Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0707

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2013/001 FI/Nokia Salo mill-Finlandja)

/* COM/2013/0707 final */

52013PC0707

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2013/001 FI/Nokia Salo mill-Finlandja) /* COM/2013/0707 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta’ mekkaniżmu ta’ flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fl-1 ta' Frar 2013, il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/001 FI/Nokia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji fil-kumpaniji Nokia plc, Nokia Siemens Networks u 30 mis-sottokuntratturi tagħhom fil-Finlandja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma sodisfatti.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta’ Referenza tal-FEG || EGF/2013/001

Stat Membru || Il-Finlandja

Artikolu 2 || (a)

Intrapriża primarja || Nokia plc

Sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 31

Il-perjodu ta’ referenza || 1.8.2012 – 30.11.2012

Id-data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 1.8.2012

Data tal-applikazzjoni || 1.2.2013

Sensji waqt il-perjodu ta' referenza || 2 863

Sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza || 1 646

Total ta’ sensji eliġibbli || 4 509

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 3 719

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 18 830 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 790 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 4.03

Baġit totali (EUR) || 19 620 000

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR) || 9 810 000

1.           L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2013 u kienet supplimentata minn tagħrif addizzjonali sal-21 ta’ Awwissu 2013.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet sottomessa fi żmien il-perjodu speċifikat ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

3.           Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja ssostni li d-diffikultajiet kurrenti tal-kumpaniji Nokia u Nokia Siemens Networks u ta' kważi s-sottokuntratturi kollha u tar-reġjuni milquta jmorru lura għal Frar 2011. F'dak iż-żmien in-Nokia ħabbret bidla sinifikanti fl-istrateġija tal-intrapriża u nediet kooperazzjoni estensiva ma' Microsoft fir-rigward tal-użu ta' Microsoft Windows Phone bħala s-sistema operattiva primarja tagħha tal-ismartphone, filwaqt li żżomm is-sistema operattiva Symbian tagħha stess bħala pjattaforma ta' softwer f'telefons bi prezz iktar baxx sa tmiem l-2016. Id-domanda għat-telefons Symbian sadanittant waqgħet konsiderevolment, u l-operazzjonijiet ta' żvilupp u ta' manutenzjoni msejsa fuq is-sistema Symbian għandhom għalhekk jitwaqqfu.

4.           L-intenzjoni kienet li l-impjant tan-Nokia f'Salo jinżamm operattiv filwaqt li jitnaqqas b'madwar 12 % l-persunal tal-kumpanija fl-uffiċċji madwar id-dinja kollha. Dan wassal għall-għeluq tal-impjant f i Cluj, ir-Rumanija (Settembru 2011) , li għalih ġiet ippreżentata applikazzjoni oħra tal-FEG. Nokia Siemens Netwerks ħabbru wkoll sensji kbar (Novembru 2011). Fit-22 ta' Marzu 2012, tħabbru s-sensji fin-Nokia f'Salo, meta tkeċċew 1 000 ħaddiem minn total ta’ 1 700. Il-Finlandja ressqet applikazzjoni EGF/2012/006 FI/Nokia Salo b’appoġġ ta’ dawn il-ħaddiema, u żiedet li diġà kienu ppjanati sensji oħra, u se titħejja applikazzjoni ta’ segwitu mill-Finlandja għall-mewġa li jmiss ta’ sensji min-Nokia stess u s-sottokuntratturi tagħha.

5.           Din hija applikazzjoni ta' segwitu, b’appoġġ tal-bqija tal-ħaddiema tan-Nokia f'Salo, ħaddiema tan-Nokia f’partijiet oħrajn tal-pajjiż (prinċipalment Espoo, Tampere u Oulu) u s-sensji li rriżultaw fin-Nokia Siemens Networks u 30 sottokuntrattur ieħor f’diversi reġjuni tal-Finlandja. Il-fabbrika ta’ Salo sadanittant għalqet kompletament, bit-telf ta’ 900 impjieg ieħor. Twaqqaf ukoll programm estensiv ta’ żvilupp tal-prodotti, u dan wassal għat-telf tal-impjiegi f’Oulu u Tampere kif ukoll fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-prodotti f'Salo. Dan l-għeluq wassal ukoll għal telf ta’ impjiegi fil-funzjonijiet ta’ appoġġ, bl-akbar impatt fuq Espoo.

6.           Ir-raġuni primarja għas-sensji hija t-trasferiment tal-funzjonijiet fis-settur għall-pajjiżi terzi barra l-Ewropa. L-immuntar tal-mowbajls, li qabel kien isir f’Salo u Cluj, intbagħat barra l-pajjiż fl-Ażja (iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, l-Indja u l-Vjetnam, fejn dalwaqt se jiġi inawgurat impjant ġdid tan-Nokia). Il-manifattura tal-komponenti u l-produzzjoni bis-sottokuntratti kienu diġà ġew trasferiti barra mill-Ewropa. Wara d-direzzjoni li diġà ttieħdet mill-produzzjoni, kemm id-disinn kif ukoll l-iżvilupp tal-prodotti ntbagħtu jew qed jintbagħtu barra l-pajjiż.

