Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0275

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)

    /* SWD/2013/0275 final */

    52013SC0275

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) /* SWD/2013/0275 final */


    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill

    dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)

    1. Definizzjoni tal-Problema

    1.1. Limiti ta’ miżuri eżistenti

    L-infurzar huwa ħafna drabi dgħajjef jew nieqes minħabba n-nuqqas ta’ struttura ta’ infurzar Ewropea, in-nuqqas ta’ kontinwità f’azzjoni ta’ infurzar u n-nuqqas ta’ politika sottostanti komuni ta' prosekuzzjoni Ewropea. Billi reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE huma reati Ewropej ġenwini, il-qafas istituzzjonali u legali attwali jbati minn reġim ta’ infurzar frammentat kważi bbażat biss fuq tweġibiet nazzjonali.

    Barra minn hekk, filwaqt li l-Eurojust u l-Europol jistgħu u fil-fatt jgħinu lill-Istati Membri biex jittrattaw dawn il-każijiet, l-ebda waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet ma tista' tindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati, b’mod partikolari minħabba li ma jistgħux jidderiġu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet nazzjonali diretti. Għalkemm l-OLAF huwa attur ewlieni fil-livell tal-UE fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, huwa limitat fl-attivitajiet tiegħu għal investigazzjonijiet amministrattivi, u jissottometti r-riżultati lill-awtoritajiet nazzjonali, li jistgħu jiddeċiedu kontra kwalunkwe segwitu tal-liġi kriminali.

    Miżuri eżistenti u ppjanati, inkluża l-Istrateġija ta’ Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni (CAFS) u r-riformi tal-Eurojust, il-Europol u l-OLAF huma insuffiċjenti biex jindirizzaw dawn il-problemi, anki jekk il-possibilitajiet kollha offruti mit-Trattat kellhom jintużaw sal-limitu massimu.

    1.2. Livelli baxxi ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u deterrenza

    Il-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-baġit tal-UE hija ġeneralment meqjusa ta’ importanza sekondarja mill-awtoritajiet f’għadd ta’ Stati Membri. Peress li ma hemmx awtorità tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati transfruntiera li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, l-isforzi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi għadhom frammentati. 

    Il-livelli attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni u koordinazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew huma insuffiċjenti biex issir prosekuzzjoni effettiva ta' reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Ostakli għall-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni jseħħu f’livelli differenti u bejn awtoritajiet differenti u huma ostaklu ewlieni għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

    Parti verament żgħira biss tal-ammont totali ta’ frodi hija effettivament irkuprata minn kriminali: inqas minn 10 %. L-effett deterrenti tar-reġim attwali ta’ infurzar għalhekk mhux se jkun biżżejjed.

    Ma hemmx korp ċentralment imqiegħed li jista’ jindirizza dawn l-ostakli u jiżgura l-kontinwità fil-proċess tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni.

    2. Id-dritt li taġixxi, is-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali

    2.1. Bażi legali

    L-Artikolu 86 TFUE jiddikjara li biex l-EPPO jkollu jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, għandu jiġi stabbilit “mill-Eurojust”, u għandu jkun responsabbli biex jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja dawk li wettqu dawn ir-reati. L-Artikolu 86 TFUE jispeċifika wkoll proċedura leġiżlattiva speċjali biex jitwaqqaf l-EPPO: il-Kunsill irid jiddeċiedi dan b’mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

    2.2. Is-sussidjarjetà u l-ħtieġa ta' azzjoni mill-UE

    Investigazzjoni kriminali tal-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni mhumiex attwalment kapaċi jilħqu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni u infurzar. Billi l-UE hija fl-aħjar pożizzjoni biex tħares l-interessi finanzjarji tagħha, filwaqt li tqis ir-regoli speċifiċi tal-UE li japplikaw f'dan il-qasam, hija wkoll fl-aħjar pożizzjoni biex tiżgura l-prosekuzzjoni ta’ reati kontra dawn l-interessi. 

    3. Objettivi

    Objettivi:

    Ġenerali || · Li jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ żona ta’ ġustizzja, u biex tissaħħaħ il-fiduċja tan-negozji tal-UE u ċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kollha li jinsabu fil-Karta.

