EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR6902

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea

ĠU C 271, 19.8.2014, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/11


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea

2014/C 271/03

Relatur

:

Is-Sur Verkerk (NL/ALDE), Sindku ta’ Delft

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Introduzzjoni

1.

Il-bliet huma muturi ekonomiċi importanti tal-Unjoni, u huma qabel kollox postijiet fejn jiżviluppaw l-individwu u l-komunità u joffru ħafna possibbiltajiet għal miżuri ambjentali effiċjenti. L-impenn tal-bliet u r-reġjuni urbani huwa sinifikanti ħafna għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tal-UE (1).

2.

Il-pożizzjoni importanti tal-bliet fis-soċjetà Ewropea xprunat l-inizjattivi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tiġi stabbilita aġenda urbana għall-UE. Anke n-Nazzjonijiet Uniti (NU) għarfet l-importanza tal-bliet. Bħalissa n-NU qed tħejji l-Aġenda Urbana Ġdida li għandha tiġi stabbilita fl-2016 matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Ħabitat III. L-aġenda urbana tal-UE tista’ tagħmel kontribut hawnhekk.

3.

Fit-Trattat tal-UE hemm diversi emendi li jagħtu lill-UE bażi legali biex tiġi appoġġjata l-politika urbana li titwettaq fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll ir-responsabbiltajiet primarji tal-Istati Membri, bħar-referenza għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Artikolu 3), ir-referenza għall-awtonomija lokali (Artikolu 4) u d-dimensjoni lokali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 5). Madankollu, bħalissa, fil-livell tal-UE, m’hemm l-ebda aġenda urbana komprensiva mmirata lejn il-futur minkejja l-appell li l-Parlament Ewropew għamel fl-2011 għal aġenda urbana Ewropea (2), il-proċess intergovernattiv fil-qafas tal-Karta ta’ Leipzig u d-Dikjarazzjoni ta’ Toledo. Minħabba n-nuqqas ta’ aġenda urbana ġenerali, fil-livell tal-UE hemm wisq ftit koerenza bejn id-diversi inizjattivi ta’ politika u programmi ta’ sussidji u mhux kull inizjattiva ta’ politika fil-livell tal-UE jkollha r-riżultati konkreti mixtieqa.

4.

Apparti minn hekk, il-passat jindika li m’hemm l-ebda garanzija li d-dimensjoni urbana ser tibqa’ tingħata attenzjoni fl-aġenda Ewropea (3). Fl-1997, il-Kummissjoni kienet diġà ħarġet Komunikazzjoni dwar aġenda urbana għall-UE (4). Minkejja bosta dikjarazzjonijiet u attivitajiet madankollu, żewġ decenji wara, din l-aġenda għadha ma saritx realtà. L-UE għandha tiżgura li l-bliet u ż-żoni urbani għandhom ikunu jistgħu jisfruttaw is-saħħa u l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala muturi għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Issa huwa ż-żmien għal aġenda urbana Ewropea ġenwina. Il-Karta ta’ Leipzig hija bażi tajba għal dan. Aġenda Ewropea urbana għandha tindirizza l-aspetti kollha – soċjali, ekonomiċi u ambjentali – tal-iżvilupp urban sostenibbli.

5.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-Kummissjoni biex, b’referenza għall-Komunikazzjoni prevista li ssegwi l-Forum Urban tas-17 u t-18 ta’ Frar 2014, tippreżenta White Paper għal aġenda urbana komprensiva. Din il-White Paper għandha tagħmilha possibbli li d-dimensjoni urbana tiġi ankrata b’mod strutturali fil-politika u r-regolamenti Ewropej rilevanti kollha biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-inkonsistenzi attwali. Matul it-tħejjija tal-White Paper, il-Kumitat stess ser ikompli bid-dibattitu dwar l-aġenda urbana tal-UE biex jagħti lill-Kummissjoni kontribut konkret u biex iżomm id-dibattitu dwar l-aġenda urbana fuq l-aġenda Ewropea. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ approċċ sostenibbli u olistiku għaż-żoni urbani, abbażi ta’ ideat u suġġerimenti li l-KtR għamel fl-opinjonijiet l-oħra komplementari tiegħu, jiġifieri l-Opinjonijiet dwar Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u l-Bliet Sostenibbli (5) u l-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana (6).

6.

