Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0866

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar jekk għandux ikun hemm skema ta' tikkettar għall-biedja lokali u l-bejgħ dirett

    /* COM/2013/0866 final */

    52013DC0866

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar jekk għandux ikun hemm skema ta' tikkettar għall-biedja lokali u l-bejgħ dirett /* COM/2013/0866 final */


    WERREJ

    1............ Introduzzjoni 2

    2............ Kuntest u sorsi tad-dejta għar-rapport 2

    3............ Sitwazzjoni tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett 4

    3.1......... Importanza soċjoekonomika tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett 5

    3.2......... Kriterji ambjentali 6

    4............ Sejbiet ta' skemi ta' tikkettar eżistenti madwar l-Istati Membri 8

    5............ Hemm każ għal skema ta’ tikkettar fil-livell tal-UE?. 9

    5.1......... Skema ta' tikkettar speċifika. 10

    5.2......... Approċċ alternattiv. 10

    6............ Konklużjoni 11

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar jekk għandux ikun hemm skema ta' tikkettar għall-biedja lokali u l-bejgħ dirett

    1.           Introduzzjoni

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel[1] daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013. Skont l-Artikolu 55, sa mhux aktar tard mill-4 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta "rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-każ għal skema ta’ tikkettar ġdida għal biedja lokali u għal bejgħ dirett li tgħin lill-produtturi jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom lokalment". Dan ir-rapport "għandu jiffoka fuq l-abbiltà tal-bidwi li jżid valur lill-prodott tiegħu permezz tat-tikketta l-ġdida, u għandu jieħu kont ta’ kriterji oħra, bħall-possibbiltajiet li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-iskart permezz ta’ katini qosra ta’ produzzjoni u distribuzzjoni".

    Fl-aħħar nett, dan ir-rapport "għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi adegwati dwar il-ħolqien ta' skema ta’ tikkettar għal biedja lokali u għal bejgħ dirett."

    Dan ir-rapport se jeżamina l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett u se jiddiskuti l-possibbiltajiet għall-introduzzjoni ta’ għodda ta’ tikkettar fil-livell tal-UE.

    2.           Kuntest u sorsi tad-dejta għar-rapport

    Fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew "Id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar"[2] il-Parlament Ewropew jappella lill-Kummissjoni sabiex "tipproponi l-adozzjoni ta' strumenti biex jiġu appoġġati u promossi katini tal-provvista alimentari mmexxija mill-bdiewa, il-katini qosra tal-provvista u s-swieq tal-bdiewa, bil-għan li tiġi stabbilita relazzjoni diretta mal-konsumatur u biex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu sehem aktar ġust mill-valur tal-prezz finali tal-bejgħ billi jitnaqqas l-għadd ta' intermedjarji u ta' stadji fil-proċess".

    Fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew “Il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013”[3], il-Parlament Ewropew jagħmilha ċara li t-titjib fil-kompetittività fuq livelli differenti, inklużi s-swieq lokali, għandha tkun objettiv fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) wara l-2013.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma[4] li l-Kummissjoni għandha “tadotta definizzjonijiet ta’ “Prodotti tal-Ikel Lokali” u “Sistemi tal-Ikel Lokali”, u toħloq logo ġdid u tidentifika identità komuni permezz ta’ simbolu u skemi għall-prodotti lokali [...]”. 

    Filwaqt li tikkunsidra l-isfidi tal-PAK wara l-2013[5], il-Kummissjoni tenfasizza li “iċ-ċittadini tal-UE jistennew għażla kbira ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja, li juru standards għoljin ta' sigurtà, kwalità u benessri, inkluż fil-każ ta' prodotti lokali”.

    Sabiex tinkiseb idea aħjar dwar il-biedja lokali u l-bejgħ dirett madwar l-Unjoni Ewropea (UE), il-Kummissjoni organizzat firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inklużi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-ħolqien ta' grupp ta’ ħidma ddedikat, u studju estern[6]. Hija stiednet lill-partijiet interessati għal konferenza ta’ livell għoli “Agrikoltura lokali u katini qosra tal-provvista alimentari” f’April 2012. Aktar dettalji dwar dawn l-azzjonijiet jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż[7].

    Dawn l-attivitajiet jipprovdu kontribut essenzjali għal dan ir-rapport. Dan ir-rapport fih ukoll informazzjoni minn sorsi esperti u minn dokumenti u artikli esterni oħra.

