This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0033
European Parliament resolution of 17 January 2013 on the situation in the Central African Republic (2013/2514(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2013/2514(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2013/2514(RSP))
ĠU C 440, 30.12.2015, p. 111–115
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 440/111 |
P7_TA(2013)0033
Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2013/2514(RSP))
(2015/C 440/21)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Diċembru 2012 u tal-1 u l-11 ta' Jannar 2013 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Diċembru 2012 tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili dwar l-aħħar tifqigħa ta' ġlied fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut iffirmat f'Ġunju 2000, |
— |
wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 u tad-29 ta' Diċembru 2012 u tal-4 u l-11 ta' Jannar 2013 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, |
— |
wara li kkunsidra l-Communiqué Finali tas-Summit Straordinarju tal-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li sar fi N'Djamena fil-21 ta' Diċembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon, tas-26 ta' Diċembru 2012 li tikkundanna l-attakki mir-ribelli u li tħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-ECCAS fil-21 ta' Diċembru 2012 fi N'Djamena, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana (UA), tat-12, tat-28 u tal-31 ta' Diċembru 2012 u tat-3 u t-12 ta' Jannar 2013 dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, |
— |
wara li kkunsidra l-ftehim politiku ta' Libreville (Gabon) iffirmat fil-11 ta' Jannar 2013 bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-grupp tar-ribelli Seleka u l-oppożizzjoni demokratika dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi ta' Libreville tat-28 ta' Ġunju 2008 u l-ftehimiet ta' paċi preċedenti ffirmati mill-2007 'l quddiem, li huwa msejjes fuqhom, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S/RES/2031 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-21 ta' Diċembru 2011, li testendi l-mandat tal-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) sal-31 ta' Jannar 2013, kif ukoll ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-29 ta' Mejju 2012 dwar l-attivitajiet tal-BINUCA, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Karta Afrikana tal-1981 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, irratifikata mir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-1986, kif ukoll il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati u li r-Repubblika Ċentru-Afrikana rratifikat, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-6 ta' Lulju 2011 tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà, u l-konklużjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tat-tfal u l-kunflitt armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 122 u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) iffaċċjat deċennji ta' instabbiltà u inkwiet politiku mindu saret indipendenti fl-1960; billi, minkejja l-fatt li l-pajjiż fih ħafna riżorsi naturali (injam, deheb, djamanti, uranju, eċċ.), ir-RĊA hija kklassifikata biss fil-179 post minn 187 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem u, billi madwar 70 % tal-popolazjzoni tagħha jgħixu taħt il-linja tal-faqar, għadha wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; |
B. |
billi fl-10 ta' Diċembru 2012, il-grupp “Seleka” (li tfisser “koalizzjoni” bis-Sango), alleanza ta' diversi movimenti ta' ribelli armati li l-biċċa l-kbira minnhom joriġinaw mill-Grigal tal-pajjiż, nieda attakk armat filwaqt li avvanza lejn in-Nofsinhar minn ħdejn il-fruntiera maċ-Ċad; billi l-attakk reċenti kien ġustifikat bid-dikjarazzjonijiet tar-ribelli li l-President François Bozizé naqas milli jonora l-impenji stabbiliti fil-Ftehim Komprensiv ta' Paċi ta' Libreville tal-2008, li ppreveda d-diżarm ta' ex ribelli u l-finanzjament għar-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà; |