B’aġenda urbana fil-livell tal-UE tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-bliet biex ikunu jistgħu jwettqu l-għanijiet ta’ politika Ewropej u biex tissaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tal-UE. Fl-istess ħin, it-tfassil tal-aġenda urbana msemmija ma jista jinjora la l-interazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni ta’ kampanja, u lanqas l-influwenza kbira li jħalli fuq l-iżvilupp tat-territorju ġenerali. Għaldaqstant, huwa importanti li tiġi prevista sinerġija kbira bejn din l-aġenda urbana u l-aġenda territorjali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Is-saħħa tal-bliet u l-isfidi li jiffaċċjaw

7.

Bis-saħħa tal-bidla minn ekonomija tas-servizzi għal ekonomija tal-għarfien u d-diġitizzazzjoni li qed tiżdied fis-soċjetà, il-bliet żviluppaw f’pilastri ekonomiċi u muturi tal-impjieg fl-UE. L-għeruq tal-innovazzjoni u forom ġodda ta’ attività ekonomika jinsabu ħafna drabi fil-bliet. Il-bliet huma wkoll il-postijiet fejn tinbet l-arti, il-kultura u l-kreattività li minnhom il-bliet u ċ-ċittadini jiksbu l-identità tagħhom. B’hekk il-bliet jikkostitwixxu ass importanti tal-UE fil-kompetizzjoni internazzjonali ma’ partijiet oħra tad-dinja.

8.

Bħalissa fl-UE hemm mat-68 % tal-popolazzjoni li tgħix f’żoni urbani (7). Apparti ż-żewġ metropoli kbar ta’ Pariġi u Londra, l-UE għandha struttura poliċentrika unika ta’ bliet kbar, ta’ daqs medju u żgħar. Mal-200 miljun persuna jgħixu fil-bliet li għandhom sa 1 00  000 abitant, li ħafna drabi jaqdu rwol reġjonali importanti fil-qasam tas-servizzi u l-amenitajiet u biex jittejbu l-kwalità tal-ħajja u l-bilanċ territorjali. L-aġenda urbana tal-UE għalhekk m’għandhiex tkun limita għall-ikbar bliet tal-Ewropa, imma għandha tkun adattata wkoll għall-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju u għaż-żoni urbani. F’dan il-kuntest hija ħaġa tajba li t-tliet Presidenzi li jmiss tal-UE (l-Italja, l-Estonja u l-Lussemburgu) ser jagħtu attenzjoni speċjali lill-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju fl-UE u lir-rwol tagħhom f’kuntest komuni ta’ żvilupp territorjali.

9.

Madankollu, għall-abitanti l-belt u l-viċinati rurali tagħhom illum huma iktar miż-żona amministrattiva limitata. L-abitanti tal-belt u dawk li mhumiex abitanti tal-belt jivvjaġġaw fi skala ta’ agglomerazzjonijiet akbar, u jivvjaġġaw lejn żoni tax-xogħol u żoni funzjonali (urbani jew rurali-urbani) f’sistema urbana ta’ kuljum (daily urban system). Sabiex il-ħajja tal-abitanti tagħhom tiġi ffaċilitata, l-amministrazzjonijiet urbani jingħaqdu f’netwerks mal-muniċipalitajiet ġirien biex jorganizzaw iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku u t-trasport, il-ġestjoni tat-territorju, l-ambjent u l-ekonomija fil-livell adatt. Il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali madwarhom hija kruċjali hawnhekk. F’dan il-kuntest, iż-żoni periurbani u dawk rurali għandhom rwol importanti x’jaqdu, għax jipprovdu l-ikel, l-enerġija, l-ispazju, ir-rikreazzjoni u n-natura lill-bliet tal-madwar, u iktar minn hekk joffru protezzjoni kontra r-riskji bħan-nirien tal-foresti u l-għargħar. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies li kultant dawn is-sistemi urbani jinkludu territorju li jappartjeni lil iktar minn Stat Membru wieħed. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-problemi speċifiċi li jinħolqu f’dawn iż-żoni urbani transkonfinali.

10.