    Speċifiċi / Operattivi || · Li tiġi stabbilita sistema Ewropea koerenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. · Li tiġi stabbilita investigazzjoni u prosekuzzjoni effiċjenti u effettiva ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. · Li jiżdied l-għadd ta’ prosekuzzjonijiet, li jwassal għal aktar kundanni u l-irkupruta' fondi tal-Unjoni miksuba bi frodi.  · Li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni effettiv bejn il-Komunità Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. · Li titjieb id-deterrenza li jsiru reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

    4. Alternattivi ta' politika u l-impatt tagħhom

    Għażliet li ma jistabbilixxux Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    4.1. L-Għażla ta' politika 1: Xenarju bażiku – L-ebda bidla ta' politika:

    Ma tittieħed l-ebda azzjoni ġdida fil-livell tal-UE. Reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE jkomplu jiġu mħarrka biss fil-livell nazzjonali. 

    4.2. L-Għażla ta' politika 2: L-ebda azzjonijiet regolatorji ġodda fil-livell tal-UE

    L-ebda azzjoni leġiżlattiva ma tittieħed fil-livell tal-UE, u l-ebda korpi ġodda mhuma se jkunu stabbiliti. Madankollu, azzjonijiet fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni biex jiġu miġġielda reati rilevanti jkunu msaħħa permezz ta’ miżuri mhux leġiżlattivi.

    4.3. L-Għażla ta' politika 3: It-tisħiħ tas-setgħat tal-Eurojust

    Din l-għażla tkun tfisser li l-Eurojust tingħata setgħat ġodda li jagħtu bidu għal investigazzjonijiet fl-Unjoni kollha. L-Eurojust u l-membri nazzjonali tagħha jkollhom id-dritt li jagħtu struzzjonijiet li jorbtu s-servizzi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali biex jinbdew investigazzjonijiet u jipproponu prosekuzzjonijiet fl-Istati Membri skont l-Artikolu 85 TFUE.

    Għażliet li jistabbilixxu Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    4.4. L-Għażla ta’ Politika 4a: Il-ħolqien ta’ unità EPPO fi ħdan l-Eurojust 

    Din l-għażla tkun tinvolvi l-ħolqien ta’ unità ċentrali EPPO fi ħdan l-Eurojust, li b’hekk issir l-istruttura ta’ kumpanija holding prinċipali tal-EPPO bħala “l-aġenzija prinċipali”. Unità tal-EPPO jkollha ġurisdizzjoni esklussiva fuq każijiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u tkun magħmula minn prosekuturi u investigaturi speċjalizzati f’reati finanzjarji.

    4.5. L-Għażla ta' politika 4b: Il-ħolqien ta' EPPO tat-tip ta' Kulleġġ

    Simili għal kif l-Eurojust hija organizzata, l-EPPO jkun organizzat fil-forma ta’ Kulleġġ ta’ membri nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, iżda b’mod aktar ċar u b'mandat iktar b’saħħtu għall-membri kollha. Il-Kulleġġ EPPO jieħu deċiżjonijiet bil-maġġoranza fir-rigward ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE mal-UE kollha.

    4.6. L-Għażla ta' politika 4c: Il-ħolqien ta' EPPO deċentralizzat

    F’din l-għażla l-EPPO jkun jikkonsisti minn uffiċċju ċentrali tal-prosekutur assistit minn Prosekuturi Delegati Ewropej li jinsabu fl-Istati Membri u integrati fis-sistemi nazzjonali, li jkollhom l-awtorità tal-prosekuzzjoni sħiħa skont il-liġi nazzjonali. L-uffiċċju ċentrali jkollu s-setgħa ġerarkika ta’ struzzjoni fuq Prosekuturi Delegati Ewropej. L-EPPO jikkoopera ma’ servizzi tal-pulizija u tal-prosekuzzjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha, u jkun responsabbli biex jitressqu l-każijiet quddiem il-Qorti. 

    4.7. L-Għażla ta' politika 4d: Il-ħolqien ta' EPPO ċentralizzat

    Din l-għażla tkun tinvolvi l-ħolqien ta’ unità ċentrali ta’ EPPO sħiha legali u kapaċità prattika meħtieġa li twettaq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet tar-reati rilevanti, mingħajr dipendenza fuq servizzi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali. 

    4.8. Kwistjonijiet orizzontali għall-Għażliet 4a-4d

    1.1.1.   Il-kooperazzjoni bejn l-EPPO u l-Eurojust

    L-erba’ għażliet li jinvolvu t-twaqqif ta’ EPPO jeħtieġu li tiġi indirizzata l-kwistjoni kruċjali tar-relazzjoni tiegħu mal-Eurojust. Il-qsim ta’ servizzi amministrattivi u funzjonali għandha tifforma parti minn kull għażla.  

