EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0161

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar il-marka kummerċjali Komunitarja

/* COM/2013/0161 final - 2013/0088 (COD) */

52013PC0161

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar il-marka kummerċjali Komunitarja /* COM/2013/0161 final - 2013/0088 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kuntest ġenerali u motivi għall-proposta

Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-marki kummerċjali kienu parzjalment armonizzati mid-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, ikkodifikata bħala d-Direttiva 2008/95/KE (minn hawn’ il quddiem imsejħa “id-Direttiva”). Flimkien ma', u marbuta ma’ sistemi nazzjonali ta’ marki kummerċjali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark (marka kummerċjali) Komunitarja, ikkodifikat bħala r-Regolament (KE) Nru 207/2009 (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”), stabbilixxa sistema li topera waħedha għar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet unitarji li għandhom effett indaqs madwar l-UE. F’dak il-kuntest l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) twaqqaf biex ikun responsabbli għar-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tal-marki kummerċjali Komunitarji.

Marka kummerċjali sservi biex tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ kumpanija. Hija l-marka li permezz tagħha negozju jista’ jattira u jżomm il-lealtà tal-klijent, u joħloq valur u tkabbir. F’dan il-każ, il-marka taħdem bħala mutur tal-innovazzjoni: il-ħtieġa li tinżamm rilevanti tippromwovi l-investimenti fl-R & D (riċerka u żvilupp), li jwassal għal proċess kontinwu ta’ titjib u l-iżvilupp tal-prodott. Dan il-proċess dinamiku għandu wkoll impatt favorevoli fuq l-impjiegi. F’ambjent dejjem aktar kompetittiv, kien hawn s’issa żieda kostanti mhux biss fl-irwol kruċjali tal-marki kummerċjali għas-suċċess fis-suq, iżda wkoll fil-valur kummerċjali u n-numru tagħhom. Fl-2012, għadd rekord ta’ applikazzjonijiet għal marka kummerċjali tal-Komunità kienu reġistrati (‘il fuq minn 107 900, kontra 98 217 fl-2010 u 49 503 għaxar snin qabel). L-UASI rċieva wkoll il-miljun applikazzjoni tiegħu minn mindu beda jopera fl-1996 matul l-2011. Dan l-iżvilupp kien akkumpanjat minn aspettattivi akbar min-naħa tal-partijiet interessati għal sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali iżjed armonizzat u ta’ kwalità għolja, li huma aktar konsistenti, aċċessibbli pubblikament u aġġornati mil-lat teknoloġiku.

Fl-2007, meta indirizza l-kwistjoni tal-perspettivi finanzjarji ta’ UASI, il-Kunsill[1] enfasizza li t-twaqqif ta’ UASI kien ta’ suċċess kbir u li kien ikkontribwixxa sostanzjalment biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. Huwa fakkar li s-sistema tal-marki kummerċjali tal-Komunità kienet imfassla biex teżisti flimkien ma’ sistemi nazzjonali tal-marki kummerċjali li komplew ikunu meħtieġa għal dawk l-impriżi li ma riedux il-marki kummerċjali tagħhom protetti fil-livell tal-UE. Il-Kunsill innota wkoll l-importanza tal-ħidma kumplementari tal-uffiċċji nazzjonali tal-marki kummerċjali, u talab lill-UASI sabiex jespandi l-kooperazzjoni tiegħu magħhom fl-interess tal-funzjonament ġenerali tas-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja. Fl-aħħar nett, irrikonoxxa li kienu għaddew aktar minn għaxar snin minn mindu nħolqot il-marka kummerċjali Komunitarja, u enfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni ġenerali tal-funzjonament tas-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex tibda l-ħidma fuq studju korrespondenti, b’mod partikolari, bil-ħsieb li jsiru l-intensifikazzjoni u t-twessigħ tal-istrumenti eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali tal-marki kummerċjali.

Fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tagħha tal-2008[2] il-Kummissjoni wiegħdet li tagħmel is-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja aktar aċċessibbli għall-SMEs. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali[3] enfasizzat l-impenn tal-Kummissjoni għall-protezzjoni effettiva u effiċjenti tal-marka kummerċjali u għal sistema ta’ marka kummerċjali ta’ kwalità għolja. Hija kkonkludiet li kien wasal iż-żmien għal valutazzjoni kumplessiva li tista’ tifforma l-bażi għal reviżjoni futura tas-sistema tal-marki kummerċjali fl-Ewropa u għal aktar titjib tal-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali. Fl-2010, fil-Komunikazzjoni dwar l-Ewropa 2020, fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex timmodernizza l-qafas ta’ marki kummerċjali sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet qafas għan-negozji biex jinnovaw[4]. Fl-aħħarnett, fl-istrateġija tagħha IPR tal-2011 għall-Ewropa[5], il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni tas-sistema għall-marki kummerċjali fl-Ewropa bil-ħsieb li tiġi modernizzata s-sistema, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, billi tagħmilha aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti b’mod ġenerali.

1.2.        Għan tal-proposta

Ikkunsidrati flimkien bħala pakkett, l-għan komuni ewlenin ta’ din l-inizjattiva u tal-proposta parallela għal riformulazzjoni tad-Direttiva huwa li trawwem l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku billi tagħmel is-sistemi ta’ reġistrazzjoni ta’ marki kummerċjali madwar l-UE kollha iktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji f’termini ta’ inqas spejjeż u kumplessità, veloċità ikbar, iktar ċertezza u sigurtà legali. Dawn l-aġġustamenti jingħaqdu mal-isforzi biex tiġi żgurata l-koeżistenza u l-kumplimentarjetà bejn l-Unjoni u sistemi nazzjonali tal-marki kummerjali.

Fir-rigward ta' din l-inizjattiva biex tirrevedi r-Regolament, il-Kummissjoni mhux qed tipproponi sistema ġdida, iżda l-immodernizzar immirat tajjeb ta’ dispożizzjonijiet eżistenti, b’dawn l-għanijiet ewlenin:

· L-adattament tat-terminoloġija għat-Trattat ta’ Lisbona u dispożizzjonijiet għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati (ara t-taqsima 5.1);

· Simplifikazzjoni ta’ proċedura ta’ applikazzjoni għal u reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea (ara taqsima 5.2);

· Iż-żieda fiċ-ċertezza legali billi jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet u jitneħħew l-ambigwitajiet (ara t-taqsima 5.3);

· It-twaqqif ta’ qafas adattat għal kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali għall-promozzjoni tal-konverġenza ta’ prattiki u l-iżvilupp ta’ għodod komuni (ara t-taqsima 5.4);

· L-allinjament tal-qafas mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ara t-taqsima 5.5).

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni pubblika

Din l-inizjattiva hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-mod kif taħdem is-sistema tal-marki kummerċjali fl-Ewropa kollha kemm hi u ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati ewlenin kollha involuti.

Il-komponent ewlieni tal-evalwazzjoni kien studju li sar mill-Istitut Max Planck għall-Proprjetà Intellettwali u l-Liġi tal-Kompetizzjoni f’isem il-Kummissjoni. Il-valutazzjoni twettqet bejn Novembru tal-2009 u Frar tal-2011[6]. Minbarra analiżi esperta, l-istudju involva konsultazzjonijiet ma’ diversi partijiet interessati. Din kienet tinkludi stħarriġ fost l-utenti tas-sistema Komunitarja tal-marki kummerċjali, kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-utenti tal-marki kummerċjali fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali u seduta f’Ġunju 2010 li tinvolvi lil dawn l-organizzazzjonijiet. Fl-aħħarnett, l-Istitut ikkonsulta l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istati Membri kollha u l-UASI.

Ir-Rapport Finali kkonkluda li l-fatti bażiċi tas-sistema tal-marka kummerċjali Ewropea huma solidi. B’mod partikolari, il-proċeduri segwiti minn UASI ġeneralment issodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tan-negozji. Kien hemm konsensus ulterjuri li l-koeżistenza ta’ drittijiet tal-marki kummerċjali Komunitarji u nazzjonali hija fundamentali u meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti ta’ sistema tal-marki kummerċjali li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kumpaniji ta’ daqsijiet, swieq u bżonnijiet ġeografiċi differenti. Ir-Rapport madankollu sab li konverġenza ulterjuri ta’ liġijiet dwar il-marki kummerċjali u prattiki fl-UE kienet meħtieġa. Huwa kkonferma li ħafna aspetti tas-sistema attwali tal-marki kummerċjali tal-Komunità kienu qed jaħdmu tajjeb, u għamel numru kbir ta’ proposti għal titjib. Huwa identifika oqsma speċifiċi li fihom l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom.

Fi tweġiba għar-riżultati interim tal-istudju, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet fil-25 ta’ Mejju 2010[7]. Dawn approvaw il-ftehim li ntlaħaq f’Settembru 2008 fi ħdan il-korpi governattivi tal-UASI (il-Bord ta’ Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit) fuq sett ta’ miżuri baġitarji maħsuba biex jibbilanċaw aħjar il-baġit tal-UASI fil-ġejjieni. Il-Kunsill qabel li dawn il-miżuri baġitarji kkontribwixxew ukoll lejn l-immodernizzar, is-simplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sistema għall-marki kummerċjali fl-Ewropa kollha kemm hi. Hu stieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fir-reviżjoni l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika biex tiddefinixxi l-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali. Din għandha tagħmel espliċitu li l-uffiċċji kollha tal-marki kummerċjali tal-UE għandhom ifittxu l-armonizzazzjoni tal-prattiki u li l-UASI għandu jiffaċilita l-isforzi tagħhom għal dan il-għan. Huwa sejjaħ ukoll għall-ħolqien ta’ bażi legali għad-distribuzzjoni ta’ ammont ekwivalenti għal 50% tal-miżati ta' tiġdid tal-UASI lill-Uffiċċji Nazzjonali biex jintużaw għall-protezzjoni, il-promozzjoni u/jew l-infurzar tal-marki kummerċjali.

Bħala segwitu għall-istudju, is-servizzi tal-Kummissjoni sejħu seduta ta’ assoċjazzjonijiet tal-utenti fis-26 ta’ Mejju 2011. Ir-riżultati ffurmaw u kkonfermaw l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni.

2.2.        Il-Valutazzjoni tal-Impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat problema waħda ewlenija li r-Regolament rivedut jeħtieġ jindirizza: il-livell baxx ta’ kooperazzjoni fost l-uffiċċji tal-marki kummerċjali fl-Ewropa. Kif spjegat fil-valutazzjoni tal-impatt, hemm bosta rabtiet bejn ir-reġimi tal-marka kummerċjali tal-Komunità u l-marki nazzjonali, b’konsegwenzi diretti kemm fuq l-utenti tal-marki kummerċjali kif ukoll fuq l-uffiċċji tal-proprjetà intelletwali. Dawn jeħtieġu ċertu livell ta’ komplementarjetà bejn iż-żewġ sistemi. Sabiex din tintlaħaq u tkun żgurata, l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib.

Kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn l-uffiċċji tal-marki kummerċjali fl-Ewropa bħalissa hija mfixkla serjament minħabba għadd ta’ ostakli:

· In-nuqqas ta’ bażi legali ċara għall-kooperazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-marka kummerċjali tal-UE

· Nuqqas ta’ faċilitajiet tekniċi fl-Uffiċċji Nazzjonali

· Nuqqas ta’ finanzjament sostenibbli fuq medda medja sa medda twila ta’ żmien.

L-alternattivi li ġejjin ġew ikkunsidrati biex jissolvew dawn il-problemi u biex jintlaħqu tliet għanijiet korrispondenti.

1.           Il-provvediment ta’ bażi legali adegwata għal kooperazzjoni:

(a) Għażla 1: L-ebda bażi legali speċifika għall-kooperazzjoni bejn uffiċċji tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa;

(b) Għażla 2: Bażi legali li tippermetti lill-Uffiċċji Nazzjonali u l-UASI jikkooperaw ma’ xulxin (kooperazzjoni fakultattiva);

(c) Għażla 3: Bażi legali li tobbliga lill-Uffiċċji Nazzjonali u l-UASI jikkooperaw ma’ xulxin (kooperazzjoni obbligatorja).

2.           Il-bini ta’ kapaċitajiet tekniċi fl-Uffiċċji Nazzjonali:

(d) Għażla 1: Kull uffiċċju għandu jakkwista u jiżviluppa l-faċilitajiet u għodod meħtieġa;

(e) Għażla 2: Aċċess fakultattiv għal għodod: il-faċilitajiet u l-għodod meħtieġa aċċessibbli għall-uffiċċji tal-PI fi ħdan qafas ta’ kooperazzjoni volontarja;

(f) Għażla 3: Aċċess mandatorju għal għodod: il-faċilitajiet meħtieġa aċċessibbli permezz ta’ qafas ta’ kooperazzjoni obbligatorja. Din l-għażla tirkeb fuq l-għażla 3 hawn fuq dwar bażi legali adegwata u l-għażla 3 hawn taħt dwar finanzjament fit-tul ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

3.           L-iżgurar ta’ finanzjament fit-tul għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni:

(g) Għażla 1: Finanzjament minn Stati Membri;

(h) Għażla 2: Finanzjament mill-baġit tal-UE;

(i) Għażla 3: Finanzjament mill-baġit tal-UASI.

Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-għażla 3 fil-każijiet kollha tkun proporzjonata u l-iktar adattata biex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira.

3.           BAŻI LEGALI U SUSSIDJARJETÀ

Fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-Artikolu 118(1) tat-TFUE jipprovdi għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali li jipprovdu protezzjoni uniformi għal dawn id-drittijiet madwar l-UE, inkluż l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni.

Il-marka kummerċjali Komunitarja hija titolu tal-proprjetà intellettwali awtonomu tal-UE maħluqa permezz ta’ Regolament tal-UE. L-analiżi mwettqa bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt uriet li partijiet mir-Regolament jeħtieġu li jinbidlu biex tittejjeb u tiġi ssimplifikata s-sistema tal-marki kummerċjali tal-Komunità. Biss il-leġiżlatur tal-UE għandu l-kompetenza li jagħmel dawn l-emendi meħtieġa.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għalhekk mhijiex akkumpanjata minn dikjarazzjoni finanzjarja meħtieġa taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).

5.           SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA

L-emendi proposti għar-Regolament huma ppreżentati skont l-objettivi stabbiliti fit-taqsima 1.2 hawn fuq.

5.1.        L-adattament tat-terminoloġija u l-approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, it-terminoloġija tar-Regolament hija aġġornata. Din tfisser li “marka kummerċjali Komunitarja” tinbidel għal “marka kummerċjali Ewropea”.

Hemm firxa ta’ miżuri biex jittejbu l-governanza u l-effiċjenza ta’ aġenziji eżistenti u l-aġenziji li għad iridu jiġu stabbiliti fl-approċċ komuni dwar l-aġenziji ddeċentralizzati, miftiehma mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Lulju 2012. Ir-Regolament jeħtieġ li jiġi adattat biex iqis l-approċċ komuni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-UASI. Rigward l-isem tal-aġenzija, huwa propost li din tingħata l-isem ġdid ta' “European Union Trade Marks and Designs Agency” (L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Marki Kummerċjali u d-Disinji) (minn hawn’ il quddiem “l-Aġenzija”), li ssaħħaħ il-funzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, li jiġu allinjati l-proċeduri tal-għażla għal uffiċjali għolja u li jsir provvediment għal programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali u evalwazzjonijiet fuq bażi regolari.

5.2.        Proċeduri ta’ simplifikazzjoni

- Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet (Artikolu 25)

L-Uffiċċji Nazzjonali kważi qatt ma għadhom jirċievu applikazzjonijiet għal marki kummerċjali Ewropej. Kważi l-applikazzjonijiet kollha (is-96,3 % fl-2012) issa huma direttament ippreżentati permezz tas-sistema tal-e-filing tal-UASI. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, minħabba li l-applikazzjonijiet issa jistgħu faċilment jiġu ffajljati onlajn, l-għażla għall-preżentazzjoni ta’ dawn fil-livell tal-Uffiċċju Nazzjonali għandha tkun abolita.

- Data tal-preżentazzjoni (Artikolu 27)

Il-maġġoranza ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Ewropea huma llum il-ġurnata eżaminati qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ xahar qabel l-applikanti jkollhom iħallsu l-miżata tal-applikazzjoni. Dan jippermetti lill-applikanti jippreżentaw “test ta’ applikazzjonijiet" u ma jħallsux il-miżata jekk jinstab nuqqas jew titqajjem oġġezzjoni mill-Aġenzija. Il-pagamenti permezz ta’ kontijiet kurrenti huma meqjusa li jkunu saru fl-aħħar jum tax-xahar, jekk l-applikanti jixtiequ hekk. L-Artikolu 27 huwa għalhekk emendat biex ineħħi l-perjodu ta’ xahar u biex jorbot “l-obbligu” tal-ħlas mal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, sabiex l-applikanti jkollhom jipprovdu evidenza li huma sottomettew jew awtorizzaw il-ħlas tagħhom meta dawn ippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom.

- Tiftix (Artikoli 38 u 155)

Ir-reġimi preżenti fuq it-tiftix la jipprovdu għodda affidabbli ta’ approvazzjoni tal-marka kummerċjali, u lanqas monitoraġġ kompletament komprensiv tar-Reġistru. Id-dgħufijiet ta’ tiftix nazzjonali u tal-UE saru iktar gravi maż-żmien, filwaqt li l-avvanzi fl-IT llum il-ġurnata jfissru li l-utenti jistgħu jkollhom aċċess għal alternattivi aħjar, aktar rapidi u irħas. L-applikanti issa għandhom tassew ftit interess li jiksbu r-riżultati ta’ tiftix nazzjonali minn Uffiċċji Nazzjonali li qed jieħdu sehem fis-sistema fakultattiva. L-Aġenzija qiegħda fil-proċess li tiżviluppa, flimkien mal-Uffiċċji Nazzjonali, għadd ta’ għodod promettenti li joffru mezzi bil-wisq aħjar ta’ tiftix ta’ prijorità u monitoraġġ tar-reġistru għal ksur. Ir-reġimi ta’ tiftix attwali għalhekk huma aboliti.

- Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni (Artikolu 39)

L-abolizzjoni tas-sistema ta’ tiftix se tagħmilha wkoll possibbli li jitneħħa l-perjodu ta’ xahar attwali bejn in-notifika tal-Aġenzija lill-applikant dwar rapporti ta’ riċerka u l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni. Dan se jħaffef il-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

- Kummenti minn partijiet terzi (Artikolu 40)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-tressiq ta’ osservazzjonijiet minn partijiet terzi, l-Artikolu 40 huwa emendat billi jiġi estiż il-perjodu li matulu l-kummenti jistgħu jiġu rreġistrati. Ir-referenza għad-data tal-pubblikazzjoni għandha tiġi mħassra, filwaqt li jittieħed kont li l-applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Ewropea diġà huma disponibbli għall-pubbliku fil-bażi ta’ dejta tal-marki kummerċjali tal-Aġenzija “CTM online” fi żmien ftit jiem mir-reġistrazzjoni. Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċedimenti, partijiet terzi se jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet hekk kif isiru konxji ta’ applikazzjoni. L-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-kummenti se tkun fit-tmiem tal-perjodu ta’ oppożizzjoni jew ladarba l-proċedimenti tal-oppożizzjoni jkunu kkonkludew, skont il-prattika attwali tal-Aġenzija.