L-agglomerazzjonijiet jew reġjuni funzjonali jeħtieġu governanza ta’ tip ieħor u viżjoni fit-tul biex jiġu żgurati koeżjoni tajba u riżultati konkreti, bħal sistema tat-trasport integrata (8). Dawn il-viżjonijiet fit-tul, li f’ċerti Stati Membri diġà bdew jiżviluppaw f’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jifformaw il-bażi għal approċċ komprensiv iffokat fuq il-lokalità li jiggarantixxi l-koeżjoni territorjali taż-żona u jagħti lok li jinkisbu riżultati konkreti li jistgħu jitkejlu. Fis-snin 2014-2020 f’għadd ta’ Stati Membri l-investimenti integrati territorjali ser jagħmluha possibbli li jintużaw riżorsi minn oqsma ta’ prijorità jew programmi differenti u b’hekk jaqdu rwol ta’ stimolu billi tiġi promossal-koeżjoni bejn il-bliet u ż-żoni tal-madwar li għandhom rabtiet funzjonali billi joħolqu sinerġiji u jagħmlu possibbli l-finanzjament ta’ proġetti iktar ambizzjużi, u billi fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu possibbli li jiġu solvuti l-problemi komuni li jmorru lil hinn mil-limiti amministrattivi tal-awtoritajiet deċentralizzati. Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni, fl-istudju tagħha L-ibliet ta’ għada, issemmi dan l-iżvilupp u tagħraf li fil-politika tagħha għandha tqis iktar lir-reġjuni funzjonali fil-livell tal-agglomerazzjonijiet u l-metropoli u anke dak transkonfinali (9).

11.

Billi jaħdmu fil-livell ta’ agglomerazzjoni (borrowing size) il-bliet igawdu flimkien il-vantaġġi ta’ rabta ikbar bejniethom bħal kapaċità innovattiva ikbar, rabta aħjar bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u marka ekoloġika iżgħar, filwaqt li jillimitaw l-iżvantaġġi bħat-tniġġis ambjentali, in-nuqqas ta’ aċċessibilità, l-esklużjoni soċjali u l-kriminalità (10). Il-kobor mhux dejjem aħjar. Huwa għaldaqstant importanti li jiġi żgurat li l-komunitajiet lokali jkunu rappreżentanti b’mod attiv fid-deċiżjonijiet muniċipali, inkluż fid-diskussjoni dwar miżuri ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet fil-viċinat.

12.

Madankollu huma ż-żoni urbani li partikularment iridu jiffaċċjaw l-isfidi soċjali. Għalhekk ħafna inizjattivi ta’ politika Ewropej – intenzjonalment u mhux – għandhom konsegwenzi għall-politika urbana. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jitlob li ssir rieżami aktar bir-reqqa tal-lista tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni b’dimensjoni urbana b’segwitu għad-dokument tematiku li kien il-bażi għal forum urban “CITIES – Cities of tomorrow: Investing in Europe” (Il-bliet ta’ għada: ninvestu fl-Ewropa) ta’ Frar 2014 (11).

13.

Il-bliet jassumu r-responsabbiltà tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet u biex jindirizzaw l-ostakli. Il-bliet Ewropej jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-isfidi soċjali li tiġbor fiha din l-Istrateġija jiffurmaw ukoll parti mill-aġenda politika għall-bliet u r-reġjuni. Hawnhekk l-interess taċ-ċittadin huwa ċentrali. Il-bliet fl-UE bħalissa qed jiffaċċjaw diversi sfidi u problemi. Fejn minn naħa xi bliet raw tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom minħabba l-emigrazzjoni u t-tixjiħ u tfaċċaw problemi relatati mal-kobor fil-livell ta’ amenitajiet tagħhom, il-popolazzjoni fi bliet oħra kibret b’tali mod li żdiedet il-pressjoni fuq l-amenitajiet u żdiedu wkoll problemi oħra bħall-qgħad (fost iż-żgħażagħ), l-esklużjoni soċjali, il-faqar, id-djar affordabbli, il-konġestjoni tat-traffiku u t-tniġġis tal-ambjent. Problema ġenerali li ġiet aggravata mir-reċessjoni hija ż-żieda fid-distakk bejn id-domanda għas-servizzi lokali li qed tikber u r-riżorsi finanzjarji li qed jistaġnaw jew jonqsu. L-aġenda urbana għandha tagħti attenzjoni lil dawn il-problemi u sfidi kollha.

14.

L-aġenda urbana tal-UE għandha timmira li tissostitwixxi l-mudell urban attwali, ifframmentat, maqsum u esklużiv, b’mudell ieħor kumpatt, komprensiv u inklużiv. Dan l-approċċ il-ġdid ifisser li, fil-qafas ta’ approċċ olistiku, l-enfasi tkun fuq taħlita ta’ persuni u attivitajiet għall-ħolqien kemm tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll tal-impjiegi, filwaqt li tingħata attenzjoni ukoll lil bilanċ tajjeb bejn l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp urban.

Il-bliet bħala mexxejja u pjattaformi

15.