    3.           Sitwazzjoni tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett

    Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport:

    – "biedja lokali" tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bil-għan li jinbiegħu f’żona raġonevolment qrib l-azjenda agrikola tal-produzzjoni;

    – "bejgħ dirett" tfisser bejgħ minn bidwi direttament lil konsumatur, mingħajr intermedjarji fil-bejgħ;

    – "katini qosra tal-provvista alimentari" tfisser bejgħ minn bidwi lil konsumatur b’għadd imnaqqas ta’ intermedjarji;

    – "sistemi tal-ikel lokali" tfisser li l-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċ u l-konsum tal-ikel iseħħu f'żona ġeografika relattivament żgħira.

    Ma hemm l-ebda definizzjoni uniformi tat-terminu "żona lokali". Filwaqt li diversi sorsi jikkonfermaw li dan it-terminu jfisser żona ġeografika relattivament żgħira, ma hemm l-ebda ftehim dwar id-distanza, li tvarja bejn 20 u 100 km mill-punt tal-produzzjoni. Filwaqt li jitqiesu l-interpretazzjonijiet wiesgħa tat-terminu "żona lokali", definizzjoni fil-livell tal-UE tidher arbitrarja. Huwa essenzjalment il-konsumatur li jiddeċiedi jekk prodott ikunx ġej minn "żona lokali" jew le.

    Il-biedja lokali u l-bejgħ dirett għandhom diversi sfidi quddiemhom, li lkoll ġew indirizzati waqt il-konferenza li saret f'April tal-2012. Sar appell lill-Kummissjoni sabiex: tipprovdi appoġġ xieraq għall-biedja lokali u l-katini qosra tal-provvista alimentari li qed jiżviluppaw; tadatta r-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE; tiċċara r-regoli tal-UE dwar l-iġjene; u tirrifletti dwar modi kif tista' tgħin biex ittejjeb l-aċċess għas-swieq, possibbilment permezz ta' skema ta' tikkettar speċifika.  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li huwa mehmuż ma' dan ir-rapport jiddiskuti dawn l-isfidi u kif jistgħu jintlaħqu permezz ta' strumenti tal-UE ġodda jew eżistenti.

    3.1.        Importanza soċjoekonomika tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett

    Fl-Istħarriġ tal-Istruttura tal-Farms tal-Eurostat tal-2007[8] (Eurostat Farm Structure Survey 2007) ġew żvelati differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp tal-bejgħ dirett. Fil-medja, madwar 15 % tal-bdiewa jbigħu aktar minn 50 % tal-produzzjoni tagħhom direttament lill-konsumatur, b'differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri: minn kwart tal-bdiewa kollha tal-Greċja għal  0.1 % fi Spanja. Ta' min jinnota li l-bdiewa ż-żgħar huma involuti relattivament aktar fil-katini qosra tal-provvista alimentari.

    Studji empiriċi dwar it-tendenzi tax-xiri jindikaw livell għoli ta' interess fix-xiri ta' ikel lokali. Studju minnhom[9] jindika li fir-Renju Unit, 70 % iridu jixtri prodotti lokali, madwar 50 % iridu jixtru aktar prodotti lokali fil-futur u 60 % diġà qed jixtru minnhom. Skont l-Istitut tal-Kummerċ Naturali[10], 71 % tal-konsumaturi Franċiżi u 47 % tal-konsumaturi Spanjoli u Ingliżi jemmnu li huwa importanti li wieħed jixtri prodotti lokali.

    L-attivitajiet sabiex tintlaħaq id-domanda li dejjem qed tikber għall-prodotti lokali jistgħu jsaħħu u jiżviluppaw il-kompetittività taż-żoni rurali. Il-forniment tas-sistemi tal-ikel lokali mhux biss opportunità għall-produtturi agrikoli. Dan jaffettwa wkoll l-attivitajiet tal-produzzjoni postprimarja bħalma huma l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-bejgħ u b'hekk għandu effett multiplu fuq il-komunità lokali billi joħloq opportunitajiet ta' xogħol. Dan sar aktar u aktar importanti minħabba l-kriżi ekonomika li għaddejjin minnha. L-appoġġ pubbliku għall-agrikoltura lokali u l-bejgħ dirett jista' jgħin biex dawn il-benefiċċji jħallu l-akbar riżultati possibbli. 

    Fil-proġett ta' riċerka IMPACT fl-Ewropa kollha[11] nstab li filwaqt li proporzjon tal-għadd totali ta’ bdiewa involuti f’bejgħ dirett varjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri (minn 0.5 % fl-Irlanda għal 34.6 % fl-Italja), iċ-ċifra stmata għall-UE-15 kienet ta’ 20.2 %. Il-valur nett addizzjonali ġġenerat mill-bejgħ dirett għall-UE-15 ġie stmat għal 2.7 % tat-total tal-valur nett miżjud. Waħda mill-konklużjonijiet tar-riċerka kienet li l-iżvilupp tal-bejgħ dirett sar element ewlieni tal-iżvilupp rurali f’diversi Stati Membri.