- Reviżjoni tad-deċiżjonijiet inter partes (Artikolu 62)

Artikolu 62 irriżulta li ma kien tal-ebda relevanza prattika. Lanqas Deċiżjoni inter partes waħda ma ġiet riveduta taħt din il-miżura s’issa. Ir-raġuni ewlenija hija li l-parti l-oħra ma għandha l-ebda interess fl-għoti tal-approvazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 62(2). Minħabba li hemm biżżejjed rimedji għall-korrezzjoni ta’ deċiżjoni inter partes żbaljata, l-Artikolu 62 huwa mħassar.

- Kontinwazzjoni tal-proċedimenti (Artikolu 82)

L-applikazzjoni tal-Artikolu 82 wassal għal xi problemi fil-prattika u ta lok għal komunikazzjoni tal-President tal-Aġenzija, Nru 06/05[8]. L-Artikolu 82 huwa emendat biex jissimplifika l-applikazzjoni tiegħu u biex jinkorpora l-kontenut ta’ dik il-Komunikazzjoni. Billi kemm l-Artikolu 25(3) kif ukoll l-Artikolu 62 huma mħassra, kull referenza għalihom hija wkoll imħassra mil-lista ta’ limiti ta’ żmien esklużi. Ir-referenza għall-Artikoli 42 hija wkoll imħassra biex tippermetti l-limiti kollha ta’ żmien fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni jkomplu, bl-eċċezzjoni tal-perjodu ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 41(1) u l-perjodu għall-ħlas tal-miżata ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 41(3).

- Il-perjodu ta’ oppożizzjoni għal Reġistrazzjonijiet Internazzjonali (Artikolu 156)

Minħabba li ma hemm l-ebda ħtieġa li jinżamm il-perjodu ta’ sitt xhur li għalih hemm dispożizzjoni attwaliment, l-Artikolu 156 huwa emendat biex jitqassar iż-żmien bejn il-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 152(1) u l-bidu tal-perjodu ta’ oppożizzjoni għal reġistrazzjonijiet internazzjonali għal xahar.

5.3.        Żieda fiċ-ċertezza legali

- Definizzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea (Artikolu 4)

L-Artikolu 4 huwa emendat biex ineħħi r-rekwiżit ta’ “kapaċità għar-rappreżentazzjoni grafika”. Il-prerekwiżit li għandu jkun possibbli li tipproduċi rappreżentazzjoni grafika tal-marka li għaliha tkun saret applikazzjoni hija skaduta. Hija toħloq ħafna inċertezza legali fir-rigward ta’ ċerti marki mhux tradizzjonali, bħal sempliċi ħsejjes. Fil-każijiet tal-aħħar, rappreżentanza għajr minn mezzi grafiċi (eż. permezz ta’ fajl tal-ħoss) tista’ anki tkun preferibbli minn rappreżentanza grafika, jekk tippermetti identifikazzjoni iktar preċiża tal-marka u b’hekk isservi l-għan ta’ titjib taċ-ċertezza legali. Id-definizzjoni l-ġdida proposta tħalli lok għal reġistrazzjoni ta' materjal li jista’ jiġi rrappreżentat b’mezzi teknoloġiċi li joffru garanziji sodisfaċenti. L-idea hi li ma jkunx hemm estensjoni bla limiti tal-modi ammissibbli biex jiġi rrappreżentat sinjal iżda li jkun hemm lok għal iktar flessibilità f’dak ir-rigward filwaqt li tiġi żgurata iktar ċertezza legali.

- Il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali (Artikolu 7)

L-Artikolu 7(1)(j) u (k) ma joffrix l-istess grad ta’ protezzjoni għal indikazzjonijiet ġeografiċi kif provdut f’dan li ġej:

· L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel[9];

· L-Artikoli 118l u 118m tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 491/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009[10];

· L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż[11].

Sabiex ikun żgurat li l-liġi tal-UE li tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi tingħata effett sħiħ fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali Ewropej, ir-raġunijiet assoluti rilevanti għal rifjut huma kompletament allinjati mal-liġi tal-UE dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u simplifikati fir-Regolament. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ koerenza, raġunijiet għal rifjut huma estiżi biex ikopru termini tradizzjonali protetti għall-inbid u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti.

- Id-drittijiet mogħtija minn marka kummerċjali Ewropea (Artikoli 9 u 9a)

1.         Drittijiet mogħtija mingħajr preġudizzju għal drittijiet ta’ qabel

La r-Regolament u lanqas id-Direttiva ma fihom regola ċara li tgħid li l-proprjetarju ta’ marka kummerċjali ma jistax jinvoka b’suċċess id-drittijiet tiegħu kontra l-użu tal-istess sinjal jew wieħed simili li huwa diġà s-suġġett ta’ dritt preċedenti. F’konformità mal-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS[12], l-Artikolu 9 tar-Regolament huwa emendat biex jikkjarifika li pretensjonijiet ta’ ksur huma mingħajr preġudizzju għal drittijiet preċedenti.

2.         Każijiet ta’ identità doppja

Ir-rikonoxximent ta’ funzjonijiet addizzjonali ta’ marka kummerċjali skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva (l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament) ħoloq inċertezza legali. B’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn każijiet ta’ identità doppja u l-protezzjoni estiża mogħtija bl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament) lil marki kummerċjali li għandhom reputazzjoni saret sfukata[13]. Fl-interess taċ-ċertezza u l-konsistenza legali, ġie ċċarat li f’każijiet kemm ta’ identità doppja skont l-Artikolu 9(1)(a) u similarità skont l-Artikolu 9(1)(b) hija biss il-funzjoni tal-oriġini li hija relevanti.

3.         Użu bħala isem kummerċjali jew isem il-kumpanija

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja[14], l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva huwa applikabbli fejn il-pubbliku jikkunsidra l-użu ta’ isem ta’ kumpanija li jirrigwarda (wkoll) l-oġġetti jew is-servizzi offruti mill-kumpanija. Għalhekk huwa adatt li l-użu tal-isem kummerċjali ta’ marka kummerċjali protetta jiġi ttrattat bħala att ta’ ksur, jekk il-ħtiġiet ta’ użu għal oġġetti jew servizzi huma sodisfatti.

4.         Użu f’reklamar komparattiv

Id-Direttiva 2006/114/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[15] tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom reklamar, li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur, huwa permissibbli. Ir-relazzjoni ta’ dan l-istrument mal-leġiżlazzjoni dwar il-marki kummerċjali tat lok għal dubji. Huwa għalhekk xieraq li jiġi ċċarat li l-proprjetarju tal-marka kummerċjali jista’ jipprevjeni l-użu tal-marka kummerċjali tiegħu f’reklamar komparattiv fejn tali reklamar komparattiv ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/114/KE.

5.         Kunsinni minn fornituri kummerċjali

Huma proposti emendi biex jiġi ċċarat li oġġetti ma jistgħux ikunu importati lejn l-UE anke jekk biss il-konsenjatur qed jaġixxi għal skopijiet kummerċjali. Dan sabiex ikun żgurat li l-proprjetarju tal-marka kummerċjali jkollu d-dritt li jipprevjeni li n-negozji (kemm jekk jinsabu fl-UE kif ukoll jekk le) jimportaw oġġetti li jinsabu barra l-UE li jkunu nbiegħu, ġew offruti, reklamati jew mibgħuta lil konsumaturi privati, u biex jiġi skoraġġit l-ordnar u l-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet.

6.         Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Philips/Nokia[16], id-dħul, il-preżenza u l-moviment ta’ oġġetti li mhumiex mill-UE fit-territorju doganali tal-UE taħt proċedura sospensiva, skont l-acquis eżistenti, ma jiksrux id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħal dawk mogħtija minn liġi sostantiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Oġġetti bħal dawn jistgħu biss jiġu klassifikati bħala ffalsifikati ladarba jkun hemm prova li huma suġġetti ta’ att kummerċjali indirizzat lill-konsumaturi tal-UE, bħal bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew ir-reklamar. L-implikazzjonijiet tas-sentenza Philips/Nokia ltaqgħu ma' kritika qawwija mill-partijiet interessati li jqiegħdu oneru tal-prova eżaġeratamet għoli fuq id-detenturi tad-drittijiet, u li jfixklu l-ġlieda kontra l-iffalsifikar. Huwa evidenti li hemm bżonn urġenti li jkun hemm fis-seħħ qafas legali Ewropew li jippermetti ġlieda iktar effettiva kontra l-iffalsifikar ta’ merkanzija bħala attività li qed tikber b’rata mgħaġġla. Huwa għalhekk propost li jimtela l-vojt li jeżisti billi jiġu intitolati d-detenturi tad-drittijiet biex jipprevjeni lil partijiet terzi milli jġibu merkanzija, minn pajjiżi terzi, li jkollhom marka kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni li tkun essenzjalment identika għal marka kummerċjali rreġistrata fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, fit-territorju doganali tal-Unjoni, independentement minn jekk dawn jiġux rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera.

7.         Atti preparatorji

La r-Regolament u lanqas id-Direttiva ma fihom xi dispożizzjonijiet li jippermettu proċeduri kontra d-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ tikketti u l-ippakkjar jew oġġetti simili li jistgħu sussegwentement jiġu kkombinati ma’ prodotti illeċiti. Xi liġijiet nazzjonali għandhom regoli espliċiti li jkopru din l-attività. L-inklużjoni ta’ regola dwar dan fir-Regolament u d-Direttiva hija xierqa biex jiġi pprovdut kontribut prattiku, relevanti u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar.

- Il-limitazzjoni tal-effetti ta’ marka kummerċjali Ewropea (Artikolu 12)

Il-limitazzjoni fl-Artikolu 12(1)(a) hija ristretta biex tkopri l-użu ta’ ismijiet personali biss skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni[17]. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-limitazzjoni fl-Artikolu 12(1)(b) hija estiża biex tkopri l-użu ta’ sinjali jew indikazzjonijiet mhux distintivi. Huwa wkoll meqjus xieraq, li jsir provvediment fl-Artikolu 12(1)(c) għal limitazzjoni espliċita li tkopri l-użu referenzjali b’mod ġenerali. Fl-aħħar nett, paragrafu separat jiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom l-użu ta’ marka kummerċjali ma titqiesx bħala konformi ma’ prattiki onesti tan-negozju.

- L-għażla u l-klassifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi (Artikolu 28)

L-Artikolu 28 huwa emendat sabiex jipprovdi regoli essenzjali li jirrigwardaw l-għażla u l-klassifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi fir-Regolament. Dawn ir-regoli huma introdotti fid-Direttiva. Dawn isegwu l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja[18] skont liema prodotti u servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni jeħtieġ li jiġu identifikati mill-applikant b’biżżejjed ċarezza u preċiżjoni li tippermetti lill-awtoritajiet rilevanti u n-negozji biex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni li tagħti l-marka kummerċjali. L-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestatura tal-Klassifikazzjoni Nice jistgħu jintużaw biex jidentifikaw oġġetti jew servizzi sakemm dawn l-identifikazzjonijiet ikunu ċari u preċiżi biżżejjed. Din l-emenda tiċċara li l-użu ta’ termini ġenerali għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi l-oġġetti jew is-servizzi kollha koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tat-terminu. Finalment, l-emenda tippermetti lill-proprjetarji ta’ marki kummerċjali Ewropej li kienu reġistrati qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-prattika ta’ klassifikazzjoni ġdida tal-Aġenzija[19] biex jadattaw l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom tal-oġġetti u s-servizzi b’mod konformi mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura li l-kontenut tar-reġistru jissodisfa l-istandards meħtieġa ta’ ċarezza u preċiżjoni.

- Il-marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej (Artikoli 74b - 74K)

Waqt li diversi sistemi nazzjonali joffru protezzjoni għal marki ta’ ċertifikazzjoni, is-sistema Ewropea tal-marki kummerċjali bħalissa tipprevedi biss ir-reġistrazzjoni ta’ marki kollettivi u individwali. Xi korpi pubbliċi u privati li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex ikunu eliġibbli biex jiksbu l-protezzjoni kollettiva tal-marka kummerċjali jeħtieġu wkoll sistema għall-protezzjoni ta’ marki ta’ ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE. Sistema bħal din għandha wkoll tirrimedja l-iżbilanċ attwali bejn is-sistemi nazzjonali u s-sistema Ewropea tal-marki kummerċjali. Huwa propost li jiżdied mar-Regolament sett speċifiku ta’ regoli li jkopru r-reġistrazzjoni ta’ marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej.

- Kompiti tal-Aġenzija (Artikolu 123b)

Biex jiżguraw kopertura komprensiva, ċertezza legali u trasparenza ikbar, il-kompiti kollha tal-Aġenzija huma ddefiniti fl-Artikolu 123b ġdid, inklużi dawk li jirriżultaw minn atti legali oħra u li ma għandhomx x’jaqsmu mas-sistema tal-marki kummerċjali tal-UE.

5.4.        Il-qafas għall-kooperazzjoni (Artikolu 123c)

L-Artikolu 123c jipprovdi qafas ċar għal kooperazzjoni mandatorja bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali tal-Istati Membri bil-għan li tinġieb ’il quddiem il-konverġenza ta’ prassi u l-iżvilupp ta’ għodod komuni. Dan jiddikjara li l-uffiċċji tal-Aġenzija u tal-Istati Membri huma obbligati li jikkooperaw, u jistipula l-oqsma ewlenin għall-kooperazzjoni u proġetti speċifiċi komuni ta’ interess għall-Unjoni li l-Aġenzija se tikkoordina. Huwa jkompli jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament li jagħti lill-Aġenzija l-possibbiltà li tiffinanzja dawk il-proġetti komuni permezz ta’ għotjiet. Din l-iskema ta’ finanzjament tirrappreżenta alternattiva legalment u finanzjarjament vijabbli għall-approċċ issuġġerit mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Mejju 2010.

5.5.        L-allinjament mal-Artikolu 290 tat-TFUE

Ir-Regolament jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta ċerti regoli. Dawk ir-regoli attwalment jiġu pprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar il-marka kummerċjali Komunitarja[20], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 dwar il-miżati pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern[21], u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996 li jistipula r-regoli ta’ proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern[22]. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona issa jagħmilha neċessarja li jiġu allinjati s-setgħat konferiti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament mal-Artikolu 290 tat-Trattat (Artikoli ġodda 24a, 35a, 45a, 49a, 57a, 65a, 74a, 74k, 93a, 114a, 144a u 161a).

2013/0088 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar il-marka kummerċjali Komunitarja

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja[23], fl-2009 kodifikat bħala r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja[24], ħoloq sistema ta’ protezzjoni ta’ trade marks speċifika għall-Unjoni Ewropea li provvdiet għall-protezzjoni tat-trade marks fil-livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod parallel għall-protezzjoni tat-trade marks disponibbli fil-livell tal-Istati Membri skont sistemi nazzjonali tat-trade marks armonizzati mid-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks[25], ikkodifikata bħala d-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks[26].

(2)       Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, it-terminoloġija tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jiġi aġġornat. Dan jimplika s-sostituzzjoni ta’ ‘trade mark Komunitarja” b’“marka kummerċjali Ewropea”. F’konformità mal-approċċ komuni dwar l-Aġenziji deċentralizzati, miftiehem f’Lulju 2012 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-isem “Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji)” għandu jiġi sostitwit bi “L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għal marki kummerċjali u disinji” (minn hawn’ il quddiem “l-Aġenzija”).

(3)       Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali[27], il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni komprensiva tal-funzjonament ġenerali tas-sistema għall-marki kummerċjali fl-Ewropa kollha kemm hi, li tkopri l-livelli tal-Unjoni u dawk nazzjonali u l-interrelazzjoni bejn dawn.

(4)       Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni futura tas-sistema tal-marki kummerċjali fl-Unjoni Ewropea[28], il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u d-Direttiva 2008/95/KE.

(5)       L-esperjenza akkwistata minn mindu twaqqfet is-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja wriet li l-impriżi minn ġewwa l-Unjoni u minn pajjiżi terzi aċċettaw is-sistema, li saret alternattiva ta' suċċess u vijabbli għall-protezzjoni tal-marki kummerċjali fil-livell tal-Istati Membri.

(6)       Il-marki kummerċjalii nazzjonali jibqgħu madankollu meħtieġa għal dawk l-impriżi li ma jkunux jixtiequ l-protezzjoni tal-marki kummerċjali tagħhom fil-livell tal-Unjoni jew li ma jkunux jistgħu jiksbu protezzjoni madwar l-Unjoni filwaqt li l-protezzjoni nazzjonali ma tiffaċċjax ostakli. Għandu jitħalla f’idejn id-deċiżjoni ta’ kull persuna li titlob il-protezzjoni tal-marka kummerċjali jekk tintalabx il-protezzjoni biss bħala marka nazzjonali fi Stat Membru wieħed jew iktar, jew biss bħala marka kummerċjali Ewropea, jew it-tnejn.

(7)       Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-funzjonament kumplessiv tas-sistema tal-marka kummerċjali Komunitarja kkonfermat li bosta aspetti ta’ dik is-sistema, inklużi l-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata, għaddew mill-eżami taż-żmien u jkomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi kummerċjali, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-Komunikazzjoni tagħha “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” tal-24 ta’ Mejju 2011[29] li hemm neċessità li tiġi modernizzata s-sistema tal-marki kummerċjali fl-Unjoni billi tagħmilha iktar effettiva, effiċjenti u konsistenti b’mod ġenerali u billi din tiġi adattata għall-era tal-internet.

(8)       B’mod parallel għat-titjib u l-emendi tas-sistema Komunitarja tal-marki kummerċjali, il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali tal-marki kummerċjali għandhom jiġu armonizzati iktar u jsiru konformi mas-sistema tal-marka kummerċjali tal-Unjoni safejn huwa xieraq sabiex jinħolqu kemm jista’ jkun kundizzjonijiet ugwali għar-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-marki kummerċjali fl-Unjoni kollha.

(9)       Sabiex tkun permessa iktar flessibilità filwaqt li tkun żgurata iktar ċertezza legali b’rabta mal-mezzi ta’ rappreżentazzjoni tal-marki kummerċjali, ir-rekwiżit tal-kapaċità għar-rappreżentazzjoni grafika għandu jitneħħa mid-definizzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea. Għandu jkun permess li sinjal ikun rappreżentat fi kwalunkwe format xieraq, u b’hekk mhux neċessarjament b’mezzi grafiċi, sakemm ir-rappreżentanza tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku biex jiddeterminaw bi preċiżjoni u ċarezza s-suġġett preċiż ta’ protezzjoni.

(10)     Id-dispożizzjonijiet attwali tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ma joffrux l-istess grad ta’ protezzjoni għal denominazzjonijiet tal-oriġini u għal indikazzjonijiet ġeografiċi bħal strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-raġunijiet assoluti għal rifjut li għandhom x’jaqsmu mad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi u li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tipprovdi għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ta’ dawk it-titoli. Għal raġunijiet ta’ koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, l-ambitu ta’ dawk ir-raġunijiet assoluti għandu jiġi estiż biex ikopri wkoll termini tradizzjonali protetti għall-inbid u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti.

(11)     Il-marki kummerċjali li għalihom issir applikazzjoni b’kitba jew f’lingwa mhux intelliġibbli fl-Unjoni ma għandhomx jistħoqqilhom protezzjoni jekk ir-reġistrazzjoni tagħhom tkun trid tiġi rifjutata għal raġunijiet assoluti meta tradotta jew traskritta fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istati Membri.

