Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0411

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar in-negozjati UE-Ċina għal ftehim ta' investiment bilaterali (2013/2674(RSP))

    ĠU C 181, 19.5.2016, p. 45–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/45


    P7_TA(2013)0411

    Negozjati UE-Ċina għal ftehim ta' investiment bilaterali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar in-negozjati UE-Ċina għal ftehim ta' investiment bilaterali (2013/2674(RSP))

    (2016/C 181/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tat-23 ta' Novembru 2001,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2012 bit-titolu “L-UE u ċ-Ċina: Kummerċ Żbilanċjat?” (1) u r-rapport tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tiegħu ta' Lulju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2),

    wara li kkunsidra l-prinċipji u l-prattiki aċċettati b’mod ġenerali (GAPP) magħrufa bħala l-“Prinċipji ta’ Santjago”, li ġew adottati f’Ottubru 2008 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-Fondi ta' Investimenti Sovrani,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li nħarġet fl-okkażjoni tat-13-il Summit UE-Ċina li sar fi Brussell fl-20 ta' Settembru 2012,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (6), dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali (7) u dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (8),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “UE – Ċina: Imsieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet” (COM(2006)0631), u d-dokument ta' politika li jakkumpanjaha “dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċina: Kompetizzjoni u Partnerjat” (COM(2006)0632),,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (9),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni reċenti tiegħu dwar l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni għal industriji estrattivi u tal-qtugħ tas-siġar rigward il-pagamenti tagħhom lill-gvernijiet (10),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni konġunta tal-UE u ċ-Ċina, meħuda fl-14-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Frar 2012 f’Pekin, sabiex jiġu mnedija negozjati dwar ftehim ta’ investiment bilaterali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina żdied b’mod rapidu u kontinwu tul dawn l-aħħar tletin sena, u laħaq l-ogħla livell ta’ kummerċ totali ta’ EUR 433,8 biljun fl-2012, u billi l-iżbilanċ fil-kummerċ bilaterali ilu favur iċ-Ċina mill-1997; billi dan id-defiċit fil-kummerċ kien jammonta għal EUR 146 biljun fl-2012, meta mqabbel ma’ EUR 49 biljun fl-2000;

    B.

    billi fl-2011, l-istokk ta’ investimenti barranin tal-UE fiċ-Ċina ammonta għal EUR 102 biljun, filwaqt li fl-istess sena l-istokk ta’ investimenti barranin taċ-Ċina fl-UE kien jammonta għal EUR 15-il biljun; billi l-istokk ta' investimenti barranin taċ-Ċina fl-UE kien jammonta għal EUR 3,5 biljun biss fl-2006;

    C.

    billi t-Trattat ta’ Lisbona għamel l-investiment dirett barrani (IDB) kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

    D.

    billi 26 Stat Membru tal-UE għandhom ftehimiet bilaterali ta' investiment individwali fis-seħħ maċ-Ċina; billi l-UE għadha ma żviluppatx politika industrijali fit-tul u sostenibbli li sservi sabiex twassal l-interessi offensivi u difensivi tagħha fil-qasam tal-politika ta’ investiment barrani ġdida tagħha;

    E.

    billi anke b'żieda fl-ispejjeż tax-xogħol ta' 10 % fis-sena fis-snin reċenti, iċ-Ċina għadha fost l-aqwa tliet swieq fid-dinja għall-investiment;

    F.

    billi l-għanijiet ta’ żvilupp previsti fit-12-il pjan ta’ ħames snin taċ-Ċina u l-istrateġija UE 2020, rispettivament, jinkludu numru kbir ta’ interessi kondiviżi u sfidi komuni; billi livell ogħla ta’ integrazzjoni u skambji teknoloġiċi bejn l-ekonomija tal-UE u dik Ċiniża jista’ jwassal għal sinerġiji u benefiċċji reċiproċi;

    G.

    billi l-kumpaniji pubbliċi u privati għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

    H.

    billi dan il-ftehim ta' investiment huwa l-ewwel wieħed innegozjat mill-UE abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħha wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; billi n-negozjati dwar dan il-ftehim ta' investiment, inkluż l-aċċess għas-suq, għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw interess kbir kif ukoll tħassib pubbliku possibbli, u għalhekk għandhom isiru bl-ogħla livell ta' trasparenza possibbli sabiex tkun tista' ssir is-sorveljanza parlamentari meħtieġa, u b'hekk tiġi ssodisfata waħda mill-prekundizzjonijiet għall-approvazzjoni meħtieġa tal-Parlament Ewropew għall-eżitu tan-negozjati;

