Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0029

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja

/* COM/2013/029 final - 2013/0029 (COD) */

52013PC0029

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja /* COM/2013/029 final - 2013/0029 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-White Paper tagħha tal-2011 dwar il-politika tat-trasport adottata fit-28 ta’ Marzu 2011[1], il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha ta’ Żona Ferrovjarja Unika Ewropea b’suq ferrovjarju intern li fih l-impriżi ferrovjarji Ewropej jistgħu jipprovdu servizzi mingħajr xkiel tekniku u amministrattiv bla bżonn.

Bosta inizjattivi ta' politika għarfu l-potenzjal tal-infrastruttura ferrovjarja bħala pedament għas-suq intern u xprunatur ta' tkabbir sostenibbli. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Jannar 2012 xeħtu dawl fuq l-importanza li jsir l-aqwa użu mill-potenzjal tat-tkabbir kollu ta' Suq Uniku integrat bis-sħiħ, inklużi miżuri fir-rigward tal-industriji li jużaw netwerk. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi adottata fit-30 ta’ Mejju 2012 saħqet fuq l-importanza li jkomplu jitnaqqsu l-piżijiet u l-ostakli regolatorji fis-settur ferrovjarju. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza tas-suq uniku, adottata fit-8 ta’ Ġunju 2012[2], saħqet hi wkoll fuq l-importanza tas-settur tat-trasport.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni pproponiet, għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tal-2014-2020, li tinħoloq il-"Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" (CEF), u li jiġu allokati EUR 31.7 biljun għall-infrastruttura tat-trasport mill-pakkett totali ta' EUR 50 biljun.

Fl-aħħar deċennju, tliet "pakketti ferrovjarji" leġiżlattivi fetħu b’mod progressiv swieq nazzjonali u għamlu l-ferroviji iktar kompetittivi u interoperabbli fil-livell tal-UE. Madankollu, minkejja l-iżvilupp konsiderevoli tal-acquis tal-UE, is-sehem modali tal-ferroviji fit-trasport intra-UE baqa' moderat. Din il-proposta għandha fil-mira tagħha lil dawk l-ostakoli li jifdal, li jillimitaw l-effikaċja tas-swieq ferrovjarji.

1.2.      Problemi li għandhom jiġu indirizzati

L-ewwel nett, l-ostakli li jifdal huma marbutin mal-aċċess għas-suq għal servizzi domestiċi għall-passiġġieri. F'ħafna Stati Membri, dawn is-swieq huma magħluqin għall-kompetizzjoni, u dan mhux talli jillimita l-iżvilupp tagħhom, talli joħloq ukoll inugwaljanzi bejn dawk l-Istati Membri li fetħu s-swieq tagħhom u dawk li ma fetħuhomx.

Il-maġġoranza tas-servizzi domestiċi għall-passiġġieri ma jistgħux jiġu pprovduti fuq bażi kummerċjali biss u jeħtieġu l-appoġġ mill-Istat. Dawn jitwettqu b'kuntratti ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, dan il-pakkett leġiżlattiv jindirizza wkoll il-kwistjoni ta' kompetizzjoni għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, u punti addizzjonali bħad-disponibbiltà ta' vetturi ferrovjarji għal offerenti potenzjali tali kuntratti, u sistemi integrati ta' skedar u bejgħ ta' biljetti fejn dawn ikunu ta’ benefiċċju għall-passiġġier.

It-tieni sett ta' problemi li jipprevjenu lis-suq ferrovjarju milli jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu huwa magħmul minn kwistjonijiet marbutin mal-governanza tal-amministraturi tal-infrastruttura. Peress li l-amministraturi tal-infrastruttura huma monopolji naturali, dawn mhux dejjem jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tas-swieq u tal-utenti tagħhom, b'hekk itappnu l-prestazzjoni tas-settur inġenerali. F'għadd ta' Stati Membri, l-amministraturi tal-infrastruttura ma jistgħux iwettqu l-kompiti tagħhom, peress li l-funzjonijiet tagħhom huma maqsumin bejn korpi differenti. Barra minn hekk, il-qafas legali attwali għadu ma wassalx għal kooperazzjoni transfruntiera mtejba fost l-amministraturi tal-infrastruttura.

Barra minn hekk, għadd ta' ostakli għad-dħul fis-suq ġejjin minn sitwazzjonijiet fejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet ta' trasport huma parti mill-istess struttura integrata. F’każ bħal dan, l-amministraturi tal-infrastruttura jaffaċċjaw kunflitt ta’ interess minħabba li jkollhom iqisu l-interessi kummerċjali tal-istruttura integrata u s-sussidjarji tat-trasport tagħha, u għandhom l-inċentiv li jiddiskriminaw fl-għoti tal-aċċess għall-infrastruttura.

Fl-aħħar nett, l-istrutturi integrati jagħmluha ferm iktar diffiċli lik tissaħħaħ is-separazzjoni tal-kontijiet bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet ta' trasport. Ir-regolaturi jsibuha diffiċli jittraċċaw il-flussi finanzjarji bejn is-sussidjarji differenti u l-kumpanija azzjonarja fi struttura integrata. L-għodod kontabilistiċi jippermettu li jkun hemm żieda jew tnaqqis artifiċjali tar-riżultati tas-sussidjarja rispettiva. Il-prattiki ta' sussidjar reċiproku u t-trasferimenti ta' fondi infrastrutturali għal attivitajiet kompetittivi huma ostaklu serju għad-dħul fis-suq għall-operaturi l-ġodda li ma għandhomx il-possibbiltà li jibbażaw fuq tali fondi. Prattiċi ta’ sussidjar reċiproku jistgħu jimplikaw ukoll li tingħata għajnuna mill-istat għal attivitajiet kompetittivi.

1.2.      Għanijiet ġenerali

L-għan ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea huwa li tistabbilixxi suq intern permezz ta' grad għoli ta' kompetittività u bl-iżvilupp armonizzat, ibbilanċjat u sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport iddikjarat li sal-2050, il-maġġoranza tat-trasport ta' passiġġieri fuq distanza medja għandu jsir bil-ferrovija. Din il-bidla modali għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta' gass serra previst fl-Aġenda Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u innovattiv[3]. Il-White Paper waslet għall-konklużjoni li ma hija ser tkun possibbli l-ebda bidla kbira fit-trasport mingħajr l-appoġġ ta' infrastruttura adegwata u ta’ approċċ iktar intelliġenti għall-użu tagħha.

L-għan ġenerali tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju huwa li jtejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji billi jneħħi kwalunkwe ostaklu legali, istituzzjonali u tekniku li fadal, u jrawwem il-prestazzjoni tas-settur ferrovjarju u l-kompetittività tiegħu, sabiex tkompli tiġi żviluppata ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.