(12)     Huwa kunsiljabbli li l-approprjazzjoni diżonesta tal-marki kummerċjali issir iktar diffiċli permezz tal-estensjoni tal-possibbiltajiet li wieħed jopponi l-applikazzjonijiet ta’ marki kummerċjali Ewropea ppreżentati in mala fede.

(13)     Bil-għan li tinżamm protezzjoni qawwija tad-drittijiet f’denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fil-livell tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li dawk id-drittijiet jintitolaw li titressaq oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni iktar tard ta’ marka kummerċjali Ewropea, irrispettivament minn jekk hemmx ukoll raġunijiet għar-rifjut li għandhom jitqiesu ex officio mill-eżaminatur.

(14)     Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u konsistenza sħiħa mal-prinċipju ta’ prijorità, li taħtu marka kummerċjali reġistrata preċedentement tieħu preċedenza fuq marki kummerċjali rreġistrati iktar tard, huwa meħtieġ li jiġi stipulat li l-infurzar tad-drittijiet mogħtija minn marka kummerċjali Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji miksuba qabel id-data tal-applikazzjoni jew tal-prijorità tal-marka kummerċjali Ewropea. Dan huwa f’konformità mal-Artikolu 16(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali tal-15 ta’ April 1994[30].

(15)     Sabiex ikunu żgurati ċertezza u ċarezza legali, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li mhux biss f’każ ta’ similarità iżda anke fil-każ ta’ sinjal identiku li jintuża għal prodotti u servizzi identiċi, il-protezzjoni għandha tingħata lil marka kummerċjali Ewropea biss jekk u sal-punt li l-funzjoni prinċipali tal-marka kummerċjali Ewropea, li l-għan tagħha hu li tiggarantixxi l-oriġini kummerċjali tal-oġġetti jew servizzi, tkun affettwata b’mod negattiv.

(16)     Konfużjoni rigward is-sors kummerċjali li minnu l-oġġetti jew servizzi joħorġu tista’ sseħħ meta kumpanija tuża l-istess sinjal jew wieħed simili bħala marka kummerċjali b’mod li tiġi stabbilita rabta bejn il-kumpanija li jkollha l-isem u l-oġġetti jew is-servizzi li ġejjin minn dik il-kumpanija. Il-vjolazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea għandha għalhekk tinkludi wkoll l-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali jew denominazzjoni simili sakemm l-użu huwa intiż għall-iskop ta’ distinzjoni ta’ oġġetti jew servizzi fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tagħhom.

(17)     Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u konsistenza sħiħa ma’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu jkun intitolat li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża sinjal f’reklamar komparattiv fejn tali reklamar komparattiv huwa kuntrarju għad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[31].

(18)     Bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-marka kummerċjali u jiġu miġġielda b’mod iktar effettiv il-falsifikazzjoni, il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu jkunu intitolat li jimpedixxi lil partijiet terzi milli jġibu oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn oġġetti bħal dawn jiġu minn pajjiżi terzi u jkollhom marka kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni, li tkun essenzjalment identika għal marka kummerċjali Ewropea rreġistrata fir-rigward ta’ oġġetti bħal dawn.

(19)     Sabiex ikun hemm prevenzjoni iktar effettiva tad-dħul ta’ prodotti mhux konformi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ bejgħ fuq l-internet, il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti bħal dawn fl-Unjoni, fejn huwa biss dak li jikkonsenja l-oġġetti li jaġixxi għal skopijiet kummerċjali.

(20)     Sabiex il-proprjetarji ta’ marka kummerċjali Ewropea jkunu jistgħu jiġġieldu l-falsifikazzjoni b’mod iktar effettiv, għandhom ikunu intitolati li jipprojbixxu t-twaħħil ta’ marka mhux konformi fuq oġġetti u atti preparatorji qabel it-twaħħil.

(21)     Id-drittijiet esklużivi mogħtija minn marka kummerċjali Ewropea ma għandhomx jagħtu d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw b’mod ġust u skont prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal ismijiet kummerċjali u marki kummerċjali f’każ ta’ kunflitti fl-isfond li ismijiet kummerċjali huma regolarment mogħtija protezzjoni mhux ristretta kontra marki kummerċjali iktar tard, dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat li jinkludi l-użu tal-isem personali ta' dak li jkun biss. Għandu jinkludi wkoll l-użu ta’ sinjali deskrittivi jew nondeskrittivi jew indikazzjonijiet b’mod ġenerali. Barra minn hekk, il-proprjetarju ma għandux ikun intitolat li jipprevjeni l-użu ġenerali ġust u onest ta’ marka kummerċjali Ewropea li tintuża sabiex jiġu identifikati jew biex issir referenza għal oġġetti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju.

(22)     Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-marki kummerċjali miksuba b’mod leġittimu, huwa xieraq u neċessarju li jiġu stabbiliti, mingħajr ma jiġi affettwat il-prinċipju li l-marka kummerċjali sussegwenti ma tistax tiġi infurzata kontra l-marka kummerċjali preċedenti, li proprjetarji ta’ marka kummerċjali Ewropea ma għandhomx ikunu intitolati li jopponi l-użu ta’ marka kummerċjali sussegwenti meta l-marka kummerċjali sussegwenti ġiet akkwistata fi żmien meta l-marka kummerċjali preċedenti ma setgħetx tiġi infurzata kontra l-marka kummerċjali sussegwenti.

(23)     Għal raġunijiet ta’ ekwità u ċertezza legali l-użu ta’ marka kummerċjali Ewropea f’forma li hija differenti fl-elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata għandu jkun biżżejjed biex jippreserva d-drittijiet mogħtija irrispettivament minn jekk il-marka kummerċjali fil-forma kif użata hijiex ukoll irreġistrata.

(24)     Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta regoli li jimplimentaw dak ir-Regolament. B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 jiġu allinjati mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(25)     Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(26)     Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni effiċjenti ta’ atti legali li jikkonċernaw il-marka kummerċjali Ewropea bħala oġġett ta’ proprjetà u sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa tar-reġistru tal-marki kummerċjali Ewropew, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ta’ ċerti obbligi tal-applikant rigward marki kummerċjali speċifiċi, id-dettalji dwar il-proċeduri għad-dħul tat-trasferiment ta’ marki kummerċjali Ewropej, il-ħolqien u t-trasferiment ta’ dritt in rem, l-imposta ta’ eżekuzzjoni, l-involviment fi proċediment ta’ insolvenza u l-għoti jew it-trasferiment ta’ liċenzja fir-Reġistru u biex jiġu kkanċellati jew modifikati l-entrati rilevanti.

(27)     Fid-dawl tat-tnaqqis gradwali u n-numru insinifikanti ta’ applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Komunitarja ppreżentati f’uffiċċji tal-proprjetà intellettwali ċentrali tal-Istati Membri (“l-uffiċċji tal-Istati Membri”), għandha tiġi permessa biss l-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea fl-Aġenzija.

(28)     Il-protezzjoni tal-marka kummerċjali Ewropea tingħata fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi speċifiċi li n-natura u n-numru tagħhom jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-proprjetarju tal-marka kummerċjali. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli għall-għażla u l-klassifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi fir-Regolament (KE) Nru 207/2009 u tiġi żgurata ċertezza legali u amministrazzjoni tajba billi jkun meħtieġ li l-oġġetti u s-servizzi li għalihom qed tintalab il-protezzjoni tal-marki kummerċjali huma identifikati mill-applikant b’biżżejjed ċarezza u preċiżjoni li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi, fuq il-bażi tal-applikazzjoni biss, biex jiddeterminaw il-grad ta’ protezzjoni li għaliha tkun saret l-applikazzjoni. L-użu ta’ termini ġenerali għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi biss l-oġġetti u s-servizzi kollha koperti bit-tifsira litterali tat-terminu. Proprjetarji ta’ marki kummerċjali Ewropej, li minħabba l-prattika preċedenti tal-Aġenzija huma rreġistrati fir-rigward ta’ intestatura sħiħa ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni Nice, għandhom jingħataw il-possibbiltà li jadattaw l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom ta’ prodotti u servizzi sabiex jiġi żgurat li l-kontenut tar-reġistru jissodisfa l-istandards meħtieġa ta’ ċarezza u preċiżjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(29)     Sabiex ikun hemm proviżjoni għal reġim effettiv u effiċjenti għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Ewropea inkluż talbiet ta’ prijorità u anzjanita, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-mezzi u l-modalitajiet ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea, id-dettalji rigward ir-rekwiżiti formali ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea, il-kontenut ta’ dik l-applikazzjoni, it-tip ta’ miżata ta’ applikazzjoni, kif ukoll dettalji dwar il-proċeduri biex tkun żgurata r-reċiproċità, li jitolbu l-prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti, il-prijorità ta’ wirja u l-anzjanità ta’ marka kummerċjali nazzjonali.

(30)     Ir-reġim attwali tal-marka kummerċjali Ewropea u tiftix nazzjonali la huwa affidabbli u lanqas effiċjenti. Għandu għalhekk ikun sostitwit minn tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ magni tat-tiftix rapidi, qawwija u li jinkludi kollox għall-użu liberu tal-pubbliku fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji tal-Istati Membri.

(31)     Sabiex jiġu żgurati l-eżaminazzjoni u r-reġistrazzjoni effettivi, effiċjenti u mħaffa ta’ applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Ewropea mill-Aġenzija permezz ta’ proċeduri li huma trasparenti, dettaljati, ġusti u ekwi, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tad-dettalji dwar il-proċeduri marbuta mal-eżaminazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar id-data tal-preżentazzjoni u mal-kundizzjonijiet formali ta’ applikazzjoni, il-proċeduri għall-verifikazzjoni tal-ħlas ta’ drittijiet għal kull klassi u l-eżami ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut, id-dettalji dwar il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni, il-proċeduri biex jiġu korretti żbalji fil-pubblikazzjonijiet tal-applikazzjonijiet, id-dettalji dwar il-proċeduri relatati ma’ osservazzjonijiet ta’ parti terza, id-dettalji dwar il-proċedura tal-oppożizzjoni, id-dettalji dwar il-proċeduri għall-preżentazzjoni u eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni u dawk li jirregolaw l-emendi u diviżjoni tal-applikazzjoni, id-dettalji li għandhom jitniżżlu fir-Reġistru meta marka kummerċjali Ewropea tiġi reġistrata, il-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni u l-kontenut u l-modalitajiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

(32)     Sabiex il-marki kummerċjali Ewropej ikunu jistgħu jiġġeddu b’mod effettiv u effiċjenti u sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet b’mod sikur dwar l-alterazzjoni jew id-diviżjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea fil-prattika mingħajr ma tkun kompromessa ċ-ċertezza legali, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-modalitajiet għat-tiġdid ta’ marka kummerċjali Ewropea u proċeduri li jirregolaw it-tibdil u d-diviżjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea.

(33)     Sabiex il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea jkun jista’ faċilment iċedi marka kummerċjali Ewropea, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet ta’ partijiet terzi mdaħħla fir-reġistru b’relazzjoni għal dik il-marka, u sabiex ikun żgurat li kull marka kummerċjali Ewropea tista’ tiġi revokata jew iddikjarata invalida b’mod effettiv u effiċjenti permezz ta’ proċeduri trasparenti, dettaljati, ġusti u ekwi, u biex jiġu kkunsidrati l-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-proċedura li tirregola ċ-ċediment ta’ marka kummerċjali Ewropea kif ukoll il-proċeduri għal revoka u ta’ invalidità.

(34)     Sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni effettiva, effiċjenti u kompleta ta’ deċiżjonijiet tal-Aġenzija mill-Bordijiet tal-Appell permezz ta’ proċedura trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa li tqis il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 207/2009, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tad-dettalji dwar il-kontenut tal-avviż tal-appell, il-proċedura għall-preżentazzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ appell, il-kontenut u l-forma ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell u r-rimborż tal-ħlas tal-appell.

(35)     Bħala komplement mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar marki kollettivi Komunitarji u bħala rimedju għall-iżbilanċ attwali bejn is-sistemi nazzjonali u s-sistema tal-marka kummerċjali Ewropea, huwa meħtieġ li jiżdied sett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-iskop li tiġi pprovduta protezzjoni għal marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej li jippermettu istituzzjoni jew organizzazzjoni li tiċċertifika sabiex tippermetti aderenti mas-sistema ta’ ċertifikazzjoni jużaw il-marka bħala sinjal għal oġġetti jew servizzi li jikkonformaw mal-ħtiġijiet taċ-ċertifikazzjoni.

(36)     Sabiex tippermetti l-użu effettiv u effiċjenti ta’ marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej kollettivi, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-perjodi għat-tressiq tar-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ dawk il-marki u l-kontenut taghħom.

(37)     L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tas-sistema attwali ta’ marki kummerċjali Komunitarji żvelat il-potenzjal għal titjib ta’ ċerti aspetti ta’ proċedura. Konsegwentement, ċerti miżuri għandhom jittieħdu biex jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri fejn xieraq u biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-previdibilità fejn meħtieġ.

(38)     Sabiex tiġi żgurata operazzjoni bla xkiel, effettiva u effiċjenti tas-sistema tal-marki kummerċjali Ewropej, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tar-rekwiżiti rigward il-forma ta’ deċiżjonijiet, id-dettalji dwar il-proċedimenti orali u l-modalitajiet ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-modalitajiet tan-notifika, il-proċedura ta’ notazzjoni tat-telf ta’ drittijiet, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-formoli li għandhom jintużaw mill-partijiet fil-proċedimenti, ir-regoli għall-kalkolu u t-tul tal-limiti taż-żmien, il-proċeduri għar-revoka ta’ deċiżjoni jew għat-tħassir ta’ dħul fir-Reġistru u għall-korrezzjoni ta’ żbalji ovvji fid-deċiżjonijiet u żbalji attribwibbli lill-Aġenzija, il-modalitajiet tal-interruzzjoni tal-proċedimenti u l-proċeduri dwar qsim u ffissar ta’ spejjeż, id-dettalji li għandhom jiddaħħlu fir-reġistru, id-dettalji dwar l-ispezzjoni u żamma ta’ fajls, il-modalitajiet ta’ pubblikazzjonijiet fil-Bulettin tal-Marki Kummerċjali Ewropej u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Aġenzija, il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u d-dettalji dwar ir-rappreżentazzjoni quddiem l-Aġenzija.

(39)     Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u trasparenza ikbar, huwa xieraq li jiġu definiti b’mod ċar il-kompiti kollha tal-Aġenzija inklużi dawk li mhumiex relatati mal-ġestjoni tas-sistema tal-marki kummerċjali tal-Unjoni.

(40)     Bil-għan li tinġieb ’il quddiem il-konverġenza ta’ prattiki u ta’ żvilupp ta’ għodod komuni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas adatt għal kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji tal-Istati Membri, li jiddefinixxi b’mod ċar l-oqsma ta’ kooperazzjoni u li jippermetti lill-Aġenzija biex tikkoordina proġetti komuni rilevanti ta’ interess tal-Unjoni u tiffinanzja, sa ammont massimu, dawk il-proġetti komuni permezz ta’ għotjiet. Dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu ta’ benefiċċju għal impriżi li jużaw is-sistemi tal-marki kummerċjali fl-Ewropa. Għall-utenti tar-reġim tal-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-proġetti komuni, partikolarment il-bażijiet ta’ dejta għal skopijiet ta’ tiftix u konsultazzjoni, għandhom jipprovdu għodod addizzjonali, inklusivi, effiċjenti u mingħajr ħlas biex jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi li joħorġu mill-karattru unitarju tal-marka kummerċjali Ewropea.

(41)     Ċerti prinċipji fir-rigward tal-governanza tal-Aġenzija għandhom ikunu adattati għall-approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE adottat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Lulju 2012.

(42)     Fl-interess ta’ iktar ċertezza legali u trasparenza, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati ċerti disposizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Aġenzija.

(43)     Fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-akkumulazzjoni ta’ bilanċi baġitarjipożittivi sinifikanti għandha tiġi evitata. Dan għandu jkun bla ħsara għaż-żamma ta’ riżerva finanzjarja mill-Aġenzija li tkopri sena waħda tan-nefqa operazzjonali tagħha biex tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet tagħha u l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha.

(44)     Sabiex tippermetti għal konverżjoni effettiva u effiċjenti ta’ applikazzjoni jew reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea f’applikazzjoni ta’ marka kummerċjali nazzjonali filwaqt li tiżgura eżami bir-reqqa tar-rekwiżiti rilevanti, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-kundizzjonijiet formali li magħhom talba għal konverżjoni għandha tikkonforma u d-dettalji tal-eżaminazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha.

(45)     Sabiex jiġi żgurat metodu effettiv u effiċjenti biex jiġi riżolt it-tilwim, sabiex tiġi żgurata konsistenza mar-reġim tal-lingwa stipulati fir-Regolament (KE) Nru 207/2009, it-twettiq ta’ malajr ta’ deċiżjonijiet dwar suġġett sempliċi, u l-organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Bordijiet tal-Appell, u sabiex ikun hemm garanzija ta’ livell adattat u realistiku tal-piżijiet li jridu jiġu imposti mill-Aġenzija, filwaqt li jkun hemm konformità mal-prinċipji tal-baġit stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 207/2009, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar ta’ dettalji dwar il-lingwi li għandhom jintużaw mal-Aġenzija, il-każijiet fejn deċiżjonijiet ta' oppożizzjoni u kanċellazzjoni għandhom jittieħdu minn membru wieħed, id-dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell, l-ammonti tal-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija u d-dettalji relatati mal-ħlas tagħhom.

(46)     Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ marki kummerċjali internazzjonali f’konsistenza sħiħa mar-regoli tal-Protokoll relatati mal-ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marki, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar ta’ dettalji dwar il-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marki kummerċjali.

(47)     Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 huwa emendat kif ġej:

(1) Fit-Titolu, “trade mark Komunitarja” hija sostitwita b'“marka kummerċjali Ewropea”;

(2) Fir-Regolament kollu, il-kliem “trade mark Komunitarja” huma sostitwiti b’“marka kummerċjali Ewropea” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(3) Fir-Regolament kollu, il-kliem “il-qorti tal-marki kummerċjali Komunitarji” huma sostitwiti bi “il-qorti tal-marki kummerċjali Ewropej” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(4) Fir-Regolament kollu, il-kliem “marka kollettiva Komunitarja” huma sostitwiti b“marka kollettiva Ewropea” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(5) Fir-Regolament kollu, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-punti (2), (3) u (4), il-kliem “Komunità”, “il-Komunità Ewropea” u “Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti bil-kelma “Unjoni” u għandhom isiru wkoll kwalunkwe tibdiliet grammatikali neċessarji;

(6) Fir-Regolament kollu, il-kelma “Uffiċċju”, sakemm din tirreferi għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (marki kummerċjali u disinji) stipulata fl-Artikolu 2 tar-Regolament, għandha tkun sostitwita minn “Aġenzija” u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(7) Fir-Regolament kollu, il-kelma “President” hija ssostitwita b'“Direttur Eżekuttiv”, u għandu jsir kwalunkwe tibdil grammatikali neċessarju;

(8) L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 2 Aġenzija

1. Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għal marki kummerċjali u disinji, minn hawn’ il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, hija b’dan stabbilita.