    I.

    billi l-investituri għandhom jikkonformaw kemm mal-liġijiet tal-pajjiż ospitanti kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim konkluż mill-UE u ċ-Ċina ladarba jidħol fis-seħħ sabiex jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-aħjar protezzjoni possibbli tal-investimenti tagħhom;

    J.

    billi l-implimentazzjoni batuta jew in-nuqqas ta’ implimentazzjoni miċ-Ċina ta’ ċerti drittijiet fundamentali soċjali u tax-xogħol kif ukoll l-istandards ambjentali, li huma, madankollu, rikonoxxuti internazzjonalment, huma fost il-kawżi tal-iżbilanċ attwali fil-flussi tal-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina, li jistgħu jaggravaw iżjed b’relazzjonijiet tal-investimenti iżjed fil-fond jekk ma jinkisibx il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawk id-drittijiet u standards; billi l-ftehim ta’ investiment għaldaqstant m’għandux ikollu l-effett li jkompli jbaxxi l-istandards soċjali u ambjentali fiċ-Ċina, iżda għandu, għall-kuntrarju, jikkontribwixxi għat-titjib tagħhom bħala prekundizzjoni, u jwassal għal relazzjoni ta’ kummerċ u investiment iżjed ibbilanċjata u li ġġib magħha benefiċċju reċiproku;

    K.

    billi ftehim ta’ investiment għandu jinkludi wkoll obbligi għall-investitur, anke fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tat-trade unions u ta' drittijiet oħra tax-xogħol, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-ambjent, kif definiti fil-liġi ta’ kull waħda miż-żewġ partijiet, u li għandhom jiġu konklużi b’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) u ftehimiet internazzjonali rilevanti oħra u konvenzjonijiet ewlenin iffirmati u ratifikati mill-partijiet; billi l-ftehimiet ta’ investiment m’għandhomx ikopru investimenti f’oqsma maħluqa b’mod speċjali li jipprevedu l-evitar ta’ drittijiet u standards tax-xogħol u rekwiżiti legali oħra;

    L.

    billi l-oġġetti għall-esportazzjoni lejn l-UE li jiġu magħmula f'kampijiet tax-xogħol furzat, bħal taħt is-sistema ta' Riedukazzjoni permezz tax-Xogħol (RTL), magħrufa ġeneralment bħala Laogai, m'għandhomx jibbenefikaw minn investimenti li saru skont dan il-ftehim ta' investiment bilaterali;

    M.

    billi l-Kummissjoni u l-Kunsill impenjaw ruħhom sabiex jiżguraw li l-politika ta’ investiment tal-UE tikkunsidra l-prinċipji u l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, u impenjaw ruħhom li jagħmlu dan mill-2013;

    N.

    billi, peress li ftehim ta’ investiment maċ-Ċina jtejjeb sostanzjalment ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u ċ-Ċina, għandu jagħti wkoll kontribuzzjoni għat-titjib fid-djalogu politiku bejn l-UE u ċ-Ċina, notevolment fuq tali kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem – fil-qafas ta’ djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem effettiv u mmirat biex jikseb riżultati – u l-istat tad-dritt, bl-għan li r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi jinżammu fuq livell parallel, skont l-ispirtu tas-Sħubija Strateġika;

    O.

    billi l-investituri u l-investimenti għandhom jagħmlu sforzi, permezz tal-politiki u l-prattiki ta’ ġestjoni tagħhom, sabiex ikunu konformi mal-għanijiet ta’ żvilupp tal-istati ospitanti u l-awtoritajiet lokali ta’ fejn jinsab l-investiment;

    1.

    Jilqa' t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jsegwu relazzjoni bilanċjata sew ta’ sħubija, djalogu f’livell għoli regolari, u benefiċċji reċiproċi aktar milli jidħlu f’kompetizzjoni ta' konfrontazzjoni;

    2.

