This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0418
European Parliament resolution of 10 October 2013 on alleged transportation and illegal detention of prisoners in European countries by the CIA (2013/2702(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA (2013/2702(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA (2013/2702(RSP))
ĠU C 181, 19.5.2016, p. 61–67
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/61 |
P7_TA(2013)0418
L-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA (2013/2702(RSP))
(2016/C 181/11)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-13 ta' Diċembru 2012 li tikkundanna lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) għas-“serjetà estrema” tal-ksur tagħha tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3, 5, 8 u 13) matul il-konsenja straordinarja ta' Khaled El-Masri, |
— |
wara li kkunsidra l-każijiet pendenti tal-QEDB li ġejjin: Al-Nashiri v il-Polonja, Abu Zubaydah v il-Litwanja, Abu Zubaydah v il-Polonja u Nasr u Ghali v l-Italja; wara li kkunsidra l-applikazzjoni ppreżentata mis-Sur Al-Nashiri kontra r-Rumanija f'Awwissu 2012 u l-applikazzjoni ppreżentata f'Diċembru 2012 mill-Istitut tal-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRMI) u l-Inizjattiva tal-Ġustizzja għal Soċjetà Miftuħa kontra l-Litwanja għall-ksur tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv, |
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema Taljana ta' Settembru 2012 li sostniet il-kundanna ta' 23 ċittadin tal-Istati Uniti b’konnessjoni mal-ħtif fl-2003 ta' Abu Omar, u fosthom l-ex-Kap tal-uffiċju tas-CIA f'Milan, Robert Seldon Lady, li ġie kkundannat għal disa' snin ħabs, |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Milan ta' Frar 2013 li kkundannat tliet aġenti oħra tas-CIA (1), preċedentement ikkunsidrati bħala koperti mill-immunità diplomatika, għal bejn sitta u seba' snin ħabs; wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-istess qorti li tikkundanna wkoll lil Nicolò Pollari, ex Kap tas-Servizz Taljan tal-Intelligence Militari u s-Sigurtà (SISMI), għal għaxar snin ħabs, lil Marco Mancini, ex Viċi Kap tas-SISMI, għal disa' snin ħabs, u tliet aġenti tas-SISMI għal sitt snin kull wieħed, |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Taljan tal-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell tal-Istati Uniti Joseph Romano, li ġie kkundannat fl-Italja għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar f'dak il-pajjiż, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar “l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew” (2), |
— |
wara li kkunsidra d-dokumenti mgħoddija lir-rapporteur mill-Kummissjoni, inklużi ittri mhux speċifiċi għal pajjiż, mibgħuta f'Marzu 2013 lill-Istati Membri kollha, li weġbuhom biss ftit Stati Membri (il-Finlandja, l-Ungerija, Spanja u l-Litwanja), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantánamo, l-aktar riċenti minnhom hija dik tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar “Guantanamo: strajk tal-ġuħ tal-priġunieri” (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011) (4), |
— |
wara li kkunsidra d-data tat-titjiriet mibgħuta mill-Eurocontrol sa Settembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra t-talba mibgħuta f'April 2013 mir-rapporteur lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar (ASECNA) għall-kooperazzjoni dwar l-iżvelar tad-data tat-titjiriet u għar-risposta pożittiva li waslet f'Ġunju 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu, 6 u 7 ta' Ġunju 2013), |
— |
wara li kkunsidra “l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (2010-2014)”, |
— |
wara li kkunsidra l-bosta rapporti tal-midja u atti ta' ġurnaliżmu investigattiv, b’mod partikolari – iżda mhux b’mod eżawrjenti – ix-xogħol investigattiv imxandar fuq l-istazzjon televiżiv Rumen Antena 1 f'April 2013, |
— |