Ir-relazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà qiegħda tinbidel b’mod kruċjali. Iċ-ċittadini qed isemmgħu leħinhom dejjem iktar u qegħdin isiru aktar esiġenti, filwaqt li d-diġitizzazzjoni tas-soċjetà tagħtihom iktar awtonomija (ċittadinanza ġdida). It-tieni nett dawn iċ-ċittadini qed jassumu dejjem iktar ir-responsabbiltà soċjali tagħhom. Qed jiżdied l-għadd ta’ kumpaniji li joffru prodotti minn nieqa sa nieqa, jaħdmu kontra l-ħela tal-materja prima u jagħtu lin-nies żvantaġġati opportunità fis-suq tax-xogħol. L-amministrazzjonijiet tal-bliet jixtiequ jaħdmu f’diversi livelli dejjem iktar mill-qrib mal-erba’ spirali (stabbiliti abbażi tal-mudell tat-tliet spirali u li jinvolvu r-rabta ta’ kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet tal-għarfien u l-organizzazzjonijiet soċjali) biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali. Għalhekk, ħafna drabi l-gvern lokali għandu rwol mexxej, u bħala klijent ta’ tnedija (launching customer) jew mexxej, joffri pjattaforma għall-imsieħba l-oħra biex jinstabu soluzzjonijiet. Hawnhekk il-belt tiffunzjona bħala post (living lab) fejn flimkien mal-imsieħba jseħħu l-proġetti li huma l-aktar adatti għall-kundizzjonijiet lokali. Il-bliet li fihom hemm stabbiliti universitajiet u skejjel sekondarji għandhom rwol addizzjonali biex tiġi stimolata l-intraprenditorija u biex tinħoloq rabta bejn il-possibbiltajiet teknoloġiċi u l-kwistjonijiet importanti tas-soċjetà. B’hekk, iż-żoni urbani saru l-mudelli esperimentali tal-politika Ewropea.

16.

Bħala parti mis-soċjetà l-gvernijiet jassumu responsabbiltà li jpoġġu fuq l-aġenda kwistjonijiet importanti għas-soċjetà bħall-kriżi ekonomika, it-tibdil demografiku u l-problemi relatati mal-klima. Il-forom tradizzjonali ta’ amministrazzjoni, organizzazzjoni u ekonomija ma joffru l-ebda soluzzjoni għal dawn il-problemi. Minħabba d-daqs tal-isfidi, il-baġits imnaqqsa u l-kumplessità tal-kwistjonijiet, il-gvern m’għadux jista’ jieħu ħsieb kollox waħdu.

17.

Fil-kuntest ta’ soċjetà dejjem aktar parteċipattiva, fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom l-awtoritajiet lokali għandhom jinkludu inizjattivi lokali kondiviżi jew koorganizzati miċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell urban jew muniċipali. B’hekk l-organizzazzjoni tal-belt qed tiġi ġestita minn diversi atturi minflok mill-muniċipalità waħedha. L-isfida hawnhekk hija li ċ-ċittadini kollha fis-soċjetà l-ġdida jkunu jistgħu jieħdu sehem, b’mod partikolari ż-żgħażagħ u l-migranti, sabiex tiġi evitata soċjetà maqsuma fi tnejn. Il-belt bħala ‘magna’ għall-integrazzjoni soċjali u anke bħala mezz ta’ emanċipazzjoni għall-abitanti tagħha jikkostitwixxu tnejn mill-iktar funzjonijiet importanti ta’ belt moderna.

18.

L-inizjattivi lokali jiżguraw li f’kull belt jew żona urbana jiġu pprovduti servizzi adatti għall-post. B’hekk, fil-livell pan-Ewropew hemm varjetà fl-approċċi. Il-politika u r-regolamenti Ewropej għandhom iqisu r-relazzjonijiet ġodda fil-livell lokali u d-diversità fl-approċċi għall-isfidi soċjali li jġibu magħhom u għandhom jippruvaw jagħmlu ġabra ta’ dawn l-aħjar prattiki li qed ifiġġu kif ukoll jiffaċilitaw l-iskambju tagħhom madwar l-UE.

19.

S’issal-UE ħadmet b’regolamenti ġenerali u skadenzi uniformi għall-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ politika tagħha. Fit-tfassil ta’ politika tagħha l-UE għandha tqis iktar kemm l-inizjattivi tagħha jistgħu jiġu implimentati fil-livell lokali u (sotto)reġjonali u tkun disposta għal kontribut mill-gvernijiet deċentralizzati fit-tfassil ta’ valutazzjonijiet tal-impatt u ta’ politika ġdida (approċċ minn isfel għal fuq). B’kunsiderazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kull valutazzjoni tal-impatt għal proposta ġdida għandha tinkludi valutazzjoni kritika tal-impatt fuq il-bliet. Hekk biss jista’ jiġi evalwat u żgurat minn qabel li l-politiki u r-regolamenti Ewropej jistgħu jiġu implimentati fil-livell lokali.