7.           L-iskop tat-trasferiment tal-operazzjonijiet ta' mmuntar lejn l-Asja huwa li jitħaffef id-dħul tal-mezzi fis-suq. Permezz ta' ħidma eqreb mas-sottokuntratturi, in-Nokia tkun tista' ġġib innovazzjonijiet ġodda fis-suq aktar malajr u tkun tista' ttejjeb il-kompetittività tagħha. Fil-preżent, in-Nokia qed titlef il-pożizzjoni tagħha fis-swieq l-aktar importanti tagħha taċ-Ċina u l-Indja, fejn bosta kumpaniji li jimmanifatturaw telefons irħas qed iżidu l-ishma tagħhom mis-suq. Fis-suq tal-mudelli bażiċi tat-telefon ċellulari, is-sehem tan-Nokia naqas minn 33 % (2010) għal 24 % (2011), u dan it-tnaqqis kompla fl-2012. Fir-rigward tas-smartphones, Apple u Samsung għasru lin-Nokia mis-suq. Għalhekk, fi Q2/2012, in-Nokia kellha sehem mis-suq ta’ 6.6 % (tnaqqis minn 38 % fil-bidu tal-2010), filwaqt li Apple kellha 16.9 % u Samsung 32.6 %[4].

8.           Fl-aqwa tagħha, l-industrija tal-elettronika u tal-elettroteknika pprovdiet impjieg lil aktar minn 60 000 persuna fil-Finlandja, iżda sa tmiem l-2012, dan in-numru kien waqa' għal 50 000. Fl-istess ħin, in-numru tal-persunal f’sussidjarji tal-kumpaniji f’din l-industrija f'pajjiżi terzi kien qed jikber - dikjarazzjoni ċara dwar il-funzjonijiet tar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż lejn l-Ażja b'mod partikolari.

      Il-persunal fil-Finlandja

       Il-persunal f'sussidjarji barra l-pajjiż     

9.           Sal-lum, is-settur tal-mowbajls kien is-suġġett ta' bosta applikazzjonijiet tal-FEG, li kollha kienu msejsa fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ. Din hija r-raba’ applikazzjoni f’isem ħaddiema li spiċċaw ngħataw is-sensja min-Nokia; it-tliet każijiet preċedenti kienu għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja min-Nokia fil-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Finlandja.

Turija tal-għadd tas-sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

10.         Il-Finlandja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jeħtieġ minn tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadju aħħari ta’ produzzjoni.

11.         L-applikazzjoni ssemmi 4 509 sensja fin-Nokia plc, is-sussidjarja tagħha Nokia Siemens Networks u 30 mill-fornituri u s-sottokuntratturi tagħha, li minnhom 2 863 seħħu matul il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur mill-1 ta’ Awwissu 2012 sat-30 ta’ Novembru 2012 u 1 646 sensja oħra qabel u wara l-perjodu ta’ referenza, iżda relatati mal-istess proċedura ta’ sensji kollettivi. L-2 544 sensja min-Nokia ġew ikkalkulati kollha skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, filwaqt li fost dawk mill-kumpanija sussidjarja u s-sottokuntratturi, 496 ġew ikkalkolati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-1 469 li jifdal skont it-tieni inċiż tal-istess paragrafu.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

12.         L-awtoritajiet Finlandiżi jargumentaw li s-sensji fuq l-impjant Salo ma kinux mistennija, billi dawn kienu espliċitament eżentati meta n-Nokia ħabbret sensji kbar fil-Finlandja fi Frar 2011. Dak iż-żmien, ir-rwol tal-impjant Salo kien mistenni li jkun il-produzzjoni ta' smartphones ibbażati fuq il-pjattaforma ta' Windows Phone.

13.         Fl-aħħar ta’ Novembru 2011, meta tħabbar l-għeluq tal-impjant fi Cluj (ir-Rumanija), in-Nokia ħabbret ukoll li kienet qed tikkunsidra mill-ġdid ir-rwol tal-impjant f'Salo u li xi tnaqqis fil-persunal kellu mnejn ikun mistenni fl-2012. Fit-22 ta' Marzu 2012, tħabbar it-tnaqqis tal-persunal ta' Salo b'1 000 ruħ, li kellu jiġi implimentat sal-aħħar ta' Ġunju. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, in-Nokia ħabbret 3 700 sensja oħra fil-Finlandja, fosthom 850 fl-impjant tal-mowbajls f'Salo u l-funzjonijiet ta' appoġġ tiegħu. Barra minn hekk, kienet se tkun qed tnaqqas b’mod sinifikanti il-ħaddiema tagħha fit-taqsima tal-mezzi u s-servizzi. Tħabbar ukoll l-għeluq tal-impjanti li kienu se jwasslu għal aktar sensji f’Ulm (il-Ġermanja) u Burnaby (il-Kanada). Dan kollu ma kienx previst, wara l-assigurazzjonijiet mogħtija biss sena qabel, u fid-dawl tal-fatt li Salo kien l-ewwel impjant ta' produzzjoni tan-Nokia b'operazzjonijiet ta' żvilupp tal-prodotti u l-post fejn in-Nokia normalment kienet tniedi l-immuntar u l-proċess ta' tagħlim għall-immuntar ta' mudelli ġodda u importanti tat-telefon. Barra minn hekk, kien diġà sar tnaqqis imdaqqas tal-persunal fil-Finlandja, u aktar tnaqqis ta' dan id-daqs ma kienx mistenni.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

