Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0884

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet

/* COM/2013/0884 final - 2013/0432 (COD) */

52013PC0884

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet /* COM/2013/0884 final - 2013/0432 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kuntest Ġenerali

Minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni doganali hija kompletament armonizzata, l-infurzar tagħha, li jiżgura konformità mar-regoli doganali u l-impożizzjoni legali ta’ sanzjonijiet, jaqa’ taħt l-ambitu tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-infuzar tal-leġiżlazzjoni doganali jsegwi 28 sett ta’ regoli ġuridiċi differenti u tradizzjonijiet amministrattivi jew ġuridiċi differenti. Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet li għalihom jidhru xierqa bħala pieni għall-ksur ta’ ċerti obbligi li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni doganali armonizzata tal-Unjoni.

Dawn is-sanzjonijiet huma differenti fin-natura u s-severità tagħhom skont l-Istat Membru li huwa kompetenti għalihom. Jiġifieri, dawn jikkonsistu f'tipi differenti (eż. multi, priġunerija, konfiska ta' merkanzija, skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet industrijali jew kummerċjali), irrispettivament min-natura tagħhom, u anki meta wieħed jassumi l-istess tip u natura, bħal pereżempju multa, dawn ikollhom livelli differenti/ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni rigward ksur doganali tal-Istati Membri u sistemi ta’ sanzjonijiet seħħet permezz ta’ Grupp ta’ Proġett stabbilit, fuq bażi volontarja, mill-Kummissjoni b’24 Stat Membru[1], taħt il-Programm Dwana 2013. Dan il-Grupp ta’ Proġett analizza l-24 sistema nazzjonali għal ksur doganali u sanzjonijiet relatati u rrapporta lura lill-Kummissjoni. Ġew osservati bosta differenzi sostanzjali:

Tabella 1 – Differenzi fis-sistemi ta’ sanzjoni doganali tal-Istati Membri

In-natura tas-sanzjonijiet nazzjonali għal ksur doganali || 16 minn 24 Stat Membru jipprovdu kemm għal sanzjonijiet kriminali kif ukoll għal dawk li mhumiex. 8 minn 24 Stat Membru biss jipprovdu għal sanzjonijiet kriminali.

Limiti finanzjarji biex issir distinzjoni bejn ksur kriminali u dawk li mhumiex u sanzjonijiet || L-Istati Membri li s-sistemi tagħhom jipprevedu għal kemm ksur kriminali kif ukoll dawk li mhumiex u s-sanzjonijiet għandhom limiti finanzjarji differenti biex jiddeċiedu dwar in-natura tal-ksur doganali – jekk huwiex kriminali jew le - u b'hekk anki n-natura tas-sanzjoni doganali. Għaldaqstant il-limiti finanzjarji jvarjaw bejn EUR 266 u EUR 50 000.

Il-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru biex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-operatur ekonomiku għall-ksur doganali || 11 minn 24 Stat Membru jqisu li operatur ekonomiku huwa responsabbli għal ċertu ksur doganali kull meta jkun hemm xi ksur tal-liġi doganali, irrispettivament mill-preżenza tal-intenzjoni, negliġenza jew elementi ta’ traskuraġni jew imġiba imprudenti (ksur ta' responsabbiltà stretta). 13 minn 24 Stat Membru ma jistgħux jippenalizzaw operatur ekonomiku għal ksur doganali mingħajr il-preżenza ta’ intenzjoni, negliġenza jew elementi ta’ traskuraġni jew imġiba imprudenti.

Limiti ta' żmien: -biex jingħata bidu għall-proċedura ta' sanzjoni doganali -biex tiġi imposta sanzjoni doganali -biex tiġi infurzata sanzjoni doganali || Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri għandhom limiti taż-żmien biex jibdew proċedura ta’ sanzjoni doganali, jimponu din is-sanzjoni u jinfurzawha. Dawn il-limiti ta’ żmien ivarjaw minn sena waħda sa 30. Wieħed minn 24 Stat Membru ma jkollu l-ebda limitu ta’ żmien – dan jista’ jagħti bidu għal proċedura ta’ sanzjoni jew jimponiha f'kull ħin.

Ir-responsabbiltà tal-Persuni Ġuridiċi || Operatur ekonomiku li huwa persuna ġuridika jista’ jinżamm responsabbli għal ksur doganali fi 15 minn 24 Stat Membru. F’disgħa minn 24 Stat Membru persuni ġuridiċi ma jistgħux jinżammu responsabbli għal ksur.

Soluzzjoni || It-terminu "soluzzjoni" jirreferi għal kull proċedura ġuridika jew sistema amministrattiva ta’ Stat Membru, li jippermetti lill-awtoritajiet biex jiftiehmu ma’ persuna li wettqet reat biex issolvi l-kwistjoni tal-ksur doganali bħala alternattiva għall-bidu jew it-tmiem tal-proċeduri ta' sanzjonijiet doganali. 15 minn 24 Stat Membru għandhom din il-proċedura għal ksur doganali.