    Jirrimarka li ċ-Ċina, li saret membru tad-WTO fl-2001, għandha tqiegħed iżjed enfasi fuq il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tagħha u l-ftuħ tas-suq tagħha sabiex tiżgura kundizzjonijiet iżjed ekwi, u għandha taċċellera t-tneħħija tal-ostakli artifiċjali li jiffaċċjaw il-kumpaniji biex jaċċessaw is-suq Ċiniż;

    3.

    Jinnota li l-impriżi Ewropej jiddeploraw l-eżistenza ta’ għadd kbir ta’ ostakli tariffarji u mhux tariffarji għas-suq Ċiniż, bħal ċerti forom ta’ diskriminazzjoni kontra operaturi barranin, kif ukoll il-kumplessità tal-istruttura tariffarja u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ;

    4.

    Jilqa’ l-inklużjoni tal-aċċess għas-suq fil-mandat tan-negozjar; jemmen li riassigurazzjoni min-naħa taċ-Ċina li l-aċċess għas-suq se jiġi inkluż fin-negozjati għandha tikkostitwixxi prekundizzjoni biex dawn jitnedew;

    5.

    Jenfasizza l-ħtieġa li espliċitament jiġu inklużi kemm l-IDB kif ukoll investimenti ta' portafoll fil-proċess ta’ negozjar;

    6.

    Jinnota li l-impriżi Ċiniżi jqisu lill-Unjoni ġeneralment bħala ambjent ta' investiment stabbli, iżda jiddeploraw dak li jqisu bħala s-sussidji għall-esportazzjoni li baqa' tal-UE għall-prodotti agrikoli Ewropej u l-eżistenza ta' ċerti ostakli għall-kummerċ għas-suq tal-UE, bħal ostakli tekniċi għall-kummerċ u ostakli maħluqa biex jimblokkaw investiment minn pajjiżi terzi f'ċerti Stati Membri, u li qed jitolbu li jitneħħew l-ostakli inġustifikati li baqa' u li jiġi ffaċilitat l-investiment fl-Istati Membri; ifakkar, madankollu, li reċentement fiċ-Ċina ġie stabbilit mekkaniżmu ta' rieżami tas-sigurtà bħala skrutinju tal-investimenti barranin u li l-użu ta' tali mekkaniżmi miż-żewġ partijiet jista' jkun ibbażat fuq raġunijiet leġittimi; jirrimarka li l-UE u ċ-Ċina jista' jkollhom preokkupazzjonijiet ta' sigurtà leġittimi li jiġġustifikaw l-esklużjoni totali jew parzjali ta' ċerti setturi mill-investiment barrani fuq bażi temporanja jew fit-tul;

    7.

    Jirrimarka li attwalment il-forma ewlenija li fiha kumpaniji barranin jitħallew jiftħu fiċ-Ċina hija permezz ta' impriżi konġunti, li spiss huma assoċjati mat-trasferiment ta' teknoloġiji strateġiċi li jippromwovu l-iżvilupp kompetittiv taċ-Ċina għad-detriment tal-industrija Ewropea; huwa konvint li aktar aċċettazzjoni min-naħa taċ-Ċina fir-rigward ta' regolamenti legali oħra li jippermettu lil investituri barranin jistabbilixxu ruħhom, flimkien ma' protezzjoni dovuta tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR), tal-proprjetà industrijali, tal-marki kummerċjali u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti, hija kruċjali u tkun ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li tiffavorixxi livell ogħla ta' integrazzjoni tal-ekonomiji Ewropej u Ċiniżi abbażi ta' approċċ aktar strateġiku favur kooperazzjoni ekonomika li tkun orjentata, fost affarijiet oħra, lejn teknoloġija u innovazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

    8.

    Huwa konvint li ħarsien aħjar tal-IPRs u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli relatati fiċ-Ċina jippromwovu ħafna l-għan tal-UE u ta’ investituri barranin oħra li jinvestu, jaqsmu kapaċitajiet teknoloġiċi ġodda u jaġġornaw teknoloġiji eżistenti f’dak il-pajjiż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ teknoloġiji ambjentalment sodi;

    9.

    Jilqa’ l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Ċiniżi biex itejbu r-rispett għall-IPRs wara l-adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, iżda xorta waħda jiddeplora l-protezzjoni inadegwata tagħhom fiċ-Ċina u jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ mezzi speċifiċi disponibbli għall-impriżi Ewropej, partikolarment l-SMEs, għall-ġlieda effikaċi kontra l-ksur tal-IPRs;

    10.

