Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0027

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx (2012/2908(RSP))

    ĠU C 440, 30.12.2015, p. 94–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/94


    P7_TA(2013)0027

    Vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx (2012/2908(RSP))

    (2015/C 440/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni KE-Bangladexx tal-2001,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (1) u dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali (2),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bl-isem “Globalising Social Rights: The International Labour Organisation and beyond” (Il-Globalizzazzjoni tad-Drittijiet Soċjali: l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u lil hinn minnha),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bl-isem “Labour in the Global South: Challenges and alternatives for workers” (Ix-Xogħol fin-Nonfsinhar Globali: sfidi u alternattivi għall-ħaddiema),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bl-isem “Globalisation, Flexibilisation and Working Conditions in Asia and the Pacific” (Il-Globalizzazzjoni, il-Flessibilizzazzjoni u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Asja u fil-Paċifiku),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata (3),

    wara li kkunsidra l-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011,

    wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx u l-Pakistan, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx u l-Pakistan huma firmatarji tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Strateġija rinnovata tal-UE 20112014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi mietu tal-anqas 112-il ruħ fin-nirien fil-fabbrika Tazreen, fid-distrett ta' Ashulia, f'Daka, il-Bangladexx fl-24 ta' Novembru 2012 u 289 ruħ mietu f'nar f'Karachi, il-Pakistan, f'Settembru 2012;

    B.

    billi mijiet ta’ ħaddiema jisfaw maqtula f’inċidenti simili fin-Nofsinhar tal-Asja, bil-mewt ta' madwar 600 ħaddiem tas-settur tal-ilbies f’nirien tal-fabbriki fil-Bangaladexx waħdu mill-2005 ‘l hawn, nirien li bosta minnhom setgħu ġew ipprevenuti;

    C.

    billi l-kundizzjonijiet fil-fabbriki tat-tessuti ta’ sikwit ikunu ħżiena, bi ftit li xejn kunsiderazzjoni għal drittijiet tax-xogħol bħal dawk rikonoxxuti mill-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, u spiss bi ftit li xejn attenzjoni għas-sikurezza kontra n-nirien; billi ħafna sidien ta' fabbriki ta' dan it-tip ma ġewx ikkastigati u għaldaqstant ftit li xejn għamlu biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

    D.

    billi hemm aktar minn 5 000 fabbrika tat-tessuti fil-Bangladexx, li jimpjegaw madwar 3,5 miljun ruħ, filwaqt li l-Bangladexx huwa t-tieni l-akbar esportatur ta' lbies lest fid-dinja, biċ-Ċina biss akbar minnu;

    E.

    billi s-suq Ewropew huwa l-akbar destinazzjoni għall-esportazzjoni ta' lbies u prodotti tat-tessuti mill-Bangladexx, filwaqt li kumpaniji prominenti tal-Punent ammettew li kellhom kuntratti ma' sidien il-fabbrika Tazreen għall-forniment ta' lbies;

    F.

    billi, minħabba ż-żieda fil-kostijiet tax-xogħol f'partijiet oħra tad-dinja, ix-xogħol ta' manifattura b'ħiliet baxxi mar lejn l-Indja, il-Pakistan, il-Kambodja, il-Vjetnam u, b'mod partikolari, il-Bangladexx, fejn l-ilbies issa jirrappreżenta 75 % tal-esportazzjonijiet;

    G.

    billi huwa deplorevoli li xi kumpaniji inizjalment ipprovaw jiċħdu li jaħdmu mal-kumpanija involuta fin-nirien ta' Daka, u kien biss iktar tard li ammettew li l-ilbies tagħhom kienu prodotti fis-sit;

    H.

    billi f'dawn l-aħħar xhur intensifikaw it-tensjonijiet bejn il-Gvern tal-Bangladexx u l-attivisti fil-qasam tax-xogħol, bil-ħaddiema jipprotestaw kontra l-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena tagħhom;

    I.

    billi l-qtil f'April 2012 ta' Aminul Islam, li kien ikkritika l-kundizzjonijiet perikolużi fil-fabbriki tal-industrija tal-ilbies fil-Bangladexx, għadu ma ġiex solvut;

    1.

    Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-imwiet li seħħew fin-nirien reċenti fil-fabbriki; jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta’ dawk li mietu jew sfaw midruba; iqis li l-għadd ta’ ħaddiema li mietu f’nirien tal-fabbriki f’dawn l-aħħar snin fin-Nofsinhar tal-Asja huwa għalkollox inaċċettabbli;

    2.

    Jistieden lill-Gvernijiet tal-Bangladexx u l-Pakistan biex ikomplu jinvestigaw il-ġrajjiet reċenti bir-reqqa u jimplimentaw miżuri ħalli ma jħallux li jerġgħu jseħħu traġedji ta’ dan it-tip, inkluża ottemperanza sħiħa tal-manifatturi kollha mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza (b’mod partikolari l-Att dwar ix-Xogħol (2006) tal-Bangladexx) u l-istabbiliment ta’ sistema effikaċi u indipendenti ta’ spezzjonijiet tax-xogħol u spezzjonijiet ta’ binjiet industrijali;

    3.