wara li kkunsidra r-riċerka u l-investigazzjonijiet imwettqa speċjalment minn Interights, Redress u Reprieve, u r-rapporti li nħarġu sa mill-adozzjoni tal-imsemmija riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012, minn riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari r-rapport tal-“Justice Initiative” tal-fondazzjoni “Open Society” dwar il-globalizzazzjoni tat-tortura: id-Detenzjoni u l-Konsenji Straordinarji Sigrieti tas-CIA (Globalising Torture: CIA Secret Detention and Extraordinary Rendition) (Frar 2013), l-istudju indipendenti, bl-involviment taż-żewġ partiti politiċi ewlenin, li sar fl-Istati Uniti tal-Amerika mit-Task Force dwar it-Trattament tad-Detenuti (Task Force on Detainee Treatment) tal-grupp ta’ riflessjoni ‘The Constitution Project (April 2013), il-Bażi tad-Data dwar it-Titjiriet ta' Konsenja ppubblikata mis-sit elettroniku akkademiku Brittaniku (The Rendition Project) (Mejju 2013), ir-rapport tal-organizzazzjoni Amnesty International “Unlock the truth: Poland’s involvement in CIA secret detention” (Ġunju 2013) u l-ittra mibgħuta mill-organizzazzjoni Human Rights Watch lill-awtoritajiet Litwani (Ġunju 2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (O-000079/2013 – B7-0215/2013 u O-000080/2013 – B7-0216/2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu; |
B. |
billi l-Parlament ikkundanna l-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li jinvolvi ksur multiplu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u maltrattament ieħor, il-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement u l-għajbien imġiegħel bl-użu mis-CIA tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew; billi l-Parlament kemm-il darba talab li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar il-kollaborazzjoni mill-gvernijiet u aġenziji nazzjonali mal-programmi tas-CIA; |
C. |
billi l-Parlament impenja ruħu li jkompli jwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kumitat Temporanju, skont l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u ta istruzzjonijiet lill-kumitati relevanti tiegħu biex jindirizzaw lill-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012, peress li jqis li huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-punt sa fejn ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament; |
D. |
billi l-obbligu ta’ rendikont għall-konsenji hu essenzjali biex jiġu protetti u promossi b'mod effettiv id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex jiġu żgurati politiki tas-sigurtà leġittimi u effettivi msejsa fuq l-istat tad-dritt; billi riċentement l-istituzzjonijiet tal-UE pparteċipaw f'dibattitu dwar kif l-UE tista' tipproteġi u tippromwovi aħjar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt; |
E. |
billi ma kien hemm l-ebda risposta sostantiva mill-Kunsill u l-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; |
F. |
billi l-awtoritajiet Litwani tennew l-impenn tagħhom li jerġgħu jiftħu l-investigazzjoni kriminali dwar l-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA jekk joħorġu elementi ġodda, iżda s’issa għadhom m'għamlux dan; billi fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-QEDB fil-każ ta' Abu Zubaydah, l-awtoritajiet Litwani wrew nuqqasijiet gravi fl-investigazzjonijiet tagħhom, u nuqqas ta’ komprensjoni tat-tifsira tal-informazzjoni ġdida; billi l-Litwanja għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tal-2013; billi, fit-13 ta' Settembru 2013, tressaq ilment lill-Prosekutur Ġenerali Litwan li jsejjaħ għal investigazzjoni tal-allegazzjonijiet li Mustafa al-Hawsawi, li attwalment qed jgħaddi ġuri mill-kummissjoni militari fil-Bajja ta' Guantánamo, ġie illegalment trasferit, u b'mod sigriet miżmum u ttorturat fil-Litwanja bħala parti minn programm immexxi mis-CIA; |
G. |