1.3.      Għanijiet speċifiċi

Din il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet bil-miri li ġejjin:

a) Il-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri bil-għan li tiġi intensifikata l-pressjoni kompetittiva fuq is-swieq ferrovjarji domestiċi, sabiex tiżdied il-kwantità u titjieb il-kwalità tas-servizzi għall-passiġġieri. Dawn il-proposti jridu jinqraw flimkien mal-emendi proposti tar-Regolament 1370/2007/KE (Obbligi tas-Servizz Pubbliku) u, f'dan il-kuntest, għandhom jimmiraw li jżidu wkoll l-effiċjenza tal-finanzjament pubbliku tas-servizzi għall-passiġġieri.

b) It-titjib tal-governanza tal-amministratur tal-infrastruttura bil-għan li jiġi żgurat aċċess identiku għall-infrastruttura. Dan għandu jintlaħaq permezz tat-tneħħija tal-kunflitti ta' interess li jolqtu d-deċiżjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura dwar l-aċċess għas-suq u l-eliminazzjoni tal-potenzjal għal sussidjar reċiproku, li jeżisti fi strutturi integrati. Il-proposta timmira wkoll li tiżgura li l-funzjonijiet kollha ta' amministratur tal-infrastruttura jiġu amministrati b'mod konsistenti. Fl-aħħar nett, il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-operaturi ferrovjarji sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tas-suq u tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-amministraturi tal-infrastruttura.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Sabiex il-Kummissjoni tkun appoġġjata fil-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt, konsulent estern intalab iħejji studju ta' appoġġ u jwettaq konsultazzjoni mmirata. L-istudju nbeda f'Diċembru 2011 u r-rapport finali tlesta f'Diċembru 2012.

Biex inġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati, firxa ta' metodi ta' konsultazzjoni mmirati ġiet ippreferuta minn konsultazzjoni miftuħa. Bejn l-1 ta’ Marzu u s-16 ta’ April 2012 intbagħtu kwestonarji mfasslin apposta lil 427 parti interessata li għandhom x'jaqsmu mal-ferroviji (impriżi ferrovjarji, amministraturi tal-infrastruttura, ministeri tat-trasport pubbliku, awtoritajiet għas-sikurezza, ministeri, korpi rappreżentattivi, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, eċċ.). Ir-rata ta' rispons kienet ta' 40 %. Il-fehmiet tal-passiġġieri nġabru permezz ta' stħarriġ tal-Eurobarometru li laħaq lil 25 000 membru tal-pubbliku mifruxin b’mod ugwali mal-25 Stat Membru b'ferrovija. In-netwerk tal-Kumitat tar-Reġjuni ntuża sabiex intlaħqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-Kumitat għad-Djalogu Settorjali fuq il-ferroviji ġie kkonsultat ukoll.

Dawn il-konsultazzjonijiet ġew ikkumplimentati b'seduta li saret fid-29 ta’ Mejju 2012 (b'madwar 85 parteċipant), konferenza b'madwar 420 parteċipant fl-24 ta’ Settembru 2012, u b’intervisti ma' partijiet interessati speċifiċi matul l-2012. Il-persunal tal-Kummissjoni ltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-Komunità ta’ Ewropej, l-Operaturi tat-Trasport tal-Passiġġieri Ewropej, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, il-Federazzjoni Ewropea tal-Passiġġieri, l-Amministraturi tal-Infrastruttura Ferrovjarji Ewropej u l-UITP – l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku. Ġew organizzati wkoll żjarat u intervisti wiċċ imb’wiċċ ma' partijiet interessati fl-Italja, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Ungerija, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Il-maġġoranza tal-partijiet interessati qablu matul il-konsultazzjoni mmirata li l-kwalità tas-servizzi ferrovjarji u l-kompetittività tas-settur fl-UE kienu qegħdin jiġu affettwati minn ostakli differenti għall-aċċess għall-impriżi ferrovjarji. 69 % sabu li hemm problema ta’ interpretazzjonijiet differenti tal-leġiżlazzjoni. Ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-infrastruttura tqiesu li huma l-ostaklu ewlieni għall-aċċess għall-impriżi ferrovjarji (imsemmija minn 83 %).

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni wera li l-fehmiet huma ferm polarizzati rigward l-adegwatezza tas-soluzzjonijiet li għandhom jiżguraw il-governanza indipendenti u effiċjenti tal-infrastruttura ferrovjarja. Il-maġġoranza l-kbira tal-ministeri tat-trasport, awtoritajiet għall-kompetizzjoni, korpi regolatorji, amministraturi tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji indipendenti, assoċjazzjonijiet tal-passiġġieri u spedituri tal-merkanzija kienu favur separazzjoni sħiħa li tkun tiżgura trasparenza sħiħa u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi kollha. Min-naħa l-oħra, kumpaniji azzjonarji, amministraturi tal-infrastruttura li jiddependu minn tali kumpaniji azzjonarji, u rappreżentanti tal-ħaddiema, irriferew għal tagħrif xjentifiku li jixħet dawl fuq l-iżvantaġġi tas-separazzjoni, bħal spejjeż ogħla tat-tranżazzjonijiet u r-riskju ta' ineffiċjenzi ta' skonnessjoni. Dawn il-partijiet interessati ħasbu li rwol ikbar tas-sorveljanza regolatorja jista' jkun biżżejjed biex tiġi solvuta din il-problema. 64 % ta' dawk li wieġbu appoġġjaw l-idea ta' ħolqien ta' korp speċifiku ta' rappreżentanti minn dawk kollha li jużaw l-infrastruttura sabiex jiġi żgurat li l-interessi jittieħdu f'kunsiderazzjoni b'mod nondiskriminatorju.

Matul il-proċess ta' konsultazzjoni kollu, il-Kummissjoni ħadet approċċ proattiv biex tħeġġeġ lill-partijiet interessati jieħdu sehem. Peress li l-partijiet relevanti kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu fehmithom, intlaħqu l-istandards minimi ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni.

Abbażu tal-istudju estern imsemmi iktar 'il fuq u l-konklużjonijiet tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatt tal-miżuri proposti. Din l-evalwazzjoni eżaminat għażliet alternattivi għal miżuri ġodda mmirati li jimmodernizzaw il-qafas regolatorju eżistenti.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.      Definizzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura (Artikolu 3(2))

Il-kjarifika tistabbilixxi l-funzjonijiet relevanti kollha ta' ġestjoni tal-infrastruttura li għandhom isiru mill-amministratur tal-infrastruttura, biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet kollha jitwettqu b'mod konsistenti. Tneħħi l-opzjoni stabbilita fit-test eżistenti għall-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura f'netwerk jew f’parti minn netwerk li għandhom jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti. Tiċċara wkoll it-tifsira tal-funzjonijiet differenti tal-ġestjoni tal-infrastruttura.

3.2.      Definizzjoni tas-servizzi internazzjonali għall-passiġġieri (Artikolu 3, il-punt 5)

Il-ħames punt tal-Artikolu 3 eżistenti jiddefinixxi s-servizzi internazzjonali għall-passiġġieri. Bil-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, id-distinzjoni bejn servizzi internazzjonali u domestiċi għall-passiġġieri ssir irrelevanti għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Għaldaqstant, din id-definizzjoni hija revokata.

3.3.      Separazzjoni tal-kontijiet fi ħdan grupp integrat (Artikolu 6(2))

L-Artikolu 6(2) eżistenti jippermetti l-possibbiltà ta' organizzazzjoni ta' servizzi tal-infrastruttura u tat-trasport fi ħdan impriża waħda filwaqt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ separazzjoni tal-kontijiet. Peress li l-proposta fiha regoli speċifiċi dwar is-separazzjoni taż-żewġ attivitajiet, din id-dispożizzjoni trid tiġi revokata.

