

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fihom huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2012 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2012 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR L-AFFIDABBILTÀ TAL-KONTIJIET

    11.

    L-Aġenzija tapplika kriterji ta’ rikonoxximent li ma jaqblux għad-dħul mit-tariffi u n-nefqa assoċjata. Id-dħul mit-tariffi ta’ applikazzjoni huwa rikonoxxut fuq bażi lineari fuq perjodu ta’ żmien stabbilit. L-infiq għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali madankollu jiġi akkumulat meta jintlaħaq stadju importanti speċifiku fit-twassil tas-servizzi. Dan huwa f’kontradizzjoni mal-prinċipju pariġġ tiegħu.

    12.

    L-Aġenzija għadha ma vvalidatx is-sistema kontabilistika tagħha fil-qasam tal-assi fissi intanġibbli. Meta jitqies l-investiment konsiderevoli fl-iżvilupp tal-ICT (8), din hija parti kruċjali mis-sistema kontabilistika sħiħa.

    13.

    Fl-2011 u fl-2012, il-Kunsill irrifjuta żidiet fis-salarji għall-persunal tal-UE. Il-Kummissjoni appellat kontra din id-deċiżjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li għadha ma ddeċiditx dwar il-kwistjoni. Billi l-Aġenzija tinsab f’Londra, iż-żidiet fis-salarji inkwistjoni se jitħallsu f’GBP, filwaqt li l-kontijiet tal-Aġenzija huma mħejjija f’Euro. Minħabba l-flutwazzjonijiet fir-rata tal-kambju matul il-perjodu kkonċernat, il-ħlas lura possibbli lill-persunal iwassal għal telf stmat ta’ EUR 2,9 miljun fir-rata tal-kambju għall-Aġenzija. L-Aġenzija inkludiet dan l-ammont fil-kalkolu tal-kont tar-riżultat baġitarju tagħha, li jwassal għal dikjarazzjoni insuffiċjenti ekwivalenti ta’ fondi li għandhom jitħallsu lura lill-Kummissjoni (9).

    KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

    14.

    Fl-2012, l-Aġenzija ħarġet kuntratti qafas f’kaskata għall-proviżjoni ta’ servizzi (10). Il-proċedura ta’ akkwist ippreżentat xi irregolaritajiet li jaffettwaw il-prinċipju tat-trasparenza.

    15.

    Barra mill-benefiċċji tal-edukazzjoni previsti fir-Regolamenti tal-Persunal (11), l-Aġenzija tħallas kontribuzzjonijiet għall-edukazzjoni direttament lill-iskejjel għall-persunal li għandhom tfal jattendu skola primarja jew sekondarja mingħajr kuntratti stabbiliti ma’ skejjel. It-total tal-kontribuzzjonijiet għall-edukazzjoni fl-2012 ammonta għal madwar EUR 389 000. Tali nfiq mhuwiex kopert bir-Regolamenti tal-Persunal u huwa irregolari.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    16.

    Ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena 2012 kienu sodisfaċenti għat-Titoli I u III. Filwaqt li r-rata ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II kienet f’livell ta’ 27 %, din primarjament tirrelata maċ-ċaqliq ippjanat tal-Aġenzija lejn uffiċċji ġodda fl-2014 (EUR 4 205 000) u l-iżvilupp tas-sistemi tal-ICT (EUR 1 596 000). Filwaqt li dan tal-aħħar huwa ta’ natura pluriennali li jista’ parzjalment jiġġustifika l-ammonti riportati, l-Unità ICT tal-Aġenzija ġiet riorganizzata b’mod sinifikanti fl-2012 u għadd ta’ proġetti ppjanati għall-2012 ġew imdewma.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    17.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 214, 24.8.1993, p. 1 u ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1. Skont ir-Regolament imsemmi l-aħħar, l-isem oriġinali tal-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni tal-Prodotti Mediċinali, ġie mibdul għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

    (8)  Fl-2012 l-investimenti fl-iżvilupp tal-ICT ammontaw għal EUR 11 625 000.

    (9)  Billi għamlet dan, l-Aġenzija segwiet istruzzjoni mill-Kummissjoni datata Diċembru 2012, li madankollu ġiet ikkjarifikata aktar f’Ġunju 2013.

    (10)  Sal-31 ta’ Diċembru 2012, kienu saru impenji baġitarji totali ta’ EUR 13 475 000 għal kuntratti speċifiċi skont dawn il-kuntratti qafas, u kienu saru pagamenti ta’ EUR 4 690 000.

    (11)  L-Artikolu 3 tal-Anness VII jipprevedi d-doppju tal-benefiċċju bażiku ta’ Eur 252,81 = Eur 505,62.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata / Għadha għaddejja / Pendenti / M/A)

    2011

    Dan il-livell ta’ ammonti riportati huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju tal-annwalità.

