Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0899

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-inizjattiva Europass It-tieni evalwazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas tal-Komunità uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass)

    /* COM/2013/0899 final */

    52013DC0899

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-inizjattiva Europass It-tieni evalwazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas tal-Komunità uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass) /* COM/2013/0899 final */


    1. INTRODUZZJONI

    L-opportunitajiet ta’ tagħlim tal-lum huma mingħajr limitu, mingħajr fruntieri u huma immedjati. L-individwi jistgħu jitgħallmu u jiksbu ħiliet u kompetenzi ġodda mhux biss fl-ambjent tradizzjonali ta’ klassi tal-iskola, iżda dejjem iktar barra minnha u bir-ritmu tagħhom. Fil-klima preżenti ta’ tibdil ekonomiku u teknoloġiku mgħaġġel, l-individwi jgħaddu wkoll minn diversi tranżizzjonijiet fil-ħajja professjonali u akkademika tagħhom, jaqsmu fruntieri, jalternaw jew jikkombinaw ix-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ ulterjuri jew il-volontarjat. Filwaqt li l-pressjoni għall-impjegabbiltà u għal ħiliet aħjar qiegħda dejjem tikber, hemm il-ħtieġa ta’ sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iktar miftuħa u flessibbli, imfassla aħjar għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanti tal-istudenti u tal-ħaddiema. Il-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi sħaħ tagħhom, għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod faċli u malajr, u għandhom ikunu tali li jinftiehmu minn min iħaddem u mill-istabbilimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ fi kwalunkwe post fl-Ewropa.

    Fis-snin riċenti, fil-qafas ta' diversi inizjattivi tal-programm Ewropa 2020 u partikolarment fid-dawl tal-qgħad għoli persistenti,[1] il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li tippermetti lill-istudenti u lill-ħaddiema jippreżentaw b’mod ċar il-profili tal-ħiliet u tal-kwalifiki tagħhom miksuba kemm f’ambjent formali, mhux formali jew informali. Dan iservi sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà u jittejbu l-prospetti tal-impjieg u tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan l-għan huwa enfasizzat fil-Komunikazzjoni ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’,[2] li fiha l-Kummissjoni ħabbret xogħol esploratorju dwar iż-Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki sabiex tiżgura li l-ħiliet u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti b’mod faċli madwar il-fruntieri.

    Il-Europass, stabbilit fl-2005[3], jappoġġja dawn l-għanijiet billi jgħin lill-istudenti u lill-ħaddiema jindikaw aħjar il-kompetenzi u l-għarfien tagħhom madwar l-Ewropa permezz ta’ għodod li jirreġistraw u jrendu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom trasparenti (ara t-taqsima 2 għal deskrizzjoni komprensiva). Filwaqt li l-għan li għalih ġie stabbilit il-Europass qiegħed isir dejjem iktar rilevanti, xi wħud mill-għodod preżenti tiegħu jeħtieġ jiġu adattati sabiex jindirizzaw l-isfidi maħluqa mill-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-lum tal-istudenti u ta’ swieq tax-xogħol li qed jevolvu.

    Dan ir-rapport janalizza l-kisbiet tal-qafas tal-Europass abbażi tal-evalwazzjoni esterna tal-Europass imwettqa fl-2012.[4] Huwa jenfasizza li l-għanijiet oriġinali għandhom jibqgħu rilevanti, b’mod partikolari għall-Qafas Strateġiku 2020 għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-kooperazzjoni Ewropea (ET 2020).[5] Il-Europass jappoġġja t-triq tal-istudenti u l-ħaddiema għat-tagħlim tul il-ħajja jew għax-xogħol billi jippermetti li jiġu kkomparati ħiliet, kwalifiki u eżiti ta’ tagħlim. Il-Europass, u b’mod partikolari, il-Europass CV, stabbilixxa ruħu bħala prodott rikonoxxut tajjeb u fdat sew fejn jidħlu t-trasparenza u r-rikonoxximent, kemm fl-Ewropa u kemm lil hinn minnha. Iċ-ċifri minn Marzu 2013 jindikaw li mill-2005, ġew kompluti onlajn iktar minn 27 miljun Europass CV. Barra minn hekk, l-għodod tal-Europass huma kosteffiċjenti u l-użu u d-disseminazzjoni tagħhom evolvew konsiderevolment mill-ewwel evalwazzjoni tal-Europass, fl-2008.