billi x-xogħol investigattiv profond imxandar fuq l-istazzjon televiżiv Antena 1 f'April 2013 ipprovda indikazzjonijiet ulterjuri tar-rwol ċentrali tar-Rumanija fin-netwerk ta’ ħabsijiet; billi l-ex konsulent tas-sigurtà nazzjonali Ioan Talpeş iddikjara li r-Rumanija pprovdiet appoġġ loġistiku lis-CIA; billi ex senatur Rumen ammetta l-limitazzjonijiet tal-inkjesta parlamentari preċedenti u talab lill-prosekuturi biex jibdew proċedimenti ġudizzjarji; |
H. |
billi ġiet ippreżentata talba mal-prosekuturi Pollakki fil-11 ta' Ġunju 2013 sabiex it-tielet raġel, il-Jemenita Walid Mohammed Bin Attash, jiġi uffiċjalment rikonoxxut bħala vittma wara li ġie arrestat illegalment fil-Pakistan fl-2003, miżmum f'ħabs sigriet fil-Polonja minn Ġunju sa Settembru 2003 u konsegwentement mibgħut fi Guantánamo, fejn jinsab attwalment; billi l-prosekuturi Polakki estendew sa Ottubru 2013 investigazzjoni kriminali li għaddejja bħalissa; |
I. |
billi l-awtoritajiet Britanniċi qed iżidu ostakli proċedurali għat-talba ċivili mressqa fir-Renju Unit mil-Libjan Abdel Hakim Belhadj, li allegatament ingħata t-tortura fil-Libja mis-CIA bl-għajnuna Britannika, u esprimew l-intenzjoni tagħhom li jfittxu li x-xhieda tinstema' fi proċedimenti sigrieti; |
J. |
billi f'Diċembru 2012 l-Italja ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali kontra Robert Seldon Lady, li ġie arrestat fil-Panama f'Lulju 2013; billi t-talba ta' estradizzjoni sussegwentement magħmula mill-Italja ma ġietx aċċettata mill-Panama, u Robert Seldon Lady ġie rritornat lill-Istati Uniti f'Lulju 2013; billi l-President Taljan iddeċieda, fil-5 ta' April 2013, li jaħfer lill-Kurunell tal-Istati Uniti Joseph Romano, li ġie kkundannat minn Qorti Taljana għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-Italja; |
K. |
billi f'Novembru 2012, l-Ombudsman Parlamentari tal-Finlandja beda investigazzjoni dwar l-użu tat-territorju, l-ispazju tal-ajru u s-sistemi ta' rekords tat-titjir tal-Finlandja fil-programm ta' konsenja tas-CIA, bagħat talbiet bil-miktub u dettaljati għal informazzjoni lil 15-il aġenzija tal-gvern u talab lill-awtoritajiet Litwani għal informazzjoni speċifika dwar titjiriet relatati; |
L. |
billi l-inkjesta mwettqa mid-Danimarka sa Mejju 2012 ma tikkostitwixxix investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva kif meħtieġ mid-dritt u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba n-nuqqas ta’ setgħat suffiċjenti u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha; |
M. |
billi żewġ Stati Membri biss (il-Ġermanja u r-Renju Unit) irrispondew għall-ittri ta' segwitu mibgħuta minn tmien Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isveżja u r-Renju Unit) permezz tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, fejn talbu informazzjoni addizzjonali wara l-Istudju Konġunt tan-NU dwar il-prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (5); |
N. |
billi l-President Obama tal-Istati Uniti tenna l-impenn tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta’ Guantánamo, u ħabbar fit-23 ta' Mejju 2013 li se jerġa' jibda l-ħelsien tad-detenuti u li jneħħi moratorju fuq il-ħelsien ta’ priġunieri Jemeniti li diġa' kien meqjus li hu sikuri li jiġu trasferiti lura lejn il-Jemen, minkejja reżistenza fil-Kungress tal-Istati Uniti; billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jridu jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom billi jipproċessaw legalment lil Robert Seldon Lady; |
O. |
billi, fid-dikjarazzjoni ta' ftuħ li hi tat fit-23 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ġinevra, Mejju 2013), il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, ikkwotatat ir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012 u talbet għal 'investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti' bħala 'l-ewwel pass vitali lejn ir-responsabilità' u ‘[talbet] lill-Istati jagħmlu dan prijorità tagħhom'; |
P. |
