Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0160

COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT Accompanying the document Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on Animal Health

/* SWD/2013/0160 final */

52013SC0160

COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT Accompanying the document Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on Animal Health /* SWD/2013/0160 final */


1.     Problemi identifikati

Sfond

1. Is-settur tal-agrikoltura huwa l-akbar utent tal-annimali mal-UE kollha, b’tal-anqas 2 biljun tajra (tiġieġ, tiġieġ bajjada, dundjani, eċċ) u 334 miljun mammiferu (ħnieżer, nagħaġ, mogħoż, baqar, annimali bil-pil, eċċ). Fl-UE hemm 13.7 miljun unità ta’ trobbija tal-annimali. Il-valur tal-produzzjoni mit-trobbija tal-bhejjem fl-UE huwa ta' EUR 149 biljun fis-sena. L-annimali huma wkoll parti mill-akkwakultura, iżommulna kumpanija, jitrabbew għall-pil, u jintżuaw jew jiffurmaw parti minn diversi attivitajiet oħrajn bħall-esperimentazzjoni, iż-żus, iċ-ċirkli, id-divertiment u l-isport.

2. Bħalissa l-intervent tal-UE huwa primarjament iffukat fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed li jista' jkollu impatti sinifikanti fuq is-saħħa u l-ekonomija. L-impatti ta’ tifqigħa ta’ marda tal-annimali jistgħu jvarjaw ħafna, u normalment ikunu ta’ riskju dirett għas-saħħa tal-annimali u ħafna drabi għas-saħħa tal-pubbliku. Madankollu, jista' jkun hemm ukoll impatti indiretti negattivi oħrajn, bħal effetti ekonomiċi jew soċjali, inklużi l-ispejjeż għar-raħħalau l-industriji relatati biex jittrattaw il-mard, u t-tfixkil fin-negozju marbut ma' dan, spejjeż għas-settur pubbliku għall-qerda u l-monitoraġġ, u tibdil fil-mudelli tal-konsum. Ħafna drabi, it-tifqigħat tal-mard ikollhom ukoll impatti sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali tal-annimali u l-prodotti tal-annimali.

3. Il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali attwali jinvolvi madwar 50 direttiva u regolament bażiku, li minnhom hemm li ilhom li ġew adottati mill-1964. L-acquis communautaire veterinarju issa jkopri aktar minn 400 att. Dan is-sett ta’ liġijiet dwar is-saħħa tal-annimali jinteraġixxi mal-qafas legali attwali dwar it-trattament xieraq tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa pubblika, in-nutrizzjoni tal-annimali, il-prodotti mediċinali veterinarji, il-protezzjoni ambjentali, il-kontrolli uffiċjali u l-Politika Agrikola Komuni.

Konsiderazzjoni tal-politika u l-problemi attwali identifikati

4. Fl-2004, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni indipendenti biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Politika Komunitarja dwar is-Saħħa tal-Annimali (CAHP) matul l-għaxar snin preċedenti. L-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali 2007-2013 (AHS) ġiet żviluppata bħala riżultat tal-eżitu ta’ dan l-eżerċizzju. Il-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ntalbu jidentifikaw il-problemi bil-leġiżlazzjoni attwali dwar is-saħħa tal-annimali bħala parti mill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali. L-evwalazzjoni tal-CAHP u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati fil-biċċa l-kbira qablu li s-sistema attwali kienet tiffunzjona tajjeb, madankollu ġew identifikati għadd ta' kwistjonijiet li jeħtieġu titjib.

5. Il-problemi ewlenin identifikati mill-partijiet interessati matul il-valutazzjoni tal-CAHP kienu: il-kumplessità kbira tal-CAHP attwali; in-nuqqas ta’ strateġija globali għas-saħħa tal-annimali; u mhux biżżejjed enfasi fuq il-prevenzjoni tal-mard (b'enfasi partikolari fuq il-ħtieġa għal titjib fil-bijosigurtà). Ġiet identifikata wkoll kwistjoni politika speċifika relatata mal-kummerċ tal-annimali ħajjin bejn il-pajjiżi tal-UE. Kull wieħed minn dawn il-punti huwa spjegat f’aktar dettall hawn taħt.

6. Kemm il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni u l-ħtieġa għal tibdil fil-politika proposta f’dan l-eżerċizzju kienu identifikati u enfasizzati mill-partijiet interessati.