    Dan ir-rapport jinnota wkoll in-nuqqasijiet kurrenti tal-Europass biex jindirizza t-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol. Xi wħud mill-għodod tiegħu ma jippromwovux modi flessibbli ta’ tagħlim u lanqas ma jippermettu li jsir irrekordjar komprensiv tal-ħiliet miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, inkluż permezz ta’ tagħlim onlajn, kif iddikjarat riċentiment fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Niftħu l-Edukazzjoni’.[6] Id-dejta tal-evalwazzjoni turi li ħafna mill-għodod Europass għadhom ma jilħqux għalkollox gruppi ta’ utenti potenzjali. Bħalissa l-utenti tal-Europass għandhom it-tendenza li jkunu żgħażagħ, nisa u edukati ħafna. Koordinazzjoni aħjar mas-servizzi li jipprovdu gwida dwar il-karrieri u l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas tal-Europass, tippermetti li fil-mira jkun hemm gruppi kbar – bħal persuni diżokkupati li għandhom ħiliet baxxi, li ħafna drabi għandhom nuqqas ta’ ħila biex jikkompletaw id-dokumenti Europass jew li jsibuhom wisq kumplessi u ta’ konfużjoni. Titjib neċessarju ieħor jinkludi konverġenza msaħħa ma’ għodod Ewropej ta’ referenza u interoperabbiltà aħjar tal-għodod tal-IT tal-Europass mal-għodod tal-UE użati għat-tqabbil ta’ impjiegi.

    Sabiex jiġu indirizzati tali nuqqasijiet, l-istruttura kurrenti tal-Europass għandha tinbidel radikalment u ssir servizz iktar sempliċi, iktar orjentat lejn dak li qed jimmira u aġġornat, filwaqt li jżomm l-għan oriġinali tiegħu ta’ komparabbiltà u trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki għat-titjib tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-istudenti u l-ħaddiema. Ir-reviżjoni mill-ġdid tal-Europass qed issir dejjem iktar urġenti peress li jinsabu fil-proċess ta’ żvilupp diversi inizjattivi privati, lokali u/jew nazzjonali b’għanijiet simili, b’mod partikolari f’format elettroniku bħall-portafolji elettroniċi.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet se jkunu kruċjali għat-tisħiħ tar-rwol tal-Europass fl-iżvilupp ta’ Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki li permezz tagħha l-Kummissjoni se ssaħħaħ is-sinerġiji bejn l-għodod Ewropej ta’ trasparenza u rikonoxximent għall-kwalifiki tal-ħiliet. Għal dan l-għan, is-sejbiet ta’ dan ir-rapport se jiġu kkombinati mar-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u tal-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u tar-rapport tal-Progress dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja. Flimkien se jappoġġjaw id-dibattitu pubbliku li għandu jsir dwar iż-Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014.

    2. EŻITI U IMPATT

    Il-Europass, stabbilit fl-2005 huwa portafoll ta’ ħames dokumenti differenti li għandu l-għan li jinkludi deskrizzjonijiet tal-kisbiet tat-tagħlim kollha tad-detentur, il-kwalifiki uffiċjali, l-esperjenza ta’ xogħol, il-ħiliet u l-kompetenzi miġbura matul is-snin. Żewġ dokumenti li huma parti mill-Europass huma għodod ta’ awtodikjarazzjoni: il-Curriculum Vitae (CV) Ewropew[7] u l-Passaport tal-Lingwi tal-Europass,[8] u tlieta huma maħruġa minn korpi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ: is-Suppliment tal-Europass tad-Diplomi,[9] is-Suppliment tal-Europass taċ-Ċertifikati[10] u d-dokument tal-Europass tal-Mobbiltà.[11] Id-dokumenti kollha għandhom isem komuni (Europass) u logo. Il-Europass huwa disponibbli mingħajr ħlas u f’27 lingwa, f’format elettroniku aċċessibbli fuq il-portal tal-Europass.[12] Mill-2012, l-individwi jistgħu jiġbru d-dokumenti Europass kollha fil-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, folder elettroniku faċli biex jintuża li jgħin lid-detenturi jibnu inventarju personali u modulari tal-ħiliet u l-kwalifiki personali miġbura matul ħajjithom.

    2.1 Nilħqu udjenzi ġodda

    Id-dokumenti Europass kollha huma meqjusa suċċess — sa punti li jvarjaw minn xulxin — billi jagħmlu l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki iktar komparabbli fil-pajjiżi u s-setturi kollha, kif ukoll jagħmlu l-proċessi tal-għażla iktar faċli għal min iħaddem u għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Ir-rikonoxximent internazzjonali tad-dokumenti hija r-raġuni ewlenija għall-utenti aħħarin biex jagħżlu l-Europass. Il-Europass huwa meqjus bħala prodott b’saħħtu b’valur miżjud Ewropew sinifikanti, li jilħaq udjenza wiesgħa u mmirata. Pereżempju l-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti nazzjonali tal-EURES[13] jissuġġerixxu li s-CV u s-Supplimenti tad-Diplomi u ċ-Ċertifikati huma l-iktar dokumenti utli tal-Europass għall-utenti kurrenti tal-EURES.