    Ikkompletata

    2011

    Fl-2011 l-Aġenzija żiedet il-pakkett finanzjarju ta’ kuntratt qafas irregolari għal servizzi tal-IT konkluż fl-2009 li għalih il-Qorti kienet ikkwalifikat l-opinjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet 2009 tal-Aġenzija. Il-limitu massimu oriġinali tal-kuntratt kien ta’ EUR 30 miljun. Fl-2011 dan ġie miżjud b’mod irregolari b’EUR 8 miljun u ġew iffirmati kuntratti speċifiċi għal ammont ta’ EUR 8,1 miljun, li wassal għal pagamenti irregolari u imposti dovuti fl-2011 li jammontaw għal EUR 3,6 miljun. Il-proġett tal-IT għadu għaddej u fl-2011 l-Aġenzija bdiet tħejji kuntratt qafas ġdid.

    M/A (skada l-kuntratt)

    2011

    Hemm lok għal titjib fit-trasparenza tal-proċeduri ta’ akkwist.

    Pendenti

    2011

    Il-Qorti identifikat ħtieġa għal titjib tat-trasparenza tal-proċeduri tal-għażla tal-persunal. Il-membri tal-Bord ta’ Għażla mhux dejjem ikkompletaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ kunflitt ta’ interessi, jew inkella ma għamlux dan f’waqtu, u ma kien hemm l-ebda evidenza li ttieħdet xi azzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma minn dawn id-dikjarazzjonijiet. Id-dokumentazzjoni tal-proċedimenti tal-Bord ta’ Għażla mhux dejjem kienet adegwata u ma hemm l-ebda evidenza ta’ kif ġie stabbilit il-metodu ta’ kif il-kandidati għandhom jiddaħħlu fil-lista ristretta u li l-mistoqsijiet għat-testijiet bil-miktub jew l-intervisti ġew stabbiliti qabel l-eżamijiet.

    Għadha għaddejja


    ANNESS II

    Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (Londra)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

    (L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Ġbir ta’ informazzjoni

    Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

    L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta' periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    Objettivi

    Li tikkoordina r-riżorsi xjentifiċi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija biex issir l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju,

    li tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’pariri xjentifiċi dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jew veterinarju.

    Kompiti

    Li tikkoordina l-valutazzjoni xjentifika ta’ prodotti mediċinali li huma suġġetti għal proċeduri tal-awtorizzazzjoni għall-“marketing” tal-Unjoni,

    li tikkoordina s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali li kienu awtorizzati fl-Unjoni (Farmakoviġilanza),

    li tagħti pariri dwar il-limiti massimi għar-residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji li jistgħu jiġu aċċettati f’affarijiet tal-ikel li għandhom oriġini mill-annimali,

    li tikkoordina l-verifika (verifikazzjoni) tal-osservanza tal-prinċipji ta’ prattika tajba tal-manifattura, prattika tajba tal-laboratorju u prattika tajba klinika,

    li tirreġistra l-istat tal-awtorizzazzjonijiet għall-“marketing” għall-prodotti mediċinali.

    Tmexxija

    Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (CHMP), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru u ħames membri kooptjati, jagħti pariri dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem.

    Il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, jagħti pariri dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta' prodotti mediċinali veterinarji.

    Il-Kumitat dwar il-Prodotti Mediċinali Orfni (COMP), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, jagħti pariri dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta’ prodotti mediċinali orfni.

    Il-Kumitat dwar il-Prodotti Mediċinali mill-Ħxejjex (HMPC), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru u ħames membri kooptjati, jagħti pariri dwar kwalunkwe kwistjoni dwar il-valutazzjoni ta’ prodotti mediċinali mill-ħxejjex.

    Il-Kumitat Pedjatriku (PDCO), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, sitt membri u membri sostituti li jirrappreżentaw professjonisti tal-kura tas-saħħa u assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, huwa responsabbli mill-valutazzjoni xjentifika u ftehim dwar pjanijiet ta' investigazzjoni pedjatrika u għas-sistema ta’ rinunzji u diferimenti ta’ dawn.

    Il-Kumitat għat-Terapiji Avvanzati (CAT), magħmul minn ħames membri tas-CHMP u l-(ħames) membri sostituti tagħhom, membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, żewġ membri u żewġ membri sostituti li jirrappreżentaw lil dawk li jmexxu l-kliniki, żewġ membri u żewġ membri sostituti li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, huwa responsabbli minn kwalunkwe kwistjoni relatata mal-valutazzjoni tal-prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u ċertifikazzjoni u klassifika ATMP.

    Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza (PRAC), magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, sitt esperti xjentifiċi indipendenti nominati mill-Kummissjoni Ewropea, membru wieħed u membru sostitut nominati mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew biex jirrappreżentaw professjonisti tal-kura tas-saħħa u membru wieħed u membru sostitut nominati mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew biex jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti.

    Il-Bord Amministrattiv magħmul minn membru wieħed u membru sostitut minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, żewġ rappreżentanti maħtura mill-Parlament Ewropew, żewġ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tal-pazjenti, rappreżentant wieħed mill-organizzazzjonijiet tat-tobba u rappreżentant wieħed mill-organizzazzjonijiet tal-veterinarji. Il-Bord jadotta l-programm ta’ ħidma u r-rapport annwali.

    Id-Direttur Eżekuttiv huwa maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS).

    Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-EMA.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2012 (2011)

    Baġit Finali

    EUR 222,489 (1) (208,863) miljun (2); Kontribuzzjoni tal-Unjoni 9,6 % (3) (13,4 % (4))

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2012

    590 (567) prevvisti fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 575 (552)

    160 (177) membru tal-persunal ieħor (aġenti kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati, persunal mill-aġenzija tal-impjiegi)

    Total tal-persunal: 735 (728), li jagħmlu l-kompiti li ġejjin: operazzjonali: 594 (584), amministrattivi 141 (144)

    Prodotti u servizzi fl-2012 (2011)

    Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem

    Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet ta’ “marketing”: 96 (100)

    Opinjonijiet favorevoli: 57 (87)

    Żmien medju ta’ valutazzjoni: 188 (178) ġurnata

    Opinjonijet wara l-awtorizzazzjoni: 5 137(4 982)

    Farmakoviġilanza (rapporti CAP tas-ŻEE u rapporti ADR mhux taż-ŻEE): 522 073(362 231) rapport

    Rapporti perjodiċi b’aġġornament dwar is-sigurtà: 463 (583)

    Pariri xjentifiċi finalizzati: 420 (430)

    Proċeduri ta’ Rikonoxximent Reċiproku u Proċeduri Deċentralizzati: mibdija 6 991(6 401); mitmuma 6 709(6 715)

    Applikazzjonijiet għal pjanijiet ta' investigazzjoni pedjatrika: 178 (187) relatati ma’ 218-il (220) indikazzjoni

    Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju

    Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet ta’ “marketing”: 13 (11)

    Applikazzjonijiet fir-rigward ta’ varjanti: 261 (287)

    Spezzjonijiet

    Spezzjonijiet: 450 (450)

    Prodotti Mediċinali mill-Ħxejjex

    Monografi mill-ħxejjex: 15 (20)

    Lista ta’ sustanzi mill-ħxejjex, preparazzjonijiet u taħlitiet tagħhom: 0 (0)

    Prodotti Mediċinali Orfni

    Applikazzjonijiet: 197 (166)

    Opinjonijiet favorevoli: 139 (111)

    SMEs

    Rikjesti għal status ta’ SME 684 (433)

    Applikazzjonijiet għat-tnaqqis ta’ tariffi jew diferimenti 316 (350)

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    (1)  Dan huwa l-baġit finali, mhux it-total reali tal-kont tar-riżultat baġitarju.

    (2)  Dan huwa l-baġit finali, mhux it-total reali tal-kont tar-riżultat baġitarju.

    (3)  Dan huwa l-perċentwal tal-kontribuzzjoni bbaġitjata tal-UE (mingħajr il-kontribuzzjoni speċjali għal tnaqqis tat-tariffi tal-prodotti mediċinali orfni u mingħajr l-użu tal-bilanċ pożittiv n-2 mill-awtorità baġitarja) b’relazzjoni mal-baġit finali.

    (4)  Dan huwa l-perċentwal tal-kontribuzzjoni bbaġitjata tal-UE (mingħajr il-kontribuzzjoni speċjali għal tnaqqis tat-tariffi tal-prodotti mediċinali orfni u mingħajr l-użu tal-bilanċ pożittiv n-2 mill-awtorità baġitarja) b’relazzjoni mal-baġit finali.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


    IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

    11.

    L-introduzzjoni tas-sistema kontabilistika SAP fl-2011 ippermettiet lill-Aġenzija li tagħraf id-dħul għat-tipi kollha ta’ tariffi għal applikazzjonijiet b'aktar preċiżjoni, abbażi ta' ammortizzazzjoni lineari fuq perjodu ta’ żmien stabbilit. L-Aġenzija tqis li l-att sinifikanti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti huwa l-konsenja tar-rapport tar-rapporteur u r-reviżjoni mill-kumitat xjentifiku kompetenti. Il-politika kontabilistika mill-2006 ’il quddiem kienet li tirrikonoxxi n-nefqa assoċjata meta jintlaħaq dak l-istadju importanti. Fid-dawl tal-osservazzjoni tal-Qorti, l-Aġenzija se tirrevedi l-politika kontabilistika tagħha dwar ir-rikonoxximent ta’ dħul mill-ħlasijiet u n-nefqa assoċjata biex fil-ġejjieni tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju korrispondenti. L-Aġenzija tinnota li l-Qorti kkonkludiet li l-effett fuq il-kontijiet tal-2012 mhuwiex materjali.