2. Ir-referenzi kollha fil-liġi tal-Unjoni għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (marki kummerċjali u disinji) għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Aġenzija.”;

(9) L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 4 Sinjali li minnhom marka kummerċjali tista’ tikkonsisti

Marka kummerċjali Europea tista’ tikkonsisti f’kwalunkwe sinjali, b’mod partikolari kliem, fosthom ismijiet personali, disinji, ittri, numri, kuluri bħala tali, il-forma ta’ oġġetti jew tal-imballaġġ tagħhom, jew ħsejjes, sakemm tali sinjali jistgħu

(a) jiddistingwu l-oġġetti jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra;

(b) jiġu rrappreżentati b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku biex jiddeterminaw is-suġġett preċiż tal-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tagħhom.”;

(10) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-punti (j) u (k) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(j) marki kummerċjali li huma esklużi mir-reġistrazzjoni u ma għandhomx jibqgħu jintużaw skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti għalihom, li jipprovdu għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

(k) marki kummerċjali li huma esklużi mir-reġistrazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti tagħhom, li jipprovdu għall-protezzjoni ta’ termini tradizzjonali għall-inbid u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti;

(l) marki kummerċjali li fihom jew jikkonsistu minn varjetà ta’ denominazzjoni preċedenti reġistrata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varejetajiet ta’ pjanti fil-Komunità fir-rigward tal-istess tip ta’ prodott.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2. Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet ta’ nonreġistrabilità huma applikabbli:

(a) biss f’parti tal-Unjoni;

(b) biss meta marka kummerċjali f’lingwa barranija jew kitba hija tradotta jew traskritta fi kwalunkwe kitba jew lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru.”;

(11) L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ marka kummerċjali, il-marka kummerċjali ma għandhiex tiġi reġistrata:

(a) fejn aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju tal-marka kummerċjali japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu;

(b) fejn il-marka kummerċjali tista’ tkun konfuża ma’ marka kummerċjali preċedenti protetta barra l-Unjoni, diment li, fid-data tal-applikazzjoni, il-marka kummerċjali preċedenti kienet għadha f’użu ġenwin u l-applikant kien qed jaġixxi in mala fede.”;

(b) fil-paragrafu 4, il-frażi inizjali hija sostitwita b'dan li ġej:

'4. Malli ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ marka kummerċjali mhux reġistrata jew ta' xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta' iktar minn sempliċement sinifikanza lokali, il-marka kummerċjali li tkun saret applikazzjoni dwarha ma għandhiex tkun reġistrata safejn u sal-limitu li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi protezzjoni għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi, jew il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal:”

(c) il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'5. Malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ marka kummerċjali reġistrata preċedentement fi ħdan it-tifsira tal-paragrafu 2, il-marka kummerċjali li tkun saret applikazzjoni dwarha ma għandhiex tkun reġistrata meta tkun identika bħal, jew simili għal, marka kummerċjali preċedenti irrispettivament ta’ jekk l-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tiġi applikata humiex identiċi għal, simili għal jew mhux simili għal dawk li għalihom il-marka kummerċjali preċedenti hi reġistrata, meta, fil-każ ta’ marka Ewropea preċedenti, il-marka kummerċjali għandha reputazzjoni fl-Unjoni jew, fil-każ ta’ marka kummerċjali nazzjonali preċedenti, il-marka kummerċjali għandha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tal-marka kummerċjali li tkun saret applikazzjoni dwarha tieħu vantaġġ inġust fuq, jew tkun detrimentali għal, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tal-marka kummerċjali preċedenti.”;

(12) L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 9 Drittijiet mogħtija minn marka kummerċjali Ewropea

1. Ir-reġistrazzjoni tal-marka kummerċjali Ewropea għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi.

2. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tal-marka kummerċjali Ewropea, il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu jkun intitolat li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ kull sinjal li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti jew servizzi fejn:

(a) is-sinjal huwa identiku għall-marka kummerċjali Ewropea u jintuża fejn għandhom x’jaqsmu oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom il-marka kummerċjali Ewropea hija reġistrata, u fejn tali użu jaffettwa jew aktarx li jaffettwa l-funzjoni tal-marka kummerċjali Ewropea li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-oġġetti jew servizzi;

(b) is-sinjal huwa identiku, jew simili għal, marka kummerċjali Ewropea u jintuża għal oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal jew simili għall-oġġetti jew servizzi li għalihom il-marka kummerċjali Ewropea hija reġistrata, jekk teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabilità ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabilità li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u l-marka kummerċjali;

(c) is-sinjal huwa identiku għall-marka kummerċjali Ewropea jew simili għaliha, irrispettivament minn jekk hijiex użata fejn għandhom x’jaqsmu oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal, simili għal jew mhux simili għal dawk li għalihom marka kummerċjali Ewropea hi reġistrata, fejn din tal-aħħar ikollha r-reputazzjoni fl-Unjoni u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust minn, jew huwa ta’ detriment għal, il-karattru distintiv jew il-fama tal-marka kummerċjali Ewropea.

3. Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, huma projbiti taħt il-paragrafu 2:

(d) it-twaħħil ta' sinjal mal-prodotti jew mal-imballaġġ tiegħu;

(e) l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(f) l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' prodotti b'dak is-sinjal;

(g) l-użu tas-sinjal bħala isem kummerċjali jew isem ta’ kumpanija jew parti minn isem kummerċjali jew isem ta’ kumpanija;

(h) l-użu tas-sinjal f'gazzetta kummerċjali u fir-riklamar;

(i) l-użu tas-sinjal f’reklamar komparattiv b’mod li huwa kuntrarju għad-Direttiva 2006/114/KE.

4. Il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu wkoll ikun intitolat li jimpedixxi l-importazzjoni ta’ prodotti msemmija fil-paragrafu 3(c) fejn biss dak li jikkonsenja l-prodotti jaġixxi għal skopijiet kummerċjali.

5. Il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu jkun intitolat li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha minn importazzjoni ta’ prodotti, fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa hemmhekk, fejn tali prodotti, inkluż l-ippakkjar, jiġu minn pajjiżi terzi u jkollhom marka kummerċjali mingħajr awtorizzazzjoni, li tkun identika għall-marka kummerċjali Ewropea reġistrata fir-rigward ta’ tali prodotti, jew li ma tistax tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik il-marka kummerċjali.”;

(13) Jiddaħħlu l-Artikoli 9a u 9b li ġejjin:

“Artikolu 9a Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetarju bl-użu ta’ preżentazzjoni, ippakkjar jew mezzi oħra

Fejn huwa probabbli li l-preżentazzjoni, l-ippakkjar jew mezzi oħra li fuqhom titwaħħal il-marka se jintużaw għal prodotti jew servizzi u l-użu f’relazzjoni ma’ dawk il-prodotti jew servizzi jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju skont l-Artikolu 9(2) u (3), il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea għandu jkollu d-dritt li jipprojbixxi dan li ġej:

(a) it-twaħħil fil-kors tal-kummerċ ta' sinjal identiku jew simili għall-marka kummerċjali Ewropea fuq preżentazzjoni, ippakkjar jew mezzi oħra li fuqhom il-marka tista’ titwaħħal;

(b) l-offerta jew it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin għal dawk il-finijiet, jew l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-preżentazzjoni, l-ippakkjar jew mezzi oħra li fuqhom titwaħħal il-marka.

Arikolu 9b Data ta’ prevalenza ta' drittijiet kontra partijiet terzi

1. Id-drittijiet li jirriżultaw minn marka kummerċjali Ewropea għandhom jipprevalu kontra terzi persuni mid-data ta' pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-marka kummerċjali.

2. Jista' jintalab kumpens raġonevoli fir-rigward ta' atti li jiġru wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea, jekk dawn ikunu atti li, wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-marka kummerċjali, ikunu projbiti bis-saħħa tal-istess pubblikazzjoni.

3. Il-qorti li quddiemha jiġi każ ma tistax tiddeċiedi fuq il-merti tal-każ qabel ma tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni.”;

(14) L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 12 Limitazzjoni tal-effetti ta’ marka kummerċjali Ewropea

1. Marka kummerċjali Ewropea ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

(a) l-isem jew l-indirizz tagħha stess;

(b) sinjali jew indikazzjonijiet li mhumiex distintivi jew li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

(c) il-marka kummerċjali għall-iskop li jiġu identifikati jew issir referenza għal prodotti jew servizzi bħal dawk ta’ proprjetarju ta’ marka kummerċjali, b’mod partikolari, fejn l-użu tal-marka kummerċjali huwa meħtieġ sabiex wieħed jindika l-għan intenzjonat tal-prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss fejn l-użu magħmul mill-parti terza hija skont prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali.

2. L-użu minn parti terza għandu jkun meqjus bħala mhux f’konformità mal-użi onesti, b’mod partikolari fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:

(d) jagħti l-impressjoni li hemm konnessjoni kummerċjali bejn il-parti terza u l-proprjetarju tal-marka kummerċjali;

(e) jieħu vantaġġ inġust ta’, jew huwa ta’ detriment għal, il-karattru distintiv jew reputazzjoni tal-marka kummerċjali mingħajr raġuni valida.”;

(15) Fl-Artikolu 13(1), il-kliem “fil-Komunità” huma ssostitwiti bi “Iż-Żona Ekonomika Ewropea”;

(16) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

“Artikolu 13a Dritt ta’ intervenzjoni tal-proprjetarju ta’ marka kummerċjali reġistrata sussegwentement bħala difiża għal proċedimenti ta’ ksur

1. Fi proċedimenti ta’ ksur, il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea ma għandux ikun intitolat li jipprojbixxu l-użu ta’ marka kummerċjali reġistrata sussegwentement fejn dik il-marka kummerċjali ma għandhiex tiġi dikjarata invalida skont l-Artikoli 53(3) u (4), 54(1) u (2) u 57(2).

2. Fi proċedimenti ta’ ksur, il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea ma għandux ikun intitolat li jipprojbixxi l-użu ta’ marka kummerċjali nazzjonali reġistrata sussegwentement fejn dik il-marka nazzjonali reġistrata sussegwentement ma għandhiex tiġi dikjarata invalida skont l-Artikoli 8, 9(1) u (2) u 48(3) tad-Direttiva [xxx].

3. Fejn il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea ma għandux ikun intitolat li jipprojbixxu l-użu ta’ marka kummerċjali reġistrata sussegwentement skont il-paragrafi 1 jew 2, il-proprjetarju ta’ dik il-marka kummerċjali reġistrata sussegwentement ma għandux ikun intitolat li jipprojbixxi l-użu tal-marka kummerċjali Ewropea preċedenti fi proċedimenti ta’ ksur.”;

(17) Fl-Artikolu 15(1), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Dan li ġej jikkostitwixxi wkoll użu fi ħdan it-tifsira tal-ewwel subparagrafu:

(a) l-użu ta’ marka kummerċjali Ewropea f’forma li hija differenti fl-elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma li fiha kienet reġistrata, irrispettivament minn kemm jekk il-marka kummerċjali f’forma kif użata hijiex ukoll irreġistrata;

(b) it-twaħħil tal-marka kummerċjali Ewropea ma' prodotti jew mal-ippakkjar tagħhom fl-Unjoni għal skopijiet ta' esportazzjoni biss.”;

(18) Fl-Artikolu 16(1), il-frażi introduttorja tiġi sostitwita b’dan li ġej:

'1. Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, marka kummerċjali Ewropea bħala oġġett ta' proprjetà għandha titqies fit-totalità tagħha, u fit-territorju kollu tal-Unjoni, bħala marka kummerċjali nazzjonali reġistrata fl-Istat Membru fejn, skont ir-Reġistru tal-marki kummerċjali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem “ir-Reġistru”).”,

(19) Fl-Artikolu 17, għandu jitħassar il-paragrafu 4;

(20) L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 18 It-trasferiment ta’ marka kummerċjali reġistrata f’isem aġent

1. Meta marka kummerċjali Ewropea tkun reġistrata f'isem aġent jew rappreżentant ta' persuna li jkun il-proprjetarju ta' dik il-marka kummerċjali, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, dan tal-aħħar huwa intitolat li jitlob iċ-ċessjoni tal-imsemmija reġistrazzjoni favurih, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

2. Il-proprjetarju jista’ jissottometti talba għal assenjazzjoni skont il-paragrafu 1 għal dawn li ġejjin:

(a) l-Aġenzija, minflok applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 53(1)(b);

(b) il-qorti tal-marki kummerċjali Ewropej kif imsemmi fl-Artikolu 95, minflok kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità bbażata fuq l-Artikolu 100(1).”;

(21) L-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2. Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew it-trasferiment ta’ dawk id-drittijiet għandu jitniżżel fir-Reġistru u għandu jiġi ppubblikat.”;

(b) jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'3. Annotazzjoni fir-Reġistru effettwata skont il-paragrafu 2 għandha tiġi kanċellata jew modifikata fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.”;

(22) Fl-Artikolu 20, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

'4. Annotazzjoni fir-Reġistru effettwata skont il-paragrafu 3 għandha tiġi kanċellata jew modifikata fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.”;

(23) Fl-Artikolu 22, għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

'6. Annotazzjoni fir-Reġistru effettwata skont il-paragrafu 5 għandha tiġi kanċellata jew modifikata fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.”;

(24) Fit-Titolu II għandha tiżdied it-Taqsima 5 li ġejja:

"TAQSIMA 5 Delegazzjoni tas-setgħat

Artikolu 24a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) l-obbligu tar-rikorrenti biex jipprovdi traduzzjoni jew traskrizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(b) fil-lingwa tal-applikazzjoni;

(b) il-proċedura għad-dħul ta’ trasferiment kif imsemmi fl-Artikolu 17(5) fir-Reġistru;

(c) il-proċedura għad-dħul tal-ħolqien jew it-trasferiment ta’ dritt in rem kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) fir-Reġistru;

(d) il-proċedura għad-dħul ta’ imposta ta’ ezekuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(3) fir-Reġistru;

(e) il-proċedura għad-dħul tal-involviment fi proċedura ta’ insolvenza kif imsemmi fl-Artikolu 21(3) fir-Reġistru;

(f) il-proċedura għad-dħul tal-għotja jew it-trasferiment ta’ liċenzja kif imsemmi fl-Artikolu 22(5) fir-Reġistru;

(g) il-proċedura ta’ kanċellazzjoni jew modifika tad-dħul fir-Reġistru ta’ dritt in rem, l-imposta fuq l-eżekuzzjoni jew liċenzja, kif imsemmi fl-Artikoli 19(3), 20(4) u 22(6) rispettivament.”;

(25) L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 25 Il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet

Applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandha tkun ippreżentata fl-Aġenzija.”;

(26) L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) rappreżentazzjoni tal-marka li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(b).”;

(b) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet formali stabbiliti skont l-Artikolu 35a(b). Jekk dawk il-kundizzjonijiet jipprovdu li l-marka kummerċjali tkun rappreżentata b’mod elettroniku, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jiddetermina l-format u d-daqs massimu ta’ tali fajl elettroniku.”;

(27) L-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 27 Id-data ta' preżentazzjoni

Id-data tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandha tkun id-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni speċifikata f’Artikolu 26(1) ikunu ppreżentati mal-Aġenzija mill-applikant, soġġetti għal ħlas ta’ miżata għall-applikazzjoni li għaliha l-ordni għall-ħlas għandha tkun ingħatat mhux iktar tard minn dik id-data.”;

(28) L-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 28  L-għażla u l-klassifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi

1. Prodotti u servizzi li fir-rigward tagħhom tkun qed issir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandhom ikunu klassifikati skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni stabbilita mill-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-iskopijiet ta’ Reġistrazzjoni ta’ Marki tal-15 ta’ Ġunju 1957 (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”).

2. Il-prodotti u servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tal-marka kummerċjali jridu jiġu identifikati mill-applikant b’biżżejjed ċarezza u preċiżjoni li tippermetti l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi, fuq dik l-unika bażi, sabiex jiddeterminataw il-firxa ta’ protezzjoni mixtieqa. Il-lista ta’ prodotti u servizzi għandha tippermetti li kull prodott jew servizz jiġi klassifikat fi klassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni Nice.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-indikazzjonijiet ġenerali inklużi fil-klassi tal-intestaturi tal-Klassifikazzjoni Nice jew termini ġenerali oħrajn jistgħu jintużaw, diment li jkunu konformi mal-istandards meħtieġa ta’ ċarezza u preċiżjoni.

4. L-Aġenzija għandha tirrifjuta l-applikazzjoni fir-rigward ta’ indikazzjonijiet jew termini li mhumiex ċari jew mhux preċiżi, jekk l-applikant ma jissuġġerixxix kliem aċċettabbli fi żmien perjodu stabbilit mill-Aġenzija għal dak il-għan.

5. L-użu ta’ termini ġenerali, inklużi l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni Nice, għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi l-prodotti jew servizzi kollha koperti mit-tifsira litterali tal-indikazzjoni jew terminu. L-użu ta’ termini jew indikazzjonijiet bħal dawn ma għandux jiġi interpretat bħala li jinkludi pretensjoni għal prodotti jew servizzi li ma jistgħux ikunu mifhuma.

6. Fejn ir-rikorrent jitlob reġistrazzjoni għal iktar minn klassi waħda, il-prodotti u s-servizzi għandhom jiġu miġbura skont il-klassijiet tal-Klassifikazzjoni Nice, b’kull grupp ikun preċedut bin-numru tal-klassi li fih jaqa’ dak il-grupp ta’ prodotti jew servizzi u ppreżentat fl-ordni tal-klassijiet.

7. Il-klassifika ta' prodotti u servizzi għandha sservi esklużivament għal għanijiet amministrattivi. Prodotti u servizzi ma għandhomx jitqiesu bħala simili għal xulxin fuq il-bażi li jidhru fl-istess klassi skont il-klassifikazzjoni Nice, u prodotti u servizzi ma għandhomx jitqiesu bħala differenti minn xulxin fuq il-bażi li jidhru fi klassijiet differenti skont il-Klassifikazzjoni Nice.

8. Proprjetarji ta’ marki kummerċjali Ewropej li għalihom tkun saret applikazzjoni qabel it-22 ta’ Ġunju 2012 li huma rreġistrati biss fir-rigward tal-intestatura sħiħa ta’ klassi Nice, jistgħu jiddikjaraw li l-intenzjoni tagħhom fid-data tal-preżentazzjoni kienet li jfittxu protezzjoni fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi lil hinn minn dawk li jaqgħu taħt it-tifsira litterali tal-intestatura ta’ dik il-klassi, sakemm il-prodotti jew is-servizzi hekk maħtura jkunu inklużi fil-lista alfabetika għal dik il-klassi ta’ edizzjoni tal-klassifikazzjoni Nice fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni.

Id-dikjarazzjoni għandha tiġi preżentata lill-Aġenzija fi żmien erba’ (4) xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandha tindika, b’mod ċar, preċiż u speċifiku, il-prodotti u servizzi, għajr dawk koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet tal-intestatura tal-klassi, oriġinarjament koperti mill-intenzjoni tal-proprjetarju. L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri xierqa biex temenda r-Reġistru kif xieraq. Din il-possibbiltà hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 15, 42(2), 51(1)(a) u 57(2).

Marki kummerċjali Ewropej li għalihom ma ssir l-ebda dikjarazzjoni fi żmien il-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu għandhom jinftehmu li japplikaw ukoll, minn meta jiskadi dak il-perjodu, biss għal prodotti jew servizzi koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet inklużi fl-intestatura tal-klassi rilevanti.”;

(29) Fl-Artikolu 29(5), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Jekk neċessarju, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistaqsi jekk Stat fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza jagħtix dak it-trattament reċiproku.”;

(30) L-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 30 Pretensjonijiet ta' prijorità

1. Pretensjonijiet ta’ prijorità għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea, u għandhom jinkludu d-data, in-numru u l-pajjiż tal-applikazzjoni preċedenti.

2. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jistabbilixxi li informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta mill-applikant f’appoġġ ta’ talba ta’ priorità tista’ tikkonsisti f’inqas milli huwa meħtieġ skont ir-regoli adottati skont l-Artikolu 35a(d), bil-kundizzjoni li l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli għall-Aġenzija minn sorsi oħra.”;

(31) L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“It-talba ta’ priorità għandha tiġi ppreżentata flimkien ma’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2. Applikant li jixtieq jitlob prijorità skont il-paragrafu 1 għandu jippreżenta prova tal-wirja ta' prodotti jew servizzi taħt il-marka li għaliha qiegħed japplika.”;

(32) Fl-Artikolu 34, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'3. L-anzjanità mitluba għall-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandha tiskadi meta l-marka kummerċjali preċedenti li għaliha tkun saret it-talba għal anzjanità tiġi ddikjarata invalida jew revokata. Meta l-marka kummerċjali preċedenti hi revokata, l-anzjanità għandha tiskadi sakemm ir-revoka tidħol fis-seħħ qabel id-data tal-preżentazzjoni jew id-data ta’ prijorità tal-marka kummerċjali Ewropea.”;

(33) Fit-Titolu III għandha tiżdied it-Taqsima 5 li ġejja:

"TAQSIMA 5 Delegazzjoni tas-setgħat

Artikolu 35a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) il-mezzi u l-modalitajiet ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea mal-Aġenzija skont l-Artikolu 25;

(b) id-dettalji dwar il-kontenut tal-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea msemmija fl-Artikolu 26(1), it-tip ta’ miżati pagabbli għall-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), inkluż in-numru ta’ klassijiet ta’ prodotti u servizzi koperti minn dawk il-miżati, u l-kundizzjonijiet formali tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3);

(c) il-proċeduri biex tkun żgurata r-reċiproċità skont l-Artikolu 29(5);

(d) il-proċedura u r-regoli dwar l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ talba għal prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti skont l-Artikolu 30;

(e) il-proċedura u r-regoli fuq evidenza ta’ talba għal prijorità ta’ esibizzjoni skont l-Artikolu 33(1);

(f) il-proċedura għal talba għal anzjanità ta’ marka kummerċjali nazzjonali skont l-Artikolu 34(1) u l-Artikolu 35(1).”;

(34) Fl-Artiklu 36(1), il-punt (b) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b) l-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u mal-kundizzjonijiet formali msemmija fl-Artikolu 26(3).”;

(35) Fl-Artikolu 37, għandu jitħassar il-paragrafu 2.

(36) Fit-Titolu IV, it-Taqsima 2 hija mħassra;

(37) L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Jekk il-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandha tissodisfa jkunu ġew imwettqa, l-applikazzjoni għandha tkun ippublikata għall-finijiet tal-Artikolu 42 sakemm din ma tkunx ġiet rifjutata skont l-Artikolu 37. Il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal informazzjoni diġà disponibbli għall-pubbliku mod ieħor skont dan ir-Regolament jew b’atti ddelegati adottati skont dan ir-Regolament.”;

(b) jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'3. L-Aġenzija għandha tikkoreġi kwalunkwe żbalji fil-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni.”;

(38) L-Artikolu 40 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 40 Osservazzjonijiet minn terzi persuni

1. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u kwalunkwe grupp jew korp li jirrappreżenta lill-manifatturi, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi jistgħu jissottomettu lill-Aġenzija osservazzjonijiet bil-miktub, li jispjegaw fuq liema bażi skont l-Artikoli 5 u 7, il-marka kummerċjali ma għandhiex tiġi reġistrata ex officio.

Huma ma jistgħux ikunu partijiet fil-proċedimenti quddiem l-Aġenzija.

2. L-osservazzjonijiet ta’ partijiet terzi għandhom jiġu ssottomessi qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ oppożizzjoni jew, meta oppożizzjoni kontra l-marka kummerċjali tkun ġiet ippreżentata, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-oppożizzjoni.

3. Is-sottomissjoni li tissemma fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Aġenzija li tiftaħ mill-ġdid l-eżaminazzjoni ta’ raġunijiet assoluti fuq inizjattiva tagħha stess fi kwalunkwe ħin qabel ir-reġistrazzjoni, fejn xieraq.

4. L-osservazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu notifikati lill-applikant li jista' jikkummenta dwarhom.”;

(39) Fl-Artikolu 41, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'3. L-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda ssir. L-oppożizzjoni ma tistax titqies li tkun ġiet ippreżentata kif dovut qabel ma jsir il-ħlas tal-miżata tal-oppożizzjoni.

4. Fi żmien perjodu stabbilit mill-Aġenzija, l-opponent jista' jissottometti fatti, evidenza u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.”;

(40) Fl-Artikolu 42(2), l-ewwel sentenza, il-frażi “matul il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni” jiġi sostitwit b'“matul il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-preżentazzjoni jew id-data tal-prijorità”;

(41) L-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) qabel id-data tal-preżentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 ma tkun mogħtija mill-Aġenzija u matul il-perjodu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 41(1).”;

(b) il-paragrafu 3 jitħassar.

(42) L-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 45 Ir-reġistrazzjoni

1. Meta applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u fejn l-ebda notifika ta’ oppożizzjoni ma tkun ingħatat fi ħdan il-perjodu msemmi fl-Artikolu 41(1) jew meta l-oppożizzjoni tkun ġiet rifjutata b’deċiżjoni finali, il-marka kummerċjali għandha tiġi reġistrata bħala marka kummerċjali Ewropea. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi ppubblikata.

2. L-Aġenzija għandha toħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Iċ-ċertifikat jista’ jinħareġ b’mezzi elettroniċi.

3. Il-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea reġistrata għandu jkollu d-dritt li juża, f’konnessjoni mal-prodotti u servizzi koperti mir-reġistrazzjoni, simbolu eżatt ħdejn il-marka kummerċjali li jattesta li l-marka kummerċjali hi reġistrata fl-Unjoni biss sakemm ir-reġistrazzjoni tibqa’ fis-seħħ. Il-konfigurazzjoni eżatta ta’ dak is-simbolu għandha tkun deċiża mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

4. Is-simbolu tal-marka tal-kummerċjali reġistrata ma għandux jintuża minn kwalunkwe persuna għajr il-proprjetarju tal-marka, jew mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju. Il-proprjetarju tal-marka kummerċjali ma għandux juża s-simbolu tal-marka kummerċjali qabel ma tkun reġistrata l-marka jew wara r-revoka, dikjarazzjoni ta’ invalidità, skadenza jew ċessjoni tal-marka kummerċjali.”;

(43) Fit-Titolu IV għandha tiżdied it-Taqsima 7 li ġejja:

"TAQSIMA 7 Delegazzjoni tas-setgħat

Artikolu 45a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) il-proċedura għall-eżaminazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti għal data ta’ preżentazzjoni msemmi fl-Artikolu 36(1)(a) u mal-kundizzjonijiet formali msemmija fl-Artikolu 26(3) u l-proċedura għall-verifikazzjoni tal-ħlas tal-miżati tal-klassi msemmija fl-Artikolu 36(1)(c);

(b) il-proċedura għall-eżaminazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, kif inhu msemmi fl-Artikolu 37;

(c) id-dettalji li l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(1) għandu jkun fiha;

(d) il-proċedura biex ikunu korretti żbalji fil-pubblikazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet għal marka kummerċjali Ewropea msemmija fl-Artikolu 39(3);

(e) il-proċedura għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet minn partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 40;

(f) id-dettalji dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ oppożizzjoni stipulati fl-Artikoli 41 u 42;

(g) il-proċeduri li jirregolaw l-emenda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 43(2) u d-diviżjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 44;

(h) id-dettalji li għandhom jitniżżlu fir-Reġistru meta tiġi reġistrata marka kummerċjali Ewropea u l-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1), il-kontenut u l-modalitajiet ta’ ħruġ taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(2).”;

(44) Fl-Artikolu 49, għandu jitħassar il-paragrafu 3.

(45) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 49a li ġej:

“Artikolu 49a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) il-modalitajiet proċedurali għat-tiġdid tal-marka kummerċjali Ewropea skont l-Artikolu 47, inkluż it-tip ta’ miżati li għandhom jitħallsu;

(b) il-proċedura li tirregola t-tibdil tar-reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea prevista fl-Artikolu 48(2);

(c) il-proċedura li tirregola d-diviżjoni ta’ marka kunmerċjali Ewropea prevista fl-Artikolu 49.”;

(46) Fl-Artikolu 50, il-paragrafi 2 u 3 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

'2. Iċ-ċessjoni għandha tiġi ddikjarata lill-Aġenzija bil-miktub mill-proprjetarju tal-marka kummerċjali. Ma għandhiex ikollha effett qabel ma tiddaħħal fir-Reġistru. Il-validità taċ-ċessjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea li hija dikjarata lill-Aġenzija wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal revoka ta’ dik il-marka kummerċjali skont l-Artikolu 56(1) għandha tkun kundizzjonali għar-rifjut finali jew l-irtirar tal-applikazzjoni għal revoka.”;

'3. Iċ-ċessjoni għandha tiddaħħal biss bi ftehim mal-proprjetarju ta’ dritt imdaħħal fir-Reġistru. Jekk liċenzja tkun ġiet reġistrata, iċ-ċessjoni għandha tiddaħħal fir-Reġistru biss jekk il-proprjetarju tal-marka kummerċjali juri li huwa jkun għarraf lil-liċenzjat bil-ħsieb tiegħu li jċedi; din l-entrata għandha ssir meta jiskadi l-perjodu stabbilit skont l-Artikolu 57a(a).”;

(47) Fl-Artikolu 53(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu sodisfatti fid-data tal-preżentazzjoni jew id-data ta’ prijorità tal-marka kummerċjali Ewropea.”;

(48) Fl-Artikolu 54(1) u (2), il-kliem “jew” u “jew biex jopponi l-użu ta’ marka kummerċjali sussegwenti” huma mħassra;

(49) L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (c), “skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat” huwa sostitwit bi “skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat”;

(b) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata fuq il-merti tagħha, jew mill-Aġenzija jew permezz ta’ qorti tal-marki kummerċjali Ewropej kif imsemmi fl-Artikolu 95 u d-deċiżjoni tal-Aġenzija jew dik il-qorti dwar dik l-applikazzjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ deċiżjoni finali.”;

(50) Fl-Artikolu 57(2), it-tieni sentenza, “ġiet ippubblikata” hija sostitwita b’“kienet preżentata jew fid-data ta’ priorità ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea”;

(51) Fit-Titolu VI għandha tiżdied it-Taqsima 6 li ġejja:

"TAQSIMA 6 Delegazzjoni tas-setgħat

Artikolu 57a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) il-proċedura li tirregola ċ-ċessjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea stabbilita fl-Artikolu 50, inkluż il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu;

(b) il-proċeduri li jirregolaw revoka u invalidità ta’ marka kummerċjali Ewropea msemmija fl-Artikoli 56 u 57.”;

(52) L-Artikolu 58(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Għandu jkun hemm dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ każijiet tat-tehid tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija elenkati fl-Artikolu 130 il-punti (a) sa (d). Kemm il-perjodu ta’ appell previst fl-Artikolu 60, kif ukoll id-depożitu tal-Appell għandu jkollhom effett sospensiv.”;

(53) L-Artikolu 62 huwa mħassar;

(54) L-Artikolu 64(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell jiġu fis-seħħ biss mid-data tal-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 65(5) jew, jekk tkun infetħet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien dak il-perjodu, mid-data ta’ meta tiġi miċħuda dik il-kawża jew ta’ kwalunkwe appell ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.”;

(55) L-Artikolu 65 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Azzjonijiet jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell fuq appelli.”;

(b) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.”;

(c) il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

'5. Il-kawża għandha tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6. L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.”;

(56) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 65a li ġej:

“Artikolu 65a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) il-kontenut tal-avviż tal-appell imsemmi fl-Artikolu 60 u l-proċedura għat-tressiq u l-eżaminazzjoni ta’ appell;

(b) il-kontenut u l-forma ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 64;

(c) ir-rimborż tal-ħlas tal-appell imsemmija fl-Artikolu 60.”;

(57) It-titolu tat-Titolu VIII jġi sostitwit b’dan li ġej:

“DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR MARKI KOLLETTIVI EWROPEJ U MARKI TA’ ĊERTIFIKAZZJONI”;

(58) Bejn it-titolu tat-Titolu VIII u l-Artikolu 66, l-intestatura li ġejja hija mdaħħla:

"TAQSIMA 1 Il-marki kollettivi komunitarji”;

(59) Fl-Artikolu 66, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'3. It-Titoli I sa VII u IX sa XIV għandhom japplikaw għal marki kolletivi Ewropea safejn din it-Taqsima ma tipprovdix xort’ oħra.";

(60) Fl-Artikolu 67(1), il-kliem ‘fi żmien il-perjodu preskritt” huma sostitwiti bi “fil-perjodu preskritt skont l-Artikolu 74a”;

(61) L-Artikolu 69 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 69 Osservazzjonijiet minn terzi persuni

Fejn osservazzjonijiet bil-miktub dwar marka kollettiva Ewropea huma sottomessi lill-Aġenzija skont l-Artikolu 40, dawk l-osservazzjonijiet jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq ir-raġunijiet partikolari li fuqhom l-applikazzjoni għal marka kollettiva Ewropea għandhom jiġu miċħuda skont l-Artikolu 68.”;

(62) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 74a li ġej:

“Artikolu 74a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika l-perjodu msemmi fl-Artikolu 67(1) għall-preżentazzjoni tar-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka kollettiva Ewropea lill-Aġenzija u l-kontenut ta’ dawk ir-Regolamenti kif stabbilit fl-Artikolu 67(2).”;

(63) Fit-Titolu VIII għandha tiżdied it-Taqsima 2 li ġejja:

"TAQSIMA 2 Marki Ewropej ta’ Ċertifikazzjoni

Artikolu 74b Marki Ewropej ta’ Ċertifikazzjoni

1. Il-marka Ewropea ta’ ċertifikazzjoni għandha tkun marka kummerċjali Ewropea li hija deskritta b’dan il-mod meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-oriġini ġeografika, il-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristika oħra minn prodotti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod.

2. Kwalunkwe persuna ġuridika, inklużi istituzzjonijiet, awtoritajiet u korpi rregolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki ta’ ċertifikazzjoni sakemm:

(a) il-persuna ġuridika ma tagħmilx negozju li jinvolvi l-forniment ta’ oġġetti jew servizzi tat-tip iċċertifikat;

(b) il-persuna ġuridika hija kompetenti biex tiċċertifika l-prodotti jew servizzi li għalihom il-marka għandha tkun reġistrata.

3. B'deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka ta’ ċertifikazzjoni ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil parti terza milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm il-parti terza tużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; Marka ta’ ċertifikazzjoni ma tistax tiġi invokata kontra parti terza li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

4. It-Titoli I sa VII u IX sa XIV għandhom japplikaw għal marki ta’ ċertifikazzjoni Ewropej safejn din it-Taqsima ma tipprovdix xort’ oħra.

Artikolu 74c Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka

1. Applikant għal marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni fil-perjodu preskritt f’konformità mal-Artikolu 74k.

2. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-karatteristiċi li għandhom ikunu ċċertifikati mill-marka, kif il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jittestja dawk il-karatteristiċi u jissorvelja l-użu tal-marka kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet.

Artikolu 74d Rifjut tal-applikazzjoni

1. Minbarra raġunijiet għal rifjut ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea previsti fl-Artikoli 36 u 37, applikazzjoni għal marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandha tiġi rrifjutata fejn l-Artikoli 74b u 74c mhumiex sodisfatti, jew fejn ir-regolamenti li jirregolaw l-użu huma kuntrarji għall-politika pubblika jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità.

2. Applikazzjoni għal marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandha wkoll tiġi rifjutata jekk din tista' tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-karattru jew sinifikat tal-marka, b'mod partikolari jekk aktarx tista' tiftiehem li hija xi ħaġa differenti minn marka ta’ ċertifikazzjoni.

3. Applikazzjoni ma għandhiex tiġi rifjutata jekk l-applikant, bħala konsegwenza ta' emenda fir-regolamenti li jirregolaw l-użu, jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 74e Osservazzjonijiet minn partijiet terzi

Fejn osservazzjonijiet bil-miktub dwar marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea huma sottomessi lill-Aġenzija skont l-Artikolu 40, dawk l-osservazzjonijiet jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq ir-raġunijiet partikolari li fuqhom l-applikazzjoni għal marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandha tiġi rifjutata skont l-Artikolu 74d.

Artikolu 74f L-emenda tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka

1. Il-proprjetarju ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandu jippreżenta lill-Aġenzija kull regolamenti emendati li jirregolaw l-użu.

2. L-emenda ma għandhiex tissemma fir-Reġistru jekk ir-regolamenti emendati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 74c jew jinvolvu waħda mir-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 74d.

3. L-Artikolu 74e għandu japplika għal regolamenti emendati li jirregolaw l-użu.

4. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-emendi tar-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data ta’ meta referenza għall-emenda titniżżel fir-Reġistru.

Artikolu 74g Trasferiment

B’deroga mill-Artikolu 17(1), marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea tista' tiġi trasferita biss lil persuna ġuridika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 74b(2).

Atikolu 74h Il-persuni li huma intitolati jiftħu kawża ta’ vjolazzjoni

1. Biss il-proprjetarju ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea jew kwalunkwe persuna speċifikament awtorizzata minnu għal dak l-għan għandhom ikunu intitolati jiftħu kawża ta’ vjolazzjoni.

2. Il-proprjetarju ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea huwa intitolat li jitlob kumpens f’isem persuni li għandhom awtorità li jużaw il-marka jekk dawn ikunu sofrew danni b’konsegwenza ta’ użu mhux awtorizzat tal-marka.

Artikolu 74i Ir-raġunijiet għal revoka

Minbarra r-raġunijiet għal revoka msemmija fl-Artikolu 51, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għandhom jiġu revokati fuq applikazzjoni lill-Aġenzija jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, meta kwalunkwe mill-kundizzjonijiet li ġejjin tiġi sodisfatta:

(c) il-proprjetarju ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 74b(2);

(d) il-proprjetarju ma jiħux passi raġonevoli sabiex jimpedixxi li l-marka tintuża b'mod li huwa inkumpatibbli mal-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti fir-regolamenti li jirregolaw l-użu, u l-emendi ta' liema, fejn xieraq, huma msemmija fir-Reġistru;

(e) il-mod kif il-marka ntużat mill-proprjetarju wassal sabiex din tista' tqarraq bil-pubbliku bil-mod msemmi fl-Artikolu 74d(2);

(f) tkun saret referenza fir-Reġistru għal emenda tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka, u dana bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 74f(2), sakemm il-proprjetarju tal-marka ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' dak l-Artikolu billi jemenda ulterjorment ir-regolamenti li jirregolaw l-użu.

Artikolu 74j Ir-raġunijiet għal invalidità

Minbarra r-raġunijiet għal invalidità previsti fl-Artikoli 52 u 53, marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea li hija rreġistrata bi ksur tal-Artikolu 74d għandha tkun iddikjarata invalida mal-applikazzjoni lill-Aġenzija jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, sakemm il-proprjetarju tal-marka, billi jemenda r-Regolamenti li jirregolaw l-użu, ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 74d.