(Sors: Rapport minn Grupp ta’ Proġett dwar Pieni Doganali – Anness 1B tal-Valutazzjoni tal-Impatt għal att leġiżlattiv li jistabbilixxi qafas ġuridiku tal-Unjoni dwar ksur doganali u sanzjonijiet)

Dawn id-differenzi fil-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali u s-sanzjonijiet għandhom implikazzjonijiet f’diversi livelli:

- minn perspettiva internazzjonali, is-sistemi differenti ta’ sanzjoni eżistenti fl-Istati Membri joħolqu ċertu tħassib f’xi Stati Membri tad-WTO rigward il-konformità tal-Unjoni Ewropea mal-obbligi internazzjonali tagħha f’dan il-qasam;

- fl-Unjoni Ewropea, l-infurzar differenti tal-leġiżlazzjoni doganali jagħmel il-ġestjoni effettiva tal-unjoni doganali aktar diffiċli, minħabba li l-istess imġiba mhux konformi tista' tiġi trattata b’modi differenti ħafna f’kull Stat Membru kif turi t-tabella preċedenti;

- għall-operaturi ekonomiċi, id-differenzi fit-trattament tal-ksur tal-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni għandhom impatt fuq il-kondizzjonijiet ekwi, li għandhom ikunu inerenti għas-Suq Intern, biex b'hekk jipprovdu vantaġġ għal dawk li jiksru l-liġi fi Stat Membru b'leġiżlazzjoni klementi għas-sanzjonijiet doganali. Din is-sitwazzjoni għandha impatt ukoll fuq l-aċċess għal simplifikazzjonijiet doganali u l-iffaċilitar jew għall-proċess tal-għoti tal-istatus ta’ AEO, minħabba li l-kriterju li jirreferi għall-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u n-nuqqas ta’ ksur serju bħala kondizzjoni għall-kisba tal-istatus ta’ AEO, jiġi interpretat b’mod differenti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, il-proposta tistabbilixxi qafas ġuridiku komuni għat-trattament ta' ksur doganali u sanzjonijiet, li jnaqqas id-distakk bejn sistemi ġuridiċi differenti permezz ta’ pjattaforma komuni ta’ regoli u b’hekk jikkontribwixxi għal trattament ugwali bejn l-operaturi ekonomiċi fl-UE, kif ukoll għall-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-infurzar tal-liġi fil-qasam doganali.

1.2.        Kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni doganali li tirreferi għal kummerċ ta' merkanzija bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi terzi hija kompletament armonizzata u nbniet f’Kodiċi Doganali Komunitarju (CCC)[2] sa mill-1992. Riforma maġġuri ta’ dan il-Kodiċi twettqet fir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat jew KDM)[3], issa riformulat u revokat bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)[4] bil-għan li jadatta l-leġiżlazzjoni doganali għall-ambjent elettroniku doganali u l-kummerċ, jippromwovi aktar armonizzazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali, u jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni l-għodod adegwati sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom f’ambjent ta’ kummerċ globali.

Din il-leġiżlazzjoni doganali armonizzata teħtieġ tissaħħaħ b’regoli komuni fir-rigward tal-infurzar tagħha. Il-ħtieġa li jittieħdu ċerti passi f’din id-direzzjoni diġà ġie indikat mill-Parlament Ewropew f’żewġ rapporti[5], wieħed tal-2008 u l-ieħor tal-2011, li urew il-bżonn tal-armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

Dawn l-isforzi kollha jiġu appoġġjati skont l-obbligu ġenerali previst mit-Trattat[6] għall-Istati Membri sabiex “jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu”. Dan l-obbligu jinkludi sanzjonijiet, mingħajr distinzjoni bejn sanzjonijiet ta’ natura kriminali u dawk li mhumiex.

Aktar speċifikament il-Kodiċi Doganali Modernizzat u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jinkludu għall-ewwel darba dispożizzjoni[7] dwar pieni doganali amministrattivi.

2.           RIŻULTATI TA' KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Intużaw erba’ għodod ta’ konsultazzjoni, l-ebda waħda minnhom ma kienet konsultazzjoni pubblika (minħabba n-natura speċifika u t-teknika tal-ksur doganali u s-sanzjonijiet) u skont it-talba tal-partijiet interessati bi trattament kunfidenzjali tat-tweġibiet.

–          Kwestjonarju minnhom kien indirizzat lill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri dwar is-sistemi tagħhom tal-ksur u pieni doganali nazzjonali u nġabru tweġibiet minn 24 Stat Membru, kif issemma qabel f’dan il-memorandum. It-tqabbil tad-dejta miġbura wera differenzi rilevanti bejn is-sistemi ta’ sanzjoni doganali tal-Istati Membri.

–          Seminar ta’ Livell Għoli dwar il-Konformità u għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Konformità bil-parteċipazzjoni ta’ amministrazzjonijiet doganali mill-Istati Membri kollha u l-Pajjiżi Kandidati u rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi sar f’Kopenħagen fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2012, fejn il-kwistjoni ta’ reati u pieni doganali ġiet rikonoxxuta bħala element ta’ skema ta' “konformità” u kwistjoni li għandha tiġi studjata aktar.

–          Twettqet l-ewwel konsultazzjoni tal-partijiet interessati mal-korp konsultattiv tad-DĠ TAXUD dwar kwistjonijiet doganali (il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ (TCG)). It-TCG jinkludi rappreżentanti fil-livell tal-Unjoni b'45 assoċjazzjoni tal-kummerċ, inklużi SMEs involuti f’attivitajiet doganali. Bħala tweġiba għal din il-konsultazzjoni, il-maġġoranza tal-assoċjazzjonijiet preżenti fil-laqgħa esprimew qbil ġenerali fuq ir-rilevanza tal-inizjattiva tad-DĠ TAXUD għall-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

–          It-tieni konsultazzjoni mal-partijiet interessati twettqet permezz ta’ kwestjonarju ieħor, li ntbagħat lill-SMEs permezz tan-Netwerk Enterprise Europe, dwar l-effetti li s-sistemi diversi ta’ ksur u sanzjonijiet fis-seħħ fi Stati Membri differenti fil-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali jkollhom fuq l-attività kummerċjali tal-kumpaniji li jittrattaw attivitajiet ta' importazzjoni/esportazzjoni.

