Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0337

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja

/* COM/2013/0337 final - 2013/0176 (NLE) */

52013PC0337

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja /* COM/2013/0337 final - 2013/0176 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-Trattat), li jindika li l-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u li d-deroga tal-Latvja titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

F'każ ta' deċiżjoni pożittiva, il-Kunsill sussegwentement ikollu jieħu l-miżuri l-oħra meħtieġa għall-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro[1] jirregola l-introduzzjoni inizjali tal-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel grupp taż-żona tal-euro u fil-Greċja[2]. Dan ir-Regolament ġie emendat bi:

– Ir-Regolament (KE) Nru 2169/2005, biex iħejji għal tkabbir futur taż-żona tal-euro;

– Ir-Regolament (KE) Nru 1647/2006, biex ikopri lis-Slovenja (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007);

– Ir-Regolament (KE) Nru 835/2007, biex ikopri lil Ċipru (li adotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008);

– Ir-Regolament (KE) Nru 836/2007, biex ikopri lil Malta (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008);

– Ir-Regolament (KE) Nru 693/2008, biex ikopri lis-Slovakkja (li adottat l-euro f’Jannar 2009);

– Ir-Regolament (KE) Nru 670/2010, biex ikopri lill-Estonja (li adottat l-euro f’Jannar 2011).

Sabiex il-Latvja tkun koperta wkoll bir-Regolament (KE) Nru 974/98, jeħtieġ li f'dan ir-Regolament tiżdied referenza għal dan l-Istat Membru. Din il-proposta fiha l-emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament.

Il-Pjan Nazzjonali għall-Bidla tal-Latvja lejn l-Euro jispeċifika li l-hekk imsejjaħ xenarju tal-“big bang” għandu jkun applikabbli, jiġifieri li l-adozzjoni tal-euro bħala l-munita tal-Latvja u l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u muniti tal-euro f’dan l-Istat Membru għandhom iseħħu fl-istess waqt.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Il-proċedura formali ta' wara l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill tinvolvi konsultazzjoni mal-BĊE. Qed isiru diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-isfidi ta' politika ekonomika fl-Istati Membri taħt temi differenti fuq bażi regolari fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-ECOFIN/Eurogroup. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet rilevanti b'mod speċifiku għat-tħejjija ta' dħul eventwali fiż-żona tal-euro (inklużi politiki ta' rata ta' kambju). Iseħħ djalogu mal-akkademiċi u gruppi oħra interessati fil-kuntest ta' konferenzi/seminars u fuq bażi ad hoc.

Issir valutazzjoni tal-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u l-Istati Membri fil-qafas tal-ħafna proċeduri ta' koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika ekonomika (notevolment skont l-Artikolu 121 tat-Trattat), kif ukoll fil-kuntest tal-monitoraġġ u l-analiżi regolari tal-Kummissjoni ta' żviluppi speċifiċi għall-pajjiż u maż-żona tal-euro kollha (inklużi tbassir, sensiela ta' pubblikazzjonijiet regolari, kontribut fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-ECOFIN/Eurogroup). B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità u bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li ma tiġix żviluppata valutazzjoni formali tal-impatt.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta preżenti hija l-Artikolu 140(3) tat-Trattat, li jippermetti li jiġu adottati l-miżuri l-oħra meħtieġa għall-introduzzjoni tal-euro fl-Istat Membru li d-deroga tiegħu tkun tħassret skont Artikolu 140(2) tat-Trattat.