Kumplessità kbira tal-politika attwali

7. Il-CAHP attwali huwa kumpless ħafna b’diversi modi. L-ewwel nett, l-għadd kbir ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tas-saħħa tal-annimali jagħmilha diffiċli għal dawk affettwati direttament (bħall-bdiewa u partijiet interessati oħrajn) biex jifhmu r-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr ma jikkonsultaw l-esperti legali. It-tieni, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-indokraturi tal-annimali mhumiex dejjem ċari. Ċerti responsabbiltajiet eżistenti mhumiex konsistenti mal-biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni, u hemm minnhom li jiġu interpretati b’mod differenti fi Stati Membri differenti. Dan potenzjalment jista’ jwassal għal problemi jekk il-leġiżlazzjoni ma tirriflettix b'mod adegwat l-irwoli u l-ħtiġijiet tal-indokraturi tal-annimali. Barra minn hekk, id-differenzi bejn Stat Membru u ieħor jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-indokraturi tal-annimali meta dawn jiġu biex jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom. It-tielet, ir-regoli dwar il-biedja kummerċjali ma japplikawx dejjem b’mod proporzjonat mal-indukrar mhux kummerċjali tal-annimali. Ħafna drabi l-indukrar mhux kummerċjali tal-annimali (bħat-trobbija tal-annimali bħala delizzju jew għall-użu personali) jwassal għal tip u livell differenti ta' riskju ta' mard meta mqabbel mal-agrikoltura industrijali, u l-piżijiet amministrattivi imposti fuq it-trobbija tal-annimali mhux kummerċjali mhumiex dejjem proporzjonati għal-livell ta’ riskju ta’ mard. Ir-raba', id-definizzjoni tal-irwol tas-servizzi veterinarji għandu aspetti ta' inċertezza legali li jeħtieġ li jiġu rettifikati biex ikun żgurat li l-veterinarji jkunu fehmu sew l-obbligi legali tagħhom, biex jiġi evitat il-kunflitt ta' interess, u biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' netwerks veterinarji aħjar. Il-ħames, bħalissa hemm nuqqas ta’ regoli dwar il-kwalifiki professjonali u t-taħriġ għal veterinarji uffiċjali u approvati, li jista' jwassal għal differenzi bejn il-livelli tal-protezzjoni tas-saħħa mal-Istati Membri kollha u fis-suq uniku. Is-sitta, kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet huma diffiċli biex jiġu mifhuma u applikati. Dan joħloq kumplessità u piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, l-importaturi u l-pajjiżi terzi li jistgħu jsibuha diffiċli biex jifhmu l-obbligi legali tagħhom.

In-nuqqas ta’ strateġija globali għas-saħħa tal-annimali

8. Hemm nuqqas ta’ strateġija globali unika għas-saħħa tal-annimali. Ir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-CAHP saħaq fuq in-nuqqas ta’ approċċ ġenerali uniku wara l-CAHP. Minflok, il-CAHP huwa meqjus bħala taħlita ta’ miżuri u azzjonijiet speċifiċi, b’għanijiet inkonsistenti u direzzjoni globali li mhix ċara. Ir-riżorsi, il-persunal u l-attenzjoni tal-amministrazzjoni kienu x'aktarx isegwu l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali b'tendenza sussegwenti li jnaqqsu l-enfasi tad-definizzjoni u s-suċċess ta' għanijiet strateġiċi aktar fit-tul. Hawnhekk għandna erba' problemi ewlenin. L-ewwel, in-nuqqas ta’ kategorizzazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-miżuri tal-politika tal-mard tal-annimali. Dan ħafna drabi wassal għal allokazzjoni tattika aktar milli strateġika, u għalhekk (fit-tul) sub-ottimali, tar-riżorsi għall-kontroll tal-mard  It-tieni, xorta għad baqa’ koordinazzjoni fqira tas-sorveljanza tal-mard tal-annimali, b'sistemi varji tas-sorveljanza u atturi li ma jaħdmux flimkien bl-aktar modi effettivi possibbli. Sforz ta’ koordinazzjoni aħjar inaqqas ir-riskju u l-impatt tat-tifqigħat tal-mard. It-tielet, ma hemmx biżżejjed armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE ma’ standards (l-OIE, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali) internazzjonali maqbula. Konverġenza akbar twassal għal titjib fil-kompetittività fi swieq internazzjonali u tevita tilwim kummerċjali (filwaqt li tirrispetta l-ħtieġa li jinżammu l-istandards tas-saħħa għolja mistennija fl-UE). Ir-raba’, mhix meqjusa biżżejjed fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE perspettiva fit-tul ta’ mard li jkun għadu kemm feġġ, mard li jfiġġ mill-ġdid u mard eżotiku . Tinħass il-ħtieġa li tiġi promossa viżjoni aktar strateġika bħala rispons, għall-kontroll u għall-monitoraġġ għal theddid ta' mard futur.

Prevenzjoni aktar milli kura

9. Fl-aħħar nett, fil-qafas attwali tal-UE hemm enfasi insuffiċjenti fuq il-prevenzjoni tal-mard aktar milli fuq il-kura. Il-ħelsien mill-mard tal-annimali b’mod ġenerali huwa meqjus bħala ġid pubbliku globali, minħabba li jħares is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika, kif enfasizzat permezz tal-kunċett “Dinja Waħda – Saħħa Waħda” żviluppat mill-WHO (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa), l-OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali) u l-FAO (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura). L-importanza tagħha mhix limitata għall-ekonomija rurali iżda għandha impatt fuq is-soċjetà kollha. Filwaqt li l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali dejjem se jibqgħu jseħħu, l-evalwazzjoni tal-CAHP saħqet fuq il-ħtieġa li għandha ssir aktar enfasi fuq il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni rapida u effettiva tar-riskju sabiex titnaqqas l-inċidenza u d-daqs tat-tifqigħat tal-mard tal-annimali. Dan in-nuqqas jimmanifesta ruħu fil-koordinazzjoni fqira tas-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali, kif imsemmi hawn fuq; in-nuqqas ta’ promozzjoni għal miżuri tal-bijosigurtà fil-farms fil-livell tal-UE, għall-prevenzjoni tat-tifqigħat ta’ mard; l-assenza ta’ strateġija għat-tilqim għall-prevenzjoni u l-kontroll aħjar tal-mard tal-annimali; u d-dispożizzjonijiet inkonsistenti dwar it-taħriġ tas-saħħa tal-annimali għal min jittratta mal-annimali.

