This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0423
European Parliament resolution of 10 October 2013 on clashes in Sudan and subsequent media censorship (2013/2873(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar konflitti fis-Sudan u ċ-ċensura sussegwenti tal-midja (2013/2873(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar konflitti fis-Sudan u ċ-ċensura sussegwenti tal-midja (2013/2873(RSP))
ĠU C 181, 19.5.2016, p. 87–92
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/87 |
P7_TA(2013)0423
Ġlied fis-Sudan u ċensura sussegwenti tal-midja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar konflitti fis-Sudan u ċ-ċensura sussegwenti tal-midja (2013/2873(RSP))
(2016/C 181/16)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-vjolenza fil-protesti attwali fis-Sudan, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tħeġġeġ kontroll minħabba li l-għadd ta' mwiet fis-Sudan qiegħed iwassal biex jiżdiedu l-protesti, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, tat-18 ta' Settembru 2013, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Summit bejn il-Presidenti tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel f'Khartoum fis-Sudan, |
— |
wara li kkunsidra l-eżitu maqbul tal-laqgħa bejn il-Gvern tas-Sudan, l-Unjoni Afrikana u l-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni Tripartitika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-UNAMID, li saret fit-28 ta' Settembru 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, |
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, |
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Johannesburg dwar is-Sigurtà Nazzjonali, il-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, U.N. Doc. E/CN.4/1996/39 (1996), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Sudaniż ta' Paċi Komprensiv (CPA) tal-2005, |
— |
wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq l-oħra, iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u suċċessivament rivedut fl-2005 u fl-2010, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi s-Sudan għaddej minn mewġiet li qed jiżdiedu ta' protesti popolari u s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż hi fraġli; |
B. |
billi fit-23 ta' Settembru 2013 bdew dimostrazzjonijiet u protesti mas-Sudan kollu wara li l-President Omar Al-Bashir ħabbar qtugħ fis-sussidji tal-fjuwil f'tentattiv biex jirriforma l-ekonomija, li wassal għal żieda qawwija ta' 75 % fil-prezz tal-petrol u tal-gass; |
C. |
billi fil-protesti eluf ta' dimostranti ħarġu fit-toroq tal-bliet tal-pajjiż inkluż Wad Madani, Khartoum, Omdurman, Port Sudan, Atbara, Gedarif, Nyala, Kosti, u Sinnar, minħabba li l-miżuri ta' awsterità introdotti mill-gvern flimkien mal-prezzijiet kważi rduppjati tal-fjuwil laqtu l-aktar lill-fqar; |
D. |
billi s-sitwazzjoni ekonomika tas-Sudan tibqa' estremament diffiċli, ikkaratterizzata b'żieda fl-inflazzjoni, b'munita mdgħajfa u nuqqas kbir ta' dollari biex titħallas l-importazzjoni minħabba li s-Sudan t'Isfel ħa l-indipendenza sentejn ilu, u ħa miegħu kważi 75 % tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum tal-pajjiż; |
E. |
billi n-nuqqas ta' ftehim dwar arranġamenti ekonomiċi tranżitorji bejn is-Sudan u s-Sudan t'isfel, inkluż dwar l-użu taż-żejt, kien użat bħala theddida miż-żewġ partijiet, u dan ikkontribwixxa sew għall-kriżi attwali; billi n-nuqqas ta' fiduċja bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien dwar id-diviżjoni tad-dejn nazzjonali u dwar kemm il-parti t'Isfel tas-Sudan, li hi mdawra bl-art, għandha tħallas għat-trasport taż-żejt tagħha mis-Sudan hi waħda mill-kwistjonijiet mhux solvuti; |
F. |
billi skont rapporti, tal-inqas 800 attivist, inklużi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni u ġurnalisti ġew arrestati waqt dimostrazzjonijiet li kienu għaddejjin, li fihom sa 100 persuna kienu rrappurtati maqtula mill-forzi tas-sigurtà, ammont li wassal lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU biex jistieden għal “l-akbar kontroll” mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi; billi skont rapporti l-maġġoranza ta' persuni maqtula kienu bejn l-età ta' 15 u 25 sena, imma kien hemm saħansitra tfal ta' bejn 10 u 12-il sena li ntlaqtu minn tiri mill-forzi tas-sigurtà; |