14.         L-applikazzjoni marbuta ma’ 4 509 sensja li minnhom 2 544 fin-Nokia stess u 1 965 oħra fis-sussidjarja tagħha n-Nokia Siemens Networks u l-fornituri u s-sottokuntratturi l-oħra. Minn dan it-total, huwa mistenni li 3 719 ħaddiem se jieħdu sehem fil-miżuri kofinanzjati mill-FEG.

L-intrapriżi li taw is-sensji huma dawn li ġejjin:

Intrapriża || Sensji fil-perjodu ta’ referenza || Sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza

Nokia plc || 2 348 || 196

Nokia Siemens Networks || 23 || 644

Accenture || || 263

Are || 14 ||

Autobar Finland || 3 ||

Barona || 2 ||

Cencorp || || 13

Crelint || 35 ||

DHL Global Forwarding || 5 ||

DHL Supply Chain || 75 || 31

Digia || || 69

Flander || || 2

Foxconn || 14 || 102

Infocare || 35 || 3

ISS Palvelut || 15 ||

Ixonos || 14 || 9

Lionbridge || 1 ||

Life-on Mobile Corporation || 25 || 1

Logica Suomi || 158 ||

Mehiläinen || 1 ||

Mitron || 4 ||

Neusoft Mobile Solutions || || 17

Nice-business Solutions Finland || 3 || 6

Relacom || 6 || 18

RR Donneley || 10 ||

Saloteam || 4 ||

Sasken || 15 ||

Sodexo || 21 ||

ST-Ericsson || || 56

Teleca Finland || 10 || 17

Tieto || || 199

Turvatiimi || 22 ||

Spiża totali || 2 863 || 1 646

15.         It-tqassim tat-3 719 ħaddiem li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Persentaġġ

Irġiel || 2 338 || 62.87

Nisa || 1 381 || 37.13

Ċittadini tal-UE || 3 525 || 94.78

Ċittadini mhux tal-UE || 194 || 5.22

Età bejn il-15 u l-24 sena || 30 || 0.81

minn 25 sa 54 sena || 3 302 || 88.79

minn 55 sa 64 sena || 385 || 10.35

> 64 sena || 2 || 0.05

16.         Fost il-ħaddiema li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri hemm 38 ħaddiem li għandhom problemi ta’ saħħa kroniċi jew diżabilità.

17.         F’termini ta’ kategoriji okkupazzjonali, it-tqassim tat-3 719 ħaddiem li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Persentaġġ

Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers || 464 || 12.48

Professjonisti || 2 070 || 55.66

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 256 || 6.88

Skrivana || 74 || 1.99

Ħaddiema fis-sevizzi u ħaddiema li jbigħu fil-ħwienet u fis-swieq || 40 || 1.08

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja’ relatati || 62 || 1.67

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 537 || 14.44

Xogħlijiet elementari || 216 || 5.81

18.         B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Finlandja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll politika ta' ebda diskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju milqut u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

19.         Hemm bosta reġjuni tal-Finlandja affettwati mis-sensji, tlieta minnhom (il-Lbiċ tal-Finlandja, Usimaa u Pirkanmaa) huma fil-parti tan-nofsinhar tal-pajjiż u ieħor (Ostrobothnia tat-Tramuntana) fit-Tramuntana. Ir-reġjun tal-Lbiċ tal-Finlandja huwa l-aktar wieħed milqut ħażin, b’1 050 sensja ġdida min-Nokia u 360 oħra mis-sottokuntratturi. Dan huwa r-reġjun fejn jinsab Salo, li diġà kien sofra mill-mewġiet preċedenti ta’ sensji min-Nokia.

20.         Iż-żona ta' Salo hija parti mill-provinċja tal-Lbiċ tal-Finlandja, li hija waħda mill-provinċji fil-pajjiż li l-aktar tesporta (aktar minn 60 % tal-produzzjoni industrijali tagħha huwa esportat). Ir-reġjun tela' għall-istatus produttiv ħafna li jgawdi matul is-snin disgħin, bit-tkabbir qawwi tan-Nokia, li dak iż-żmien kienet qed issir il-manifattur ewlieni tal-mowbajls fid-dinja. Hekk kif il-pożizzjoni tan-Nokia ddgħajfet u ħakmet il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-qagħda f’Salo ddeterjorat f’dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi u l-produzzjoni, u r-reġjun sofra aktar minn reġjuni oħra tal-Finlandja. L-istruttura ekonomika taż-żona ta' Salo kienet eċċezzjonalment speċjalizzata sa mill-aħħar tas-snin disgħin, bis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet ikopri aktar minn 50 % tal-valur miżjud fl-2008.