Artikolu 74k Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifikaw il-perjodu msemmi fl-Artikolu 74c(1) għas-sottomissjoni tar-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka ta’ ċertifikazzjoni Ewropea lill-Aġenzija u l-kontenut ta’ dawk ir-regolamenti kif stabbilit fl-Artikolu 74c(2).”;

(64) L-Artikolu 75 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 75 Forma ta' deċiżjonijiet u kommunikazzjonijiet tal-Aġenzija

1. Id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Għandhom ikunu msejsa biss fuq raġunijiet jew evidenza li fuqhom il-partijiet interessati jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

2. Kwalunkwe deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż mill-Aġenzija jrid jindika d-dipartiment jew diviżjoni tal-Aġenzija kif ukoll l-isem jew l-ismijiet tal-uffiċċjal jew uffiċjali responsabbli. Huma jridu jiġu ffirmati mill-uffiċċjal jew uffiċjali, jew, minflok firma, jkun hemm siġill stampat jew ittimbrat tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li l-mezz l-ieħor li jidentifika dipartiment jew diviżjoni tal-Aġenzija u l-isem tal-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli jew identifikazzjoni minbarra siġill jistgħu jintużaw fejn id-deċiżjonijiet, il-komunikazzjonijiet jew avviżi mill-Aġenzija huma trażmessi permezz ta’ telecopier jew kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni ieħor.”;

(65) Fl-Artikolu 76(1), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fi proċedimenti ta’ invalidità skont l-Artikolu 52, l-Aġenzija għandha tillimita l-eżaminazzjoni tagħha għar-raġunijiet u l-argumenti ppreżentati mill-partijiet.”;

(66) Fl-Artikolu 78, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

'5. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiddetermina l-ammonti ta’ spejjeż, li għandhom jitħallsu, inklużi dawk bil-quddiem, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kumpilazzjoni ta’ evidenza msemmija fl-Artikolu 93a(b).”;

(67) L-Artikolu 79 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 79 In-notifikazzjoni

1. L-Aġenzija għandha, fil-prattika, tinnotifika lil dawk ikkonċernati dwar id-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u dwar kull notifika jew kull komunikazzjoni oħra li minnhom jiġi ikkalkulat terminu ta' żmien, jew li dwarhom dawk konċernati għandhom jiġu notifikati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew ta’ atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, jew li tagħhom tkun ġiet ordnata n-notifika mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina liema dokumenti minbarra deċiżjonijiet soġġetti għal limitu ta’ żmien għall-appell u ċitazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati b’ittra rreġistrata b’avviż tal-wasla.

3. Notifika tista’ ssir b’mezzi elettroniċi, li d-dettalji tagħha għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Eżekuttiv.

4. Fejn notifika ssir permezz ta’ avviż pubbliku, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina kif għandu jingħata l-avviż pubbliku u għandu jiffissa l-bidu tal-perjodu ta’ xahar li meta jiskadi, id-dokument għandu jitqies li jkun ġie notifikat.”;

(68) L-Artikoli li ġejjin 79a, 79b, 79c u 79d huma mdaħħla:

“Artikolu 79a Notifika ta’ telf ta’ drittijiet

Meta l-Aġenzija ssib li t-telf ta’ kwalunkwe drittijiet irriżulta minn dan ir-Regolament jew l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament mingħajr ma ttieħdet ebda deċiżjoni, għandu jikkomunika dan lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 79. Din tal-aħħar tista’ tapplika għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni. L-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni bħal din fejn ma taqbilx mal-persuna li titlobha; inkella l-Aġenzija għandha temenda s-sejba tagħha u tinforma lill-persuna li tkun qed titlob id-deċiżjoni.

Artikolu 79b Komunikazzjonijiet lill-Aġenzija

Komunikazzjonijiet indirizzati lill-Aġenzija jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddeċiedi l-firxa u l-kundizzjonijiet tekniċi li bihom dawk il-komunikazzjonijiet jistgħu jitressqu elettronikament.

Artikolu 79c Limiti ta’ żmien

1. Il-kalkolu u t-tul tal-limiti taż-żmien għandhom ikunu suġġetti għar-regoli adottati skont l-Artikolu 93a(f).

2. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jistabbilixxi qabel il-bidu ta’ kull sena kalendarja l-jiem li fihom l-Aġenzija ma tkunx miftuħa biex tirċievi d-dokumenti jew li fihom il-posta ordinarja ma tiġix ikkonsenjata fil-lokalità li fihom l-Aġenzija tinsab.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina d-dewmien tal-perjodu ta’ waqfien f’każ ta’ interruzzjoni ġenerali fit-twassil ta’ posta fl-Istat Membru fejn l-Aġenzija tinsab jew f’każ veru ta’ interruzzjoni ta’ konnessjoni tal-Aġenzija ma’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

4. F’każ li avveniment straordinarju bħal diżastru naturali jew strajk jinterrompi jew ifixkel il-komunikazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti u l-Aġenzija jew viċi-versa, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista' jiddetermina li għall-partijiet fil-proċedimenti li għandhom ir-residenza tagħhom jew uffiċċju reġistrat fl-Istat ikkonċernat jew li appuntaw rappreżentant li għandu post ta' negozju fl-Istat ikkonċernat, il-limiti kollha ta' żmien li kellhom jiskadu fid-data jew wara d-data li fiha jkun beda dan l-avveniment, kif iddeterminati minnu, għandhom jiġu estiżi sa data ddeterminata minnu. Fid-determinazzjoni ta' dik id-data, huwa għandu jevalwa meta l-avveniment eċċezzjonali jasal fi tmiem. Jekk l-avveniment jaffettwa s-sede tal-Aġenzija, din id-determinazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv għandha tispeċifika li tapplika fir-rigward tal-partijiet kollha fil-proċedimenti.

Artikolu 79d Korrezzjoni ta’ żbalji u żvisti manifesti

L-Aġenzija għandha tikkoreġi kwalunkwe żbalji lingwistiċi jew żbalji ta’ traskrizzjoni u żvisti manifesti fid-deċiżjonijiet tal-Aġenzija jew żbalji tekniċi attribwibbli lill-Aġenzija fir-reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha.”;

(69) L-Artikolu 80 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza, il-frażi “deċiżjoni li jkun fiha żball proċedurali ovvju” jiġi sostitwit b'“deċiżjoni li jkun fiha żball ovvju”;

(b) Fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza hi sostitwita bit-test li ġej:

"Il-kanċellazzjoni tad-dħul fir-reġistru jew ir-revoka tad-deċiżjoni għandhom isiru fi żmien sena mid-data li fiha d-dħul ikun seħħ fir-Reġistru jew li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, wara konsultazzjoni mal-partijiet tal-proċedimenti u kwalunkwe proprjetarju ta’ drittijiet ta’ marka kummerċjali Ewropea in kwistjoni li jkunu mdaħħla fir-Reġistru.”;

(c) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jressqu appell skont l-Artikoli 58 u 65, jew għall-possibbiltà li jiġu korretti l-iżbalji u żvisti manifesti taħt Artikolu 79d. Fejn ikun ġie ppreżentat appell kontra deċiżjoni tal-Aġenzija li fih żball, il-proċeduri tal-appell għandhom isiru mingħajr skop meta tirrevoka d-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(70) L-Artikolu 82 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 29(1), l-Artikolu 33(1), l-Artikolu 36(2), l-Artikolu 41(1) u (3), l-Artikolu 47(3), l-Artikolu 60, l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 81, l-Artikolu 112, jew għal-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-limitu taż-żmien għal pretensjoni ta’ prijorità skont l-Artikolu 34 wara li l-applikazzjoni tkun ġiet preżentata.”;

(b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Jekk l-Aġenzija taċċetta l-applikazzjoni, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tal-limitu taż-żmien għandhom ikunu meqjusa bħala li ma kinux seħħew. Jekk ittieħdet deċiżjoni bejn l-iskadenza tal-limitu taż-żmien li ma jkunx ġie osservat u t-talba għal-kontinwazzjoni tal-proċedimenti, id-dipartiment kompetenti li għandu jiddeċiedi dwar l-att imħolli barra għandu jirrevedi d-deċiżjoni u, meta l-ikkompletar tal-att imħolli barra nnifsu huwa biżżejjed, jieħu deċiżjoni differenti. Jekk id-deċiżjoni oriġinali ma għandhiex tinbidel, dan għandu jiġi kkonfermat bil-miktub.”;

(71) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 82a li ġej:

“Artikolu 82a Interruzzjoni tal-proċedimenti

Meta tinterrompi jew tkompli bil-proċedimenti, l-Aġenzija għandha tikkonforma mal-modalitajiet stabbiliti skont Artikolu 93a(i).”;

(72) L-Artikolu 83 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 83 Referenza għall-prinċipji ġenerali

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali f’dan ir-Regolament jew fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha tqis il-prinċipji ta’ liġi proċedurali ġeneralment rikonoxxuti mill-Istati Membri.”;

(73) Fl-Artikolu 85(1), il-kliem “skont l-istess kundizzjonijiet li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Implementazzjoni” huwa sostitwit bi “taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti skont Artikolu 93a(j).”;

(74) Fl-Artikolu 86(2), it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità unika responsabbli għall-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni u għandu jikkomunika d-dettalji ta’ kuntatt tagħha lill-Aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni. L-ordni għall-infurzar tad-deċiżjoni għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni minn dik l-awtorità, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni.”;

(75) L-Artikolu 87 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 87 Ir-reġistru tal-marki kummerċjali Ewropej

1. L-Aġenzija għandha żżomm Reġistru, li għandu jkun fih dawk id-dettalji li għandhom jiġu reġistrati jew inklużi skont dan ir-Regolament jew b’att delegat adottat skont dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha żżomm ir-Reġistru aġġornat.

2. Ir-Reġistru għandu jkun miftuħ għall-ispezzjoni pubblika. Dan jista’ jinżamm b’mod elettroniku.

3. L-Aġenzija għandha żżomm bażi ta’ dejta elettronika li jkun fiha l-partikolaritajiet ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ marki kummerċjali Ewropej u l-entrati li saru fir-Reġistru. Il-kontenut ta’ dik il-bażi ta’ dejta jista’ jsir disponibbli għall-pubbliku. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-bażi ta’ dejta u l-mod li bih il-kontenut ta’ din il-bażi ta’ dejta jista’ jsir disponibbli f’forma li tista’ tinqara minn magna, inklużi l-ħlasijiet korrispondenti.”;

(76) L-Artikolu 88 huwa emendat kif ġej:

(a) it-titolu “Spezzjoni ta’ fajls” jiġi sostitwit bi “Spezzjoni u żamma ta’ fajls”;

(b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Meta l-fajls jiġu spezzjonati skont il-paragrafi 2 jew 3, ċerti dokumenti fil-fajl jistgħu jinżammu milli jiġu spezzjonati. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mezzi ta’ spezzjoni.

5. L-Aġenzija għandha żżomm il-fajls ta’ kull proċedura dwar applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea jew reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-għamla li fiha dawk il-fajls għandhom jinżammu. Meta l-fajls jiġu miżmuma fil-forma elettronika, id-dokumenti oriġinali li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-fajls elettroniċi għandhom jintremew wara perjodu ta’ żmien minn meta tirċevihom l-Aġenzija, li għandu jiġi stabbilit mid-Direttur Eżekuttiv.”;

(77) L-Artikolu 89 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 89 Pubblikazzjonijiet perjodiċi

1. L-Aġenzija għandha tippubblika perjodikament:

(a) Bulettin tal-marki kummerċjali Ewropej li fih ikunu jinsabu l-entrati mniżżla fir-Reġistru kif ukoll dettalji oħrajn li għandhom jiġu pubblikati skont dan ir-Regolament jew permezz ta’ atti delegati adottati skont dan ir-Regolament;

(b) Ġurnal Uffiċjali li jkun fih avviżi u informazzjoni ta' karattru ġenerali maħruġa mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, kif ukoll kull informazzjoni oħra relevanti għal dan ir-Regolament jew għall-implimentazzjoni tiegħu.

Il-pubblikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi.

2. Il-Bulettin tal-Marki Kummerċjali Ewropej għandu jiġi ppubblikat bil-mod u l-frekwenza stabbilita mid-Direttur Eżekuttiv.

3. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina li ċerti oġġetti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.”;

(78) L-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tieni sentenza, persuni naturali jew ġuridiċi li ma għandhom la domiċilju u lanqas post prinċipali ta' kummerċ jew stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali fl-Unjoni għandhom jiġu rappreżentati quddiem l-Aġenzija skont l-Artikolu 93(1) f'kull proċedimenti stabbiliti minn dan ir-Regolament, ħlief fil-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-persuni naturali jew ġuridiċi msemmija f’dak is-subparagrafu m’hemmx għalfejn jiġu rappreżentati quddiem l-Aġenzija fil-każijiet previsti skont Artikolu 93a(p).”;

(b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti skont Artikolu 93a(p) huma sodisfatti, għandu jinħatar rappreżentant komuni.”;

(79) L-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Ir-rappreżentanza ta’ persuni naturali jew ġuridiċi quddiem l-Aġenzija tista’ ssir biss minn;

(a) kwalunkwe prattikant legali kwalifikat fi Stat Membru u li għandu l-post tan-negozju tiegħu ġewwa l-Unjoni, sakemm huwa intitolat, fl-Istat imsemmi, li jaġixxi bħala rappreżentant fi kwistjonijiet ta’ marki kummerċjali;

(b) rappreżentanti professjonali li l-ismijiet tagħhom jidhru fil-lista aġġornata għal dan l-iskop mill-Aġenzija.

Ir-rappreżentanti li jidhru quddiem l-Aġenzija għandhom, fuq it-talba mill-Aġenzija, jippreżentawha b'awtorizzazzjoni ffirmata li għandha tiddaħħal fil-fajls.”;

(b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jagħti eżenzjoni minn:

(a) ir-rekwiżit tal-paragrafu 2(c), it-tieni sentenza, jekk l-applikant iġib prova li huwa akkwista l-kwalifika rikjesta b'mod ieħor;

(b) ir-rekwiżit tal-paragrafu 2(a) f’każ ta’ professjonisti kwalifikati ħafna, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti tal-paragrafi 2(b) u (c) jiġu sodisfatti.”;

(c) il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'5. Persuna tista’ titneħħa mil-lista ta’ rappreżentanti professjonali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 93a(p).”;

(80) Fit-Titolu IX għandha tiżdied it-Taqsima 5 li ġejja:

"TAQSIMA 5 Konferiment tas-setgħat

Artikolu 93a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-forma tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 75;

(b) il-modalitajiet tal-proċedimenti orali u t-teħid ta’ evidenza msemmija fl-Artikoli 77 u 78;

(c) il-modalitajiet tan-notifika msemmija fl-Artikolu 79;

(d) il-proċedura ta’ notament tat-telfa ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu 79a;

(e) ir-regoli dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni, inklużi l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi msemmija fl-Artikolu 79b, li għandhom jintużaw mill-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-Aġenzija u l-formoli li għandhom ikunu disponibbli mill-Aġenzija;

(f) ir-regoli għall-kalkolu u t-tul ta’ żmien stipulat imsemmi fl-Artikolu 79c(1);

(g) il-proċedura għall-korrezzjoni ta’ żbalji lingwistiċi jew żbalji ta’ traskrizzjoni u żbalji manifesti fid-deċiżjonijiet tal-Aġenzija u żbalji tekniċi attribwibbli lill-Aġenzija fir-reġistrazzjoni ta' marka kummerċjali jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 79d;

(h) il-proċedura għar-revoka ta’ deċiżjoni jew għall-kanċellament ta’ annotazzjoni fir-Reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 80(1);

(i) il-modalitajiet ta’ interruzzjoni u tkomplija tal-proċedimenti quddiem l-Aġenzija kif imsemmija fl-Artikolu 82a;

(j) il-proċeduri li jirrigwardaw il-qsim u l-ffissar ta’ spejjeż, kif imsemmi fl-Artikolu 85(1);

(k) id-dettalji msemmija fl-Artikolu 87(1);

(l) il-proċedura għal spezzjoni tal-fajls prevista fl-Artikolu 88, inklużi l-partijiet tal-fajl esklużi minn ispezzjoni, u l-modalitajiet ta’ żamma ta’ fajls tal-Aġenzija previsti fl-Artikolu 88(5);

(m) il-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tad-dettalji u annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 89(1)(a) fil-Bulettin tal-Marki Kummerċjali Ewropej, inkluż it-tip ta’ informazzjoni, u l-lingwi li bihom dawk id-dettalji u entrati għandhom ikunu ppubblikati;

(n) il-frekwenza, il-forma u lingwi li fihom pubblikazzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 89(1)(b) għandhom isiru;

(o) il-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet tal-Istati Membri u spezzjoni ta’ fajls minn jew permezz ta’ qrati jew awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 90;

(p) derogi mill-obbligu ta’ rappreżentazzjoni quddiem l-Aġenzija skont l-Artikolu 92(2), il-kundizzjonijiet li taħthom rappreżentant komuni għandu jinħatar skont l-Artikolu 92(4), il-kundizzjonijiet li taħthom impjegati msemmija fl-Artikolu 92(3) u rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 93(1) għandhom jippreżentaw lill-Aġenzija awtorizzazzjoni ffirmata sabiex ikunu jistgħu jwettqu rappreżentanza, il-kontenut ta’ dik l-awtorizzazzjoni, u l-kundizzjonijiet li taħthom persuna tista’ titneħħa mil-lista ta’ rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 93(5).”;

(81) Fit-Titolu X, it-titlu tat-Taqsima 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”;

(82) L-Artikolu 94 huwa emendat kif ġej:

(a) It-titolu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”;

(b) fil-paragrafu 1, “Regolament (KE) Nru 44/2001” jiġi sostitwit minn “regoli tal-Unjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”;

(c) jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

'3. Referenzi f’dan ir-Regolament għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandhom jinkludu, fejn xieraq, il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali magħmul fid-19 ta’ Ottubru 2005.”;

(83) Fl-Artikolu 96(c), “Artikolu 9(3), it-tieni sentenza” hija sostitwita bl-“Artikolu 9b (2)”;

(84) Fl-Artikolu 99, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'3. Fl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 96(a) u (c), stqarrija relatata ma’ revoka jew invalidità ta’ marka kummerċjali Ewropea mressqa b’mezz ieħor u mhux permezz ta’ kontrotalba għandha tkun ammissibbli sakemm il-konvenut jiddikjara li d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ marka kummerċjali Ewropea jistgħu jiġu revokati minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin fiż-żmien meta saret l-azzjoni ta’ vjolazzjoni.”;

(85) L-Artikolu 100 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Il-qorti tal-marki kummerċjali Ewropej li permezz tagħha kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-marka kummerċjali Ewropea tkun ġiet preżentata ma għandhiex tipproċedi b’eżami tal-kontrotalba, sakemm jew il-parti interessata jew il-qorti jkunu infurmaw lill-Aġenzija dwar id-data ta’ meta tkun ġiet preżentata l-kontrotalba. L-Aġenzija għandha tirreġistra dik l-informazzjoni fir-Reġistru. Jekk applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ marka kummerċjali Ewropea hija pendenti quddiem l-Aġenzija, il-qorti għandha tkun infurmata minnufih mill-Aġenzija u twaqqaf il-proċedimenti sakemm id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tkun finali jew sakemm l-applikazzjoni tiġi rtirata.”;

(b) il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'6. Fejn qorti ta’ marki kummerċjali Ewropej tkun tat sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal revoka jew għal invalidità ta’ marka kummerċjali Ewropea, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-Aġenzija mingħajr dewmien, jew mill-qorti jew minn kwalunkwe mill-partijiet tal-proċeduri nazzjonali. L-Aġenzija jew kull parti interessata oħra, tista’ titlob informazzjoni dwar din it-trażmissjoni. L-Aġenzija għandha ssemmi s-sentenza fir-Reġistru u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mal-parti operattiva tagħha.”;

(86) Fl-Artikolu 102, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'2. Il-qorti ta’ marki kummerċjali Ewropej tista’ wkoll tapplika miżuri jew ordnijiet disponibbli skont il-liġi applikabbli li jkun jidhrilha xieraq skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.”;

(87) L-Artikolu 108 huwa mħassar;

(88) Fl-Artikolu 113 (3), il-frażi “flimkien mal-kundizzjonijiet formali stabbiliti fir-Regolament tal-Implementazzjoni” jinbidel bi “flimkien mal-kundizzjonijiet formali stabbiliti skont l-Artikolu 114a”;

(89) Fl-Artikolu 114(2), il-kliem ‘ir-Regolament tal-Implimentazzjoni’ huma sostitwiti bi ‘atti delegati adottati skont dan ir-Regolament”;

(90) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 114a li ġej:

“Artikolu 114a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifikaw ir-rekwiżiti formali li magħhom applikazzjoni għal konverżjoni ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea għandhom ikunu konformi, id-dettalji tal-eżaminazzjoni tagħha, u dawk li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni tagħha.”;

(91) Fl-Artikolu 116, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

'2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali ssekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Aġenzija. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali fl-Aġenzija.”;

(92) Fl-Artikolu 117, il-kliem “lill-Uffiċċju” huwa sostitwit bi “lill-Aġenzija u l-persunal tagħha”;

(93) L-Artikolu 119 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“It-traduzzjoni għandha tiġi ppreżentata fiż-żmien preskritt skont Artikolu 144a(b).”;

(b) jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

'8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddetermina l-mod li bih għandhom jiġu ċċertifikati t-traduzzjonijiet.”;

(94) Fl-Artikolu 120(1), il-kliem “ir-Regolament tal-Implimentazzjoni” huma sostitwiti b'“atti delegati adottati skont dan ir-Regolament”;

(95) L-Artikolu 122 huwa mħassar;

(96) L-Artikolu 123 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 123 Trasparenza

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 228 u 263 tat-Trattat rispettivament.