Kummerċ tal-annimali ħajjin bejn il-pajjiżi tal-UE

10. Filwaqt li l-problemi deskritti qabel jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi tematiċi, il-grupp ta’ tmexxija ta’ valutazzjoni tal-CAHP u l-konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku enfasizzaw problemi bil-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE li kienu jaqgħu taħt diversi minn dawn il-kategoriji differenti. L-ewwel, ir-regoli attwali tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE mhumiex dejjem proporzjonati mar-riskji li joħolqu l-movimenti għas-saħħa tal-annimali. B’mod partikolari, ċerti movimenti li joħolqu riskju żgħir huma mitluba jkunu konformi ma' rekwiżiti aktar stretti milli meħtieġ. It-tieni, f'ħafna każijiet, hemm replikazzjoni tal-proċeduri, u dan iżid mal-piż amministrattiv assoċċjat mal-movimenti. It-tielet, il-kunċett ta’ kompartmentalizzazzjoni intuża b’suċċess f’ċerti oqsma, iżda ma ġiex estiż għal partijiet oħra xierqa tal-liġi dwar is-saħħa tal-annimali tal-UE. Madankollu, dan jista’ jiġi estiż fil-futur.

2.     Analiżi tas-Sussidjarjetà: l-azzjoni tal-UE hija ġustifikata abbażi tas-sussidjarjetà?

11. L-Artikoli 43, 114 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdu l-bażi legali għall-miżuri leġiżlattivi tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali, minħabba li huma parti essenzjali mill-politika tal-UE dwar l-agrikoltura, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur, il-kummerċ u s-suq uniku.

12. Il-ħtieġa biex tittieħed azzjoni tgħaddi mit-'test ta’ neċessità' u t-'test tal-valur miżjud'. L-għanijiet tal-politika dwar is-saħħa tal-annimali ma jistgħux jintlaħqu minn Stati Membri li jaġixxu weħidhom, u jistgħu jintlaħqu aħjar meta l-UE taġixxi bħala ħaġa waħda. F’termini ġenerali ħafna, saħħa tal-annimali tajba ma tipprovdix biss benefiċċji privati lill-indokraturi tal-annimali u s-sidien ta’ annimali individwali, iżda hija ġid pubbliku b'benefiċċji soċjali usa'. In-natura trasmissibbli u transfruntiera ta’ ħafna mard tal-annimali tfisser li aktarx l-aktar li se jkollu benefiċċji fuq livell globali huwa approċċ komuni, aktar milli serje ta’ azzjonijiet individwali. Għalhekk, fi 'żmien ta’ paċi' u anki fil-każ ta’ tifqigħa, il-prezz li ma tittiħidx azzjoni fil-livell tal-UE huwa potenzjalment ħafna ogħla minn dak għal approċċ komuni.

13. Il-benefiċċji ta’ regoli armonizzati għall-prevenzjoni, in-notifika, il-kontroll u l-qerda ta' mard tal-annimali fil-livell tal-UE ntwerew matul it-tifqigħat ta’ mard tal-annimali fi żminijiet riċenti. Dawn il-kriżijiet urew il-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi malajr, u b'hekk tillimita l-firxa tal-mard u tnaqqas kemm jista' jkun l-impatti tagħhom. Dan kien fil-biċċa l-kbira kawża ta’ approċċ armonizzat għall-kontroll tal-mard. Is-sistema attwali tippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ programmi sostenibbli ta' sorveljanza u monitoraġġ billi tipprovdi kofinanzjament fil-livell tal-UE. Fil-passat, l-approċċ armonizzat tal-UE għall-kontroll tal-mard ippermetta lill-UE tiddefendi l-interessi tal-Istati Membri tagħha fuq livell internazzjonali.

14. Il-firxa transfruntieri tal-mard tal-annimali hija theddida permanenti għal dawk li jindukraw il-bhejjem u l-Istati Membri minħabba li jista’ jkollha implikazzjonijiet ekonomiċi importanti għas-settur privat u għas-settur pubbliku. Ħafna mard jista’ jinfirex faċilment minn pajjiż għal ieħor u jista’ jilħaq proporzjonijiet pandemiċi. L-annimali selvaġġi għandhom rwol epidemjoloġiku importanti fit-trasmissjoni tal-mard tal-annimali u l-moviment tagħhom huwa diffiċli ħafna biex jiġi kkontrollat jew ristrett bejn l-Istati Membri (pereżempju, id-deni klassiku tal-ħnieżer fiċ-ċingjali huwa theddida potenzjali għall-ħnieżer tal-farms). Għal din ir-raġuni l-miżuri ta' kontroll u s-sistemi armonizzati tas-sorveljanza huma meħtieġa fil-livell tal-UE.

15. Meta jitqies dan li ssemma hawn fuq, il-leġiżlazzjoni futura għandha tikkonferma grad għoli ta’ kompetenza li diġà huwa attribwit lill-UE f'dan il-qasam matul l-aħħar deċennji, li huwa aċċettat sew kemm mill-Istati Membri, kif ukoll mill-partijiet interessati.

3.     Għanijiet tal-inizjattiva tal-UE: X'inhuma l-għanijiet ewlenin tal-politika?

16. L-UE inġenerali qed taħdem għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020[1]. L-għanijiet tas-saħħa tal-annimali għandhom iħarsu l-għanijiet dominanti kruċjali billi jnaqqsu r-riskju tal-impatti ekonomiċi, soċjali (inkluż is-saħħa pubblika) u l-ambjent tas-saħħa fqira tal-annimali u t-tifqigħat tal-mard tal-annimali; u konsegwentement billi jappoġġjaw is-sigurtà ekonomika u s-suċċess tal-indokraturi tal-annimali, partikolarment il-bdiewa u b'hekk jikkontribwixxu għal tkabbir għaqli, inklussiv u sostenibbli.