Il-Kunsill għandu jaġġixxi bl-unanimità tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom u tal-Istat Membru kkonċernat fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-BĊE.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

3.3.        L-għażla tal-istrument legali

Ir-Regolament huwa l-uniku strument legali xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           KUMMENTARJU DWAR ARTIKOLI INDIVIDWALI

5.1.        Artikolu 1

Skont l-Artikolu 1 lit. (a) u l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 974/98, it-tabella fl-Anness ta' dak ir-Regolament telenka l-Istati Membri li qed jipparteċipaw u tiddefinixxi d-data tal-adozzjoni tal-euro, id-data ta’ bidla fil-flus kontanti, u l-perjodu "ta' tneħħija gradwali", jekk ikun applikabbli, għal dawn l-Istati Membri kollha. Skont l-Artikolu 1 lit. (i) tar-Regolament (KE) Nru 974/98 il-perjodu ta’ “tneħħija gradwali” jista’ japplika biss fl-Istati Membri fejn id-data tal-adozzjoni tal-euro u l-bidla fil-flus kontanti jseħħu fl-istess jum. Dan ma kienx il-każ fil-ħdax-il Stat Membru li adottaw l-euro fl-1 ta' Jannar 1999, u lanqas f'dak tal-Greċja li adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. L-adozzjoni tal-euro u l-bidla tal-flus kontanti fis-Slovenja, Ċipru, Malta, is-Slovakkja u l-Estonja kienu fl-istess data (l-1 ta' Jannar 2007 għas-Slovenja, l-1 ta’ Jannar 2008 għal Ċipru u Malta u l-1 ta' Jannar 2009 għas-Slovakkja, l-1 ta' Jannar 2011 għall-Estonja), iżda dawn il-pajjiżi għażlu li ma jkollhomx perjodu ta’ “tneħħija gradwali”. Il-Pjan Nazzjonali tal-Latvja għall-Bidla lejn l-Euro jistabbilixxi l-istess data għall-adozzjoni tal-euro u għall-bidla fil-flus kontanti (l-1 ta' Jannar 2014), filwaqt li l-pajjiż għażel li ma jkollux perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Dan l-Artikolu jżid lil-Latvja u d-dejta rilevanti li ġejja għal dan l-Istat Membru fit-tabella tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 fl-ordni tal-protokoll.

Stat Membru || Data għall-adozzjoni tal-euro || Data tal-bidla tal-flus kontanti || Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali”

"Il-Latvja || L-1 ta' Jannar 2014 || L-1 ta' Jannar 2014 || Le"

5.2.        Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-1 ta’ Jannar 2014 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, filwaqt li jiżgura li se jkun applikabbli f’konformità maż-żmien tal-atti l-oħra tal-Kunsill li għandhom x’jaqsmu mal-adozzjoni tal-euro mil-Latvja, jiġifieri d-data tat-tħassir tad-deroga u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata ta’ kambju tal-lats Latvjan.

2013/0176 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 140(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[4],

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro[5] jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-euro bil-muniti tal-Istati Membri li ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)       Skont l-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, il-Latvja hija Stat Membru b’deroga kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-Trattat).

(3)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/.../KE ta' ... ... 2013 dwar l-adozzjoni mil-Latvja tal-euro fl-1 ta' Jannar 2014[6], il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga favur il-Latvja titneħħa b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

(4)       L-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja teħtieġ l-estensjoni għal-Latvja tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni tal-euro stipulati fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(5)       Il-Pjan Nazzjonali tal-Latvja għall-Bidla lejn l-Euro jispeċifika li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro għandhom isiru valuta legali f'dak l-Istat Membru fil-ġurnata tal-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data tal-introduzzjoni tal-euro u d-data ta' bidla fil-munita għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2014. Ma għandu japplika l-ebda perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

(6)       Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-annotazzjonijiet għal Ċipru u l-Lussemburgu.

Stat Membru || Data għall-adozzjoni tal-euro || Data tal-bidla tal-flus kontanti || Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali”

- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -

"Il-Latvja || L-1 ta' Jannar 2014 || L-1 ta' Jannar 2014 || Le"

[1]               ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006 tas-7 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2).

[2]               Cf. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000 tas-27 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 300, 29.11.2000, p, 2).

[3]               ĠU C […], […], p. […].

[4]               ĠU C […], […], p. […]

[5]               ĠU C […], […], p. […]

[6]               ĠU L […], […], p. […]

Top