billi, fir-rapport annwali tal-2013 (6) tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, Ben Emmerson, ikkwota l-ħidma tal-Parlament u approva wħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012; |
1. |
Jiddeplora profondament in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012, partikolarment mill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, in-NATO u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tal-ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-programmi tas-CIA; |
2. |
Iqis li l-klima ta’ impunità fir-rigward tal-programmi tas-CIA ippermettiet li jkompli l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-politiki ta' kontra t-terroriżmu tal-UE u tal-Istati Uniti, kif żvelat b’mod ulterjuri mill-attivitajiet ta’ spjunaġġ tal-massa tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, li bħalissa qed jiġu investigati mill-Parlament; |
Il-proċess ta’ obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri
3. |
Itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li ma wettqux l-obbligu pożittiv tagħhom li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi biex jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet fid-deher, u li jiżvelaw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ajruplani kollha assoċjati mas-CIA u t-territorju tagħhom li jqajmu suspett; jitlob b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jinvestigaw jekk sarux operazzjonijiet li fihom persuni nżammu taħt il-programmi tas-CIA f’faċilitajiet sigrieti fit-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri konċernati (Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Isvezja) jwieġbu l-ittri mibgħuta mill-Proċeduri Speċjali tan-NU; |
4. |
Iħeġġeġ lil-Litwanja terġa' tiftaħ l-investigazzjonijiet kriminali tagħha dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA u twettaq investigazzjoni rigoruża filwaqt li tqis l-evidenza fattwali kollha li ġiet żvelata, l-aktar dwar il-każ tal-QEBD ta' Abu Zubaydah v il-Litwanja; jistieden lil-Litwanja tippermetti lill-investigaturi jwettqu eżami komprensiv tan-netwerk ta’ titjiriet ta’ konsenja u l-persuni ta’ kuntatt li huma magħrufa pubblikament li organizzaw jew ipparteċipaw fit-titjiriet konċernati; jistieden lill-awtoritajiet Litwani jwettqu eżami forensiku tas-sit tal-ħabs u analiżi tar-reġistri tat-telefonati; iħeġġiġhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-QEDB fil-każijiet ta' Abu Zubaydah v il-Litwanja u HRMI v il-Litwanja; jistieden lil-Litwanja, fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali, tikkunsidra l-applikazzjonijiet għal status/parteċipazzjoni fl-investigazzjoni minn vittmi possibbli oħra; iħeġġeġ lil-Litwanja twieġeb bis-sħiħ għat-talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra tal-UE, b'mod partikolari t-talba għall-informazzjoni mill-Ombudsman Finlandiż dwar titjira jew titjiriet li jistgħu jistabbilixxu rabta tal-Finlandja u l-Litwanja bħala rotta possibbli ta' konsenja; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Litwan iwettaq investigazzjonijiet kriminali dwar l-ilment ta' Mustafa al-Hawsawi; |
5. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex mingħajr telf ta' żmien jiftħu investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva, biex isibu d-dokumenti ta' inkjesta parlamentari nieqsa u biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-QEBD fil-każ ta' Al Nashiri v ir-Rumanija; jistieden lir-Rumanija tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tagħha; |
6. |
Jistieden lill-Polonja tkompli l-investigazzjoni tagħha b’mod aktar trasparenti, partikolarment billi toffri evidenza ta’ żviluppi konkreti meħuda, billi tippermetti lir-rappreżentanti tal-vittmi sabiex dawn jirrappreżentaw verament lill-klijenti tagħhom billi tippermettilhom li jkollhom aċċess bi dritt għall-materjal klassifikat relevanti kollu u billi taġixxi fuq il-materjal li jkun inġabar; jitlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jibdew il-prosekuzzjonijiet kontra kull attur statali implikat; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Pollakk biex bħala kwistjoni ta' urġenza jagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta' Walid Bin Attash u jieħu deċiżjoni dwarha; jitlob lill-Polonja tikkoopera bis-sħiħ mal-QEDB dwar il-każijiet ta' Al-Nashiri v il-Polonja u Abu Zubaydah v il-Polonja; |