2.2.        Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika (disponibbli fuq:...). Ġew analizzati erba' għażliet ta' politika: A – xenarju bażi; B – modifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni fis-seħħ; C – miżura leġiżlattiva dwar l-approssimazzjoni tat-tipi ta' ksur doganali u sanzjonijiet mhux kriminali u D –  żewġ miżuri leġiżlattivi separati bil-għan ta' approssimazzjoni ta' ksur doganali u sanzjonijiet mhux kriminali fuq naħa u ksur doganali kriminali u sanzjonijiet fuq in-naħa l-oħra.

Wara li ġew ikkunsidrati l-għażliet possibbli, il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li tiġi preferuta miżura leġiżlattiva li tidentifika l-obbligi doganali li għalihom għandha tingħata protezzjoni speċjali permezz tat-twaqqif ta’ sanzjonijiet mhux kriminali għal xi ksur minnhom (l-għażla C).

Fl-14 ta’ Ġunju 2013 is-sottomissjoni mill-ġdid tal-valutazzjoni tal-impatt irċeviet opinjoni pożittiva tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1.        Il-bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 33 tat-TFUE jiddikjara li l-kooperazzjoni doganali bejn Stati Membri u bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni għandhom jissaħħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati.

Skont il-Kodiċi, deċiżjoni meħuda minn Stat Membru hija applikata fl-Istati Membri l-oħra kollha u għalhekk tirrikjedi konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet sabiex tittejjeb l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu.

Bl-istess mod, l-introduzzjoni ta’ ċerti faċilitazzjonijiet u simplifikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u l-aċċess tal-AEO għalihom hija raġuni importanti sabiex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari il-valutazzjoni tal-kriterji meħtieġa biex jingħata l-istatus ta’ AEO u speċjalment il-kriterju b’rabta man-nuqqas ta’ kull ksur serju jew ksur ripetut mill-AEO jeħtieġ sistemi ta’ sanzjoni komparabbli madwar l-UE sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi.

Għaldaqstant l-approssimazzjoni ta’ ksur doganali u sanzjonijiet titlob mhux biss kooperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri iżda wkoll tikkontribwixxi għal applikazzjoni u infurzar b'mod xieraq u uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

3.2.        Sussidjarjetà, proporzjonalità u rispett għad-drittijiet fundamentali.

L-approssimazzjoni ta’ ksur doganali u sanzjonijiet mhux kriminali titqies bħala parti integrali tal-liġi sekondarja li l-Unjoni tista’ tadotta bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-unjoni doganali, minħabba li hija qasam tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk ma jkunx xieraq li l-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam tiġi vvalutata fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, anki jekk is-sussidjarjetà jkollha tiġi kkunsidrata, għalkemm fil-każ speċifiku aħna ninsabu f'qasam ta' politika armonizzat b'mod sħiħ (unjoni doganali) b’regoli armonizzati bl-istess mod, li l-implimentazzjoni effettiva tagħhom tiddetermina l-eżistenza nnifisha tal-unjoni doganali, l-Unjoni biss tinsab f’pożizzjoni li tkun tista’ tissodisfa l-objettivi ta’ din id-direttiva, anki minħabba l-fatt tad-disparità importanti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-objettiv. Il-kontenut ta’ din il-proposta hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, ċerti dispożizzjonijiet skont il-kapitolu tar-regoli proċedurali ddaħħlu f’konformità mal-prinċipju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u proċess ġust, kif wkoll fid-dawl tal-prinċipju ne bis in idem.

3.3.        Għażla tal-istrumenti

Din il-proposta għal approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali fl-Unjoni, se tieħu l-forma ta’ Direttiva li l-Istati Membri se jkollhom jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.4.        Dispożizzjonijiet speċifiċi

Il-proposta tindirizza ksur marbut mal-obbligi li joriġinaw mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Sabiex tagħmel dan, il-proposta tinkludi lista komuni ta’ ksur differenti (responsabbiltà stretta, li tkun twettqet b’negliġenza u b’intenzjoni) ksur tar-regoli tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u bħala tali tinkludi kull sitwazzjoni possibbli li l-persuni jistgħu jiffaċċjaw f’dan ir-rigward meta jkunu qed jittrattaw mal-awtoritajiet doganali. Il-proposta tqis bħala ksur mhux biss it-twettiq komplet tal-imġiba elenkata fil-proposta iżda wkoll it-tentattiv intenzjonat tagħha.

B’mod parallel ma’ dawn il-kondotti, din il-proposta tistabbilixxi wkoll skala komuni ta’ sanzjonijiet effettivi proporzjonati u dissważivi marbuta mal-ksur tal-liġi u ċ-ċirkostanzi rilevanti li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri meta jiġi ddeterminat it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet għal ksur doganali li jikkontribwixxi għall-adattament tas-sanzjoni għas-sitwazzjoni speċifika. Il-kombinament tal-iskala tas-sanzjonijiet flimkien maċ-ċirkostanzi rilevanti jippermetti biex jiġu stabbiliti l-livelli diversi ta’ severità sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-proposta tiddefinixxi ċerti każijiet fejn l-imġiba li taqa' taħt il-kategoriji definiti bħala ksur ta' responsabbiltà stretta minn din il-proposta ma titqiesx bħala tali meta dawn iseħħu minħabba żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali kompetenti.