3.4.      Separazzjoni istituzzjonali tal-amministratur tal-infrastruttura (Artikolu 7)

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-amministraturi tal-infrastruttura għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet meħtieġa kollha għall-iżvilupp sostenibbli tal-infrastruttura. Tintroduċi wkoll is-separazzjoni istituzzjonali tal-amministratur tal-infrastruttura minn operazzjonijiet ta' trasport, billi tipprojbixxi li l-istess persuna ġuridika jew fiżika jkollha d-dritt li tikkontrolla jew teżerċita influwenza fuq amministratur tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja fl-istess ħin. Tippermetti l-possibbiltà li Stat Membru jkun sid iż-żewġ entitajiet legali, fejn il-kontroll għandu jiġi eżerċitat minn awtoritajiet pubbliċi li huma separati u legalment differenti minn xulxin.

3.5.      Indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura f'impriżi integrati vertikalment (Artikoli 7a u 7b)

Il-proposta tippermetti li l-impriżi integrati vertikalment, inklużi dawk bi struttura azzjonarja, iżommu s-sjieda tal-amministratur tal-infrastruttura. Madankollu, tiċċara li dan huwa possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, u dan jiżgura li l-amministratur tal-infrastruttura jkollu drittijiet effettivi ta' teħid tad-deċiżjonijiet għall-funzjonijiet kollha tiegħu. Tistabbilixxi wkoll li dan irid ikun iggarantit minn salvagwardji sodi u effiċjenti li jipproteġu l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura. Tispeċifika li dawn is-salvagwardji għandhom ikunu fis-seħħ fir-rigward tal-istruttura tal-impriża, inkluża s-separazzjoni taċ-ċirkwiti finanzjarji bejn l-amministratur tal-infrastruttura u kumpaniji oħrajn tal-grupp integrat. Tistabbilixxi wkoll regoli fuq l-istruttura ta' ġestjoni tal-amministratur tal-infrastruttura.

3.6. Verifika tal-konformità (Artikolu 7c)

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet ta' aċċess tal-operaturi ferrovjarji li huma parti minn impriżi integrati vertikalment, f'każ li l-Kummissjoni ma tkunx f'qagħda li tikkonferma li ġew effettivament implimentati salvagwardji biex iħarsu l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura.  

3.7. Kumitat ta' koordinazzjoni (Artikolu 7d)

Din id-dispożizzjoni tfittex li tiżgura koordinazzjoni tajba bejn l-amministratur tal-infrastruttura u dawk li jużaw in-netwerk li huma milqutin mid-deċiżjonijiet tiegħu, inklużi l-applikanti, ir-rappreżentanti tal-passiġġieri u dawk li jużaw servizzi tal-merkanzija, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Telenka l-kwistjonijiet li fuqhom l-amministratur tal-infrastruttura għandu jikseb pariri mill-utenti, inklużi l-ħtiġijiet tagħhom dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-miri tal-prestazzjoni, l-allokazzjoni u t-tariffi.

3.8.      Netwerk Ewropew ta' Amministraturi tal-Infrastruttura (Artikolu 7e)

Il-proposta toħloq forum għall-kooperazzjoni ta' amministraturi tal-infrastruttura b'mod transfruntier, bil-għan li jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju Ewropew. Dan jinkludi kooperazzjoni dwar it-twaqqif tal-kurituri ewlenin tan-netwerk, il-kurituri tal-merkanzija ferrovjarja u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' skjerament tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Il-proposta tkopri wkoll l-irwol li għandu jkollu dan in-Netwerk fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-amministraturi tal-infrastruttura, bil-għan li titjieb il-kwalità tas-servizzi offruti mill-amministraturi tal-infrastruttura.

3.9.      Kundizzjonijiet ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja (Artikolu 10)

L-Artikolu 10(2) huwa emendat sabiex jagħti lill-impriżi ferrovjarji Ewropej drittijiet ta' aċċess biex joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri. Peress li d-distinzjoni li saret fil-leġiżlazzjoni eżistenti bejn servizzi internazzjonali u domestiċi tneħħiet, l-Artikolu 10(3) u 10(4), li l-għan tagħhom kien li jistabbilixxu l-għamla internazzjonali jew domestika ta' servizz, iridu jiġu rrevokati.

3.10.    Limitazzjoni tad-dritt ta' aċċess (Artikolu 11)

Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw id-drittijiet ta' aċċess sabiex jiġu operati servizzi domestiċi jew internazzjonali jekk l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jixħet f'riskju l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku. Bħalma huwa l-każ għal servizzi internazzjonali, id-dispożizzjoni tistipula li l-korpi regolatorji għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jistabbilixxu jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jkunx qiegħed jiġi kompromess minn servizz domestiku ġdid skont il-proċeduri u l-kriterji komuni.

3.11.    Skemi integrati ta’ informazzjoni komuni u ta' bejgħ ta' biljetti (Artikolu 13a)

Sabiex jiġi żgurat li l-passiġġieri jkomplu jibbenefikaw mill-effetti tan-netwerk, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jistabbilixxu skemi integrati ta’ informazzjoni komuni u ta' bejgħ ta' biljetti għall-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri, b’tali mod li ma jgħawġux il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, tipprovdi għall-adozzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza kkoordinati mill-impriżi ferrovjarji sabiex jipprovdu assistenza lill-passiġġieri f'każ li jkun hemm interruzzjoni kbira fit-traffiku.

3.12.    Drittijiet ta' kapaċità (Artikolu 38(4))

Bil-għan li l-atturi kollha fis-swieq jingħataw biżżejjed ċertezza legali sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom, din id-dispożizzjoni hija emendata. Tiddefinixxi l-qafas ta’ żmien li fih il-korpi regolatorji għandhom jivvalutaw jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jiġix kompromess. Dan huwa konsistenti mal-proċess għall-allokazzjoni ta' kapaċità tal-infrastruttura.

2013/0029 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Tul l-aħħar deċennju, iż-żieda fit-traffiku ta' passiġġieri bil-ferrovija ma kinitx biżżejjed biex jiżdied is-sehem modali tiegħu meta mqabbel mal-karozzi u l-avjazzjoni. Is-sehem modali ta' 6 % ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea baqa' pjuttost stabbli. Is-servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri ma żammewx il-pass mal-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu f'termini ta' disponibbiltà tal-offerta jew tal-kwalità.

(2)       Is-swieq ferrovjarji tal-Unjoni għall-merkanzija u għall-passiġġieri internazzjonali ilhom miftuħin għall-kompetizzjoni sa mill-2007 u l-2010, rispettivament permezz tad-Direttivi 2004/51/KE[6] u 2007/58//KE[7]. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri fetħu s-servizzi domestiċi għall-passiġġieri tagħhom għall-kompetizzjoni, jew billi introduċew drittijiet ta' aċċess miftuħ, jew permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi għal kuntratti ta’ servizz pubbliku, jew it-tnejn f'daqqa.

(3)       Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea[8] tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea b'regoli komuni dwar il-governanza ta’ impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-infrastruttura, dwar il-finanzjament tal-infrastruttura u t-tariffi, dwar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi ferrovjarji, u dwar sorveljanza regolatorja tas-suq ferrovjarju. B'dawn l-elementi kollha fis-seħħ, issa huwa possibbli li jitlesta l-ftuħ tas-suq ferrovjarju tal-Unjoni, u li l-governanza tal-amministraturi tal-infrastruttura tiġi riformata bil-għan li jkun żgurat aċċess ugwali għall-infrastruttura.