    Is-CV hija meqjusa bħala l-iktar strument utli, apprezzat u magħruf mill-għodod kollha tal-Europass. L-użu tagħha ra tkabbir kostanti – fl-2012 biss, inħolqu tnax-il darba iktar CVs mill-2006. Skont ma hu indikat, sa Marzu 2013, minn meta ġie mniedi l-Europass kienu nħolqu aktar minn 27 miljun CV. Madankollu, is-Suppliment tad-Diplomi u s-Suppliment taċ-Ċertifikati huma meqjusa bħala għodod importanti li jgħinu lill-istituzzjonijiet edukattivi biex imexxu u jistrutturaw il-programmi edukattivi tagħhom b’mod aktar effettiv billi jagħmlu użu mill-istandards internazzjonali. Minkejja dan, il-biċċa l-kbira tal-għodod tal-Europass għadhom ma jilħqux gruppi kbar ta’ utenti potenzjali. Fl-2012 biss, inħolqu biss 115 000 Passaport Ewropew Lingwistiku u tqassmu biss 80 000 dokument tal-Mobbiltà tal-Europass.

    Il-partijiet ikkonċernati — inklużi min iħaddem u t-trejdunjins — utenti aħħarin u utenti potenzjali jaqblu li l-għodod tal-Europass jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-mobbiltà għat-tagħlim tul il-ħajja jew fis-suq tax-xogħol. 58 % ta’ dawk li wieġbu stħarriġ imwettaq taħt l-evalwazzjoni esterna[14] ħassew li s-CV għenithom sabiex jiġu mistiedna għal intervista għal impjieg, taħriġ jew xogħol volontarju / ikunu magħżula minn qabel għal pożizzjoni ta’ impjieg, taħriġ jew xogħol volontarju; 46 % ħassew li għenithom sabiex jiġu aċċettati għal programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja (e.ż. Erasmus), korsijiet tal-lingwa eċċ. B’mod partikolari, il-Europass jagħti kontribut utli għat-tibdil tal-impjieg jew tal-lokalità: 60.4 % ta’ dawk li wieġbu rrikonoxxew il-kontribut tal-Europass għal dan l-iżvilupp. Id-dokumenti Europass jissodisfaw il-bżonnijiet tal-maġġoranza vasta (madwar 80 %) tal-utenti tiegħu, irrispettivament mill-età jew mill-kisbiet edukattivi.

    Madankollu, l-iktar li jużaw il-Europass huma l-gradwati. 40 % tal-utenti aħħarin għandhom impjieg u 37 % jinsabu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Europass għandu rwol importanti wkoll kemm fil-mobbiltà transnazzjonali kif ukoll fil-mobbiltà nazzjonali: iktar minn 40 % tal-individwi domestikament mobbli issa jużaw id-dokumenti Europass. L-utenti tal-Europass għandhom it-tendenza li jkunu żgħażagħ, nisa u edukati ħafna: kważi 60 % għandhom diploma fl-edukazzjoni għolja. In-nisa jammontaw għal 59.4 % tal-utenti tal-Europass.

    L-iktar grupp diffiċli li jintlaħaq huwa dak magħmul minn persuni diżokkupati u li għandhom ħiliet baxxi, kif ukoll il-voluntiera, li jammontaw għal 12.8 % u 1.1 % tal-utenti tal-Europass rispettivament. Id-dejta (Tabella 1) turi li numru kbir ta’ persuni li għandhom ħiliet baxxi jew li huma diżokkupati li ma jużawx il-Europass, ħafna drabi ma għandhomx il-ħila li jikkompletaw id-dokumenti jew isibuhom wisq ikkumplikati u ta’ konfużjoni. Gwida mmirata għal dawn il-gruppi tista’ ttejjeb l-aċċess tagħhom għal dokumenti Europass.

    Tabella. 1: Utenti tal-Europass skont l-istatus tal-edukazzjoni/tax-xogħol[15]

    Status tal-edukazzjoni/tax-xogħol || Dokumenti Europass kollha || CV Europass || LP Europass || CS Europass || DS Europass || MD Europass

    Edukazzjoni jew taħriġ || 37.3 % || 30.2 % || 26.3 % || 20.1 % || 19.5 % || 30.5 %

    Arranġament volontarju || 1.1 % || 1.5 % || 1.5 % || 1.1 % || 1.1 % || 1.0 %

    Impjieg (inqas minn ħames snin) || 19.5 % || 20.2 % || 21.1 % || 31.4 % || 25.8 % || 32.4 %

    Impjieg (iktar minn ħames snin) || 20.8 % || 26.4 % || 32.0 % || 29.1 % || 35.2 % || 12.3 %

    Diżokkupati/ qed ifittxu impjieg || 12.8 % || 15.9 % || 12.5 % || 9.9 % || 14.4 % || 12.6 %

    Oħrajn || 8.5 % || 5.8 % || 6.6 % || 8.4 % || 4.0 % || 11.2 %

    Total || 100 % || 100 % || 100 % || 100 % || 100 % || 100 %

    Sors: Evalwazzjoni Europass 2012 mill-PPMI.

    Kif jidher fit-Tabella 2, iż-żgħażagħ li wieġbu (taħt l-20 sena sa 35 sena) huma l-ikbar utenti tad-dokument Europass, possibbilment minħabba li huma iktar miftuħa għall-mobbiltà (bejn lokalitajiet, impjiegi u setturi professjonali).

