Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0769

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

/* COM/2013/0769 final - 2013/0377 (COD) */

52013PC0769

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima /* COM/2013/0769 final - 2013/0377 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Emenda ta' Doha

Fil-Konferenza f'Doha dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f’Diċembru 2012, il-192 Parti għall-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“il-Konvenzjoni”) adottaw emenda għall-Protokoll[1]. Din l-"Emenda ta’ Doha" tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

Skont l-Emenda ta' Doha, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda jimpenjaw ruħhom biex jillimitaw l-emissjonijiet medji annwali tagħhom tal-gassijiet serra (GHG) fis-snin mill-2013 sal-2020 għal 80 % tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħhom (l-aktar is-sena 1990).[2] Dan l-impenn huwa bbażat fuq il-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet stabbiliti fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat fl-2009, b'mod partikolari l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS) u d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Impenn[3]. Il-kalkolu tal-impenn iqis id-differenzi fil-kamp ta' applikazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u t-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto[4]. Dan l-approċċ jikkonforma mal-konklużjonijiet tal-Kunsill f’Marzu 2012, li stqarr li l-impenn komuni tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għandhom ikunu bbażati fuq il-pakkett tal-klima u l-enerġija, iżda wkoll li l-obbligi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri individwali fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto "ma għandux jeċċedi l-obbligi tagħhom miftiehem fil-leġiżlazzjoni tal-UE”. Dan l-approċċ ġie segwit meta l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ressqu l-impenn tagħhom għat-tieni perjodu ta’ impenn f’April 2012[5].

Apparti mill-adozzjoni tal-Emenda ta' Doha, waqt il-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima ġew adottati għadd ta' deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tekniċi marbutin mal-implimentazzjoni tal-impenji ta' mitigazzjoni sostantivi elenkati fl-Emenda ta' Doha: dawn jinkludu d-deċiżjonijiet dwar il-kontabilità u l-immaniġġar tal-unitajiet ta' Kjoto waqt it-tranżizzjoni bejn l-ewwel u t-tieni perjodi ta' impenn (id-Deċiżjonijiet 1/CMP.8 u 2/CMP.8).[6]. Qegħdin jitħejjew għadd ta' deċiżjonijiet oħra, li jikkompletaw il-pakkett ta' implimentazzjoni, u l-Unjoni Ewropea qed tikkontribwixxi l-ħidma tagħha biex tiżgura l-adozzjoni tagħhom waqt il-Konferenza ta' Varsavja dwar it-Tibdil fil-Klima f'Novembru tal-2013.

Twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda

L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto jippermetti li l-Partijiet jissodisfaw b'mod konġunt l-impenji rispettivi tagħhom. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha użaw din l-għażla meta rratifikaw il-Protokoll ta’ Kjoto fl-2002 u implimentaw l-ewwel perjodu ta’ impenn tiegħu[7]. Waqt in-negozjati dwar l-Emenda ta’ Doha, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għamluha ċara li għal darb’ oħra kienu bil-ħsieb li jissodisfaw l-impenji tagħhom b’mod konġunt għat-tieni perjodu ta’ impenn, din id-darba mal-Islanda wkoll.

Kull waħda mill-Partijiet li qablu li jissodisfaw l-impenji tagħhom b’mod konġunt huma meqjusa li ssodisfaw dawk l-impenji jekk jinkiseb impenn konġunt tagħhom (ibbażat fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra aggregati tagħhom tul il-perjodu tal-impenn). Madankollu, f’każ li ma jinkisibx l-impenn konġunt, kull Parti hija responsabbli mil-livell tal-emissjonijiet tagħha stipulat fil-ftehim ta’ twettiq konġunt tagħhom. Il-Protokoll ta’ Kjoto għalhekk jesiġi li l-Partijiet jagħmlu ftehim ta’ twettiq konġunt biex jistabbilixxu, u jinnotifikaw bid-depożitu tal-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom, il-livelli rispettivi ta’ emissjonijiet allokati lil kull membru tal-ftehim ta’ twettiq konġunt.

It-termini tat-twettiq konġunt tal-impenn tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u tal-Islanda huma stipulati fl-Anness I tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta’ Doha tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu[8]. It-termini li se jkunu inklużi ukoll fil-ftehim bilaterali mal-Islanda, li għaliha l-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill rakkomandazzjoni għal mandat ta' negozjat f’Ġunju tal-2013. Ladarba dawn it-termini jkunu miftehmin, inklużi l-livelli rispettivi tal-emissjonijiet, jeħtieġ li jiġu nnotifikati lill-UNFCCC meta l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda flimkien jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-Emenda ta’ Doha.