    12.

    Is-sistemi tal-ICT li jipprovdu informazzjoni kontabilistika għar-regolamentazzjoni u l-kontroll fuq in-nefqa fuq assi intanġibbli ġew ivvalidati minn perspettiva teknika. Issa l-Aġenzija għamlet l-aġġustamenti meħtieġa fil-kontijiet provviżorji tal-2012 u l-validazzjoni pożittiva tas-sistemi kontabilistiċi intemmet.

    13.

    L-ammont kien inkluż fil-kontijiet tal-Aġenzija wara struzzjoni mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni tal-UE li t-telf kollu mhux realizzat mill-kambju għandu jiġi inkluż fil-kontijiet baġitarji kif ukoll fil-kontijiet finanzjarji. L-Aġenzija tistenna li se jkollha bżonn dawn il-flus sabiex tkopri s-salarji pagabbli f’GBP lill-persunal tal-EMA meta jiġu adottati r-rappels tal-2011 u l-2012. L-Aġenzija hija konxja li d-DĠ BUDG iqis ir-"rappel" bħala nefqa mhux prevista, iżda tqis li din il-pożizzjoni mhijiex sostenibbli għaliex l-adattament tar-rati tal-kambju u l-ponderazzjonijiet li huma parti minn kwalunkwe "rappel" mhux biss huma prevedibbli, iżda legalment meħtieġa u ilhom pendenti. Għall-kontijiet baġitarji l-Aġenzija tapplika l-istess metodoloġija użata għall-kalkolu tal-provvediment fil-kontijiet finanzjarji. It-tħassib ewlieni tal-Aġenzija huwa li jekk dawn il-figuri ma jiġux inklużi fil-kontijiet baġitarji tal-2012 hija se ssib ruħha tirritorna fondi lill-Kummissjoni meta fil-fatt dawk il-fondi se jkunu meħtieġa biex tħallas l-obbligi tas-salarji ladarba l-ippeżar u r-rati tal-kambju applikabbli jiġu adattati għal-livelli reali.

    14.

    Filwaqt li l-Aġenzija ma taqbilx mal-opinjoni tal-Qorti li l-prinċipju tat-trasparenza nkiser fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti tagħha, hija ddiskutiet is-sejbiet tal-Qorti, b'mod partikolari fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti u l-Akkwisti, u sejra tagħmel titjib fil-kwistjonijiet issottolinjati mill-Qorti sabiex tiġi żgurata trasparenza saħansitra akbar fil-ġejjieni.

    15.

    Ma kienx possibbli li tiġi mwaqqfa Skola Ewropea għall-persunal tal-Aġenzija. B'kont meħud tal-ispirtu tar-Regolamenti tal-Persunal, in-nuqqas ta’ skola Ewropea, l-għażla preferita li jintużaw istituzzjonijiet edukattivi li jipprovdu edukazzjoni multilingwi u s-sitwazzjoni ġeografika lokali kumplessa, l-Aġenzija stabbiliet kontribuzzjoni għall-edukazzjoni komparabbli ma' u konformi mal-appoġġ finanzjarju għall-istudenti fl-Iskejjel Ewropej. Fl-interess tat-trattament ugwali tal-persunal kollu tal-Unjoni Ewropea, dan il-ħlas isir lill-iskola fir-rigward ta’ tariffi għall-iskola biss u mhux lill-membru tal-persunal.

    Jekk issa dawn il-ħlasijiet diretti lill-iskejjel li jgħallmu fil-lingwa materna huma meqjusa bħala irregolari, dan jikkonċerna l-kwistjoni ġenerali tas-sussidji għal Skola Ewropea għall-impjegati tal-UE.

    16.

    Il-livell relattivament għoli ta’ approprjazzjonijiet għat-titolu II riportati mis-sena 2012 għall-2013 (27 %) kien dovut għar-raġunijiet iddikjarati. Jeħtieġ jiġi nnotat li l-Aġenzija diġà naqqset b’mod sostanzjali l-livelli ta’ riport tagħha billi r-riport ekwivalenti fl-2011 kien ta’ 33 % u fl-2010 ta’ 36 %. L-Aġenzija tagħmel dak kollu li tista’ billi tirrispetta l-ħtiġijiet operattivi tagħha biex tkompli tnaqqas ir-riport tagħha għal livell li jaqa’ fi ħdan marġini tollerabbli tar-Regolament Finanzjarju.


    Top