    Tabella. 2: Utenti tal-Europass skont l-età [16]

    Età || Dokumenti Europass kollha || CV Europass || LP Europass || DS Europass || CS Europass || MD Europass

    <20 || 9 % || 9 % || 10 % || 2 % || 11 % || 10 %

    21-25 || 41 % || 40 % || 35 % || 35 % || 42 % || 49 %

    26-35 || 30 % || 32 % || 31 % || 40 % || 27 % || 31 %

    36-49 || 14 % || 15 % || 18 % || 18 % || 17 % || 7 %

    50+ || 5 % || 5 % || 6 % || 4 % || 5 % || 3 %

    Sors: 2012 Evalwazzjoni Europass mill-PPMI. Il-perċentwali ġew approssimati.

    Il-Europass għandu wkoll ‘impatt pedagoġiku’ fuq il-proprjetarju ta’ dawn id-dokumenti. L-individwi huma inkoraġġiti jirrevedu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom u li jikkomunikawhom b’mod iktar ċar. Dan jgħin lil dawk li qed ifittxu impjieg biex jiffukaw fuq dawk il-ħiliet u l-kompetenzi li huma l-iktar imfittxija f’impjiegi vakanti.

    2.2 Niffaċilitaw modi flessibbli ta’ tagħlim

    L-istħarriġ juri aspettattiva dejjem tikber mill-partijiet ikkonċernati għal Europass biex jadatta għall-bżonnijiet li jinbidlu tal-utenti tiegħu. Il-Europass għandu jippermetti l-ħiliet u l-kwalifiki kollha ta’ individwu, u jinkorpora s-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tipi ta’ esperjenza ta’ tagħlim, sabiex ikunu dokumentati b’mod sħiħ u faċli. Simplifikazzjoni u aġġornament tal-qafas kollu, flimkien ma’ koerenza interna iktar b’saħħitha, b’mod ċar jintlaqgħu sabiex jindirizzaw modi fl-edukazzjoni u taħriġ moderni, flessibbli u orjentati lejn l-istudenti. Kwistjonijiet bħall-importanza akbar tat-tagħlim mhux formali u informali għall-kisba ta’ ħiliet u kwalifiki ġodda jew għodod bħal ‘badges’ miftuħa, iġġenerati minn fornituri onlajn tal-edukazzjoni bħalissa mhumiex indirizzati mill-Europass.

    Fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali, bħalissa l-Europass għandu żewġ dokumenti supplimentari separati, kull wieħed ikopri settur edukattiv speċifiku u sistema ta’ krediti differenti. Dan il-format jista’ jtellef il-permeabbiltà rrakkomandata ta’ modi ta’ tagħlim. Il-ħolqien ta’ struttura komuni għal dawn is-supplimenti sabiex ikopru l-livelli u t-tipi kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ (skejjel, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni għolja u edukazzjoni adulta) se jiffaċilita fehim komuni tal-kwalifiki, irrispettivament mis-settur inkwistjoni. L-istudenti u l-ħaddiema mbagħad ikunu jistgħu jippreżentaw il-ħiliet tagħhom b’mod iktar faċli meta japplikaw għal tagħlim ulterjuri f’settur ieħor. Mudell komuni li jevita diverġenza jagħmel ukoll is-supplimenti eħfef biex jinqraw minn min iħaddem.

    Bħalissa, il-Europass ma għandux għodda li tippermetti l-irrekordjar komprensiv tal-ħiliet u l-kompetenzi akkwistati permezz ta’ kwalunkwe esperjenza ta’ tagħlim mhux formali u informali (inkluż onlajn). Id-dokument attwali tal-Mobbiltà tal-Europass sa issa kellu użu limitat u jista’ jkun applikat biss f’kuntest strett ta’ mobbiltà internazzjonali.

    Fl-aħħar nett, l-uniku dokument ta’ awtodikjarazzjoni tal-Europass li jissupplimenta s-CV — il-Passaport tal-Lingwi — intuża minn numru limitat ħafna ta’ persuni. L-utenti u min iħaddem iħossu li s-CV għandha, minnha nnifisha, tagħti stampa komprensiva tal-ħiliet personali, bħal-lingwi u kompetenzi fl-ICT, mingħajr il-bżonn ta’ dokumenti awtodikjaratorji supplimentari prodotti mid-detenturi tas-CV.

    Dan it-titjib għandu jagħmel il-qafas kollu iktar faċli u iktar sempliċi sabiex jintuża. It-tfassil mill-ġdid tal-Europass jista’ jirrikjedi reviżjoni tal-bażi ġuridika attwali tiegħu, peress li d-Deċiżjoni attwali ma tippermettix sostituzzjoni, tibdil jew tneħħija ta’ ebda wieħed mill-ħames dokumenti li jsejsu l-Europass.