    In-nuqqas ta’ dejta kwantitattiva tpatta bi stimi ta’ sinifikat ekonomiku għas-settur. Pereżempju, l-istimi għall-Istati Membri magħżula pprovduti fl-EU Rural Review[12] juru diverġenzi sinifikanti madwar l-UE: filwaqt li pereżempju fid-Danimarka madwar 3 % biss tal-produtturi huma involuti fil-bejgħ dirett, fl-Awstrija terz tal-bdiewa kollha huma involuti fil-bejgħ dirett.

    L-istudju fuq il-katini qosra tal-provvista alimentari analizza 84 skema qasira tal-provvista alimentari madwar l-UE bl-użu tal-qafas tal-ħames assi kapitali[13]. Dan juri li l-maġġoranza tal-iskemi (54) huma orjentati sew lejn il-ħolqien ta’ kapital soċjali, li jżid il-kuntatt soċjali bejn in-nies, is-sens ta’ komunità u l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn in-negozji minn naħa waħda, u bejn il-produtturi u l-konsumaturi min-naħa l-oħra. L-istudju juri wkoll li relazzjonijiet mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi jżidu l-fehim u l-għarfien tal-konsumatur dwar l-ikel, u jkollhom effett pożittiv fuq attivitajiet tal-biedja u kwistjonijiet ambjentali. F’xi każijiet, dan jista’ jwassal għal bidliet fl-imġiba, pereżempju fid-drawwiet tal-ikel u d-deċiżjonijiet tax-xiri. Fl-aħħar nett, skont l-istudju, l-użu ta' katini qosra tal-provvista alimentari huwa servizz li jirrikjedi aktar ħaddiema fl-irziezet milli jirrikjedi l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel permezz ta’ swieq konvenzjonali minħabba l-ipproċessar, l-ippakkjar u l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    3.2.        Kriterji ambjentali 

    Fil-każ ta’ katini tal-provvista alimentari, il-letteratura preżenti għandha t-tendenza li tikkunsidra l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju mill-biedja, l-ipproċessar, il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel. Billi s-settur tal-ikel jirrappreżenta madwar 30 % tal-konsum totali ta’ enerġija[14], dan għandu impatt dirett fuq it-tibdil fil-klima.

    Fl-istudju ta' Jones[15] abbażi ta' analiżi tal-impatt ambjentali tal-komponent tat-trasport tal-katina tal-provvista alimentari nstab li l-forniment ta' tuffieħ imkabbar lokalment fir-Renju Unit jirriżulta f’inqas emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mix-xiri ta' tuffieħ importat minn New Zealand mis-supermarket. Min-naħa l-oħra, fl-istudju ta' Saunders et al[16], fejn intuża approċċ differenti, instab l-oppost. F’dan il-każ, meta titqies l-enerġija użata direttament u indirettament fil-produzzjoni tat-tuffieħ kif ukoll fit-trasport u l-ħżin, New Zealand kienet iktar effiċjenti mir-Renju Unit fejn jidħol il-komponent tal-enerġija totali. .

    Fi studju ta' każ speċifiku mwettaq fi Spanja bl-użu ta’ mudell tat-trasport intwera li l-bidla lejn konsum aktar lokali twassal għal iffrankar tal-enerġija (Aranda et al[17]).

    Studju ieħor (Sundkvist et al[18]) janalizza l-konsegwenzi ambjentali ta’ produzzjoni tal-ħobż lokali fuq skala żgħira b'kuntrast ma' dawk ta' produzzjoni tal-ħobż ċentralizzata fuq skala kbira. Ir-riżultati juru li l-emissjonijiet ta’ CO2, SO2 u NOx huma iktar baxxi għall-fran lokali milli huma għall-fran kbar fit-territorju Svediż.

    L-istudju ta' Coley et al[19] jagħti ħarsa lejn il-konsum tal-enerġija u l-marka tal-karbonju ta’ konsumatur li jivvjaġġa lejn azjenda agrikola biex jixtri l-prodotti. Dan jikkonkludi li l-limitu huwa mawra ta' 7.4 km biex jinxtara prodott: jekk id-distanza tkun itwal, l-emissjonijiet tal-karbonju jkunu ogħla minn dawk tal-katina tal-provvista alimentari konvenzjonali. 

    Fir-rigward tal-effetti ambjentali tal-iskart tal-ikel, l-istudji jirreferu għal żewġ aspetti. L-ewwel kwistjoni hija l-ammont ta’ enerġija u l-ilma moħli fil-produzzjoni. It-tieni kwistjoni hija l-ammont addizzjonali ta’ diossidu tal-karbonju, metan u ammonijaka prodotti fil-fażi tad-dekompożizzjoni[20].

