Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0864

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej

/* COM/2013/0864 final */

52013DC0864

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej /* COM/2013/0864 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej

Il-kuntest ta’ dan ir-Rapport

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 (ir-“Regolament”) jobbliga lill-Kummissjoni tressaq rapport kif ġej:

“Artikolu 10

Rapport u rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2013 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari l-kwalità tad-dejta trażmessa, il-metodi ta’ ġbir ta’ dejta, il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti, kif ukoll il-fattibbiltà u l-effikaċja ta’ dik l-istatistika.

Ir-rapport għandu, jekk adatt u b’kont meħud tas-sejbiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), jiġi akkumpanjat minn proposti:

- għall-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali, bħall-Infiq u d-Dħul għall-Protezzjoni Ambjentali (EPER)/Kontijiet ta’ Infiq għall-Protezzjoni Ambjentali (EPEA), is-Settur tal-Prodotti u s-Servizzi Ambjentali (EGSS); il-Kontijiet tal-Enerġija, it-Trasferimenti Relatati mal-Ambjent (sussidji), il-Kontijiet ta’ Nfiq għall-Użu u l-Ġestjoni tar-Riżorsi (RUMEA), il-Kontijiet tal-Ilma (kwantitattivi u kwalitattivi), il-Kontijiet tal-Iskart, il-Kontijiet tar-Riżorsi Forestali, il-Kontijiet tas-Servizzi tal-Ekosistemi, il-Kontijiet ta’ Ħażniet ta’ Materjal Mifruxin mal-Ekonomija Kollha (EW-MSA) u l-kejl ta’ materjal imħaffer mill-art u mhux użat (inkluża l-ħamrija);

- imfassla biex ikomplu jtejbu l-kwalità tad-dejta u l-metodi tal-ġbir ta’ dejta, biex b’hekk jittejbu l-kopertura u l-komparabbiltà tad-dejta u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-amministrazzjoni.”

Dan ir-Regolament kien l-ewwel Regolament tal-Unjoni dwar il-kontabbiltà ambjentali. Dan introduċa tliet moduli:

· il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja, li juru 14-il gass differenti minn 64 grupp tal-industrija u mid-djar;

· it-taxxi ambjentali, li jinqasmu f’erba’ tipi - it-taxxa fuq l-enerġija, it-trasport (minbarra l-fjuwil), it-tniġġis u r-riżorsi — li lkoll kemm huma jitqassmu f’64 grupp tal-industrija, djar u dawk li mhumiex residenti li jħallsu dawn it-taxxi;

· il-kontijiet tal-flussi tal-materjali għal 50 tip ta’ materjal, li juru l-estrazzjoni domestika, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. Imbagħad, għal kull tip ta’ materjal u għal kollha kemm huma, il-konsum domestiku tal-materjali jiġi kkalkulat billi l-estrazzjoni domestika tingħadd mal-importazzjonijiet u billi l-esportazzjonijiet jitnaqqsu minn dan l-ammont.

Dawn kienu t-tliet moduli li kienu l-iktar avvanzati mil-lat statistiku u huma jikkorrispondu għal ħtiġijiet importanti tal-politika ambjentali: l-emissjonijiet fl-arja u t-tibdil fil-klima, l-istrumenti ekonomiċi biex jiġi llimitat it-tniġġis u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Fiż-żmien meta dan l-ewwel Regolament kien ġie diskuss u mbagħad adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, l-utenti fil-Parlament u fid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kienu enfasizzaw li dawn l-ewwel tliet moduli kellhom jitqiesu bħala l-pass tal-bidu u li l-ħtiġijiet tal-politika b’rabta mal-kontabbiltà ambjentali kienu jmorru ferm lil hinn minnhom. Fil-fatt, fl-Artikolu 10 (mogħti hawn fuq) il-Parlament Ewropew kien daħħal lista ta’ moduli ġodda li jistgħu jkunu l-prijoritajiet għall-iżvilupp fil-ġejjieni.