Kontabilità tal-emissjonijiet wara l-2012

It-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto se jkompli, u sa ċertu punt se jtejjeb is-sistema ta’ kontabilità komprensiva tal-emissjonijiet eżistenti, biex jiżgura t-trasparenza tal-prestazzjoni tal-Partijiet u li dawn iwettqu l-obbligi tagħhom. Fil-qalba ta’ din is-sistema hemm ir-rekwiżit li kull Parti, b’impenn tikkalkula ammont assenjat. Dan l-ammont assenjat jirrappreżenta l-ammont ta' tunnellati ta' emissjonijiet li huma permessi għal kull Parti f'ekwivalenza ta' diossidu tal-karbonju (CO2-eq). Huwa jinħareġ fil-forma ta’ unitajiet tal-ammonti assenjati (AAUs) fir-reġistru nazzjonali ta' kull Parti. Skont il-ftehim ta’ twettiq konġunt stabbilit fl-Anness II tal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, dan ifisser li l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma lkoll responsabbli individwalment għall-ħruġ fir-reġistri nazzjonali tagħhom tal-AAUs li jirrappreżentaw il-kwantitajiet assenjati rispettivi tagħhom.

Minbarra l-AAUs, ir-reġistri nazzjonali se jżommu u jagħtu kont tat-tranżazzjonijiet tal-unitajiet li jirriżultaw mill-użu tal-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dawn jinkludu mhux biss l-AAUs, iżda wkoll it-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet (CERs), għall-proġetti tal-mekkaniżmu tal-iżvilupp nadif, għall-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (ERUs) għall-proġetti ta’ implimentazzjoni konġunta, kif ukoll għall-unitajiet ta’ tneħħija (RMUs) tal-assorbiment minn bjar. It-tranżazzjonijiet fuq dawn l-unitajiet se jkunu soġġetti għal rekwiżiti internazzjonali bħalma huma l-kriterji ta' eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni f’mekkaniżmi flessibbli u dawk li jirregolaw ir-riserva għall-perjodu ta’ impenn (RDK). Dawn ir-rekwiżiti jipprovdu s-salvagwardji kontra l-bejgħ żejjed tal-unitajiet ta' Parti fejn dan ma jkunx ġustifikat minn tnaqqis reali tal-emissjonijiet minn dik il-Parti. Barra minn hekk, fil-Konferenza ta’ Doha dwar it-Tibdil fil-Klima ġew miftehma r-regoli għat-tranżizzjoni bejn l-ewwel u t-tieni perjodi ta’ impenn, b’mod partikolari fir-rigward tar-riport (l-ibbankjar) ta’ AAUs li ma jkunux intużaw fl-ewwel perjodu ta’ impenn.

Għalkemm ir-regoli miftehma riċentement fi Kjoto ma għandhomx, fil-prinċipju, jaffettwaw it-tħaddim tal-EU ETS u d-Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforz, l-interazzjoni bejn is-sistema ta’ kontabilità tal-Protokoll ta’ Kjoto u r-regoli tal-kontabilità skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ċċarata, u l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ Kjoto trid tiġi allinjata ma’ dawk li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ twettiq konġunt se tkun teħtieġ aktar regoli tekniċi li għadhom iridu jinkitbu.

Bażi legali għall-implimetazzjoni teknika fl-Unjoni Ewropea

Matul l-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto (mill-2008 sal-2012), ġew implimentati r-rekwiżiti miftiehma b'mod internazzjonali permezz tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ[9] u r-Regolamenti tar-Reġistru applikabbli għat-tieni fażi tal-EU ETS (2008-2012).[10] Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-kontabilità tal-emissjonijiet u l-unitajiet, it-twettiq konġunt tal-UE, il-ġestjoni tal-unitajiet meħtieġa rigward l-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto u l-interazzjoni tagħhom mal-proċessi tal-ġestjoni tal-unitajiet skont l-UE ETS. Ir-Regolamenti tar-Reġistru kien fihom regoli għall-kontabilità u l-ġestjoni għall-implimentazzjoni tal-EU ETS u għall-implimentazzjoni tal-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Ir-Regolament tar-Reġistru fis-seħħ bħalissa[11] fih biss dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tal-unitajiet marbutin mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tat-tielet fażi tal-EU ETS u tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz. Huwa ma jirregolax ir-rekwiżiti ta’ kontabilità għall-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll wara l-2012.

L-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Kjoto wara l-2012 titlob sett ta’ regoli ta’ implimentazzjoni teknika li jridu jitfasslu għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Ir-Regolament li ġie adottat dan l-aħħar dwar Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ[12], ma fihx bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni biex tagħmel dan fir-rigward tar-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ li din l-emenda tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ jipprovdi l-bażi ġuridika li hemm bżonn.