    L-istudju ta' Gustavsson et al[21] juri li l-ogħla ammont ta’ skart tal-ikel jinkludi frott, ħxejjex u ċereali Għall-Ewropa, iċ-ċifri juru telf ta' iktar minn 30 % għaċ-ċereali u madwar 45 % għall-frott u l-ħxejjex. It-telf huwa ta' 20 % għaż-żrieragħ, aktar minn 20 % għal-laħam u aktar minn 10 % fil-produzzjoni tal-ħalib.

    L-istess studju jenfasizza l-ħtieġa ta' aġir b’attenzjoni fl-interpretazzjoni tar-riżultati tal-kwistjonijiet ta’ skart minħabba n-nuqqas ta’ dejta suffiċjenti, inċertezzi fid-dejta disponibbli u bosta suppożizzjonijiet dwar il-livelli ta' skart tal-ikel. Bl-istess mod, Hall et al[22] jenfasizzaw li l-kwantifikazzjoni tal-iskart tal-ikel hija diffiċli minħabba li tiddependi minn metodi li jużaw fatturi ta’ skart imkejjel f’kampjun ta' popolazzjonijiet. Barra minn hekk, Parfitt et al[23] jenfasizzaw li l-metodi u definizzjonijiet differenti applikati għall-kejl tal-iskart tal-ikel iwasslu għal diffikultà akbar fil-paragun tal-istudji.

    Fi studju tal-Kummissjoni dwar l-iskart tal-ikel[24] ngħatat ħarsa lejn il-kawżi varji tal-iskart tal-ikel fir-raba' oqsma li ġejjin: il-manifattura, il-bejgħ/l-imnut, is-servizz tal-ikel u d-djar. L-istudju jikkonkludi li huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjoni konkreta dwar il-kwistjoni minħabba d-dejta limitata li tirrappreżenta biss żewġ setturi (dak tal-ħalib u dak tal-laħam). Barra minn hekk, ir-rwol possibbli ta’ katina qasira tal-provvista alimentari fit-tnaqqis tal-iskart tal-ikel ma kienx imsemmi f’dan l-istudju.

    Jinħtieġ li ssir aktar riċerka li tiffoka fuq ir-relazzjoni bejn it-tip ta’ katina tal-provvista alimentari, l-attitudnijiet tal-konsumatur u t-tnaqqis tal-iskart sabiex ikun hemm konklużjonijiet ta’ min jorbot fuqhom. Jidher li l-konsumaturi għandhom it-tendenza li jagħtu aktar valur lill-prodotti li jinxtraw direttament f’azjenda agrikola jew fi swieq tal-bdiewa, li jistgħu jirriżultaw f’inqas skart. Madankollu, filwaqt li jitqies is-sehem relattivament żgħir ta’ katini qosra tal-provvista alimentari u sistemi tal-ikel lokali fil-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni globali, l-impatt potenzjali ta’ dawn is-sistemi ma għandux jingħata importanza żejda.

    L-Istudju dwar il-katini qosra tal-provvista alimentari juri li biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent, il-katini qosra tal-provvista alimentari għandhom fl-istess ħin ikunu lokali, staġjonali, jużaw metodi ta’ produzzjoni ekoloġiċi u jqisu marka baxxa ta’ karbonju. It-tlaqqigħ ta' karatteristiċi lokali u staġjonali jnaqqas il-ħtiġijiet ta' ħżin filwaqt li l-metodi ta’ produzzjoni ekoloġiċi jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal tnaqqis fl-użu ta’ pestiċidi, inqas tniġġis fil-ħamrija u l-ilma u inqas degradazzjoni tal-ħamrija, u jsaħħu l-bijodiversità u l-użu sostenibbli tal-ilma.

    4.           Sejbiet ta' skemi ta' tikkettar eżistenti madwar l-Istati Membri

    Hemm varjetà kbira ta’ skemi fl-UE kollha. Il-biċċa l-kbira minnhom huma magħmula minn bejgħ viċin is-sit tal-produzzjoni. Dawn huma l-bejgħ f'azjenda agrikola (pereżempju ħwienet fl-azjendi agrikoli, bejgħ fil-ġenb ta' triq, "pick-your-own" fejn il-konsumatur innifsu jiġbor il-prodott) jew bejgħ 'il barra mill-impriża agrikola (pereżempju, swieq tal-bdiewa u swieq oħra, skemi ta' konsenja, bejgħ lill-bejjiegħa bl-imnut jew fis-settur tal-catering). Xi wħud minnhom jinvolvu bejgħ mill-bogħod, pereżempju l-iskemi ta' konsenja u l-bejgħ fuq l-internet. L-Istudju dwar il-katini qosra tal-provvista alimentari juri li t-tikketti u l-logos x'aktarx jintużaw l-aktar minn skemi li ġew stabbiliti għal perjodu itwal jew minn inizjattivi reġjonali ikbar filwaqt li jkunu inqas frekwenti fil-każ ta’ konsumaturi aktar lokalizzati b’komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ bejn il-produttur u l-konsumatur.  