    2.3 Noħolqu iktar sinerġiji ma’ inizjattivi Ewropej oħra

    Strumenti Ewropej oħra bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (il-QEK),[17] is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għal Edukazzjoni u Taħriġ Professjonali (ECVET)[18] u s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS)[19] ġew implimentati flimkien mal-Europass fl-aħħar deċennju sabiex jiġi appoġġjat il-moviment tal-istudenti u l-ħaddiema. Huma jikkontribwixxu għall-mobbiltà reali Ewropea u permezz tagħhom, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ persuna jistgħu jiġu miftiehma b’mod ċar u jiġu rikonoxxuti malajr.

    Dawn l-istrumenti ma ġewx żviluppati f’iżolament minn xulxin u huma kumplimentarji għall-Europass. L-integrazzjoni gradwali u r-referenza għall-QEK, l-ECVET u l-ECTS fil-Europass hi mistennija sseħħ hekk kif timxi 'l quddiem l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti. Ir-Rakkomandazzjoni Ewropea dwar il-QEK speċifikat li mill-2012, iċ-ċertifikati tal-kwalifiki, id-diplomi u d-dokumenti Europass ġodda kollha maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti kellhom jinkludu referenza ċara għal-livell xieraq tal-QEK. Xi pajjiżi (CZ, DK, EE, FR u IE) diġà bdew jirrekordjaw dawn il-livelli fid-dokumenti Europass rilevanti (is-Suppliment tad-Diplomi u ċ-Ċertifikati) iżda jeħtieġ li jkun hemm sforzi addizzjonali mill-bqija tal-pajjiżi.

    Minkejja l-kumplimentarjetà ta’ dawn l-inizjattivi, xorta għad hemm fejn titjieb il-koerenza sabiex l-għodod u s-servizzi differenti jiġu offruti b’mod ikkoordinat. Bħalissa l-utenti mhumiex offruti aċċess faċli li jinftiehem u koerenti għal dawn l-istrumenti. Filwaqt li kważi l-għodod Ewropej kollha ta’ trasparenza u mobbiltà għandhom il-portal tagħhom u xi wħud għandhom punti ta’ konverġenza (bħall-għodda onlajn tas-CV li tgħin lill-utenti tal-EURES biex joħolqu s-CV Europass tagħhom fuq il-websajt tal-EURES), huma mhumiex konnessi biżżejjed. Dan jagħmilha iktar diffiċli għall-utenti potenzjali biex jaċċessaw informazzjoni rilevanti, dokumenti u servizzi.

    Hija meħtieġa iktar interoperabbiltà tal-Europass ma’ għodod oħra tal-UE użati għat-tqabbil tal-impjiegi, inkluż mal-EURES. Bl-istess mod, is-sinerġiji, bejn il-Europass u l-Youthpass, għodda li ttejjeb ir-rikonoxximent tal-eżiti tat-tagħlim ta’ żgħażagħ li jieħdu parti fi proġetti appoġġjati mill-Programm tal-UE Żgħażagħ fl-Azzjoni, jeħtieġ li jitjiebu sabiex jiġu evitati koinċidenzi potenzjali. Eżempju ieħor hija d-deċiżjoni li tirrikonoxxi kwalifika professjonali fi Stat Membru li tawtorizza aċċess għal professjoni rregolata[20]. Id-detenturi tal-kwalifika għandhom ikunu jistgħu jamalgamaw mal-Europass id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, fuq il-karta jew b’mod elettroniku, inkluż meta din tinkiseb permezz tal-proċedura ġdida tal-Karta Professjonali Ewropea.

    2.4 Insegwu governanza effiċjenti u sostenibbli

    L-użu u s-sensibilizzazzjoni ta’ għodod Europass differenti kibru b’mod kostanti mit-tnedija tal-inizjattiva fl-2005. Il-portal Europass huwa ħafna drabi responsabbli għaż-żieda fl-użu u s-sensibilizzazzjoni ta’ dawn l-għodod ta’ trasparenza. Il-portal wera li għamel suċċess fir-rigward ta' persuni li jżuruh, l-użu u s-sodisfazzjon tal-utent. L-għadd ta’ żjarat ilu jiżdied kull sena minn madwar 3 miljuni fl-2006 għal kważi 15-il miljun fl-2012. Madwar 88 % tal-utenti li ġew mistħarrġa qablu li l-portal Europass huwa faċli biex jintuża u huwa ċar. 60 % ħassew li żviluppi futuri tal-portal għandhom, b’mod partikolari jinkludu informazzjoni u pariri dwar il-mobbiltà transnazzjonali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-tfittxija għall-impjiegi.

    Flimkien mal-portal tal-internet tal-Europass, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass (NECs) huma l-muturi ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Europass. L-NECs kienu operazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda u fin-Norveġja, min-nofs l-2005 (2007 għall-Bulgarija u r-Rumanija u 2011 għall-Kroazja), fil-Liechtenstein mill-2006, fit-Turkija mill-2008, u fl-Iżvizzera mill-2011. Il-missjoni tagħhom ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-Europass u li jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha lill-partijiet interessati kollha hija meqjusa sodisfaċenti.