    Jinsab imħasseb dwar l-inaffidabbiltà tas-sistema ġudizzjarja Ċiniża, li ma tinforzax l-obbligi kuntrattwali, u dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u uniformità fl-applikazzjoni tar-reġim regolatorju li jirregola l-investimenti;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' investiment ambizzjuż u bilanċjat bejn l-UE u ċ-Ċina li l-għan tiegħu jkun li joħloq ambjent aħjar għal investituri tal-UE fiċ-Ċina u viċe versa, inkluż aċċess aħjar għas-suq, sabiex jiżdied il-livell ta' flussi ta' kapital reċiproċi u tiġi garantita t-trasparenza rigward il-governanza tal-kumpaniji, kemm pubbliċi kif ukoll privati, li jinvestu fl-ekonomija msieħba; jirrakkomanda l-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-governanza korporattiva bħala dokument ta' referenza; jinsisti wkoll fuq infurzar tal-liġi aħjar sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn parteċipanti pubbliċi u privati, titnaqqas il-korruzzjoni u tittejjeb iċ-ċertezza legali u l-previdibbiltà tal-ambjent kummerċjali fiċ-Ċina;

    12.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti, permezz ta’ dan il-ftehim, il-prekundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta bejn l-UE u ċ-Ċina; jirrakkomanda, għal dan il-għan, li l-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet b’saħħithom u vinkolanti dwar it-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta sabiex ikunu japplikaw kundizzjonijiet ekwi anke għal intrapriżi tal-istat u prattiki ta’ investiment tal-fondi ta' investimenti sovrani;

    13.

    Jitlob li l-ftehim li qed jiġi nnegozjat ikopri kemm l-aċċess għas-suq kif ukoll il-protezzjoni tal-investituri;

    14.

    Jenfasizza li xejn f'dan il-ftehim ta' investiment m'għandu jnaqqas l-ispazju ta' politika tal-partijiet u l-kapaċità tagħhom li jilleġiżlaw sabiex jilħqu għanijiet leġittimi u ġustifikati ta' politika pubblika filwaqt li jippruvaw ma jxejnux il-benefiċċji li joriġinaw mill-impenji tal-partijiet; jenfasizza li l-garanzija tal-istat tad-dritt għall-investituri u ċ-ċittadini kollha Ċiniżi u tal-UE trid tibqa' l-prijorità;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-fondi ta' investimenti sovrani;

    16.

    Jinnota li għandu jiġi stabbilit żmien ċar tan-negozjati, u għandhom jiġu kkunsidrati perjodi tranżitorji raġonevoli u sinifikanti;

    17.

    Jikkunsidra li ftehim ta’ investiment maċ-Ċina għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattiki meħuda mill-esperjenzi tal-Istati Membri, jikkontribwixxi għal koerenza akbar u jinkludi l-istandards li ġejjin:

    in-nondiskriminazzjoni (trattament nazzjonali u trattament tal-aktar nazzjon favorit għal investituri u investimenti f’ċirkostanzi simili);

    il-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà manifesta fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

    il-projbizzjoni taċ-ċaħda mill-ġustizzja u nuqqas ta' osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-proċess ġust;

    l-obbligu li ma tinċaħadx il-ġustizzja fi proċedimenti ġudizzjarji kriminali, ċivili jew amministrattivi f’konformità mal-prinċipju tal-proċess ġust imħaddan mis-sistemi legali prinċipali tad-dinja;

    il-projbizzjoni ta’ trattament abbużiv ta’ investituri, inklużi l-koerċizzjoni, it-theddid u l-fastidju;

    il-protezzjoni mill-esproprjazzjoni diretta u indiretta, u l-provvediment ta’ kumpens adegwat għal kwalunkwe ħsara mġarrba fil-każ ta’ esproprjazzjoni;

    l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità fil-każ ta’ nazzjonalizzazzjoni;

    18.

    Jafferma mill-ġdid li fid-dawl tal-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati, il-kwalità għandha dejjem tirbaħ fuq il-ħeffa;

    19.

    Jinnota li l-ftehim ta’ protezzjoni tal-investiment għandu jinkludi definizzjonijiet ċari tal-investiment u l-investitur li għandhom jiġu protetti u li l-forom purament spekulattivi ta’ investiment m’għandhomx jiġu protetti;

    20.