Ir-Regolament stabbilixxa l-31 ta’ Diċembru 2013 bħala d-data għas-sottomissjoni ta’ dan l-ewwel rapport, li, meta wieħed jikkalkula ż-żmien meħtieġ biex dan jiġi adottat, jiġi tradott u jgħaddi minn proċessi oħra, ifisser li r-rapport kellu jitfassal fi żmien meta l-ewwel dejta mogħtija skont ir-Regolament kien għadha mhijiex disponibbli. Valutazzjoni xierqa tal-kwalità tad-dejta, tal-metodi tal-ġbir tad-dejta, eċċ. se ssir fil-bidu tal-2014.

It-trażmissjoni tad-dejta għall-ewwel tliet moduli hija tajba u qed titjieb

L-ewwel trażmissjoni formali tad-dejta skont ir-Regolament għandha ssir fit-30 ta’ Settembru 2013 għall-moduli dwar l-emissjonijiet fl-arja u t-taxxi marbutin mal-ambjent u fil-31 ta’ Diċembru 2013 għal kontijiet tal-flussi tal-materjali mifruxin mal-ekonomija kollha. Għalhekk, fi ħdan l-iskadenzi għal dan ir-rapport, mhux possibbli li nikkummentaw fid-dettall dwar il-kwalità ta’ dik id-dejta.

Barra minn hekk, sitt Stati Membri (Spanja, Franza, Ċipru, Malta, l-Awstrija u l-Polonja) ingħataw derogi parzjali jew totali li jippermettulhom jibagħtu dik id-dejta sa sentejn wara l-iskadenzi msemmija (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/691/UE tas-6 ta’ Novembru 2012, ĠU L 308, 8.11.2012, p. 23). Madankollu, għal xi wħud minn dawn il-pajjiżi l-progress kien aħjar milli mistenni u dan se jippermetti lil xi wħud minnhom jikkonformaw, bejn wieħed u ieħor, mar-rekwiżiti tar-Regolament.

Permezz tal-emenda rilevanti tal-Anness XXI tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, in-Norveġja u l-Islanda huma marbutin bir-rekwiżiti tar-Regolament, u l-Islanda għandha deroga ta’ sentejn, filwaqt li l-Liechtenstein ingħata eżenzjoni minnhom.

Meta kien qed jinkiteb dan ir-rapport, kien għadhom kemm għaddew id-dati formali ta’ skadenza biex tintbagħat id-dejta għall-ewwel ġbir tad-dejta fil-kuntest tar-Regolament jew kien għadhom m’għaddewx. Madankollu, bosta pajjiżi diġà bagħtu għadd kbir ta’ dejta minn rajhom: sa nofs l-2013, xi 20 pajjiż kienu bagħtu d-dejta kollha, jew kważi kollha, marbuta mat-taxxi ambjentali u mal-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja, u 24 pajjiż kienu bagħtu l-kontijiet tal-flussi tal-materjali. Il-kopertura (l-għadd ta’ pajjiżi u l-grad ta’ tlestija tat-tabelli individwali), il-puntwalità u l-affidabbiltà tjiebu b’mod progressiv u konsistenti.

L-Eurostat u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jaħdmu flimkien fi gruppi ta’ ħidma u task forces tematiċi speċjali biex jiżguraw livell għoli ta’ preċiżjoni tad-dejta u l-koerenza u l-komparabbiltà tagħha.

Ir-riżultati tal-ġbir volontarju tad-dejta huma ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-Eurostat u f’diversi pubblikazzjonijiet.

Valutazzjoni formali tal-kwalità fl-ewwel nofs tal-2014

Il-gruppi ta’ ħidma żviluppaw format għar-rapport tal-kwalità li l-Istati Membri huma mitluba jibagħtu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, u l-ewwel rapport se jsegwi l-ewwel kunsinna tad-dejta fi tmiem l-2013. Se jiġu koperti l-aspetti kollha tal-kwalità, jiġifieri l-puntwalità, il-komparabbiltà, l-aċċessibbiltà, iċ-ċarezza, il-koerenza, il-kompletezza u l-affidabbiltà. Ir-rapport se jkun fih ukoll deskrizzjoni strutturata tas-sorsi u l-metodi li ntużaw biex tiġi kkompilata d-dejta. Fir-rebbiegħa tal-2014 se jsiru diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar ir-rapport, li fuqhom se jissejjes pjan biex tkompli titjieb il-kwalità tad-dejta, fosthom il-komparabbiltà u l-puntwalità tad-dejta.