Fir-reġjun tal-Lbiċ tal-Finlandja, il-grupp fil-mira jikkonsisti f’ħaddiema b’ħiliet aktar baxxi milli fir-reġjuni l-oħra. Dawn jiġu ggwidati lejn opportunitajiet ta’ taħriġ fl-oqsma tas-saħħa u tas-settur soċjali; it-trasport u l-loġistika; servizzi bħall-akkomodazzjoni, l-intrapriżi tal-ikel u s-sigurtà; l-amministrazzjoni finanzjarja; edukazzjoni għall-aġġornament tal-ħiliet fl-IT, speċjalment fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tagħrif dwar in-negozju.

21.         Ir-reġjun ta’ Usimaa jinkludi l-kapital, Ħelsinki. Għalkemm ir-reġjun ta’ Ħelsinki kien wieħed mill-iktar żoni li qed jikbru malajr tal-Finlandja, ma kienx kapaċi jevita l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Il-fatturat fl-industrija naqas fl-2009 b’29 %, u l-kummerċ ukoll naqas b’ritmu mgħaġġel. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ nies qiegħda li qed ifittxu impjieg żdied bi kważi nofs meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2008. Filwaqt li l-prospetti ekonomiċi bdew jistabbilizzaw fl-2010, reġgħu marru għall-agħar fl-2012. Fil-belt ta’ Espoo, fejn in-Nokia għandha l-kwartjieri ġenerali, 91 % tal-fatturat tal-industrija ġie mill-industrija tal-elettronika fl-2010, u n-Nokia u s-sottokuntratturi tagħha jikkostitwixxu parti kbira minn dan it-total.

Fir-reġjun ta' Uusimaa, il-biċċa l-kbira tan-nies fil-grupp tal-mira għandhom lawrja akkademika. L-għan huwa li jiġu ggwidati lejn l-aġġornament tal-edukazzjoni fl-oqsma tagħhom stess. Fis-settur tal-IT, hemm nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-logħob kemm għall-ħaddiema u wkoll għall-managers. Għalhekk, dan is-settur jingħata attenzjoni speċifika għall-miżuri tal-FEG fir-reġjun ta’ Uusimaa.

22.         Ir-reġjun ta’ Pirkanmaa, fil-Punent tal-Finlandja, huwa wieħed mill-aktar żoni mmexxija mill-esportazzjoni. Bħala ċentru kbir tal-kultura, l-edukazzjoni u s-servizzi, huwa pprovda opportunitajiet aħjar għall-impjiegi lill-popolazzjoni tiegħu minn ħafna aktar reġjuni periferiċi tal-pajjiż. Ir-reġjun soffra ferm mill-effetti tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, u issa mis-sensji tan-Nokia u dawk li jirriżultaw minnhom, stmata li tilħaq madwar 1 000 fiż-żona.

Fir-reġjun ta' Pirkanmaa, madwar 80 % tal-grupp fil-mira għandhom lawrja akkademika. L-għan huwa li jiġi integrat l-għarfien tal-IT qawwi tal-grupp fil-mira fis-setturi ewlenin fejn huwa mistenni t-tkabbir, jiġifieri s-settur tal-prodotti bijo/organiċi, tat-teknoloġiji tal-ambjent u tas-saħħa, tal-enerġija rinnovabbli u tal-makkinarju intelliġenti.

23.         Ir-reġjun ta’ Ostrobothnia tat-Tramuntana, bil-kapital tiegħu Oulu, huwa ċ-ċentru finanzjarju, edukattiv u kulturali l-aktar importanti tat-Tramuntana tal-Finlandja. Mis-snin disgħin ’il hawn, dan ir-reġjun sar ukoll ċentru tal-innovazzjoni internazzjonali, bis-saħħa tas-suċċess tan-Nokia. Ġibed lejh żgħażagħ ifittxu l-edukazzjoni u speċjalisti internazzjonali jfittxu l-impjiegi. Huwa wkoll ċentru kbir tat-trasport, tal-art, tal-ajru u wkoll tal-baħar, u għandu jibbenefika mill-espansjoni urbana li bdiet fil-bidu fl-2013, meta diversi bliet tal-madwar ġew amalgamati fih.

Fir-reġjun ta' Osthrobotnia tat-Tramuntana, l-għan huwa li jittieħed vantaġġ mill-esperjenza u l-għarfien tal-grupp fil-mira fis-setturi li qed jikbru, li huma l-benesseri, l-ambjent, il-bijoteknoloġija u l-kultura. Barra minn hekk, huma mistennija li jiżdiedu negozji ġodda tal-IT.