C. |
billi l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS) organizzat summit straordinarju fi N'Djamena fil-21 ta' Diċembru 2012 u ntlaħaq ftehim dwar pjan direzzjonali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi, fosthom waqfien mill-ġlied u negozjati immedjati f'Libreville taħt il-patroċinju tal-ECCAS; billi waqt is-summit tal-ECCAS ġie deċiż ukoll li jintbagħtu truppi addizzjonali biex jirrinfurzaw il-missjoni tal-FOMAC/MICOPAX; |
D. |
billi l-Afrika t'Isfel bdiet tibgħat madwar 400 truppa biex jgħinu fl-istabbilizzazzjoni tar-RĊA; u billi l-Gabon, il-Kongo-Brazzaville, iċ-Ċad u l-Kamerun għandhom truppi hemmhekk sa mill-2008 bħala parti mill-Forza Multinazzjonali Ċentru-Afrikana (FOMAC/MICOPAX) skjerata mill-ECCAS; |
E. |
billi, wara li kellu taħditiet mal-President tal-Unjoni Afrikana, Thomas Boni Yayi, il-President Bozizé wiegħed li ma jerġax joħroġ għall-elezzjoni meta l-mandat attwali tiegħu jispiċċa fl-2016, u offra li jifforma gvern ta' unità nazzjonali; |
F. |
billi fil-bidu ta' Jannar, il-grupp Seleka ħabbar waqfien tal-operazzjonijiet militari tiegħu, u waqaf barra l-belt ta' Damara (75 kilometru fit-Tramuntana ta' Bangui), u aċċetta li jieħu sehem f'taħditiet għall-paċi taħt l-awspiċju tal-ECCAS; |
G. |
billi fil-11 ta' Jannar 2013 it-taħditiet tripartitiċi għall-paċi bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-koalizzjoni tar-ribelli Seleka u l-oppożizzjoni politika li saru f'Libreville, il-Gabon, wasslu għall-iffirmar ta' tliet ftehimiet: dikjarazzjoni ta' prinċipju biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika u tas-sigurtà; ftehim ta' waqfien mill-ġlied; u ftehim dwar is-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà li jiddefinixxi l-arranġamenti ta' kondiviżjoni tas-setgħat u l-perjodu ta' tranżizzjoni politika fir-RĊA; |
H. |
billi fit-12 ta' Jannar 2013 il-President Bozizé neħħa l-Prim Ministru, Faustin Archange Touadera, u xolja l-kabinett, u b'hekk witta t-triq għall-ħatra ta' gvern ta' unità nazzjonali skont il-ftehimiet ta' paċi ffirmati f'Libreville; billi skont il-ftehim ta' paċi l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom isiru fi żmien 12-il xahar; |
I. |
billi l-President Bozizé, wara li ħa l-poter f'idejh b'kolp ta' stat fl-2003, ġie elett għall-ewwel darba fl-2005 u reġa' ġie elett fl-2011, iżda billi l-irregolaritajiet matul l-aħħar elezzjoni nnutati mill-osservaturi internazzjonali – fosthom dawk mill-UE li ffinanzjat l-elezzjoni – wasslu biex l-oppożizzjoni parlamentari bbojkottjat l-elezzjonijiet ġenerali; |
J. |
billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżenta element essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou; |
K. |
billi l-Istati Uniti, bħall-UE, huma favur riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi permezz tad-djalogu; |
L. |
billi, skont NGOs lokali, twettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża żieda fil-vjolenza sesswali fuq nisa u tfajliet, kemm mill-grupp Seleka fiż-żoni taħt il-kontroll tiegħu kif ukoll f'Bangui mill-forzi tal-Gvern fuq persuni qrib ir-ribelli; |
M. |
billi s-sitwazzjoni umanitarja għadha terribbli, u skont Médecins sans frontières il-kriżi laqtet lil għexieren ta' eluf ta' persuni; billi mijiet ta' tunnellati ta' għajnuna alimentari mill-Programm Dinji tal-Ikel insterqu fiż-żoni fit-Tramuntana taħt il-kontroll tar-ribelli; u billi ġew sospiżi jew imnaqqsa ħafna servizzi umanitarji; |
N. |
billi l-UE hija involuta fi djalogu politiku regolari mar-RĊA skont il-Ftehim ta' Cotonou u hija d-donatur ewlieni tal-pajjiż, peressli l-Kummissjoni Ewropea kkontribwiet EUR 8 miljun fl-2012 biex tgħin lil 445 000 ruħ milquta mill-kunflitt u l-ispostament fir-RĊA, u billi r-RĊA tirċievi EUR 137 miljun f'għajnuna mill-10 FEŻ; |