L-użi tad-dejta

Id-dejta dwar il-kontijiet ambjentali tintuża f’diversi applikazzjonijiet tal-politika, kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-livell tal-UE. Eżempju li huwa partikularment prominenti huwa l-konsum domestiku tal-materjali mill-kontijiet tal-flussi tal-materjali, li ġie adottat bħala l-indikatur ewlieni għall-inizjattiva ewlenija tal-istrateġija Ewropa 2020 imsejħa “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi”. Il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja jikkontribwixxu biex aħna nifhmu aħjar is-setturi ekonomiċi li huma responsabbli għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jwasslu għat-tibdil fil-klima, u t-taxxi ambjentali (speċjalment dawk fuq l-enerġija) huma strument ekonomiku importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jidħlu wkoll fl-indikaturi tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Din id-dejta hija rilevanti b’mod speċjali fil-kuntest ta’ politiki żviluppati fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 li għandhom l-għan li jilħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija filwaqt li jiżguraw tkabbir ekonomiku sostnut.

Id-dejta kollha li ntbagħtet tinsab f’diversi pubblikazzjonijiet u analiżi u wieħed jista’ jsibha wkoll fuq is-sit tal-internet tal-Eurostat li hija aċċessibbli għall-pubbliku: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/environmental_accounts/introduction.

F’dan is-sit tal-internet issib ukoll tagħrif dwar il-kuntest, manwali dwar il-metodoloġija u gwidi għall-kompilazzjoni, kif ukoll id-diversi pubblikazzjonijiet tad-dejta eżistenti. Madankollu, dawn it-tliet moduli jistgħu jkomplu jiġu promossi hekk kif isiru aktar stabbiliti, sabiex ikompli jiġi stimulat l-użu tagħhom mill-utenti li jista’ jkun li ma jkunux jafu bil-valur miżjud tagħhom. Minħabba li huma bbażati fuq settijiet tad-dejta eżistenti, mhux rari li l-utenti jużaw direttament id-dejta oriġinali, mingħajr ma jkunu jafu kompletament bil-vantaġġi tal-kontijiet ambjentali, b’mod partikulari l-possibbiltà li ssir analiżi ekonomika ambjentali integrata. Pereżempju, il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja għadhom relattivament mhux użati ħafna meta mqabbla mal-inventarji tal-gassijiet b’effett ta’ serra jew mad-dejta tal-emissjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila. Eżempju ieħor jista’ jkun it-taxxi marbutin mal-ambjent, li s-settijiet tad-dejta għalihom previsti fil-kuntest tar-Regolament jipprovdu aktar tqassim skont l-attività ekonomika li tkun qed tħallas it-taxxi, li huwa parametru miżjud utli għal analiżi fiskali ddettaljata. Għalhekk, għandhom isiru aktar sforzi biex jinfirex iktar l-użu tas-settijiet tad-dejta f’pubblikazzjonijiet fil-mira u f’avvenimenti tal-istatistika, hekk kif it-trażmissjoni tad-dejta ssir ħaġa ta’ rutina skont ir-Regolament u hekk kif, bil-mod il-mod, isiru disponibbli serje tad-dejta li jkunu sħaħ u għal perjodu itwal taż-żmien.

Ħafna mill-użu prattiku tad-dejta jsir fil-livell tal-UE u minn istituti speċjalizzati tar-riċerka. F’xi pajjiżi d-dejta donnha tintuża ħafna, iżda xi uffiċċji nazzjonali tal-istatistika oħrajn jirrappurtaw li l-gvernijiet nazzjonali tagħhom ftit li xejn jużawha din id-dejta u għalhekk għandu jitħeġġeġ l-użu iktar mifrux tagħha. L-użu tad-dejta mistenni jiżdied hekk kif titjieb il-kopertura f’termini tal-għadd ta’ pajjiżi u tat-tul ta’ żmien tas-serje tad-dejta li jkunu disponibbli għall-analizi tax-xejriet.