    Jiltob li l-ftehim ikun kompatibbli mal-obbligi multilaterali skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji għal ftehim ta' integrazzjoni ekonomika;

    21.

    Jilqa' l-fatt li t-titjib mistennni fiċ-ċertezza legali se jgħin lill-SMEs jinvestu barra minn pajjiżhom, u jenfasizza li l-vuċi tal-SMEs trid tinstema' matul in-negozjati (anke permezz tal-involviment taċ-Ċentru l-ġdid tal-SMEs tal-UE fiċ-Ċina, il-Helpdesk tal-UE għall-SMEs dwar l-IPR u l-Kamra tal-Kummerċ tal-UE fiċ-Ċina), sabiex il-ftehim li għandu jiġi konkluż jippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni ta' dawk l-SMEs li jridu jaċċessaw is-suq tal-parti l-oħra;

    22.

    Jenfasizza li prekundizzjoni għall-konklużjoni tal-ftehim għandha tkun l-inklużjoni ta’ impenn qawwi min-naħa tal-partijiet favur l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu u fir-rigward tal-investimenti, sabiex tinbena relazzjoni kummerċjali u ta' investiment iżjed ibbilanċjata bejn l-UE u ċ-Ċina li ma tkunx primarjament ibbażata fuq spejjeż tax-xogħol baxxi u standards ambjentali batuti fiċ-Ċina;

    23.

    Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ investiment konklużi mill-UE m’għandhomx imorru kontra l-valuri fundamentali li l-UE tixtieq tippromwovi permezz tal-politiki esterni tagħha u li m'għandhomx idgħajjfu l-kapaċità għal intervent pubbliku, b’mod partikolari meta jkunu qed jiġu segwiti objettivi ta’ politika pubblika bħal kriterji soċjali, ambjentali, drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, is-sigurtà, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi, is-saħħa u s-sikurezza pubblika, il-politika industrijali u d-diversità kulturali; jitlob li jiġu inklużi l-klawżoli speċifiċi u vinkolanti rispettivi fil-ftehim;

    24.

    Jitlob li, bħal impenji kummerċjali oħra li jsiru mill-UE, il-ħarsien tas-servizzi pubbliċi jibqa’ prinċipju fundamentali fil-kuntest ta’ dan il-ftehim;

    25.

    Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp futur tal-ftehim ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina għandu jkun ibbażat fuq fiduċja reċiproka u konformità sħiħa mal-obbligi tad-WTO; jiddeplora l-livelli kbar ta' sussidjar pubbliku ta’ ċerti setturi b’potenzjal ta’ tkabbir, inklużi l-pannelli solari, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-effetti negattivi ta’ tali dumping u sussidjar jitneħħew kompletament sabiex jitħaffu n-negozjati;

    26.

    Jirrakkomanda, fir-rigward tal-aċċess tas-suq, li ż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom favur perjodi ta’ introduzzjoni gradwali u ftehimiet tranżitorji għal ċerti setturi sabiex titħaffef it-triq għal-liberalizzazzjoni totali jew parzjali tagħhom; jirrikonoxxi wkoll li jista' jkun li ż-żewġ partijiet ma jkunux jistgħu jieħdu impenji f’ċerti setturi; jitlob, f'dan il-kuntest, l-esklużjoni tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi min-negozjati dwar l-aċċess għas-suq, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-politiki industrijali intervenzjonisti, il-protezzjoni inadegwata tal-IPRs, l-ambigwitajiet fis-sustanza u fl-applikazzjoni tar-regoli, u l-ostakli tariffarji u mhux tariffarji tagħhom għall-kummerċ;

    27.

    Jikkunsidra li minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għas-suq Ċiniż minħabba ir-rwol tal-impriżi pubbliċi, il-ftehim, biex ikun bilanċjat, għandu jikkostitwixxi opportunità ewlenija biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet indaqs kemm għall-kumpaniji pubbliċi kif ukoll għal dawk privati;

    28.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehim jiżgura l-kapaċità tal-UE li teskludi ċerti setturi strateġiċi mill-investituri Ċiniżi;

    29.

    Jenfasizza li l-ftehim għandu jippermetti lill-partijiet, u fil-każ tal-UE, l-Istati Membri individwali tagħha, jiddefinixxu u jimplimentaw politiki ewlenin għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

    30.

