Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0395

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar ippjanar tal-politika bil-quddiem u tendenzi fuq perjodu twil ta’ żmien: implikazzjonijiet baġitarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (2012/2290(INI))

ĠU C 181, 19.5.2016, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/16


P7_TA(2013)0395

Ippjanar tal-politika bil-quddiem u tendenzi fuq perjodu twil ta' żmien: implikazzjonijiet baġitarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar ippjanar tal-politika bil-quddiem u tendenzi fuq perjodu twil ta’ żmien: implikazzjonijiet baġitarji għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (2012/2290(INI))

(2016/C 181/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (1) u, b’mod partikolari l-azzjoni preparatorja “Sistema interistituzzjonali għall-identifikazzjoni ta’ xejriet fit-tul” fil-baġit 2013,

wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012, b’mod partikolari l-Artikoli 54(2)(a) u (b) u 54(e) tiegħu, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-ESPAS (Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki) “Tendenzi Globali 2030 – Ċittadini f’Dinja Interkonnessa u Poliċentrika”, maħruġ mill-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EUISS) (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0265/2013),

A.

billi għaddejjin minn perjodu ta’ tranżizzjoni rapida – evidenti fir-rigward tad-dinamiċi tas-setgħa, it-tibdil demografiku, it-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni u t-teknoloġija – li kulma jmur qed iżidu l-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politiki fil-ġurisdizzjonijiet kollha jinvestu sforzi akbar fl-istudju u l-monitoraġġ tat-tendenzi globali ewlenin;

B.

billi l-baġit tal-UE tal-2010 pprovda, fuq inizjattiva tal-Parlament, li l-Kummissjoni twettaq proġett pilota fuq tul ta’ sentejn bil-għan li tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi “sistema interistituzzjonali li tidentifika x-xejriet fit-tul dwar kwistjonijiet ta’ politika ewlenin li tħabbat wiċċha magħhom l-UE”;

C.

billi l-baġit tal-UE 2012 awtorizza li l-proġett jgħaddi għall-fażi ta’ wara bħala azzjoni ta’ tħejjija għat-tliet snin mill-2012 sal-2014, bil-għan li, sa tmiem l-2014, tiġi stabbilita “Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki” (ESPAS) li tiffunzjona kompletament u tinvolvi lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE, bl-iżvilupp ta’ “kooperazzjoni ta’ xogħol aktar mill-qrib fost id-dipartimenti ta’ riċerka tal-istituzzjonijiet u korpi differenti tal-Unjoni li xogħolhom hu li janalizzaw xejriet politiċi fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul” (3);

D.

billi l-istabbiliment ta’ sistema interistituzzjonali sostenibbli fil-livell amministrattiv għall-identifikazzjoni u l-immappjar ta’ tendenzi ewlenin li x’aktarx li se jsawru l-kuntest politiku tal-futur ikun jassisti u jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-UE fit-tħejjija u r-rispons għall-isfidi u fid-definizzjoni ta’ għażliet possibbli strateġiċi koerenti għas-snin futuri;

E.

billi sistema stabbilita u rikonoxxuta ferm bħal din tista’ tipprovdi bażi għal riflessjoni fil-kuntest tat-tħejjija tal-baġit tal-UE u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet politiċi fuq bażi annwali u multiannwali u l-konnessjoni aktar diretta ta’ riżorsi finanzjarji ma' objettivi politiċi;

F.

billi l-potenzjament tan-nisa ma jistax jiġi rrealizzat mingħajr ir-rikonoxximent u l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom; billi l-ESPAS tista’ wkoll tipprovdi analiżi effettiva tal-isfidi ffaċċjati fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, mill-potenzjament politiku sal-ġlieda kontra kull sura ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa;

G.

billi l-ewwel rapport sponsorjat mill-ESPAS, “Tendenzi Globali 2030 – Ċittadini f’Dinja Interkonnessa u Poliċentrika”, ikkummissjonat mill-EUISS, jidentifika diversi tendenzi globali li jidhru li x’aktarx se jsawru d-dinja fid-diċennji li ġejjin;

H.

billi dawn it-tendenzi jinkludu, b’mod partikolari: il-potenzjament dejjem akbar tal-individwu, imsaħħa parzjalment mill-bidla teknoloġika; enfasi akbar fuq l-iżvilupp sostenibbli fuq sfond ta’ skarsezza ta’ riżorsi u faqar persistenzi li qed jikbru, u li qed jiġu aggravati mill-effetti tat-tibdil fil-klima; u t-tfaċċar ta’ sistema internazzjonali kkaratterizzata minn ċaqliq tas-setgħa lil hinn mill-istati, b’diskrepanzi dejjem akbar fil-governanza hekk kif il-mekkaniżmi tradizzjonali għar-relazzjonijiet interstatali qed jonqsu milli jirrispondu b’mod adegwat għad-domandi pubbliċi;

1.