    It-tweġibiet mill-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar il-bejgħ dirett u lokali ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel urew differenzi fl-iżvilupp u l-appoġġ ta’ dan it-tip ta’ bejgħ. Bl-istess mod, fl-istudju dwar katini qosra tal-provvista alimentari nstab li hemm ħafna għodod fil-livell tal-UE u dak nazzjonali li jistgħu jgħinu lill-bdiewa, iżda dawn ma jiġux applikati b’mod konsistenti madwar l-UE, fattur li wassal għall-iżvilupp b'livell differenti ta’ katini qosra tal-provvista alimentari. L-isfidi fir-rigward tal-involviment fil-biedja lokali huma differenti madwar l-UE; għalhekk l-Istati Membri għandhom jagħżlu għadd ta' azzjonijiet imfassla skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tagħhom.

    L-istudju fuq katini qosra tal-provvista alimentari juri li t-tikketti huma utli wkoll fl-indikazzjoni li l-prodott ġie ċċertifikat. Dan l-aspett huwa importanti għall-protezzjoni tal-prodott minn imitazzjonijiet: tikketti b'kontenut regolat huma għodda għall-ġlieda kontra informazzjoni qarrieqa jew saħansitra frodi. 

    L-istudju dwar katini qosra tal-provvista alimentari jargumenta wkoll li l-konsumaturi jħossuhom konfużi dwar sistemi differenti ta’ tikkettar. Fl-ewwel każ, il-konsumaturi jistennew li l-informazzjoni fuq it-tikketta tinfurmahom dwar il-prezz u l-perjodu ta' konservazzjoni tal-prodott. L-istess jgħodd għall-oriġini ġeografika u l-identità tal-produttur. L-informazzjoni dwar in-natura tal-katina tal-provvista hija importanti wkoll: il-prodott qiegħed jinbiegħ bi prezz ġust kemm għall-produttur u kemm għall-konsumatur?

    Fl-aħħar nett, is-sejbiet tal-analiżi u l-konsultazzjoni jissuġġerixxu li inevitabbilment l-iskemi ta’ tikkettar jinvolvu l-ispejjeż għall-produtturi u jistgħu jgħollu l-prezz tal-prodotti tagħhom.

    5.           Hemm każ għal skema ta’ tikkettar fil-livell tal-UE? 

    Fil-konferenza ta' April tal-2012 ġiet enfasizzata l-importanza ta’ viżjoni komuni bi preċedenza għall-kwalità, l-ambjent, l-etika, il-kultura, ir-rabtiet soċjali u l-konvivjalità. Il-karatteristiċi ewlenin ta’ “niffukaw fuq il-lokal” huma n-netwerking, il-fiduċja u l-għarfien reċiproku u l-edukazzjoni kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi. Il-konklużjonijiet tal-konferenza jindikaw li dawn il-valuri jistgħu jiġu promossi permezz ta’ tikketta ġdida għal katini qosra tal-provvista, bil-kundizzjoni li din għandha tkun fuq bażi volontarja, u għodda sempliċi, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-produtturi.

    Il-forums li indirizzaw il-kwistjoni tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett enfasizzaw l-ħtieġa li jiffaċilitaw l-aċċess għall-investiment u l-għarfien, li jippermetti l-parteċipazzjoni f’offerti pubbliċi, u biex jiġu adattati r-regoli tal-iġjene li kien intqal li ta’ spiss jirrappreżentaw ostakli għal dan it-tip ta’ biedja u bejgħ. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jissupplimenta dan ir-rapport jispjega l-istrumenti li huma fis-seħħ biex jgħinu lill-produtturi u jissuġġerixxi lill-Istati Membri liema azzjonijiet jistgħu jieħdu. L-Istati Membri għandhom jieħdu rwol aktar proattiv u jadattaw il-leġiżlazzjoni fejn possibbli għall-benefiċċju partikolari tal-bdiewa ż-żgħar u l-bejgħ dirett. Is-setturi tal-ikel u l-catering huma fost is-setturi ta’ prijorità għal akkwist pubbliku ekoloġiku. Sabiex jipprovdu ikel lokali lill-canteens pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jużaw approċċi innovattivi ta' kuntratti ekoloġiċi, filwaqt li l-bdiewa, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu offerta b’mod konġunt fl-offerti ta' akkwist pubbliku, għandhom jorganizzaw ruħhom u jagħmlu użu minn mudelli varji ta’ kooperazzjoni.