    Jenfasizza li l-ftehim għandu jippromwovi investiment li huwa sostenibbli, inklużiv u li jirrispetta l-ambjent, b’mod partikolari fil-qasam ta’ industriji estrattivi, u li jinkoraġġixxi kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità tajba fl-intrapriżi fil-mira tal-investiment;

    31.

    Jappella għal klawżola li tiddikjara li investitur għandu jipprovdi lil parti statali ospitanti potenzjali bi kwalunkwe informazzjoni li dik il-parti tista' teħtieġ rigward l-investiment inkwistjoni, għal skopijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta mal-investiment jew unikament għal skopijiet ta’ statistika, filwaqt li l-parti statali għandha tipproteġi kull informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali minn kwalunkwe żvelar li jista’ jippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva tal-investitur jew l-investiment;

    32.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi fil-ftehim futur dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-governanza tal-impriżi pubbliċi u tal-fondi ta' investimenti sovrani, abbażi tal-Prinċipji ta’ Santiago, li ġew adottati taħt l-awspiċji tal-FMI u jiddefinixxu l-prinċipji applikabbli għall-governanza u l-istruttura istituzzjonali tal-fondi ta' investimenti sovrani u għat-trasparenza tal-istrateġiji tagħhom ta’ investiment;

    33.

    Itenni t-talba tiegħu għal klawżola effikaċi ta' responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji b'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar id-Drittijiet Kummerċjali u tal-Bniedem; jafferma li l-investituri għandhom, rispettivament, japplikaw id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, kif ukoll standards internazzjonali speċifiċi jew settorjali ta' prattika responsabbli fejn dawn jeżistu; jitlob li jiddaħħlu klawżoli vinkolanti soċjali u ambjentali bħala parti minn kapitolu għall-iżvilupp sostenibbli komplut li jkun soġġett għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim; jistieden liż-żewġ partijiet jimplimentaw strateġija ta' investiment sostenibbli u inklużiva li tinkludi klawżola dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji b'linji gwida konkreti għall-investituri, kif ukoll metodoloġija ta' valutazzjoni effiċjenti għall-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw l-investimenti konsegwenti f'termini tal-impatt soċjali u ambjentali tagħhom;

    34.

    Jenfasizza li l-ftehim għandu jobbliga lill-investituri Ċiniżi fl-UE jikkonformaw mal-istandards soċjali u l-arranġamenti tad-djalogu soċjali Ewropej;

    35.

    Jenfasizza l-ħtieġa li ftehim ta’ investiment bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina jagħti riżultati kemm fuq tkabbir sostenibbli u kif ukoll fuq il-ħolqien tal-impjiegi, u jrawwem sinerġiji u effetti sekondarji pożittivi ma’ ftehimiet oħra ta’ kummerċ reġjonali u ta' investiment li l-UE jew iċ-Ċina huma parti għalihom;

    36.

    Jitlob lill-Kummissjoni tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tagħha billi tivvaluta wkoll l-impatt fuq il-ftehim ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif impenjat ruħha li tagħmel fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

    37.

    Huwa tal-fehma li l-ftehim għandu jinkludi dispożizzjoni li tiddikjara li l-investituri kollha huma obbligati jikkonformaw b’mod sħiħ mal-liġi tal-parti ospitanti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u, fejn applikabbli, sovranazzjonali, u li l-investituri li ma jirrispettawx l-istat tad-dritt għandhom ikunu soġġetti għal azzjonijiet ċivili għad-danni fil-proċess ġudizzjarju tal-ġurisdizzjoni rilevanti għal kwalunkwe atti jew deċiżjonijiet illegali magħmula b’rabta mal-investiment, b'mod partikolari f'każijiet li fihom tali atti jew deċiżjonijiet wasslu għal ħsara ambjentali sinifikanti, korrimenti personali jew telf ta’ ħajja;

    38.

    Jinsisti li l-ftehim għandu jinkludi klawżola li tipprojbixxi l-indeboliment progressiv tal-leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali sabiex jiġi attirat l-investiment, u li tiżgura li l-ebda parti ma tista' tonqos milli effettivament tinforza l-leġiżlazzjoni relevanti permezz ta’ kors ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni sostnuti jew rikorrenti, bħala inkoraġġiment għat-twaqqif, l-akkwist, l-espansjoni jew iż-żamma ta’ investiment fit-territorju tagħha;

    39.