4. L-ipproċessar tad-dejta personali mill-Aġenzija għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

(*) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(**) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.';

(97) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 123a li ġej:

“Artikolu 123a Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji ta’ sigurtà li jinsabu fir-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (*). L-applikazzjoni tal-prinipji tas-sigurtà għandha tkopri, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ informazzjoni bħal din.

(*) ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.”;

(98) Fit-Titolu XII għandha tiżdied it-Taqsima 1a li ġejja:

“TAQSIMA 1a Kompiti tal-Aġenzija u kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-konverġenza

Artikolu 123b Kompiti tal-Aġenzija

1. L-Aġenzija għandu jkollha dawn il-kompiti li ġejjin:

(a) l-amministrazzjoni u l-promozzjoni tas-sistema Ewropea tal-marki kummerċjali Ewropej stabbilita f’dan ir-Regolament;

(b) l-amministrazzjoni u l-promozzjoni tas-sistema Ewropea tad-disinn stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (*);

(c) il-promozzjoni ta’ konverġenza ta’ prattiċi u għodod fl-oqsma tal-marki kummerċjali u d-disinnji b’kooperazzjoni mal-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux;

(d) il-kompiti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

2. L-Aġenzija għandha tikkoopera ma’ istituzzjonijiet, awtoritajiet, korpi, uffiċċji tal-proprjetà industrijali, organizzazzjonijiet internazzjonali u dawk mhux governattivi fir-rigward tal-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

3. L-Aġenzija tista’ tipprovdi servizzi ta’ medjazzjoni volontarja sabiex tgħin lill-partijiet biex jilħqu ftehim amikevoli.

Artikolu 123c Kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-konverġenza ta’ prattiki u għodod

1. L-Aġenzija u l-uffiċċji għall-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jippromwovu l-konverġenza ta’ prattiki u għodod fil-qasam tal-marki kummerċjali u d-disinji.

Din il-kooperazzjoni għandha tkopri l-oqsma ta’ attività li ġejjin:

(e) l-iżvilupp ta’ standards tal-eżaminar komuni;

(f) il-ħolqien ta’ bazijiet ta’ dejta komuni jew konnessi u portali għal konsultazzjoni, tiftix u skopijiet ta’ elenkar mal-Unjoni kollha;

(g) il-proviżjoni kontinwa u skambju ta’ dejta u informazzjoni, inklużi l-għoti ta’ informazzjoni lill-bazijiet ta’ dejta u portali msemmija fil-punt (b);

(h) l-istabbiliment ta’ standards u prattiki komuni, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn proċeduri u sistemi fl-Unjoni kollha u t-titjib tal-konsistenza l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom;

(i) il-qsim ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali u l-proċeduri, inkluż l-appoġġ reċiproku għal helpdesks u ċentri ta’ informazzjoni;

(j) l-iskambju ta’ għarfien espert tekniku u għajnuna b’rabta maż-żoni stabbiliti fil-paragrafi (a) sa (e).

2. L-Aġenzija għandha tiddefinixxi, telaboraw u tikkoordina proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni fir-rigward tal-oqsma msemmija fil-paragrafu 1. Id-definizzjoni tal-proġett għandu jkun fiha l-obbligi u r-responsabbiltajiet speċifiċi ta' kull uffiċċju tal-proprjetà industrijali parteċipanti tal-Istati Membri u tal-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux.

3. L-uffiċċju tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux għandhom jipparteċipaw b’mod effettiv fi proġetti komuni msemmija fil-paragrafu 2 bil-għan li jiġu żgurati l-iżvilupp, il-funzjonament, u l-interoperabbiltà tagħhom, u jinżammu aġġornati.

4. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-appoġġ finanzjarju għal proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 2 sakemm dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tal-uffiċċji tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux fil-proġetti skont it-tifsira tal-paragrafu 3. Dan l-appoġġ finanzjarju jista’ jieħu l-forma ta’ għotjiet. L-ammont totali tal-finanzjament ma għandux jaqbeż 10% tad-dħul annwali tal-Aġenzija. Il-benefiċjarji ta’ għotjiet għandhom ikunu l-uffiċċju tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux. L-għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħiet għall-proposti skont ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija u l-prinċipji ta’ proċeduri tal-għotja li jinsabu fir-Regolament Finanzjarju (UE) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***) u fir-Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (****).

(*) ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1.

(**) ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1.

(***) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(****) ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.';

(99) Fit-Titolu XII, it-Taqsimiet 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"TAQSIMA 2 Bord ta’ Tmexxija

Artikolu 124 Funzjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija

1. Mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet attribwiti lill-Kumitat tal-Baġit fit-Taqsima 5, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a) fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 128(4)(c), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-programm ta’ xogħol annwali tal-Aġenzija għas-sena li ġejja, billi jieħu kont tal-opinjoni tal-Kummissjoni, u għandu jgħaddi l-programm ta’ ħidma annwali adottat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

(b) fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 128(4)(d) u filwaqt li jikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta programm strateġiku pluriennali għall-perjodu l-Aġenzija, li jinkludi l-istrateġija tal-Aġenzija għall-kooperazzjoni internazzjonali, wara skambju ta’ opinjonijiet bejn id-Direttur Eżekuttiv u l-kumitat rilevanti fil-Parlament Ewropew, u għandu jgħaddi l-programm strateġiku pluriennali adottat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

(c) fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 128(4)(f), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-rapport annwali u għandu jgħaddi r-rapport annwali adottat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri;

(d) fuq il-bażi ta’ abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 128(4)(g), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-pjan pluriennali fil-qasam tal-politika tal-persunal;

(e) il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fl-Aġenzija;

(f) f'konformità mal-paragrafu 2, għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra mogħtija permezz tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra lill-Awtorità Mogħtija s-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg ("is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra");

(g) il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni adatti għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra, b’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(h) il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar u jista’ jneħħi d-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv jew Deputat Direttur Eżekuttiv mill-kariga skont l-Artikolu 129, u għandu jaħtar il-President, il-presidenti u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell skont l-Artikolu 136;

(i) il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti tal-verifika interna jew esterna u l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 165a, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF);

(j) il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun ikkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ linji ta’ gwida għall-eżaminazzjoni fl-Aġenzija u fil-każijiet l-oħra msemmija f’dan ir-Regolament;

(k) il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jagħti opinjonijiet u jagħmel talbiet għal informazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Kummissjoni jekk huwa jqis li dan huwa meħtieġ.

2. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal u 142 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra, deċiżjoni msejsa fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra, li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità li taħtar lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom din id-delega ta’ poteri tista’ tiġi sospiża.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat biex jgħaddi permezz ta’ sottodelega dawk is-setgħat.

Fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jitolbu dan, il-Bord ta’ Tmexxija jista’, permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delegazzjoni ta' setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk sottodelegati minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal għajr id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 125 Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

1. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-alternati tagħhom.

2. Bla ħsara għar-regoli proċedurali, il-membri tal-Bord ta' Tmexxija jistgħu jkunu megħjunin minn konsulenti jew minn esperti.

3. It-tul tal-mandat għandu jkun ta’ erba’ snin. Dan il-mandat jista' jiġġedded.

Artikolu 126 Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija

1. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi president u viċi president minn fost il-membri tiegħu. Il-viċi president għandu ex officio jissostitwixxi liċ-chairman f'każ li dan ma jkunx jista' jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

2. It-terminu tal-mandat tal-president u tal-viċi president għandu jkun ta’ erba’ snin. Il-mandat tagħhom ikun jista’ jiġġedded darba. Madankollu, jekk is-sħubija tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tintemm fi kwalunkwe ħin matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi wkoll f’dik id-data b’mod awtomatiku.

Artikolu 127 Laqgħat

1. Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-president tiegħu.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-Bord ta’ Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor.

3. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jorganizza laqgħa ordinarja darbtejn fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq inizjattiva tal-president tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni jew terz tal-Istati Membri.

4. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli ta' proċedura.

5. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu. Madanakollu, maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet li l-Bord ta’ Tmexxija għandu s-setgħa li jieħu skont l-Artikolu 124(1)(a) u (b), l-Artikolu 126(1) u l-Artikolu 129(2) u (4). Fiż-żewġ każijiet kull membru għandu biss vot wieħed.

6. Il-Bord ta’ Tmexxija jista' jistieden osservaturi sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu.

7. Is-Segretarjat tal-Bord ta' Tmexxija għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.

TAQSIMA 2a Bord Eżekuttiv

Artikolu 127a Twaqqif

Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistabbilixxi Bord Eżekuttiv.

Artikolu 127b Funzjonijiet u organizzazzjoni

1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jassisti lill-Bord ta’ Tmexxija.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:

(l) iħejji deċiżjonijiet li jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(m) jiżgura, flimkien mal-Bord ta’ Tmexxija, segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u evalwazzjonijiet ta’ awditi interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF);

(n) mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stipulat fl-Artikolu 128, li jassisti u jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-ġestjoni amministrattiva.

3. Meta meħtieġ, minħabba l-urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista’ jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f’isem il-Bord ta’ Tmexxija, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni amministrattiva, inklużi s-sospensjoni tad-delega ta’ setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra.

4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija, rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni fil-Bord ta’ Tmexxija u tliet membri oħra maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija minn fost il-membri tiegħu. Il-President tal-Bord ta’ Tmexxija għandu wkoll ikun il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, iżda ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.

5. It-tul tal-kariga tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. It-tul tal-kariga tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta s-sħubija tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tieqaf.

6. Il-Bord Eżekuttiv għandu jorganizza mill-inqas laqgħa ordinarja waħda kull tliet xhur. Barra minn hekk, hu għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu jew fuq talba tal-membri tiegħu.

7. Il-Bord Eżekuttiv għandu jikkonforma mar-regoli ta’ proċedura stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija.

TAQSIMA 3 Id-Direttur Eżekuttiv

Artikolu 128 Funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv

1. L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti kont lill-Bord ta’ Tmexxija.

2. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Kummissjoni, il-Bord ta’ Tmexxija, u l-Kumitat għall-Baġit, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-doveri u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija.

4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu b’mod partikolari l-funzjonijiet li ġejjin:

(o) għandu jieħu kull pass meħtieġ, inkluż l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' notifiki, sabiex jiżgura li l-Aġenzija tiffunzjona sew;

(p) huwa għandu jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija;

(q) għandu jħejji abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali li jindika r-riżorsi umani u finanzjarji stmati għal kull attività, u jressqu quddiem il-Bord ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(r) huwa għandu jħejji abbozz ta’ programm strateġiku pluriennali, inkluża l-istrateġija tal-Aġenzija għall-kooperazzjoni internazzjonali, u jressqu quddiem il-Bord ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u wara skambju ta’ fehmiet mal-kumitat relevanti fil-Parlament Ewropew;

(s) hu għandu jimplimenta l-programm ta’ ħidma annwali u l-programm strateġiku pluriennali u jirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

(t) huwa għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni;

(u) huwa għandu jħejji abbozz ta’ pjan pluriennali tal-politika tal-persunal u jressaqu quddiem il-Bord ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(v) huwa għandu jipprepara pjan ta’ azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditi interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF), u għandu jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u lill-Bord ta’ Tmexxija;

(w) huwa għandu jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, permezz ta’ impożizzjoni ta’ pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(x) huwa għandu jħejji strateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija u għandu jippreżentaha lill-Kumitat tal-baġit għall-approvazzjoni;

(y) sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament, huwa jista’ jirreferi għall-mistoqsijiet tal-Bord tal-Appell imkabbar dwar punt ta’ liġi, b’mod partikolari jekk il-Bordijiet ta’ Appell ikunu ħarġu deċiżjonijiet differenti dwar dak il-punt;

(z) huwa għandu jħejji l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija u għandu jimplimenta l-baġit;

(aa) hu għandu jeżerċita s-setgħat fdati lilu fir-rigward tal-persunal mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 124(1)(f);

(bb) huwa għandu jeżerċita l-poteri mogħtija lilu mill-Artikoli 26(3), 29(5), 30(2), 45(3), 75(2), 78(5), 79, 79b, 79c, 87(3), 88, 89, 93(4), 119(8) u 144 skont il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament;

(cc) huwa jista’ jiddelega l-funzjonijiet tiegħu.

5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun assistit minn Viċi Direttur Eżekuttiv wieħed jew aktar. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, il-Viċi Direttur Eżekuttiv jew wieħed mill-Viċi Diretturi Eżekuttivi għandu jieħu postu skont il-proċedura stabbilita mill-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 129 Ħatra u tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv u l-estensjoni tat-tul tal-kariga tiegħu

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi impjegat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija, minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord ta’ Tmexxija jista’ jkun mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem kwalunkwe kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jsiru mill-membri tiegħu. Sabiex jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija.

Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

3. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Sal-aħħar ta’ dan il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tikkunsidra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija.

4. Il-Bord ta’ Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn ħames snin.

5. Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fit-tmiem tal-perjodu globali.

6. Id-Deputat Direttur Eżekuttiv jew Deputati Diretturi Eżekuttivi għandhom jinħatru jew jitneħħew mill-kariga kif previst fil-paragrafu 2, wara konsultazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv jew, fejn applikabbli, id-Direttur Eżekuttiv elett. Il-mandat tad-Deptutat Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Dan jista’ jiġi estiż darba għal mhux aktar minn ħames snin mill-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni kif previst fil-paragrafu 4, wara konsultazzjoni mad-Direttur Eżekuttiv.”;

(100) L-Artikolu 130 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt c) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c) dipartiment fdat biż-żamma tar-Reġistru;”

(b) jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f) kwalunkwe unità oħra jew persuna maħtura mid-Direttur Eżekuttiv għal dak l-għan.”;

(101) Fl-Artikolu 132(2), it-tieni sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“F’każijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 144a(c), id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn membru wieħed.”;

(102) L-Artikolu 133 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 133 Dipartiment fdat biż-żamma tar-Reġistru

1. Id-Dipartiment fdat biż-żamma tar-Reġistru għandu jkun responsabbli għal deċiżjonijiet li jirrigwardaw entrati fir-Reġistru.

2. Huwa responsabbli wkoll għaż-żamma ta’ lista ta’ rappreżentanti professjonali msemmija fl-Artikolu 93(2).

3. Id-deċiżjonijiet tad-Dipartiment għandhom jittieħdu minn membru wieħed.”;

(103) L-Artikolu 134 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandha tkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw:

(a) applikazzjoni għar-revoka jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ marka kummerċjali Ewropea,

(b) talba għal assenjament ta’ marka kummerċjali Ewropea kif previst fl-Artikolu 18.”;

(b) fil-paragrafu 2, it-tielet sentenza tiġi sostitwita minn dan li ġej:

“F’każijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 144a(c), id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn membru wieħed.”;

(104) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 134a li ġej:

“Artikolu 134a Kompetenza Ġenerali

Id-deċiżjonijiet meħtieġa minn dan ir-Regolament li ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ eżaminatur, ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew id-Dipartiment fdati biż-żamma tar-Reġistru, għandhom jittieħdu minn kull uffiċjal jew unità waħda maħtura mid-Direttur Eżekuttiv għal dak l-għan.”;

(105) L-Artikolu 135 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'1. Il-bordijiet ta’ Appell għandhom ikunu responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar appelli mid-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 131 sa 134a.”;

(b) fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a) mill-awtorità tal-Bordijiet tal-Appell imsemmijin fl-Artikolu 136(4)(a); jew”;

(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

'4. Il-Bord imkabbar għandu wkoll ikun responsabbli biex jagħti opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet tal-liġi riferiti lilu mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 128(4)(k).”;

(d) fil-paragrafu 5, titħassar l-aħħar sentenza;

(106) L-Artikolu 136 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 136 L-indipendenza tal-membri tal-Bordijiet tal-Appell

1. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell u l-presidenti tal-Bordijiet għandhom ikunu maħtura, b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 129 dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, għal terminu ta' ħames snin. Dawn ma jistgħux ikunu mneħħija mill-kariga matul dan it-terminu, sakemm ma jkunx hemm bażi serja għal tali tneħħija u sakemm il-Qorti tal-Ġustizja, b'applikazzjoni mill-istituzzjoni li tkun ħatrithom, ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar dan l-aspett.

2. Il-mandat tal-President tal-Bordijiet tal-Appell jista’ jiġi estiż darba għal perjodu addizzjonali wieħed ta’ ħames snin, jew sal-età tal-irtirar jekk din l-età tkun milħuqa matul il-mandat il-ġdid, wara li tkun saret valutazzjoni pożittiva tal-prestazzjoni tiegħu mill-Bord ta’ Tmexxija.