2.           l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoto wara l-2012

Biex tkun żgurata l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-Unjoni Ewropea wara l-2012, biex ikun hemm tħaddim effettiv tat-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u tal-Iżlanda, u li dan ikun allinjat mat-tħaddim tal-EU ETS u d-Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforz, huma meħtieġa r-regoli għall-implimentazzjoni teknika fl-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli għandhom jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet, fosthom:

– Il-proċessi ta’ ġestjoni tal-unitajiet, bħat-tranżazzjonijiet tal-unitajiet ta’ Kjoto (il-ħruġ, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, l-irtirar, ir-riport, is-sostituzzjoni jew bidla tad-data tal-iskadenza) fir-reġistri nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri u tal-Islanda, u bejniethom;

– Il-proċessi ta’ kontabilità marbutin mat-tranżizzjoni mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn, fosthom ir-riport ta' AAUs, CERs u ERUs żejda mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn;

– l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ riżerva żejda mill-perjodu preċedenti (PPSR) u riserva għall-perjodu ta’ impenn (CPR) għal kull membru tal-ftehim ta’ twettiq konġunt;

– L-imposta jew “is-sehem tar-rikavati” applikati għall-ħruġ ta’ ERUs u l-ewwel trasferiment internazzjonali ta’ AAUs fit-tieni perjodu ta’ impenn.

Din il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprovdi bażi għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet tekniċi fl-Unjoni Ewropea permezz tal-adozzjoni ta’ atti legali.

Il-proċessi ta' ġestjoni tal-unitajiet

L-atti delegati previsti f’din il-proposta jinħtieġu biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet kollha ta’ unitajiet ta’ Kjoto fir-reġistri nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Iżlanda jkunu konsistenti mat-twettiq konġunt tal-impenji tagħhom. It-tranżazzjonijiet jinkludu l-ħruġ, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, ir-riport, is-sostituzzjoni, il-bidla tad-data tal-iskadenza u l-irtirar. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-unitajiet stabbiliti għall-kontabilità tal-emissjonijiet u l-unitajiet skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz tal-UE ETS. Il-ftehim ta’ twettiq konġunt għat-tieni perjodu ta’ impenn se jeħtieġ speċifikazzjoni oħra tar-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ Kjoto fl-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, kemm l-EU ETS kif ukoll id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz jippermettu użu limitat ta’ unitajiet ta’ Kjoto biex ikun hemm konformità mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Huwa essenzjali li l-implimentazzjoni teknika tar-regoli ta’ Kjoto fl-Unjoni Ewropea tipprevedi flessibbiltà sħiħa stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li dawn l-unitajiet ikunu jistgħu jiġu aċċessati mill-operaturi, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-EU ETS u mill-Istati Membri fir-rigward tal-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz. Huwa essenzjali wkoll li l-implimentazzjoni teknika żżomm prattiki sodi tal-kontabilità rilevanti għall-allinjament tar-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ Kjoto mal-EU ETS u mad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz. Dan jinkludi l-ħtieġa li jiġi żgurat li unità ta’ Kjoto tinħareġ jew tiġi rtirata għal kull unità tal-UE relatata li tinħoloq jew tintuża għall-konformità.

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-atti delegati previsti f'din il-proposta jiddefinixxu regolazzjoni effettiva tal-irtirar tal-unitajiet wara l-2012: kemm jikseb l-impenn konġunt jiddependi fuq l-irtirar tal-unitajiet mill-Unjoni Ewropea, minn kull Stat Membru u mill-Islanda, skont il-livelli rispettivi tagħhom tal-emissjonijiet. Proċess koerenti tal-irtirar tal-unitajiet mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-Islanda, u identifikazzjoni ċara tal-unitajiet li għandhom jiġu rtirati minn kull Parti se tiggarantixxi li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun tfisser ukoll konformità mal-impenji tal-Protokoll ta’ Kjoto u viċe versa. Barra minn hekk, dan il-proċess huwa meħtieġ biex jissalvagwardja l-integrità tal-kontabilità skont l-EU ETS. Sakemm l-operaturi koperti mill-EU ETS jikkonformaw mal-obbligi ta' dawn, dan ikun jiggarantixxi wkoll li ma jkun hemm ebda ħtieġa li jinkisbu iżjed unitajiet ta’ Kjoto biex ikopru dawk l-emissjonijiet għall-konformità mar-rekwiżiti tal-kontabilità ta’ Kjoto għat-tieni perjodu ta’ impenn. Għal dan l-għan, l-atti delegati previsti f’din il-proposta se jiżguraw li l-emissjonijiet koperti mill-EU ETS bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2020 jikkorrispondu wara l-irtirar tal-unitajiet validi għat-tieni perjodu ta’ impenn taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Essenzjalment, dawn se jiżguraw li unità waħda ta’ Kjoto, valida għat-tieni perjodu ta’ impenn, tiġi rtirata għal kull unità ċeduta fl-EU ETS għall-emissjonijiet minn sorsi elenkati fl-Anness A tal-Protokoll ta’ Kjoto. Bl-istess mod, dawn se jistabbilixxu wkoll li unitajiet ta’ Kjoto, validi għat-tieni perjodu ta’ impenn, jiġu rtirati bi skambju mal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-Istati Membri u l-Islanda f’setturi mhux koperti mill-EU ETS, safejn huma koperti mill-Protokoll dawn il-gassijiet, sorsi u sinks.