(4)       Id-Direttiva 2012/34/UE tirrikjedi li l-Kummissjoni tipproponi, fejn xieraq, miżuri leġiżlattivi fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, u tiżviluppa kundizzjonijiet xierqa biex tiżgura aċċess nondiskriminatorju għall-infrastruttura, filwaqt li tibni fuq ir-rekwiżiti eżistenti ta' separazzjoni bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet ta' trasport.

(5)       Koordinazzjoni aħjar bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandha tiġi żgurata permezz tal-istabbiliment ta' kumitat ta' koordinazzjoni, sabiex jinkiseb ġestjoni u użu effiċjenti tal-infrastruttura.

(6)       L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja jiġu amministrati b'mod konsistenti mill-amministratur tal-infrastruttura nnifsu.

(7)       Kwistjonijiet transfruntiera għandhom jiġu indirizzati b'mod effiċjenti bejn l-amministraturi tal-infrastruttura tal-Istati Membri differenti, permezz tat-twaqqif ta' netwerk Ewropew ta' amministraturi tal-infrastruttura.

(8)       Biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-infrastruttura, għandu jitneħħa kwalunkwe kunflitt ta' interess li jirriżulta minn strutturi integrati, inklużi l-ġestjoni tal-infrastruttura u l-attivitajiet ta' trasport. It-tneħħija tal-inċentivi sabiex issir diskriminazzjoni kontra l-kompetituri hija l-uniku mod kif ikun iggarantit aċċess ugwali għall-infrastruttura ferrovjarja. Huwa rekwiżit għall-ftuħ b'suċċess suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri. Din għandha tneħħi wkoll il-potenzjal għas-sussidjar reċiproku li jeżisti fi strutturi integrati bħal dawn, u li jwassal ukoll għal tagħwiġ tas-suq.

(9)       Ir-rekwiżiti eżistenti għall-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura minn impriżi tat-trasport ferrovjarju, kif stabbilit fid-Direttiva 2012/34/UE, ikopru biss il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura, li huma t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq l-allokazzjoni tal-mogħdija tal-ferrovija u t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq it-tibdil tal-infrastruttura. Madankollu huwa neċessarju li l-funzjonijiet kollha jiġu eżerċitati b’mod indipendenti, minħabba li funzjonijiet oħrajn jistgħu jintużaw bl-istess mod sabiex jiddiskriminaw kontra kompetituri. Dan huwa tabilħaqq minnu għal deċiżjonijiet fuq l-investimenti jew fuq il-manutenzjoni li jistgħu jsiru sabiex jiffavorixxu l-partijiet tan-netwerk li huma użati prinċipalment mill-operaturi tat-trasport tal-impriża integrata. Deċiżjonijiet fuq l-ippjanar tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jistgħu jinfluwenzaw id-disponibbiltà tal-mogħdijiet tal-ferrovija għall-kompetituri.

(10)     Ir-rekwiżiti eżistenti tad-Direttiva 2012/34/UE jinkludu biss indipendenza legali, organizzattiva u ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Dan ma jeskludix għalkollox il-possibbiltà li tinżamm impriża integrata, diment li dawn it-tliet kategoriji ta’ indipendenza jiġu żgurati. Fir-rigward tal-indipendenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għandu jiġi żgurat li s-salvagwardji xierqa jeskludu l-kontroll ta’ impriża integrata fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ amministratur tal-infrastruttura. Madankollu, anki l-applikazzjoni sħiħa ta’ tali salvagwardji ma tneħħix għalkollox il-possibbiltajiet kollha għal imġiba diskriminatorja fir-rigward ta’ kompetituri li jeżistu fil-preżenza ta’ impriża integrata vertikalment. B’mod partikolari, il-potenzjal għal sussidju reċiproku għadu jeżisti fi strutturi integrati, jew għall-inqas huwa diffiċli ferm li l-korpi regolatorji jikkontrollaw u jinfurzaw salvagwardji stabbiliti sabiex jimpedixxu tali sussidjar reċiproku. Separazzjoni istituzzjonali tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura hija l-aktar mod effettiv biex isolvi dawn il-problemi.

(11)     Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jintalbu li jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ġuridiċi jew fiżiċi ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq amministratur tal-infrastruttura u, fl-istess ħin, jeżerċitaw kontroll jew xi dritt fuq l-impriża ferrovjarja. Min-naħa l-oħra, il-kontroll fuq impriża ferrovjarja għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq amministratur ta’ infrastruttura.                       Fejn Stati Membri għadhom iżommu amministratur tal-infrastruttura li huwa parti minn impriża integrata vertikalment, għandhom tal-anqas idaħħlu salvagwardji stretti biex jiggarantixxu l-indipendenza effettiva tal-amministratur tal-infrastruttura sħiħ b'rabta mal-impriża integrata. Dawn is-salvagwardji ma għandhomx jikkonċernaw biss l-organizzazzjoni korporattiva tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tal-impriża integrata, iżda wkoll l-istruttura amministrattiva tal-amministratur tal-infrastruttura, u, safejn possibbli, fi ħdan struttura integrata, għandhom jiġu impeduti trasferimenti finanzjarji bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-entitajiet legali l-oħrajn tal-impriża integrata.

(12)     Dawn is-salvagwardji ma jikkorrespondux biss ma’ dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti eżistenti tal-indipendenza fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-funzjonijiet essenzjali skont id-Direttiva 2012/34/UE, f’termini ta’ indipendenza amministrattiva tal-amministratur tal-infrastruttura, iżda jmorru lil hinn minn dawk ir-rekwiżiti billi jiżdiedu klawżoli sabiex jiġu esklużi li d-dħul tal-amministratur tal-infrastruttura jkun jista' jintuża biex jiffinanzja l-entitajiet l-oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment. Dan għandu japplika b'mod indipendenti tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istati Membri, u mingħajr ħsara għar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.           

(13)     Minkejja l-implimentazzjoni tas-salvagwardji li jiggarantixxu l-indipendenza, l-impriżi integrati vertikalment jistgħu jabbuża mill-istruttura tagħhom biex jipprovdu vantaġġi kompetittivi mhux xierqa favur l-operaturi ferrovjarji li jappartienu għal tali impriżi. Għal din ir-raġuni, mingħajr ħsara għall-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tivverifika, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva proprja, li dawn is-salvagwardji jiġu implimentati sew, u li jitneħħa kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni li fadal. F'każ li l-Kummissjoni ma tkunx f'qagħda li tikkonferma li dan inkiseb, l-Istati Membri kollha jrid ikollhom il-possibbiltà li jillimitaw jew jirrevokaw id-drittijiet tal-aċċess għall-operaturi integrati kkonċernati.   

(14)     L-għoti tad-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha lill-impriżi ferrovjarji tal-Unjoni sabiex joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri jista' jkollu implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri pprovduti b'kuntratt ta’ servizz pubbliku. L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jillimitaw tali dritt ta' aċċess f'każ li dan ikun jixħet f'riskju l-ekwilibriju ekonomiku ta' dawk il-kuntratti ta’ servizz pubbliku u meta tkun ingħatat approvazzjoni mill-korp regolatorju relevanti.