    Il-konsumaturi li jixtiequ jixtru ikel prodott lokalment ħafna drabi ma jkunux jistgħu jirrikonoxxuh fis-suq[25]. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-Għoti ta’ Setgħa lill-Konsumatur[26] żvela nuqqas ta’ għarfien u ħiliet fost il-konsumaturi, inkluż l-interpretazzjoni tat-tikketta u l-logo. Dawn is-sejbiet kienu appoġġjati mir-riżultati tal-istudju dwar il-funzjonament tas-suq tal-laħam għall-konsumaturi[27].

    L-istudju dwar il-katini qosra tal-provvista alimentari jsemmi bosta każijiet ta’ allegazzjonijiet ta' tikkettar qarrieqi jew ħażin, li jikkawża kompetizzjoni inġusta. Il-protezzjoni kontra l-imitazzjonijiet permezz ta’ informazzjoni tat-tikkettar xierqa fil-livell tal-UE tista' tnaqqas ir-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

    5.1.        Skema ta' tikkettar speċifika

    Il-Kummissjoni talbet parir espert fl-analiżi tal-għażliet biex toħloq skema ta’ tikkettar[28].

    Il-parir espert kien ċar: jekk se tinħoloq skema ta' tikkettar din għandha:

    – tkun fakultattiva għall-produtturi;

    – tevita proċeduri ta' ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni li huma meqjusa twal u għaljin;

    – tistabbilixxi kriterji ċari ta’ eliġibbiltà għal prodotti inklużi fl-iskema.

    L-esperti ssuġġerew li skema tat-tikkettar speċifika tkun biss ta’ benefiċċju jekk l-iskema tkun integrata ma’ miżuri oħra li jgħinu bdiewa jsibu kanali differenti ta’ bejgħ, jew tkun marbuta magħhom. Miżuri bħal dawn jeżistu fil-kuntest ta' politika ta' żvilupp rurali, b'mod partikolari: pariri u informazzjoni ta' appoġġ, investimenti f'assi fiżiċi, żvilupp fil-biedja u fin-negozju, kooperazzjoni orizzontali u vertikali fost l-atturi tal-katina tal-provvista u attivitajiet ta' promozzjoni fil-kuntest lokali; appoġġ għall-parteċipazzjoni fi skemi ta' kwalità, u informazzjoni u azzjonijiet ta' promozzjoni.

    Meta wieħed jirrifletti dwar xi skema jista' jkun hemm, għandha tingħata attenzjoni lit-tip ta' katina tal-provvista. "Bejgħ dirett" tfisser bejgħ minn bidwi direttament lil konsumatur, mingħajr intermedjarji fil-bejgħ. L-għan tal-informazzjoni tat-tikkettar huwa li tissostitwixxi din il-komunikazzjoni diretta f’każijiet fejn ma tkunx possibbli. Aktar ma jkun hemm intermedjarji bejn il-produttur u l-konsumatur, aktar tintilef l-informazzjoni li tipikament tiġi trażmessa fil-bejgħ dirett, u l-informazzjoni fuq it-tikketta tkun meħtieġa dejjem aktar. Il-konklużjoni li tista' tintlaħaq hija li skema ta’ tikkettar ristretta għall-bejgħ dirett se jkollha impatt limitat.

    5.2.        Approċċ alternattiv

    Metodu alternattiv għal skema ta’ ċertifikazzjoni indipendenti jista’ jkun li jirriżerva terminu tal-kwalità mhux obbligatorju.

    Il-valutazzjoni tal-impatt[29] ikkonkludiet li l-użu ta’ termini tal-kwalità mhux obbligatorji huwa għodda effettiva għall-bdiewa fil-komunikazzjoni tal-valur li jżidu fil-prodotti u l-iżgurar li dawn l-isforzi addizzjonali jiġu ppremjati.

    Terminu tal-kwalità mhux obbligatorju bħal dan jista' jilħaq l-apsettattivi ewlenin tal-konsumatur: li jkun jaf l-oriġini tal-prodott u l-karatteristiċi tal-katina tal-provvista. Madankollu, għal raġunijiet legali, terminu tal-kwalità mhux obbligatorju ma jirrijkedi l-ebda logo/simbolu iżda kliem biss.

    Il-benefiċċji li tirriżerva terminu tal-kwalità mhux obbligatorju jkunu kif ġej:

    – jitqies bħala strument ħafif b'piż amministrattiv, ta' kontroll u ta' baġit relattivament baxx;

    – jista’ jipprovdi protezzjoni kontra l-użu ħażin, il-frodi u l-prattiki qarrieqa;

    – jiftaħ il-bibien għal mekkaniżmi ta’ appoġġ oħra tal-UE, b’mod partikolari l-appoġġ fil-qafas tal-iżvilupp rurali.