Il-proċessi ta’ kontabilità marbutin mat-tranżizzjoni mill-ewwel perjodu ta’ impenn għat-tieni wieħed

Id-Deċiżjoni 13/CMP.1, li tinkludi r-regoli tal-kontabilità ewlenin tal-Protokoll ta’ Kjoto,[13] tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet jittrasferixxu 'l quddiem l-ERUs, is-CERs u l-AAUs għall-perjodu ta' impenn sussegwenti wara li titlesta l-valutazzjoni tal-konformità għall-Partijiet kollha. Skont din id-Deċiżjoni, l-ERUs u s-CERs jistgħu jiġu trasferiti 'l quddiem sa limitu ekwivalenti għal 2,5 % tal-kwantità assenjata lill-Parti. Unitajiet ta’ tneħħija (RMUs), CERs temporanji (tCERs) u fit-tul (lCERs) u ERUs maqluba minn RMUs ma jistgħux jiġu riportati. Id-Deċiżjoni 1/CMP.8 tikkonferma l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli wara l-2012 u żżid ir-rekwiżit li l-AAUs riportati għandhom jiġu ttrasferiti fir-riżerva ta' unitajiet żejda tal-perjodu preċedenti ta' dik il-Parti (PPSR).

Il-limitu tal-persentaġġ fuq ir-riport ta’ CERs u ERUs tiġi applikata abbażi tal-ammont assenjat, u s-CERs u l-ERUs validi għall-ewwel perjodu ta’ impenn użati għall-konformità fit-tielet fażi tal-EU ETS (2013-2020) jinżammu fir-reġistru tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, se jkun kruċjali li l-limitu madwar l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiġi applikat b’mod li jippermetti li dawn l-unitajiet jiġu riportati biex jiġu rtirati wara. Barra minn hekk, l-UE ETS jeħtieġ li jinfetħu u jinżammu l-kontijiet mhux biss mill-Partijiet, iżda wkoll minn entitajiet privati. Sakemm dawn il-kontijiet jinkludu s-CERs u l-ERUs, se jkun importanti li jiġu stabbiliti regoli konsistenti li jippermettu l-aħjar implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-riport. L-AAUs li jirrappreżentaw il-kwoti riportati bejn it-tieni u t-tielet fażijiet tal-EU ETS jinżammu fir-reġistru tal-Unjoni wkoll. Għalhekk, l-atti delegati wkoll se jkollhom jistabbilixxu r-regoli għall-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riport tal-AAUs biex ikun żgur li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontabilità ta’ Kjoto tkun allinjata ma’ dawk tal-EU ETS u tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz.

L-istabbiliment u ż-żamma ta’ riżerva għall-perjodu ta’ impenn (CPR) u riżerva ta' unitajiet żejda mill-perjodu preċedenti (PPSR) għal kull membru tal-ftehim ta’ twettiq konġunt;

L-atti ddelegati previsti f’din il-proposta se jeħtieġu wkoll li jispeċifikaw it-tħaddim tar-riżerva tal-perjodu ta’ impenn (CPR) fir-reġistri nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri tagħha u tal-Islanda. Ir-rekwiżit internazzjonali li jiġi stabbilit u jinżamm perjodu ta' impenn (CPR) huwa parti mir-responsabbiltà ta' kull Parti li tiġġestixxi u tagħti rendikont tal-ammont assenjat lilha. Skont id-deċiżjonijiet internazzjonali, is-CPR huwa daqs l-inqas bejn id-90 % tal-kwantità assenjata oriġinarjament lil Parti u l-100 % tal-inventarju tagħha li ġie rivedut l-aktar reċenti, immultiplikat bi 8. Is-CPR japplika b'mod individwali għal kull membru tal-ftehim ta' twettiq konġunt. Billi l-ammont assenjat lill-Istati Membri u lill-Islanda jkopri biss setturi li mhumiex tal-ETS u l-ammont assenjat lill-Unjoni jkopri s-setturi tal-ETS, jeħtieġ li l-atti ddelegati previsti f'din il-proposta jiddeterminaw approċċ koerenti għall-kalkolu preċiż, u rappurtar trasparenti tar-riżervi tal-perjodu tal-impenn rispettivi tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda.