Lejn approċċ iktar komprensiv tal-bliet fl-UE

20.

Sabiex id-diskussjoni dwar id-dimensjoni urbana tiġi integrata b’mod strutturali fil-livell tal-UE, il-Kumitat jipproponi li l-Forum Urban tas-17 u t-18 ta’ Frar 2014 minn issa ‘l quddiem jibda jsir kull sentejn. Il-Kumitat jappella wkoll lill-Kummissjoni biex taħtar rappreżentant għall-politika urbana fl-organizzazzjoni tagħha, li jkollu l-awtorità li jaħdem mal-grupp ta’ ħidma interservizz għall-politika urbana tal-Kummissjoni li janalizza kull proposta u inizjattiva għad-dimensjoni urbana u li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ approċċ ta’ politika komprensiv. Dan il-grupp ta’ ħidma għandu jingħata l-kompitu wkoll li jinkorpora l-kontribut tal-bliet fit-tfassil tal-politika l-ġdida tal-UE li jkollha impatt fuq iż-żoni urbani. Il-Kumitat għandu jkun jista’ jaħtar rappreżentant tiegħu għall-politika urbana biex jivvaluta l-proposti għad-dimensjoni urbana.

21.

Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma tal-Istati Membri biex ikun hemm viżjoni komuni għall-bliet Ewropej, fejn tingħata attenzjoni partikolari lill-pożizzjoni tal-bliet fl-Istrateġija Ewropa 2020, u li din tiġi ppreżentata fl-2016. Huwa jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mill-qrib mal-Kumitat u mal-għaqdiet tal-awtoritajiet lokali. Din il-viżjoni komuni tista’ sservi bħala bażi importanti għall-iżvilupp ulterjuri tal-aġenda urbana, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri individwali, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet.

22.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tfassal White Paper dwar politika urbana integrata (12) qabel ma jitħabbar is-suċċessur tal-Istrateġija Ewropa. L-għan ta’ din il-White Paper hu li jiġi stabbilit approċċ iktar komprensiv fil-politika u l-leġislazzjoni tal-UE li jħallu impatt fuq il-bliet u ż-żoni urbani, u biex il-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iktar mill-qrib fit-tħejjija ta’ din il-politika, u anke biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar liema elementi fil-programmi tal-fondi Ewropej jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp tal-bliet. Il-bażi għal dan hija governanza mġedda. Fl-aħħar mill-aħħar il-White Paper għandha twassal biex id-dimensjoni urbana tkun ġenwinament integrata b’mod orizzontali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE (integrazzjoni tad-dimensjoni urbana), mhux għal strateġija jew programm speċjali tal-UE. Din il-White Paper għandha titfassal mill-Kummissjoni li jmiss f’kooperazzjoni mill-qrib mal-bliet biex b’hekk il-ħtieġa ta’ governanza ġdida fil-politika urbana tiġi enfasizzata fil-livell tal-UE.

23.

Il-White Paper għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)   Metodu ġdid għal approċċ iktar komprensiv fit-tfassil tal-politika

24.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li għall-kompetittività internazzjonali tagħha l-Ewropa tiddependi fil-biċċa l-kbira minn bliet vibranti u dinamiċi. Għaldaqstant, il-politika u r-regolamenti tal-UE jistgħu jgħinu biex joħolqu l-kundizzjonijiet tajbin. L-implimentazzjoni ta’ madwar 70 % tal-politika u r-regolamenti Ewropej teħtieġ koerenza ġenerali. Madankollu, il-Kumitat jinnota li r-regoli fil-livell Ewropew kultant ikollhom l-effett oppost. Il-Kumitat jagħti eżempju tajjeb ta’ dan fl-Opinjoni tiegħu dwar “Ir-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet” (13), fejn isemmi li fl-approċċ lejn it-titjib tal-kwalità tal-arja, il-livelli ta’ ambizzjoni tad-diversi direttivi tal-UE dwar l-ambjent għandhom jiġu koordinati u l-iskadenzi għall-iżvilupp għandhom jimxu b’mod sinkronizzat biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

25.

Il-lakuni fil-politika li tnaqqas il-problema fis-sors jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet prekarji. Barra minn hekk ċerti bliet mhumiex kapaċi jiksbu l-istandards mixtieqa filwaqt li jirriskjaw li l-Istati Membri responsabbli għalihom, permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, jaqilgħu multi mill-UE għax ikunu qabżu l-limiti Ewropej. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa metodu għal politika iktar komprensiva biex jinkisbu politika u leġislazzjoni koerenti, l-ewwel billi ssir valutazzjoni tal-impatt territorjali aktar robusta u bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li tippermetti li l-UE toffri l-kundizzjonijiet adatti lill-bliet u r-reġjuni urbani għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea.