Il-proposta tirreferi għar-responsabbiltà ta’ persuni li jkollhom rwol rilevanti fil-kummissjoni ta’ ksur doganali b’intenzjoni, bi trattament ekwivalenti għal dawk il-persuni li jkunu involuti fl-inċitazzjoni, l-għajnuna jew l-assistenza ta' dan il-ksur. Tirreferi wkoll għar-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi, minħabba li l-ksur doganali jista’ jirriżulta wkoll minn kondotti attribwibbli għal persuni ġuridiċi.

Fl-aħħar nett, il-proposta tinkludi ċerti dispożizzjonijiet proċedurali meħtieġa biex jigi evitat li jkun hemm koinċidenza ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti u persuni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-limitu ta’ żmien li fih l-awtoritajiet kompetenti jridu jibdew il-proċedura kontra l-persuna responsabbli għall-ksur, il-possibbiltà li jiġi sospiż il-proċediment ta' sanzjoni f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti kriminali jkunu qed jitwettqu fir-rigward tal-istess fatti u kompetenza territorjali billi jiġi definit liema Stat Membru huwa kkunsidrat kompetenti biex jittratta l-każ meta l-ksur jinvolvi aktar minn Stat Membru wieħed.

L-implimentazzjoni ta’ dawn l-artikoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri se jiżguraw kondizzjonijiet omoġenji tal-operaturi ekonomiċi irrispettivament l-Istat Membru li fih huma jwettqu l-formalitajiet doganali u l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Se tiżgura wkoll konformità mal-obbligi internazzjonali li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Kjoto.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhux se jkollha impatt fuq ir-riżorsi umani u fuq l-Unjoni Ewropea u għalhekk mhijiex akkumpanjata minn dikjarazzjoni finanzjarja meħtieġa taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

5.           DOKUMENTI TA’ SPJEGAZZJONI

Huwa importanti għall-Kummissjoni li tiżgura traspożizzjoni xierqa tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sabiex tikseb dan u minħabba l-istruttura differenti fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ir-referenza eżatta għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u kif din tittrasponi kull dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva. Dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-Kummissjoni biex tiżgura li jintlaħaq l-għan ewlieni tad-Direttiva, implimentazzjoni effettiva u infurzar ta’ leġislazzjoni doganali tal-Unjoni fl-unjoni doganali.

2013/0432 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-unjoni doganali huma armonizzati bil-liġi tal-Unjoni. Madankollu, l-infurzar tagħhom jaqa’ taħt l-ambitu tal-liģi nazzjonali tal-Istati Membri.

(2)       Għaldaqstant, il-ksur doganali u s-sanzjonijiet isegwu 28 sett differenti ta’ regoli ġuridiċi. B'riżultat ta’ dan, ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni ma jkunx ittrattat bl-istess mod madwar l-Unjoni u s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti f’kull każ huma differenti fin-natura u s-severità tagħhom skont l-Istat Membru li qed jimponi s-sanzjoni.

(3)       Din id-disparità bejn is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri taffettwa mhux biss l-amministrazzjoni ottima tal-unjoni doganali, iżda wkoll tipprevjeni li tista’ tinkiseb sitwazzjoni ta’ kondizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi fl-unjoni doganali minħabba li għandha impatt fuq l-aċċess tagħhom għal simplifikazzjonijiet u faċilitazzjonijiet doganali.

(4)       Ir-Regolament (KE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kodiċi”) tnissel għal ambjent elettroniku multinazzjonali fejn hemm komunikazzjoni f'ħin reali bejn l-awtoritajiet doganali u fejn deċiżjoni li ttieħdet minn Stat Membru tiġi applikata fl-Istati Membri l-oħra kollha. Għalhekk dan il-qafas ġuridiku jeħtieġ infurzar armonizzat. Il-Kodiċi jinkludi wkoll dispożizzjoni li titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi għal sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati.

(5)       Il-qafas ġuridiku għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni previst f’din id-Direttiva huwa konsistenti mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ rigward is-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni[9]. Il-ksur doganali kopert mill-qafas stabbilit minn din id-Direttiva jinkludi ksur doganali li jkollu impatt fuq dawn l-interessi finanzjarji, filwaqt li ma jaqax taħt l-ambitu tal-leġiżlazzjoni jissalvagwardjawhom permezz tal-liġi kriminali u ksur doganali li ma għandu l-ebda impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(6)       Għandha tiġi stabbilita lista ta’ mġiba li għandha titqies bħala ksur ta’ leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u toħloq sanzjonijiet. Dan il-ksur doganali għandu jkun kompletament ibbażat fuq l-obbligi li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni doganali b’referenzi diretti għall-Kodiċi. Din id-Direttiva ma tiddeterminax jekk l-Istati Membri għandhomx japplikaw sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali fir-rigward ta’ dan il-ksur doganali.