O. |
billi l-Kamerun żied il-miżuri biex jakkomoda rifuġjati mir-RĊA; |
P. |
billi, anke qabel it-tifqigħa reċenti ta' vjolenza, 2 500 tifel u tifla diġà kienu parti mill-gruppi armati attivi fir-RĊA; billi l-uffiċċju tal-UNICEF f'Bangui rċieva informazzjoni kredibbli rigward iż-żieda fir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal kemm mill-gruppi tar-ribelli kif ukoll mill-milizji favur il-Gvern; |
Q. |
billi n-nuqqas li dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra jinġiebu quddiem il-ġustizzja jħeġġeġ ambjent ta' impunità u jinkuraġġixxi delitti oħra; |
R. |
billi l-forzi tar-ribelli ħadu taħt il-kontroll tagħhom żoni li fihom ħafna djamanti bħal Bria, Sam Ouandja u Bamingui; billi l-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess ta' Kimberley ħarġet twissija lill-pajjiżi membri kollha tagħha rigward il-ħruġ possibbli ta' djamanti mhux maħduma minn żoni kkontrollati mir-ribelli fir-RĊA; |
S. |
billi ż-żieda fil-qgħad, id-deterjorament tal-kundizzjonijiet soċjali u t-tfaqqir tal-popolazzjoni huma fatturi fl-instabbiltà li tolqot lir-reġjun; billi dawn il-problemi jeħtieġu strateġija u pjan ta' żvilupp; |
1. |
Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu rigward is-sitwazzjoni dominanti fir-RĊA mill-bidu tal-attakk tal-grupp Seleka fl-10 ta' Diċembru 2012; jiddeplora l-fatt li l-attakk reċenti poġġa f'riskju l-ħajja ta' ċivili u hedded is-sigurtà u l-istabbiltà tar-RĊA; |
2. |
Jilqa' l-ftehimiet ta' paċi ffirmati fil-11 ta' Jannar 2013 f'Libreville wara negozjati taħt il-patroċinju tal-ECCAS; jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazjzoni rapida ta' dawn il-ftehimiet; jistieden lill-partijiet kollha jimplimentawhom bona fede u jimpenjaw ruħhom biex tinkiseb paċi dejjiema fir-RĊA; |
3. |
Jikkundanna kull tentattiv biex il-poter jinkiseb bil-forza; |
4. |
Huwa konvint li, sabiex tkun żgurata riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u biex tkun żgurata stabbiltà dejjiema, il-kompożizzjoni tal-gvern ta' unità nazzjonali trid tirrappreżenta l-forzi politiċi kollha tal-pajjiż; jilqa', f'dan ir-rigward, l-iffirmar mill-President Bozizé ta' digriet li jneħħi l-Prim Ministru tal-pajjiż, bħala wieħed mill-passi mitluba fi ftehim ta' paċi, sabiex jiġi ffurmat gvern ta' unità nazzjonali, li jitmexxa minn prim ministru magħżul mill-oppożizzjoni politika; |
5. |
Jilqa' d-deċiżjoni li jsiru elezzjonijiet għal Assemblea Nazzjonali ġdida u jittama li dawn isiru taħt superviżjoni internazzjonali, anke fiż-żoni attwalment okkupati mill-forzi tar-ribelli, sabiex ikun evitat li r-riżultat jiġi kkontestat; |
6. |
Jikkundanna kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u huwa preokkupat ferm mill-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ fir-RĊA matul l-attakk mill-grupp Seleka; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra popolazzjonijiet ċivili fiż-żoni okkupati mir-ribelli, inklużi każijiet ta' vjolenza fiżika u sesswali, serq u t-tħarbit sistematiku ta' mezzi ta' komunikazzjoni; jesprimi l-preokkupazjzoni kbira tiegħu rigward rapporti ta' attakki mmirati fuq minoranzi etniċi u reliġjużi u intimidazzjoni u arresti arbitrarji ta' avversarji politiċi f'Bangui; |
7. |
Jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet tar-RĊA għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili; jitlob li ssir riforma tal-armata kif ukoll li jsiru arranġamenti għad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà ta' ex ġellieda, għar-rimpatriju tar-rifuġjati, għar-risistemazzjoni tal-persuni spustati f'pajjiżhom stess u għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp vijabbli; |
8. |
Huwa partikolarment inkwetat minn rapporti li jindikaw żieda fir-reklutaġġ u l-użu ta' tfal suldati; itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għal dawn il-prattiki u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex iwaqqfuhom; |