    1.1.2.   L-użu ta’ riżorsi tal-OLAF fit-twaqqif tal-EPPO

    Parti mir-riżorsi tal-OLAF tkun tintuża sabiex jitwaqqaf l-EPPO, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi tagħhom fit-tmexxija ta’ investigazzjonijiet. 

    1.1.3.   Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

    L-għażliet differenti identifikati għat-twaqqif ta' EPPO jkollhom ukoll jikkunsidraw il-fatt li l-EPPO se jkun jeħtieġ jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, id-differenzi bejn id-diversi għażliet dwar dan il-punt huma marġinali u ma għandhomx jinfluwenzaw l-għażla finali bejniethom.

    5. Valutazzjoni tal-Għażliet tal-politika

    5.1. Status quo (l-Għażla ta’ politika 1) — Xenarju bażi

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Baxxa. Ma hemm l-ebda raġuni għala wieħed jistenna li inċentivi dgħajfa u l-kapaċità nazzjonali ta’ spiss limitata biex jittrattaw in-natura kumplessa ta’ każijiet tal-frodi tal-UE se jingħelbu mingħajr miżuri korrettivi deċiżivi.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || L-ebda. Id-drittijiet fundamentali mhux se jkunu affettwati. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiġi applikata biss fejn ikun hemm involuta l-liġi tal-UE, pereżempju fis-sistema tal-Mandat ta' Arrest Ewropew.

    Fattibbiltà || Għolja.

    L-impatt fuq is-sistema legali tal-Istati Membri || L-ebda. Ix-xenarju bażi huwa l-għażla li hija l-anqas intrużiva mill-għażliet kollha.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || L-ebda.

    Spejjeż || L-ebda.

    Vantaġġi || Żgħar ħafna.

    5.2. L-ebda azzjonijiet regolatorji ġodda fil-livell tal-UE (l-Għażla ta' politika 2)

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Baxxa. Din l-għażla sa ċertu punt tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sistema Ewropea aktar koerenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati rilevanti, u b’hekk ukoll possibilment jissaħħaħ l-effett deterrenti tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, din il-kontribuzzjoni tibqa' limitata.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Baxx. Id-drittijiet fundamentali, a priori, ftit li xejn jiġu influwenzati minn din l-għażla.

    Fattibbiltà || Medja. Din l-għażla tkun diffiċli biex tiġi implimentata fil-prattika billi teħtieġ għadd kbir ta’ sforzi f’oqsma differenti.

    L-impatt fuq is-sistema legali tal-Istati Membri || Baxx. Titjib fl-użu tal-korpi tal-Unjoni kif ukoll l-għodod MLA u għodod simili ta' kooperazzjoni ġudizzjarja jkollhom xi impatti pożittivi fl-Istati Membri.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Baxx. Effett limitat fuq il-funzjonament tal-Eurojust u l-OLAF jista’ jkun mistenni.

    Spejjeż[1] || Moderati. L-ispejjeż f'din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 35 miljun.[2]

    Vantaġġi || Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 265 miljun.

    5.3. Eurojust imsaħħa (l-Għażla ta’ politika 3)

    Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Baxxa. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati rilevanti jissaħħu biss sa ċertu punt, billi lEurojust tkompli titħalla mingħajr l-ebda awtorità fuq il-prosekuzzjonijiet nazzjonali.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Baxx. Id-drittijiet fundamentali jkunu affettwati biss sa ċertu punt minn din l-għażla. 

    Fattibbiltà || Għolja. L-alternattiva fil-biċċa l-kbira tibni fuq istituzzjonijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

    L-impatt fuq is-sistema legali tal-Istati Membri || Baxx sa medju. L-Eurojust jkollha s-setgħat li tibda investigazzjonijiet u tipproponi prosekuzzjonijiet, imma l-proċedimenti tal-qrati bħala tali jistgħu jkomplu jkunu purament nazzjonali.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Baxx sa medju. L-Eurojust f’din l-għażla tikseb xi setgħat addizzjonali iżda tkompli tkun korp Ewropew magħmul minn membri nazzjonali.

    Spejjeż || Medji. L-ispejjeż f'din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 50 miljun.

    Il-benefiċċji || Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 400 miljun.

    5.4. Il-ħolqien ta’ unità EPPO fi ħdan l-Eurojust (l-Għażla ta' politika 4a)

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Medja. Il-prijoritajiet nazzjonali attwali xorta jistgħu jwarrbu prijoritajiet tal-unità tal-EPPO.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Baxx. Bħal fl-Għażla 3, mal-ħtieġa ta’ kontroll ġudizzjarju bħal fl-Għażliet 4b-4d.