(7)       L-ewwel kategorija ta’ mġiba għandha tinkludi ksur doganali fuq il-bażi ta’ responsabbiltà stretta, li ma teħtieġx xi element ta’ ħtija, meta tiġi kkunsidrata n-natura oġġettiva tal-obbligi involuti u l-fatt li l-persuni responsabbli biex twettaqhom ma tistax tinjora l-eżistenza u n-natura vinkolanti tagħhom.

(8)       It-tieni u t-tielet kategorija ta’ mġiba għandhom jinkludu ksur doganali li jitwettaq b’negliġenza jew intenzjonalment, rispettivament, fejn dan l-element suġġettiv irid jiġi stabbilit biex tinħoloq din ir-responsabbiltà.

(9)       L-inċitament jew l-għajnuna u l-assistenza ta’ mġiba li tikkostitwixxi ksur doganali mwettaq b’mod intenzjonali u tentattiv biex wieħed jikkommetti ċertu ksur doganali intenzjonalment għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur doganali.

(10)     Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika, għandu jkun ipprovdut li xi att jew ommissjoni li jirriżultaw minn żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali, ma għandhomx jitqiesu bħala ksur doganali.

(11)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jista’ jkun hemm responsabbiltà għal persuni ġuridiċi kif ukoll għal persuni fiżiċi għall-istess ksur doganali meta l-ksur jitwettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika.

(12)     Sabiex ikunu approssimati s-sistemi ta’ sanzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, l-iskali ta’ sanzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti li jirriflettu l-kategoriji differenti ta’ ksur doganali u s-serjetà tagħhom. Bl-iskop li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkunsidraw ċirkustanzi speċifiċi, aggravanti jew mitiganti meta jiġi ddeterminat it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati.

(13)     Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-proċedimenti li jikkonċernaw ksur doganali għandu jkun stabbilit għal erba’ snin mill-jum li l-ksur doganali twettaq jew, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, fejn l-imġiba li tikkostitwixxi dan il-ksur jieqaf. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi interrott b’att dwar l-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti ġuridiċi rigward il-ksur doganali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu każijiet li fihom dan il-perjodu jkun sospiż. Il-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ dawn il-proċedimenti għandhom ikunu preklużi wara li jiskadi l-perjodu ta’ skadenza ta' tmien snin, filwaqt li l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ sanzjoni għandu jkun ta’ tliet snin.

(14)     Għandha tkun prevista sospensjoni ta’ proċedimenti amministrattivi li jikkonċernaw ksur doganali, meta jkunu bdew il-proċedimenti kriminali kontra l-istess persuna b’konnessjoni mal-istess fatti. Il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti amministrattivi wara t-tmiem tal-proċedimenti kriminali għandha tkun possibbli biss f’konformità stretta mal-prinċipju ne bis in idem.

(15)     Sabiex jiġu evitati kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiddeterminaw liema mill-Istati Membri b'ġurisdizzjoni għandu jeżamina l-każ.

(16)     Din id-Direttiva għandha tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tkun żgurata azzjoni effettiva kontra ksur doganali.

(17)     Sabiex tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni ta’ ksur doganali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew temporanjament iżommu kull merkanzija, mezzi ta’ trasport jew kull strument ieħor użat biex twettaq il-ksur.

(18)     F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[10], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(19)     Billi din id-Direttiva tipprovdi lista ta’ ksur doganali komuni għall-Istati Membri kollha u sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati, li għandhom jiġu imposti mill-Istati Membri fil-qasam tal-unjoni doganali, li huwa armonizzat b’mod sħiħ, dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fuq il-bażi tat-tradizzjonijiet ġuridiċi differenti tagħhom, iżda permezz tal-iskala u l-effetti jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.           Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li jikkonċerna l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u tipprevedi s-sanzjonijiet għal dan il-ksur.

2.           Din id-Direttiva tapplika għall-ksur tal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ‘il-Kodiċi’) u ta’ obbligi identiċi stabbiliti f’partijiet oħra fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi.

Artikolu 2

Ksur doganali u sanzjonijiet

L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet fir-rigward ta’ ksur doganali stabbilit fl-Artikoli 3 sa 6.

Artikolu 3

Ksur doganali ta' responsabbiltà stretta

L-Istati Membri jiżguraw li l-atti jew l-omissjonijiet li ġejjin jikkostitwixxu ksur doganali irrispettivament minn kull element ta’ ħtija:

(a) nuqqas min-naħa tal-persuna li qed tippreżenta dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, li tiżgura l-akkuratezza u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni, fin-notifika jew fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 15(2)(a) tal-Kodiċi;

(b) nuqqas min-naħa tal-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’esportazzjoni mill-ġdid, biex tiġi żgurata l-awtentiċità, l-akkuratezza u l-validità ta' kull dokument ta' sostenn skont l-Artikolu 15(2)(b) tal-Kodiċi;

(c) nuqqas min-naħa tal-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul skont l-Artikolu 127 tal-Kodiċi, notifika tal-wasla ta’ bastiment jew ta’ inġenju tal-ajru skont l-Artikolu 133 tal-Kodiċi, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja skont l-Artikolu 145 tal-Kodiċi, dikjarazzjoni doganali skont l-Artikolu 158 tal-Kodiċi, notifika ta’ attivitajiet f’żoni ħielsa skont l-Artikolu 244(2) tal-Kodiċi, dikjarazzjoni ta’ qabel it-tluq, f’konformità mal-Artikolu 263 tal-Kodiċi, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ skont l-Artikolu 271 tal-Kodiċi jew notifika taesportazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 274 tal-Kodiċi;