9. |
Jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, ma jibqgħux iwettqu atti ta' vjolenza fuq iċ-ċivili u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li n-nuqqas tal-ftehimiet ta' paċi preċedenti li jiżguraw stabbiltà dejjiema fir-RĊA kien ikkawżat ukoll minn enfasi insuffiċjenti fuq id-drittijiet tal-bniedem; |
10. |
Jagħti ġieħ lill-vittmi kollha u jqis li għandha tingħata prijorità lil investigazzjoni imparzjali u bir-reqqa tal-każijiet kollha li ġraw u li qed iseħħu ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu identifikati dawk li wettquhom; jittama tassew li dawk li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità ma jingħatawx l-impunità; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Qorti Kriminali Internazzjonali għadha qed tinvestiga s-sitwazzjoni fir-RĊA; |
11. |
Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-Unjoni Afrikana u l-ECCAS, u speċjalment in-negozjati bejn il-partijiet li seħħew f'Libreville; jisħaq fuq l-importanza li l-mekkaniżmu l-ġdid ta' segwitu jiġi stabbilit sabiex tkun żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet milħuqa; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tappoġġa lill-ECCAS fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet reċenti; jistieden lill-komunità internazzjonali tkun involuta aktar attivament mar-RĊA sabiex jiġu indirizzati l-problemi tal-pajjiż li ilhom jeżistu u biex tinstab soluzzjoni politika sostenibbli; |
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni toffri appoġġ tekniku lill-awtoritajiet tar-RĊA bl-għan tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet li se jsiru dalwaqt; huwa tal-fehma li sabiex tikkontribwixxi għal elezzjonijiet kredibbli, ħielsa u ġusti, l-UE għandha tikkunsidra li tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali fir-RĊA; |
13. |
Jistieden lill-VP/RGħ Catherine Ashton tisfrutta bl-aħjar mod ir-relazzjoni estiża tal-UE mar-RĊA biex tippromwovi attivament l-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva ta' bini ta' paċi li tippromwovi n-normalizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż; |
14. |
Huwa preokkupat dwar l-effetti tal-kriżi reċenti fuq is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jippermettu l-aċċess sikur u bla xkiel tal-aġenziji umanitarji għall-popolazzjonijiet milquta; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi ta' għajnuna umanitarja tagħha fir-RĊA; |
15. |
Jikkunsidra li l-insigurtà mifruxa f'diversi pajjiżi li jaqsmu fruntiera mar-RĊA, b'mod partikolari r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Sudan, is-Sudan t-Isfel u l-Uganda, teħtieġ azzjoni konġunta mill-komunità internazzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi rikorrenti ta' frammentazzjoni tal-istat, kunflitti etniċi u ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt b'mod olistiku u li jiffoka fuq ir-reġjuni; |
16. |
Jikkunsidra li l-aċċess trasparenti għar-riżorsi naturali u l-kontroll fuqhom u r-ridistribuzzjoni ekwa permezz tal-baġit tal-istat tad-dħul mill-isfruttament ta' dawk ir-riżorsi huma indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż; |
17. |
Jikkunsidra li t-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku fis-settur tal-minjieri huma kruċjali għall-ġestjoni effiċjenti tal-minjieri, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li t-traffikar possibbli ta' djamanti mhux maħduma minn żoni kkontrollati mir-ribelli fir-RĊA jista' jwassal biex jerġa' jibda l-kunflitt u jkompli jiddestabbilizza l-pajjiż; jistieden lill-Gvern tar-RĊA jieħu aktar miżuri biex jiġġieled kontra l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali u jitlob li jsir monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni permezz tal-Proċess ta' Kimberley; |
18. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECCAS, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. |