    Jinsisti li l-ftehim ta’ investiment bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina għandu jikkonforma mal-acquis tal-UE, inkluża l-leġiżlazzjoni soċjali u ambjentali fis-seħħ, u li l-ebda parti ma tista' tonqos milli tinforza effettivament il-leġiżlazzjoni tagħha f’dawn l-oqsma, sabiex id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-ftehim jinkoraġġixxu l-istabbiliment, l-akkwist, l-espansjoni, jew iż-żamma legali ta’ investiment fit-territorju rispettiv taż-żewġ partijiet, u jrawwem l-aħjar prattiki imprenditorjali u “fair play” fin-negozju;

    40.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-ftehim jesiġi l-konformità tal-investituri barranin mal-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

    41.

    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-livell ta’ diskrezzjoni tal-arbitri internazzjonali li jużaw interpretazzjoni wiesgħa tal-klawżoli dwar il-protezzjoni tal-investitur, li b’hekk twassal għall-esklużjoni ta’ regolamenti pubbliċi leġittimi; jitlob li l-arbitri maħtura mill-partijiet fil-kuntest ta' tilwima jkunu indipendenti u imparzjali, u li l-arbitraġġ provdut isegwi kodiċi ta’ kondotta bbażat fuq ir-regoli adottati mill-Kummissjoni tan-NU għad-Dritt Kummerċjal Internazzjonali (UNCITRAL), fuq dawk taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investimenti (ICSID) jew fuq kwalunkwe ftehimiet u standards internazzjonali oħra rikonoxxuti u aċċettati mill-partijiet;

    42.

    Jikkunsidra li l-ftehim għandu jinkludi, bħala prijorità ewlenija, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim effikaċi bejn stat u stat u bejn investitur u stat sabiex, minn naħa waħda, ikun evitat li talbiet frivoli jwasslu għal arbitraġġ mhux ġustifikati, u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat li l-investituri kollha jkollhom aċċess għal proċess ġust, segwit b’infurzar tal-arbitraġġ kollu mingħajr dewmien;

    43.

    Huwa tal-fehma l-ftehim għandu jipprevedi proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u stat u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u stat li jkunu stabbiliti f'qafas legali adegwat u jkunu soġġetti għal kriterji stretti ta’ trasparenza;

    44.

    Jitlob lill-UE u ċ-Ċina biex jistabbilixxu b’mod konġunt mekkaniżmu ta’ twissija bikrija sabiex jagħtu ċans lilhom infushom biex isolvu proattivament kwalunkwe tilwima inizjali fuq il-kummerċ jew l-investiment fl-iżjed stadju bikri possibbli bl-użu tal-miżuri xierqa kollha, inklużi setgħat ta’ persważjoni u diplomazija dwar il-kummerċ;

    45.

    Jikkunsidra wkoll li l-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarju sabiex titħeġġeġ soluzzjoni tat-tilwim veloċi, affordabbli u amikevoli bejn il-partijiet li jiddeċiedu liberament li jkollhom rikors għaliha;

    46.

    Jissuġġerixxi li mekkaniżmi flessibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim bħall-medjazzjoni jiġu definiti b’mod preċiż fil-ftehim fir-rigward, pereżempju, tat-tul, l-ispiża u l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet aċċettati mill-partijiet;

    47.

    Jesprimi l-fehma tiegħu li, ladarba konkluż u ratifikat b’mod sħiħ, ftehim ta’ investiment bejn l-UE u ċ-Ċina għandu jissostitwixxi l-ftehimiet ta' investiment bilaterali eżistenti kollha bejn Stati Membri individwali tal-UE u ċ-Ċina, skont id-dritt tal-Unjoni;

    48.

    Jirrakkomanda li n-negozjati jinfetħu biss b’kundizzjoni li tingħata minn qabel approvazzjoni formali mill-Kunsill tal-Istat taċ-Ċina biex l-aċċess għas-suq jiġi inkluż fil-ftehim ta’ investiment;

    49.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 33.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0097.

    (3)  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.

    (4)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 1.

    (5)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.

    (6)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

    (7)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

    (8)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.

    (9)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 101.

    (10)  Testi adottati ta' 12.6.2013, P7_TA(2013)0261 and 0262.


    Top