Id-Deċiżjoni 1/CMP.8 teħtieġ li kull Parti tistabbilixxi kont ta' riżerva żejda mill-perjodu preċedenti (PPSR) fir-reġistru nazzjonali tagħha u tistabbilixxi wkoll ir-regoli assoċjati għall-PPSR kif ġej: l-unitajiet jistgħu jiġu ttrasferiti bejn kont tal-PPSR u ieħor; kull Parti tista' tirtira l-unitajiet fil-PPSR tagħha sal-livell fejn l-emissjonijiet waqt it-tieni perjodu ta' impenn jaqbżu l-ammont assenjat; u Parti tista' takkwista mill-PPSR ta' Parti oħra, sa 2% tal-ammont ta' unitajiet assenjat lilha fil-perjodu ta' impenn preċedenti. l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma lkoll responsabbli biex jistabbilixxu u jżommu PPSR skont ir-regoli miftehma internazzjonalment u t-termini tat-twettiq konġunt. Jeħtieġ li jiġi ddefinit l-ambitu ta’ kull PPSR skont id-definizzjoni tal-livelli tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-bilanċ tal-ftuħ[14], u dwar l-użu u l-akkwist ta’ unitajiet fil-PPSRs tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda.

Is-sehem tar-rikavati użat fuq AAUs u ERUs

Id-Deċiżjoni 1/CMP.8 tissoġġetta l-ewwel trasferiment internazzjonali ta' AAUs u l-ħruġ tal-ERUs għal imposta ta' 2% tas-sehem tar-rikavati. Sa fejn din it-taxxa tapplika għall-ħruġ ta’ ERUs, dan se jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru u tal-Islanda. Madankollu, safejn iridu jinżammu l-bilanċi tal-AAUs biex ikun żgur li tkun tista' tiġi rtirata unità ta’ Kjoto valida għal kull unità użata biex ikun hemm konformità mad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforz, jeħtieġ li l-atti ddelegati previsti f’din il-proposta jiżguraw li l-kontabilità għall-użu tal-imposta fuq is-sehem tar-rikavati tkun allinjata mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

3.           L-elementi legali tal-proposta

Din il-proposta temenda l-bażi legali, fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ, li jippermetti lill-Kummissjoni tadotta fil-liġi tal-UE atti mhux leġiżlattivi li jistabbilixxu r-regoli dwar elementi mhux essenzjali għall-kontabilità tal-unitajiet ta’ Kjoto wara l-2012. l-elementi essenzjali rigward l-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda, l-implimentazzjoni tagħhom u t-twettiq konġunt, huma stabbiliti f’għadd ta’ strumenti legali, fosthom il-proposta separata għal Deċiżjoni tal-Kunsill. Dawn se jiġu indirizzati wkoll fil-ftehim bilaterali mal-Islanda u huma inklużi fl-Emenda ta’ Doha u fid-deċiżjonijiet li jakkumpanjawha, tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi ta' laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, kif ukoll fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ u l-atti ddelegati u implimentattivi adottati minnu.

Kif kienu jeżiġu r-Regolamenti tar-Reġistru ta' qabel, dawn ir-regoli kienu jiġu adottati fil-proċedura ta' kumitat regolatorju bi skrutinju. Kienu fuq bażi legali li tinsab fid-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ. Il-bażi legali li kienet tippermetti l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet tekniċi marbutin mal-ġestjoni tal-unitajiet fl-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto permezz tal-adozzjoni tar-Regolamenti tar-Reġistru kienet tinsab fl-Artikoli 3(3) u 6(1), tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ. Din kienet tirreferi, fost l-oħrajn, għall-ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet tal-komitoloġija ta’ implimentazzjoni li jittrattaw ir-rapporti dwar l-informazzjoni mir-reġistru nazzjonali, dwar il-ħruġ, l-akkwist, iż-żamma, it-trasferiment, il-kanċellazzjoni, l-irtirar u r-riport ta’ unitajiet ta' ammonti assenjati, unitajiet ta’ tneħħija, unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet matul is-sena ta’ qabel. Kienet tistipula wkoll l-adozzjoni ta' miżuri tal-komitoloġija dwar il-ħtieġa li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha "jistabbilixxu u jżommu reġistri sabiex jiżguraw l-ikkuntjar korrett tal-ħruġ, iz-zamma, it-trasferiment, l-akkwist, l-ikkanċellar u l-irtirar ta’ ammonti ta’ unitajiet assenjati, unitajiet ta’ tneħħija, unitajiet li jirriduċu l-emissjoni, u riduzzjonijiet ta’ emissjonijiet ċertifikati u l-carrying over ta' ammont ta' unitajiet assenjati, ta' unitajiet li jirriduċu l-emissjoni, u riduzzjonijiet ta' emissjonijiet ċertifikati".