    Il-maġġoranza tal-NECs jikkooperaw b’mod regolari ma’ korpi oħra, bħall-Eurogwida u ċ-ċentri NARIC, l-aġenziji EURES, l-aġenziji nazzjonali LLP, il-Eurodesk u Europe Direct, għalkemm tali kooperazzjoni tista’ tiġi msaħħa u s-sinerġiji jistgħu jiġu sfruttati aħjar. Konverġenza msaħħa ta’ dawn il-korpi twassal għal strutturi ssimplifikati u servizzi aħjar eqreb għall-istudenti u l-ħaddiema, li jiffaċilitaw l-aċċess għall-Europass, b’mod partikolari minn dawk il-gruppi li bħalissa jibbenefikaw l-inqas minnu. Madankollu, l-isforzi mill-NECs biex jippromwovu l-għodod Europass fost fornituri ta’ servizzi tal-impjieg privati wrew li kellhom inqas suċċess. Ħafna minn dawn il-fornituri huma lesti biss jippromwovu l-użu ta’ dokumenti Europass għal gwadann finanzjarju.

    Is-Cedefop għandu rwol ċar fis-suċċess tal-Europass. Minbarra l-immaniġġjar effettiv tal-portal Europass u l-provvediment ta’ appoġġ għall-NECs, huwa jikkontribwixxi bil-ħila esperta tiegħu għall-iżvilupp kunċettwali tal-qafas tal-Europass.

    Fl-2012, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju li jammonta għal total ta’ € 2 250 000 għall-NECs permezz tal-Programm Tagħlim tul il-Ħajja. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni esterna kellha żieda fil-livelli tal-effiċjenza fl-aspetti kollha tal-Europass analizzati mqabbla mal-evalwazzjoni tal-2008. Filwaqt li l-finanzjament ipprovdut mill-UE[21] u s-sorsi nazzjonali ma kellhomx żieda sinifikanti matul il-perjodu 2008-2011, l-għadd ta’ dokumenti Europass maħluqa onlajn u maħruġa, u l-għadd ta’ żjarat tal-portal, żdiedu b’mod kostanti mingħajr ebda sinjal ta’ tnaqqis fil-popolarità tal-għodod Europass. Ġiet osservata effiċjenza ikbar kemm f’termini tal-attivitajiet promozzjonali mill-NECs kif ukoll fl-użu ta’ diversi għodod tal-Europass.

    L-ispiża totali tal-Europass (mill-baġits nazzjonali, tal-Kummissjoni u tas-Cedefop) mit-tnedija tiegħu hija ta’ madwar € 31.5 miljun. Abbażi ta’ 54 miljun CV Europass maħruġa mill-2005 (28 miljun maħluqa onlajn u 27 miljun imniżżlin mill-internet), l-ispiża medja ta’ CV waħda prodotta hija madwar € 0.58, li hija madwar erba’ darbiet inqas minn dak stmat fl-2008 (€ 2.1). Minħabba l-prezz tant baxx għal kull dokument u l-livell għoli ta’ sodisfazzjon tal-utent, l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-Europass tipprovdi valur tajjeb għall-flus. Madankollu, probabbilment il-Europass mhux se jibqa’ sostenibbli mingħajr it-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju Ewropew. Il-biċċa l-kbira tal-NECs mhux se jkunu jistgħu jkomplu joperaw mingħajr finanzjament tal-UE, peress li ma ġew identifikati ebda sorsi ta’ finanzjament alternattiv vijabbli għall-Europass u mhux mistenni li jkun hemm finanzjament pubbliku addizzjonali. Ma hemm ebda inċentiv speċifiku għal atturi privati sabiex jiġu involuti, minħabba li l-Europass ma jipprovdi ebda benefiċċju finanzjarju immedjat.

    3. KONKLUŻJONIJIET

    Fl-isfond ta’ forza tax-xogħol li qed tiċkien u tkabbir ekonomiku minimu, waħda mill-iktar sfidi urġenti għall-Istati Membri hija l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u t-titjib tal-provvista ta’ ħiliet sabiex tissodisfa aħjar il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Europass għandu jgħin sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u għandu jissaħħaħ skont dan fis-snin li ġejjin.

    Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna jikkonfermaw li l-Europass għandu jżomm ir-rwol qawwi tiegħu ta’ promozzjoni tal-mobbiltà u l-komparabbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki. It-titjib propost jinkludi wkoll razzjonalizzazzjoni aħjar u l-inklużjoni tad-dokumenti Europass sabiex titjieb il-konverġenza ma’ għodod ta’ referenza Ewropej oħra u servizzi ta’ gwida orjentati lejn il-mira marbuta mal-istrumenti Europass, biex b’hekk jiġu appoġġjati l-mobbiltà transnazzjonali, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-tfittxija ta’ impjiegi. Fuq kollox, il-Europass jeħtieġ li jsir għodda iktar flessibbli u faċli biex tintuża, li għandu jisfrutta l-potenzjal ta’ teknoloġiji moderni sabiex jevolvi b’mod kostanti mal-bżonnijiet tal-utenti. Għandu jżomm utenti eżistenti u jattira oħrajn ġodda, b’mod partikolari individwi li għandhom ħiliet baxxi. Sabiex jintlaħaq dan, jista’ jkun meħtieġ bażi ġuridiku ġdid tal-Europass, li jippermetti aġġornamenti u aġġustamenti regolari ta’ dawn l-għodod.