24.         Il-partijiet interessati fir-reġjuni kollha kkonċernati huma ċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent, l-Uffiċċji Reġjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi, u l-amministrazzjonijiet tal-ibliet. Barra minn hekk, kull reġjun għandu jkollu gruppi ta’ koordinazzjoni tiegħu stess li jittrattaw it-tibdil strutturali, li se jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-applikazzjoni.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

25.         Skont il-Ministeru tax-Xogħol u l-Ekonomija, l-għadd totali ta’ nies li qegħdin ifittxu impjieg fi ħdan il-fergħa tal-ICT fil-Finlandja fl-2012 (inklużi l-aħħar sensji min-Nokia u s-sottokuntratturi tiegħu) kien jammonta għal madwar 7 700 ruħ. Dan l-għadd kbir joħloq problemi konsiderevoli, partikolarment għal dawk li qed ifittxu xogħol u li għandhom ’il fuq minn 45 sena u aktar (minħabba li dawn huma preżunti li għandhom għarfien espert skadut) u għall-gradwati żgħażagħ li qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom.

26.         Minħabba li l-kriżi ġiet ħabta u sabta u minħabba l-iskala tas-sensji koperti minn din l-applikazzjoni, jiġu kkawżati aktar diffikultajiet mhux biss għall-ħaddiema nnifishom, iżda anke għal-lokalitajiet bi stabbilimenti tan-Nokia u l-ekonomija Finlandiża kollha kemm hi. In-Nokia u n-Nokia Siemens Networks flimkien ammontaw għal madwar għoxrin fil-mija tal-impjiegi kollha fis-settur tal-ICT Finlandiż. Is-sehem tal-grupp tan-Nokia (Nokia u Nokia Siemens Networks) mill-PGD tal-Finlandja fl-2000 kien ta' 4 %; sal-2011 kien niżel għal 0.6 % biss bi tnaqqis ulterjuri fl-2012.

27.         Is-sehem tal-cluster tan-Nokia fl-investimenti kollha tas-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp fil-Finlandja fil-passat kien jammonta għal aktar min-nofs. B’dawn is-sensji, huwa mistenni li l-investimenti se jonqsu bin-nofs u li l-Finlandja se titlef EUR 1 biljun fl-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp.

28.         Problema oħra ewlenija hija li s-sottokuntratturi ġew speċjalizzati fil-fornitura tan-Nokia u ma żviluppawx is-swieq u l-istrateġiji tagħhom stess. B'riżultat tal-għeluq, se jkollhom jiżviluppawhom malajr jekk jixtiequ li ma jfallux.

Pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

29.         Il-Finlandja qed tippjana tliet tipi ta’ miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u koperti minn din l-applikazzjoni, (i) għajnuna biex jittrasferixxu għal xogħol ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom stess, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni. Il-miżuri kollha li ġejjin jikkombinaw flimkien biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid fl-impjieg il-ħaddiema li ngħataw is-sensja:

– Il-miżuri ta’ kowċing u miżuri oħra ta’ tħejjija: Il-ħaddiema qiegħda jistgħu jiġu megħjuna f’tekniki tat-tfittxija tax-xogħol, b’pariri u gwida, żjarat f’fieri tax-xogħol, għajnuna bl-applikazzjonijiet għall-impjiegi u s-CVs. Dan is-servizz normalment jingħata lil gruppi ta’ daqsijiet varji. Skont il-grupp, it-taħriġ se jingħata għal bejn ħamsa u 20 jum. Tingħata wkoll gwida dettaljata għall-karriera lill-gruppi, b’iffukar fuq l-interazzjoni u l-prattika tax-xogħol. Dan l-ikkowċjar jista’ jdum sa 40 jum. Individwi jew gruppi jistgħu jiġu pprovduti kowċis tal-impjieg, li jistgħu jaġixxu bħala 'sparring partners' waqt it-tiftix tal-impjieg u bħala mentors kemm lil min iħaddem kif ukoll lill-impjegati matul l-ewwel perjodi ta’ impjieg ġdid. Jistgħu jingħataw sa 50 siegħa ta’ taħriġ lil kull persuna li qed tfittex ix-xogħol.

– Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw ukoll minn firxa ta’ valutazzjonijiet tal-esperti. Dawn, pereżempju, jistgħu jevalwaw il-kapaċità tax-xogħol tal-individwu, inklużi aspetti relatati mas-saħħa, il-kompetenza u l-ħiliet vokazzjonali, jew il-ħiliet intraprenditorjali u l-potenzjal tal-ħaddiem.

– Dawk li qed ifittxu impjieg jistgħu wkoll jingħataw l-opportunità biex iwettqu provi tat-taħriġ, fejn ikunu jistgħu jittestjaw il-kapaċitajiet tagħhom f'diversi oqsma ta’ studju għal perjodu ta’ taħriġ bi prova ta’ madwar 10 ijiem. Huma jistgħu wkoll jippruvaw l-intraprenditorija fuq bażi ta’ prova, fi grupp, fejn jiġu diskussi u żviluppati ideat kummerċjali, jew fejn il-persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol jaħdmu fuq idea għal negozju pprovduta minn persuna oħra. Jiġi pprovdut għalliem għal bejn tmienja u 12-il jum. Jekk idea ġiet iffinalizzata u ttestjata, l-intraprenditur il-ġdid jista' jippruvaha sa 6 xhur, b'erba' sa sitt ijiem oħra ta’ tagħlim ta' kuntatt matul dan il-perjodu.

– Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: L-għan tal-miżuri ta’ taħriġ huwa l-akkwist ta’ kwalifika bażika jew vokazzjonali fi ħdan industrija b’rata għolja tal-impjiegi; l-issuktar tat-taħriġ iservi biex jissaħħu l-kompetenzi eżistenti, u gwida/taħriġ ta’ tħejjija għas-suq tax-xogħol ikun disponibbli lill-persuni li ma għandhom l-ebda pjan futur għall-karriera. It-taħriġ jitfassal apposta skont il-grupp fil-mira, u l-korsijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, l-espansjoni tal-kompetenzi fis-settur tal-ICT; il-ġestjoni tal-proġetti, tal-kwalità u finanzjarja, u l-iżvilupp ta’ ħiliet tan-negozju. Il-biċċa l-kbira tat-taħriġ vokazzjonali tas-suq tax-xogħol hija mmirata lejn kwalifika; f’ċerti kundizzjonijiet, ikun possibbli l-ksib ta' lawrja ta' edukazzjoni għolja.

– Se jkun disponibbli taħriġ dwar l-iżvilupp tal-SMEs; dan jgħaqqad il-ħtiġiet ta’ żvilupp tal-SMEs mal-kompetenzi tal-persuni qiegħda mħarrġa apposta. L-għan ta’ dan it-taħriġ huwa li jipprovdi dawk li qed jitħarrġu bil-fehim prattiku ta’ kif joperaw l-SMEs u biex jipprovdihom bil-ħiliet neċessarji biex jaħdmu bi qligħ f’kumpanija, kif ukoll il-kompetenzi biex jiżviluppawha. Dawk li jitħarrġu jitgħallmu dwar il-proċessi tan-negozju tal-kumpanija u jifhmu l-importanza tal-kwalità fl-operazzjonijiet ta’ kumpanija.

– Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u s-servizzi għal intraprendituri ġodda: Protomo huwa ambjent għal innovazzjoni miftuħa, li jippermetti lill-parteċipanti jipproċessaw l-ideat fi prototipi, jaħdmu f'timijiet fi proġetti bi prova, jiżviluppaw tipi ġodda ta’ prodotti u servizzi u jibdew negozji ġodda b'impjiegi ġodda. Protomo jlaqqa' flimkien l-ideat ġodda u l-persuni innovattivi. L-għan tal-kunċett Protomo, li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat mill-ġdid f’Uusimaa, huwa li jkompli jitnaqqas il-limitu biex wieħed isir imprenditur.

– Il-kunċett ta' Protomo jopera bħala servizz ta’ tqabbil ta' xogħlijiet simili għal intraprendituri ġodda. Il-bażi tad-dejta ta' Protomo hija kollezzjoni ta' ideat promettenti proposti minn individwi jew minn impriżi tar-reġjun. It-trejners maħtura minn Protomo mbagħad jgħinu lil gruppi żgħar ta' ħaddiema ssensjati biex minn dawn l-ideat iwelldu intrapriża ġdida li tista' jew tipproduċi l-oġġetti jew is-servizzi li hemm bżonn, jew tippermettilhom jingħaqdu mal-ġeneratur tal-idea u jaħdmu fuqha minn ġewwa intrapriżi eżistenti. It-tim ta' Protomo jipprovdi l-faċilitajiet u l-pariri għal dan il-grupp ta' ħidma, u jevalwa l-fattibbiltà tal-proposta kif ukoll jipprovdi l-esperti meħtieġa fejn hemm bżonn. Protomo normalment jaħdem bi gruppi ta’ erba' persuni li ffirmaw biex jiżviluppaw aktar l-idea magħżula.

– L-intraprendituri potenzjali l-ġodda jiġu megħjuna b'pariri, taħriġ relevanti, gwida, konsultazzjoni u appoġġ, stabbilimenti u faċilitajiet għat-tul tal-proġett Protomo, u jistgħu jingħataw ukoll xi għotjiet għall-ftuħ tan-negozju meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eliġibilità. Protomo jista' jipprovdi esperti esterni b'għarfien speċifiku lil dawk li jaspiraw li jkunu intraprendituri. Il-lekċerers u l-istudenti tal-universitajiet jistgħu jkunu involuti biex jiġu ttestjati u inkoraġġiti innovazzjonijiet radikali li jistgħu jiġu rfinuti b'mod li jwasslu għall-ħolqien ta’ negozji ġodda.

– Appoġġ għall-bidu ta' operazzjonijiet ta' negozju indipendenti: Din hija għotja għal bidu ta' negozju, dħul għal intraprenditur aspiranti sa 18-il xahar mill-operazzjoni inizjali. L-għotja ta' bażi tikkonsisti f'EUR 31,36 għal kull jum. Ma dan jiżdied fattur varjabbli, li ma jistax jeċċedi s-60 % tal-konċessjoni bażi. Huwa stmat li madwar 150 persuna se jikkwalifikaw għal din il-konċessjoni, u li l-medja mħallsa lilhom matul il-perjodu ta' implimentazzjoni se tkun ta' EUR 6 000.