17. Tajjeb li wieħed ifakkar hawnhekk li apparti l-għanijiet tas-saħħa tal-annimali hemm fatturi oħra. Is-saħħa tajba tal-annimali hija fattur kritiku li jiżgura l-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tas-suq intern; u b’mod partikolari tas-settur tal-ikel, li huwa l-akbar settur ekonomiku uniku fl-UE. Inevitabbilment hemm duplikazzjoni u interazzjoni ma’ oqsma oħra tal-politika, bħall-benessri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel, in-nutrizzjoni tal-annimali, il-mediċini veterinarji, u l-kontrolli uffiċjali, iżda wkoll kwistjonijiet agrikoli u ambjentali usa' bħal speċijiet aljeni invażivi.

18. L-għanijiet ġenerali tal-politika dwar is-saħħa tal-annimali tal-UE huma elenkati fl-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali 2007-2013, u huma:

- garanzija ta' livell għoli ta' saħħa pubblika u ta' sikurezza tal-ikel permezz tat-tnaqqis tal-inċidenza ta' riskji bijoloġiċi u kimiċi għall-bniedem.il-promozzjoni tas-saħħa tal-annimali permezz tal-prevenzjoni/tat-tnaqqis tal-inċidenza tal-mard tal-annimali, u b'dan il-mod l-appoġġ għall-agrikoltura u l-ekonomija rurali;

- it-titjib fit-tkabbir/fil-koeżjoni/fil-kompetittività ekonomika li jiżgura ċirkolazzjoni ħielsa ta' oġġetti u movimenti proporzjonati tal-annimali.

- il-promozzjoni ta' prattiċi agrikoli u tat-trattament xieraq tal-annimali li jipprevenu t-theddid relatat mas-saħħa tal-annimali u jimminimizzaw l-impatti ambjentali b'appoġġ għall-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE.

19. It-trattament xieraq tal-annimali, b’mod partikolari, għandu rabtiet mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u kwalunkwe għan ieħor għas-saħħa tal-annimali jeħtieġ li jqis bis-sħiħ ir-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali, skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

20. Dawn l-għanijiet ġenerali juru li l-bażi tal-azzjoni tal-UE hija usa' milli dik li sempliċiment tevita li l-problemi tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali jfeġġu, jew li tiżgura s-sigurtà ekonomika tal-bdiewa. L-ambitu ta’ kwalunkwe miżura ġdida se jkun jeħtieġ li jinkludi mhux biss annimali miżmuma (inklużi annimali għall-produzzjoni, annimali użati għax-xogħol, l-isport, ir-rikreazzjoni jew għall-wiri, annimali għall-kumpanija jew annimali użati fir-riċerka); iżda sa ċertu punt annimali selvaġġi wkoll, meta s-saħħa ħażina tagħhom ikollha l-potenzjal li tfixkel kwalunkwe wieħed minn dawn l-għanijiet.

21. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa l-bini ta’ qafas leġiżlattiv simplifikat u aktar koerenti għas-saħħa tal-annimali, ibbażat fuq tmexxija tajba u konformi ma’ standards (e.ż. l-OIE) internazzjonali.

22. Ir-rapport jiddeskrivi l-għanijiet speċifiċi u operazzjonali tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali f’aktar dettall.

4.     Alternattivi tal-Politika

23. Sabiex insolvu l-problemi identifikati u niksbu l-għanijiet operazzjonali msemmija hawn fuq, aħna qiesna l-5 alternattivi politiċi hawn taħt.

24. Alternattiva 1: L-ebda azzjoni (jiġifieri: inkomplu għaddejjin bil-politika attwali). Ir-regoli tas-saħħa tal-annimali attwali jibqgħu, bl-aġġornament u l-adattamenti tekniċi jsiru kif meħtieġ iżda mingħajr qafas orizzontali li jistabbilixxi l-għanijiet strateġiċi globali. Fejn huwa possibbli, jintużaw l-għodod regolatorji biex jingħelbu l-problemi identifikati.

25. Alternattiva 2: Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti mingħajr l-ebda bidla politika jew ta' kontenut ewlenija. Din l-alternattiva tippermetti t-tlaqqigħ tal-leġiżlazzjonijiet kollha eżistenti tas-Saħħa tal-Annimali f’biċċa kbira ta’ leġiżlazzjoni, iżda ma tagħmel l-ebda tibdil sinifikanti lill-kontenut tal-leġiżlazzjoni nnifisha. It-tibdil jitwettaq biss skont kif ikun meħtieġ, u sabiex jikkonforma mat-Trattat ta’ Lisbona.

26. Alternattiva 3: Il-qafas legali eżistenti b’aktar awtoregolazzjoni. Din l-alternattiva tikkumplimenta l-politika u l-leġiżlazzjoni eżistenti attwali dwar is-saħħa tal-annimali b’inizjattivi addizzjonali ta’ natura mhux regolatorja (il-Kummissjoni tiddefinixxi awtoregolazzjoni bħala “ftehimiet volontarji bejn il-korpi privati biex isolvu l-problemi billi jimpenjaw ruħhom bejniethom").