    Bl-għan li jiżdied l-appoġġ tal-Europass għall-istudenti u l-ħaddiema li jippreżentaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-iżviluppi li ġejjin:

    • Sinerġiji mtejba bejn il-Europass u inizjattivi Ewropej oħra — Minkejja s-suċċess ġenerali tal-Europass, il-gwida dwar l-użu tal-għodod Europass tista’ tittejjeb u tissaħħaħ permezz ta’ koordinazzjoni aħjar ma’ servizzi li jipprovdu gwida tal-karrieri u trasparenza u rikonoxximent tal-kwalifiki, sabiex tilħaq udjenzi ikbar u tiġġenera valur miżjud ikbar. Dan jidher li huwa partikolarment rilevanti għal gruppi li għandhom diffikultà ikbar biex jużaw il-Europass, bħal dawk li għandhom ħiliet baxxi u dawk diżokkupati. Fi ħdan Żona Ewropea futura għall-Ħiliet u l-Kwalifiki, il-Europass jista’ jiffoka fuq il-provvediment ta’ servizzi tal-informazzjoni u għodod interattivi għat-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki, li jlaqqgħu flimkien in-netwerks Ewropej differenti, is-servizzi tal-informazzjoni u għodod oħra li bħalissa huma kkonċernati mill-ħiliet u l-kwalifiki flimkien taħt punt ta’ dħul uniku. Dan jippermetti lill-istudenti u lill-ħaddiema jagħmlu użu aħjar mill-għodod tat-trasparenza u r-rikonoxximent, li jsiru magħrufa aħjar ukoll fost istituzzjonijiet u negozji u għaldaqstant ikunu iktar effettivi. L-ippuljar ta’ dawn ir-riżorsi għandu jikseb kisbiet effiċjenti u jippermetti l-integrazzjoni tar-riżorsi mal-kontrapartijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, dan probabbilment jikkontribwixxi għal promozzjoni u implimentazzjoni usa’ tal-għodod Europass fost il-partijiet differenti ikkonċernati fin-netwerk uniku amalgamat tas-servizz li jirriżulta.

    · Il-Europass bħala strument li jiffaċilita modi flessibbli ta’ tagħlim — Hemm bżonn ċar li jiġu adattati l-għodod Europass kurrenti għal modi ta’ tagħlim iktar flessibbli u iktar orjentati lejn l-istudenti, li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ individwi. Il-qafas mibdul radikalment għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jintegra kif xieraq żviluppi u tekniki ġodda dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fl-ICT. Bħalissa, hemm żewġ setturi fejn dawn il-bżonnijiet jidhru iktar urġenti:

    a) Il-Europass għandu żewġ għodod differenti li jipprovdu informazzjoni supplimentari dwar eżiti ta’ tagħlim: is-Suppilment tad-Diplomi għal kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja u s-Suppliment taċ-Ċertifikati għal taħriġ vokazzjonali. Huwa utli li wieħed jesplora jekk dokument uniku jistax jiffaċilita fehim komuni tal-kwalifiki maħruġa minn kwalunkwe settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jistax jistimola l-interoperabbiltà tas-sistemi Ewropej tat-trasferiment tal-krediti, bħall-ECTS u l-ECVET, bejn livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ u fil-pajjiżi kollha.

    b) L-irrekordjar ta’ ħiliet miksuba permezz ta’ esperjenza ta’ tagħlim mhux formali jew informali, inkluż permezz ta’ edukazzjoni onlajn: illum, id-dokument tal-Mobbiltà tal-Europass biss jipprevedi l-irrekordjar ta’ ħiliet akkwistati f’ambjent mhux formali barra mill-pajjiż. F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali, il-Europass għandu jiġi rivedut sabiex jippermetti l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ ħiliet, inklużi awditi tal-ħiliet, miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, kemm permezz tal-mobbiltà kif ukoll mingħajrha. Abbażi tax-xogħol preparatorju li diġà sar mill-Kummissjoni dwar dokument potenzjali ġdid “Esperjenza Europass”, din il-karatteristika ġdida għandha tappoġġja l-linji gwida Ewropej dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali. Dawn il-karatteristiki ġodda jkunu rilevanti wkoll għall-inizjattivi ta’ garanziji u apprentistat għaż-żgħażagħ.[22]

    Għandu jiġi esplorat ukoll il-mod li bih għandhom jiġu rreġistrati ċertifikati ġġenerati mill-mekkaniżmu Youthpass fil-Europass sabiex jiġu evitati koinċidenzi. Huwa meħtieġ ukoll xogħol ulterjuri sabiex jiġi analizzat kif għodod ta’ trasparenza bħal ‘badges’ miftuħa maħluqa mill-proċessi ġodda ta’ ċertifikazzjoni dwar tagħlim diġitali għandhom jiġu integrati fil-Europass jew bħala suppliment tiegħu. Fl-aħħar nett, ħiliet ICT funzjonali u avvanzati għandhom ikunu iktar viżibbli fis-CV Europass.