    Fir-rigward tal-koeżistenza u l-kontinwazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ skemi ta’ tikkettar, pubbliċi jew privati, bil-possibiltà ta’ għodda fil-livell tal-UE, hemm il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat kif din il-koeżistenza tista’ tiġi żgurata u jekk dan iwassalx biex tiżdied il-kumplessità għall-konsumaturi.

    6.           Konklużjoni

    Il-biedja lokali u l-bejgħ dirett huma realtà fl-Unjoni Ewropea u se jkomplu jkunu parti mill-agrikoltura Ewropea. Dan ir-rapport wera dan li ġej:

    – Hemm domanda għal prodott tal-biedja ġenwin mibjugħ f’katini qosra tal-provvista alimentari, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi identifikat.

    – Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp tal-bejgħ dirett, li x’aktarx jirriżultaw minħabba d-differenzi nazzjonali u reġjonali fl-istrutturi tal-biedja, il-kanali tad-distribuzzjoni, u differenzi kulturali.

    – Kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, l-iżvilupp ta’ katini qosra tal-provvista għandu quddiemu għadd ta’ sfidi li għandhom jiġu indirizzati b’għodod oħra minbarra skema ta’ tikkettar. Hemm għadd ta’ strumenti disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, iżda dawn mhumiex applikati b’mod konsistenti. Il-partijiet interessati jikkunsidraw li xi wħud mir-regoli tal-UE jfixklu l-iżvilupp tal-biedja lokali.

    – It-tikketta ġdida possibbli għandha tkun sempliċi u ma għandhiex toħloq iktar problemi għall-produtturi waqt li fl-istess ħin tkun kontrollabbli u tiżgura li jkun hemm biżżejjed kredibbiltà għall-konsumaturi. Għandha timmira wkoll li jitnaqqas ir-riskju ta’ konfużjoni għall-konsumatur għalkemm il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jekk infurzata b'mod korrett tippermetti li tittieħed azzjoni kontra prattiki qarrieqa.

    – Tikketta ġdida tista’ żżid il-valur tal-prodotti ġġenerati mill-agrikoltura lokali jekk din tmur lil hinn mill-bejgħ dirett u jekk l-Istati Membri jiżguraw li tkun integrata jew marbuta ma’ miżuri oħra.

    F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni pprovdiet elementi fattwali biex tiffaċilita dibattitu dwar jekk  għandhiex tkun ikkunsidrata tikketta ġdida tal-UE kif ukoll dwar kwistjonijiet usa’ tal-biedja lokali u l-bejgħ dirett. Fl-Anness ta' dan ir-Rapport huwa mehmuż sett ta' mistoqsijiet biex jidderieġi dan id-dibattitu.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jiddiskutu dan ir-rapport u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom.

    [1]               Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    [2]               Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar P7_TA(2010)0302.

    [3]               Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013, P7_TA(2010)0286.

    [4]               Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-"Sistemi tal-ikel lokali '"(opinjoni ta’ prospettiva), 2011/C 104/01.

    [5]               Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali (COM(2010)672) finali.

    [6]               Knefsey, M., Schmutz, U., Venn, L., Balint, B., Trenchard, E.: Katini Qosra tal-Provvista Alimentari u Sistemi tal-Ikel Lokali fl-UE. Il-Qagħda Bħalissa tal-Karatteristiċi Soċjo-Ekonomiċi tagħhom. L-Unjoni Ewropea, 2013.

    [7]               http://ec.europa.eu/agriculture/quality/reports/index_en.htm

    [8]               http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Farm_structure_survey_2007

    [9]               Local Government Regulation, Buying food with geographical descriptions – How ‘local’ is ‘local’?, 2011.

    [10]             Les chiffres de la consommation responsable, édition 2010, li jinsab hawn: http://www.mescoursespourlaplanete.com/medias/pdf/RapportwebVF-2010.pdf

    [11]             Il-proġett IMPACT: L-impatt soċjoekonomiku tal-politiki għall-iżvilupp rurali: ir-realtajiet u l-potenzjal (CT-4288), ir-raba' 4 programm Qafas FAIR, 2002 L-Istati Membri kkonċernati huma l-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u Franza.

    [12]             EU Rural Review, 12 (2012), IMPACT 11-12.

    [13]             Il-qafas tal-ħames assi kapitali qed jeżamina l-impatt fuq il-kapital uman, finanzjarju, fiżiku, soċjali u naturali.