26.

Sabiex ikun hemm approċċ verament komprensiv, tkun ħaġa tajba li fil-White Paper tingħata definizzjoni ċara ta’ żvilupp urban sostenibbli komprensiv u li jiġu stabbiliti għanijiet ċari li l-UE tixtieq tilħaq f’dan il-qasam. Dawn għandhom ikunu għanijiet orizzontali li għandhom jitwettqu mid-diversi oqsma ta’ politika.

27.

Approċċ komprensiv lejn il-politika urbana jinvolvi li jitqiesu l-politiki tal-ġestjoni tat-territorju, billi ż-żoni urbani jmorru lil hinn mil-livell muniċipali.

28.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar dwar il-pożizzjoni tiegħu li l-istrument ta’ valutazzjoni tal-impatt territorjali għandu jintuża bħala linja gwida biex jinkiseb approċċ iktar komprensiv tal-politika sabiex tiġi promossal-koeżjoni territorjali (14). Hawnhekk, il-Kumitat jiddefinixxi l-koeżjoni territorjali bħala kunċett fi tliet dimensjonijiet: żvilupp territorjali bilanċjat, integrazzjoni territorjali u governanza territorjali. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea tillimita l-valutazzjoni tal-impatt għall-ewwel wieħed minn dawn it-tliet oqsma, filwaqt li hija preċiżament it-tieni dimensjoni tal-approċċ komprensiv li hija l-iktar importanti għall-politika u l-leġislazzjoni. Ir-rieżami mistenni tal-linji gwida tal-Kummissjoni stess dwar il-valutazzjoni tal-impatt huwa kruċjali għax joffri opportunità unika biex l-integrazzjoni tad-dimensjoni urbana tiġi definita b’mod preċiż fil-proċessi interni tal-iżvilupp ta’ politika tal-Kummissjoni.

29.

Inqisu wkoll li l-White Paper dwar il-politika urbana komprensiva għandha tindirizza t-tema tar-riġenerazzjoni taż-żoni urbani degradati, ir-riabilitazzjoni u r-rinnovazzjoni urbani, kif ukoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-kostruzzjoni tal-bini.

30.

Eżempju tajjeb ta’ approċċ iktar komprensiv fil-livell tal-UE huwa s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti. Din is-Sħubija nħolqot biex permezz ta’ inizjattivi pubbliċi/privati jiġu xprunati innovazzjonijiet għall-bliet li jinsabu fl-interfaċċja tal-mobbiltà urbana, l-effiċjenża fil-qasam tal-enerġija u teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Is-Sħubija toffri l-possibbiltà biex il-politika makroekonomika fil-livell tal-UE tissarraf fil-livell prattiku tal-bliet. Hawnhekk huwa tassew importanti li l-bliet jingħataw il-libertà li jistabbilixxu l-aġenda u li jkunu jistgħu jaqdu rwol mexxej, b’tali mod li jkunu jistgħu verament ikunu mexxejja.

(b)   Dimensjoni urbana fil-fondi Ewropej

31.

Hemm kuntrast qawwi bejn l-eżempji tajbin bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti u l-involviment tal-bliet fil-programmi tal-fondi strutturali fil-perjodu 2007-2013. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid 2014-2020, ġiet allokata attenzjoni speċjali għad-dimensjoni urbana fil-politika tal-koeżjoni permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi speċifiċi (allokazzjoni obbligatorja ta’ 5 % għall-baġit tal-FEŻR għall-iżvilupp urban, twaqqif ta’ netwerks Ewropej għall-iżvilupp urban, kif ukoll miżuri innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli). It-talba għal iktar densità tista’ madankollu twassal biex belt ma titqiesx fil-kuntest tal-iżvilupp urban sħiħ tagħha. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni mtejba fi ħdan il-Kummissjoni sabiex ikun fehim aħjar tal-politiki settorjali tad-dimensjoni urbana (l-ambjent, l-infrastruttura tal-enerġija, il-mobbiltà) fl-unitajiet kollha tagħha.