    Fattibbiltà || Din l-għażla ta’ fattibilità politika hija limitata, peress li kunflitti ta’ interess u differenzi tal-kultura bejn l-Unità EPPO u l-Eurojust jistgħu jinfluwenzaw l-effikaċja ta’ din l-għażla.

    L-impatt fuq is-sistema legali tal-Istati Membri || Medju. L-Istati Membri jkollhom jadattaw is-sistemi tagħhom għal EPPO/Eurojust ġdid mgħammra b’ċerti setgħat diretti.  

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Minn medju sa għoli L-Eurojust ikollha bżonn toħloq entità ġdida amministrattiva u tiżgura li din tal-aħħar tibbenefika mill-istrutturi amministrattivi.

    Spejjeż || Moderati. L-ispejjeż skont din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 40 miljun.

    Il-benefiċċji || Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 500 miljun.

    5.5. EPPO tat-tip ta' Kulleġġ (l-Għażla ta’ politika 4b)

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Baxxa sa medja. L-iżvantaġġi assoċjati ma’ struttura tat-tip ta' Kulleġġ jnaqqsu l-biċċa l-kbira tal-benefiċċji.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Medju. Koordinazzjoni u kooperazzjoni mtejba jista' potenzjalment ikollhom impatt żgħir fuq il-protezzjoni tad-dejta personali.

    Fattibbiltà || Medja. It-twaqqif ta’ uffiċċju ċentrali tat-tip ta' kulleġġ li jkun jidderieġi u jikkoordina l-investigazzjonijiet kif ukoll biex jiddeċiedi dwar prosekuzzjonijiet li jinġiebu jkollu impatt negattiv fuq il-fattibbiltà ta’ din l-għażla.

    L-impatt fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri || Medju. L-Istati Membri jkunu jeħtieġu li jadattaw is-sistemi tagħhom mal-kompetenza l-ġdida tal-EPPO biex jidderieġu awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar u prosekuzzjoni u jintervjenu fil-provi nazzjonali.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Minn medju sa għoli. Din l-għażla jkollha impatt limitat fuq l-Eurojust. Il-bqija tal-partijiet tal-OLAF iżommu l-kompetenza tagħhom biex jeżerċitaw ċerti funzjonijiet amministrattivi. 

    Spejjeż || Moderati. L-ispejjeż skont din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 70 miljun.[3]

    Il-benefiċċji || Moderati. Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 500 miljun.    

    5.6. EPPO ma’ organizzazzjoni ġerarkika deċentralizzata (l-Għażla ta' politika 4c)

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Għolja. Din l-għażla timplika t-twaqqif ta’ korp speċjalizzat li jieħu ħsieb kemm investigazzjonijiet u kemm prosekuzzjonijiet b’mod koordinat u integrat.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Medju. Koordinazzjoni u kooperazzjoni mtejba jista' potenzjalment ikollhom impatt żgħir fuq il-protezzjoni tad-dejta personali.

    Fattibbiltà || Minn medja sa għolja. Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati jikkonfermaw li din għandha tkun għażla fattibbli.

    L-impatt fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri || Medju. L-Istati Membri jkunu jeħtieġu li jadattaw is-sistemi tagħhom mal-kompetenza l-ġdida tal-EPPO biex jidderieġu awtoritajiet nazzjonali ta’ infurzar u prosekuzzjoni u jintervjenu fil-proċessi nazzjonali.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Minn medju sa għoli. Din l-għażla jkollha impatt limitat fuq l-Eurojust. OLAF imnaqqas iżomm il-kompetenza tiegħu biex jeżerċita ċerti funzjonijiet amministrattivi. 

    Spejjeż || Moderati. L-ispejjeż skont din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 370 miljun.

    Il-benefiċċji || Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 3 200 miljun.    

    5.7. EPPO ma’ organizzazzjoni ġerarkika ċentralizzata (l-Għażla ta' politika 4d)

    L-Impatt Mistenni

    L-effikaċja fl-ilħiq tal-għanijiet tal-politika || Għolja. EPPO jingħata setgħat biex jikkontrolla u jmexxi investigazzjonijiet.

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || Minn medju sa għoli. L-analiżi li saret rigward l-Għażla 4c tapplika hawnhekk ukoll.  

    Fattibbiltà || Medja. Din l-għażla tkun timplika bidliet importanti ħafna fis-sistemi amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri.