Jemmen li tfassil koerenti u effettiv tal-politiki tal-UE se jiddependi aktar u aktar fuq l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ dawk it-tendenzi globali ta’ perjodu twil li għandhom influwenza fuq l-isfidi u l-għażliet li tiffaċċja l-Unjoni f’dinja dejjem aktar kumplessa u interdipendenti;

2.

Jenfasizza kemm hu importanti li l-istituzzjonijiet tal-UE jikkooperaw b’mod effettiv biex jimmonitorjaw u janalizzaw dawn it-tendenzi li jseħħu fuq perjodu twil, kif ukoll jikkooperaw u jingħaqdu f’netwerk ma’ atturi oħra, inkluża l-komunità aktar wiesgħa tar-riċerka, kemm ġewwa u kemm barra l-Unjoni Ewropea, li huma interessati fi kwistjonijiet simili f’pajjiżi terzi; jenfasizza, f’dan il-kuntest, kemm hu importanti li jkompli għaddej il-proċess tal-iżvilupp ta’ kapaċità effettiva għall-għoti ta’ analiżi u parir interistituzzjonali indipendenti u ta’ kwalità għolja dwar it-tendenzi ewlenin li qed isibu ma’ wiċċhom dawk li jfasslu l-politiki fi ħdan is-sistema tal-UE;

3.

Jindika li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-iżvilupp ta’ strateġiji soċjoekonomiċi fit-tul u l-implimentazzjoni tal-politiki fl-UE jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ diversi oraganizzazzjonijiet pubbliċi, bħalma huma l-istituzzjonijiet Ewropej, il-ministeri tal-gvern, id-dipartimenti tal-awtorità lokali jew reġjonali u aġenziji speċifiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sħab ekonimċi u soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet interessati oħra għandhom ukoll rwol fl-iżvilupp ta' strateġiji fit-tul flimkien ma' korpi pubbliċi fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet Ewropej; għalhekk, jenfasizza li għandu jiġi applikat approċċ ta’ governanza f’diversi livelli;

4.

Jenfasizza li, minħabba l-karattru multiannwali, fit-tul u orizzontali tagħha, il-politika ta' koeżjoni hija, sforz in-neċessità, politika b'komponent qawwi ta' ppjanar progressiv, u li, minħabba s-sehem sinifikanti tagħha mill-baġit tal-UE, teħtieġ li jkollha pożizzjoni prominenti f’kull ippjanar baġitjaru progressiv;

5.

Jemmen li l-formolazzjoni tal-politiki fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni u oqsma oħra tiddependi dejjem aktar mill-identifikazzjoni f’waqtha tat-tendenzi globali fit-tul; jinnota, f’dan ir-rigward, diversi rapporti progressivi bħalma hu l-Proġett Ewropa 2030 (ir-rapport li tressaq lill-Kunsill Ewropew mill-Grupp ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-UE 2030) u “Tendenzi Globali 2030 – Ċittadini f’Dinja Interkonnessa u Poliċentika” li tħejja mill-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EUISS) bħala parti mill-proġett tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS); jirrakkomanda koordinazzjoni aktar mill-qrib ta’ tali inizjattivi ta’ rappurtar;

6.

Jitlob li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata fil-valutazzjoni tat-tendenzi globali fit-tul u fir-rapporti futuri bħala mezz biex jiġu miġġielda l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-diskriminazzjoni u l-faqar;

7.

Jilqa’ b’mod speċifiku l-eżitu s’issa tal-proġett pilota fil-livell amministrattiv (2010-2011) u l-azzjoni ta’ tħejjija (2012-2014) mfassla biex tiġi żviluppata Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS), sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni ta’ tendenzi fit-tul dwar kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja l-Unjoni, u jirrakkomanda bil-qawwa li dan il-proċess jibqa’ għaddej wara li l-azzjoni ta’ tħejjija attwali tkun skadiet; u jqis li tali sistema għandha tinvolvi persunal mill-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti kollha tal-UE, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni; jemmen li l-mekkaniżmu ta’ rappurtar jeħtieġ li jkun is-suġġett ta’ diskussjoni li tinvolvi l-gruppi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kollha li huma ta’ interess;

8.