32.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-appoġġ tiegħu għall-attenzjoni li l-Kummissjoni tagħti lill-iżvilupp urban integrat fil-politika ta’ koeżjoni l-ġdida (15). F’dan il-qafas ukoll, bi pjaċir jinnota t-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija fil-pakkett il-ġdid ta’ koeżjoni u l-pubblikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropea għas-sħubija. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni ser jibqa’ viġilanti fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-proposti tal-Kummissjoni matul l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi l-ġodda tal-FEŻR u l-FSE, speċjalment il-mod li bih il-bliet u l-bliet il-kbar huma involuti fil-ġestjoni u l-governanza tal-programmi.

33.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-Kummissjoni biex, b’mod konġunt mal-Kumitat, timmonitorja, u fejn possibbli tippromovi, l-inklużjoni attiva tal-bliet fil-programmi l-ġodda tal-fondi strutturali. It-tagħlimiet li jinsiltu minn hawn jistgħu jservu bħala rakkomandazzjoni ta’ politika importanti fl-iżvilupp tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020, u anke għal programmi oħra Ewropej li jistgħu jippromovu t-twettiq tal-għanijiet Ewropej fil-livell lokali.

34.

Il-bliet jieħdu sehem ukoll fi programmi oħra tal-UE għas-sussidji bħal LIFE, Orizzont 2020, Enerġija Intelliġenti-Ewropa, eċċ. għalkemm dawn il-programmi m’għandhomx punt fokali tematiku dwar il-kwistjonijiet urbani u s-sinerġiji mal-programmi tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment ESI. Attenzjoni speċjali għas-sinerġiji bejn is-sussidji tal-UE jkollha effetti pożittivi fuq il-bliet.

(c)   Pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki

35.

Bil-ħolqien ta’ netwerks ta’ awtoritajiet lokali fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni qed tindirizza l-bżonn li jsir skambju ta’ prattiki tajbin bejn il-bliet f’diversi temi. Anke l-programm ta’ kooperazzjoni territorjali Urbact, il-programm tal-UE għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli urban, jindirizza dan il-bżonn. Barra minn hekk, il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” jħeġġeġ lill-muniċipji jwaqqfu netwerks tematiċi dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni bħala għodda importanti għall-iffaċilitar tal-iskambju tal-prattiki tajbin. Apparti l-programmi kofinanzjati mill-fondi strutturali u l-azzjonijiet ta’ kompetizzjoni organizzati mill-UE, hemm iktar programmi għall-iskambju tal-għarfien bejn il-bliet (pereżempju Civitas, il-Patt tas-Sindki, Mayors Adapt, l-Inizjattiva għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, il-Qafas ta’ Referenza għall-Bliet Sostenibbli, Managenergy). Il-Kumitat jinnota li l-għadd ta’ inizjattivi għall-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza dejjem qed jiżdied u jsir iktar divers. Sabiex ikun hemm approċċ iktar komprensiv il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tikkonsolida dawn il-programmi tas-sussidji Ewropej u n-netwerks ta’ appoġġ differenti, sabiex iż-żoni lokali jkunu jistgħu jifhmu aħjar u jipparteċipaw b’mod aktar effiċjenti minn dak preżenti.

36.

Sabiex il-bliet u ż-żoni urbani jiġu evalwati aħjar minflok biss bl-indikatur tal-PDG jeħtieġ li għall-iskambju tal-għarfien u l-valutazzjoni komparattiva tal-politika urbana jkun hemm biżżejjed data disponibbli, jekk possibbli fil-livell tar-reġjuni. Problema kruċjali hawnhekk hija li s-sottodiviżjoni tar-reġjuni NUTS tal-Eurostat ma tirriflettix sew ir-realtà fil-bliet u l-muniċipalitajiet. Għalhekk jeħtieġ li l-Eurostat jipprovdi u jiġbor data lokali aktar dettaljata u titkompla l-ħidma relatata mal-awditjar urban u sondaġġi simili jew li jiġu definiti kriterji omoġenji għad-delimitazzjoni taż-żoni metropolitani. Jeħtieġ li jiġu implimentati strumenti konkreti biex ikunu jistgħu jitkejlu l-progress u l-impatt ta’ aġenda urbana integrata fil-livell tal-UE. F’dan il-qafas il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strument ta’ monitoraġġ għall-iżvilupp ta’ aġenda urbana tal-UE.

(d)   Governanza ġdida

37.