27. Alternattiva 4: Qafas leġiżlattiv ġenerali flessibbli u simplifikat dwar kwistjonijiet ta' s-saħħa tal-annimali, ibbażat fuq il-kisba ta’ ċerti eżiti tas-saħħa tal-annimali. Skont din l-alternattiva, qafas legali simplifikat ġdid jistabbilixxi l-prinċipji u l-għanijiet għal politika dwar is-saħħa tal-annimali biex jinkisbu l-eżiti mixtieqa. Jintlaħaq ukoll qbil fil-livell tal-UE dwar l-eżiti, bħal ċerti standards tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-pubbliku konnessi. Madankollu, il-qafas ikun flessibbli biex jippermetti lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli tal-UE kif xieraq skont iċ-ċirkostanzi lokali biex jinkisbu l-eżiti mixtieqa.

28. Alternattiva 5: Qafas leġiżlattiv preskrittiv ġdid dwar kwistjonijiet ta' saħħa tal-annimali, ibbażat fuq l-istabbiliment ta' proċessi speċifiċi u standards għall-politika dwar is-saħħa tal-annimali. Skont din l-alternattiva, qafas legali komprensiv ġdid jistabbilixxi l-prinċipji u l-għanijiet tas-saħħa tal-annimali. Dan il-qafas jistabbilixxi l-istandards speċifiċi għal regoli u proċeduri għas-saħħa tal-annimali li jkunu meħtieġa mal-Istati Membri kollha, bi ftit flessibbiltà għall-Istati Membri biex jadattaw ir-regoli għaċ-ċirkostanzi li jvarjaw.

5.     Valutazzjoni tal-impatti

Alternattiva 1 – L-ebda bidla

29. Biex tippermetti t-tqabbil xieraq tal-alternattivi, l-Alternattiva 1, waqt li tkompli mal-politika tas-saħħa tal-annimali attwali, qed tintuża bħala l-linja bażi tal-politika u l-impatti tal-alternattivi l-oħra se jkunu vvalutati b'rabta magħha.

30. L-alternattiva tal-ebda bidla diġà ġiet rifjutata mill-valutazzjoni tal-impatt għall-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-valutazzjoni tal-CAHP, u għalhekk ikun diffiċli ħafna biex tkun ġustifikata. L-ebda bidla se tfisser tkomplija tal-approċċ attwali fil-livell tal-UE biex jingħelbu l-kwistjonijiet rigward is-saħħa tal-annimali u l-problemi identifikati fir-rapport.

Alternattiva 2 – Simplifikazzjoni tal-qafas legali eżistenti bl-ebda bidla sinifikanti fil-politika

31. Din l-alternattiva tassumi li ma jkun hemm l-ebda simplifikazzjoni fil-qafas legali eżistenti, billi tlaqqa’ flimkien id-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti f’biċċa ta’ leġiżlazzjoni waħda inġenerali iżda mingħajr ma tindirizza l-għanijiet u l-iżviluppi tal-politika stabbiliti fl-AHS.

32. Il-politika tas-saħħa tal-annimali ma tinbidilx materjalment; il-benefiċċji assoċjati ma' din l-alternattiva huma biss dawk mis-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Bit-tlaqqigħ tal-leġiżlazzjoni kollha eżistenti f'post wieħed, ikun hemm xi titjib fis-sempliċità u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

33. Madankollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti ma għandha l-ebda sett ta’ prinċipji ta’ koerenza dominanti u għalhekk jekk jitqiegħed kollox f'biċċa ta' leġiżlazzjoni waħda, dan iwassal għal lista twila tal-acquis eżistenti, li jikseb ftit wisq simplifikazzjoni ġenwina, u għalhekk l-għanijiet stabbiliti fl-AHS ma jintlaħqux.

Alternattiva 3 - Il-qafas legali eżistenti b’aktar awtoregolazzjoni

34. Fil-biċċa l-kbira din l-alternattiva hija magħmula minn azzjonijiet li mhumiex regolatorji li se jitwettqu bir-riżorsi disponibbli bħalissa u mhi se toħloq l-ebda piżijiet amministrattivi addizzjonali. Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri li jew jiżviluppaw gwida u l-aħjar prassi biex itejbu l-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali jew iħeġġu lill-partijiet interessati jagħmlu dan. Dawn jikkumplimentaw il-qafas legali eżistenti tas-saħħa tal-annimali u jimmiraw li jiksbu prevenzjoni aħjar tal-mard tal-annimali. Il-leġiżlazzjoni tiġi aġġornata individwalment kif meħtieġ biex tikkonforma mar-rekwiżiti l-ġodda (bħall-proċess il-ġdid tat-teħid tad-deċiżjonijiet wara l-introduzzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona), jew mal-iżviluppi teknoloġiċi.

35. F’termini ġenerali, l-għoti ta' gwida u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki għall-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali se jagħmel lill-indokraturi tal-annimali u atturi oħrajn fil-katina alimentari aktar infurmati dwar il-miżuri għas-saħħa tal-annimali u r-riskji tal-mard tal-annimali u r-responsabbiltajiet għall-azzjonijiet tagħhom. Jekk l-indokraturi tal-annimali jkunu aktar konxji tal-aħjar prattiki għall-prevenzjoni tal-mard, hemm aktar ċans li jimplimentaw il-miżuri, bħall-bijosigurtà u s-sorveljanza, li jkunu importanti għalihom f’termini ta’ tnaqqis tal-frekwenza u l-impatt tal-mard tal-annimali.

36. Madankollu, dawn l-azzjonijiet mhux se jkunu obbligatorji. Jiddependu fuq kemm l-ewwel nett il-partijiet interessati jkunu jridu jiżviluppaw il-gwida; u l-kooperazzjoni tal-indokraturi tal-annimali li volontarjament ikomplu jsegwu din il-gwida, f'ċirkostanzi fejn mhux dejjem jista’ jkun fl-interess dirett tagħhom li jagħmlu dan. Għalhekk huma inċerti ħafna l-effetti reali ta’ din l-alternattiva mwettqafil-prattika, u jvarjaw, min-naħa, minn xenarju ta' ebda bidla għal impatt potenzjalment pożittiv min-naħa l-oħra.