7. |
Jistieden lill-awtoritajiet Britanniċi jikkooperaw bis-sħiħ ma' investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa u biex iħallu talbiet ċivili jkomplu bi trasparenza sħiħa sabiex jiġu konklużi dawk l-investigazzjonijiet u t-talbiet dwar il-konsenja ta' ċittadini barranin li jinsabu barra 'l pajjiż; jitlob lill-awtoritajiet Britanniċi jistabbilixxu inkjesta konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-konsenja, it-tortura u t-trattament ħażin ta' priġunieri barra 'l pajjiż; |
8. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu ġustizzja dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mis-CIA fit-territorju Taljan, billi jinsistu li Robert Seldon Lady jiġi estradit u jitolbu l-estradizzjoni ta' 22 ċittadin ieħor tal-Istati Uniti kkundannati fl-Italja; |
9. |
Iħeġġeġ lill-Ombudsman Finlandiż biex ilesti l-investigazzjoni tiegħu fuq bażi ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont u, għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw bis-sħiħ; jitlob lill-Finlandja ssegwi kull informazzjoni li timplika lill-atturi statali Finlandiżi fil-programm ta' konsenja; |
Rispons tal-istituzzjonijiet tal-UE
10. |
Jinsab diżappuntat ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tirreaġixxi fis-sustanza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, u jqis li l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mhumiex biżżejjed għat-twettiq tal-obbligu ta’ rendikont, għax huma ta’ natura ġenerika; |
11. |
Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni:
|
12. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Litwani jaħtfu l-opportunità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Parlament u għaldaqstant biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) qabel tmiem il-presidenza Litwana; |
13. |
Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu lill-Kunsill:
|
14. |
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu, fil-programmi pluriennali rispettivi tagħhom ta’ wara l-programm ta’ Stokkolma, miżuri speċifiċi biex ikunu żgurati l-istat tad-dritt u l-obbligu ta’ rendikont f'każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment minn servizzi tal-intelligence u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-obbligu ta’ rendikont fuq l-aġenda tal-“Assises de la Justice” f'Novembru 2013; |
15. |
Ifakkar li hu essenzjali, biex tkun żgurata l-kredibilità tal-Parlament, li jissaħħu sostanzjalment id-drittijiet tiegħu ta’ inkjesta biex jinvestiga każi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE, li għandhom jinkludu s-setgħa kollha li jisma' x-xhieda bil-ġurament tal-persuni involuti, inklużi ministri governattivi (7); |
16. |
Jitlob lil Eurocontrol tirrikonoxxi, bħalma tagħmel l-Awtorità Federali Amerikana tal-Avjazzjoni, li data dwar ir-rotot tat-titjiriet m’għandhiex tkun meqjusa li hi konfidenzjali, u tirrilaxxa tali data meħtieġa bl-iskop li l-investigazzjonijiet li jsiru jkunu effettivi; |
17. |
Jistenna l-inkjesta tiegħu dwar il-programm ta' sorveljanza tal-Aġenzija tal-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u s-sorveljanza tal-korpi f'diversi Stati Membri tipproponi miżuri għal sorveljanza parlamentari demokratika u effettiva tas-servizzi tal-intelligence, filwaqt li jikkunsidra li l-iskrutinju demokratiku ta' dawk il-korpi u l-attivitajiet tagħhom permezz ta' superviżjoni interna, eżekuttiva, indipendenti, ġudizzjarja u parlamentari hi essenzjali; |
18. |
Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress li sar mill-Istati Membri tal-UE lejn l-adeżjoni mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Persuni minn Għajbien Imġiegħel, bl-eċċezzjoni tal-Litwanja li rratifikatha f’Awwissu 2013; jistieden lill-21 Stat Membru li għadhom ma rratifikawx dik il-konvenzjoni biex jagħmlu dan bħala kwistjoni ta’ urġenza; |
19. |
Jistieden lill-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura (OPCAT) bħala kwistjoni prijoritarja; jiddispjaċih dwar l-appoġġ limitat provdut mill-Fond Speċjali tal-OPCAT ġestit min-NU, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-ħidma tal-Fond Speċjali permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji sostanzjali; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jiffaċilitaw it-twaqqif u l-funzjonament ta’ Mekkaniżmi ta’ Prevenzjoni Nazzjonali taħt l-OPCAT f’pajjiżi terzi; |
20. |
Jistieden lill-UE tagħmel rieżami bir-reqqa tal-progress tal-FYROM fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-QEDB fil-każ ta’ El-Masri v Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li l-Kumitat tal-Ministri issa ssuġġetta għal proċedura mtejba fil-kuntest tat-talba għall-adeżjoni tal-FYROM; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-FYROM jiftħu investigazzjoni kriminali dwar il-kumpliċità ta’ atturi statali fil-każ ta’ El-Masri u jaraw li l-persuni responsabbli jwieġbu għal għemilhom; |
21. |
Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jikkoopera mat-talbiet kollha magħmula mill-Istati Membri tal-UE għal informazzjoni jew estradizzjoni b’konnessjoni mal-programm tas-CIA; iħeġġu jieqaf juża ordnijiet protettivi ħorox li jżommu lill-avukati tad-detenuti ta' Guantánamo milli jiżvelaw informazzjoni rigward kwalunkwe dettall tad-detenzjoni sigrieta tagħhom fl-Ewropa; iħeġġu jwettaq sat-tmiem il-pjan tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta' Guantánamo malajr kemm jista’ jkun; |
22. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu l-isforzi għar-risistemazzjoni tad-detenuti mhux Ewropej rilaxxati minn Guantánamo li ma jistgħux jiġu ripatrijati lejn l-istati tagħhom minħabba li huma mhedda bil-mewt, it-tortura jew trattament krudili u diżuman (8); jistieden lill-UE terġa’ tqajjem l-inizjattivi konġunti tal-2009 billi tipprovdi qafas għar-risistemazzjoni ta’ detenuti minn Guantánamo fl-Istati Membri tal-UE u biex timpenja ruħha fi djalogu dwar pjanijiet konkreti għall-kooperazzjoni ma’ Clifford Sloan, il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti dwar it-trasferimenti tad-detenuti minn Guantánamo; |
23. |
Jistieden lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar biex tibda tikkoopera mal-Parlament mill-aktar fis billi tipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar data ta’ titjiriet; |
24. |
Jistieden lill-Parlament li jmiss (2014-2019) ikompli jwettaq u jimplimenta l-mandat tal-Kumitat Temporanju u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu segwiti, jistudja l-elementi ġodda li jistgħu jfeġġu u jagħmel użu sħiħ tad-drittijiet ta' inkjesta tiegħu, u jiżviluppahom; |
o
o o
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) Inkluż Jeffrey W. Castelli, ex Kap tal-uffiċċju tas-CIA f'Ruma.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0309.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0231.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0500.
(5) A/HRC/13/42.
(6) Prinċipji qafas għall-iżgurar tar-responsabilità tal-uffiċjali pubbliċi għall-ksur gravi jew sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-kuntest tal-inizjattivi kontra t-terroriżmu tal-Istat, A/HRC/22/52, 1 ta' Marzu 2013.
(7) Ara: Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jħassar id-Deċiżjoni 95/167/EC, Euratom, ECSC tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU C 264 E 13.9.2013, p. 41).
(8) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 8.