(d) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku biex iżomm id-dokumenti u l-informazzjoni relatata mat-twettiq tal-formalitajiet doganali permezz ta' kull mezz aċċessibbli għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ mil-leġiżlazzjoni doganali skont l-Artikolu 51 tal-Kodiċi;

(e) tneħħija ta’ merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni mis-superviżjoni doganali mingħajr il-permess tal-awtoritajiet doganali, kuntrarju għall-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi;

(f) tneħħija ta' merkanzija mis-superviżjoni doganali, għall-kuntrarju tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 134(1) u l-Artikoli 158(3) u 242 tal-Kodiċi;

(g) nuqqas min-naħa tal-persuna li qed iddaħħal merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni li tikkonforma mal-obbligi relatati mal-mezz ta' trasport tal-merkanzija fil-post propju skont l-Artikolu 135(1) tal-Kodiċi, jew li tinforma l-awtoritajiet doganali meta l-obbligi ma jistgħux jiġu osservati skont l-Artikolu 137(1) u (2) tal-Kodiċi;

(h) nuqqas min-naħa tal-persuna li qed iddaħħal merkanzija f’żona ħielsa, fejn din iż-żona tkun tmiss mal-fruntiera tal-art bejn Stat Membru u pajjiż terz, li ddaħħal din il-merkanzija direttament f’din iż-żona ħielsa mingħajr ma tgħaddi minn xi parti oħra tat-territorju doganali tal-Unjoni skont l-Artikolu 135(2) tal-Kodiċi;

(i) nuqqas min-naħa tad-dikjarant għal ħażna temporanja jew għal proċedura doganali li jipprovdi d-dokumenti, lill-awtoritajiet doganali fejn jintalab li jsir dan mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew jekk ikun meħtieġ għall-kontrolli doganali skont l-Artikolu 145(2) u l-Artikolu 163(2) tal-Kodiċi;

(j) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku responsabbli għal merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun f’ħażna temporanja li din il-merkanzija titpoġġa taħt proċedura doganali jew sabiex tiġi esportata mill-ġdid fil-limitu ta' żmien skont l-Artikolu 149 tal-Kodiċi;

(k) nuqqas min-naħa tad-dikjarant għal proċedura doganali li jkollu fil-pussess tiegħu u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali, fil-ħin li tkun ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni supplimentari, id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għall-applikazzjoni tal-proċedura inkwistjoni skont l-Artikolu 163(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 167(1) tal-Kodiċi;

(l) nuqqas min-naħa tad-dikjarant għal proċedura doganali, fil-każ ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 166 tal-Kodiċi jew ta’ annotazzjoni fil-kotba tad-dikjarant skont l-Artikolu 182 tal-Kodiċi, li jippreżenta dikjarazzjoni supplimentari fl-uffiċċju doganali kompetenti f'limitu ta' żmien speċifiku skont l-Artikolu 167(1) tal-Kodiċi;

(m) tneħħija jew qerda ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni mwaħħla mill-awtoritajiet doganali mal-merkanzija, mal-imballaġġ jew mal-mezzi ta’ trasport mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, li tingħata mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi;

(n) nuqqas min-naħa tad-detentur tal-proċedura ta' proċessar attiv li jtemm proċedura doganali fiż-żmien stipulat skont l-Artikolu 257 tal-Kodiċi;

(o) nuqqas min-naħa tad-detentur tal-proċedura ta' proċessar passiv li jesporta l-merkanzija difettuża fiż-żmien stipulat skont l-Artikolu 262 tal-Kodiċi;

(p) kostruzzjoni ta’ bini f’żona ħielsa mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 244(1) tal-Kodiċi;

(q) nuqqas ta' ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-persuna responsabbli li tħallas fil-perjodu preskritt skont l-Artikolu 108 tal-Kodiċi.

Artikolu 4

Ksur doganali mwettaq b’negliġenza

L-Istati Membri jiżguraw li l-atti jew l-omissjonijiet li ġejjin jikkostitwixxu ksur doganali meta jkun imwettaq b'negliġenza:

(a) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku responsabbli għal merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun f’ħażna temporanja, li din il-merkanzija titpoġġa taħt proċedura doganali jew biex tiġi esportata mill-ġdid fil-limitu ta' żmien skont l-Artikolu 149 tal-Kodiċi;

(b) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku li jipprovdi lill-awtoritajiet doganali bl-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli skont l-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi;

(c) nuqqas min-naħa tad-detentur ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi;

(d) nuqqas min-naħa tad-detentur ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jgħarraf lill-awtoritajiet doganali mingħajr dewmien dwar kull fattur, li jinħoloq wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet minn dawn l-awtoritajiet, li jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha skont l-Artikolu 23(2) tal-Kodiċi;

(e) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku li jippreżenta merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni lill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 139 tal-Kodiċi;

(f) nuqqas min-naħa tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni li jippreżenta l-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fiż-żmien preskritt skont l-Artikolu 233(1)(a) tal-Kodiċi;

(g) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku li jippreżenta l-merkanzija mdaħħla fiż-żona ħielsa lill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 245 tal-Kodiċi;

(h) nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku li jippreżenta l-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni lill-awtoritajiet doganali mal-ħruġ skont l-Artikolu 267(2) tal-Kodiċi;

(i) ħatt jew trasbord ta’ merkanzija mill-mezz ta’ trasport li jkun qed iġorrha mingħajr awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet doganali jew f’postijiet mhux nominati jew approvati minn dawn l-awtoritajiet skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi;

(j) ħażna ta’ merkanzija fil-faċilitajiet ta' ħażna temporanja jew imħażen doganali mingħajr awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikoli 147 u 148;

(k) nuqqas min-naħa tad-detentur tal-awtorizzazzjoni jew id-detentur tal-proċedura li jissodisfa l-obbligi, li jinqalgħu mill-ħażna ta’ merkanzija koperta mill-proċedura tal-imħażen doganali skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 242(1) tal-Kodiċi.