    · Intejbu l-interoperabbiltà tal-Europass mal-għodod tal-UE użati għat-tqabbil tal-impjiegi –Standards tekniċi differenti bħalissa jipprevjenu konverġenza mtejba fost xi għodod tal-UE użati minn dawk li qed ifittxu x-xogħol. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri sabiex l-għodda tas-CV Europass u l-Passaport Ewropew ġdid dwar il-Ħiliet ikollhom ħolqa mal-bażi tad-dejta tas-CV EURES u ma’ għodod ta’ servizzi privati ta’ impjieg, gwida u ċentri ta’ validazzjoni kif ukoll għodod ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. Għandha tiġi esplorata wkoll l-amalgamazzjoni tad-deċiżjoni li tirrikonoxxi kwalifika professjonali fi Stat Membru, inkluż meta tkun inkisbet permezz tal-proċedura tal-Karta Professjonali Ewropea, mal-Europass.

    Kif semmejna, il-Komunikazzjoni ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’ enfasizzat ir-rwol tal-edukazzjoni u l-ħiliet bħala assi strateġiċi ewlenija għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjieg. Waħda mill-proposti ta’ ‘Reviżjoni tal-Edukazzjoni’ hija li jiġu esplorati iktar is-sinerġiji u l-konverġenza ta’ għodod tal-UE eżistenti għat-trasparenza u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki bil-għan li tiġi ffurmata Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki, li tippermetti li kulħadd jiċċaqlaq b’mod liberu u jkollu l-kompetenzi u l-kwalifiki tiegħu rikonoxxuti malajr għal tagħlim ulterjuri u jkunu jinftiehmu u vvalutati b’mod adegwat minn min iħaddem.

    Il-Kummissjoni se tiddiskuti l-konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport mal-partijiet ikkonċernati rilevanti matul dibattitu pubbliku dwar iż-Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014. Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan id-dibattitu dwar il-qafas tal-Europass u dwar Valutazzjoni tal-Impatt, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tal-bażi ġuridika kurrenti tal-Europass— Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004.

    [1] COM(2010) 478 finali, COM(2010) 682 finali, COM(2010) 245 finali/2, COM(2012) 173 finali, COM(2012) 485 finali.

    [2] COM(2012) 669 finali.

    [3] Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004, magħrufa f’dan ir-rapport bħala “id-Deċiżjoni”.

    [4]Ara l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni. Ir-rapport kurrenti jiffoka fuq is-sejbiet tat-tieni evalwazzjoni tal-Europass, imwettqa fl-2012 mill-Public Policy and Management Institute (PPMI). Ara http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm#trainingHeader.

    [5] ĠU 2009/C 119/02.

    [6] COM(2013) 654 final.

    [7] Mudell għad-deskrizzjoni tal-curriculum vitae tad-detentur.

    [8] Għodda ta’ awtodikjarazzjoni għall-ħiliet lingwistiċi, li tuża skala ta’ referenza tal-profiċjenza lingwistika tal-Qafas Ewropew Komuni tar-Referenza għal-Lingwi.

    [9] Jelenka l-kisbiet tad-detenturi ta’ diploma jew lawrji tal-edukazzjoni għolja, inklużi s-suġġetti studjati u l-gradi miksuba.

    [10] Deskrizzjoni tal-kontenut ta’ kwalifiki vokazzjonali sabiex jiġi ssupplimentat ċertifikat ta’ edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali diġà maħruġ.

    [11] Dokument maħruġ minn awtoritajiet edukazzjonali jew tat-taħriġ li jirrekordja l-esperjenzi tax-xogħol u tal-edukazzjoni f’pajjiżi Ewropej oħra.

    [12] Il-portal ġie żviluppat, ospitat u mmaniġġjat mis-Cedefop f’isem il-Kummissjoni. Ara http://europass.cedefop.europa.eu/mt/home.

    [13] https://ec.europa.eu/eures/home.jsp?lang=mt&langChanged=true.

    [14] http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/training/2013/europass_en.pdf Id-dejta f’dan ir-rapport ġiet misluta minn evalwazzjoni esterna.

    [15] L-akronimi jfissru: CV: Curriculum Vitae; LP: Passaport tal-Lingwa; MD: Dokument tal-Mobbiltà; DS: Suppliment tad-Diplomi; CS: Suppliment taċ-Ċertifikati.

    [16] idem.

    [17] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/eqf_en.htm.

    [18] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ecvet_en.htm.

    [19] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ects_en.htm.

    [20] Direttiva 2005/36/KE

    [21] Il-kontribuzzjoni tal-UE tammonta sa 50 % tal-ispejjeż operattivi taċ-ċentri nazzjonali tal-Europass.

    [22] Ara wkoll http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1006.

    Top