Alternattiva 4 – qafas leġiżlattiv ġenerali u flessibbli għal kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali

37. L-impatti ekonomiċi u fuq is-saħħa pubblika tal- alternattiva 4 mistennija jkunu fil-biċċa l-kbira pożittivi. L-ewwel, hemm il-benefiċċji mistennija minn inqas okkorrenzi ta' mard. B’mod inġenerali, ir-riżorsi se jkunu mmirati aħjar skont ir-riskju, u b'hekk jiffrankaw il-ħin u l-flus. Se tiġi żviluppata strateġija għall-aħjar użu possibbli tal-vaċċini u dan jista’ jkollu impatti ekonomiċi pożittivi fir-rigward tat-tnaqqis tal-okkorrenzi ta' mard tal-annimali u l-impatti pożittivi kollha assoċjati.

38. Bla dubju jkun hemm xi impatt inizjali għall-bdiewa u indokraturi oħra tal-annimali kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti li jkun ġej mill-ħtieġa għall-familjarizzazzjoni mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid. Madankollu, din l-inizjattiva għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti, u għalhekk permezz tagħha kull piż se jkun fir-realtà limitat ħafna, u fejn xieraq jiġu introdotti d-derogi. Fejn miżuri ġodda jistgħu jiġu introdotti, bħal fil-każ tal-bijosigurtà, dawn se jkunu bbażati fuq l-għoti ta’ possibbiltajiet u inċentivi għal titjib aktar milli għall-introduzzjoni ta’ miżuri obbligatorji. Dan ifisser pereżempju li l-familjarizzazzjoni u l-implimentazzjoni addizzjonali se jkunu l-għażla tal-bidwi jew tal-operatur biex joħloq benefiċċji (ekonomiċi u tas-saħħa tal-annimali) pożittivi. Minħabba n-natura proprja tal-mard tal-annimali, huma diġà proċedura standard l-aġġornamenti regolari ta’ regoli validi; l-ispejjeż ta’ familjarizzazzjoni ta’ darba aktarx se jiġu intergrati fi spejjeż “ta’ kuljum”. Għaż-żmien fit-tul, il-qafas strateġiku simplifikat u aktar koerenti għandu jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, u b’mod partikolari, jagħmel aktar sens għal dawk li jitgħallmu dwar l-obbligi tagħhom għall-ewwel darba (pereżempju, għal bdiewa li jkunu għadhom jibdew).

39. B’mod inġenerali u għat-tul, huwa ġust li wieħed jassumi li qafas simplifikat, flessibbli u bbażat fuq l-eżitu se jimponi piż amministrattiv aktar baxx fuq il-biedja u l-industriji relatati u l-indokraturi tal-annimali milli l-qafas preskrittiv tal-alternattiva 5. Dan huwa minħabba li l-flessibbiltà inerenti tiegħu tfisser li l-obbligi u r-rekwiżiti jkunu jistgħu jsiru abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali jew reġjonali, bl-introduzzjoni ta' derogi fejn ikun xieraq għal sitwazzjonijiet ta' riskju żgħir, u jippermetti lill-Istati Membri jsawru obbligi amministrattivi għal dawk li huwa strettament meħtieġ skont valutazzjoni raġonevoli tar-riskju.

40. Inħass li hemm tliet eżempji partikolarment importanti li għandhom jiġu analizzati f’aktar dettall: il-bijosigurtà, il-kummerċ u t-tilqim, li huma stabbiliti fit-test tar-rapport u f’ċertu dettall fl-annessi li jakkumpanjaw dan ir-rapport. Eżempju tal-impatt potenzjali fuq il-piż amministrattiv huwa mqassar fit-Tabella 5.2 tar-rapport ewlieni.

41. Kif imsemmi hawn fuq, għandu jkun hemm effett soċjali kemxejn pożittiv fir-rigward tal-flessibbiltà tas-suq veterinarju u b’mod partikolari, ċerti benefiċċji li jkunu ġejjin mill-ksib tal-istess standard tas-sikurezza tal-annimali u l-prodotti tal-annimali.

42. Jekk wieħed jassumi li hemm okkorrenzi ta’ tifqigħat tal-mard tal-annimali, jistgħu jiġu estrapolati diversi impatti ambjentali pożittivi oħrajn. Il-mard tal-annimali li jinsab fl-annimali indukrati jista' jkollu impatti negattivi fuq l-annimali selvaġġi (pereżempju l-influwenza avjarja, minħabba li l-għasafar selvaġġi jistgħu mhux biss ixerrdu din il-marda lit-tjur domestiċi iżda wkoll jiġu infettati minn tjur domestiċi). U għalhekk it-tnaqqis fl-inċidenza tagħhom għandu jkollu impatt pożittiv fuq l-organiżmi selvaġġi.

Alternattiva 5 – qafas leġiżlattiv ġenerali u flessibbli għal kwistjonijiet għas-saħħa tal-annimali

43. Alternattiva 5 probabbilment se twassal għal tnaqqis sinifikanti fl-okkorrenza ta’ mard tal-annimali fl-UE, bil-benefiċċji kollha ekonomiċi, soċjali u ambjentali assoċjati analizzati f’ċertu dettall fir-rapport. Madankollu, l-alternattiva 5 aktarx se jkollha piż amministrattiv sinifikanti. Barra minn hekk, regoli aktar preskrittivi x'aktarx li ma jdumux jgħoddu għal wisq żmien minħabba l-bidliet ambjentali u teknoloġiċi.