Artikolu 5

Ksur doganali mwettaq intenzjonalment

L-Istati Membri jiżguraw li l-atti jew l-omissjonijiet li ġejjin jikkostitwixxu ksur doganali mwettaq intenzjonalment:

(a) li jipprovdu lill-awtoritajiet doganali informazzjoni falza jew dokumenti meħtieġa minn dawn l-awtoritajiet skont l-Artikoli 15 jew 163 tal-Kodiċi;

(b) l-użu ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew kull mezz irregolari ieħor minn operatur ekonomiku sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali biex wieħed:

(i)      isir operatur ekonomiku awtorizzat skont l-Artikolu 38 tal-Kodiċi,

(ii)     jagħmel użu ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 166 tal-Kodiċi,

(iii)    jagħmel użu ta’ simplifikazzjonijiet doganali oħra skont l-Artikoli 177, 179, 182, 185 tal-Kodiċi,

(iv)    ipoġġi l-merkanzija taħt proċeduri speċjali skont l-Artikolu 211 tal-Kodiċi,

(c) l-introduzzjoni jew il-ħruġ ta’ merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr il-preżentazzjoni tagħha lill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 139, 245, jew l-Artikolu 267(2) tal-Kodiċi;

(d) nuqqas min-naħa tad-detentur ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi;

(e) nuqqas min-naħa tad-detentur ta’ deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali li jgħarraf lill-awtoritajiet doganali mingħajr dewmien dwar kull fattur li jinqala' wara li tittieħed id-deċiżjoni minn dawn l-awtoritajiet li jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha skont l-Artikolu 23(2) tal-Kodiċi;

(f) l-ipproċessar ta' merkanzija f'maħżen doganali mingħajr awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 241 tal-Kodiċi;

(g) l-akkwist jew żamma ta' merkanzija li tkun parti mill-ksur doganali stabbilit fil-punt (f) tal-Artikolu 4 u l-punt (c) ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Inċitament, Għajnuna, Assistenza u Tentattiv

1.           L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza, att jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 5 jirrappreżentaw ksur doganali.

2.           L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-assistenza, att jew ommissjoni msemmija fil-punti (b) jew (c) fl-Artikolu 5 jirrappreżentaw ksur doganali.

Artikolu 7

Żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali

L-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 6 ma jikkostitwixxux ksur doganali meta jseħħu bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-awtoritajiet doganali.

Artikolu 8

Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

1.           L-Istati Membri jiżguraw li persuni ġuridiċi jitqiesu responsabbli li wettqu ksur doganali għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna, li tkun qed taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika u jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fuq il-persuna ġuridika, ikun ibbażat fuq dawn li ġejjin:

(a) is-setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b) awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika;

(c) awtorità li teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni ġuridiċi jitqiesu responsabbli fejn nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikun għamel possibli t-twettiq ta’ ksur doganali għall-benefiċċju ta’ din il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tal-persuna msemmija fil-paragrafu 1.

3.           Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabilità ta’ persuni fiżiċi li jkunu wettqu l-ksur doganali.

Artikolu 9

Sanzjonijiet għal ksur doganali msemmi fl-Artikolu 3

L-Istati Membri jiżguraw li sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi jiġu imposti minħabba ksur doganali msemmi fl-Artikolu 3 fil-limiti li ġejjin:

(a) multa monetarja minn 1 % sa 5 % tal-valur tal-merkanzija, meta l-ksur doganali jkun marbut ma' merkanzija speċifika;

(b) multa monetarja minn EUR 150 sa EUR 7 500, meta l-ksur doganali ma jkunx marbut ma’ merkanzija speċifika.

Artikolu 10

Sanzjonijiet għal ksur doganali msemmi fl-Artikolu 4

L-Istati Membri jiżguraw li sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi jiġu imposti minħabba l-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 4 fil-limiti li ġejjin:

(a) multa monetarja sa 15 % tal-valur tal-merkanzija, meta l-ksur doganali jkun marbut ma' merkanzija speċifika;

(b) multa monetarja sa EUR 22 500, meta l-ksur doganali ma jkunx marbut ma’ merkanzija speċifika.

Artikolu 11

Sanzjonijiet għal ksur doganali msemmi fl-Artikoli 5 u 6

L-Istati Membri jiżguraw li sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi jiġu imposti minħabba l-ksur doganali msemmi fl-Artikolu 5 u 6 fil-limiti li ġejjin:

(a) multa monetarja sa 30 % tal-valur tal-merkanzija, meta l-ksur doganali jkun marbut ma' merkanzija speċifika;

(b) multa monetarja sa EUR 45 000, meta l-ksur doganali ma jkunx marbut ma’ merkanzija speċifika.