G. |
billi l-ministeru tal-edukazzjoni ddikkjara li l-iskejjel se jibqgħu magħluqa sal-20 ta' Ottubru 2013; |
H. |
billi t-trażżin vjolenti mill-gvern Sudaniż jinkludi l-użu ta' munizzjon attiv kontra dimostranti paċifiċi u detenzjonijiet fuq skala kbira; billi għadd ta' attivisti, membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u mexxejja tas-soċjetà ċivili, inklużi għalliema, u studenti kienu arrestati fi djarhom, jew miżmuma incommunicado, bi tfittix fid-djar tagħhom mill-aġenti tal-Intelligence Nazzjonali u tas-servizzi tas-Sigurtà (NISS); billi kien hemm proċessi sommarji, bħal dak li seħħ wara l-arrest ta' Majdi Saleem, difensur ferm magħruf tad-drittijiet tal-bniedem, u billi minn tmiem Settembru, kien hemm qtugħ komplet tal-informazzjoni permezz ta' ċensura qawwija tal-istampa u l-għeluq tal-internet; |
I. |
billi s-Sudan hu meqjus fost l-agħar pajjiżi fid-dinja fir-rigward tar-rispett għal-libertà tal-informazzjoni; billi fil-25 ta' Settembru 2013 l-NISS marru pass ieħor lura billi pprojbixxew lill-edituri tal-gazzetti ewlenin milli jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni dwar il-protesti li ma tkunx ġejja minn sorsi tal-gvern; |
J. |
billi kien hemm għadd kbir ta' każi ta' ksur tal-libertà tal-istampa, bħall-qtugħ tal-internet, il-ħtif ta' gazzetti, fastidju ta' ġurnalisti u ċ-ċensura tal-aħbarijiet fuq il-websajts; billi l-uffiċċji ta' Al-Arabiya u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tas-Servizz Għarbi tal-iSky News ġew magħluqa; billi l-gazzetti ta' kuljum bħall-Al-Sudani, Al-Meghar, Al Gareeda, Almash’had Alaan, Al-Siyasi u dik favur il-gvern Al-Intibaha kienu pprojbiti mill-pubblikazzjoni fid-19 ta' Settembru 2013, u l-edizzjonijiet ta' tliet gazzetti, inkluża Al-Intibaha, inħatfu hekk kif ġew stampati; |
K. |
billi aċċess bla ċensura għal internet miftuħ, telefowns ċellulari u l-ICT għandhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, billi jespandu l-kamp ta' applikazzjoni għal-libertà tal-espressjoni, għall-aċċess għal informazzjoni u l-libertà tal-assemblea fid-dinja kollha; billi l-ġabra u d-disseminazzjoni diġitali tal-evidenza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità; |
L. |
billi l-aċċess għall-internet hu dritt fundamentali, ugwali għal drittijiet bażiċi tal-bniedem oħrajn, rikonoxxut mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), u għandu jiġi difiż u miżmum kif xieraq; |
M. |
billi l-awtorità regolatorja tal-istat stabbiliet unità speċjali biex timmonitorja u timplimenta filtering, u l-awtoritajiet Sudaniżi jagħrfu b'mod miftuħ li huma jiffilterjaw kontenut li jmur kontra l-moralità u l-etika pubblika, jew li jkun ta' theddida għall-ordni; |
N. |
billi fil-25 ta' Settembru 2013 l-awtoritajiet skonnettjaw l-internet fil-pajjiż kollu għal aktar minn 24 siegħa fi qtugħ komplet fuq skala li qatt ma kien hemm bħalha sa mill-irvellijiet tal-Eġittu fl-2011; billi l-qawwa tal-internet tnaqqset drastikament f'Ġunju 2012 matul għadd ta' protesti; |
O. |
billi, fir-rapport ta' Freedom House '2013 Freedom on the Net' ('Libertà tal-Internet 2013') li ħareġ fit-3 ta' Ottubru 2013, is-Sudan kien kwalifikat bħala “mhux liberu” u kien jinsab fit-63 post minn 100 pajjiż; billi s-Sudan hu klassifikat il-170 minn 179 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Korrispondenti mingħajr fruntieri 2013; billi l-Korrispondenti Mingħajr Fruntieri kkundannaw il-miżuri meħuda mill-gvern; |
P. |
billi ħafna mill-attivisti jużaw l-internet biex jikkomunikaw ma' xulxin, jitrasferixxu informazzjoni 'l barra mill-pajjiż u juru l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom; billi ċ-ċittadini rrappurtaw li anke s-servizz tat-text-messaging kien interrot matul il-qtugħ komplet; |
Q. |
billi l-elezzjonijiet ġenerali li saru f'April 2010 – l-ewwel elezzjoni b'diversi partiti li saret fis-Sudan sa mill-1986 – Omar al-Bashir reġa' ġie elett President tas-Sudan; billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE, li sabet ħafna irregolaritajiet u nuqqasijiet fil-proċess elettorali, qalet li l-elezzjoni ma laħqetx l-istandards internazzjonali; |