44. L-alternattiva 5 għandha twassal għal tnaqqis fil-mard tal-annimali, iżda huwa diffiċli li wieħed jiddikjara b’kunfidenza li l-ħtieġa tal-istess standards f’kull aspett, bħal fl-għażla 5, se jkollha effett għall-aħjar jew għall-agħar minn approċċ ibbażat fuq ir-riskju u mwettaq bir-reqqa, bħal dak fl-għażla 4. Jiddependi fuq liema livell jiġu applikati r-riżorsi u jiġu stabbiliti l-istandards. Wieħed jista’ jsostni li (jekk nassumu li l-istess livell ta' riżorsi jiġi applikat għal kull alternattiva) applikazzjoni tar-riżorsi tajba bbażata fuq ir-riskju se jkollha effett aktar pożittiv minn standard uniformi applikat kullimkien.

45. Il-piż amministrattiv għall-Istati Membri huwa potenzjalment wieħed kbir ħafna b’din l-alternattiva. Id-daqs tal-piż jiddependi preċiżament fuq kif ġie implimentat, iżda kieku l-Istati Membri kienu jkunu meħtieġa jipprovdu taħriġ għall-indokraturi tal-annimali; kif ukoll li jiżviluppaw, jamministraw u jinfurżaw miżuri ġodda għas-saħħa tal-annimali fil-bijosigurtà u s-sorveljanza; il-piżijiet ikunu sinifikanti ħafna.

46. Il-qafas leġiżlattiv preskrittiv se jistabbilixxi l-għarfien u l-ħiliet li għandhom jinkisbu fil-kwalifiki u t-taħriġ professjonali għall-veterinarji uffiċjali u approvati fil-livell tal-UE. L-assigurazzjoni li l-veterinarji jkollhom l-istess għarfien u ħiliet mal-UE kollha tagħmilha aktar faċli għal veterinarji uffiċjali u approvati li jaħdmu fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma jkunu kompromessi l-istandards tas-saħħa.

47. Bl-implimentazzjoni tal-alternattiva 5, fil-biċċa l-kbira għandu jkun hemm impatti ambjentali pożittivi, simili ħafna għal dawk stipulati fl-għażla 4. Fuq naħa, wieħed jista' jistenna li aktar azzjonijiet obbligatorji jipproduċu aktar impatti ambjentali pożittivi tat-tip imfissra hawn fir-rigward tal-alternattiva 4. Madankollu, iż-żieda fir-riġidità tal-alternattiva 5 tista’ tfisser li l-miżuri huma anqas adattabbli għal ċirkostanzi ambjentali partikolari, u li probabbli jwasslu għal ċerti impatti ambjentali negattivi, inklużi dawk rigward it-trattament xieraq. Huwa diffiċli ħafna li tivvaluta anke d-direzzjoni relattiva tal-ivvjaġġar hawnhekk, aħseb u ara li tikkwantifika l-impatti mistennija.

6.     Tqabbil tal-Alternattivi

48. Globalment, l-alternattiva 4 tidher li hija l-għażla li x'aktarx l-aktar li tipproduċi effettività, effiċjenza u koerenza bl-għanijiet tal-UE. Għandha tilħaq l-għanijiet ewlenin li tipproduċi ċ-ċarezza u l-koerenza tal-istrateġija u l-qafas globali, iżda tħalli l-flessibbiltà biex tippermetti ċirkostanzi partikolari fi Stati Membri jew żoni partikolari, u biex tadatta għal ċirkostanzi li jinbidlu malajr. Għalhekk, hija wkoll l-alternattiva li l-aħjar tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-alternattivi 2 jew 3, filwaqt li joffru aktar kontinwità mal-kuntest preżenti, sempliċiment ma joffru l-ebda garanzija ta’ eżitu pożittiv, u jżommu l-biżibilju eżistenti ta’ leġiżlazzjoni li joħloq konfużjoni. L-alternattiva 5 twettaq l-għan tas-sempliċità bi strateġija u qafas dominanti, iżda aktarx tkun riġida wisq biex tadatta b'suċċess għal ċirkostanzi li jvarjaw mal-Unjoni kollha, u b’hekk potenzjalment iddgħajjef l-għanijiet tagħha stess.

49. Il-benefiċċju ewlieni tal-alternattiva 4 jinsab fil-flessibbiltà tagħha. Kif issemma qabel, in-natura ta' kwadru globali u flessibbli tfisser li jkunpossibbli għal ċerti miżuri tal-politika speċifiċi li jużaw l-għodod deskritti f'termini ġenerali fl-alternattivi 3 jew 5. L-għodod tal-alternattiva 3 (ċerti skemi jew elementi awtoregolatorji) setgħu ġew introdotti jew imħeġġa jekk kien jinħass li mhux neċessarju jew li mhux xieraq li tiġi koperta kwistjoni speċifika fil-leġiżlazzjoni. Il-qafas leġiżlattiv aktar preskrittiv deskritt fl-alternattiva 5 seta' ġie introdott għal raġunjiet, speċijiet jew mardiet partikolari skont leġiżlazzjoni delegata jew ta’ implimentazzjoni skont il-qafas leġiżlattiv flessibbli kieku aktar miżuri dettaljati kienu meħtieġa jew xierqa.