Id-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ ġiet irrevokata u mibdula bir-Regolament dwar Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ, li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2013. Ir-Regolament dwar Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ jirreferi għas-sistema tar-reġistri li tippermetti l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto fir-rigward tal-ġestjoni tal-unitajiet fir-reġistri nazzjonali fl-Artikolu 10 tiegħu (“Stabbiliment u operazzjoni tar-reġistri”). Huwa fih l-element essenzjali tar-rekwiżit internazzjonali li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jistabbilixxu u jżommu reġistri biex iżommu rendikont preċiż tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, l-irtirar, ir-riport, is-sostituzzjoni jew bidla fid-data ta' skadenza, kif rilevanti, ta' AAUs, RMUs, ERUs, CERs, tCERs u lCERs. L-Artikolu 10(4) fih ukoll bażi legali għall-adozjoni ta' att iddelegat li jimplimenta l-elementi mhux essenzjali tal-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoti rigward il-ġestjoni tal-unitajiet fir-reġistri nazzjonali, li jissostitwixxi l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ ta' qabel. Iżda filwaqt li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ kien japplika għall-kwistjonijiet kollha dwar il-ġestjoni tal-unitajiet "fir-reġistri tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha", il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni iċċekken fir-Regolament dwar Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ. Il-bażi legali għall-adozzjoni ta' atti delegati issa tapplika biss għall-"istruttura" (u mhux  għall-istabbiliment u ż-żamma) tar-"Reġistru tal-Unjoni" (u mhux għar-reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri).

Biex tiġi stabbilita sistema ta' reġistri effettiva li timplementa r-rekwiżiti l-ġodda għal ġestjoni tal-unitajiet fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, għaldaqstant jeħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 10 tal-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandha titwessa’ biex tinkludi l-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni tekniċi kollha rigward il-ġestjoni tal-unitajiet fir-reġistri nazzjonali kif meħtieġ mill-Protokoll ta’ Kjoto, l-Emenda ta' Doha u d-deċiżjonijiet adottati fihom għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Abbażi tal-kontenut tar-regoli li għandhom jiġu adottati fl-atti legali previsti f’din il-proposta skont dan ta’ hawn fuq, dawn l-atti legali għandhom ukoll jiġu adottati bħala atti ddelegati kif jitlob l-Artikolu 290 TFUE, kif hemm stipulat diġà fl-Artikolu 10(4), tar-Regolament dwar Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ.

Att iddelegat jissupplimenta r-regoli essenzjali billi jispeċifika s-sustanza tiegħu u jirregola b'aktar dettall. Huwa differenti minn att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE li jipprevedi kundizzjonijiet uniformi fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri. Kif jidher hawn fuq, ir-rekwiżiti kontabilistiċi li għandhom jiġu implimentati wara l-2012 mhumiex biss riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq regoli miftiehma internazzjonalment. Barra minn hekk, huma ma jiġux implimentati mill-Istati Membri biss, iżda japplikaw ugwalment għall-Unjoni Ewropea stess, u jobbligaw ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE. Kif previst fl-Artikolu 290 tat-TFUE, l-atti ddelegati previsti f’din il-proposta, ma jkunux jarmonizzaw l-implimentazzjoni ta’ ebda regola essenzjali eżistenti, iżda pjuttost jistabbilixxu aktar dettalji tekniċi speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Kjoto wara l-2012.

2013/0377 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikulari, l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[15],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[16],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni [...] dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu.[17] Id-Deċiżjoni tikkonkludi l-Emenda ta' Doha tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ("UNFCCC"), li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta’ impenn, f’isem l-Unjoni, u tistabbilixxi t-termini tat-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kjoto.

(2)       Il-konklużjoni tal-Emenda ta’ Doha, l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet imsieħbin magħha, li saru fil-Konferenza tal-Partijiet li sservi tal-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, u t-termini tat-twettiq konġunt fl-Unjoni, fl-Istati Membri tagħha u fl-Islanda, jeħtieġu l-istabbiliment ta’ regoli li jiżguraw l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-Unjoni wara l-2012, biex jippermettu l-operazzjoni effettiva tat-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u tal-Islanda, u biex jiżguraw l-allinjament tagħha bit-tħaddim tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (l-“EU ETS”) stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] u d-Deċiżjoni 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[19].