(15)     Il-korpi regolatorji għandhom jivvalutaw l-impatt ekonomiku potenzjali ta' servizzi domestiċi għall-passiġġieri pprovduti skont kundizzjonijiet ta' aċċess miftuħ b'kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti wara li ssir talba mill-partijiet interessati u abbażi ta' analiżi ekonomika oġġettiva.

(16)     Il-proċess tal-valutazzjoni għandu jqis il-bżonn li l-atturi kollha fis-suq jiġu pprovduti b’biżżejjed ċertezza legali sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom. Il-proċedura għandha tkun sempliċi, effiċjenti u trasparenti kemm jista' jkun, u koerenti mal-proċess għall-allokazzjoni ta' kapaċità tal-infrastruttura.

(17)     Il-valutazzjoni ta' jekk l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt pubbliku ta' servizz ikunx f'riskju għandha tieħu f'kunsiderazzjoni kriterji deċiżi minn qabel. Dawn il-kriterji u d-dettalji tal-proċedura li għandhom jiġu segwiti jistgħu jevolvu maż-żmien, b'mod partikulari fid-dawl tal-esperjenza tal-korpi regolatorji, l-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi ferrovjarji, u jistgħu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi domestiċi għall-passiġġieri.

(18)     Meta jiġi vvalutat jekk l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku jkunx se jiġi kompromess, il-korpi regolatorji għandhom iqisu l-impatt ekonomiku tas-servizz maħsub fuq il-kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti filwaqt li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-impatt tiegħu fuq il-profitabbiltà ta' kwalunkwe servizz, inkluż f'kuntratti ta’ servizz pubbliku bħal dawn, u l-konsegwenzi għall-kost nett għall-awtorità pubblika kompetenti li tat il-kuntratti. Biex issir din il-valutazzjoni, għandhom jiġu eżaminati fatturi bħad-domanda mill-passiġġieri, il-prezzijiet tal-biljetti, l-arranġamenti għall-biljetti, il-post u n-numru ta' waqfiet, u l-iskedar u l-frekwenza tas-servizz ġdid propost.

(19)     Sabiex is-servizzi ferrovjarji jsiru iktar attraenti għall-passiġġieri, l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jitolbu lill-impriżi ferrovjarji li joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri sabiex jieħdu sehem fi skema integrata komuni ta' tagħrif u ta’ bejgħ ta' biljetti għall-provvista ta' biljetti normali, biljetti li jinkludu t-trażbord, u riżervazzjonijiet. Jekk tiġi stabbilita skema bħal din, għandu jiġi żgurat li ma toħloqx tagħwiġ fis-suq jew tiddiskrimina bejn impriżi ferrovjarji.

(20)     Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni[9], l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar, li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizjoni f'każijiet iġġustifikati. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta' dokumenti bħal dawn bħala waħda ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2012/34/UE hija emendata kif ġej:

1.           L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(2)       "amministratur tal-infrastruttura" tfisser kwalunkwe korp jew ditta li tiżgura l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta' infrastruttura ferrovjarja f'netwerk; żvilupp jinkludi ppjanar tan-netwerk, ippjanar finanzjarju u ppjanar fl-investiment, kif ukoll il-bini u l-aġġornament tal-infrastruttura; l-operat ta’ infrastruttura tinkludi l-elementi kollha tal-proċess tal-allokazzjoni tal-mogħdija tal-ferroviji, inklużi kemm id-definizzjoni u kemm il-valutazzjoni tad-disponibbiltà, kif ukoll l-allokazzjoni ta' mogħdijiet individwali, il-ġestjoni tat-traffiku u t-tariffi tal-infrastruttura, inklużi d-determinazzjoni u l-ġbir tat-tariffi; il-manutenzjoni tinkludi t-tiġdid infrastrutturali u l-attivitajiet oħrajn ta’ ġestjoni tal-assi;";

(b) Il-punt 5 huwa mħassar;

(c) Għandu jiżdied il-punt 31 ġdid li ġej:

‘(31) "impriża integrata vertikalment" tfisser impriża li fiha:

- impriża ferrovjarja waħda jew iktar huma proprjetà jew huma proprjetà b'mod parzjali tal-istess impriża bħala amministratur tal-infrastruttura (kumpanija azzjonarja), jew

- l-amministratur tal-infrastruttura jkun proprjetà jew proprjetà b'mod parzjali ta' impriża ferrovjarja waħda jew ta’ bosta impriżi ferrovjarji, jew

- impriża ferrovjarja waħda jew ta’ bosta impriżi ferrovjarji tkun proprjetà jew proprjetà b'mod parzjali ta' amministratur tal-infrastruttura.";

2.           Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 ġie revokat;

3.           L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 7

Separazzjoni istituzzjonali tal-amministratur tal-infrastruttura

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amministratur tal-infrastruttura jwettaq il-funzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(2), u li huwa indipendenti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja.

Biex jiggarantixxu l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amministraturi tal-infrastruttura huma organizzati f'entità li hija legalment differenti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-istess persuna ġuridika jew fiżika jew l-istess persuni ġuridiċi jew fiżiċi ma jitħallewx:

(a)     jeżerċitaw kontroll b'mod dirett jew indirett skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004[10], ikollhom xi interess finanzjarju fi jew jeżerċitaw xi dritt fuq impriża ferrovjarja u fuq amministratur tal-infrastruttura fl-istess ħin;

(b)     jaħtru membri tal-bord superviżorju, il-korp jew korpi amministrattivi li jirrappreżentaw lil amministratur tal-infrastruttura b'mod legali, u fl-istess ħin jeżerċitaw kontroll b'mod dirett jew indirett, ikollhom xi interess finanzjarju f'impriża ferrovjarja jew jeżerċitaw xi dritt fuqha;

(c)     ikunu membru tal-bord superviżorju, il-korp amministrattiv jew korpi li jirrappreżentaw lill-impriża b'mod legali, kemm ta' impriża ferrovjarja kif ukoll amministratur tal-infrastruttura;

(d)     jamministraw l-infrastruttura ferrovjarja jew ikunu parti mill-maniġment tal-amministratur tal-infrastruttura, u fl-istess ħin jeżerċitaw kontroll b'mod dirett jew indirett, ikollhom xi interess finanzjarju f'impriża ferrovjarja jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuqha, jew jamministraw l-impriża ferrovjarja jew ikunu parti mill-maniġment tagħha, u fl-istess ħin jeżerċitaw kontroll b'mod dirett jew indirett, ikollhom xi interess f'amministratur tal-infrastruttura jew jeżerċitaw xi dritt fuqu.

3.      Għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, fejn il-persuna msemmija fil-paragrafu 2 tkun Stat Membru, jew korp pubbliku ieħor, żewġ awtoritajiet pubbliċi li huma separati u legalment differenti minn xulxin u li jkunu qegħdin jeżerċitaw kontroll jew drittijiet oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2 fuq l-amministratur tal-infrastruttura, minn naħa, u l-impriża ferrovjarja min-naħa l-oħra, għandhom jitqiesu li mhumiex l-istess persuna jew persuni.

4.      Diment li ma jfeġġ l-ebda kunflitt ta' interess u li tkun iggarantita l-kunfidenzjalità ta' tagħrif kummerċjalment sensittiv, l-amministratur tal-infrastruttura jista' jagħti xogħlijiet speċifiċi ta' żvilupp, tiġdid u manutenzjoni bħala sottokuntratt, li fuqu għandu jżomm is-setgħa ta' teħid tad-deċiżjonijiet, lil impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor li jaġixxi taħt is-superviżjoni tal-amministratur tal-infrastruttura.