Tabella 6.1: Tqabbil tal-Alternattivi 3-5

Għanijiet || Alternattiva 3 || Alternattiva 4 || Alternattiva 5

Effettività || L-alternattiva 3 għandha firxa ta’ eżiti minn xenjarju ta' ebda bidla meta kkumparat mal-linja bażi, għal sistema awtoregolatorja relattivament sinifikanti. Għalhekk hemm probabbiltà akbar li l-effettività tagħha fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet pożittiva aktar milli negattiva. + || L-alternattiva 4 aktarx se tkun effettiva fil-kisba ta' dawn l-għanijiet jew fil-ħidma għalihom. + || L-alternattiva 5 aktarx se tkun effettiva fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet jew fil-ħidma għalihom, iżda jista' jkun li tkun anqas effettiva fiż-żamma ta' din l-effettività fit-tul minħabba n-nuqqas ta' flessibbiltà tagħha. +

Effiċjenza || L-effiċjenza tagħha tiddependi fuq l-ammont ta’ riżorsi ddedikati biex tinkiseb sistema awtoregolatorja li taħdem sew. Madankollu, ma tkunx teħtieġ tibdil regolatorju li jieħu ħafna ħin. +/- || Il-qafas flessibbli se jkun jeħtieġ spejjeż limitati ta’ familjarizzazzjoni; minħabba li din se titwettaq fil-biċċa l-kbira f'netwerks ta’ taħriġ diġà eżistenti (e.ż. BTSF, eċċ). Aktarx tkun tinftiehem aktar u tkun aktar effiċjenti fuq tul ta' żmien għall-partijiet interessati, kemm għall-indokraturi tal-annimali u għall-SM. ++ || L-alternattiva 5 aktarx se tkun teħtieġ aktar piż amministrattiv biex wieħed jiffamiljarizza ruħu magħha u biex tiġi implimentata. Filwaqt li se tippermetti aktar koerenza fil-leġiżlazzjoni u tista’ jwassal għal benefiċċju globali, in-nuqqas ta’ flessibbiltà jfisser li hekk kif iċ-ċirkostanzi jinbidlu, se jkunu meħtieġa aktar riżorsi biex tinbidel il-leġiżlazzjoni. +

Koerenza mal-għanijiet tal-UE || Din l-għażla ma tilħaqx l-għanijiet stabbiliti fl-AHS tal-UE li ġġib flimkien il-leġiżlazzjoni tal-AH f'qafas wieħed. - || Din l-għażla tikseb l-għan tal-istrateġija AHS tal-UE li ġġib flimkien il-leġiżlazzjoni kollha tal-AH f’qafas koerenti u flessibbli. Hija konformi mal-approċċ flessibbli meħud imkejjen oħra u wisq probabbli tikseb l-għanijiet operazzjonali tat-Taqsima 3. ++ || Tikseb l-għan tal-istrateġija tal- AH tal-UE ta' qafas leġiżlattiv uniku iżda n-nuqqas ta’ flessibbiltà jfisser li hemm anqas ċans li tikseb uħud mill-għanijiet operazzjonali minħabba li hi anqas kapaċi li tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu fil-futur. +

7.     Monitoraġġ u Evalwazzjoni

50. Indikaturi tal-prestazzjoni sempliċi u affidabbli se jgħinu biex ikejlu l-progress. Għandhom ikopru l-indikaturi tanġibbli tas-saħħa tal-annimali u l-indikaturi aktar sottili li jitraċċaw il-kunfidenza, l-aspettazzjonijiet u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej.

51. Huwa diffiċli ħafna li hawnhekk tippreskrivi sett ta’ indikaturi preċiżi li se juru b’mod definittiv li inizjattiva estensiva bħal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali laħqet l-għanijiet tagħha. Madankollu, sensiela ta' kejl fuq perjodu ta' żmien pjuttost ġeneruż għandha tagħti indikazzjoni tad-direzzjoni ġenerali tal-ivvjaġġar.

52. Eżempji ta' x’inhuma l-indikaturi tanġibbli tas-suċċess:

- il-proporzjon tal-ispiża veterinarja tal-UE għall-miżuri tal-qerda u l-monitoraġġ kontra l-miżuri tal-emerġenza;

- restrizzjonijiet (għadd ta’ żoni x it-tul tar-restrizzjonijiet) minħabba tifqigħ ta’ mard notifikabbli rregolat;

- l-għadd ta’ tifqigħat ta’ mard fuq skala kbira u ta’ annimali maqtula minħabba miżuri ta’ qerda;

- l-ispejjeż u t-telf globali għall-UE, l-SM u l-bdiewa u partijiet interessati oħra minħabba tifqigħat ta’ mard tal-annimali;

- ċaqliq transkonfinali ta’ kunsinni tal-annimali skont is-sistema simplifikata;

- l-għadd ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ meħuda mill-indokraturi tal-annimali, speċjalment il-bdiewa.

53. Kif issemma hawn fuq, din il-valutazzjoni tal-impatt hija neċessarjament ħarsa ġenerali fuq firxa wiesgħa. Meta jiġu introdotti miżuri leġiżlattivi sekondarji speċifiċi, aktarx ikun hemm il-ħtieġa li jitlestew valutazzjonijiet tal-impatt aktar speċifiċi, u bħala parti minn dan, ħafna aktar indikaturi speċifiċi għal kull miżura. Huwa maħsub li kull ħames snin għandha sseħħ valutazzjoni wara l-implimentazzjoni tal-AHL, u r-riżultati jkunu disponibbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet futuri.

[1]       http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Top