(3)       Matul l-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, ir-rekwiżiti miftiehma internazzjonalment għall-kontabilità u l-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-unitajiet, u t-twettiq konġunt mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu implimentati skont id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20] u l-hekk imsejħa Regolamenti tar-Reġistru[21]. Ir-Regolamenti tar-Reġistru preċedenti ġew sostitwiti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013[22], li issa fih id-dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tal-untiajiet marbutin mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-EU ETS u tad-Deċiżjoni 406/2009/KE[23]. Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[24] li għadu kif ġie adottat ma għadux jinkludi l-bażi legali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ddelegata għall-implimentazzjoni tar-regoli għat-tieni perjodu ta’ impenn.

(4)       Għat-tieni perjodu ta’ impenn, l-ammont allokat tal-Unjoni jirrigwarda l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn sorsi koperti mill-EU ETS, sa fejn dawn huma koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto, filwaqt li l-kwantitajiet assenjati rispettivi tal-Istati Membri u tal-Islanda għandhom x’jaqsmu mal-emissjonijiet oħra kollha ta' gassijiet serra minn sorsi u tneħħija minn bjar, koperti bil-Protokoll ta’ Kjoto.

(5)       Id-Deċiżjoni 1/CMP.8[25] temenda r-regoli għall-istabbiliment ta’ eliġibbiltà li jipparteċipaw f’mekkaniżmi flessibbli skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Huwa jiddefinixxi wkoll il-limiti marbutin ma’ unitajiet riportati mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn, inkluż ir-rekwiżit għal kull Parti li tistabbilixxi riżerva tal-unitajiet żejda mill-perjodu preċedenti (PPSR). Barra minn hekk, dik id-Deċiżjoni tipprevedi li sehem ta' 2 % tar-rikavati irid jiġi impost fuq l-ewwel trasferimenti internazzjonali ta’ unitajiet tal-ammont assenjati (AAUs) u l-ħruġ ta’ unitajiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet (ERUs) għall-proġetti ta’ implimentazzjoni konġunta immedjatament mal-konverżjoni għal ERUs ta’ AAUs jew unitajiet ta’ tneħħija (RMUs) li qabel kienu f’idejn il-Partijiet. Bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati aktar regoli għall-implimentazzjoni tat-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto.

(6)       Biex jiġu stabbiliti regoli koerenti għall-aċċertazzjoni tal-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-Unjoni wara l-2012, biex ikun hemm tħaddim effettiv tat-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u tal-Islanda, u biex ikun żgurat li dan ikun allinjat mat-tħaddim tal-EU ETS u d-Deċiżjoni tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura l-konsistenza tagħhom ma’ rekwiżiti miftieħma internazzjonalment tal-kontabilità, it-termini tat-twettiq konġunt stabbiliti fid-Deċiżjoni [...] u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 huwa emendat kif ġej:

1.           Fl-Artikolu 3, għandhom jiżdiedu l-punti (13a) u (13b) li ġejjin:

"(13a) 'Riżerva għall-perjodu tal-impenn' jew 'CPR' tfisser ir-riżerva stabbilita skont fl-Anness tad-Deċiżjoni 11/CMP.1 jew f'deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta' Kjoto;

"(13b) 'Riżerva ta' unitajiet żejda mill-perjodu tal-impenn preċedenti' jew 'PPSR' tfisser ir-riżerva stabbilita skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 jew f'deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta' Kjoto;"

2.           L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)      is-sottoparagrafu li ġej inżied mal-Artikolu 10(1):

“l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu kont, fir-reġistri tagħhom, għat-trasferiment ta’ unitajiet meħtieġa mill-Protokoll ta’ Kjoto, mid-Deċiżjoni 1/CMP.8 jew deċiżjonijiet rilevanti oħrajn tal-UNFCCC jew tal-korpi tal-Protokoll ta’ Kjoto bħala sehem tar-rikavati wara l-ħruġ ta' ERUs u mal-ewwel trasferiment internazzjonali ta’ AAUs.”

(b)     mal-Artikolu 10 għandu jinżied il-paragrafu 5 li ġej:

"5.        Il-Kummissjoni għandha tingħata wkoll is-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 25 biex tiżgura, permezz tar-reġistri tal-Unjoni u tal-Istati Membri, l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto, tippermetti t-tħaddim effettiv tat-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-Islanda, u tiżgura l-allinjament tagħha mat-tħaddim tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 406/2009/KE, fosthom:

(a) il-proċessi ta’ ġestjoni tal-unitajiet, bħat-tranżazzjonijiet tal-AAUs, CERs, fosthom lCERs and tCERs, ERUs u RMUs (il-ħruġ, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, l-irtirar, ir-riport, is-sostituzzjoni jew bidla tad-data tal-iskadenza) fir-reġistri nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri u tal-Islanda, u bejniethom;