Il-kontijiet ambjentali qed jiġu żviluppati wkoll fil-livell internazzjonali

Il-kontijiet ambjentali meħtieġa fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament huma mfasslin bħala “kontijiet satellita” għall-kontijiet nazzjonali konvenzjonali: is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali u s-sistema internazzjonali tal-kontijiet nazzjonali. It-tliet kontijiet/moduli li fih l-ewwel Regolament huma inklużi wkoll fis-sistema internazzjonali tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali (SEEA) li ġiet adottat bħala standard internazzjonali tal-istatistika mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istatistika f’Marzu tal-2012 (bl-appoġġ tan-NU, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-OECD, tal-Bank Dinji, tal-FMI u tal-FAO u b’pubblikazzjoni min-naħa tagħhom). L-Eurostat u diversi pajjiżi tal-UE taw kontribut kbir għall-abbozzar tas-SEEA.

L-istrateġiji ta’ tkabbir ekoloġiku tal-OECD u tal-UNEP u l-inizjattivi tal-Bank Dinji fil-qasam tal-kontabbiltà tal-kapital naturali wkoll qed imexxu ’l quddiem aspetti ewlenin ta’ dawn il-kontijiet.

Il-piż amministrattiv huwa żgħir

Biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dejta mogħtija fir-Regolament, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-pajjiżi differenti jistgħu jużaw id-dejta bażika eżistenti u mbagħad jadattawha għall-klassifiki tal-kontijiet nazzjonali.

Pereżempju, il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja jissejsu fuq ix-xogħol li diġà sar għall-inventarji tal-emissjonijiet fl-arja, li huma meħtieġa għar-rappurtar fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-NU/KEE dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila. Il-kontijiet ambjentali mbagħad iwessgħu dawk l-inventarji sabiex dawn jidħlu fil-klassifiki u l-kunċetti tat-tabelli dwar id-dħul u l-ħruġ tal-kontijiet nazzjonali, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu allinjati mal-istatistika dwar is-setturi industrijali u s-setturi tas-servizzi tal-ekonomija.

It-taxxi ambjentali huma identifikati fil-lista ta’ taxxi nazzjonali li l-pajjiżi diġà bagħtu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat).

Għall-kontijiet tal-flussi tal-materjali, id-dejta dwar l-estrazzjoni domestika tittieħed mill-istatistika dwar l-agrikoltura (għall-produzzjoni tal-bijomassa), mid-dejta dwar il-minjieri u l-barrieri tal-minerali, mill-istatistika dwar l-enerġija għall-materjali tal-enerġija fossili u mill-istatistika dwar il-kummerċ estern għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

Billi terġa’ tintuża d-dejta eżistenti, il-piż addizzjonali tar-rispons fuq l-intrapriżi huwa żgħir ħafna. Il-piż tax-xogħol jaqa’ l-iktar fuq l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, li jridu jipproċessaw id-dejta eżistenti u jtejbu l-utilità analitika tad-dejta bażika billi jallinjawha mal-kunċetti u l-klassifiki tal-kontijiet nazzjonali. F’ħafna pajjiżi, tipikament dan jirrappreżenta madwar żewġ persuni impjegati full-time għall-ewwel tliet moduli. Huwa essenzjali li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati moduli ġodda u biex tkun tista’ tinżamm u tkompli tittejjeb il-kwalità tal-kontijiet ambjentali.

L-Eurostat jgħin lill-pajjiżi jimplimentaw l-ewwel tliet moduli

L-Eurostat kien qed jgħin lill-Istati Membri li kellhom bżonn l-għajnuna biex jimplimentaw l-ewwel tliet moduli b’diversi modi, fosthom permezz ta’:

· għotjiet għal studji pilota;

· l-iffaċilitar tal-qsim tal-esperjenza bejn il-pajjiżi;

· korsijiet tat-taħriġ fil-kuntest tal-programm tat-taħriġ għall-Ewropej li jaħdmu fil-qasam tal-istatistika;

· manwali; u

· l-allinjament u s-simplifikazzjoni tal-mod kif id-dejta se tintbagħat lill-Eurostat għall-ewwel tliet moduli.