5.      Fejn, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-amministratur tal-infrastruttura tappartieni għal impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu. F'dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-amministratur tal-infrastruttura jwettaq il-funzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(2), u li jkollu indipendenza effettiva organizattiva u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minn kwalunkwe impriża ferrovjarja skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7a sa 7c."

4.           Jiddaħħlu l-Artikoli 7a sa 7e:

"Artikolu 7a

Indipendenza effettiva tal-amministratur tal-infrastruttura fi ħdan impriża integrata vertikalment

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amministratur tal-infrastruttura jkun organizzat f'korp li huwa legalment differenti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja jew kumpanija azzjonarja li jikkontrollaw it-tali impriżi, u minn kwalunkwe entità legali oħra fi ħdan impriża integrata vertikalment.

2.      Entitajiet legali fi ħdan l-impriża integrata vertikalment li huma attivi fis-swieq tas-servizzi ta' trasport ferrovjarju ma għandux ikollhom xi interessi diretti jew indiretti fl-amministratur tal-infrastruttura. L-amministratur tal-infrastruttura wkoll la għandu jkollu interessi b'mod dirett u lanqas b’mod indirett f'xi entità legali fi ħdan l-impriża integrata vertikalment attiva fis-swieq tas-servizzi ta' trasport ferrovjarju.

3.      Id-dħul tal-amministratur tal-infrastruttura ma jistax jintuża biex jiffinanzja entitajiet legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment, iżda biex jiffinanzja n-negozju tal-amministratur tal-infrastruttura, u biex iħallsu dividendi lis-sid ulterjuri tal-impriża integrata vertikalment. L-amministratur tal-infrastruttura ma jistax jagħti self lil xi entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment, u l-ebda entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma tista' tagħti self lill-amministratur tal-infrastruttura. Kwalunkwe servizz offrut minn entitajiet legali oħrajn lill-amministratur tal-infrastruttura għandu jkun ibbażat fuq kuntratti u għandu jitħallas bi prezzijiet tas-suq. Id-dejn attribwit lill-amministratur tal-infrastruttura għandu jkun separat b’mod ċar mid-dejn attribwit lill-entitajiet legali oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment, u dawn id-djun għandhom jitħallsu separatament. Il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura u tal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment għandhom jinżammu b'tali mod li jkun żgurat li jiġu ssodisfati dawn id-dispożizzjonijiet u li jippermetti li jkun hemm ċirkwiti finanzjarji separati għall-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment.

4.      Mingħajr ħsara għall-Artikolu 8(4), l-amministratur tal-infrastruttura għandu jiġbor fondi fuq is-swieq kapitali b’mod indipendenti u mhux permezz ta' entitajiet legali oħrajn fi ħdan impriża integrata vertikalment. Entitajiet oħrajn tal-impriża integrata vertikalment ma għandhomx jiġbru fondi permezz tal-amministratur tal-infrastruttura.

5.      L-amministratur tal-infrastruttura għandu jżomm rekords dettaljati ta' kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja mal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment, u jqegħidhom għad-dispożizzjoni tal-korp regolatorju fuq talba, b'konformità mal-Artikolu 56(12).

Artikolu 7b

Indipendenza effettiva tal-persunal u tal-maniġment tal-amministratur tal-infrastruttura fi ħdan impriża integrata vertikalment

1.      Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju skont l-Artikolu 56, l-amministratur tal-infrastruttura jrid ikollu setgħat effettivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, indipendenti mill-entitajiet legali l-oħra fi ħdan l-impriżi integrata vertikalment, fir-rigward tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2). L-istruttura globali tal-amministrazzjoni u l-istatuti korporattivi tal-amministratur tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-ebda entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma tiddetermina, b'mod dirett jew indirett, l-imġiba tal-amministratur tal-infrastruttura b'rabta ma' dawn il-funzjonijiet.   

2.      Il-membri tal-bord superviżorju jew tat-tmexxija u l-membri tal-persunal superjuri tal-amministratur tal-infrastruttura ma għandhomx ikunu fil-bords superviżorji jew tat-tmexxija, jew ikunu membri tal-persunal superjuri ta' xi entità legali oħra fi ħdan impriża integrata vertikalment.

Il-membri tal-bord superviżorju jew dak tat-tmexxija u l-membri tal-persunal superjuri tal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma għandhomx ikunu fil-bord superviżorju jew tat-tmexxija jew ikunu membri tal-persunal superjuri tal-amministratur tal-infrastruttura.

3.      L-amministratur tal-infrastruttura għandu jkollu Bord Superviżorju magħmul minn rappreżentanti tas-sidien finali tal-impriża integrata vertikalment.

         Il-Bord Superviżorju jista' jikkonsulta mal-Kumitat tal-Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 7d dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tiegħu.

Id-deċiżjonijiet dwar il-ħatra u t-tiġdid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluża r-remunerazzjoni, u t-terminazzjoni tal-mandat tal-membri tal-bord tat-tmexxija tal-amministratur tal-infrastruttura għandhom jittieħdu mill-Bord Superviżorju. L-identità u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul ta’ żmien u t-terminazzjoni tal-mandat tal-persuni nnominati mill-Korp Superviżorju għall-ħatra jew it-tiġdid bħala membri tal-bord tat-tmexxija tal-amministratur tal-infrastruttura, u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni proposta li ttemm il-mandat, għandhom jiġu nnotifikati lill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55. Dawk il-kundizzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom isiru vinkolanti biss jekk il-korp regolatorju jkun approvahom b'mod espliċitu. Il-korp regolatorju jista' joġġezzjona għal deċiżjonijiet bħal dawn meta jfeġġu dubji dwar l-indipendenza professjonali ta' persuna nnominata għall-bord tat-tmexxija jew fil-każ ta' terminazzjoni bikrija tal-mandat ta' membru tal-bord tat-tmexxija tal-amministratur tal-infrastruttura.

Id-drittijiet effettivi ta' appell quddiem il-korp regolatorju għandhom jingħataw lill-membri tal-bord tat-tmexxija li jixtiequ jressqu lmenti kontra t-terminazzjoni bikrija tal-mandat tagħhom.

4.      Għal perjodu ta’ tliet snin wara li jitilqu, l-amministratur tal-infrastruttura, il-membri tal-Bord Superviżorju jew tal-bord tat-tmexxija, u l-membri tal-persunal superjuri tal-amministratur tal-infrastruttura, ma għandhom ikunu intitolati li jkollhom l-ebda pożizzjoni superjuri mal-ebda entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment. Għal perjodu ta' tliet snin wara li jitilqu dawk l-entitajiet legali oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment, il-membri tal-bordijiet superviżorji jew amministrattivi tagħhom u l-membri tal-persunal superjuri tagħhom ma għandhomx ikunu intitolati li jkollhom kwalunkwe pożizzjoni superjuri mal-amministratur tal-infrastruttura.