(b) il-proċessi ta’ kontabilità marbutin mat-tranżizzjoni mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn, fosthom ir-riport ta' AAUs, CERs u ERUs żejda mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn;

(c) l-istabbiliment u ż-żamma ta’ riżerva żejda mill-perjodu preċedenti u riserva għall-perjodu ta’ impenn għall-Unjoni u għall-Istati Membri;

(d) ir-rendikont tas-sehem tar-rikavati kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Meta tadotta l-atti ddelegati msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura implimentazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti ta’ kontabilità miftiehma internazzjonalment, ittejjeb it-trasparenza u tiżgura l-preċiżjoni tar-rendikont tal-unitajiet ta’ Kjoto mill-Unjoni u mill-Istati Membri, filwaqt li tnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv u l-ispejjeż."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet li serviet ta' laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, FCCC/KP/CMP/2012/13/Add.1

[2]               Għall-ewwel perjodu ta' impenn, is-snin ta' bażi tal-UE kienu kif jidher hawn taħt: għad-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4) u l-ossidu nitruż (N2O), l-Istati Membri kollha jużaw is-sena 1990 bħala bażi, minbarra: il-Bulgarija – 1988; l-Ungerija -medja bejn l-1985 u l-1987; is-Slovenja – 1986; il-Polonja – 1988; ir-Rumanija - 1989. Għall-gassijiet fluworurati, l-Istati Membri kollha jużaw l-1995 bħala sena bażi, minbarra: l-Awstrija, Franza, l-Italja u s-Slovakkja – 1990; u r-Rumanija - 1989.

[3]               Il-leġiżlazzjoni adottata fit-23 ta' April 2009, li tinkludi d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, ĠU L 140, 5.6. 2009.

[4]               Din id-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni hija spjegata fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Preparing the EU's Quantified Emission Limitation or Reduction Objective (QELRO) based on the EU Climate and Energy Package” (It-Tħejjija tal-Obbjettiv tal-Limitazzjoni jew it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet Ikkwantifikati (QELRO) ibbażata fuq il-Pakkett tal-Klima u l-Enerġija tal-UE), SWD (2012) 18 final ta’ 13.2.2012.

[5]               Sottomissjoni mid-Danimarka u l-Kummissjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha tad-19 ta’ April 2012 dwar “Informazzjoni dwar l-obbjettivi tal-limitazzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet ikkwantifikati (QELROs) għat-tieni perjodu ta’ impenn fi ħdan il-Protokoll ta’ Kjoto”, FCCC/KP/AWG/2012/MISC.1.

[6]               Irreferi għan-nota 1 f'qiegħ il-paġna, hawn fuq.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu, ĠU L 130/1, 15.5.2002, p. 1.

[8]               COM(2013) 768 final.

[9]               Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' gass serra tal-Komunita' u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kjoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.)

[10]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 386, 29.12.2004, p. 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 270, 14.10.2010 p. 1.

[11]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1.

[12]             Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, ĠU L 165, 18.6.2013 p. 13.

[13]             Id-Deċiżjoni 13/CMP/1 dwar il-Modalitajiet għall-kontabilità tal-kwantitajiet assenjati kif jistipula l-Artikolu 7(4), tal-Protokoll ta’ Kjoto, fi: FCCC/KP/CMP/2005/8/Add.2.

[14]             Bilanċ inizjali tal-PPSR tal-Unjoni Ewropea, li għandu jiġi stabbilit fir-Reġistru tal-Unjoni, prinċipalment ikun jikkonsisti minn AAUs miżmuma fir-Reġistru tal-Unjoni b’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament 920/2010/KE li jirrappreżentaw il-kwoti tal-EU ETS riportati stipulati fl-Artikolu 57 tar-Regolament 920/2010/KE. Il-bilanċ inizjali ta’ kull PPSR tal-Istati Membri u tal-Islanda se jikkonsisti minn AAUs li ġew riportati f’kull reġistru nazzjonali.

[15]             ĠU C , , p. .

[16]             ĠU C , , p. .

[17]             ĠU L , , p. .

[18]             Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275/32, 25.10.2003).

[19]             Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6. 2009).

[20]             Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' gass serra tal-Komunita' u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kjoto (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.)

[21]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ĠU L 386, 29.12.2004, p. 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, 14.10.2010 p. 1.)

[22]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1.

[23]             Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

[24]             Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE, ĠU L 165, 18.6.2013 p. 13.

[25]             Id-Deċiżjoni 1/CMP.8, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet li serviet ta' laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto, FCCC/KP/KP/2012/13/Add.1.

Top