    L-impatt fuq is-sistema legali tal-Istati Membri || Għoli. L-Istati Membri jkollhom jadattaw is-sistemi tagħhom għal korp estern ġdid li jintervjeni direttament fi qrati nazzjonali.

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || Għoli. L-istess għall-Għażliet 4b u 4c.

    Spejjeż || Minn medji sa għoljin. L-ispejjeż skont din l-għażla jammontaw għal madwar EUR 820 miljun.

    Il-benefiċċji || Il-benefiċċji ta’ żieda fl-irkupru u fid-deterrenza b'din l-għażla huma pprojettati li jkunu madwar EUR 2 900 miljun.

    5.8. Il-kwistjonijiet orizzontali

    1.1.4.   Il-kooperazzjoni tal-EPPO mal-Eurojust

    Għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, il-qsim amministrattiv tal-Eurojust u s-servizzi ta’ appoġġ tal-EPPO jidhru mhux biss meħtieġa imma wkoll fattibbli. 

    1.1.5.   L-użu ta’ riżorsi tal-OLAF fit-twaqqif tal-uffiċċju ċentrali ta' implikazzjonijiet tal-EPPO

    Parti ta’ riżorsi attwali tal-OLAF għandhom iservu biex iwaqqfu l-uffiċċju ċentrali tal-EPPO. Madankollu, ċerti funzjonijiet amministrattivi ta’ investigazzjoni tal-OLAF li mhumiex ta’ natura kriminali jridu jkomplu jiġu eżerċitati. 

    1.1.6.   Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

    Kif intqal aktar 'il fuq, id-differenza bejn l-għażliet f’dan ir-rigward ma jiġġustifikawx l-użu ta’ dan il-kriterju bħala deċiżivi għall-għażla bejn l-għażliet differenti

    6. Il-valutazzjoni komparattiva

    Objettivi/ spejjeż || L-Għażla ta' politika 1 || L-Għażla ta' politika 2 || L-Għażla ta' politika 3 || L-Għażla ta' politika 4a || L-Għażla ta' politika 4b || L-Għażla ta' politika 4c || L-Għażla ta' politika 4d

    Sodisfar tal-għanijiet ta' politika || Baxx || Baxx || Medju || Medju || Medja || Għoli || Għoli

    Benefiċċju nett annwali[4] || L-ebda impatt prinċipali || EUR 25 miljun || EUR 35 miljun || EUR 50 miljun || EUR 50 miljun || EUR 315-il miljun || EUR 250 miljun

    Kost-effettività[5] || - || Baxx || Medju || Medju || Medju || Għoli || Medju

    L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali || - || Baxx || Baxx || Baxx || Minn medju sa Għoli || Minn medju sa għoli || Minn medju sa Għoli

    Fattibbiltà || Għolja || Għolja || Għolja || Medja || Medja || Medja sa Għolja || Medja

    L-impatt fuq l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni || - || Baxx ħafna || Baxx sa medju. || Minn medju sa Għoli || Minn medju sa Għoli || Minn medju sa għoli || Għoli

    L-impatt fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri || - || - || Baxx || Medju || Medju || Medju || Għoli

    7. Kooperazzjoni msaħħa

    Kif indikat hawn fuq, it-Trattat jipprevedi l-possibbiltà li jiġi stabbilit EPPO ieħor permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, jekk it-teħid ta' deċiżjonijiet bl-unanimità ifalli fil-Kunsill. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt ma teżaminax fid-dettall x'ikun l-impatt speċifiku tad-diversi għażliet varji skont proċedura leġiżlattiva differenti. 

    8. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

    Il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq studju ta’ statistika speċifika bejn sentejn u erba’ snin wara li jitlesta t-twaqqif ta’ EPPO. L-istudju għandu b’mod partikolari janalizza numru ta’ każijiet u l-ammonti involuti fl-attivitajiet tal-EPPO. 

    [1]               L-ispejjeż u l-benefiċċji kollha huma espressi f’valuri attwali kumulattivi (fi prezzijiet tal-2012), matul perjodu ta’ 20 sena.

    [2]               Għad-dettalji tal-kalkoli tal-ispejjeż ara l-Anness 4 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

    [3]               Għall-kalkolu tal-ispejjeż u l-benefiċċji ara l-Anness 4 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

    [4]               Ara l-Anness 4 għal aktar dettalji.

    [5]               Jindika r-riżultati ta’ analiżi ta’ spejjeż/benefiċċji għal kull għażla.

    Top