R. |
billi nħarġu żewġ mandati ta' arrest għall-President al-Bashir fl-2009 u l-2010 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), li akkużawh b'responsabbiltà għal reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju, u billi, għalkemm is-Sudan mhuwiex parti mill-Istatut ta' Ruma, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593 (2005) titolbu jikkoopera mal-ICC, u s-Sudan għandu għalhekk jikkonforma mal-mandat ta' arrest tal-ICC; |
S. |
billi skont l-estimi tan-NU 50 % tal-popolazzjoni tas-Sudan (total ta' 34 miljun) huma iżgħar minn 15-il sena, u madwar 46 % tal-popolazzjoni tgħix taħt is-soll tal-faqar; |
T. |
billi l-konflitt f'żoni tranżitorji tas-Sudan affettwa 'l fuq minn 900 000 persuna, inkluż aktar minn 220 000 li sabu rifuġju fl-Etjopja u fis-Sudan t'Isfel, u billi sa mill-bidu tal-2013 madwar 300 000 persuna kienu spustati mill-ġdid bħala riżultat tal-ġlied fost it-tribujiet ta' Darfur; |
U. |
billi fl-2012-2013 l-UE allokat aktar minn EUR 76 miljun f'għajnuna umanitarja għas-Sudan (ċifra sal-20 ta' Awissu 2013); billi s-Sudan ma rratifikax il-Ftehim ta' Cotonou rivedut fl-2005 u għalhekk ma jistax jirċievi appoġġ finanzjarju permezz tal-Għaxar Fond ta' Żvilupp Ewropew; |
1. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali li qed teħżien fis-Sudan, ikkaratterizzata minn vjolenza u telf tal-ħajja matul il-protesti li reċentement seħħew fil-pajjiż kollu; |
2. |
Jikkundanna l-qtil, il-vjolenza kontra d-dimostranti, iċ-ċensura tal-midja, l-intimidazzjoni politika u l-fastidju u l-arrest arbitrarju tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk politiċi u tal-ġurnalisti; |
3. |
Jistieden lill-Gvern tas-Sudan itemm il-fastidju u immedjatament jeħles lid-dimostranti paċifiċi kollha, lill-attivisti politiċi, lill-membri tal-oppożizzjoni, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-persunal mediku, lill-bloggers u ġurnalisti arrestati waqt li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-kelma u tal-assemblea; jenfasizza li d-detenuti kollha għandhom jingħataw l-opportunità għal proċess ġust fuq investigazzjoni kredibbli, id-dritt għal avukat u rispett għall-preżunzjoni tal-innoċenza, u li l-gvern għandu jippermetti lid-detenuti aċċess għall-familji tagħhom u għall-kura medika; |
4. |
Jiddeplora l-użu ta' munizzjon attiv kontra d-dimostranti, li wassal għal qtil illegali, għall-użu ta' forza sproporzjonata u għal allegazzjonijiet ta' qtil intenzjonat tad-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà; iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż biex immedjatament iwaqqaf ir-repressjoni u jtemm l-impunità li jgawdu l-membri tal-NISS; jitlob biex jitneħħa l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 li hu ferm aħrax; |
5. |
Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Sudaniżi biex jirrispettaw il-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom tista' tintuża l-forza b'mod legali mingħajr ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja; |
6. |
Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jirrestawraw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont il-liġi internazzjonali, inkluż il-libertà tal-espressjoni, kemm online u kemm offline, il-libertà tal-assemblea, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex immedjatament itemmu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-aċċess għat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; |
7. |
Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż iwaqqaf il-forom kollha ta' repressjoni kontra dawk li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, kemm online u offline, u jipproteġi lill-ġurnalisti; jenfasizza r-rwol li għandha l-midja biex tipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni u pjattaforma biex jitressaq it-tħassib leġittimu tagħhom, u għalhekk jikkundanna bil-qawwa l-qtugħ komplet tat-22 ta' Settembru 2013 u l-operazzjoni ta' intimidazzjoni mmexxija mill-NISS; |
8. |
Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż jippermetti lill-popolazzjoni tiegħu aċċess liberu għall-internet f'kull ħin; jenfasizza li l-aċċess għall-internet hu dritt fundamentali, rikonoxxut mill-UNHRC, li għandu jinżamm u jiġi difiż bħal kull dritt tal-bniedem ieħor; |
9. |
Jistieden lill-Gvern Sudaniż ikompli jimplimenta r-riformi politiċi meħtieġa biex jipprovdi soluzzjonijiet għat-tmexxija ħażina u kronika tal-ekonomija, għall-faqar, għal-livelli ta' korruzzjoni u insigurtà li qed jogħlew fil-Punent u fin-Nofsinhar, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet Sudaniżi u s-sħab reġjonali u internazzjonali kollha jimplimentaw il-programmi għaż-żgħażagħ sabiex jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi; |
10. |
Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jimpenjaw lilhom infushom fi proċess ġenwin ta' djalogu nazzjonali komprensiv mal-oppożizzjoni, speċjalment f'Darfur; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvernijiet tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel jilħqu ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi dwar l-arranġamenti ekonomiċi tranżizzjonali li mhumiex solvuti, inkluż l-użu taż-żejt, li kkontribwixxa għall-irvellijiet attwali fis-Sudan; |
11. |
Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-GAERC ta' Ġunju 2008 li jindirizzaw il-falliment kontinwu tal-Gvern tas-Sudan li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u jirrimarka li l-Gvern tas-Sudan hu obbligat, u kapaċi, jikkoopera u li kull mandat ta' arrest maħruġ mill-ICC għandu jkun rispettat; iħeġġeġ lill-Omar al-Bashir jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jidher quddiem l-ICC għal reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità u ġenoċidju; |
12. |
Jistieden lill-Gvern tas-Sudan jirrevedi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta' persuni suspetti sa erba' xhur u nofs mingħajr ebda forma ta' stħarriġ ġudizzjarju u jistieden ukoll lill-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema legali tiegħu bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; |
13. |
Jistieden lill-Gvern Sudaniż ineħħi l-piena tal-mewt, li għadha fis-seħħ, u li jbiddel sentenzi ta' mewt f'sanzjonijiet alternattivi xierqa; |
14. |
Jistieden lill-awtoritajiet, filwaqt li jilqa' d-deċiżjoni tagħhom biex jistabilixxu kumitat investigattiv sabiex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal qtil, biex jipproċedu b'investigazzjoni komprensiva u indipendenti dwar il-każi kollha ta' qtil rappurtati; |
15. |
Jistieden lill-Unjoni Afrikana, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tibgħat b'mod urġenti kummissjoni ta' inkjesta ħalli tinvestiga allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv u intenzjonali ta' forza letali mill-awtoritajiet Sudaniżi u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-mewt tad-dimostranti, inklużi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; |
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni, bħala każ ta' urġenza, biex tirrestrinġi legalment l-esportazzjoni ta' teknoloġiji tas-sorveljanza tal-massa mill-UE lejn pajjiżi fejn hemm possibbiltà li jintużaw biex jiksru drittijiet diġitali u drittijiet tal-bniedem oħrajn; |
17. |
Jiddispjaċih mid-deċiżjoni meħuda mir-Rappreżentant Għoli tal-UE li ttemm il-mandat tarRappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan/Sudan t-Isfel, minħabba l-irvellijiet politiċi fis-Sudan u l-konflitti armati li matulhom il-forzi Sudaniżi u tal-milizzji sponsorjati mill-gvern ikompli jwettqu reati tal-gwerra b'impunità; iqis li mingħajr Rappreżentant Speċjali tal-UE maħtur għas-Sudan/Sudan t'Isfel l-UE se titħalla fil-ġenb fin-negozjati u l-isforzi internazzjonali, speċjalment minħabba l-fatt li l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina kollha għandhom mibgħuta speċjali fis-Sudan; jitlob, għalhekk lir-Rappreżentant Għoli tbiddel id-deċiżjoni tagħha u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għas-Sudan/Sudan t'Isfel; |
18. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP). |
(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.