Ġew proposti tliet moduli oħra

L-Eurostat u l-Istati Membri komplew jiżviluppaw moduli ġodda fil-gruppi ta’ ħidma tal-istatistika. Fl-2011 sal-2012 ġew żviluppati l-metodoloġiji u twettqu testijiet pilota, b’mod partikulari fejn jidħlu l-ewwel tliet moduli msemmija fl-Artikolu 10, jiġifieri l-infiq għall-ħarsien ambjentali, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali u l-kontijiet tal-flussi tal-enerġija fiżika. Dawn tqiesu li kienu l-aktar avvanzati mil-lat kunċettwali u għalihom diġà teżisti l-istatistika bażika meħtieġa. Anki fil-każ ta’ dawn il-moduli l-ġodda, il-piż tar-rispons fuq l-intrapriżi u l-familji hu kważi ineżistenti, jekk mhux ineżistenti għal kollox, u x-xogħol se jitwettaq minflok mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, li jridu jallinjaw u jaġġustaw id-dejta li nġabret diġà għal skopijiet oħrajn (għall-istatistika jew għal raġunijiet amministrattivi). Il-moduli l-ġodda jikkorrispondu wkoll mal-prijoritajiet tal-politika tal-UE tat-tkabbir ekoloġiku u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Il-Kummissjoni (permezz tal-Eurostat) qed tgħin lill-pajjiżi jħejju ruħhom għat-tliet moduli l-ġodda permezz ta’ għotjiet, il-qsim tal-esperjenza, manwali, eċċ. bħalma għamlet fis-snin li għaddew għall-ewwel tliet moduli. Pereżempju, bl-appoġġ ta’ għotjiet ta’ dan it-tip, saru testijiet pilota dwar il-modulu tal-infiq għall-ħarsien ambjentali f’20 Stat Membru mill-2001 ’l hawn, saru studji pilota dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali fi 12-il Stat Membru u saru testijiet dwar il-kontijiet tal-enerġija fi 12-il Stat Membru. Barra minn hekk, xi pajjiżi wettqu studji pilota mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE. In-Norveġja u l-Isvizzera wkoll ħadu sehem b’mod attiv u qasmu l-esperjenzi tagħhom. B’kollox teżisti esperjenza sinifikanti fejn jidħlu dawn il-moduli u l-Istati Membri qasmu din l-esperjenza ma’ xulxin fil-laqgħat tekniċi li saru. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, dan tqies u b’hekk fis-7 ta’ Frar 2013 il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika seta’ jagħti opinjoni pożittiva dwar l-abbozz tar-Regolament. Katalgu tal-istudji pilota huwa disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Eurostat li ġej:

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/environmental_accounts/introduction.

Abbażi ta’ dan, fit-2 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament ta’ emenda (COM(2013)247) sabiex iżżid dawn it-tliet moduli mal-ewwel Regolament. Fi tmiem l-2013, id-diskussjonijiet dwar l-abbozz tar-Regolament ta’ emenda kienu mexjin ’il quddiem tajjeb fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew.

Qed jitħejjew aktar moduli

Qiegħed ikompli wkoll ix-xogħol fuq ħafna mill-kontijiet l-oħra mniżżlin fl-Artikolu 10, jiġifieri fuq:

· it-trasferimenti relatati mal-ambjent (sussidji), li għalihom task force magħmula minn Stati Membri bl-esperjenza qed tiżviluppa qafas għall-ġbir tad-dejta;

· il-kontijiet ta’ nfiq għall-użu u l-ġestjoni tar-riżorsi (RUMEA), li għalihom l-enfasi kienet fuq l-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riżorsi flimkien mal-implimentazzjoni tal-modulu l-ġdid dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali (EGSS);

· il-kontijiet tal-flussi tal-ilma, li għalihom ix-xogħol konċettwali mexa ’l quddiem, iżda huwa mxekkel min-nuqqas ta’ dejta bażika;

· il-kontijiet tar-riżorsi forestali, permezz tal-iżvilupp ta’ kontabbiltà ekonomika u ambjentali integrata għall-foresti li tkun konsistenti mas-SEEA.

Dawn huma kandidati potenzjali għat-tielet “lott” ta’ moduli.