5.      L-amministratur tal-infrastruttura għandu jkollu l-persunal tiegħu stess u għandu jkun ibbażat f'bini separat mill-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment. L-aċċess għall-informazzjoni għandu jkun protett biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura. Regoli interni jew kuntratti tal-persunal għandhom jillimitaw b'mod ċar il-kuntratti mal-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment għall-komunikazzjonijiet uffiċjali marbutin mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura li huma eżerċitati wkoll b'rabta ma' impriżi ferrovjarji oħrajn barra l-impriża integrata vertikalment. It-trasferimenti ta' persunal li mhuwiex dak imsemmi fil-punt (c) bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment għandhom ikunu possibbli biss jekk ikun jista’ jiġi ggarantit li l-informazzjoni sensittiva ma tintbagħatx bejn entità u oħra.

6.      L-amministratur tal-infrastruttura għandu jkollu l-kapaċità organizzattiva meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu b'mod indipendenti mill-entitajiet legali l-oħrajn fi ħdan l-impriża integrata vertikalment u ma għandux jitħalla jiddelega lil dawn l-entitajiet legali, l-operazzjoni ta' dawn il-funzjonijiet jew ta’ kwalunkwe attività relatata magħhom.

7.      Il-membri tal-bordijiet superviżorji jew tat-tmexxija u l-persunal superjuri tal-amministratur tal-infrastruttura ma għandu jkollhom l-ebda interess f'benefiċċju finanzjarju jew jirċievu xi wieħed, b'mod dirett jew indirett, minn xi entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment. Elementi tar-remunerazzjoni tagħhom bbażati fuq il-prestazzjoni ma għandhomx jiddependu fuq ir-riżultati tan-negozju ta' xi entità legali oħra fi ħdan l-impriża integrata vertikalment jew kwalunkwe entità legali taħt il-kontroll tagħha, iżda b'mod esklussiv fuq dawk tal-amministratur tal-infrastruttura.

Artikolu 7c

Proċedura ta’ verifika tal-konformità

1.      Fuq talba mingħand Stat Membru, jew fuq inizjattiva proprja, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk l-amministraturi tal-infrastruttura li huma parti minn impriża integrata vertikalment jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7a u l-Artikolu 7b, u jekk l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti humiex xierqa biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi ferrovjarji kollha, kif ukoll in-nuqqas ta’ tagħwiġ ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

2.      Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirrikjedi t-tagħrif kollu meħtieġ, bi skadenza raġonevoli, mingħand l-Istat Membru fejn hi stabbilita l-impriża integrata vertikalment. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-korp jew korpi kkonċernata u, jekk xieraq, in-netwerk ta' korpi regolatorji msemmija fl-Artikolu 57.

3.      L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet ta’ aċċess ipprovduti fl-Artikolu 10 għall-impriżi ferrovjarji li huma parti mill-impriża integrata vertikalment li għaliha tappartieni l-amministratur tal-infrastruttura, jekk il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri li l-ebda talba ma tkun saret skont il-paragrafu 1, jew skont l-eżami tat-talba mill-Kummissjoni, jew jekk tiddeċiedi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(2), li:

(a)     ma tkun saret l-ebda tweġiba xierqa għat-talba ta’ informazzjoni mingħand il-Kummissjoni skont il-paragrafu 2, jew

(b)     l-amministratur tal-infrastruttura kkonċernat ma jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7a u 7b, jew

(c)     l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7a u 7b mhijiex biżżejjed biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi finanzjarji kollha, u n-nuqqas ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri fejn hu stabbilt l-amministratur tal-infrastruttura kkonċernat.

          Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien raġonevoli.

4.      L-Istat Membru kkonċernat jista' jitlob lill-Kummissjoni li tirrevoka d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 3, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(2), meta dak l-Istat Membru juri, għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni, li r-raġunijiet għal dik id-Deċiżjoni ma għadhomx jeżistu. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien raġonevoli.

5.      Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 sa 4, il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 7a u 7b għandha tiġi mmonitorjata mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55. Kwalunkwe applikant għandu jkollu d-dritt li jappella mal-korp regolatorju jekk jemmen li m'hemmx konformità ma' dawn ir-rekwiżiti. Bi tweġiba għal tali appell, il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi, bl-iskadenza indikati fl-Artikolu 56(9), dwar il-miżuri kollha meħtieġa biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

Artikolu 7d

Kumitat ta' koordinazzjoni

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amministraturi tal-infrastruttura jwaqqfu u jorganizzaw Kumitati ta' Koordinazzjoni għal kull netwerk. Is-sħubija ta' dan il-kumitat għandha tkun miftuħa tal-inqas għall-amministratur tal-infrastruttura, l-applikanti magħrufa skont l-Artikolu 8(3) u, fuq talba tagħhom, l-applikanti potenzjali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, ir-rappreżentanti ta' dawk li jużaw is-servizzi ta' merkanzija u ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u, fejn relevanti, l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Ir-rappreżentanti mill-Istati Membri u l-korp regolatorju kkonċernat għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni bħala osservaturi.

2.      Il-Kumitat ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel proposti u jagħti pariri lill-amministratur tal-infrastruttura u, fejn xieraq, lill-Istat Membru dwar:

(a)     il-ħtiġijiet tal-applikanti marbutin mal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-infrastruttura;

(b)     il-kontenut tal-miri ta' prestazzjoni orjentati lejn l-utenti li jinsabu fil-ftehimiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 30 u tal-inċentivi msemmija fl-Artikolu 30(1) u l-implimentazzjoni tagħhom;

(c)     il-kontenut u l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 27;

(d)     il-qafas u r-regoli dwar it-tariffi stabbiliti mill-Istat u l-iskema ta' tariffi stabbilita mill-amministratur tal-infrastruttura skont l-Artikolu 29, u l-livell u l-istruttura tat-tariffi tal-infrastruttura;

(e)     il-proċess għall-allokazzjoni ta' kapaċità tal-infrastruttura, inklużi r-regoli ta' prijorità għall-allokazzjoni tal-kapaċità bejn il-kategoriji differenti ta' dawk li jużaw l-infrastruttura;

(f)      kwistjonijiet ta' intermodalità;

(g)     kwalunkwe kwistjoni oħra marbuta mal-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-użu tal-infrastruttura u l-kwalità tas-servizzi tal-amministratur tal-infrastruttura.

Il-Kumitat ta' Koordinazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni relevanti mill-amministratur tal-infrastruttura fuq il-punti (a) sa (g) biex ikun jista' jwettaq dawn il-kompiti.

3.      Il-Kumitat ta' Koordinazzjoni għandu jfassal ir-regoli tal-proċedura li jinkludu, b’mod partikolari, regoli dwar il-parteċipazzjoni fil-laqgħat u l-frekwenza tagħhom, li għandha tkun tal-inqas trimestrali. Ta’ kull sena, għandu jiġi ppreżentat rapport tad-diskussjonijiet tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni lill-amministratur tal-infrastruttura, l-Istat Membru, il-korp regolatorju kkonċernat u l-Kummissjoni b'indikazzjoni tal-pożizzjonijiet rispettivi meħudin mill-membri tal-Kumitat.

Artikolu 7e

In-Netwerk Ewropew ta' Amministraturi tal-Infrastruttura

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-amministraturi tal-infrastruttura jieħdu sehem u jikkooperaw f'netwerk biex jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja tal-Unjoni, b'mod partikolari biex jiżguraw implimentazzjoni fil-ħin u effiċjenti tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, inklużi l-kurituri ewlenin tan-netwerk, il-kurituri tal-merkanzija bil-ferrovija skont ir-Regolament (UE) Nru 913/2010[11], u l-pjan ta' skjerament tas-Sistema Ewropea ta’ Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjajru (ERTMS) stabbilit bid-Deċiżjoni 2012/88/UE[12].