3. Il-mandat tal-presidenti tal-Bordijiet jista’ jiġi estiż għal perjodi addizzjonali ta’ ħames snin, jew sal-età tal-irtirar jekk din l-età tkun milħuqa matul il-mandat il-ġdid, wara li tkun saret valutazzjoni pożittiva tal-prestazzjoni tagħhom mill-Bord ta’ Tmexxija, soġġetti għal opinjoni favorevoli mill-President tal-Bordijiet tal-Appell.

4. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu jkollu l-funzjonijiet maniġerjali u organizzazzjonali li ġejjin:

(a) jippresjedi l-awtorità tal-Bordijiet tal-Appell responsabbli għall-istabbiliment tar-regoli u l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Bordijiet;

(b) jassigura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità;

(c) jalloka l-każijiet lil Bord fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi determinati mill-awtorità tal-Bordijiet tal-Appell;

(d) jgħaddi lid-Direttur Eżekuttiv tal-Bordijiet il-ħtiġiet ta’ nfiq, bil-għan li jħejji l-estimi tan-nefqa.

Il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu jippresjedi fuq il-Bord imkabbar.

5. Il-membri tal-Bordijiet tal-Appell għandhom ikunu maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija għal terminu ta' ħames snin. Dan il-mandat jista’ jiġi estiż għal perjodi addizzjonali ta’ ħames snin, jew sal-età tal-irtirar jekk dik l-età tintlaħaq matul il-mandat il-ġdid wara li tkun saret evalwazzjoni pożittiva tal-prestazzjoni tagħhom mill-Bord ta’ Tmexxija, soġġetti għal opinjoni favorevoli mill-President tal-Bordijiet tal-Appell.

6. Il-membri tal-Bordijiet tal-Appell ma għandhomx ikunu mneħħija mill-kariga sakemm ma jkunx hemm bażi serja għal tali tneħħija u l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li l-każ ikunu ġie referut lilha mill-Bord ta’ Tmexxija fuq ir-rakkommandazzjoni tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, wara li jkun ikkonsulta mal-president tal-Bord li tiegħu l-membru jappartieni, jieħu deċiżjoni għal dan l-iskop.

7. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell u l-presidenti u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell għandhom ikunu independenti. Fid-deċiżjonijiet tagħhom dawn ma għandhomx ikunu marbuta b'xi struzzjonijiet.

8. Deċiżjonijiet meħuda minn Bord imkabbar dwar appelli jew opinjonijiet dwar kwistjonijiet tal-liġi riferiti lilu mid-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 135 għandhom jorbtu fuq l-istanzi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 130.

9. Il-President tal-Bordijiet tal-Appell u l-presidenti u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux ikunu l-eżaminaturi jew il-membri tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni, id-Dipartiment fdati biż-żamma tar-Reġistru jew id-Diviżjonijiet tal-Kanċellament.”;

(107) L-Artikolu 138 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 138 Il-Kumitat tal-Baġit

1. Il-Kumitat tal-Baġit għandu jkollu l-funzjonijiet assenjati lilu f'din it-Taqsima.

2. L-Artikoli 125, 126 u 127(1) sa (4), (6) u (7) għandhom japplikaw għall-Kumitat tal-Baġit mutatis mutandis.

3. Il-Kumitat tal-Baġit għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu. Madanakollu, maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu għandhom ikunu meħtieġa għad-deċiżjonijiet li l-Kumitat tal-Baġit għandu s-setgħa li jieħu skont l-Artikoli 140(3) u 143. Fiż-żewġ każijiet kull membru għandu biss vot wieħed.”;

(108) Fl-Artikolu 139 għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

'4. L-Aġenzija għandha tħejji fuq bażi ta’ kull sentejn rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Aġenzija.”;

(109) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 141a li ġej:

“Artikolu 141a Ġlieda kontra l-frodi

1. Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 l-Aġenzija għandha taċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) u tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tal-Aġenzija bl-użu ta’ template stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.

2. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa ta’ awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u ta’ żjarat fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta’ għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Aġenzija.

3. L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-Aġenzija.

4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu espliċitament is-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu dan l-awditjar u l-investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

5. Il-Kumitat tal-Baġit għandu jadotta strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata għar-riskji tal-frodi wara li jikkunsidra l-benefiċċju relatat mal-kost tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati.”;

(110) L-Artikolu 144 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 144 Miżati

1. Minbarra l-miżati imsemmija fl-Artikoli 26(2), 36(1)(c), 41(3), 44(4), 47(1) u (3), 49(4), 56(2), 60, 81(3), 82(1), 113(1) u 147(5), għandhom jiġu imposti miżati fil-każijiet li ġejjin:

(a) il-ħruġ ta’ kopja ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;

(b) ir-reġistrazzjoni ta’ liċenzja jew ta’ dritt ieħor fir-rigward ta’ marka kummerċjali Ewropea;

(c) ir-reġistrazzjoni ta' liċenzja jew ta' dritt ieħor fir-rigward ta' applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea;

(d) il-kanċellazzjoni ta' reġistrazzjoni ta' liċenzja jew dritt ieħor;

(e) it-tibdil ta’ marka kummerċjali Ewropea reġistrata;

(f) il-ħruġ ta’ silta mir-Reġistru;

(g) l-ispezzjoni tal-fajls;

(h) il-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti mill-fajl;

(i) il-ħruġ ta' kopji attestati tal-applikazzjoni;

(j) il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni f'fajl;

(k) reviżjoni tal-kalkoli tal-ispejjeż proċedurali li għandhom jiġu rimborsati.

2. L-ammonti tal-miżati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti f’livell sabiex jiġi żgurat li d-dħul fir-rigward tagħhom ikun fil-prinċipju suffiċjenti biex il-baġit tal-Aġenzija jiġi bbilanċjat filwaqt li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ eċċessi sinifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 139(4), il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-livell ta’ miżati jekk bilanċ favorevoli sinifikanti jsir rikorrenti. Jekk din ir-reviżjoni ma twassalx għal tnaqqis jew modifika fil-livell ta’ miżati li għandu l-effett li jipprevjeni akkumulazzjoni ulterjuri ta’ bilanċ favorevoli sinifikanti, il-bilanċ favorevoli akkumulat wara r-reviżjoni għandu jiġi trasferiti għall-baġit tal-Unjoni.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas għal servizzi pprovduti mill-Aġenzija għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u għal pubblikazzjonijiet maħruġa mill-Aġenzija f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-att delegat adottat skont Artikolu 144a(d). L-ammont tat-tariffa ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż ta’ servizz speċifiċi mogħtija mill-Aġenzija.

4. Skont il-kriterji stabbiliti fl-att delegat adottat skont Artikolu 144a(d), id-Direttur Eżekuttiv jista’ jieħu l-miżuri li ġejjin:

(l) jista’ jistabbilixxi liema metodi speċifiċi ta’ ħlas għajr dawk stabbiliti skont l-Artikolu 144a(d) jistgħu jintużaw, b’mod partikolari permezz ta’ depożiti f’kontijiet kurrenti miżmumin mal-Aġenzija;

(m) jista’ jiddetermina l-ammonti li taħthom somma eċċessiva mħallsa biex tkopri dritt jew ħlas ma titħallasx lura;

(n) jista’ jirrinunzja għall-azzjoni għall-infurzar tal-irkupru ta’ kwalunkwe somma dovuta meta s-somma li għandha tinġabar hija minima jew fejn dan l-irkupru huwa inċert iżżejjed.

Meta l-metodi ta’ ħlas imsemmija fil-punt (a) jistgħu jintużaw, id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi d-data li fiha tali pagamenti għandhom ikunu kkunsidrati bħala li saru lill-Aġenzija.”;

(111) It-taqsima 6 li ġejja hi miżjuda:

"TAQSIMA 6 Delegazzjoni tas-setgħat

Artikolu 144a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 sabiex tistabbilixxi:

(a) il-kriterji speċifiċi tal-użu tal-lingwi msemmija fl-Artikolu 119;

(b) il-każijiet li fihom deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni u kanċellazzjoni għandhom jittieħdu minn membru wieħed skont l-Artikolu 132(2) u l-Artikolu 134(2);

(c) id-dettalji dwar l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell, inkluż it-twaqqif u r-rwol tal-awtorità tal-Bordijiet tal-Appell imsemmija fl-Artikolu 135(3)(a), il-kompożizzjoni tal-Bord imkabbar u r-regoli tad-diferimenti lilu kif imsemmija fl-Artikolu 135(4), u l-kundizzjonijiet li taħthom id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minn membru wieħed skont l-Artikolu 135(2) u (5);

(d) is-sistema ta’ miżati u ħlasijiet pagabbli lill-Aġenzija skont l-Artikolu 144, inkluż l-ammont ta’ miżati, il-metodi tal-ħlas, il-muniti, id-data tal-għeluq għal miżati u ħlasijiet, id-data ta’ meta għandu jsir il-pagament u l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ħlas tard, u kumpens nieqes jew żejjed, is-servizzi li jistgħu jkunu mingħajr ħlas, u l-kriterji li jiddeterminaw jekk id-Direttur Eżekuttiv jistax jeżerċita s-setgħat stipulati fl-Artikolu 144(3) u (4).”;

(112) Fl-Artikolu 145, il-kliem “ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tiegħu” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “atti delegati adottati skont dan ir-Regolament”;

(113) Fl-Artikolu 147, il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

'4. Il-preżentazzjoni ta' applikazzjoni internazzjonali għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta' miżata lill-Aġenzija. Fejn ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun ibbażata fuq marka kummerċjali Ewropea ladarba tkun reġistrata, il-miżata għandha tkun dovuta fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-marka kummerċjali Ewropea. L-applikazzjoni għandha tkun meqjusa li ma ġietx ippreżentata sakemm il-miżata meħtieġa tkun ġiet imħallsa.

5. L-applikazzjoni internazzjonali għandha tissodisfa r-rekwiżiti formali stabbiliti skont l-Artikolu 161a(a).

6. L-Aġenzija għandha teżamina jekk l-applikazzjoni internazzjonali tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 146 u fil-paragrafi 1, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

7. L-Aġenzija għandha tibgħat l-applikazzjoni internazzjonali lill-Bureau Internazzjonali malajr kemm jista' jkun.”;

(114) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 148a li ġej:

“Artikolu 148a Notifika tal-invalidità tal-applikazzjoni jew reġistrazzjoni bażika

Fi żmien ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-Bureau Internazzjonali dwar il-fatti u d-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-validità ta’ applikazzjoni għal marka kummerċjali Ewropea jew ir-reġistrazzjoni ta’ marka kummerċjali Ewropea li fuqha r-reġistrazzjoni internazzjonali kienet ibbażata.”;

(115) Fl-Artikolu 149, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“It-talba għandha tissodisfa r-rekwiżiti formali stabbiliti skont l-Artikolu 161a(c).”;

(116) L-Artikolu 154(4) huwa mħassar;

(117) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 154a li ġej:

“Artikolu 154a Marki kollettivi u ta’ ċertifikazzjoni

Fejn reġistrazzjoni internazzjonali hija bbażata fuq applikazzjoni bażika jew reġistrazzjoni bażika dwar marka kollettiva, marka ta’ ċertifikazzjoni jew marka ta’ garanzija, l-Aġenzija għandha tikkonforma mal-proċeduri previsti skont Artikolu 161a(f).”;

(118) L-Artikolu 155 huwa mħassar;

(119) L-Artikolu 156 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 2, il-kliem “sitt xhur” huma ssostitwiti b’ “xahar”;

(b) il-paragrafu 4 jitħassar.

(120) L-Artikoli li ġejjin 158a, 158b u 158c huma mdaħħla:

“Artikolu 158a Effett legali tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment

Ir-rekordjar ta’ tibdil fil-pussess tar-reġistrazzjoni internazzjonali fuq ir-Reġistru Internazzjonali għandu jkollu l-istess effett bħall-entrata tat-trasferiment fir-Reġistru skont l-Artikolu 17.

Artikolu 158b Effetti legali ta reġistrazzjoni ta' liċenzi u drittijiet oħra

Ir-rekordjar ta’ liċenzja jew restrizzjoni tad-dritt tal-kontroll tad-detentur fir-rigward tar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-Reġistru Internazzjonali għandu jkollu l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ liċenzja, dritt in rem, taxxa ta’ eżekuzzjoni jew proċedimenti ta’ insolvenza fir-reġistru skont l-Artikoli 19, 20, 21 u 22 rispettivament.

Artikolu 158c Eżaminazzjoni ta' talbiet għal reġistrazzjonijiet ta’ trasferimenti, liċenzji u restrizzjonijiet tad-dritt tal-kontroll tad-detentur

L-Aġenzija għandha tittrażmetti talbiet biex tiġi rreġistrata bidla fil-pussess, liċenzja jew restrizzjoni tad-dritt tal-kontroll tad-detentur, l-emenda jew il-kanċellazzjoni ta’ liċenzja jew it-tneħħija ta’ restrizzjoni tad-dritt tal-kontroll tad-detentur li ġew iffajljati miegħu lill-Bureau Internazzjonali fil-każijiet speċifikati skont Artikolu 161a(h).”;

(121) L-Artikolu 159 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) f’nomina ta’ Stat Membru parti fil-Protokoll ta’ Madrid, sakemm fid-data meta l-konverżjoni kienet mitluba kien possibbli li jinħatar dak l-Istat Membru direttament skont il-Protokoll ta’ Madrid. L-Artikoli 112, 113 u 114 japplikaw.”;

(b) fil-paragrafu 2, il-kliem “jew il-Ftehim ta’ Madrid” huma mħassra;

(122) Fit-Titolu XIII għandha tiżdied it-Taqsima 4 li ġejja:

"TAQSIMA 4 Konferiment tas-setgħat

Artikolu 161a Delegazzjoni tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 163 li jispeċifika:

(a) ir-rekwiżiti formali ta’ applikazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 147(5), il-proċedura għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 147(6) u l-modalitajiet tat-trażmissjoni tal-applikazzjoni internazzjonali lill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 147(4);

(b) il-modalitajiet tan-notifika previsti fl-Artikolu 148a;

(c) ir-rekwiżiti formali ta’ talba għal estensjoni territorjali kif imsemmi fl-Artikolu 149(2), il-proċedura għall-eżaminazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tat-trażmissjoni għat-talba għal estensjoni territorjali lill-Bureau Internazzjonali;

(d) il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ talba għal anzjanita skont l-Artikolu 153;

(e) il-proċeduri għall-eżaminazzjoni ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 154 u għall-applikazzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 156, inkluż il-komunikazzjonijiet kollha neċessarji li għandhom isiru lill-Uffiċċju Internazzjonali;

(f) il-proċeduri rigward ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 154a;

(g) il-każijiet fejn l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali bl-invalidazzjoni tal-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 158 u l-informazzjoni li din in-notifika għandu jkun fiha;

(h) il-modalitajiet tat-trażmissjoni tat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 158c lill-Bureau Internazzjonali;

(i) il-kundizzjonijiet li magħhom talba għal konverżjoni skont Artikolu 159(1) għandhom ikunu konformi;

(j) il-kundizzjonijiet formali ta’ applikazzjoni għal trasformazzjoni msemmija fl-Artikolu 161 u l-proċeduri għal din it-trasformazzjoni;

(k) il-modalitajiet ta’ komunikazzjonijiet bejn l-Aġenzija u l-Uffiċċju Internazzjonali, inklużi l-komunikazzjonijiet li għandhom isiru skont l-Artikoli 147(4), 148a, 153(2) u 158c.”;

(123) L-Artikolu 162 huwa mħassar;

(124) L-Artikolu 163 huwa mħassar;

(125) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 163a li ġej:

“Artikolu 163a Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 24a, 35a, 45a, 49a, 57a, 65a, 74a, 74k, 93a, 114a, 144a u 161a għandha tiġi konferita għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 24a, 35a, 45a, 49a, 57a, 65a, 74a, 74k, 93a, 114a, 144a u 161a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx ġiet espressa oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(126) L-Artikolu 164 huwa mħassar;

(127) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 165a li ġej:

“Artikolu 165a Evalwazzjoni u reviżjoni

1. Sal-2019, u kull ħames snin minn hemm’ il quddiem, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2. l-evalwazzjoni għandha tirrevedi l-qafas legali għall-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Uffiċċju għall-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux, b’attenzjoni partikolari għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament. L-evalwazzjoni għandha tkompli tivvaluta l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-Aġenzija u l-prattiċi tax-xogħol tagħha. L-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi modifikat il-mandat tal-Aġenzija, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din.

3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta’ Tmexxija. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

4. Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, għandu jkun hemm ukoll valutazzjoni tar-riżultati miksuba mill-Aġenzija wara li jitqiesu l-għanijiet, il-mandat u l-kompiti tagħha. Jekk il-Kummissjoni tqis li t-tkomplija tal-Aġenzija ma għadhiex iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet, il-mandat u l-kompiti assenjati tagħha, tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi revokat.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ [speċifika data 90 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].

Artikolu 1(9), (10)(b), (21), (22), (23), (25), (26), (27), (29), (30), (31), (34), (37), (38), (41), (44), (46), (57), (58), (59), (60), (61), (63), (64), (66), (67), (68), (69), (70), (71), (72), (73), (75), (76), (77), (78), (79), (88), (89), (93), (94), (99) ħlief sa fejn dan ikollu x’jaqsam mal-Artikolu 128(4)(n), (101), (103)(b), (105)(d), (112), (113), (114), (115), (117), (120), (123) u (124) għandhom japplikaw mill-ewwel xahar wara t-18-il xahar wara d-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività tal-21 u t-22 ta’ Mejju 2007, Dokument tal-Kunsill 9427/07.

[2]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, COM (2008) 394 finali tal-25 ta’ Ġunju 2008.

[3]               COM(2008)465 finali tas-16 ta’ Lulju 2008.

[4]               COM (2010) 546 finali tas-6 ta’ Ottubru 2010.

[5]               Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Li jagħti spinta lill-kreattivita u innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa - COM(2011) 287.

[6]               Ara l-aħħar studju MPI, inklużi l-Annessi, fuq http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/tm/index_en.htm.

[7]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 ta’ Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni futura tas-sistema tat-Trade Marks kummerċjali fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 140, 29.5.2010, P. 22.

[8]               ĠU UASI 2005, p. 1402.

[9]               ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

[10]             ĠU L 154, 17.6.2009, p. 1.

[11]             ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

[12]             Il-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, ĠU L 336, 23.12.1994, p. 213.

[13]             Opinjoni ta’ AG Jääskinen fil-Każ C-323/09, Interflora, para. 9.

[14]             Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, il-Kawża C-17/06, Céline, Ġabra I-07041.

[15]             ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

[16]             Is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kawżi C-446/09 Philips u C-495/09 Nokia.

[17]             Id-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej imdaħħla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill, dwar l-ewwel Direttiva tal-Kunsill li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-marki kummerċjali adottati fil-21 ta’ Diċembru 1988.

[18]             Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Il-Kawża C-307/10, “IP Translator”.

[19]             Il-Komunikazzjoni Nru 2/12 tal-President tal-Uffiċċju, ĠU UASI 7/2012.

[20]             ĠU L 303, 15.12.1995, p. 1.

[21]             ĠU L 303, 15.12.1995, p. 33.

[22]             ĠU L 28, 6.2.1996, p. 11.

[23]               ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 79.

[24]               ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.

[25]               ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1.

[26]               ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25.

[27]               COM(2008) 465.

[28]               ĠU C 140, 29.5.2010, p. 22.

[29]               COM(2011) 287.

[30]               ĠU L 336, 23.12.1994, p. 214.

[31]               ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

Top