– Għajnuna għall-mobilità: Dan jipprovdi kemm għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni kkawżati mit-titftix ta’ impjieg jew it-taħriġ, kif ukoll għall-ispejjeż tal-ġarr. Dawk li qed ifittxu x-xogħol għandhom mnejn ma jkunux jistgħu jsibu impjieg ġdid fiż-żona immedjata, għalhekk jista' jagħti l-każ li jkollhom bżonn jivvjaġġaw biex jattendu għal intervisti tax-xogħol, u jista' jkollhom bżonn isibu post ġdid fejn joqogħdu biex jieħdu post vakanti. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar huma kkalkulati fuq il-bażi ta' mili, b'akkomodazzjoni rimborżata jekk meħtieġ. L-ispejjeż tal-ġarr jiġu rimborżati sa EUR 700.

– Servizzi tal-impjiegi fil-Punt ta' Servizz: Il-ħaddiema min-Nokia ta' Salo li ngħataw is-sensja huma pprovduti b'Punti ta' Servizz li jieħdu ħsiebhom matul il-fażi tal-implimentazzjoni. Il-Punti ta' Servizz li oriġinarjament bdew ġewwa l-istabbilimenti tan-Nokia, bdew jiggwidaw lill-ħaddiema affettwati mill-bidu u dan billi pprovdewlhom rwol ħafna aktar personali u fil-fond minn dak li normalment ikun kapaċi jipprovdi l-uffiċċju pubbliku tal-impjiegi. Tingħata attenzjoni speċjali biex tiżgura li l-ebda ħaddiem ma jispiċċa f'qgħad fit-tul. Wara l-isforz inizjali intensiv tal-Punt ta' Servizz, dan jibqa' disponibbli biex jiggwida lill-ħaddiema hekk kif jipproċedu bil-miżuri individwali tagħhom.

– Sussidji ta' ħlas: Dawn jistgħu jkunu disponibbli lill-impjegaturi li jkunu lesti jimpjegaw il-ħaddiema fil-mira b'għarfien sħiħ dwar in-nuqqasijiet ta' kompetenzi u ta' ħiliet vokazzjonali tal-persuna li jkunu se jimpjegaw, u li jkunu wkoll lesti jiżguraw li jitħallsu salarju raġonevoli u jingħataw kull appoġġ u taħriġ fuq ix-xogħol meħtieġa kif jibdew jgħixu l-ewwel esperjenzi tagħhom f’impjiegi mhux familjari. It-tul ta' żmien huwa ffissat skont il-bżonnijiet tal-ħaddiem, u huwa stmat li se jammonta għal medja ta' EUR 7 453 għal kull ħaddiem li jibbenefika minn din l-iskema.

– Skema dwar l-akkwist tad-dejta mill-kumpaniji: Din l-iskema tippermetti lill-Uffiċċji għall-Iżvilupp Ekonomiku u tal-Impjiegi, liċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, u lill-Ministeru tal-Impjiegi u tal-Ekonomija biex imexxu intervisti bit-telefon ma’ kumpaniji u jiġbru tagħrif aġġornat dwar il-ħtiġijiet personali tal-intrapriżi. Dan it-tagħrif jippermetti lill-uffiċċji li jiggwidaw lill-ħaddiema fid-direzzjoni t-tajba u jgħinuhom fl-għażliet tagħhom ta’ korsijiet ta’ taħriġ. L-intervisti jitwettqu b'mod ċentralizzat u r-riżultati jkunu disponibbli għall-atturi f'forma magħżula.

30.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kif ukoll l-informazzjoni u l-pubbliċità fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-ħaddiema li jipparteċipaw fil-miżuri kofinanzjati mill-FEG se jiġu mgħarrfa li s-servizzi offruti huma ffinanzjati bl-għajnuna tal-FEG. L-awtoritajiet Finlandiżi qed jippjanaw konferenza, li se tinvolvi liż-żewġ applikazzjonijiet tan-Nokia flimkien.

31.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Finlandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Finlandiżi jistmaw li l-ispejjeż totali huma ta' EUR 19 620 000, li minnhom EUR 18 830 000 huma nefqa għas-servizzi personalizzati waqt li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG tilħaq l-EUR 790 000 (4,03 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 9 810 000 (50 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Stima tal-għadd ta' ħaddiema fil-mira || L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || Spejjeż totali (FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Il-miżuri ta’ kowċing u miżuri oħra ta’ tħejjija || 2 680 || 1 076 || 2 884 000

Edukazzjoni / taħriġ u taħriġ mill-ġdid || 1 340 || 6 027 || 8 076 000

Promozzjoni tal-intraprenditorija (Proġetti Protomo eċċ.) || 180 || 6 306 || 1 135 000

Appoġġ għall-bidu ta' operazzjonijiet ta' negozju indipendenti (start-up grant) || 150 || 6 000 || 900 000

Għajnuna għall-mobilità || 470 || 287 || 135 000

Servizzi tal-impjiegi fil-Punt ta' Servizz || 3 719 || 215 || 800 000

Sussidji ta' ħlas || 640 || 7 453 || 4 770 000

Sistema ta' kisba ta' dejta msejsa fuq il-kumpaniji || 2 505 || 52 || 130 000

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 18 830 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet preparatorji || || 50 000

Ġestjoni || || 420 000

Informazzjoni u pubbliċità || || 300 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 20 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 790 000

Total tal-istima tal-ispejjeż || || 19 620 000

Kontribut tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali) || || 9 810 000

32.         Il-Finlandja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li l-miżuri qegħdin hemm biex jipprevjenu kull finanzjament doppju.

Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

33.         Il-Finlandja bdiet is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inkluż il-pakkett koordinat propost għall-kofinanzjament lill-FEG fid-1 ta' Awwissu 2012. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata mill-FEG.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

34.         Il-Ministeru tax-Xogħol u tal-Ekonomija sejjaħ grupp li jindirizza s-sensji tan-Nokia u pparteċipa fil-preparazzjoni tal-applikazzjoni tal-FEG. Dan il-grupp ta’ ħidma għandu rappreżentanti miċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent tal-Lbiċ tal-Finlandja, Ostrobothnia tat-Tramuntana, Pirkanmaa u Uusimaa; l-Uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku tagħhom; u l-imsieħba soċjali, jiġifieri l-Kunsill tal-Unjins Industrijali Finlandiżi (eż. Trade Union Pro, il-Unjin tal-Ħaddiema Finlandiżi tal-Metall, u l-Akkademja tal-Inġiniera u l-Periti fil-Finlandja) u l-Federazzjoni tal-Industriji tat-Teknoloġija Finlandiżi ma’ rappreżentanti min-Nokia.

35.         Il-kumitat tal-promozzjoni tal-impjiegi tal-Uffiċċju Uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku huwa attiv fil-livell lokali. Dan il-kumitat jopera bħala organu għall-kooperazzjoni għall-Uffiċċju Uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku u għall-organizzazzjonijiet tas-suq tax-xogħol, muniċipalitajiet u atturi lokali oħra. Il-kompiti tal-Kumitat huma, pereżempju, l-antiċipazzjoni tal-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-passi tal-ippjanar li jirriżultaw meħtieġa minħabba dawn il-bidliet.

36.         L-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

37.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Finlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra.

· Barra minn hekk, l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li huma kienu segwew u implimentataw ir-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mill-verifika tal-FEG f'każ preċedenti, EGG/2007/004 FI/Perlos.

Is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

38.         Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribut finanzjarju se jkun ġestit mill-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija, li jimmaniġġa wkoll il-fondi tal-FSE. L-istess Ministeru jaġixxi wkoll bħala l-awtorità li tiċċertifika. Hemm separazzjoni stretta tad-dmirijiet u ta' relazzjonijiet ta' rappurtaġġ bejn id-dipartimenti responsabbli għal dawn iż-żewġ funzjonijiet. Il-funzjonijiet ta’ ġestjoni għall-FEG ġew assenjati lid-dipartiment tal-Impjiegi u tal-Intraprenditorija, filwaqt li dawk għall-FSE ngħataw lid-dipartiment reġjonali. Il-funzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għaż-żewġ Fondi f'idejn l-Unità tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni. Il-Ministeru ħejja manwal li jiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti.

Fir-rigward tal-verifika, il-korp responsabbli huwa l-Unità tal-Verifika Interna indipendenti, li jopera taħt is-Segretarju Permanenti. Il-funzjonijiet relatati mal-monitoraġġ u l-awditjar huma inklużi wkoll fil-firxa ta’ funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-ġestjoni u taċ-ċertifikazzjoni.

Finanzjament

39.         Abbażi tal-applikazzjoni mill-Finlandja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat l-FEG) hija ta' EUR 9 810 000, li tirrappreżenta 50 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mill-Finlandja.

40.         B'kunsiderazzjoni tal-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

41.         Permezz tal-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ partijiet tal-awtorità tal-baġit, se tissejjeħ laqgħa formali ta' trijalogu.

42.         B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2013 iddaħħal approprjazzjonijiet ta' impenn speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

43.         Se jintużaw approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG biex ikopru l-ammont ta' EUR 9 810 000 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2013/001 FI/Nokia Salo mill-Finlandja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[5], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[7],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija b’riżultat tal-globalizzazzjoni u biex dawn jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-ammont annwali massimu ta’ EUR 500 miljun.

(3)       Il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Nokia plc, Nokia Siemens Networks u 30 mis-sottokuntratturi tagħha, fil-1 ta' Frar 2013 u ssupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sal-21 ta' Awwissu 2013. Din l-applikazzjoni hi konformi mar-rekwiżiti biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk, tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 9 810 000.

(4)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 9 810 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Il-kumpanija tar-riċerka tas-suq IDC.

[5]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[6]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[7]               ĠU C […], […], p. […].

Top