Iħeġġeġ lill-erba’ istituzzjonijiet u korpi li attwalment huma involuti fil-proċess tal-ESPAS – il-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna – biex jelaboraw u jiffirmaw xi sura ta’ ftehim interistituzzjonali, li idealment jiġi konkluż fir-rebbiegħa tal-2014, fejn kull sieħeb jieħu l-impenn li jżomm u jipparteċipa fil-ftehim fuq bażi kontinwa;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet u l-korpi parteċipanti jiddedikaw il-persunal u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għas-sistema ESPAS permezz ta’ kull wieħed mill-baġits rispettivi tagħhom, f’konformità sħiħa mar-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari l-Artikolu 54(e) tiegħu, u fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, ħalli jiġi żgurat li din il-kapabilità tkun tista’ tiġi żviluppata b’mod baġitarjament newtrali fis-snin li ġejjin, jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijet tal-UE jinvestu f'persunal b’ħiliet esperti speċifiċi biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-analizzar u l-monitoraġġ tax-xejriet globali kif ukoll il-ħiliet esperti biex jidentifikaw l-għażliet possibbli u jagħmlu rakkomandazzjonijiet ta’ politiki għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull istituzzjoni tal-UE;

10.

Jinsisti li l-ESPAS titmexxa u tiġi sorveljata minn bord interistituzzjonali kompost kif jixraq, li jkun jistabbilixxi l-mandat u l-prijoritajiet tal-ESPAS u jaħtar kwalunkwe direttur jew uffiċjali oħra, u li fih il-Parlament, jekk jagħżel, se jiġi rappreżentat minn Membri – filwaqt li hu mifhum li, fi ħdan il-qafas tal-mandat tagħha, ix-xogħol dettaljat tal-ESPAS għandu jitwettaq fuq bażi indipendenti.

11.

Jilqa’ l-intenzjoni li jintuża l-proċess tal-ESPAS, u li wieħed jibni fuq in-netwerk globali tagħha, biex jinbena repożitorju globali online ta’ dokumenti u materjal minn sorsi multipli marbuta ma’ tendenzi ta’ perjodu medju u fit-tul, miftuħ liberament għal dawk li jfasslu l-politiki u għaċ-ċittadini fid-dinja kollha;

12.

Jilqa’ l-fatt li dik il-kooperazzjoni amministrattiva aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE permezz tal-proċess tal-ESPAS se twassal għall-preżentazzjoni, bħala parti mill-azzjoni ta’ tħejjija, ta’ rapport ta’ previżjoni li janalizza t-tendenzi ta’ perjodu twil u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-isfidi u l-għażliet li se tiffaċċja l-Unjoni matul il-perjodu 2014-2019, li għandu jiġi sottomess għall-attenzjoni tal-Presidenti li jmiss tal-istituzzjonijiet fl-2014; iqis li dan l-eżerċizzju huwa suċċess u li wara għandu jiġi ripetut tal-anqas fuq bażi ta’ kull ħames snin;

13.

Jemmen li sistema permanenti – li timmira li tipprovdi analiżi regolari tat-tendenzi ta’ perjodu medju u fit-tul għall-istituzzjonijiet tal-UE sabiex tħeġġeġ approċċ aktar strateġiku għat-teħid ta’ deċiżjonijiet – għandha tinkludi dispożizzjonijiet għat-tressiq annwali ta’ “rapport strateġiku dwar it-tendenzi” lill-istituzzjonijiet, qabel ma jsir id-dibattitu fuq l-Istat tal-Unjoni, u l-pubblikazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni sabiex tidentifika u ssegwi u tivvaluta x-xejra hi u tinbidel tat-tendenzi ta’ perjodu twil, u wkoll biex tipprovdi kontribut speċifiku lill-awtorità baġitarja fit-tħejjija għan-negozjar ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal wara l-2020, kif ukoll għal kwalunkwe reviżjoni ta’ nofs it-term tal-QFP 2014-2020;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.


(1)  ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)  27 ta' April 2012; http://www.iss.europa.eu/uploads/media/ESPAS_report_01.pdf.

(3)  http://europa.eu/espas/pdf/espas-preparatory-action-amendment_en.pdf.


Top