    Jilqa' l-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Binjiet u ta’ kontra n-Nirien fil-Bangladexx milħuq bejn għadd ta’ trejdjunjins, NGOs u bejjegħa multinazzjonali tat-tessuti, immirat lejn it-titjib tal-istandards ta' sikurezza fis-siti ta' produzzjoni u li fih jaċċettaw li jħallsu għal miżuri ta’ dan it-tip, b'mod partikolari billi jistabbilixxu sistema indipendenti ta' ispezzjoni u billi jsostnu attivament il-ħolqien ta' “kumitati tas-saħħa u s-sikurezza” li jinvolvu rappreżentanzi tal-ħaddiema f'kull fabbrika, li huma obbligatorji skont il-liġi imma rarament ikunu operattivi; jistieden lill-marki kollha relevanti tat-tessuti biex jirfdu dan l-isforz;

    4.

    Iħeġġeġ lill-persuni interessati kollha biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni fil-katina tal-provvista, korruzzjoni li hija evidenti f’bosta nazzjonijet tan-Nofsinhar tal-Asja, inkluża l-kollużjoni bejn spetturi tas-sikurezza u sidien tal-fabbriki; jitlob li jsir aktar biex prattiki bħal dawn jiġu miġġielda;

    5.

    Jistenna li dawk kollha responsabbli għal negliġenza kriminali u għal attivitajiet kriminali oħra bi rbit man-nirien jitressqu quddiem il-qrati, u li l-awtoritajiet lokali u l-maniġment tal-fabbriki jikkooperaw biex jiggarantixxu li s-sistema tal-ġustizzja jkollha aċċess sħiħ għall-vittmi kolha, ħalli jkunu jistgħu jirreġistraw talbiet għal kumpens; jilqa’ l-passi li diġà ttieħdu mill-Gvernijiet tal-Bangladexx u l-Pakistan biex jappoġġjaw il-vittmi u l-familji tagħhom;

    6.

    Jilqa’ l-azzjoni ta’ dawk in-negozji Ewropej li diġa kkontribwew għal skemi ta’ kumpens għall-vittmi u l-familji tagħhom, u jħeġġeġ lil persuni oħra biex jimxu fuq l-eżempju tagħhom; jitlob li l-midruba jingħataw riabilitazzjoni medika b’xejn, u li l-familjari dipendenti tal-ħaddiema li nqatlu jingħataw il-kura;

    7.

    Jistieden lid-ditti tal-ilbies Ewropej biex jinvestigaw bir-reqqa l-ktajjen ta’ provvista tagħhom u jikkooperaw mas-sottokuntratturi tagħhom biex isaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol; jistieden lill-bejjiegħa, lill-NGOs u lill-atturi l-oħra kollha involuti, inkluża lill-Kummissjoni skont ma jkun f’loku, biex jaħdmu flimkien sabiex jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ standard ta’ tikkettar li jiċċertifika li prodott ikun ġie manifatturat b’konformità mal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-ILO;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi attivament mġiba kummerċjali responsabbli obbligatorja fost il-kumpaniji tal-UE li joperaw barra, b'attenzjoni speċjali għall-iżgurar ta' ottemperanza stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom, b'mod partikolari mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent;

    9.

    Jilqa’ l-inizjattivi li qed toħroġ attwalment il-Kummissjoni Ewropea bl-għan li tirfed it-titjib tas-sikurezza tal-fabbriki fil-Bangladexx, pereżempju permezz tal-proġett “Il-Promozzjoni ta’ Standards tax-Xogħol fis-settur tal-Ilbies Lest” kif ukoll il-ħidma konġunta mas-Servizz tat-Tifi tan-Nar u d-Direttorat għall-Protezzjoni Ċivili tal-Bangladexx; jitlob li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ u titwessa’ għal pajjiżi oħra fir-reġjun, skont ma jkun f’loku;

    10.

    Ifakkar fil-ħtieġa għal implimentazzjoni konsistenti tat-tmien konvenzjonijiet ċentrali tal-ILO; jissottolinja l-importanza ta' dispożizzjonjiet robusti fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema, irrispettivament mill-pajjiżi li fih ikunu qed jaħdmu;

    11.

    Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex tiżgura li l-uffiċjali tal-UE responsabbli għall-kummerċ, jekk ikunu bbażati fid-delegazzjonijiet tal-UE, jingħataw taħriġ regolari dwar kwistjonijiet ta' responsabilità soċjali korporattiva, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-NU “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”, u li d-delegazzjonijiet tal-UE jiffunzjonaw bħala punti ta' kuntatt tal-UE għall-ilmenti dwar kumpaniji tal-UE u sussidjarji tagħhom;

    12.

    Jinnota r-rwol importanti li jista’ jkollhom il-ħaddiema u t-trejdjunjins, pereżempju l-iżvilupp kontinwu ta’ kumitati tas-sikurezza mmexxija mill-ħaddiema fil-fabbriki kollha, u l-importanza ta’ aċċess għall-fabbriki min-naħa tat-trejdjunjins biex jedukaw lill-ħaddiema dwar kif jistgħu jipproteġu d-drittijiet u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirrifjutaw xogħol mhux sikur;

    13.

    Jilqa' l-isforzi li bihom il-Bangladexx irnexxielu jnaqqas ix-xogħol tat-tfal fis-settur tal-ilbies u jħeġġeġ lill-Pakistan biex jintensifika l-impenn tiegħu kontra x-xogħol tat-tfal;

    14.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jinvestigaw debitament it-tortura u l-qtil tal-attivist tad-drittijiet tax-xogħol Aminul Islam, u jistieden liż-żewġ Gvernijiet tal-Bangaladexx u tal-Pakistan biex itemmu r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet trejdjunjinistiċi u fuq in-negozjar kollettiv;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Pakistan u tal-Bangladexx u lid-Direttir Ġenerali tal-ILO.


    (1)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

    (2)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

    (3)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.


    Top