    [14]             FAO Policy Brief 2011: The case for energy–smart food systems, 2011, li jinsab f' : http://www.fao.org/docrep/014/i2456e/i2456e00.pdf.

    [15]             Jones, A.: An environmental assessment of Food Supply Chains: a case study on dessert apples, in: Environmental Management, Vol. 30, 4 (2002), p. 560–576.            

    [16]             Saunders, S.; Barber, A.; Taylor, G.: Food miles- Comparative energy/emissions performance of New Zealand’s agriculture industry, Research Report, 2006 (285).

    [17]             Aranda, A.; Scarpellini, S.; Zabalza, I.; Valero Capelli, A.: An analysis of the present food's transport       model based on a case study carried out in Spain. 6th International Conference on LCA in the Agrifood sector,   Zurich, 2008, p. 12-14.

    [18]             Sundkvist, A., Jansson A., Larsson, P.: Strengths and limitations of localizing food production as a sustainability building strategy — an analysis of bread production on the island of Gotland, Sweden, in: Ecological Economics, 37 (2001), p. 217–227.

    [19]             Coley, D., Howard, M., Winter, M.: Local food, food miles and carbon emissions: a comparison of                 farm shop and mass distribution approaches, in: Food Policy, 34 (2009), p. 150–155.

    [20]             Hall, K. D., Guo, J., Dore, M., Chow, C. C.: The progressive increase of food waste in America and its   environmental impact, in: PLoS ONE, Vol 4, 11 (2009).

    [21]             Gustavsson, J., Cederberg, C., Sonesson, U.: Global food losses and food waste. Extent, causes and  prevention, FAO, 2011.

    [22]             Hall, K. D., Guo, J., Dore, M., Chow, C. C.: The progressive increase of food waste in America and its   environmental impact, in: PLoS ONE, Vol 4, 11 (2009).

    [23]             Parfitt, J., Macnaughton, S. Food waste within food supply chains: quantification and potential for change to 2050, in: Philosophical Transactions of the Royal Society: Biology, 365 (2010), p. 3065–3081.

    [24]             Kummissjoni Ewropea: Preparatory study on food waste across the EU 27, 2010, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/eussd/pdf/bio_foodwaste_report.pdf

    [25]             Stħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali: X’jaħsbu l-Ewropej dwar is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità tal-ikel u l-kampanja, 389, 2012.

    [26]             Ewrobarometru Speċjali: Consumer Empowerment, 342, 2011.

    [27]             http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/market_studies/docs/mms_follow-up_study_2012_en.pdf

    [28]             Inħoloq grupp ta’ ħidma taħt l-awspiċi tal-grupp konsultattiv dwar il-kwalità tal-produzzjoni agrikola.

    [29]             Politika tal-kwalità tal-prodotti agrikoli: Valutazzjoni tal-impatt l-Anness A (II): L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, 2009, u li jinsabu f': http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/com2009_234/ia_annex_a2_en.pdf

    ANNESS

    Il-kwistjonijiet proposti li għandhom jiġu indirizzati fil-qafas ta’ diskussjonijiet dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar jekk għandux ikun hemm skema ta’ tikkettar għall-biedja lokali u l-bejgħ dirett:

    – Jidher li xi strumenti fis-seħħ fil-livell tal-UE biex jappoġġaw il-biedja lokali u l-bejgħ dirett ma ġewx implimentati b’mod konsistenti. Dawn l-istrumenti għadhom xierqa?

    – Il-partijiet interessati identifikaw ċerti regoli tal-UE — bħar regoli dwar l-iġene jew ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku — li jħossu li jfixklu l-iżvilupp tal-biedja lokali. Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tipprovdi flessibbiltà li mhix qiegħda tintuża bis-sħiħ. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu mal-Kummissjoni? Hemm ħtieġa għal speċifikazzjonijiet aktar ċari fil-livell tal-UE għal regoli dwar produzzjonijiet fuq skala żgħira?

    – Jeżistu diversi skemi ta’ tikkettar fil-livell nazzjonali/reġjonali li jappoġġaw il-biedja lokali. Tista' skema speċifika tal-UE tipprovdi valur miżjud għall-bdiewa u fl-istess ħin tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni, u b’hekk tgħin biex tnaqqas informazzjoni qarrieqa għall-konsumatur? Għandha din l-iskema ta’ tikkettar tinkludi simbolu/logo?

    – Ladarba l-użu ta’ skema ta’ tikkettar inevitabbilment tinvolvi l-ispejjeż, kif għandha skema tal-UE tiġi żviluppata b'tali mod li ma tkunx ta' piż għall-bdiewa, filwaqt li tipprovdi garanziji suffiċjenti għall-konsumaturi?

    Top