Il-Kummissjoni għandha tkun membru, tikkoordina u tappoġġja l-ħidma tan-Netwerk u tagħmel rakkomandazzjonijiet lin-Netwerk, kif ikun xieraq. Għandha tiżgura kooperazzjoni attiva tal-amministraturi tal-infrastruttura xierqa.

2.      In-Netwerk għandu jieħu sehem fl-attivitajiet ta' monitoraġġ tas-suq imsemmija fl-Artikolu 15 u għandu jivvaluta b'mod komparattiv l-effiċjenza tal-amministraturi tal-infrastruttura abbażi ta' kriterji ta' indikaturi u l-kwalità komuni, bħall-affidabbiltà, il-kapaċità, id-disponibbiltà, il-puntwalità u s-sikurezza tan-netwerks tagħhom, il-kwalità u l-użu tal-assi, il-manutenzjoni, it-tiġdid, it-titjib, l-investimenti u l-effiċjenza finanzjarja.

3.      Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri li jistabbilixxu l-prinċipji u l-prattiki komuni tan-Netwerk, b'mod partikulari biex tiżgura konsistenza fil-valutazzjoni komparattiva, u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-kooperazzjoni fin-Netwerk. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati permezz ta’ att implimentattiv skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 62(3)."

5.           L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.        L-impriżi ferrovjarji għandhom jingħataw, b'kundizzjonijiet ekwitabbli, nondiskriminatorji u trasparenti, id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri kollha sabiex joperaw it-tipi kollha ta' servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri. L-impriżi ferrovjarji għandu jkollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon u jniżżulhom f'ieħor. Dak id-dritt għandu jinkludi l-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet tas-servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II.";

(b) Il-paragrafi 3 u 4 ġew revokati.

6.           L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(c) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.        L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta' aċċess stipulat fl-Artikolu 10(2) għal servizzi tal-passiġġieri bejn post ta' tluq partikolari u destinazzjoni fejn kuntratt pubbliku ta' servizzi wieħed jew iktar ikopru l-istess rotta jew rotta alternattiva jekk l-eżerċizzju ta' dan id-dritt jixħet f'riskju l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt pubbliku ta' servizz.";

(d) L-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

"Sabiex jistabbilixxi jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta’ kuntratt pubbliku ta' servizz huwiex se jkun kompromess, il-korp jew korpi regolatorji relevanti msemmija fl-Artikolu 55 għandhom jagħmlu analiżi ekonomika oġġettiva u għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-bażi ta' kriterji deċiżi minn qabel. Għandhom jistabbilixxu dan wara talba mingħand kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin, ippreżentata fi żmien xahar mill-informazzjoni fuq is-servizz ippjanat għall-passiġġieri msemmi fl-Artikolu 38(4):

(a)     l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti li taw il-kuntratt ta’ servizz pubbliku;

(b)     kwalunkwe awtorità kompetenti interessata oħra bid-dritt li tillimita l-aċċess skont dan l-Artikolu;

(c)     l-amministratur tal-infrastruttura;

(d)     l-impriża ferrovjarja li twettaq l-kuntratt ta' servizz pubbliku.";

(e) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.        Il-korp regolatorju għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u l-kundizzjonijiet li bihom tista’ tintalab li d-deċiżjoni terġa' tiġi kkunsidrata fi żmien xahar min-notifika tagħha, minn waħda minn dawn li ġejjin:

(a)     l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti relevanti;

(b)     l-amministratur tal-infrastruttura;

(c)     l-impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku;

(d)     l-impriża ferrovjarja li qed tfittex li tikseb aċċess.

Fil-każ li korp regolatorju jiddeċiedi li l-ekwilibriju ekonomiku ta’ kuntratt pubbliku jiġi kompromess bis-servizz tal-passiġġieri intiż li hemm referenza għalih fl-Artikolu 38(4), huwa għandu jindika tibdil possibbli għal tali servizz li jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt tal-aċċess li għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 10(2) huma ssodisfati.";

(f) Il-paragrafu 5 ġie revokat.

7.           Jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

"Artikolu 13a

Skemi ta’ informazzjoni komuni u skemi integrati ta' bejgħ ta' biljetti

1.      Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1371/2007[13] u għad-Direttiva 2010/40/UE[14], l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-impriżi ferrovjarji li joperaw servizzi domestiċi għall-passiġġieri sabiex jieħdu sehem fi skema komuni ta' informazzjoni u skema integrata ta' bejgħ ta' biljetti għall-forniment ta' biljetti normali, biljetti li jinkludu t-trażbord u riżervazzjonijiet, jew jiddeċiedu li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu tali skema. Jekk tiġi stabbilita tali skema, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din ma toħloqx tagħwiġ fis-suq jew tiddiskrimina bejn impriżi ferrovjarji, u li hija amministrata minn entità legali pubblika jew privata jew assoċjazzjoni tal-impriżi ferrovjarji kollha li joperaw servizzi għall-passiġġieri.

2.      L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-impriżi ferrovjarji li joperaw servizzi għall-passiġġieri sabiex jimplimentaw u jikkoordinaw pjanijiet ta' kontinġenza sabiex jipprovdu assistenza lill-passiġġieri, skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, fil-każ ta' interruzzjoni kbira fis-servizzi."

8.           Fl-Artikolu 38, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.      Meta applikant ikun beħsiebu jitlob kapaċità tal-infrastruttura biex jopera servizz għall-passiġġieri, għandu jgħarraf lill-amministraturi tal-infrastruttura u lill-korpi regolatorji kkonċernati, mhux inqas minn 18-il xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-iskeda ta' żmien operattiva li magħha tkun marbuta t-talba għall-kapaċità. Sabiex il-korpi regolatorji kkonċernati jkunu jistgħu jivvalutaw l-impatt ekonomiku potenzjali fuq il-kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti, il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità kompetenti li tat servizz ferrovjarju għall-passiġġieri fuq dik ir-rotta ddefinita f'kuntratt ta' servizz pubbliku, kwalunkwe awtorità kompetenti interessata oħra bi dritt li tillimita l-aċċess skont l-Artikolu 11 u kwalunkwe impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku fuq ir-rotta ta' dak is-servizz għall-passiġġieri tiġi mgħarrfa mingħajr dewmien żejjed u mhux iktar tard minn ħamest ijiem wara."

9.           Fl-Artikolu 63, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

"1.      Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq is-settur ferrovjarju, u għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha.

Sal-istess data, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jippersistu prattiki diskriminatorju jew tipi oħta ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-amministraturi tal-infrastruttura li huma parti minn impriża integrata vertikalment. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri leġiżlattivi ġodda.

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

3.           Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.           Il-punti 5 sa 8 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2018 [bil-lest għall-iskeda operattiva li għandha tibda fl-14 ta’ Diċembru 2019].

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, COM(2011) 144.

[2]               Governanza aqwa tas-suq uniku, COM(2012) 259.

[3]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020.

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               ĠU C , , p. .

[6]               ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164.

[7]               ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44.

[8]               ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

[9]               ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[10]             ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

[11]             ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

[12]             ĠU L 51, 23.2.2012, p. 51.

[13]             ĠU 315, 3.12.2007, p.14.

[14]             ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

Top