Dawn il-moduli potenzjali kollha kienu jiffurmaw parti mill-Istrateġija Ewropea għall-kontabbiltà ambjentali li l-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika, li huwa magħmul mill-kapijiet ta’ kull uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, adotta fl-2008. Dal-ħin, din l-Istrateġija Ewropea għall-kontabbiltà ambjentali tal-2008 qed tiġi aġġornata sabiex tkun tirrifletti l-adozzjoni tal-ewwel Regolament u l-bidu tat-tieni wieħed, kif ukoll sabiex jitqiesu mill-ġdid il-ħtiġijiet il-ġodda tal-politika. L-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri dal-ħin ma jixtiqux jaċċettaw wisq aktar moduli minħabba t-tnaqqis fil-baġit u n-nuqqas ta’ persunal. Minflok, huma jirrakkomandaw li l-ewwel tingħata attenzjoni lit-titjib tal-kwalità u lill-promozzjoni tal-użu tal-ewwel tliet moduli u t-tieni tliet moduli.

Mil-lat politiku, hemm domanda qawwija għall-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistemi u l-bijodiversità, iżda mil-lat tal-kejl dawn għadhom fi stadju bikri ħafna ta’ żvilupp u riċerka innovattivi li jeħtieġu timijiet b’esperti minn dixxiplini differenti, fosthom bijologi, speċjalisti ambjentali, kartografi u esperti mill-qasam tal-istatistika. Għal din ir-raġuni, qed jitqies li jkun aħjar li din l-inizjattiva titħalla f’idejn l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Ir-rwol tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika f’dan l-istadju se jkun l-iktar li jipprovdu d-dejta bażika - bħad-dejta dwar il-produzzjoni agrikola u dwar l-użu tal-art (LUCAS) u l-istatistika reġjonali, kif ukoll li jipprovdu pariri dwar kwistjonijiet marbutin mal-istatistika meta jkun hemm bżonn.

Hemm bżonn ta’ aktar puntwalità

Talba ġdida oħra li ħarġet min-naħa tal-utenti hija li jkun hemm iktar puntwalità. L-ewwel tliet moduli kienu maħsubin bħala dejta strutturali pjuttost iddettaljata sabiex jiġu analizzati l-interazzjonijiet reċiproki bejn l-ekonomija u l-ambjent fl-oqsma magħżulin koperti mill-ewwel Regolament. Wara l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew, l-eżerċizzju ta’ ppjanar tal-politika ekonomika u fiskali tal-Unjoni, hemm ix-xewqa li l-aspetti ambjentali jiddaħħlu fih flimkien mad-dejta ekonomika konvenzjonali, bħall-PDG. L-Eurostat qed jaħdem mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika biex jara kif dawn il-kontijiet ambjentali jistgħu jiġu kkompilati qabel. Sar progress kbir kemm fil-pajjiżi u kemm fl-Eurostat biex il-kontijiet jiġu kkompilati u pproċessati aktar malajr. Madankollu, dan x’aktarx li mhux se jwassal għal-livell ta’ puntwalità meħtieġ għas-Semestru Ewropew. Għalhekk, l-Eurostat qed jeżamina wkoll modi biex jagħmel stimi ta’ malajr ħafna qabel għal xi indikaturi ewlenin (pereżempju l-istimi tal-emissjonijiet tas-CO2 fi żmien t+4 xhur ikkalkulati mill-istatistika ta’ kull xahar tal-Eurostat dwar l-użu tal-enerġija).

It-triq ’il quddiem

Il-Kummissjoni (permezz tal-Eurostat) se tiċċekkja bir-reqqa l-kwalità tad-dejta li waslet għall-ewwel tliet moduli fi tmiem l-2013 u se tissuġġerixxi titjib għall-pajjiżi individwali jew għall-metodoloġija kollha, fejn ikun hemm bżonn.

Fl-2014 se jkomplu għaddejjin id-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill dwar it-tieni “lott” ta’ moduli. L-esperti mill-qasam tal-istatistika se jkompli jħejju għall-implimentazzjoni prattika ta’ dawn it-tliet moduli oħrajn.

L-Istrateġija Ewropea għall-kontijiet ambjentali se tiġi riveduta b’kollaborazzjoni mal-gruppi tal-utenti ewlenin u mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika. Din l-Istrateġija Ewropea l-ġdida għall-kontabbiltà ambjentali għandha titlesta sa nofs l-2014.

Il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw aktar viżibbiltà u użu akbar tar-riżultati tal-kontijiet ambjentali.

Top