Artikolu 12

Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet u l-eżerċizzju tas-setgħat biex jiġu imposti s-sanzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip u l-livell tas-sanzjonijiet għal ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi, fejn ikun xieraq:

(a) is-serjetà u t-tul ta' żmien tal-ksur doganali;

(b) il-fatt li l-persuna responsabbli għall-ksur doganali tkun operatur ekonomiku awtorizzat;

(c) l-ammont ta’ dazju evaż fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni;

(d) il-fatt li l-merkanzija involuta hija soġġetta għall-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi u fl-Artikolu 267(3)(e) tal-Kodiċi jew tkun ta' riskju għas-sigurtà pubblika;

(e) il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti;

(f) ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur.

Artikolu 13

Limitazzjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu ta' limitazzjoni għall-proċedimenti li jikkonċernaw ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jkun erba’ snin u jibda jiddekorri mill-jum li l-ksur doganali jkun twettaq.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li, fil-każ ta’ ksur doganali kontinwu jew ripetut, il-perjodu ta’ limitazzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih l-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu l-ksur doganali jkun waqaf.

3.           L-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi interrott minn kull att tal-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna inkwistjoni, marbuta mal-investigazzjoni jew il-proċedimenti ġuridiċi dwar l-istess ksur doganali. Il-perjodu ta’ limitazzjoni jibda jiddekorri fil-jum tal-att interruttiv.

4.           L-Istati Membri jiżguraw li l-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ kull proċediment li jikkonċerna ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jkun prekluż wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tmien snin mill-jum imsemmi fil-paragrafi 1 jew 2.

5.           L-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni huwa ta’ tliet snin. Dan il-perjodu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċizjoni ssir finali.

6.           L-Istati Membri jistipulaw il-każijiet fejn il-perjodi ta’ limitazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1, 4 u 5 jiġu sospiżi.

Artikolu 14

Sospensjoni tal-proċedimenti

1.           L-Istati Membri jiżguraw li l-proċedimenti amministrattivi dwar ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jiġu sospiżi meta jibdew il-proċedimenti kriminali kontra l-istess persuna b’konnessjoni mal-istess fatti.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li l-proċedimenti amministrattivi li jkunu ġew sospiżi fir-rigward ta’ ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 ma jkomplux meta l-proċedimenti kriminali msemmija fil-paragrafu 1 jkunu ngħalqu b'mod finali. F’każijiet oħra, il-proċedimenti amministrattivi li jkunu ġew sospiżi fir-rigward ta’ ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 jistgħu jerġgħu jibdew.

Artikolu 15

Ġurisdizzjoni

1.           L-Istati Membri jiżguraw li dawn jeżerċitaw ġurisdizzjoni fuq ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 skont kull kriterju li ġej:

(a) il-ksur doganali jitwettaq totalment jew parzjalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru;

(b) il-persuna li twettaq il-ksur doganali tkun ċittadin ta’ dan l-Istat Membru;

(c) il-merkanzija marbuta mal-ksur doganali tkun fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

2.           L-Istati Membri jiżguraw li fil-każ li iżjed minn Stat Membru wieħed jitolbu ġurisdizzjoni fuq l-istess ksur doganali, l-Istat Membru li fih il-proċedimenti kriminali kontra l-istess persuna b’konnessjoni mal-istess fatti jkunu pendenti, jeżerċita l-ġurisdizzjoni. Meta l-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi determinata skont l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jiżguraw li l-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tal-ewwel li bdiet il-proċedimenti, li jikkonċernaw ksur doganali kontra l-istess persuna b’konnessjoni mal-istess fatti, jeżerċita ġurisdizzjoni.

Artikolu 16

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

L-Istati Membri jikkooperaw u jpartu kull informazzjoni meħtieġa dwar il-proċedimenti rigward att jew ommissjoni li jikkostitwixxu ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6, b’mod partikolari fil-każ li iżjed minn Stat Membru wieħed ikun beda proċedimenti kontra l-istess persuna b’konnessjoni mal-istess fatti.

Artikolu 17

Sekwestru

L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-possibbiltà li temporanjament jissekwestraw kull merkanzija, mezzi ta’ trasport u kull strument ieħor użat biex jitwettaq ksur doganali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6.

Artikolu 18

Rappurtar mill-Kummisjoni u rieżami

Sa [l-1 ta’ Mejju 2019], il-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 19

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [l-1 ta' Mejju 2017]. L-Istati Membri jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet li jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif issir referenza bħal din.

2.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit.

[2]               Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 u applikat mill-1 ta’ Jannar 1994, fil-ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1992R2913:20070101:MT:PDF

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:145:0001:0064:MT:PDF

[4]               Ir-Regolament Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) fil-ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1 (rettifika fil-ĠU L 287, 29.10.2013, p. 90): http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:269:0001:0101:MT:PDF

[5]               Ir-rapport mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar regoli u proċeduri effikaċi għall-importazzjoni u l-esportazzjoni fil-politika kummerċjali (2007/2256 (INI)). Relatur: Jean-Pierre Audy u r-Rapport mill-Kumitat fis-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar l-immodernizzar doganali (2011/2083 (INI)). Relatur: Matteo Salvini

[6]               L-Artikolu 4.3 tat-TUE

[7]               L-Artikolu 21 KDM, isir l-Artikolu 42 KDU.

[8]               Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

[9]               Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali COM(2012)363).

[10]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Top