Wasal iż-żmien għal governanza ġdida, fejn ser jissaħħaħ l-involviment tal-bliet fiċ-ċiklu sħiħ tal-proċess ta’ politika Ewropew (pereżempju permezz tal-KtR, netwerks tal-bliet bħall-Eurocities jew il-Patt tas-Sindki), fejn ser jibda qabel u jissaħħaħ l-involviment tal-bliet fiċ-ċiklu sħiħ tal-proċess ta’ politika Ewropew. Meta l-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aħjar fil-fażijiet kollha ta’ dan iċ-ċiklu l-UE tista’ tinfluwenza aħjar it-tibdil li l-bliet qed jgħaddu minnu bħalissa. Il-konsegwenzi tal-inizjattivi ta’ politika u r-regolamenti għall-bliet b’hekk jistgħu jiġu evalwati u indirizzati aħjar sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta’ politika inkonsistenti tal-UE li tkun maqtugħa mir-realtà. Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 5 tar-Regolament Ġenerali (UE) Nru 1303/2013 dwar il-Fondi Strutturali tal-UE, dan il-“metodu ta’ governanza f’diversi livelli” għandu japplika tul il-proċess kollu ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni tal-programmi rilevanti tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

38.

Il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli huwa ta’ importanza kbira, iżda dan il-prinċipju għandu jiġi adattat għar-relazzjoni l-ġdida bejn il-gvern u s-soċjetà. Dan għandu jimxi id f’id mar-rwol ikbar tal-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE. Għal dan il-għan, l-iffirmar tal-Karta għall-governanza f’diversi livelli fl-Ewropa mill-muniċipji Ewropej ser tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni tal-livelli differenti ta’ governanza (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew) fit-tfassil ta’ politiki pubbliċi effettivi, bl-applikazzjoni ta’ għadd ta’ prinċipji bħall-parteċipazzjoni, il-kooperazzjoni, it-trasparenza, l-inklużjoni u l-koerenza politika li huma kundizzjonijiet essenzjali biex jiġi garantit li dawn il-politiki pubbliċi jirnexxu, fl-interess taċ-ċittadini.

39.

Ir-rappreżentanti tal-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti b’mod strutturali fit-tfassil tal-politika mis-servizzi tal-Kummissjoni (pereżempju billi jieħdu sehem fi grupp ta’ esperti), biex abbażi ta’ esperjenzi prattiċi u informazzjoni konkreta, ikun hemm koordinazzjoni aħjar tad-dimensjoni urbana fil-politika Ewropea. Il-ftehimiet relatati jistgħu jiġu stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali l-ġdid bejn il-Kummissjoni l-ġdida u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Kumitat u l-aġenda urbana

40.

Il-Kumitat innifsu jabbina importanza kbira mad-dimensjoni urbana fil-politika Ewropea u l-iżvilupp ta’ aġenda urbana tal-UE. F’dan il-kuntest, il-Kumitat, bħala kelliem tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE, jiddikjara li ser isegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-White Paper u jkompli jwettaq dibattitu intern u estern dwar l-aġenda urbana. Din l-Opinjoni hija l-ewwel kontribut tal-Kumitat fit-triq lejn approċċ verament komprensiv tal-bliet tal-UE.

Brussell, 25 ta’ Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Kummissjoni Ewropea: L-ibliet ta’ għada. Sfidi, viżjonijiet, modi ‘l quddiem (Ottubru 2011).

(2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni (2010/2158(INI))

(3)  Hans Verdonk, Urban policies in Europe, Leo van den Berg, Luis Carhalvo u Jan van der Meer, Cities as Engines of Sustainable Competitiveness: Looking Back at Two Decades of Urban Policies, Rotterdam, 2014

(4)  COM(1997) 0197 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COR-2013-07987.

(6)  COR-2014-00090.

(7)  Eurostat: City Statistics – Urban Audit, Lussemburgu 2013.

(8)  CDR2994/2013.

(9)  Kummissjoni Ewropea: L-ibliet ta’ għada. Sfidi, viżjonijiet modi ‘l quddiem (Ottubru 2011).

(10)  European Metropolitan Network Institute (EMI): A strategic knowlegde and research agenda on polycentric metropolitan areas (l-Aja, 2012).

(11)  Kummissjoni Ewropea: Dokument tematiku għal diskussjoni fil-forum CITIES – Cities of tomorrow: Investing in Europe, Brussell, 17 u 18 ta’ Frar 2014. Għal ħarsa iktar dettaljata dwar il-programmi u l-inizjattvi finanzjati mill-UE fil-qasam tal-politika urbana ara wkoll s-sit tal-Internet tad-DĠ REGIO: http://ec.europa.eu/regional_policy/urban/portal/index_en.cfm?smenu_mapping_id=10http://ec.europa.eu/regional_policy/urban/portal/index_en.cfm?smenu_mapping_id = 10

(12)  CdR RESOL-V-009

(13)  CdR 329/2011 fin.

(14)  CdR 29-2013 fin.

(15)  CdR 5/2012 fin.


Top